Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2013 (1)

Kawża C-62/12

Galin Kostov

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad ta’ Varna (Il-Bulgarija)]

“Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Kunċett ta’ persuna taxxabbli — Responsabbiltà għall-VAT ta’ persuna fiżika minħabba l-eżekuzzjoni ta’ prestazzjonijiet fuq bażi okkażjonali ta’ servizzi li ma humiex marbuta mal-professjoni liberali tiegħu ta’ uffiċjal eżekuttiv”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-proċedura ta’ rinviju preliminari tittratta l-kunċett ta’ persuna taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, il-“VAT”) taħt is-sistema tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, “id-Direttiva tal-VAT”) (2). Din isseħħ f’kuntest fejn uffiċjal eżekuttiv privat ikkonkluda mandat li bih akkwista għall-mandanti tiegħu proprjetajiet immobiljari fil-Bulgarija, attività li, skont qorti tar-rinviju, ma għandha l-ebda rabta mal-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu.

2.        Il-kwistjoni hija dwar jekk dan l-uffiċjal eżekuttiv għandux jiġi kkunsidrat bħala “persuna taxxabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT u għandux għaldaqstant iħallas il-VAT fuq it-tranżazzjonijiet marbuta mal-kuntratt ta’ mandat.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva VAT:

“1. It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4.        L-Artikolu 9 tad-Direttiva VAT jipprovdi kif ġej:

“1.      ‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.

2.      Minbarra l-persuni msemmija fil-paragrafu 1, kwalunkwe persuna li, fuq bażi okkażjonali, tipprovdi mezz ġdid ta’ trasport, li hu mibgħut jew ttrasportat lill-konsumatur mill-bejjiegħ jew mil-konsumatur, jew f’isem il-bejjiegħ jew il-konsumatur, għal destinazzjoni ‘l barra mit-territorju ta’ Stat Membru iżda fit-territorju tal-Komunità, titqies ukoll bħala persuna taxxabbli.”

5.        L-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva tal-VAT jgħid li:

“1.      L-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu bħala persuna taxxabbli lil kull min jagħmel attività kultant li jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u partikolarment waħda minn dawn li ġejjin:

a)      il-provvista ta’ immobbli jew parti minn immobbli qabel l-ewwel okkupazzjoni u ta’ l-art li jkunu fuqha; [il-provvista ta’ immobbli jew parti minn immobbli u ta’ l-art li jkunu fuqha, qabel l-ewwel okkupazzjoni ]


b)      il-provvista ta’ art għall-bini.”

6.        L-Artikolu 14 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li:

“1. Jitqies bħala kunsinna ta’ oġġett, it-trasferiment tal-poter li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala l-propjetarju tiegħu.

2.      Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:

[…]

(ċ) it-trasferiment ta’ oġġetti skond kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ.”

B –    Id-dritt Bulgaru

7.        L-Administrativen sad – Varna (qorti amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija) tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-liġi Bulgara dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Zakon za danak varhu dobavenata stoynost) (iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”).

8.        Skont l-Artikolu 2 taż-ZDDS:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-[VAT]:

1.      Kull kunsinna ta’ oġġetti u kull provvista ta’ servizzi bi ħlas;


 […].”

9.        Skont l-Artikolu 3 taż-ZDDS:

“(1)      Għandha titqies bħala ‘persuna taxxabbli’ kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ din l-attività.

(2)      L-attività ekonomika indipendenti hija l-attività ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu servizzi, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, inklużi wkoll il-professjonijiet ta’ uffiċjal eżekuttiv privat u ta’ nutar. Kull attività eżerċitata regolarment jew b’mod professjonali, bi ħlas, inkluż l-użu ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha wkoll titqies bħala attività ekonomika. […]”

10.      Il-punt 4 tal-Artikolu 6(2) taż-ZDDS jiddefinixxi l-kunsinna ta’ oġġetti bħala “il-forniment effettiv tal-proprjetà lil persuna li taġixxi f’isimha u f’isem ħaddieħor”.

11.      Skont l-Artikolu 8 taż-ZDDS, servizz fis-sens ta’ din il-liġi huwa dak kollu li għandu valur, imma li ma hu la merkanzija, la flus fiċ-ċirkulazzjoni u lanqas munita barranija, użat bħala mezz ta’ ħlas.

