Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VILLALÓN

ippreżentati fis-7 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C-47/12

Kronos International Inc.

vs

Finanzamt Leverkusen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja)]

“Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Taxxa fuq id-dividendi — Kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-ishma ta’ kontroll u għall-ishma tal-portafoll — Miżuri ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja fuq id-dividendi — Sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi b’oriġini barranija — Sistema ta’ tpaċija tad-dividendi b’oriġini nazzjonali — Differenza fit-trattament tat-telf tal-kumpannija parent — Restrizzjoni — Ġustifikazzjonijiet — Tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri — Koerenza globali tas-sistema”





1.        F’din il-kawża, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għal darba oħra, qed titressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna t-taxxa fuq il-kumpanniji, li tissuġġetta d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji parent residenti għal sistemi fiskali distinti skont l-oriġini nazzjonali jew barranija tagħhom.

2.        Qabel xejn, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddetermina liema libertà hija applikabbli għall-kawża prinċipali, meta l-kumpannija residenti inkwistjoni hija inkorporata fl-Istati Uniti tal-Amerika, li l-ishma li għandha fis-sussidjarji differenti tagħha huma ta’ iktar minn 90 % u l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija applikabbli għal kull sehem ta’ iktar minn 10 %. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk se tapprofondixxi l-ġurisprudenza ferm rikka tagħha dwar id-determinazzjoni tal-libertà applikabbli għat-trattament fiskali tad-dividendi.

3.        Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża prinċipali (2), li għandha l-għan li tevita sensiela ta’ taxxi jew it-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji residenti billi teżenta d-dividendi b’oriġini barranija, li barra minn hekk huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li tissuġġetta d-dividendi b’oriġini nazzjonali għal sistema ta’ tpaċija, hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

4.        Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ din ix-xorta, imma f’sitwazzjonijiet fejn, bil-kontra ta’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu d-dividendi b’oriġini nazzjonali li kienu eżentati mit-taxxi u d-dividendi b’oriġini barranija li kienu jibbenefikaw minn sistema ta’ tpaċija (3) jew li kellhom jibbenefikaw minnha (4).

5.        Madankollu, din il-kawża tinvolvi element ta’ kumplessità li jiddistingwiha mill-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat sa issa. Dak li qed jiġi kkontestat fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma hijiex id-duwalità tas-sistemi applikabbli għad-dividendi daqskemm il-konsegwenzi li l-applikazzjoni tagħhom jista’ jkollha fil-każ li l-kumpannija residenti benefiċjarja tirreġistra telf. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi ffaċċjata bi problema li tinsab f’salib it-toroq bejn il-ġurisprudenza diġà ferm sostanzjali tagħha dwar it-trattament fiskali tad-dividendi u l-ġurisprudenza tagħha dwar it-trattament tat-telf (5), imma f’konfigurazzjoni għalkollox ġdida.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-ftehim dwar taxxa doppja

6.        Id-diversi ftehim bilaterali rilevanti, fis-seħħ matul is-snin tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, rispettivament konklużi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mar-Renju tal-Belġju, mar-Renju tad-Danimarka, mar-Repubblika Franċiża, mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mal-Kanada, li lkoll jipprevedu, b’mod ġenerali, li d-dividendi mħallsa lil kumpannija parent stabbilita fil-Ġermanja mis-sussidjarji tagħha, b’effett minn sehem li jvarja bejn l-10 % sal-25 %, ma kinux taxxabbli fil-Ġermanja imma fl-Istat ta’ stabbiliment ta’ dawn tal-aħħar.

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

7.        L-Artikolu 49(1) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz (6)) tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz (7)) fir-rigward tal-implementazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, inkluż fir-rigward tas-sistema ta’ tpaċija.

8.        L-Artikolu 36(2)(3) tal-EstG, li jirregola s-sistema msejħa “tat-tpaċija sħiħa”, jipprevedi:

“[…] Għandhom jiġu imposti fuq it-taxxa fuq id-dħul:

3.      it-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ kumpannija jew ta’ assoċjazzjoni kompletament suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji sa 3/7 tad-dħul, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(1) jew (2), sa fejn dawn ma jkunux ġejjin minn tqassim ta’ dividendi li jinvolvi użu ta’ kapital proprju, fis-sens tal-Artikolu 30(2)(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. L-istess għandu japplika għad-dħul, fis-sens tal-Artikolu 20(2)(2)(a), miksub mill-ewwel trasferiment, mis-soċju, ta’ kupuni jew ta’ drittijiet oħrajn; f’dawn il-każijiet, it-taxxa fuq il-kumpanniji li tista’ tiġi tpaċuta għandha tkun limitata għal 3/7 tal-ammont imqassam għad-drittijiet ittrasferiti. It-taxxa fuq il-kumpanniji ma għandhiex tiġi imposta:

[…]

f)      meta d-dħul ma jkunx tqies fid-determinazzjoni tal-valur taxxabbli;

[…]”

9.        Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dividendi b’oriġini barranija jiġu wkoll eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja, abbażi tal-Artikolu 26(7) tal-KStG, fil-verżjoni fis-seħħ sal-1993, u tal-Artikolu 8b(5) tal-KStG, fil-verżjoni fis-seħħ mill-1994 sal-2000.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

10.      Kronos International Inc. (8), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija holding ikkostitwita fl-1988 skont id-dritt tal-Istat ta’ Delaware (l-Istati Uniti tal-Amerika), li għandha s-sede legali tagħha f’dan l-istat tal-aħħar u s-sede ta’ amministrazzjoni tagħha fil-Ġermanja, fejn hija rreġistrata fir-Reġistru Kummerċjali flimkien ma’ fergħa.

11.      Hija ġiet ikkostitwita sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni waħda għall-kumpanniji Ewropej u Kanadiżi differenti li kellha tixtri mill-ġdid mingħand NL Industries Inc. (USA). Mill-1989, hija għandha 99.95 % mill-ishma tal-kumpannija Ġermaniża Kronos Titan GmbH kif ukoll ishma diretti jew indiretti f’diversi kumpanniji, li bejn l-1991 u l-2001, is-snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont tagħhom kien ivarja bejn id-90 % u l-100 %.

12.      Bejn l-1991 u l-2001, KII b’hekk kellha 100 % mill-kapital ta’ Kronos Canada Inc. u mill-kapital ta’ Kronos UK Ltd. kif ukoll sehem li kien jirrappreżenta bejn 92.941 % u 93.771 % mill-kapital ta’ Société Industrielle Titane (Franza).

13.      Bejn l-1999 u l-2001, hija kellha wkoll 100 % mill-kapital ta’ Kronos Denmark APS, li permezz tagħha fl-2000 u fl-2001 hija kienet tikkontrolla 99.99 % mill-kapital ta’ Kronos Europa SA/NV (il-Belġju) u 100 % mill-kapital ta’ Kronos Norge (in-Norveġja).

14.      Il-kawża prinċipali tikkonċerna t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn KII fil-Ġermanja għas-snin mill-1991 sal-2001 u, f’termini iktar preċiżi, il-fatt li KII ma setgħetx tiġi imposta fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fil-Ġermanja, it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarji u mis-sottosussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jew fi Stati terzi, biex b’hekk tikseb, jekk ikun il-każ, ir-rimbors fil-Ġermanja fil-każ ta’ telf.

15.      Bejn l-2004 u l-2010, inħarġu stimi tat-taxxa fil-konfront ta’ KII għat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta għas-snin mill-1991 sal-2001. KII, f’dan il-każ, kienet ħallset EUR 4 190 788.57 bħala taxxa fuq il-kumpanniji għas-sena 1991 u EUR 2 050 183.81 għas-sena 1992. Min-naħa l-oħra, bejn l-1993 u l-2001 hija ma ħallsitx it-taxxa fuq il-kumpanniji minħabba t-telf li hija kienet irreġistrat.

16.      F’dan il-kuntest, KII talbet it-tpaċija, fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji li hija kellha tħallas fil-Ġermanja, u r-rimbors tat-taxxi li ħallsu s-sussidjarji u s-sottosussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħrajn (il-Belġju, Franza u r-Renju Unit) jew fi Stati terzi (il-Kanada u n-Norveġja) bejn l-1991 u l-2001.

17.      B’deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Finanzamt Leverkusen irrifjuta li jilqa’ din it-talba. Din id-deċiżjoni ta’ rifjut kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 36(2)(3)(f) tal-EStG u tal-Artikolu 49(1) tal-KStG li jipprovdu li t-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq id-dividendi hija possibbli biss meta l-imsemmija dividendi jitqiesu bħala dħul taxxabbli. Issa, billi d-dividendi b’oriġini barranija huma eżentati, huma ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dħul taxxabbli.

18.      B’deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2007, il-Finanzamt Leverkusen ċaħad bħala infondat l-appell ippreżentat minn KII fir-rigward tal-istima tal-ammont u tat-tpaċija tat-taxxa fuq id-dividendi għat-taxxa fuq il-kumpanniji tas-sena tat-taxxa 1994.

