Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ELEANOR SHARPSTON

ippreżentati fis-7 ta’ Frar 2013 (1)

Kawża C-6/12

P Oy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja)]

“Għajnuna mill-Istat – Vantaġġi fiskali – Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida – Sistema ta’ kontroll rilevanti u regoli proċedurali”





1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat, f’diversi okkażjonijiet, jekk miżuri fiskali nazzjonali jaqgħux fil-portata tal-projbizzjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-għajnuna mill-Istat (2). F’din il-kawża, il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema) (il-Finlandja) tistaqsi dwar jekk ir-regoli nazzjonali li jirregolaw jekk kumpanniji jistgħux jittrasferixxu għas-snin ta’ wara u jpaċu t-telf subit matul perijodu fiskali partikolari mill-qligħ iġġenerat matul snin sussegwenti humiex selettivi għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (3).

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

 Is-sistemi ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istati Membri

 Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat

2.        Skont l-Artikolu 3(1)(b) TFUE, l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea jinkludu l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern. L-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi li, sa fejn taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għajnuna mogħtija jew mill-Istati Membri jew tramite riżorsi tal-Istat, li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, hija inkompatibbli mas-suq intern (4).

3.        Sabiex jiggarantixxi l-effikaċità ta’ din il-projbizzjoni, l-Artikolu 108 TFUE jeżiġi li l-Kummissjoni tikkontrolla l-għajnuna u jeżiġi li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni f’dan il-kompitu. Fejn il-Kummissjoni tqis li għajnuna mogħtija minn Stat jew tramite riżorsi tal-Istat tista’ ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, hija għandha tibda l-proċedura prevista bl-Artikolu 108(2) TFUE. Fejn l-Istati Membri jippjanaw li jagħtu għajnuna ġdida jew li jimmodifikaw għajnuna eżistenti, dawn huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan, u dan skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Wara tali notifika, il-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE tipprojbixxi, mingħajr ekwivoku, lill-Istati Membri milli jeżegwixxu l-miżuri proposti sakemm il-proċedura tal-Artikolu 108(2) tiġi fi tmiemha u l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni (5).

 Ir-Regolament Nru 659/1999

4.        Ir-Regolament Nru 659/1999 (6) jikkodifika u jikkjarifika r-regoli proċedurali li japplikaw għall-għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-Regolament jiddefinixxi “għajnuna” bħala “kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-[Artikolu 107(1) TFUE - li kien l-Artikolu 92(1) KE]”. L-Artikolu 1(b) jelenka numru ta’ kategoriji ta’ “għajnuna eżistenti”, li jinkludu:

“(i)      mingħajr preġudizzju għal l-Artikoli 144 [...] ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja [(7)], l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

[...]

(v)      għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;

[...]”

5.        L-“għajnuna ġdida” hija ddefinita fl-Artikolu 1(ċ) bħala “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

6.        Il-proċedura li tikkonċerna l-għajnuna ġdida hija prevista fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 659/1999. L-Artikolu 2 obbliga lill-Istati Membri sabiex jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull pjan għall-introduzzjoni ta’ għajnuna ġdida. L-Artikolu 3 jipprovdi li tali għajnuna ma tistax tiġi implementata qabel ma l-Kummissjoni tieħu (jew titqies li tkun ħadet) deċiżjoni li tawtorizzaha (“l-obbligu ta’ standstill”). Tali deċiżjoni (meħuda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999) tingħata wara talba għall-informazzjoni (Artikolu 5 tar-Regolament Nru 659/1999) u proċedura ta’ investigazzjoni formali (Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999).