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12.      G. Kostov jeżerċita l-professjoni ta’ uffiċjal eżekuttiv privat b’mod indipendenti fil-Bulgarija. Huwa hu rreġistrat għall-għanijiet tal-VAT bis-saħħa tal-Artikolu 96(1) taż-ZDDS.

13.      Fit-13 ta’ Novembru 2008, G. Kostov ikkonkluda kuntratt ta’ mandat mal-kumpannija Bon Marin AD (iktar ’il quddiem “il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Skont dan il-kuntratt, G. Kostov assuma l-kwalità ta’ mandatarju tal-kumpannija Bon Marin AD sabiex jippreżenta offerti fil-kuntest ta’ tliet proċeduri ta’ bejgħ bi rkant ta’ tliet immobbli parzjalment mibnija miżmuma taħt is-sistema tal-proprjetà privata tal-istat, amministrati mill-Ministeru tad-Difiża u li għandhom kejl superfiċjali ta’ madwar 40,000 metru kwadru (3). Huwa kien ukoll intrabat, f’każ li l-immobbli jiġu liberati favur tiegħu, li jċedi t-titolu ta’ proprjetà fuq dawn l-immobbli lil Bon Marin AD.

14.      Il-mandanti, Bon Marin AD, intrabtet li tipprovdi l-mezzi finanzjarji neċessarji għall-akkwist previst bil-kuntratt, sabiex takkwista t-titoli ta’ proprjetà fuq il-beni li G. Kostov ikun xtara ineżekuzzjoni tal-mandat tiegħu u li tħallsu r-remunerazzjoni miftiehma ta’ 50 000 BGN (bejn wieħed u ieħor EUR 25 500).

15.       L-imsemmija remunerazzjoni kienet tħallset fl-istess jum tal-firma tal-kuntratt inkwistjoni, li kien jipprovdi wkoll li din ir-remunerazzjoni kellha tinżamm minn G. Kostov fil-każ li l-offerti ma jirnexxux.

16.      F’Mejju 2009, G. Kostov kien akkwista mingħand l-Istat it-titoli ta’ proprjetà fuq l-immobbli msemmija fil-kuntratt ta’ mandat.

17.      Fit-30 ta’ Ġunju 2009, bi ftehim mal-mandatarju, Bon Marin AD, ċediet lil Bleyk Siy Kepital EOOD id-drittijiet u obbligi kollha tagħha li jitnisslu mill-kuntratt inkwistjoni.

18.      Il-kawża dwar il-VAT twieldet minn rettifika ta’ stima ta’ taxxa maħruġa mill-ispezzjoni tat-taxxi kompetenti għall-belt ta’ Varna. Skont din l-istima, G. Kostov kien irċieva r-remunerazzjoni tiegħu ta’ BGN 50 000 b’kontrapartia għal provvista ta’ servizzi taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 12 taż-ZDDS, li kien wettaq fil-kwalità ta’ persuna taxxabbli għall-VAT u kellu għaldaqstant iħallas din it-taxxa fuq dan l-ammont.

19.      Wara rikors amministrattiv, ir-rettifika ta’ stima ta’ taxxa kienet ġiet ikkonfermata mid-Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (direttur tad-Direttorat “Rikors u Amministrazzjoni tal-eżekuzzjoni” tal-belt ta’ Varna, fl-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija nazzjonali tad-dħul pubbliku (iktar ’il quddiem, “il-konvenuta fil-kawża prinċipali”).