19.      Fis-7 ta’ Frar 2007, KII għalhekk ippreżentat quddiem il-Finanzgericht Köln rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin tat-taxxa mill-1991 sal-1993 u mill-1995 sal-2001.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri ta’ quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-esklużjoni tal-imputazzjoni [tpaċija] tat-taxxa fuq il-kumpanniji minħabba l-eżenzjoni tal-intaxxar ta’ ħlasijiet ta’ dividendi minn kumpanniji b’kapital azzjonarju tal-pajjiż terz lil kumpannji b’kapital azzjonarju Ġermaniżi, li għalihom id-dispożizzjonijiet nazzjonali jeħtieġu biss li l-kumpannija b’kapital azzjonarju li tirċievi d-dividendi żżomm sehem ta’ mhux inqas minn 10 % fil-kumpannija li tħallas id-dividendi, taqa’ unikament taħt il-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 49 u 54 TFUE jew ukoll taħt il-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikoli 63 sa 65 TFUE, meta s-sehem effettiv tal-kumpannija b’kapital azzjonarju li tirċievi d-dividendi huwa ta’ 100 %?

(2)      Id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment (li issa saru l-Artikolu 49 TFUE) u, skont il-każ, ukoll il-moviment liberu tal-kapital (sas-sena 1993 kienu l-Artikolu 67 KEE/KE, issa saru l-Artikoli 63 sa 65 TFUE) għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola li, meta d-dividendi ta’ sussidjarji barranin huma eżentati mit-taxxa, teskludi l-imputazzjoni [tpaċija] u r-rimbors tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq dawn il-ħlasijiet ta’ dividendi, anki jekk il-kumpannija parent tbati telf, filwaqt li, għall-ħlasijiet ta’ dividendi ta’ sussidjarji Ġermaniżi, huwa previst tnaqqis tat-taxxa permezz ta’ imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji?

(3)      Id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment (li issa saru l-Artikolu 49 TFUE) u, skont il-każ, ukoll il-moviment liberu tal-kapital (sas-sena 1993 kienu l-Artikolu 67 KEE/KE, issa saru l-Artikoli 63 sa 65 TFUE) għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola li teskludi l-imputazzjoni [tpaċija] u r-rimbors ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fuq dividendi ta’ (sotto-)sottosussidjarji eżentati mit-taxxa fil-pajjiż tas-sussidjarja, imħallsa (mill-ġdid) lill-kumpannija parent Ġermaniża u wkoll eżentati mit-taxxa fil-Ġermanja, iżda li, fil-kuntest ta’ kostruzzjonijiet purament Ġermaniżi, tippermetti skont il-każ rimbors abbażi tal-imputazzjoni, tas-sussidjarja, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq dividendi tas-sottosussidjarja u l-imputazzjoni, fuq il-kumpannija parent, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq dividendi tas-sussidjarja, jekk il-kumpannija parent tbati telf?

(4)      Fil-każ li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital huma applikabbli wkoll, skont ir-risposta mogħtija għat-tieni domanda, domanda supplimentari tqum f’dak li jikkonċerna d-dividendi Kanadiżi:

L-attwali Artikolu 64(1) TFUE għandu jinftiehem fis-sens li jippermetti l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u ta’ konvenzjonijiet ta’ [ftehimiet dwar] taxxa doppja, li ma ġewx mibdula b’mod sostantiv mill- 31 ta’ Diċembru 1993, u għalhekk l-esklużjoni kostanti tal-imputazzjoni [tpaċija] tat-taxxa fuq il-kumpanniji Kanadiżi fuq id-dividendi eżentati mit-taxxa fil-Ġermanja?”

21.      Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ilkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

22.      Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni nstemgħu wkoll permezz tal-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013.

IV – Osservazzjoni preliminari

23.      L-erba’ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jqajmu, b’mod ġenerali, żewġ problemi kjarament distinti li se jiġu eżaminati waħda wara l-oħra, bl-ewwel problema tikkonċerna l-libertà applikabbli għall-kawża, li tikkorrispondi għall-ewwel domanda, u t-tieni problema tikkonċerna l-kompatibbiltà mal-libertà applikabbli tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li tikkorrispondi għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domandi.

V –    Fuq il-libertajiet li jistgħu jiġu invokati u li jistgħu jiġu applikati fil-kawża prinċipali (l-ewwel domanda)

24.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) applikabbli għat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji tal-imsemmi Stat Membru (“kumpanniji b’kapital azzjonarju Ġermaniżi”) minn sussidjarji stabbiliti fi Stat terz (“kumpanniji b’kapital azzjonarju [ta’] pajjiż terz”) taqax esklużivament taħt l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jew jekk taqax ukoll taħt l-Artikoli 63 TFUE sa 65 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, meta, minn naħa, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija applikabbli għal kull sehem ta’ iktar minn 10 %, u min-naħa l-oħra, is-sehem inkwistjoni huwa tabilħaqq ta’ 100 %.

25.      B’antiċipazzjoni tal-iżviluppi li ġejjin, qabel xejn jista’ jiġi ppreċiżat li, bil-mod kif ġiet ifformulata, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha ssib risposta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ preċiżament fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation II (9).

26.      F’termini ferm sempliċi u kif se jingħad iktar ’il quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tabilħaqq iddeċidiet li, sa fejn il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi applikata ratione loci fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna t-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti fi Stat Membru minn sussidjarja stabbilita fi Stat terz (10), għandu jiġi applikat il-moviment liberu tal-kapital, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm abbuż, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha (l-“ishma ta’ kontroll”) u għall-ishma adottati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm impatt fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (l-ishma tal-portafoll).

27.      Issa, jekk il-kwistjoni tal-libertà applikabbli fil-kawża prinċipali tqum fir-rigward tad-dividendi mħallsa lil KII mis-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat terz, li għal finijiet ta’ faċilità tal-lingwaġġ ser insejjaħ id-“dimensjoni extra-Komunitarja” tal-kawża prinċipali, hija tqum ukoll però fir-rigward tad-dividendi mħallsa lil KII mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jew fi Stati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (11), jiġifieri d-“dimensjoni intra-Komunitarja” tal-kawża prinċipali, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma emmnitx li kellha tagħmel xi domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward u dan għar-raġuni li ġejja.

28.      Abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-libertà ta’ stabbiliment li, fil-prinċipju, hija l-unika waħda applikabbli għad-dimensjoni intra-Komunitarja tal-kawża prinċipali. Issa, bil-kontra ta’ dak li donnhom jippreżupponu d-domandi tal-qorti tar-rinviju, KII la tista’ tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward tas-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati terzi, u lanqas fir-rigward tas-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jew fi Stati Membri partijiet għall-Ftehim ŻEE, minħabba n-“nazzjonalità” tagħha.

29.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi ffaċċjata bil-kwistjoni jekk, fil-linja tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II tagħha u fid-dawl tar-ratio legis tas-soluzzjoni li hija kienet adottat fiha, il-moviment liberu tal-kapital għandux ikun applikabbli mhux biss għad-dimensjoni extra-Komunitarja tal-kawża prinċipali imma anki għad-dimensjoni intra-Komunitarja tagħha.

30.      Kif biħsiebni nipprova nuri, din id-domanda titlob risposta pożittiva. Sa fejn il-libertà ta’ stabbiliment ma hijiex applikabbli ratione persone għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna t-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti ta’ Stat Membru minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, il-moviment liberu tal-kapital għandu jiġi applikat, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm abbuż, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi applikata mingħajr distinzjoni għall-ishma ta’ kontroll u għall-ishma tal-portafoll.

31.      Fil-punti li ġejjin se neżamina fid-dettall dawn il-kwistjonijiet.

A –    Fuq il-libertà applikabbli għad-dimensjoni extra-Komunitarja tal-kawża prinċipali

32.      Fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II (12) tagħha, li għandu jiġi enfasizzat li ngħatat wara d-data meta tressqet quddiemha din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta pożittiva lil domanda li tixbah ferm lill-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju magħmula b’konfigurazzjoni paragunabbli (13), filwaqt li rriżervat l-ipoteżi tal-abbuż tad-dritt (14).

33.      Fil-fatt, hija qieset li kumpannija residenti ta’ Stat Membru u li kellha sehem ta’ kontroll f’kumpannija residenti ta’ pajjiż terz setgħet tuża l-Artikolu 63 TFUE sabiex tikkontesta l-konformità ma’ din id-dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru dwar it-trattament fiskali ta’ dividendi li joriġinaw mill-imsemmi pajjiż terz applikabbli għall-ishma ta’ kontroll kif ukoll għall-ishma tal-portafoll (15).

34.      Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II tbiddel l-approċċ iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza stabbilita sabiex tiġi ddeterminata l-libertà applikabbli għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw it-trattament fiskali tad-dividendi, b’mod espliċitu fejn għandhom x’jaqsmu speċifikament is-sitwazzjonijiet extra-Komunitarji.