7.        Il-proċedura applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna eżitenti hija stabbilita fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999 u hija differenti, dwar punti importanti, minn dik applikabbli għal għajnuna ġdida. Ma hemmx ħtieġa li ssir notifika minn qabel u ma hemmx obbligu ta’ standstill. Għall-kuntrarju, l-inizjattiva għall-kontroll ta’ tali għajnuna tistrieħ totalment fuq il-Kummissjoni, li għandha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli twettaq eżami kostanti tal-għajnuna eżistenti (8). Fejn il-Kummissjoni tqis li skema ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex, kompatibbli mas-suq intern, din għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u tagħtih l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu (9). Jekk, fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata minn dak l-Istat Membru, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li skema ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex kompatibbli mas-suq intern, għaldaqstant hija għandha tadotta rakkomandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, inter alia, it-tneħħija tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (10). Huwa biss jekk l-Istat Membru ma jaċċettax il-miżuri proposti li l-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, u dan billi tapplika l-proċedura ddettaljata msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 659/1999, mutatis mutandis (11).

 L-Att ta’ Adeżjoni tal-1994

8.        Il-Finlandja daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995 (12). L-iskemi ta’ għajnuna li ġew implementati qabel l-adeżjoni tal-Finlandja u li għadhom japplikaw sa minn dak iż-żmien għalhekk jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat eżistenti (13).

9.        L-Artikolu 144 tal-Att ta’ Adeżjoni jagħmel parti mit-Titolu VI dwar il-prodotti agrikoli. Dan jipprovdi li, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, hija biss għajnuna li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 1995 li għandha titqies bħala għajnuna eżistenti għall-finijiet tat-Trattat (14). Dan ma għandu ebda rilevanza f’dak li jikkonċerna l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat li ma tirrigwardax l-agrikoltura.

 Il-qafas leġiżlattiv nazzjonali

10.      Skont l-Artikolu 117 tal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Tuloverolaki — iktar ’il quddiem it-“TVL”), it-telf ta’ perijodu fiskali partikolari jista’ jiġi ttrasferit għas-snin fiskali sussegwenti. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 119 tat-TVL jipprovdi, b’mod iktar speċifiku, li t-telf li jirriżulta minn attività kummerċjali matul sena fiskali jista’ jiġi ttrasferit għas-snin ta’ wara u ssir tpaċija tiegħu permezz tad-dħul ta’ din l-attività matul l-għaxar snin sussegwenti, jekk ikun hemm qligħ.

11.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL, telf sostnut minn kumpannija ma huwiex deduċibbli jekk, matul is-sena li fiha jseħħ jew wara, iktar minn nofs il-kapital tal-kumpannija jkun bidel il-proprjetarju (15).

12.      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL jinkludi eċċezzjoni għar-regola prevista fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Fuq talba, l-uffiċċju kompetenti għat-taxxa jista’, f’ċirkostanzi speċjali, meta dan ikun meħtieġ sabiex kumpannija tkompli bl-attivitajiet tagħha, jawtorizza li ssir tpaċija tat-telf li jkun ġie ttrasferit għas-snin ta’ wara, minkejja l-bidla tal-proprjetarju.

13.      Sabiex jikkjarifikaw l-applikabbiltà tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL, l-awtoritajiet Finlandiżi adottaw ittra ta’ gwida (16) u ċirkolari (17). Skont l-ittra ta’ gwida, l-Artikolu 122 huwa intiż li jipprevjeni l-evitar tat-taxxa fejn impriżi li jkunu qegħdin jagħmlu telf jinxtraw biss bl-għan li ssir tpaċija tat-telf sostnut minnhom permezz tal-qligħ taxxabbli tal-akkwirent.

14.      L-ittra ta’ gwida u ċ-ċirkolari jispjegaw li ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet, bħalma huwa t-trasferiment intra-familjari minn ġenerazzjoni għall-oħra jew il-bejgħ ta’ kumpannija lill-membri tal-persunal tagħha, jistgħu jikkostitwixxu “raġunijiet partikolari” għall-finijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni sabiex issir tpaċija tat-telf li jkun ġie ttrasferit għas-snin ta’ wara, b’eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL (18).

