Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawża C-565/11

Mariana Irimie

vs

Administraţia Finanţelor Publice Sibiu,

Administraţia Fondului pentru Mediu

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Sibiu (ir-Rumanija)]

“Ħlas lura tat-taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-interessi li għandhom jitħallsu mill-imsemmi Stat fuq it-taxxi mħallsa lura – Principji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Irimie u l-Administraţia Finanţelor Publice Sibiu (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Sibiu) u l-Administraţia Fondului pentru Mediu (l-Amministrazzjoni tal-Fondi għall-Ambjent), fejn M. Irimie talbet il-ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 110 TFUE, u l-ħlas tal-interessi legali mid-data tal-ħlas tal-imsemmija taxxa sa dik tal-ħlas lura effettiv tagħha.

2.        Meta rreġistrat vettura bil-mutur li kienet ġejja minn Stat Membru ieħor, M. Irimie kellha tħallas taxxa fuq it-tniġġis (2).

3.        Fis-sentenza tagħha Tatu (3) dwar it-taxxa inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 110 TFUE kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis li tiġi imposta fuq vetturi bil-mutur meta dawn jiġu rreġistrati għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru, jekk dik il-miżura fiskali tkun stabbilita b’tali mod li tiskoraġġixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma tiskoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati li jkollhom l-istess età u li jkunu fl-istess kundizzjoni fir-rigward tal-użu li jkun sar minnhom fis-suq nazzjonali.

4.        Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, imressqa fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2011, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi l-ħlas ta’ interessi fuq it-taxxa li għandha titħallas lura mill-għada tad-data tat-talba għal ħlas lura u mhux mid-data tal-ħlas tat-taxxa, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi b’mod partikolari jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, kif ukoll mad-dritt għall-proprjetà, iggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 6 TUE.

II – Il-kuntest ġuridiku Rumen

5.        Fl-ordinament ġuridiku Rumen, il-proċedura fiskali hija rregolata bid-Digriet tal-Gvern Nru 92 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali (Ordonanţa Guvernului nr. 92 privind Codul de procedură fiscală), tal-24 ta’ Diċembru 2003, (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 513, tal-31 ta’ Lulju 2007), kif emendat u kkompletat sussegwentement (iktar ’il quddiem l-“OG Nru 92/2003”).

6.        Wara talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2012, il-qorti tar-rinviju qalet li skont l-Artikolu 124 tal-OG Nru 92/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 70 ta’ dan tal-aħħar, l-interessi fuq is-somom li għandhom jitħallsu lura minn fondi pubbliċi jingħataw mill-għada tad-data tat-talba għal ħlas lura. Hija ppreċiżat li l-ġurisprudenza nazzjonali hija stabbilita u ċara fuq dan il-punt.

7.        Il-qorti tar-rinviju qalet ukoll, wara dik it-talba għal kjarifiki, li wara l-proċedura ġudizzjarja pendenti quddiemha, u anki li kieku din kienet ippreċeduta minn proċedura amministrattiva, ma kienx possibbli li l-persuna taxxabbli tagħti bidu għal proċedura ġudizzjarja oħra sabiex titlob il-bqija tal-interessi, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-perijodu ta’ bejn il-ħlas tat-taxxa illegali u t-talba għal ħlas lura.

III – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

8.        F’Diċembru 2007, M. Irimie xtrat vettura bil-mutur irreġistrata fil-Ġermanja (4). Hija resqet quddiem l-awtoritajiet Rumeni għall-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fir-Rumanija f’Settembru 2008 u ħallset is-somma ta’ RON 6 707 bħala taxxa fuq it-tniġġis.

9.        B’att tal-31 ta’ Awwissu 2009, iċċarat fl-10 ta’ Diċembru 2009 u fis-7 ta’ Lulju 2011, M. Irimie tat bidu għal proċedura quddiem it-Tribunalul Sibiu (ir-Rumanija) kontra l-Administraţia Finanţelor Publice Sibiu u l-Administraţia Fondului pentru Mediu, sabiex dawn jiġu kkundannati, min-naħa l-waħda, iħallsuha lura s-somma li hija kienet ħallset bħala taxxa fuq it-tniġġis u, mill-oħra, iħallsuha l-interessi legali relatati ma’ dik it-taxxa mid-data meta din ġiet imħallsa.