20.      G. Kostov ippreżenta rikors kontra din l-istima billi argumenta li l-provvista ta’ servizzi tiegħu kienet saret inċidentalment u fl-assenza ta’ xi rabta mal-attività ekonomika indipendenti tiegħu ta’ uffiċjal eżekuttiv privat, l-unika attività li dwarha huwa kien irreġistrat għall-VAT.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad-Varna ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Persuna fiżika rreġistrata għall-VAT, minħabba l-attivitajiet tagħha ta’ uffiċjal eżekuttiv li hija teżerċita privatament, għandha tiġi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 u hija obbligata tħallas il-VAT skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward ta’ servizz okkażjonali, li sseħħ fin-nuqqas ta’ rabta mal-attivitajiet tagħha bħala uffiċjal eżekuttiv?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2012. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Bulgarija u tar-Rumanija, kif ukoll il-Kummissjoni.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

23.      Filwaqt illi kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern tal-Bulgara u tar-Rumanija jargumentaw fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ mandat u ta’ provvista ta’ servizzi mill-mandatarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan il-każ jeżisti kuntratt li bih titħallas kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva tal-VAT għaliex, jekk G. Kostov aġixxa f’isem Bon Marin AD, huwa ma aġixxiex fl-interess tal-kumpannija imma fl-interess tiegħu personali. Għalhekk din il-kawża tirrigwarda provvista ta’ merkanzija.

24.      Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li hemm żewġ tranżazzjonijiet, waħda ta’ kuntratt li bih titħallas kummissjoni għal xiri (akkwist tal-immobbli minn G. Kostov) u l-oħra ta’ kuntratt li bih titħallas kummissjoni għal bejgħ (provvista tal-immobbli mill-miżżewġin Kostov (4) lill-kumpannija Bleyk Siy Kepital EOOD), u għalhekk ir-responsabbiltà għall-VAT ta’ dawn it-tranżazzjonijiet għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-applikazzjoni jew tal-eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ bini jew ta’ artijiet mhux mibnija prevista fl-Artikolu 135(1) (j) u (k) tad-Direttiva tal-VAT.

25.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew tistabbilixxi l-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju li fih isiru d-domandi preliminari (5).

26.      Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju ssemmi b’mod ċar il-mandat, li għandha tikkwalifika l-kuntratt inkwistjoni. Jekk, fuq il-bażi tad-dritt Bulgaru, u b’applikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, G. Kostov ipparteċipa fix-xiri billi aġixxa f’ismu proprju u fl-interess tal-kumpannija Bon Marin AD, u kellha tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ ħlas ta’ kummissjoni, allura s-sistema ta’ VAT applikabbli tkun dik ta’ konsenja ta’ merkanzija, b’mod partikolari fid-dawl, tal-Artikolu 14(2)(c) u 135(1)(j) u (k) tad-Direttiva tal-VAT. Min-naħa tiegħi, f’dawn il-konklużjonijiet sejjer nitlaq mill-premessa tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ mandat u għaldaqstant ta’ provvista ta’ servizzi.

B –    Fuq il-mertu

1.      Prinċipalment

27.      Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tistaqsi jekk persuna taxxabbli għall-VAT fil-kwalità tagħha bħala li teżerċita professjoni liberali hijiex hekk taxxabbli biss għat-tranżazzjonijiet suġġett tal-attivitajiet ekonomiċi abitwali jew ukoll għal kull tranżazzjoni ekonomika li għaliha tirċievi kumpens, u dan, anki fil-każ li din l-aħħar attività tkun eżerċitata biss okkażjonalment.

a)      Is-servizzi pprovduti minn G. Kostov jaqgħu fl-eżerċizzju ta’ “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikoli 2 u 9(1) tad-Direttiva tal-VAT jew biss fl-isfera privata tagħha?

28.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-issuġġettar għall-VAT jippresupponi attività mwettqa fil-kuntest ta’ għan ta’ impriża jew ta’ skop kummerċjali, ikkaratterizzat b’mod partikolari bil-ħsieb ta’ ritorn fuq il-kapital investit (6).

29.      Skont din il-ġurisprudenza, “l-attività ekonomika għandha għaldaqstant tiftiehem bħala attività li tista’ tiġi eżerċitata minn impriża privata fuq suq, organizzata f’kuntest professjonali u b’mod ġenerali immotivata bix-xewqa li jiġu ġġenerati profitti” (7).