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

15.      P Oy inħolqot fl-1998. Il-kumpannija tiżviluppa u tagħmel manutenzjoni ta’ sistema għall-ħlas ta’ miżati għall-ipparkjar permezz tal-mowbajl. L-attività kummerċjali tagħha hija bbażata fuq il-prodotti li hija żviluppat u li kisbet privattiva għalihom. Sa tmiem l-2004, it-telf kummerċjali tagħha kien ta’ iktar minn EUR 4 miljun. Apparentement, it-telf li hija sostniet fil-bidu tal-attività tagħha ma huwiex meqjus li huwa inabitwali f’dan is-settur, peress li dan irriżulta mill-investiment inizjali mwettaq sabiex jiġu żviluppati l-prodotti u t-teknoloġija neċessarja għall-attivitajiet kummerċjali ta’ P Oy. Matul l-2004, il-proprjetarji ta’ P Oy inbidlu. Wara din il-bidla fil-proprjetarji, il-kumpannija kompliet bl-attività tagħha. L-attività tagħha żviluppat u bejn l-2005 u l-2007, id-dħul mill-bejgħ tagħha kiber minn EUR 498 339 għal EUR 866 810.

16.      Permezz ta’ rikors indirizzat lill-awtoritajiet fiskali Finlandiżi tat-3 ta’ Settembru 2008, P Oy talbet l-awtorizzazzjoni sabiex isir trasferiment għas-snin ta’ wara u ssir tpaċija tat-telf li ġie ġġenerat matul perijodi fiskali preċedenti. L-awtoritajiet fiskali ċaħdu dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008.

17.      P Oy ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (Tribunal Amministrattiv ta’ Helsinki) li ċaħad dan ir-rikors. Għaldaqstant, P Oy appellat quddiem il-Korkein hallinto-oikeus, il-qorti tar-rinviju, li għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni bħal dik tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 [tat-TVL], il-kundizzjoni ta’ selettività li tirriżulta mil-Artikolu 107(1) tat-TFUE għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi d-dritt li jitnaqqas it-telf fil-każ ta’ tibdil tal-proprjetarju jekk il-proċedura prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE ma hijiex osservata?

2)      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat il-grupp ta’ riferiment, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola ġenerali tat-tnaqqis tat-telf ikkonstatat li tidher fl-Artikoli 117 u 119 [tat-TVL] jew id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-każijiet ta’ tibdil tal-proprjetarju?

3)      Jekk il-kundizzjoni ta’ selettività tal-Artikolu 107 TFUE hija kkunsidrata a priori bħala ssodisfatta, is-sistema li tirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 [tat-TVL] tista’ tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata mill-fatt li dan huwa mekkaniżmu inerenti għan-natura tas-sistema fiskali, li huwa neċessarju pereżemju għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali?

4)      Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni u ta’ mekkaniżmu inerenti għan-natura tas-sistema fiskali, x’importanza għandha tingħata lill-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet? Għal dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu inerenti għan-natura tas-sistema fiskali, huwa meħtieġ li l-korp li japplika l-liġi ma jkollu l-ebda setgħa diskrezzjonali u li l-leġiżlazzjoni tiddefinixxi b’mod preċiż il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-deroga?”

18.      P Oy, il-Finlandja, il-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonjiet bil-miktub. Kollha kemm huma għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-22 ta’ Novembru 2012.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

19.      Dan huwa każ kurjuż. Normalment, għajnuna mill-Istat twassal għal litigazzjoni jew għaliex il-benefiċjarju ta’ vantaġġ ma jkunx jixtiequ li jkun ipprojbit jew inkella għaliex żewġ kumpanniji jkunu f’kompetizzjoni u waħda biss tkun irċeviet il-vantaġġ ikkontestat. Hawnhekk, jekk il-miżuri inkwistjoni jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat ipprojbita, dan ma huwiex se jkun ta’ benefiċċju għal P Oy. Għall-kuntrarju, il-kumpannija tiġi miċħuda proprju mill-vantaġġ fiskali li hija tixtieq tikseb. Hija ma tkunx tista’ tikseb l-awtorizzazzjoni sabiex tagħmel trasferiment għas-snin ta’ wara u tagħmel tpaċija tat-telf sostnut fl-2004 permezz tal-qligħ imwettaq matul is-snin sussegwenti.

20.      Għaldaqstant, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għalxiex wasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja?