1.      Id-direzzjoni l-ġdida li ngħatat lill-ġurisprudenza mis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II fis-sitwazzjonijiet extra-Komunitarji

35.      Fil-fatt, sakemm ingħatat is-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II, kif mill-bqija ġie indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 89 sa 92, il-libertà applikabbli għat-trattament fiskali tad-dividendi kellha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (kriterju ġuridiku) kif ukoll is-sitwazzjoni de facto inkwistjoni (kriterju fattwali).

36.      B’hekk, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet intiża sabiex tiġi applikata biss għall-ishma ta’ kontroll, hija kellha tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment (16), fil-prinċipju b’mod esklużiv.

37.      Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet applikabbli għall-ishma tal-portafoll, hija kellha tiġi eżaminata fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, fil-prinċipju wkoll b’mod esklużiv.

38.      Min-naħa l-oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet applikabbli indipendentement mid-daqs tas-sehem miżmum, jiġifieri mingħajr distinzjoni għall-ishma ta’ kontroll u għall-ishma tal-portafoll, allura ma kienx ikun jista’ jiġi ddeterminat, abbażi biss tal-għan tagħha, jekk hija kinitx taqa’ l-iktar taħt libertà jew l-oħra u allura kellu jintuża l-kriterju fattwali.

39.      B’hekk, jekk sehem ta’ kontroll kien inkwistjoni, kienet tkun applikabbli l-libertà ta’ stabbiliment, filwaqt li jekk kien involut sehem tal-portafoll, kien ikun applikabbli l-moviment liberu tal-kapital, fiż-żewġ każijiet b’mod, fil-prinċipju, esklużiv. Jekk ma kinitx tkun tista’ tiġi ddeterminata n-natura tal-ishma inkwistjoni, allura l-leġiżlazzjoni nazzjonali kien ikollha tiġi eżaminata fid-dawl taż-żewġ libertajiet (17).

40.      Dan it-test doppju kien kompletament applikabbli kemm f’sitwazzjonijiet fejn kienu jkunu involuti dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti minn sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, jiġifieri sitwazzjonijiet intra-Komunitarji, kif ukoll f’sitwazzjonijiet fejn kienu jkunu involuti dividendi mħallsa minn sussidjarji stabbiliti fi Stati terzi, jiġifieri s-sitwazzjonijiet extra-Komunitarji.

41.      Issa, u wara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II, f’kuntest li jirrigwarda t-trattament fiskali ta’ dividendi li joriġinaw minn pajjiż terz, sitwazzjoni extra-Komunitarja, l-eżami tal-għan biss tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa biżżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-libertà applikabbli (18).

42.      B’hekk, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża sabiex tiġi applikata kemm għall-ishma ta’ kontroll kif ukoll għall-ishma tal-portafoll (kriterju ġuridiku), il-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi invokat indipendentement mill-ishma inkwistjoni (kriterju fattwali).

43.      B’hekk billi tiddefinixxi mill-ġdid il-metodu u l-kriterji tad-determinazzjoni tal-libertà applikabbli għat-trattament fiskali tad-dividendi fis-sitwazzjonijiet extra-Komunitarji, is-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II tippermetti li jiġu rettifikati l-konsegwenzi xi minn daqqiet radikali ta’ ġurisprudenza li tista’ twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara d-dritt tal-Unjoni sempliċement inapplikabbli f’ċerti sitwazzjonijiet (19).

44.      B’hekk, essenzjalment dak li jiġġustifika s-soluzzjoni innovattiva tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II huwa li, applikata għad-dividendi li joriġinaw minn pajjiż terz, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistax taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, bil-konsegwenza li hija teludi l-portata tad-dritt tal-Unjoni.

2.      L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Test Claimants in the FII Group Litigation II għad-dimensjoni extra-Komunitarja tal-kawża prinċipali

45.      F’dan il-każ, KII, li hija kumpannija kkunsidrata bħala “residenti” fil-Ġermanja, minkejja r-reġistrazzjoni tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika, għandha sehem ta’ 100 % mill-kapital ta’ sussidjarja stabbilita fi Stat terz, li jagħtiha bla ebda dubju influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, hija suġġetta għas-sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi mħallsa minn dik is-sussidjarja, li hija applikabbli għal kwalunkwe sehem ta’ iktar minn 10 % u b’hekk ma hijiex applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet fejn il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi.

46.      L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, meqjusa b’mod litterali, b’hekk tirreferi għal sitwazzjoni li tista’ titqies li hija tikkorrispondi eżattament għal dik koperta mis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II, b’tali mod li tista’ tingħata risposta fl-affermattiv, fl-istess termini u għall-istess motivi li ngħataw fl-imsemmija sentenza.

B –    Fuq il-libertà applikabbli għad-dimensjoni intra-Komunitarja tal-kawża prinċipali

47.      Madankollu, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirreferi biss, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għas-sussidjarja ta’ KII stabbilita fi Stat terz għall-Unjoni (“Drittland”) u b’hekk ma jidhirx li tikkonċerna dawk li huma stabbiliti fi Stati Membri oħrajn għajr il-Ġermanja jew fi Stati partijiet għall-Ftehim ŻEE. Mill-bqija, il-qorti tar-rinviju donnha tippreżupponi, kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet domandi tagħha, li d-dimensjoni intra-Komunitarja tal-kawża prinċipali taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll, “skont il-każ”, taħt il-moviment liberu tal-kapital.

48.      Issa, il-libertà ta’ stabbiliment, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, la hija applikabbli ratione loci u lanqas ratione persone. KII fil-fatt ma tistax tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati terzi, kif tfakkar iktar ’il fuq. Hija lanqas ma tista’ tinvokaha fir-rigward tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, minħabba n-“nazzjonalità” tagħha.

1.      KII ma hijiex f’pożizzjoni li tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment

49.      Il-kawża prinċipali għandha konfigurazzjoni partikolari, fis-sens li KII la tista’ tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward tas-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati terzi, fid-dawl tan-natura purament intra-Komunitarja ta’ din il-libertà, u lanqas fir-rigward tas-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jew fi Stati partijiet għall-Ftehim ŻEE, minħabba n-“nazzjonalità” tagħha.

50.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Opinjoni 1/94 tagħha, tal-15 ta’ Novembru 1994 (20), enfasizzat li l-għan tal-kapitolu tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment huwa li jiżgura l-libertà ta’ stabbiliment favur iċ-ċittadini, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-Istati Membri biss. L-imsemmi kapitolu ma fih l-ebda dispożizzjoni li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu għas-sitwazzjonijiet esterni għall-Unjoni Ewropea. B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment la tista’ tiġi invokata f’kuntest fejn persuna ġuridika ta’ pajjiż terz ikollha sehem li jagħtiha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet ta’ kumpannija ta’ Stat Membru (21), u lanqas f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ kumpannija ta’ Stat Membru f’pajjiż terz (22).

51.      KII, fil-fatt, hija kumpannija kkostitwita skont id-dritt Amerikan u li s-sede legali tagħha tinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika. Is-sede ta’ amministrazzjoni tagħha però qiegħda fil-Ġermanja, b’tali mod, li kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija kompletament suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 1(1) tal-KStG. Hija f’din il-kapaċità ta’ kumpannija “residenti” suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja li KII tinvoka kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital sabiex tipprekludi l-applikazzjoni fir-rigward tagħha tal-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża jew, f’termini iktar eżatti, sabiex tikseb it-trattament fiskali tad-dividendi li hija qed titlob.

52.      B’hekk, KII ma tistax, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 TFUE, tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment, peress li hija ma ġietx ikkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (23). Il-kwistjoni li tqum mill-ewwel hija dik jekk hija tistax tinvoka, jekk ikun il-każ, il-moviment liberu tal-kapital.

53.      Il-kawża prinċipali għalhekk tqajjem ukoll il-kwistjoni jekk il-moviment liberu tal-kapital huwiex, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, applikabbli għad-dimensjoni intra-Komunitarja tagħha jew, fi kliem ieħor, jekk is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-sitwazzjonijiet extra-Komunitarji fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II tagħha tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjonijiet intra-Komunitarji u b’hekk tkun applikabbli għall-kawża prinċipali kollha.

2.      Ir-risposta mogħtija fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II għandha tkun tista’ tiġi applikata fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali

54.      Fil-fehma tiegħi, peress li l-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi invokata fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trattament fiskali tad-dividendi b’applikazzjoni ġenerali, li tkopri kemm l-ishma ta’ kontroll kif ukoll l-ishma tal-portafoll, il-moviment liberu tal-kapital għandu jkun jista’ jiġi applikat, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm abbuż, anki meta fil-kawża prinċipali jkunu involuti ishma ta’ kontroll.

55.      Kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, din is-soluzzjoni tkompli perfettament ma’ dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II, billi ma hemm xejn fil-motivi ta’ din tal-aħħar li jipprekludi t-traspożizzjoni tagħha għal din il-kawża.