10.      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-deċiżjoni dwar it-talba għal ħlas lura tas-somma mħallsa bħala taxxa fuq it-tniġġis ma għandhiex tqajjem problemi kbar fid-dawl tas-sentenza Tatu (5), iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, fir-rigward tat-talba għal ħlas lura tal-interessi legali kollha relatati ma’ dik it-taxxa, ikkalkulati mid-data tal-ħlas tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ma huwiex possibbli li din tintlaqa’ minħabba d-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 124 u 70 tal-OG Nru 92/2003 li jipprovdu li l-interessi fuq is-somom li għandhom jitħallsu lura minn fondi pubbliċi jingħataw biss mill-għada tad-data tat-talba għal ħlas lura.

11.      Il-qorti tar-rinviju qed tiddubita kemm tali regola hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità tal-kawżi għall-kumpens li l-individwi għandhom id-dritt li jressqu wara ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mad-dritt għall-proprjetà stabbilit mill-Artikolu 17 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 6 TUE.

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Sibiu ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[Il-prinċipji] ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità tal-azzjonijiet għall-kumpens għal ksur tad-dritt [tal-Unjoni] miġrub [imġarrab] minn individwi minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li ma hijiex konformi mad-dritt [tal-Unjoni], [prinċipji li jirriżultaw] mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mid-dritt ta’ proprjetà stabbilit bl-Artikolu 6 [TUE] u bl-Artikolu 17 tal-[Karta], [jistgħu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu] dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jillimitaw l-ammont tal-kumpens li jista’ jinkiseb mill-individwu li d-dritt tiegħu jkun ġie miksur?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      M. Irimie, ir-Rumanija, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. M. Irimie, ir-Rumanija, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2012.

14.      M. Irimie tosserva li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-ammont tad-dannu (minn lucrum cessans), li l-kumpens kollu għalih huwa dovut lill-individwu li jkun ħallas taxxa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, billi tagħti l-interessi biss minn meta tkun tressqet it-talba għal ħlas lura u mhux minn meta tkun tħallset it-taxxa illeċita.

15.      Ir-Rumanija tosserva li l-leġiżlazzjoni Rumena tippermetti li jingħata kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab mill-persuni taxxabbli li jkunu ġew obbligati jħallsu taxxa li sussegwentement ġiet iddikjarata bħala illegali. Barra minn hekk, skont ir-Rumanija, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-modalitajiet kif jingħataw l-interessi bħala kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi bil-ħlas ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità tar-rimedji.

16.      Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, fil-prinċipju, dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jillimitaw jew l-ammont tal-kumpens għad-dannu li jista’ jinkiseb mill-individwu li d-dritt tiegħu jkun inkiser, jew l-ammont li għandu jitħallaslu lura minħabba ħlas indebitu. Skont ir-Renju ta’ Spanja, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ effettività biss jekk il-ħlas tal-interessi jkun ta’ ammont daqshekk ċkejken li dan jillimita konsiderevolment, “jiżvojta wisq mis-sustanza tiegħu” jew inaqqas għal xejn id-dritt għall-ħlas tal-interessi. Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-ħlas tal-interessi minn meta titressaq it-talba għal ħlas lura tat-taxxa illegali ma jiżvojtax l-imsemmi dritt mis-sustanza tiegħu.

17.      Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li għandu jkun l-Istat Membru li jippreċiża l-modalitajiet tal-ammont li għandu tabilħaqq dritt għalih l-individwu minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn il-modalitajiet ma jwasslux għal tnaqqis sostanzjali tal-ammont li l-individwu għandu dritt għalih u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ostakolu għall-eżerċizzju ta’ dan l-istess dritt.