21.      Sa fejn nista’ nikkonstata mid-deċiżjoni għal rinviju, il-qorti nazzjonali mxiet fuq il-prinċipju li (i) il-miżuri inkwistjoni huma “għajnuna”; (ii) peress li mhux il-kumpanniji kollha huma awtorizzati jittrasferixxu t-telf għas-snin ta’ wara u jagħmlu tpaċija tiegħu permezz ta’ qligħ futur, is-sistema implementata tista’ tkun “selettiva” u għaldaqstant illegali (għaliex hija “tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”); (iii) il-Kummissjoni ma ġietx innotifikata bil-miżuri inkwistjoni u (iv) ir-Repubblika tal-Finlandja ma osservatx l-obbligu ta’ standstill sa fejn il-miżuri inkwistjoni jinsabu fis-seħħ mingħajr ma ngħataw awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni. Il-qorti nazzjonali għaldaqstant tagħmel sensiela ta’ domandi ddettaljati, li huma intiżi li jikjarifikaw, f’dan il-kuntest:

-      jekk il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL hijiex legali minkejja n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ standstill (domanda 1);

-      kif għandu jiġi ddeterminat il-grupp ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema stabbilita mill-miżuri inkwistjoni hijiex illegalment selettiva (domanda 2);

-      jekk, fil-każ li s-sistema hija selettiva, din m’hijiex madankollu ġġustifikata bħala mekkaniżmu inerenti għas-sistema fiskali stess li huwa neċessarju sabiex tiġi mxekkla l-evażjoni fiskali (domanda 3); iżda, jekk dan huwa l-każ,

-      jekk is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet fiskali taffettwax il-kwistjoni ta’ ġustifikazzjoni msemmija fit-tielet domanda (domanda 4).

22.      Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali li għalihom jien għamilt riferiment fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-arranġamenti ta’ kontroll tal-għajnuna eżistenti u tal-għajnuna ġdida huma differenti b’mod sinjifikattiv (19). Qabel jiġi analizzat jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL, moqri flimkien mal-ittra ta’ gwida u ċ-ċirkolari, joħolqux fil-fatt sistema li b’mod illegali u selettiv tiffavorixxi ċerti impriżi (il-kwistjoni tas-“selettività”), il-mistoqsija li tqum qabel hija jekk aħniex qed inħarsu lejn (allegata) għajnuna eżistenti jew (allegata) għajnuna ġdida.

23.      Din il-mistoqsija preċedenti hija l-qalba tal-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-setgħat u r-responsabbiltajiet fdati lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-qrati nazzjonali jvarjaw, skont jekk dik li tinsab taħt skrutinju hijiex (allegata) għajnuna eżistenti jew (allegata) għajnuna ġdida (20).

24.      F’dak li jikkonċerna għajnuna eżistenti, hija ġurisprudenza stabbilita li r-rwol tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, huwa li tikkonstata (suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja), jekk għajnuna eżistenti hijiex kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq intern, wara li tapplika l-proċedura xierqa li l-implementazzjoni tagħha hija responsabbiltà tal-Kummissjoni (21). Sakemm il-Kummissjoni tieħu tali azzjoni, ma tkun teżisti ebda preżunzjoni li l-miżuri nazzjonali huma illegali skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u lanqas li l-qorti nazzjonali għandha tintervjeni sabiex dawn ma jibqgħux applikabbli.

25.      L-għajnuna ġdida hija suġġetta għal proċedura differenti. L-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tkun informata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, bi pjanijiet intiżi li tingħata jew li tiġi modifikata xi għajnuna. Jekk, abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li dak li huwa propost ma huwiex kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija għandha tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni kontenzjuża prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. L-involviment tal-qrati nazzjonali jirriżulta mill-effett dirett tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li tipprojbixxi lill-Istat Membru kkonċernat, fil-każ fejn ikollu pjanijiet li jagħti jew li jimmodifika għajnuna, milli jimplementa l-miżuri ppjanati qabel ma din il-proċedura ta’ investigazzjoni twassal għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. L-obbligu ta’ standstill japplika għall-għajnuna ġdida, iżda mhux għall-għajnuna eżistenti.