56.      Fil-fatt, mis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II jirriżulta bla ebda diffikultà li r-raġuni fundamentali għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-moviment liberu tal-kapital kellu jkun applikabbli għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ applikazzjoni ġenerali f’sitwazzjonijiet extra-Komunitarja ma hija xejn għajr l-impossibbiltà li fir-rigward tagħhom tiġi applikata l-libertà ta’ stabbiliment.

57.      Issa, kif ingħad iktar ’il fuq u l-istess bħas-sussidjarji stabbiliti fi Stati terzi, KII ma tistax, bħala kumpannija parent, tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment u b’hekk tissodisfa l-kundizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta għaliha l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi applikata mingħajr distinzjoni għall-ishma tal-portafoll u għall-ishma ta’ kontroll u b’hekk tissodisfa l-kundizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta għaliha l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.

58.      Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaldaqstant tissodisfa sostanzjalment il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II tagħha mingħajr ma taqa’ taħt il-każ li kjarament kellha l-ħsieb li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza l-ġdida. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, qagħdet ferm attenta sabiex tenfasizza li l-moviment liberu tal-kapital, u b’hekk, id-dritt tal-Unjoni, jibqgħu inapplikabbli għas-sitwazzjonijiet extra-Komunitarji meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trattament fiskali tad-dividendi tkun applikabbli biss għall-ishma ta’ kontroll. F’dan il-każ, il-libertà ta’ stabbiliment tibqa’ l-unika libertà applikabbli u s-sitwazzjoni extra-Komunitarja teludi l-portata tad-dritt tal-Unjoni (24).

59.      Fl-aħħar nett, it-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza Test Claimants in the FII Group Litigation II fuq kollox tippermetti li jiġi evitat li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat għad-dimensjoni extra-Komunitarja tal-kawża prinċipali filwaqt li ma jkunx jista’ jiġi applikat għad-dimensjoni intra-Komunitarja tagħha, fatt li jista’ jiġi kkunsidrat biss bħala anomalija.

60.      L-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali naħseb li hija meħtieġa iktar u iktar għaliex hija la tista’ tkun awtomatika u lanqas sistematika, tant li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn abbuż, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 100 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II tagħha.

61.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ippreċiżat li huwa importanti li jiġi evitat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE, ma tippermettix li l-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-kapital, imma li ma jidħlux fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-libertà ta’ stabbiliment, jibbenefikaw minnha. Madankollu, hija qieset li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża, peress li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni ma tirrigwardax “il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq” ta’ kumpannija tal-imsemmi Stat Membru fi Stat terz jew ta’ kumpannija ta’ Stat terz fl-imsemmi Stat Membru.

62.      Dan il-kriterju tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq huwa l-istess wieħed li użat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fidium Finanz (25) tagħha, b’tali mod li, jekk il-ġustifikazzjonijiet dettaljati tar-riżerva stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhrux b’mod espliċitu fil-motivi tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II tagħha, huma madankollu jinftiehmu sew fid-dawl tas-sentenza Fidium Finanz.

63.      Fil-kawża Fidium Finanz, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża kienet tissuġġetta t-twettiq mill-istabbilimenti finanzjarji stabbiliti fl-Istati terzi tal-attivitajiet tagħhom, f’dan il-każ, l-għoti ta’ servizzi finanzjarji fit-territorju Ġermaniż, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni de facto paragunabbli ma’ obbligu ta’ stabbiliment. Hija kellha bħala effett li “tostakola l-aċċess għas-suq finanzjarju Ġermaniż għall-kumpanniji stabbiliti fi Stati terzi (26)”. Huwa diffiċli li jiġi ammess, f’ċirkustanzi ta’ din ix-xorta, li kumpannija stabbilita fi Stat terz tkun tista’ tinvoka l-moviment liberu tal-kapital sabiex, b’xi mod, teludi, billi tinnewtralizza l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirregola b’mod ferm speċifiku l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ servizzi finanzjarji, li huma kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tal-imsemmi Stat Membru.

64.      F’dan il-każ, u l-istess bħal-leġiżlazzjoni Brittanika inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni f’din il-kawża prinċipali bl-ebda mod ma għandha l-għan jew l-effett li taffettwa l-“kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq” fis-sens tas-sentenza Fidium Finanz.

C –    Konklużjonijiet

65.      Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kumpannija residenti ta’ Stat Membru li jkollha ishma ta’ kontroll f’kumpanniji residenti ta’ Stati Membri oħrajn, ta’ Stati partijiet għall-Ftehim ŻEE jew ta’ Stati terzi tista’ tinvoka d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital sabiex tikkontesta l-kompatibbiltà mal-imsemmija dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikkonċerna t-trattament fiskali tad-dividendi, meta din il-leġiżlazzjoni tkun intiża sabiex tiġi applikata kemm għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha (ishma ta’ kontroll) kif ukoll għall-ishma adottati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm impatt fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (ishma tal-portafoll) u minkejja li hija ma jkollhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tal-kumpanniji tal-imsemmi Stat Membru fl-Istati Membri l-oħra jew fl-Istati terzi jew tal-kumpanniji ta’ Stati Membri oħrajn u ta’ Stati terzi fl-imsemmi Stat Membru.

66.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ġiet ifformulata mill-ġdid, li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar it-taxxa fuq id-dividendi li hija applikabbli għal kull sehem ta’ iktar minn 10 % tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital meta l-ishma inkwistjoni jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħhom, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma jkollhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tal-kumpanniji tal-imsemmi Stat Membru fl-Istati Membri l-oħra jew fl-Istati terzi jew tal-kumpanniji ta’ Stati Membri oħrajn u ta’ Stati terzi fl-imsemmi Stat Membru.

VI – Fuq il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mal-moviment liberu tal-kapital

67.      Bit-tieni, bit-tielet u bir-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-tpaċija u r-rimbors tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarji u mis-sottosussidjarji ta’ kumpannija residenti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jew fi Stati terzi meta din tal-aħħar tbati telf, filwaqt li dik it-tpaċija u dak ir-rimbors ikunu previsti għas-sussidjarji residenti.

A –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dividendi (il-mekkaniżmi ta’ taxxa fuq id-dividendi nazzjonali u l-eżenzjoni tad-dividendi barranin)

68.      L-ewwel nett, għandhom jitfakkru l-elementi essenzjali tal-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża dwar id-dividendi, li tagħmel distinzjoni bejn dawk li jitħallsu lil kumpannija residenti minn sussidjarja residenti (id-dividendi b’oriġini nazzjonali) u li huma suġġetti għas-sistema ta’ tpaċija u dawk li jitħallsu lil kumpannija residenti minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz (id-dividendi b’oriġini barranija) li jibbenefikaw minn sistema ta’ eżenzjoni.

1.      Is-sistema ta’ taxxa fuq id-dividendi b’oriġini nazzjonali

69.      Id-dividendi b’oriġini nazzjonali huma suġġetti, skont l-Artikolu 36(2)(3) tal-EStG, għal sistema ta’ tpaċija, li fil-kuntest tagħha t-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa f’ras il-għajn mis-sussidjarja distributriċi tiġi imposta fuq it-taxxa li għandha titħallas mill-kumpannija parent benefiċjarja, b’mod parzjali meta l-imsemmija kumpannija ma terġax tqassam l-imsemmija dividendi lill-azzjonisti finali u b’mod totali meta hija terġa’ tqassamhom kollha.

2.      Is-sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi b’oriġini barranija

70.      Id-dividendi b’oriġini barranija jibbenefikaw, min-naħa l-oħra, minn sistema ta’ eżenzjoni, imsejħa “sistema privileġġjata konvenzjonali tad-dividendi fi ħdan il-gruppi”. Dawn fil-fatt huma eżentati mit-taxxi fil-Ġermanja abbażi ta’ ftehim bilaterali differenti, b’effett minn sehem li jvarja bejn l-10 % u l-25 %. Billi dawn id-dividendi b’oriġini barranija ma humiex dħul taxxabbli, għaldaqstant ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-taxxa u b’hekk ma jistgħux jiġu imposti fuq it-taxxi dovuti mill-kumpannija parent. L-Artikolu 36(3)(f) tal-EStG jipprevedi, fil-fatt, li t-taxxa fuq il-kumpanniji ma tiġix imposta fuq it-taxxa fuq id-dħul meta l-imsemmi dħul ma jkunx tqies fid-determinazzjoni tal-valur taxxabbli.

3.      It-trattament tat-telf fil-kuntest tas-sistema ta’ taxxa fuq id-dividendi b’oriġini nazzjonali

71.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema ta’ tpaċija prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża tippermetti li kumpannija parent li tibbenefika mid-dividendi mqassma minn sussidjarja residenti tikseb, meta hija tbati telf jew tittrasferixxi telf u li l-ħlas tad-dividendi mis-sussidjarja distributriċi ma jippermettix li l-imsemmi telf jiġi tpaċut, minn naħa, li ma tħallas l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji u, min-naħa l-oħra, li tibbenefika minn ħlas li jikkorrispondi għat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa f’ras il-għajn mis-sussidjarja distributriċi.