30.      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li fil-kawża prinċipali, G. Kostov ipprovda s-servizzi tiegħu lill-kumpannija Bon Marin AD u lis-suċċessur tagħha Bleyk Siy Kepital EOOD inkambju ta’ ħlas ta’ BGN 50,000. Ma hemm xejn fil-proċess li jindika li G. Kostov kien impenja ruħu f’din l-attività għal xi skop ieħor li ma huwiex dak li jiġġenera profitt u lanqas li r-remunerazzjoni kienet biss rimbors ta’ spejjeż inkorsi mill-mandatarju.

b)      G. Kostov kien eżerċita dik l-attività fil-kwalità ta’ “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” (Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT) anki jekk din ma kinitx parti mill-attivitajiet abitwali tal-professjoni tiegħu ta’ uffiċjal eżekuttiv?

31.      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Uffiċjali Eżekuttivi Privati (Zakon za chastnite sadebni izpalniteli), dawn tal-aħħar jingħataw mill-Istat l-infurzar obbligatorju tad-djun privati kanonizzati b’titolu eżekuttiv. Billi kkonkluda u billi eżegwixxa l-kuntratt inkwistjoni, għaldaqstant, G. Kostov ma aġixxiex fil-kwalità ta’ uffiċjal eżekuttiv privat lanqas fl-eżerċizzju tal-poteri fdati bil-liġi lilu bħala uffiċjal eżekuttiv privat.

32.      Kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kliem tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-VAT ma jippermettix interpretazzjoni restrittiva li teskludi mir-responsabbiltà l-attivitajiet imwettqa minn persuna taxxabbli sempliċement għaliex dawn ma jikkorrispondux mal-attività abitwali tagħha.

33.      Għaldaqstant persuna taxxabbli għall-VAT ma hijiex tali esklużivament għall-attivitajiet li hija tgħid li huma l-attivitajiet abitwali tagħha, iżda hija persuna taxxabbli għal kull attività li titħallas għaliha li tkun, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, “attività ta’ produttur, kummerċjant jew ta’ persuni li jagħtu servizz”, inkluż l-attivitajiet li jikkorrispondux għall-attività abitwali tagħha.

34.      Barra minn hekk, kif osservat il-konvenuta fil-kawża prinċipali, interpretazzjoni oħra twassal għall-konsegwenza inaċċettabbli li l-persuni li jeżerċitaw attività ekonomika indipendenti jistgħu jbiddlu l-istatus tagħhom b’mod arbitrarju għall-għanijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, jiġifieri kultant persuni taxxabbli, kultant persuni mhux taxxabbli, skont ir-rabta iktar jew inqas mal-attività prinċipali.

c)      X’inhu l-effett fil-qasam tal-VAT tal-fatt li s-servizz inkwistjoni kien wieħed okkażjonali biss?

35.      Mingħajr ma jagħtu definizzjoni, diversi elementi fil-leġiżlazzjoni jew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu indikazzjoni ta’ sistema tal-VAT speċifika għat-tranżazzjonijiet “okkażjonali”.

36.      F’dak li jirrigwarda t-test innifsu tad-Direttiva tal-VAT, l-Artikoli 9 u 12 jiġbdu l-attenzjoni f’dan ir-rigward.

37.      Wara li jiddefinixxi l-attività ekonomika bħala “kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet” it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT jagħti eżempju fejn “l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

38.      Madankollu, il-kunċett ta’ “kontinwità” użat fl-Artikolu 9 ma jistax jiftiehem li jeskludi r-responsabbiltà għall-VAT tal-attivitajiet imwettqa okkażjonalment.

39.      Barra minn hekk, dan il-kunċett ta’ kontinwità huwa użat fid-Direttiva tal-VAT biss bħala eżempju speċifiku ta’ attività ekonomika, jiġifieri l-użu ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli u ma huwiex applikabbli għall-attività nnifisha imma għad-dħul riċevut minn din l-attività partikolari.

40.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-VAT (8) jippermetti (u għaldaqstant ma jobbligax) lill-Istati li jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli “kull min iwettaq transazzjoni, fuq bażi okkażjonali, li jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajiet imsemmija fit–tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1)”, billi jiċċita esklużivament bħala eżempju (“partikolarment”) il–provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta’ bini jew parti minn bini u tal-art li fuqha jinstab il-bini.