26.      Kemm it-Trattat u l-arranġamenti ddettaljati stabbiliti bir-Regolament Nru 659/1999 jipprovdu għal eżami attentiv, iddettaljat u estensiv, mill-Kummissjoni, ta’ kull skema ta’ għajnuna eżistenti jew ippjanata li tista’ titqies bħala għajnuna mill-Istat. Il-projbizzjoni bażika tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE la hija assoluta u lanqas inkondizzjonata, hekk kif l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jippreċiża immedjatament. Għaldaqstant, l-Artikolu 108(3) TFUE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddikjara ċertu għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq intern permezz ta’ deroga mill-projbizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE. Bl-istess mod, l-Istat Membru kkonċernat għandu kull opportunità li jesponi u jiddefendi l-arranġamenti tiegħu. Huwa biss fil-każ fejn għajnuna ġdida mhux notifikata tkun sempliċement daħlet fis-seħħ (jiġifieri, fejn Stat Membru jkun naqas milli josserva l-obbligu ta’ standstill għal għajnuna ġdida) li l-qorti nazzjonali hija meħtieġa tintervjeni sabiex ir-regoli nazzjonali eżistenti ma jiġux applikati.

 Il-miżuri inkwistjoni huma għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida?

27.      Il-qorti nazzjonali stess ma indikatx b’mod espress jekk hija tqisx li l-miżuri inkwistjoni humiex (allegata) għajnuna eżistenti jew (allegata) għajnuna ġdida. Hija tispjega li dawn il-miżuri kienu fis-seħħ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja mal-Unjoni Ewropea, iżda li f’dak iż-żmien dawn ma kinux ġew innotifikati bħala għajnuna eżistenti. Il-qorti nazzjonali tiddikjara li hi ma għandha ebda informazzjoni dwar jekk l-awtoritajiet Finlandiżi għamlux notifika iktar tard.

28.      Ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u, iktar tard, fis-seduta, li hija ma kinitx innotifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna fiż-żmien li fih seħħet l-adeżjoni peress li hija qatt ma qieset (u għadha s’issa ma tqisx) dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat (22).

29.      Il-kwistjoni ta’ jekk għajnuna għandhiex tiġi klassifikata bħala għajnuna ġdida jew bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet li jipprovdu għaliha (23). Fis-seduta, mill-osservazzjonijiet ifformulati b’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura rriżulta b’mod ċar li ma huwiex ikkontestat li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL kien fis-seħħ qabel ma l-Finlandja ingħaqdet (f’dak iż-żmien) mal-Komunitajiet Ewropej u saret marbuta bit-Trattat KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qablu li din għandha titqies bħala (allegata) għajnuna eżistenti.

30.      Jiena ma nistax ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Peress li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL huma anterjuri għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja, dan jista’ biss jiġi kklassifikat (dejjem jekk din hija għajnuna) bħala għajnuna eżistenti. Din hija t-tifsira ċara tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999 (24).

31.      Anki fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fiż-żmien li huma ġew adottati, iżda saru għajnuna mill-Istat iktar tard (minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni), l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li tali miżuri għadhom meqjusa bħala li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti (25). Għalhekk, jekk il-miżuri inkwistjoni ma ġewx innotifikati peress li fiż-żmien tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja dawn ma kinux meqjusa bħala għajnuna mill-Istat, kull bidla (pereżempju, l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam) li tista’ tfisser li dawn il-miżuri issa huma, jew issa jistgħu jkunu, għajnuna mill-Istat ma tistax temenda l-klassifikazzjoni tagħhom bħala (allegata) għajnuna eżistenti.

32.      Nikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala (allegata) għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, huma s-sistema ta’ kontroll u l-proċeduri rilevanti għall-għajnuna eżistenti li huma applikabbli għalihom.

 Il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti

33.      Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-obbligu ta’ standstill tal-Artikolu 108(3) TFUE ma ġiex osservat, il-miżuri inkwistjoni humiex preklużi mill-projbizzjoni tas-selettività li tirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE.