72.      Min-naħa l-oħra, tali ħlas huwa eskluż fi kwalunkwe każ fil-każ ta’ dividendi b’oriġini barranija, sa fejn dawn huma eżentati u b’hekk, skont l-Artikolu 36(2)(3)(f) tal-EstG, ma jistgħux jitqiesu fil-valur taxxabbli tal-kumpannija parent.

B –    Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

73.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-regola tal-Artikolu 36(2)(3)(f) tal-EStG, li jissuġġetta t-tpaċija għall-kundizzjoni li d-dħul korrispondenti jitqies fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-taxxa, ma hijiex restrizzjoni peress li ma tistabbilixxi l-ebda distinzjoni skont l-oriġini tad-dħul. Li kieku kellha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni, allura din tista’ tkun biss riżultat tal-effett konġunt tar-regoli dwar id-determinazzjoni tat-taxxa u tar-regoli dwar it-tpaċija tat-taxxa.

74.      Hija tikkunsidra li s-sistema ta’ eżenzjoni li minnha jibbenefikaw id-dividendi b’oriġini barranija, barra minn hekk konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (27) hija dejjem iktar vantaġġjuża mis-sistema ta’ tpaċija li huma suġġetti għaliha d-dividendi b’oriġini nazzjonali.

75.      Jista’ jkun hemm inugwaljanza fit-trattament tad-dividendi b’oriġini nazzjonali u tad-dividendi b’oriġini barranija biss fil-każ li s-sussidjarji barranin iqassmu d-dividendi u fejn il-kumpannija parent residenti tirreġistra telf jew tittrasferixxi telf. Madankollu, hija tiddubita kemm sitwazzjoni ta’ din ix-xorta hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

76.      Is-sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi b’oriġini barranija u s-sistema ta’ tpaċija applikabbli għad-dividendi b’oriġini nazzjonali, eżaminati fiż-żewġ stadji tal-proċedura ta’ determinazzjoni u tal-proċedura ta’ tpaċija tat-taxxa, huma fil-fatt ekwivalenti, bl-ewwel waħda jkollha saħansitra vantaġġ meta pparagunata mat-tieni għaliex ma timponi l-ebda obbligu ta’ prova u b’hekk l-ebda oneru proċedurali.

77.      Ċertament, hija tikkonċedi, billi tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (28), li regola fiskali li tiżvantaġġja d-dividendi b’oriġini barranija hija restrizzjoni anki jekk l-applikazzjoni tagħha f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkollha effetti vantaġġjużi. Madankollu, hija ma tikkondividix il-fehma, difiża minn KII, li s-sempliċi fatt li s-sistema ta’ eżenzjoni tagħti vantaġġ fuq il-livell tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa u żvantaġġ finanzjarju fuq il-livell tal-proċedura ta’ tpaċija tat-taxxa jikkostitwixxi restrizzjoni.

78.      Billi d-dividendi b’oriġini barranija huma eżentati, huma dejjem jevitaw id-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa u b’hekk huma dejjem ivvantaġġjati. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jiġu imposti. Id-dividendi b’oriġini nazzjonali, min-naħa l-oħra, dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa imma dan it-teħid inkunsiderazzjoni jiġi kkumpensat bit-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuqhom, imħallsa mis-sussidjarja distributriċi fuq it-taxxi mħallsa mill-kumpannija parent benefiċjarja, tpaċija li hija totali meta din tal-aħħar mill-ewwel terġa’ tqassam id-dividendi jew parzjali meta din tal-aħħar ma terġax tqassamhom.

79.      Issa, meta l-kumpannija parent residenti tbati telf, il-ħlas tad-dividendi mis-sussidjarji residenti jkollu wkoll effett żvantaġġjuż, fl-istadju tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa l-istess bħal fl-istadju tal-proċedura ta’ tpaċija tat-taxxa. Fl-istadju tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa, dan il-ħlas ipaċi b’mod totali jew parzjali t-telf u jikkontribwixxi sabiex inaqqas jew sabiex jimpedixxi t-trasferiment tat-telf, għas-snin preċedenti kif ukoll għas-snin sussegwenti. Fl-istadju tal-proċedura ta’ tpaċija tat-taxxa, it-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf għas-snin preċedenti jnaqqas ir-rimbors tat-taxxa mħallsa fis-snin preċedenti.

80.      Il-vantaġġ finanzjarju li għandha s-sistema ta’ tpaċija fil-każ ta’ telf jirriżulta biss fl-istadju tal-proċedura ta’ tpaċija. Fl-istadju tal-proċedura ta’ determinazzjoni tat-taxxa, it-taxxa li għandha titħallas mill-kumpannija parent, minkejja d-dividendi mħallsa mis-sussidjarja residenti, tkun imnaqqsa jew ineżistenti. Fl-istadju tal-proċedura ta’ tpaċija, it-taxxa fuq id-dividendi mħallsa mis-sussidjarja tiġi imposta fuq it-taxxa tal-kumpannija parent u b’hekk tista’ twassal għal rimbors, parzjali jew totali.

81.      Dawn l-effetti vantaġġjużi u żvantaġġjużi, minn sena tat-taxxa għall-oħra, madankollu huma biss il-konsegwenza loġika tal-applikazzjoni ta’ żewġ sistemi differenti.

82.      KII essenzjalment issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża applikabbli għad-dividendi mħallsa lil kumpannija parent residenti tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, sa fejn is-sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi b’oriġini barranija hija inqas vantaġġjuża mis-sistema ta’ taxxa fuq id-dividendi b’oriġini nazzjonali meta l-kumpannija parent residenti tbati telf.

83.      Minħabba li kumpannija parent Ġermaniża tista’, meta hija jkollha telf, tikseb ir-rimbors tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja Ġermaniża tagħha, skont il-mekkaniżmu ta’ tpaċija, KII qed titlob li tibbenefika mill-istess vantaġġ, jiġifieri li tikseb ir-rimbors fil-Ġermanja tat-taxxi fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarji tagħha fl-Istat ta’ stabbiliment tagħhom. L-esklużjoni tat-tpaċija u tar-rimbors tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa preċedentement mis-sussidjarji barranin fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpannija parent, meta din tal-aħħar ikollha telf, hija kontra l-moviment liberu tal-kapital.

84.      KII tippreċiża li s-sistema ta’ eżenzjoni u s-sistema ta’ tpaċija huma ekwivalenti biss sa fejn ma tittieħidx inkunsiderazzjoni t-taxxa fuq l-azzjonisti tagħha. Jekk tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa fuq l-azzjonisti finali, huwa biss fir-rigward tad-dividendi b’oriġini nazzjonali li tiġi evitata t-taxxa doppja kemm fuq il-livell tal-kumpannija parent kif ukoll fuq il-livell tal-azzjonisti tagħha. Billi tirreferi għas-sentenza Accor (29), KII ssostni, b’mod partikolari, li sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dividendi b’oriġini barranija jiġux ittrattati b’mod ekwivalenti għal dak tad-dividendi b’oriġini nazzjonali, għandu jiġi evalwat il-piż fiskali billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tqassim mill-ġdid tad-dividendi rċevuti.

85.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll il-Finanzamt Leverkusen essenzjalment jikkunsidraw li l-mekkaniżmu ta’ tpaċija u l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni, li t-tnejn li huma għandhom l-għan li jevitaw it-taxxa doppja ekonomika, huma kollox ma’ kollox ekwivalenti, bid-dividendi b’oriġini barranija u b’oriġini nazzjonali jkunu suġġetti għal trattamenti ekwivalenti fejn il-modalitajiet tagħhom biss huma differenti. Huma jsostnu wkoll li, jekk jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża titqies li hija restrittiva, madankollu dan huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali, li jiġi protett it-tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati membri u li jiġi evitat teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf.

86.      Il-Kummissjoni, fl-aħħar nett, tikkunsidra li s-sitwazzjoni tas-sussidjarji nazzjonali u tas-sussidjarji barranin ma hijiex paragunabbli, sa fejn id-dividendi b’oriġini barranija huma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja, abbażi ta’ ftehim bilaterali, filwaqt li d-dividendi b’oriġini nazzjonali huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja. Ir-rimbors lill-kumpannija parent residenti tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarja residenti distributriċi tad-dividendi tikkostitwixxi element tal-mekkaniżmu li għandu l-għan li jevita jew li jnaqqas it-taxxa doppja ekonomika fir-rigward tal-kumpannija parent. It-trattament fiskali differenzjat tad-dividendi b’oriġini barranija u b’oriġini nazzjonali b’hekk huwa oġġettivament iġġustifikat minn din is-sitwazzjoni differenti. Fi kwalunkwe każ, ikun iġġustifikat mir-rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali marbut mal-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

2.      Analiżi

87.      Qabel xejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jħaddmuha f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital (30).

88.      B’hekk, huwa kull Stat Membru li għandu jorganizza, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, is-sistema ta’ taxxi fuq id-dividendi tiegħu billi jiddefinixxi, f’dan il-kuntest, il-bażi taxxabbli kif ukoll ir-rata tat-taxxa li għandhom japplikaw (31).