18.      Skont il-Kummissjoni, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, bħal dan il-każ, tillmita b’mod konsiderevoli d-dritt tal-persuna taxxabbli li tirkupra t-telf li jirrappreżenta n-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-somma miġbura b’mod illegali ma tosservax il-prinċipju ta’ effettività.

V –    Analiżi

19.      Qabel xejn, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti klassifikazzjoni ġuridika tar-rikors imressaq minn M. Irimie quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għandha tispeċifika n-natura u l-bażi tar-rikors tagħha (talba għal ħlas lura jew kawża għall-kumpens għal dannu) taħt il-kontroll tal-qorti tar-rinviju (6).

20.      Mid-diċitura tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jista’ jirriżulta li l-azzjoni mressqa minn M. Irimie, quddiem dik il-qorti, tikkonsisti f’kawża għall-kumpens għal dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, bla ħsara għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju u skont il-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li r-rikors ippreżentat minn M. Irimie quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwarda l-ħlas lura ta’ taxxa indebitament miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 110 TFUE (7), kif ukoll il-ħlas tal-interessi legali għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas tal-imsemmija taxxa u dak tal-ħlas lura effettiv tagħha.

21.      Skont ġurisprudenza li ilha stabbilita, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali li ma jkunux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ dawn it-taxxi jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-Istat Membru huwa obbligat (8) jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’dan id-dritt għal rimbors ikun dritt suġġettiv li jirriżulta mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (9).

22.      Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jinnomina, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, il-qrati kompetenti u jirregola r-regoli proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet li għandhom l-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa, dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, sakemm ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (10). Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża fil-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri jħalli lill-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru l-kompetenza ħalli jiddetermina r-regoli proċedurali intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet li għandhom l-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni, dan ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-kontenut ta’ dawn id-drittijiet jiġi ristrett jew ippreġudikat.

23.      Filwaqt li l-prinċipju tar-rimbors ta’ taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni huwa stabbilit, l-obbligu ta’ Stat Membru, li jkun ġabar taxxa bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jħallas l-interessi fuq is-somma prinċipali li għandha titħallas lura qajjem xi mistoqsijiet.

24.      Huwa b’hekk li, fis-sentenza Ansaldo Energia et (11), il-ħlas tal-interessi seta’ jiġi kkunsidrat bħala kwistjoni aċċessorja għar-rimbors ta’ taxxi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li kellhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali li jirregolaw dik il-kwistjoni, billi japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-rata tal-interessi u dwar id-data li minnha għandhom jiġu kkalkulati l-interessi.

25.      Dan il-kunċett jista’ jinftiehem bħala li essenzjalment iħalli għad-dritt nazzjonali l-kwistjoni mhux biss tal-metodi kif jiġu kkalkulati l-interessi fuq it-taxxi li għandhom jiġu rimborsati, imma anki l-kwistjoni tal-istess dritt tal-persuna taxxabbli li tieħu dawn l-interessi.

26.      Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Metallgesellschaft et tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, irrepetiet fil-punt 86 li l-ħlas “eventwali” (12) tal-interessi fuq it-taxxi indebitament miġbura kienet kwistjoni aċċessorja, madankollu, fir-rigward ta’ dak il-każ, hija kkonstatat li t-talba għall-ħlas ta’ interessi li kienu jkopru t-telf tal-użu tal-ammonti mħallsa bi ksur tad-dritt Komunitarju ma kinitx aċċessorja imma kienet tikkostitwixxi s-suġġett stess tal-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur tad-dritt Komunitarju inkwistjoni ma kienx jirriżulta mill-ħlas tat-taxxa nfisha iżda mill-fatt li din tħallset qabel il-waqt (13). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti tal-interessi kien jirrappreżenta r-“rifużjoni [rimbors]” ta’ dak li tħallas indebitament u deher indispensabbli sabiex jiġu osservati r-regoli tat-Trattat. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kellhom dritt, b’mod partikolari, għall-ħlas lura tal-interessi fuq is-somom imħallsa matul il-perjodu bejn il-ħlas antiċipat tat-taxxa u d-data meta din kellha titħallas.