41.      Peress li l-Bulgarija ma użatx din il-possibbiltà mogħtija bl-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-VAT, żewġ interpretazzjonijiet jistgħu jingħataw lil din id-dispożizzjoni:

–        fin-nuqqas tal-Istati li jużaw il-possibbiltà mogħtija bl-Artikolu 12, it-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-VAT u mwettqa fuq bażi okkażjonali ma humiex suġġetti għall-VAT. Bla ħsara għad-definizzjoni tal-karattru okkażjonali ta’ attività ekonomika, dan jista’ jkun il-każ tal-provvista ta’ servizz imwettqa minn G. Kostov;

–        kif l-Artikolu 12 jippermetti lill-Istati li “jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli” kull min iwettaq fuq bażi okkażjonali tranżazzjoni li taqa’ taħt l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-VAT, dan jista’, mid-definizzjoni, jikkonċerna biss persuni li ma jkunux diġà persuna taxxabbli għall-VAT. Din il-possibbiltà diġà teżisti fis-Sitt Direttiva 77/388/KE(9) li tippreċiża fl-Artikolu 4(3) tagħha li l-Istati Membri jistgħu “jikkunsidraw ukoll bħala persuna taxxabbli” (10) kull min iwettaq, fuq bażi okkażjonali, tranżazzjoni li taqa’ taħt l-attivitajiet ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizz, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet jew simili. Dawn it-testi ma jistgħux jikkonċernaw lil G. Kostov. Għaliex huwa persuna taxxabbli, ma hemm l-ebda bżonn li jintuża l-Artikolu 12 sabiex huwa jiġi “kkunsidrat” bħala tali. Din l-interpretazzjoni li jiena niffavorixxi u li hija sostnuta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (11), peress li l-partijiet ma jittrattawx dwar l-Artikolu 12, hija konsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ li ried jagħti lill-VAT il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea u ma’ pożizzjoni oħra tal-Kummissjoni li hemm preżunzjoni li persuna taxxabbli għall-VAT hija taxxabbli għall-attivitajiet ekonomiċi tagħha kollha, sakemm dawn ma jirriżultawx mill-isfera tal-attivitajiet privati tagħha, u dan għandu jiġi ppruvat minnha.

42.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll jistħoqqilha l-attenzjoni tagħna. Jiena ser insemmi s-sentenzi Enkler, Slaby et, u Rēdlihs (12).

43.      Fil-kawża li wasslet għal Enkler, iċċitata iktar ’il fuq, Enkler kienet talbet ir-reġistrazzjoni għall-VAT sabiex tnaqqas din it-taxxa fuq ix-xiri ta’ camping-car li hija kienet tużaha kważi esklużivament għal skopijiet privati, fejn il-kiri lil terzi kien jirrappreżenta biss 18-il jum fuq tliet perijodi fiskali u inqas minn 15 % tal-kilometri vjaġġati.

44.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, mil-qari tal-punt 20 tas-sentenza Enkler, iċċitat iktar ’il fuq, (mogħtija taħt is-sistema tas-Sitt Direttiva imma fuq il-bażi ta’ testi li prattikament ma kinux, almenu fuq il-mertu, emendati bid-Direttiva tal-VAT (13)) jidhirli li dan iwassal għal risposta ċara billi jindika li:“[g]ħandu jiġi rilevat qabel xejn li jirriżulta mill-paragun tal-Artikolu 4(2 [li sar l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT], mal-Artikolu 4(3) [li sar l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-VAT], tas-Sitt Direttiva li l-kunċett ta’ attività ekonomika li jissemma kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) ma jikkonċernax attivitajiet imwettqa fuq bażi okkażjonali”.

45.      Madankollu, fil-kumplament ta’ din l-istess sentenza, iċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja ma użatx iktar il-kunċett ta’ attivitajiet okkażjonali sabiex tirrispondi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, peress li barra minn hekk il-kawża kienet pjuttost tikkonċerna d-differenza bejn attività mwettqa bħala imprenditur u attività ta’ ordni purament privat (punti 16, 17 u 18 ta’ din is-sentenza).