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-kompetenza sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom, sabiex, partikolarment, tiġi eliminata t-taxxa doppja (32). B’hekk, l-Istati Membri jibqgħu liberi, fil-kuntest ta’ ftehim bilaterali, konklużi sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, li jistabbilixxu l-fatturi ta’ konnessjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-kompetenza fiskali tagħhom (33).

90.      Madankollu, jekk l-Istati Membri huma liberi li jorganizzaw is-sistema fiskali tagħhom, u b’mod partikolari li jagħżlu l-mekkaniżmu li permezz tiegħu beħsiebhom jipprevjenu jew inaqqsu sensiela ta’ taxxi jew it-taxxa doppja ekonomika (34) fuq id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti, però għandhom jagħmlu użu minn din il-possibbiltà filwaqt li jkunu konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (35).

91.      Meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ prevenzjoni jew ta’ tnaqqis ta’ sensiela ta’ taxxi jew tat-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti minn kumpanniji residenti oħrajn, għaldaqstant, skont l-Artikolu 63 TFUE, huwa għandu jagħti trattament ekwivalenti għad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti minn kumpanniji mhux residenti (36). B’mod partikolari, huwa ma jistax jittratta b’mod inqas vantaġġjuż lid-dividendi b’oriġini barranija milli d-dividendi b’oriġini nazzjonali, sakemm din id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku jew ma tkunx tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu pparagunati oġġettivament (37).

92.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża applikabbli għall-kawża prinċipali hijiex restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital u jekk iva, jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

93.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont diversi ftehim bilaterali rilevanti konklużi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mal-Istati Membri jew mal-Istati terzi ta’ stabbiliment tas-sussidjarji differenti ta’ KII inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dividendi mħallsa lil KII mill-imsemmija sussidjarji huma taxxabbli fl-imsemmija Stati u eżentati fil-Ġermanja.

94.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din is-sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi b’oriġini barranija, li tirriżulta kemm mill-ftehim dwar taxxa doppja kif ukoll mid-dritt nazzjonali Ġermaniż, hija minnha nfisha konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.

95.      Billi d-dividendi b’oriġini barranija huma eżentati fil-Ġermanja u ma jidħlux fil-valur taxxabbli tal-kumpannija parent benefiċjarja, huma għalhekk ma jistgħux ikunu suġġetti għal sensiela ta’ taxxi fir-rigward tal-kumpannija parent benefiċjarja. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tosserva, sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi mqassma telimina, ex hypothesi, ir-riskju ta’ sensiela ta’ taxxi fuq dawn tal-aħħar (38).

96.      Minn dan isegwi, mil-lat tal-għan tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li huwa li jiġu evitati sensiela ta’ taxxi jew it-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji residenti, li s-sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi b’oriġini barranija hija minnha nfisha għalkollox leġittima, sa fejn tippermetti li jinkiseb riżultat ekwivalenti għas-sistema ta’ tpaċija applikabbli għad-dividendi b’oriġini nazzjonali. Konsegwentement, u sa fejn id-dividendi b’oriġini barranija ma humiex tabilħaqq taxxabbli, xi ħaġa li għandha tiżgura l-qorti tar-rinviju, il-Ġermanja ma tistax tiġi akkużata li tissuġġetta d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji residenti għal sistemi distinti skont l-oriġini tagħhom.

97.      L-argument li KII siltet mis-sentenza Accor, jiġifieri li l-ekwivalenza tas-sistema ta’ eżenzjoni u tas-sistema ta’ tpaċija għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-taxxa fuq l-azzjonisti finali, minn dan il-lat, għandu jiġi miċħud.

98.      Hija fil-fatt it-tassazzjoni ta’ KII fil-Ġermanja li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mhux dik tal-azzjonisti tagħha u għaldaqstant hija l-kumpannija nfisha u mhux l-azzjonisti tagħha li tat bidu għall-kawża prinċipali (39). Mill-bqija, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, KII tippreċiża li l-azzjonisti diretti tagħha huma residenti fl-Istati Uniti, mingħajr ma tipprovdi l-iċken ħjiel dwar il-possibbiltà li dawn ikunu jistgħu jiġu ntaxxati fil-Ġermanja.

99.      L-iżvantaġġ li KII qed tikkontesta però ma qiegħedx, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, fl-eżistenza ta’ taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi b’oriġini barranija, imma fir-riżultat differenti tal-applikazzjoni rispettiva tas-sistema ta’ eżenzjoni u tas-sistema ta’ tpaċija fil-każ li l-kumpannija parent benefiċjarja tad-dividendi tagħmel telf.

100. KII tilmenta, b’mod iktar preċiż, miċ-ċirkustanza li, minħabba l-applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni għad-dividendi b’oriġini barranija, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tibbenefika mill-vantaġġ li tagħti l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tpaċija fil-każ ta’ telf, vantaġġ ikkostitwit mir-rimbors ta’ ammont li jikkorrispondi għat-taxxa fuq il-kumpanniji impost fuq id-dividendi mqassma, imħallsa mis-sussidjarja residenti. Konsegwentement, hija titlob li s-sistema ta’ tpaċija tiġi applikata għad-dividendi b’oriġini barranija, b’tali mod li tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmi rimbors.

101. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss ftit preċiżazzjonijiet dwar il-bażi li fuqhom u dwar il-kundizzjonijiet li fihom kumpannija residenti li tbati telf jew li tittrasferixxi telf tista’ tikseb, fil-kuntest tas-sistema ta’ tpaċija applikabbli għad-dividendi b’oriġini nazzjonali, ir-rimbors tat-taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq il-profitti mqassma mis-sussidjarja residenti tagħha.

102. Fid-dawl ta’ dawn, huwa paċifiku li tali rimbors ma jistax isir fil-kuntest tas-sistema ta’ eżenzjoni applikabbli għad-dividendi b’oriġini barranija, billi dawn tal-aħħar ma humiex, skont id-definizzjoni, inklużi fil-valur taxxabbli tal-kumpannija parent residenti minħabba l-eżenzjoni tagħhom.

103. Il-Finanzamt Leverkusen, l-istess bħar-Repubblika Fedrali tal-Ġermanja, filwaqt li jikkonfermaw il-preċiżazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, jikkonċedu li, fil-każ li l-kumpannija parent residenti tagħmel telf jew tittrasferixxi telf, is-sistema ta’ eżenzjoni tista’ tinvolvi żvantaġġ finanzjarju meta pparagunata mas-sistema ta’ tpaċija, sa fejn, għas-sena tat-tqassim tad-dividendi, l-applikazzjoni tagħha tista’ twassal għal piż fiskali ikbar.

104. Madankollu, huma essenzjalment jikkunsidraw li dan huwa żvantaġġ finanzjarju temporanju li jiġi prodott biss fiċ-ċirkustanza partikolari fejn il-kumpannija parent tbati telf jew tittrasferixxi telf ikbar mid-dividendi rċevuti, li ma jippermettix li tiġi kkontestata l-ekwivalenza taż-żewġ sistemi. Għalhekk, dan l-iżvantaġġ essenzjalment jiġi relattivizzat mill-fatt li sistema ta’ eżenzjoni, bid-differenza għal sistema ta’ tpaċija, ma tinvolvi l-ebda obbligu ta’ prova tal-piż fiskali impost fuq id-dividendi mqassma u b’hekk l-ebda spiża ta’ implementazzjoni fuq il-kumpannija parent benefiċjarja.

105. Però, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pożizzjoni ta’ kumpannija parent residenti tidher tabilħaqq iktar vantaġġjuża meta hija tirċievi dividendi b’oriġini nazzjonali milli meta hija tirċievi dividendi b’oriġini barranija, sa fejn, meta tbati telf jew tittrasferixxi telf, hija tkun tista’ tikseb ir-rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa mis-sussidjarja residenti tagħha, għall-inqas meta d-dividendi mħallsa ma jpaċux it-telf irreġistrat.

106. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li d-distinzjoni stabbilita b’dan il-mod mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża tista’ tkun tali li tiddiswadi lill-kumpanniji residenti milli jinvestu kapital f’kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jew fi Stati terzi (40), u li konsegwentement għandha tiġi kkwalifikata bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

107. Madankollu, kif jirriżulta minn ġurisprudenza konsistenti, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija pprojbita biss sakemm ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 64(1) TFUE jew tal-Artikolu 65(1) TFUE jew ta’ rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali.

b)      Fuq il-ġustifikazzjonijiet

108. Kif jirriżulta mis-sunt tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju, sostnuta mill-Finanzamt Leverkusen, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni, tikkunsidra li, jekk jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tista’ titqies li hija restrittiva, madankollu dan huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża, li jiġi protett it-tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u li jiġi prekluż teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf.