27.      Ċertament, wieħed jista’ jikkonċepixxi li s-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, tiġi limitata għall-fatti speċifiċi ta’ dawk il-kawżi u b’hekk għall-ħlas antiċipat ta’ taxxa. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (14) b’mod iktar ġenerali fir-rigward tal-ħlas ta’ taxxi diskriminatorji (15), li peress li Stat Membru ġabar taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju, l-individwi kellhom dritt għal rimbors mhux biss tat-taxxa indebitament miġbura imma anki tal-ammonti mħallsa lil dak l-Istat jew li nżammu minnu b’rabta diretta ma’ dik it-taxxa.

28.      Barra minn hekk, fis-sentenza reċenti tagħha Littlewoods Retail et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-ġurisprudenza tagħha Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tagħha Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-Istati Membri kienu obbligati jħallsu lura, bl-interessi, l-ammonti ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (16). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, jekk huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jipprovdi għall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitħallsu tali interessi, fejn semmiet ir-rata u l-metodu kif jiġu kkalkulati dawn l-interessi, ir-regoli nazzjonali ma jistgħux iċaħħdu lill-persuna taxxabbli minn kumpens xieraq minħabba t-telf ikkawżat mill-ħlas indebitu tat-taxxa (17).

29.      Id-dritt għal interessi li jirrappreżentaw kumpens xieraq minħabba t-telf ikkawżat mill-ħlas indebitu tat-taxxa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni qiegħed, fil-fehma tiegħi, sussegwentement għas-sentenza Littlewoods Retail et, iċċitata iktar ’il fuq, fuq l-istess livell (18) tad-dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa u, konsegwentement, jikkostitwixxi dritt suġġettiv li jirriżulta mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (19). Dan id-dritt suġġettiv jimplika bilfors, fil-fehma tiegħi, il-ħlas tal-interessi mid-data meta tħallset dik it-taxxa. Jidher ċar li huwa minn dik id-data, u mhux minn kwalunkwe data oħra sussegwenti, li l-persuna taxxabbli jġarrab telf ikkostitwit min-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-somom ta’ flus inkwistjoni.

30.      Mill-bqija, huwa magħruf li l-persuni taxxabbli li ma jħallsux it-taxxi huma fil-prinċipju, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, obbligati jħallsu lit-Teżor tal-Istati Membri t-taxxi mhux imħallsa, l-interessi fuq dawn it-taxxi mid-data ta’ skadenza tagħhom kif ukoll penalitajiet moratorji u/jew multi (20).

31.      B’mod għalkollox sussidjarju, fil-każ li t-talba ta’ M. Irimie fil-kawża prinċipali tammonta għal kawża għall-kumpens għal dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Membru, il-kwistjoni tkun jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-ksur tal-Artikolu 110 TFUE minn Stat Membru jagħtix lok biex il-persuni taxxabbli jkollhom dritt għall-ħlas ta’ danni daqs, mhux biss, it-taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imma wkoll tal-interessi legali li ddekorrew fuq dik it-taxxa mid-data meta tħallset.

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lil individwi permezz ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-istess Stat huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat (21). Mis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (22), jirriżulta li l-kumpens għad-danni kkawżati lil individwi pemezz ta’ ksur tad-dritt Komunitarju għandu jkun adegwat għad-dannu mġarrab, u kapaċi li jiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tad-dannu subit, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, ddeċidiet li kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab ma setax ma jikkunsidrax ċerti elementi, fosthom iż-żmien li jkun għadda, li jistgħu jnaqqsu l-valur tal-kumpens u li l-għoti ta’ interessi huwa komponent indispensabbli tal-kumpens (23). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (24), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-prinċipju ta’ effettività u mid-dritt tal-individwu li jitlob kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew minn aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jirriżulta li l-persuni li jkunu ġarrbu dannu għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mhux biss għad-dannu reali (damnum emergens) iżda wkoll għat-telf ta’ qligħ (lucrum cessans), kif ukoll il-ħlas tal-interessi.