46.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx hija stess fuq in-natura ta’ “attività ekonomika” fis-sens taid-Direttiva tal-VAT tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn Enkler billi indikat, sabiex issolvi din il-kwistjoni, il-ħtieġa li jitqiesu l-elementi varji u fost oħrajn n-natura tal-proprjetà, ir-rabta mal-attivitajiet ekonomiċi abitwali, it-tul tal-attivitajiet, l-importanza tal-klijentela jew tal-ammont tad-dħul (punti 24 sa 29 ta’ din is-sentenza).

47.      Fis-sentenza Slaby et, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni kienet dwar il-possibbli responsabbiltà għall-VAT tal-bejgħ, wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala art li tista’ tintuża għall-kostruzzjoni wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp, ta’ art agrikola akkwistata bħala eżenti mill-VAT minn bidwi.

48.      Waqt li eżaminat l-ipotesi fejn l-Istat Membru inkwistjoni (f’dak il-każ ir-Repubblika tal-Polonja) ma kienx utilizza l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissuġġetta għat-taxxa l-persuni li jwettqu tranżazzjoni fuq bażi fuq bażi okkażjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mill-ġdid eżaminat “iċ-ċirkustanzi kollha”(14) tal-kawża sabiex tikklassifika l-bejgħ tal-art inkwistjoni, jew bħala sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà mit-titolari tagħha, li jkun qed jaġixxi għalhekk fil-kwalità privata tiegħu, jew bħala attività ekonomika mwettqa minn persuna taxxabbli, u dan mingħajr ma użat iktar it-terminu ta’ attività “okkażjonali”.

49.      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja (punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza) tindika li n-numru u l-portata tat-tranżazzjonijiet ma humiex fihom infushom determinanti. Fuq dan is-suġġett, jiġi nnotat li l-Kawża Slaby et, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda l-bejgħ ta’ territorju wieħed imma d-deskrizzjoni tiegħu fil-qasam tal-VAT tista’ tvarja skont iċ-ċirkustanzi.

50.      Għalhekk, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “persuna fiżika li tkun eżerċitat attività agrikola fuq art li, wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li saret għal raġunijiet indipendentement mir-rieda ta’ din il-persuna, ġiet riklassifikata f’art iddestinata għall-kostruzzjoni, ma għandhiex titqies bħala suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/112, meta hija tipproċedi bil-bejgħ tal-imsemmija art, jekk dan il-bejgħ jidħol fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-patrimonju privat ta’ din il-persuna” (15).

51.      Min-naħa l-oħra, skont il-Qorti tal-Ġustizzja (16), it-tranżazzjonijiet inkwistjoni jsiru taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT jekk jiġi kkonstatat li, sabiex twettaqhom, il-persuna inkwistjoni tassumi “involviment attiv fil-bejgħ” billi tutilizza “mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tippresta servizzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT”.

52.      Fis-sentenza Rēdlihs, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1), il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet bejn il-każ fejn individwu juża oġġett b’mod li l-attività tiegħu għandha tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”, jiġifieri, bħala regola ġenerali, meta l-oġġett inkwistjoni jixraq għal sfruttament esklużivament ekonomiku, u l-każ fejn oġġett huwa, minħabba n-natura tiegħu, kapaċi li jintuża kemm għal skopijiet ekonomiċi kif ukoll dawk privati (17). Mingħajr ma daħlet f’din id-distinzjoni dwar il-kunċett ta’ attività “okkażjonali”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li, fit-tieni każ, il-persuna kkonċernata tassumi involviment attiv billi tuża metodi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizz, l-attività inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT (18).

53.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, kif tinnota l-Kummissjoni, fil-qasam tal-issuġġettar għat-taxxa, id-Direttiva tal-VAT ma tipprovdi l-ebda eċċezzjoni għall-attivitajiet okkażjonali mwettqa minn persuni taxxabbli sakemm dawn ma jaqgħux fl-isfera tal-attivitajiet privati tagħhom jew ma jitwettqux fl-amministrazzjoni tal-patrimonju privat tagħhom.

54.      Barra minn hekk, esklużjoni tal-prinċipju tal-issuġġettar għall-VAT tal-attivitajiet okkażjonali mwettqa minn persuna taxxabbli tista’ tipperikola l-prinċipji ta’ newtralità u ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi li jirrikjedu li l-persuna taxxabbli kollha jkunu suġġetti għall-VAT bl-istess mod għall-istess attivitajiet (19). Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, kif enfasizzajt fil-punt 41, id-Direttiva tal-VAT tassenja kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna għall-VAT li jinkludi fih l-attivitajiet ekonomiċi kollha ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi (20).