34.      Kif diġà spjegajt (26), l-obbligu ta’ standstill japplika għall-għajnuna ġdida iżda mhux għall-għajnuna eżistenti. Jekk, u sa fejn il-miżuri inkwistjoni huma għajnuna mill-Istat — punt li fuqu miniex se nesprimi ruħi — huma jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

35.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, sa fejn il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala allegata għajnuna eżistenti għall-finijiet tal-Artikolu 108(1) TFUE. Bħala tali, dawn jistgħu jiġu interpretati u applikati mill-qorti nazzjonali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999.

36.      X’għandu jkun l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni, it-tielet u raba’ domanda (li kollha kemm huma jikkonċernaw l-interpretazzjoni xierqa tal-projbizzjoni tas-selettività)?

37.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, dawk kollha kkonċernati ddedikaw il-parti l-kbira tas-sottomissjonijiet tagħhom għall-kwistjoni tas-selettività.

38.      Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri inkwistjoni huma selettivi. Il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u dak tar-Repubblika tal-Ġermanja ma jaqblux u jsostnu li ma hemmx għajnuna mill-Istat. P Oy issostni li l-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu interpretati mill-qorti nazzjonali b’mod li jiżgura li dawn ma jiġux applikati b’mod selettiv. Hija ssostni li jekk tali approċċ jiġi implementat, ma tqum ebda kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali (u b’hekk hija tingħata l-benefiċċju li tittrasferixxi għas-snin ta’ wara t-telf tagħha u tagħmel tpaċija tiegħu).

39.      Li kieku (quod non) konna qegħdin fil-preżenza ta’ għajnuna ġdida mhux notifikata, effettivament tkun il-qorti nazzjonali li timplementa l-obbligu direttament effettiv ta’ standstill li jinsab fl-Artikolu 108(3) TFUE (27). Hija biss il-Kummissjoni li tista’ tiddeċiedi jekk għajnuna hijiex inkompatibbli mas-suq intern, iżda l-qrati nazzjonali jistgħu madankollu japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE sabiex jiddeterminaw jekk il-miżuri nazzjonali kkontestati kellhomx ikunu suġġetti għall-obbligu ta’ standstill. F’dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali jistgħu jkunu obbligati jiddeċiedu jekk miżura nazzjonali partikolari hijiex selettiva (28) u huma jistgħu leġittimament jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (29).

40.      Madankollu, ir-regoli proċedurali u s-sistema tal-kontroll tal-għajnuna ġdida mhux notifikata ma jistgħux japplikaw għall-għajnuna eżistenti. B’mod iktar partikolari, il-qrati nazzjonali ma għandhomx l-istess rwol, u dan peress li l-għajnuna eżistenti hija suġġetta għall-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(1) TFUE. Għaldaqstant, sa fejn il-miżuri inkwistjoni huma (allegata) għajnuna eżistenti, l-Artikolu 108(3) TFUE ma jipprovdi ebda bażi sabiex il-qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ selettività, jew sabiex titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mod ta’ kif ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna selettiva għandhom jiġu interpretati.

41.      Il-Finlandja, il-Ġermanja u l-Kummissjoni kollha jaqblu li għaldaqstant ma hemmx bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi magħmula mill-qorti nazzjonali.

42.      Jiena wkoll naqbel, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

43.      L-ewwel nett, il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (minbarra, naturalment, dik li tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea) (30), hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (31).

44.      Mill-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala allegata għajnuna eżistenti jirriżulta li tali għajnuna tista’ tiġi implementata jekk kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx qieset li hija ma hijiex kompatibbli mas-suq intern (32). Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali hija libera tinterpreta u tapplika l-miżuri nazzjonali u tiddeċiedi jekk P Oy għandhiex tingħata awtorizzazzjoni sabiex tibbenefika mill-vantaġġ fiskali jew le. Kull opinjoni espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ selettività ma tkunx vinkolanti fi proċedimenti nazzjonali u jkollha natura ipotetika.