109. Min-naħa tiegħi nikkunsidra li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u fiċ-ċirkustanzi ferm partikolari, u biex ngħid kollox kompletament ġodda, tal-kawża prinċipali, it-talba ta’ KII ma tistax tintlaqa’, anki jekk dan se jsir għal motivi li jvarjaw xi ftit mill-ġustifikazzjonijiet tradizzjonalment ammessi mill-Qorti tal-Ġustizzja.

110. Jekk, fil-fatt, ikollu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ taxxi fuq id-dividendi fil-Ġermanja, kif tirriżulta mill-ftehim dwar taxxa doppja u mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Ġermaniż, ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, u jekk l-imsemmi Stat Membru jkollu, allura, jirrimborsa lil kumpannija residenti t-taxxi fuq id-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha fl-Istati Membri u fl-Istati terzi fejn ikunu stabbiliti, kemm il-koerenza globali tal-imsemmija sistema kif ukoll it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi jkunu ferm kompromessi.

111. F’dan ir-rigward, qabel xejn għandu jitfakkar li l-Ġermanja, fejn KII titqies li hija residenti, kif ukoll l-Istati Membri u l-Istati terzi differenti fejn huma stabbiliti s-sussidjarji tagħha, ftiehmu b’mod għalkollox leġittimu li jaqsmu s-setgħa ta’ tassazzjoni rispettiva tagħhom billi kkonkludew ftehim sabiex, b’mod partikolari, jeliminaw it-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi, li tikkorrispondi għar-rekwiżiti tad-Direttiva 90/435/KEE, kif osservat il-qorti tar-rinviju, kif ukoll għall-prinċipji stabbiliti tad-dritt fiskali internazzjonali (41).

112. Dawn il-ftehim jipprevedu, minn naħa, it-taxxa fuq id-dividendi mill-Istat Membru jew mill-Istat terz fejn jinsab is-sors tagħhom, jiġifieri l-Istat ta’ stabbiliment tas-sussidjarji distributriċi u, min-naħa l-oħra u korrelattivament, l-eżenzjoni tagħhom fl-Istat Membru fejn jitqassmu, jiġifieri l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija parent benefiċjarja. B’hekk huma jiggarantixxu d-dritt tal-Istati Membri bħala Stati terzi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom b’rabta mal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tagħhom (42).

113. Mill-bqija, bl-ebda mod ma ġie allegat, kif ġie osservat iktar ’il fuq, li l-assenza ta’ kwalunkwe sensiela ta’ taxxi fuq id-dividendi b’oriġini barranija ma hijiex iggarantita fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni (43).

114. Jibqa’ l-fatt, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, li s-sistema ta’ eżenzjoni tad-dividendi b’oriġini barranija tinvolvi żvantaġġ meta pparagunata mas-sistema ta’ tpaċija applikabbli għad-dividendi b’oriġini nazzjonali. Dan l-iżvantaġġ, li jista’ jiġi kkwalifikat bħala inevitabbli, madankollu għandu jiġi ssostitwit fil-kuntest ferm partikolari fejn joriġina u li jiddistingwi l-kawża prinċipali mill-kawżi kollha li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet konjizzjoni tagħhom sa issa, kemm jekk kienu kawżi dwar it-trattament fiskali tad-dividendi jew dawk dwar il-kumpens għat-telf fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji (44).

115. Qabel xejn, id-duwalità tas-sistema tat-taxxi fuq id-dividendi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kontra dik li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet konjizzjoni tagħha sa issa. Fil-fatt, huma d-dividendi b’oriġini barranija li jibbenefikaw minn sistema ta’ eżenzjoni filwaqt li d-dividendi b’oriġini nazzjonali huma suġġetti għal sistema ta’ tpaċija. Issa, il-fatt li, f’dan il-każ, id-dividendi b’oriġini barranija jeludu kull taxxa fil-Ġermanja jbiddel radikalment it-termini tal-paragun li għandu jsir sabiex jiġi ddeterminat jekk iż-żewġ sistemi humiex ekwivalenti.

116. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li s-sistema ta’ tpaċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvi mekkaniżmu, klassiku, ta’ tpaċija għat-telf ta’ kumpannija parent bil-profitti mqassma mis-sussidjarja tagħha li jagħmel parti minn mekkaniżmu, klassiku huwa wkoll, ta’ tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarja fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha tħallas il-kumpannija parent sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi. L-interdipendenza taż-żewġ mekkaniżmi madankollu tagħmel l-ispeċifiċità kollha u l-kumplessità kollha tal-kawża prinċipali.

117. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex it-telf ta’ sussidjarja mhux residenti li jiġi impost fuq il-valur taxxabbli ta’ kumpannija parent residenti u b’hekk inaqqas il-profitti taxxabbli ta’ din tal-aħħar (45). Hawnhekk, huwa t-telf tal-kumpannija parent residenti li, meta jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-taxxi imposti fuqha u tal-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ tpaċija, jippermettu li jinkiseb ir-rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa preċedentement mis-sussidjarja residenti tagħha.

118. Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi evalwat l-iżvantaġġ li jaffettwa d-dividendi b’oriġini barranija allegat minn KII, li jikkorrispondi għall-vantaġġ li jibbenefikaw minnu d-dividendi b’oriġini nazzjonali.

119. Ir-rimbors lill-kumpannija parent residenti tal-ammont tat-taxxi fuq id-dividendi mħallsa mis-sussidjarja residenti tagħha jsir meta d-dividendi mqassma mis-sussidjarja ma jkoprux it-telf tal-kumpannija parent. Ir-rimbors lill-kumpannija parent b’hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, huwa marbut direttament mat-taxxi fuq is-sussidjarja u jingħata biss minħabba dawn it-taxxi. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe profitt tal-kumpannija parent meqjusa flimkien mas-sussidjarja tagħha fit-territorju tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’hekk tirrinunzja, fil-kapaċità doppja tagħha ta’ Stat Membru ta’ residenza tal-kumpannija parent u tas-sussidjarja u ta’ Stat Membru tas-sors tal-profitti (46), għal kwalunkwe taxxa fuq id-dividendi.

120. Fil-kuntest tas-sistema ta’ eżenzjoni, is-sitwazzjoni hija għalkollox differenti. Id-dividendi mqassma lil kumpannija parent residenti mis-sussidjarji mhux residenti ma humiex taxxabbli fil-Ġermanja imma fl-Istati fejn dawn tal-aħħar ikunu stabbiliti, skont ftehim dwar taxxa doppja u f’konformità mal-prinċipji kbar tad-dritt fiskali internazzjonali. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jista’ jkun hemm l-ebda rabta bejn it-taxxi preċedenti fuq is-sussidjarja u r-rimbors sussegwenti lill-kumpannija parent.

121. Konsegwentement, jekk il-Ġermanja, fil-kapaċità tagħha ta’ Stat ta’ residenza tal-kumpannija parent, tirrimborsa lil din tal-aħħar it-taxxi fuq id-dividendi miġbura mill-Istati Membri jew mill-Istati terzi fejn huma stabbiliti s-sussidjarji tagħha, hekk kif ikunu qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ Stat tas-sors tal-profitti, dan jikser is-simetrija li għandu jkun hemm bejn id-dritt li jiġu intaxxati l-profitti u l-fakultà ta’ tnaqqis tat-telf  (47), u jaffettwa b’mod irrimedjabbli kemm il-koerenza globali tas-sistema tat-taxxi fuq id-dividendi kif ukoll it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni li tirriżulta mill-konklużjoni ta’ ftehim dwar taxxa doppja mill-Istati Membri u mill-Istati terzi differenti involuti.

3.      Konklużjonijiet

122. Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li d-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża bejn id-dividendi b’oriġini barranija, li jibbenefikaw minn sistema ta’ eżenzjoni, u d-dividendi b’oriġini nazzjonali, suġġetti għal sistema ta’ tpaċija, hija ġġustifikata. F’dawn il-kundizzjonijiet ma għandhiex issir distinzjoni bejn id-dividendi li jkunu ġejjin mis-sussidjarji u dawk li jkunu ġejjin mis-sottosussidjarji, is-suġġett tat-tielet domanda. Lanqas ma għandha ssir distinzjoni, a fortiori (48), bejn id-dividendi li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn u dawk li jkunu ġejjin minn Stati terzi, is-suġġett tar-raba’ domanda.

123. F’dawn il-kundizzjonijiet ma hemmx għalfejn tingħata risposta speċifika lit-tielet u r-raba’ domandi preliminari, differenti minn dik mogħtija lit-tieni domanda.

124. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domandi preliminari billi tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-tpaċija u r-rimbors tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarji u mis-sottosussidjarji ta’ kumpannija residenti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, fi Stati partijiet għall-Ftehim ŻEE jew fi Stati terzi meta din tal-aħħar tbati telf, minkejja li din it-tpaċija tkun prevista għas-sussidjarji residenti u li rimbors ikun possibbli fil-każ ta’ telf.