55.      Għaldaqstant, tranżazzjonijiet bħal dawk imwettqa minn G. Kostov għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.

2.      Sussidjarjament

56.      Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li fil-prinċipju t-tranżazzjonijiet okkażjonali mwettqa kemm minn persuni mhux taxxabbli kif ukoll minn persuni taxxabbli ma humiex taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, ħlief jekk jintuża l-Artikolu 12, ikun meħtieġ li jiġu identifikati l-kriterji li l-qorti tar-rinviju jkollha tapplika sabiex tikklassifika t-tranżazzjonijiet inkwistjoni bħala tali.

57.      Fuq il-bażi tal-kriterji applikati fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Enkler, Slaby et u Rēdlihs, inqis li f’dan il-każ għandhom, b’mod partikolari, jiġu applikati l-elementi li ġejjin:

–        anki jekk il-qorti tar-rinviju tqis li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali “jkunu twettqu fin-nuqqas ta’ rabta” mal-attivitajiet ta’ uffiċjal eżekuttiv privat ta’ G. Kostov, xorta waħda għandu jiġi nnotat, kif tenfasizza l-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern tal-Bulgarija, li ma humiex totalment estranei għall-formazzjoni u għall-kwalifiki professjonali tal-interessat u għar-relazzjonijiet ta’ kunfidenza li għandhom jeżistu bejn operatur ekonomiku u mandatarju inkarigat li jmexxi tajjeb akkwisti ta’ immobbli;

–        bħal fil-kawża Slaby et, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li jkun hemm kuntratt wieħed biss inkwistjoni ma huwiex deċiżiv;

–        għandu jiġi nnotat li l-kontraenti l-oħra ta’ G. Kostov huma kumpanniji, li l-bini mixtri għandu probabbilment skop industrijali jew kummerċjali u għandhom importanza ekonomika kbira bħalma hija r-remunerazzjoni ta’ G. Kostov, li għandha tiġi pparagunata mal-bqija tad-dħul professjonali tiegħu (f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota fl-osservazzjonijiet tagħha li l-ħlas ta’ BGN 50 000 imħallas lil G. Kostov huwa ekwivalenti għal bosta snin ta’ paga medja fil-Bulgarija (21));

–        il-kuntratt inkwistjoni jippermetti lil G. Kostov iżomm ir-remunerazzjoni tiegħu jkun x’ikun ir-riżultat tal-irkant.

58.      Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tinnota l-elementi rilevanti fil-proċess inkwistjoni u li tipproċedi għal evalwazzjoni globali, bl-iskop li tiddetermina jekk l-attivitajiet inkwistjoni kellhomx jew le natura okkażjonali.

VI – Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari tal-Administrativen sad ta’ Varna:

–        Prinċipalment:

Persuna fiżika rreġistrata għat-taxxa fuq il-valur miżjud, minħabba l-attivitajiet tagħha ta’ uffiċjal eżekuttiv li hija teżerċita privatament, għandha tiġi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u għalhekk hija obbligata tħallas il-VAT fir-rigward ta’ servizz okkażjonali, li sseħħ fin-nuqqas ta’ rabta mal-attivitajiet tagħha bħala uffiċjal eżekuttiv.

–        Sussidjarjament:

Sabiex jiġi deċiż jekk persuna fiżika rreġistrata għat-taxxa fuq il-valur miżjud minħabba l-attivitajiet tagħha ta’ uffiċjal eżekuttiv privat tista’ teħles mill-obbligazzjoni li tħallas il-VAT rigward provvista ta’ servizzi, għaliex din tkun okkażjonali u mwettqa fl-assenza ta’ rabta mal-attivitajiet abitwali tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-fatti kollha tal-każ, u b’mod partikolari, mingħajr ma wieħed minn dawn l-elementi jkun waħdu deċiżiv:

–        in-natura u l-iskop tal-proprjetajiet oġġett tat-tranżazzjonijiet;