33.      F’ċirkustanzi bħal dawk esposti fil-kawża prinċipali, l-għoti tal-interessi mid-data tal-ħlas tat-taxxa inkwistjoni naħseb li huwa indispensabbli għal kumpens xieraq għad-dannu kkawżat mill-ksur tal-Artikolu 110 TFUE, għaliex huwa minn dik id-data li l-persuna taxxabbli ġarrbet telf ikkostitwit min-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-somom ta’ flus inkwistjoni.

34.      Fid-dawl tal-analiżi fil-punti 22 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nikkunsidra li ma hemmx għalfejn tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-limitazzjoni fid-dritt Rumen tal-ammont tad-dannu li tista’ tikseb M. Irimie mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, mad-dritt għall-proprjetà stabbilit mill-Artikolu 6 TUE jew mal-Artikolu 17 tal-Karta.

VI – Konklużjoni

35.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti r-risposta li ġejja lid-domanda preliminari magħmula mit-Tribunalul Sibiu:

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ ġbir minn Stat Membru ta’ taxxa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ mal-Artikolu 110 TFUE, dak l-Istat huwa obbligat iħallas lura l-ammont ta’ dik it-taxxa u jħallas l-interessi fuq l-ammont tat-taxxa mid-data meta din tħallset mill-persuna taxxabbli.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Fiż-żmien li seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 50/2008 li jistabbilixxi t-taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur (Ordonanţă de Urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule), tal-21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 327, tal-25 ta’ April 2008), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, kien jistabbilixxi, fl-Artikolu 3 tiegħu, taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi tal-Kategoriji Ml sa M3 u N1 sa N3.


3–      Sentenza tas-7 ta’ April 2011 (C-402/09, Ġabra p. I-2711).


4 – Il-vettura ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fil-Ġermanja, fit-23 ta’ Marzu 1999.


5 – Il-qorti tar-rinviju tiċċita wkoll il-ġurisprudenza li tikkonferma dik is-sentenza, b’mod partikolari d-digrieti tat-8 ta’ April 2011, Obreja u Darmi (C-136/10 u C-178/10, Ijac (C-336/10); Sfichi u Ilaş (C-29/11 u C-30/11); is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu (C-263/10); kif ukoll id-digrieti tat-13 ta’ Lulju 2011, Vijulan (C-335/10); Druţu (C-438/10), u Micşa (C-573/10). Din il-qorti ppreċiżat ukoll, wara talba għal kjarifiki tat-3 ta’ Lulju 2012, li mis-sentenza Tatu, ċċitata iktar ’il fuq, il-qrati nazzjonali qed jilqgħu r-rikorsi tal-persuni taxxabbli u qed jordnaw il-ħlas lura tat-taxxa u l-għoti tal-interessi mill-għada tad-data tat-talba għal ħlas lura.


6 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 81); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 201) kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 109).


7 – Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 110 TFUE huwa direttament applikabbli. Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 1982, Pabst & Richarz (17/81, Ġabra p. 1331). Għaldaqstant, l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, għandhom jiżguraw irwieħhom li dan jiġi osservat.


8–      Peress li r-rifjut ta’ rimbors ta’ taxxa indebitament imposta huwa limitazzjoni għal dritt suġġettiv li jirriżulta mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Ir-riperkussjoni diretta tat-taxxa indebita fuq ix-xerrej, inkwantu tikkostitwixxi għall-persuna taxxabbli arrikiment indebitu, hija l-unika eċċezzjoni għad-dritt għar-rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et (C-398/09, Ġabra p. I-7375, punt 20). F’dan ir-rigward, fil-punt 21 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet il-ġurisprudenza tagħha, jiġifieri li anki fl-ipoteżi li jkun stabbilit li l-impożizzjoni tat-taxxa indebita tkun ittrasferita fuq terzi, ir-rimbors tagħha lin-negozjant ma jwassalx neċessarjament għall-arrikkiment indebitu ta’ dan tal-aħħar, peress li l-integrazzjoni tat-total tal-imsemmija taxxa fil-prezzijiet ipprattikati tista’ tikkawżalu dannu marbut mat-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ tiegħu.