45.      It-tieni nett, din il-kawża hija differenti minn kawżi bħalma hija Paint Graphos et (33), li kienet tikkonċerna allegata għajnuna ġdida. F’dik il-kawża, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kellha effetti diretti fuq il-kawża fil-proċedura nazzjonali: il-miżuri kkontestati ma setgħux jiġu applikati jekk huma kienu kklassifikati bħala għajnuna u, għaldaqstant, suġġetti għad-dispożizzjonijiet effettivi direttament ta’ standstill (34). Madankollu, il-pożizzjoni hija differenti mhux ħażin fir-rigward tal-għajnuna eżistenti inkwistjoni f’dan il-każ.

46.      It-tielet nett, il-qorti nazzjonali għamlet riferiment għal deċiżjoni tal-Kummissjoni (35) dwar ċerti miżuri fiskali Ġermaniżi kkunsidrati li huma inkompatibbli mar-regoli dwar għajnuna mill-Istat (36). B’differenza mill-kawża preżenti, dik il-kawża tikkonċerna għajnuna ġdida mhux notifikata (il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet ġiet adottata f’Lulju 2009 b’effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2008).

47.      Ir-raba’ nett, billi l-perijodu ta’ standstill previst bl-Artikolu 108(3) TFUE ma huwiex rilevanti għal din il-kawża, il-kwistjoni dwar jekk P Oy tistax tittrasferixxi għas-snin ta’ wara u tagħmel tpaċija tat-telf inkwistjoni tinvolvi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u mhux id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Kemm P Oy u kif ukoll il-Gvern Finlandiż jagħmlu riferiment għal deċiżjoni nazzjonali, fejn il-frażi “ċirkostanzi partikolari” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL ġiet eżaminata (37). Huma jesponu li, kieku dik id-deċiżjoni kellha tiġi applikata għall-kawża preżenti, P Oy tista’ tingħata l-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali. Din hija totalment kwistjoni ta’ liġi nazzjonali li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali.

48.      Fl-aħħar nett, jiena nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha relattivament ftit li xejn elementi ddettaljati dwar il-miżuri inkwistjoni, dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet fiskali għall-għoti jew iċ-ċaħda ta’ awtorizzazzjoni skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL jew anki dwar il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika ċirkostanti. Dan jikkuntrasta b’mod qawwi mal-eżami ferm iddettaljat li jitwettaq mill-Kummissjoni li kieku hija kellha taġixxi skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999, billi tapplika, jekk ikun il-każ, l-Artikoli 6, 7 u 9 tiegħu mutatis mutandis. Tali proċedura, jekk tinbeda, hija waħda li tirrispetta b’mod sħiħ id-dritt tal-Istat Membru li jesponi u jiddefendi l-arranġamenti tiegħu. F’dawn iċ-ċirkostanzi, jidhirli li ma jkunx xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tibda twettaq, hawnhekk, analiżi dwar il-kwistjoni tas-selettività.

49.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tirrispondi għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi magħmula mill-qorti nazzjonali.

 Konklużjoni

50.      Jiena għaldaqstant tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lill-Korkein hallinto-oikeus kif ġej:

Sa fejn il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala allegata għajnuna eżistenti għall-finijiet tal-Artikolu 108(1) TFUE. Bħala tali, dawn jistgħu jiġu interpretati u applikati mill-qorti nazzjonali jekk kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni u ma tkunx tat bidu għall-proċedura kontenzjuża prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C-78/08 sa C-80/08, Ġabra p. I-7611.


3 – Ara l-punt 3 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


4 – Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE huma kumulattivi u għaldaqstant kollha għandhom ikunu sodisfatti sabiex miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-l82/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kwistjoni dwar jekk miżura mill-Istat tkunx tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti (jiġifieri, jekk din hijiex selettiva) hija ddeterminata permezz ta’ paragun ma’ impriżi oħrajn li, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mis-sistema inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali kumparabbli (ara s-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fejn il-motivi għal ġustifikazzjoni tal-Artikolu 107(2) jew (3) huma applikabbli, tali miżuri jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern u, għaldaqstant, ma humiex għajnuna mill-Istat ipprojbita: ara s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 30.


5 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 24. Ara wkoll il-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel l-emenda tal-2003 sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-adeżjonijiet tal-2004; ara b’mod partikolari l-premessa 2 tiegħu.