–        ir-rabta tat-tranżazzjonijiet mal-professjoni tal-persuna inkwistjoni u fil-każ li dawn ma jikkorrispondux mal-attivitajiet speċifiċi tagħha, fejn ir-rabta possibbli tagħhom mal-formazzjoni u l-kwalifiki professjonali tal-interessat jistgħu jkunu determinanti sabiex jinħolqu r-relazzjonijiet ta’ kunfidenza neċessarji sabiex it-tranżazzjonijiet inkwistjoni jitmexxew tajjeb;

–        l-importanza u t-tip tal-klijenti;

–        il-portata tat-tranżazzjonijiet; u

–        il-kundizzjonijiet li għalihom huma ssuġġettati r-remunerazzjonijiet kif ukoll l-ammont tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU L 347, p. 1.


3 –      L-ewwel porzjon art tkopri kejl ta’ 12 387 m.k. u tikkomprendi 7 binjiet li għandhom superfiċje totali ta’ 2 314 m.k. It-tieni porzjoni tkopri kejl ta’ 12 471 m.k. u tikkomprendi 6 binjiet (5 mħażen u lukanda li qed titranġa) li għandhom superfiċje totali ta’ 3 843m.k. It-tielet porzjoni tkopri kejl ta’ 15 186 m.k. u tikkomprendi 4 mħażen li għandhom superfiċje totali ta’ 6 147 m.k.


4 –      Għaliex, kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-immobbli kienu jidħlu fil-komunjoni tal-akkwisti bejn il-konjuġi Kostov skont l-Artikolu 19(1) tal-Kodiċi tal-Familja.


5 –      Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C-153/02, Ġabra 2003 p. I-13555, punti 34-35); u tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra 2004p. I-5257, punt 42).


6 –      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2000, Floridienne u Berginvest (C-142/99, Ġabra p. I-9567, punt 28).


7 –      Ara, f’dan is-sens, punt 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro fil-kawża BBL (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, C-8/03, Ġabra 2004 p. I-10157). Ara wkoll, punt 19 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Wellcome Trust (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ġunju 1996, C-155/94, Ġabra p. I-3013).


8 –      F’sens kuntrarju, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva tal-VAT li jobbliga li jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli “kwalunkwe persuna li, fuq bażi okkażjonali, tipprovdi mezz ġdid ta’ trasport, li hu mibgħut jew ttrasportat lill-konsumatur mill-bejjiegħ jew mil-konsumatur, jew f’isem il-bejjiegħ jew il-konsumatur, għal destinazzjoni ’l barra mit-territorju ta’ Stat Membru iżda fit-territorju tal-Komunità”.


9 –      Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


10 –      Enfasi miżjuda minni.


11 –      Ara B. Terra u J. Kajus, A Guide to the European VAT Directives: Introduction to European VAT (IBFD 2011) Vol. 1, p. 373.


12 –      Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler (C-230/94, Ġabra 1996 p. I-4517); tal-15 ta’ Settembru 2011, Slaby et, (C-180/10 u C-181/10, Ġabra p. I-8461), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Rēdlihs, (C-263/11).


13 –      Is-sentenza Rēdlihs, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).


14 –      Is-sentenza Slaby et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).


15 –      Ibidem (punt 50).


16 –      Ibidem (punt 51).


17 –      Ara is-sentenza Rēdlihs iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 u 35).


18 –      Ibidem (punt 36).


19 –      Bla ħsara għar-rikonoxximent tal-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpanniji mandanti, imma sabiex jiġi kkonstatat li huma jkunu akkwistaw immobbli intiżi primarjament għal attivitajiet industrijali jew kummerċjali, l-attivitajiet tagħhom ma għandhomx jirċevu trattament differenti mill-perspettiva tad-Direttiva tal-VAT, skont jekk dawn jitwettqu flimkien ma’ nies professjonisti jew mhux professjonisti.


20 –      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, Ġabra 2010 p. I-907, punt 24).


21 –      Skont l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika tal-Bulgarija, il-paga medja fil-Bulgarija fit-tielet kwart tal-2012 kienet ta’ madwar 754 BGN (bejn wieħed u ieħor EUR 385).