9–      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et (C-591/10, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Metallgesellschaft et (punt 85) kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation (punt 203).


11 – Sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998 (C-279/96 sa C-281/96, Ġabra p. I-5025, punt 20). Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 61).


12 – Għandu jiġi nnotat li l-kelma “eventwali” ma tidhirx fil-verżjoni bl-Ingliż tas-sentenza f’din il-kawża, li l-lingwa tal-kawża tagħha kienet l-Ingliż.


13–      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ksur tad-dritt Komunitarju ma rriżultax mill-fatt li taxxa ġiet imposta fir-Renju Unit meta sar ħlas ta’ dividendi minn sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, iżda mill-fatt li s-sussidjarji residenti fir-Renju Unit ta’ kumpanniji parent li kellhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor ġew obbligati jħallsu din it-taxxa bil-quddiem filwaqt li s-sussidjarji residenti ta’ kumpanniji parent residenti kellhom il-possibbiltà li jevitaw dan l-obbligu (ara l-punt 83 tal-imsemmija sentenza).


14–      Ara wkoll, is-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 112).


15 – F’dan il-każ, ma kienx involut ħlas antiċipat ta’ taxxa imma inkompatibbiltà tat-taxxa mat-Trattat.


16–      Ara s-sentenza Littlewoods Retail et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 25 u 26).


17 – Għandu jiġi nnotat li mill-punt 8 tas-sentenza Littlewoods Retail et, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li d-data li minnha kellhom jiġu kkalkulati l-interessi, skont id-dritt Ingliż applikabbli f’dan il-każ, kienet id-data meta l-awtoritajiet fiskali Brittaniċi bbenefikaw mill-ħlas żejjed tal-VAT u li d-data li fiha dak il-kalkolu kellu jintemm kienet id-data meta l-imsemmija awtoritajiet kienu awtorizzaw ir-rimbors tal-ammont li fuqu kienu dovuti l-interessi. Nikkunsidra li l-fatt li fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, ma tissemmiex id-data li minnha għandhom jibdew jiġu kkalkulati l-interessi fost il-kundizzjonijiet li għandu jipprovdi għalihom l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru huwa ħjiel partikolarment sinjifikattiv. Fil-fehma tiegħi, din hija approvazzjoni taċita min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-perijodu li għalih kienu dovuti l-interessi skont id-dritt Ingliż u l-istabbiliment tad-dritt suġġettiv fuq livell ta’ interessi li jirrappreżenta kumpens xieraq għat-telf ikkawżat mill-ħlas indebitu tat-taxxa.


18 – Fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Littlewoods Retail et, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Trstenjak afferma li “il-persuna taxxabbli tgawdi [...] minn dritt għall-irkupru tat-taxxi kif minn dritt għall-ħlas tal-interessi. Dawn id-drittijiet tal-persuna taxxabbli huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE li jipprojbixxu t-taxxi imposti inkwistjoni”.


19–      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Littlewoods Retail et, iċċitata iktar ’il fuq, ma għamlet l-ebda riferiment għan-natura aċċessorja tal-kwistjoni tal-interessi.


20 – Il-penalitajiet moratorji u l-multi fil-qasam fiskali huma għodod ta’ koerċizjoni użati mill-Istati Membri fl-interess pubbliku sabiex jiżguraw irwieħhom mill-ħlas (f’waqtu) tat-taxxi dovuti mill-persuni taxxabbli.


21 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 35) kif ukoll tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C-178/94, C-179/94 u C-188/94 u C-190/94, Ġabra p. I-4845, punt 20).


22–      (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 82).


23–      Ara l-punt 94.


24–      (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punt 100).