7 –      Ara l-punti 8 u 9 iktar ’l isfel.


8 – Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 107(1) TFUE.


9 – Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 659/1999.


10 – Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999.


11 – Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.


12 – Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-aġġustamenti tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU C 241, p. 21). In-Norveġja fil-fatt ma ngħaqditx mal-Unjoni Ewropea wara r-riżultat ta’ referendum li seħħ fl-1994.


13 – Ara l-Att ta’ Adeżjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.


14 – Ara l-punt 30 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’l isfel.


15 – Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni ilha fis-seħħ mill-1979. Hija ġiet emendata, iżda s-sustanza tad-dispożizzjonjiet baqgħet l-istess.


16 – Ittra Nru 634/348/96 tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi Finlandiżi tal-14 ta’ Frar 1996 (iktar ’il quddiem, l-“ittra ta’ gwida”).


17 – Ċirkolari Nru 2/1999 tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi Finlandiżi tas-17 ta’ Frar 1999 (iktar ’il quddiem, iċ-“ċirkolari”).


18 – F’dawn il-konklużjonijiet, se nirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL, l-ittra ta’ gwida u ċ-ċirkolari bħala l-“miżuri inkwistjoni”. P Oy u l-Gvern Finlandiż it-tnejn li huma għamlu riferiment għal deċiżjoni tal-qrati nazzjonali fil-kawża KHO 2010:21. F’din il-kawża, il-Korkein hallinto-oikeus qieset li l-kontinwazzjoni ta’ attività kummerċjali wara bidla fil-proprjetarju kienet tikkostitwixxi “raġuni partikolari” għall-finijiet tal-miżuri inkwistjoni.


19 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-312/90, Ġabra p. I-4117, punt 14, tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C-44/93, Ġabra p. I-3829, punt 10 u l-Kawża Piaggio (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 48 u 49. Ara wkoll il-punti 3 sa 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20 – Is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat u r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni ta’ din is-sistema huma spjegati fid-dettall fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 21 sa 32. Ara wkoll, f’dak li jikkonċerna l-għajnuna ġdida, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra 1991 p. I-5505, punti 8 sa 14.


21 – Sentenza Namur-Les assurances du crédit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), punt 15.


22 – Ara l-punti 8 u 9 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Sentenzi Namur-Les assurances du crédit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), punti 13 u 28, u tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 19.


24 – L-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999 jagħmel riferiment għall-Artikoli 144 u 172 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja. Fil-qosor, kien jeżisti obbligu speċifiku li tiġi nnotifikata l-għajnuna dwar il-prodotti agrikoli, skont l-Artikolu 144. Peress li P Oy ma tipproduċix tali prodotti, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex rilevanti għar-riżultat ta’ din il-kawża.


25 – Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punti 70 u 71.


26 – Punti 6 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 – Sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (iċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna 2), punti 26 u 27.


28 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punti 50 sa 52.


29 – Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C-140/09, Ġabra p. I-5243, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.


30 – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 27, dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE dwar l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u tat-12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic, C-458/06, Ġabra p. I-4207, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata.


31 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32 – Sentenza Banco Exterior de España (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), punt 20.


33 – Ara, fost in-numru kbir ta’ eżempji, is-sentenzi Piaggio u Paint Graphos (it-tnejn li huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


34 – Ara, pereżempju, is-sentenza Piaggio (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 48 u 49.


35 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat (ex CP 250/09 u NN 5/10) implimentata mill-Ġermanja — Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpanniji f’diffikultà (“Sanierungsklausel”), ĠU L 235, p. 26. Din id-deċiżjoni attwalment qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea f’numru ta’ kawżi: ara l-Kawża T-205/11.


36 – Bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi t-trasferiment għas-snin ta’ wara tat-telf li jista’ jitnaqqas mill-profitt taxxabbli. Hija tippermetti kumpanniji li jkunu jinsabu f’diffikultà li jibbenefikaw minn din is-sistema, minkejja l-bdil tal-proprjetarju tal-impriża inkwistjoni.


37 – Punt 14 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.