VII – Konklużjoni

125. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja) kif ġej:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar it-taxxa fuq id-dividendi, li hija applikabbli għal kwalunkwe sehem ta’ iktar minn 10 %, tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital meta l-ishma inkwistjoni jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħhom, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma jkollhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tal-kumpanniji tal-imsemmi Stat Membru fl-Istati Membri l-oħra jew fl-Istati terzi jew tal-kumpanniji ta’ Stati Membri oħrajn u ta’ Stati terzi fl-imsemmi Stat Membru.

2)      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-tpaċija u r-rimbors tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarji u mis-sottosussidjarji ta’ kumpannija residenti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, fi Stati partijiet għall- Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew fi Stati terzi meta din tal-aħħar tbati telf, minkejja li din it-tpaċija tkun prevista għas-sussidjarji residenti u li rimbors ikun possibbli fil-każ ta’ telf.”


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Leġiżlazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina ċerti aspetti tagħha; ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C-292/04, Ġabra p. I-1835) u tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et (C-262/09, Ġabra p. I-5669).


3 –      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753), iktar ’il quddiem is-“sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation I”; id-digriet tat-23 ta’ April 2008, Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation (C-201/05, Ġabra p. I-2875); is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-406/07, Ġabra p. I-62*) u tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11), iktar ’il quddiem is-“sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II”.


4 –      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305).


5 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C-264/96, Ġabra p. I-4695); tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837); tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C-414/06, Ġabra p. I-3601); Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq; tas-6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics (C-18/11); tal-21 ta’ Frar 2013, A Oy (C-123/11).


6 –      Iktar ’il quddiem il-“KStG”.


7 –      Iktar ’il quddiem l-“EStG”.


8 –      Iktar ’il quddiem “KII”.


9 –      Iċċitata iktar ’il fuq (punti 88 sa 104).


10 –      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fl-Opinjoni 1/94 tagħha, tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra p. I-5267, punt 81), li l-għan tal-kapitolu tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment huwa li jiżgura l-libertà ta’ stabbiliment favur iċ-ċittadini, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-Istati Membri biss . L-imsemmi kapitolu ma fih l-ebda dispożizzjoni li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu għal sitwazzjonijiet esterni għall-Unjoni Ewropea. B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment la tista’ tiġi invokata f’kuntest fejn persuna ġuridika ta’ pajjiż terz ikollha sehem li jagħtiha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet ta’ kumpannija ta’ Stat Membru [ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-10 ta’ Mejju 2007, Lasertec (C-492/04, Ġabra p. I-3775, punti 15 sa 28)], u lanqas f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ kumpannija ta’ Stat Membru f’pajjiż terz [ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-10 ta’ Mejju 2007, A u B (C-102/05, Ġabra p. I-3871, punti 19 sa 30)].


11 –      ĠU L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”.


12 –      Iċċitata iktar ’il fuq, punti 88 sa 104.


13 –      F’dak il-każ, kienet ir-raba’ domanda preliminari. Ara l-punti 30 u 31 kif ukoll il-punti 88 sa 104.


14 –      Ara l-punt 100.


15 –      Ara l-punt 104 u l-punt 4 tad-dispożittiv.


16 –      Ċerti drabi, kulma tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tikkonstata li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkonċerna biss “relazzjonijiet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji”, imma l-idea tibqa’ l-istess, jiġifieri li l-imsemmija leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment sa fejn, minħabba l-għan tagħha, hija taffettwa b’mod predominanti lil din tal-aħħar. Fuq din il-linja ġurisprudenzjali, li tirriżulta mill-punt 32 tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995) u mill-punt 118 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation I, iċċitata iktar ’il fuq, ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 33); tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 23); tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 68).


17 –      Huwa b’mod partikolari l-każ fil-kuntest tar-rikorsi għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għal raġunijiet inerenti f’dan ir-rikors; ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-207/07, Ġabra p. I-111*, punt 37); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22); tal-10 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-212/09, Ġabra p. I-10889, punti 41 sa 45); tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, punt 35). Dan jista’ wkoll ikun il-każ fil-kuntest ta’ kawżi għal deċiżjoni preliminari, meta bl-informazzjoni li jkollha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiddetermina d-daqs tas-sehem inkwistjoni fil-kawża prinċipali; ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation I, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 40); u tal-15 ta’ Settembru 2011, Accor (C-310/09, Ġabra p. I-8115, punti 30 sa 38).


18 –      Punt 96.


19 –      Ara s-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punti 26 sa 35, 103 sa 105); id-digrieti Lasertec, iċċitat iktar ’il fuq (punt 27); A u B, iċċitat iktar ’il fuq (punt 29) u tas-6 ta’ Novembru 2007, Stahlwerk Ergste Westig (C-415/06, Ġabra p. I-151*, punti 18 u 19); kif ukoll is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Scheunemann (C-31/11, punti 33 u 34).


20 –      Ġabra p. I-5267, punt 81.


21 –      Ara, b’mod partikolari, id-digriet Lasertec, iċċitat iktar ’il fuq (punti 15 sa 28).


22 –      Ara, b’mod partikolari, id-digriet A u B, iċċitat iktar ’il fuq (punti 19 sa 30).


23 –      Ara, b’mod partikolari, a contrario, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, Ġabra p. 5483, punt 16); tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 17); tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering (C-208/00, Ġabra p. I-9919, punti 56 u 57); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 110); u tal-20 ta’ Ġunju 2013, Impacto Azul (C-186/12, punt 32).


24 –      Sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation II, iċċitata iktar ’il fuq (punt 98). Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Beker u Beker (C-168/11, punt 30).


25 –      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, Ġabra p. I-9521).


26 –      Punti 46 u 48.


27 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147.


28 –      Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, AMID (C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 27); u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink (C-182/06, Ġabra p. I-6705).


29 –      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 45 et seq).


30 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16); tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32); u tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz (C-315/02, Ġabra p. I-7063, punt 19).


31 –      Ara s-sentenzi Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50); Test Claimants in the FII Group Litigation I, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47); tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C-194/06, Ġabra p. I-3747, punt 30); u tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux (C-128/08, Ġabra p. I-6823, punt 25).


32 –      Sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30); tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN (C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57); u Damseaux, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).


33 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gilly, iċċitata iktar ’il fuq (punti 24 u 30); Saint-Gobain ZN, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57) u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, Ġabra p. I-11949, punti 43 u 44).


34 –      Għandu jitfakkar, għal finijiet ta’ memorja, li t-taxxa doppja legali tindika s-sitwazzjoni fejn persuna taxxabbli waħda tkun suġġetta għal taxxa doppja għall-istess dħul, filwaqt li t-taxxa doppja ekonomika tindika s-sitwazzjoni fejn persuni taxxabbli differenti jkunu rispettivament suġġetti għal taxxa għall-istess dħul. Ara, f’dan ir-rigward, il-glossarju fiskali tal-International Bureau of Fiscal Documentation (IBFD); ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 2003, It-taxxa fuq id-dividendi fuq il-livell tal-persuni fiżiċi fis-suq intern, COM (2003) 810 finali; il-punti 2 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, ippreżentati fis-6 ta’ April 2006, fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation I u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Novembru 2011, Taxxa Doppja fis-Suq Uniku, COM(2011) 712 finali.


35 –      Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (punt 45) u Accor, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).


36 –      Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (punt 72) u Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 156).


37 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation I, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 45 u 46), u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza Accor, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).


38 –      Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Test Claimants in the FII Group Litigation I, (punt 63) u Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (punt 158).


39 –      Minn dan kollu jirriżulta wkoll, loġikament, li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet differenti li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u/jew orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief KII, ma semmew it-taxxa doppja legali li tolqot lid-dividendi b’oriġini barranija invokata minn KII.


40 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C-370/05, Ġabra p. I-1129, punt 24) u Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq (punti 50 u 80).


41 –      Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, OECD, Lutter contre l’érosion de la base d’imposition et le transfert de bénéfices, 2013, p. 37.


42 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56); Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 75); tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 82); tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, Ġabra p. I-9879, punt 77); u tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, Ġabra p. I-12273, punt 46).


43 –      Din hija differenza essenzjali mis-sitwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu konjizzjoni tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (punti 158 u 163).


44 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tad-19 ta’ Diċembru 2006, Trattament Fiskali tat-Telf f’Sitwazzjonijiet Transkonfinali, COM(2006) 824 finali.


45 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837); Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq; A, iċċitata iktar ’il fuq; u Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq.


46 –      Dwar din id-distinzjoni, ara s-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 sa 66).


47 –      Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Lidl Belgium, (punt 33); National Grid Indus (punt 58); u Philips Electronics (punt 24).


48 –      Dwar id-differenza bejn il-parti intra-Komunitarja u dik extra-Komunitarja tal-moviment liberu tal-kapitali, ara s-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation I, iċċitata iktar ’il fuq (punt 170); A, iċċitata iktar ’il fuq (punti 60 et seq); Orange European Smallcap Fund, iċċitata iktar ’il fuq (punt 89 u 90); id-digrieti Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation, iċċitat iktar ’il fuq (punt 92); u tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C-439/07 u C-499/07, Ġabra p. I-4409, punti 71 u 72).