Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2013 (1)

Kawża C-174/12

Alfred Hirmann

vs

Immofinanz AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija)]

“Dritt tal-kumpanniji — Direttiva 77/91 KEE — Responsabbiltà ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata — Protezzjoni tal-investitur li bbaża ruħu fuq informazzjoni mhux eżatta — Kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għat-tħassir ta’ tranżazzjoni ta’ xiri ta’ ishma”





1.        Meta investitur ikun xtara ishma f’kumpannija b’responsabbiltà limitata fis-suq sekondarju (jiġifieri, ishma li ma jinħarġux fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital azzjonarju tal-imsemmija kumpannija) u sussegwentement isostni li l-informazzjoni fil-prospett, li bbaża ruħu fuqha meta għamel dak ix-xiri, la kienet kompluta u lanqas ġenwina, tista’ qorti tordna lill-kumpannija tħassar il-kuntatt, u b’hekk tobbligaha tixtri mill-ġdid l-ishma tagħha u tħallas lura l-flus lill-investitur, jew tali rimedju huwa prekluż mid-dritt tal-Unjoni? U tali investitur huwa intitolat għar-rimbors tal-prezz oriġinali li huwa ħallas meta xtara l-ishma, jew għall-valur tal-ishma fid-data li fiha ressaq it-talba tiegħu?

2.        Il-Handelsgericht Wien (Qorti tal-Kummerċ ta’ Vjenna), li ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, tagħmel id-domandi tagħha skont id-Direttiva 77/91/KEE (iktar ’il quddiem, “It-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji” (2)). Madankollu, fil-25 ta’ Ottubru 2012, din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita b’test ġdid u riformulat: id-Direttiva 2012/30 (3). F’din il-konklużjoni ser nirreferi għaldaqstant għat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji fil-forma tagħha fil-passat. Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva mħassra huma riprodotti f’termini kważi l-istess fil-verżjoni riformulata (fejn dan ikun il-każ, id-dispożizzjonijiet ekwivalenti huma identifikati f’nota ta’ qiegħ il-paġna), li ser jingħad, nittama, ser ikun utli kemm għall-ġejjieni kif ukoll għall-passat.

3.        Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 15 (4) tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji jillimita d-dritt ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li tqassam il-kapital tagħha lill-azzjonisti tagħha, u li l-Artikolu 18 (5) tagħha jipprojbixxi lil kumpannija milli tixtri l-ishma tagħha stess. Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxux li kumpannija b’responsabbiltà limitata, li għandha responsabbiltà ċivili fil-konfront tal-investitur minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tagħha li tipprovdi informazzjoni, tiġi ordnata tali rimedju. It-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji tipprojbixxi tali rimedju fejn dan ikun jinvolvi l-użu ta’ kapital sottoskritt u jkun jista’ jwassal għall-insolvenza tal-kumpannija? Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien jipprojbixxi tali rimedju?

4.        Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti nazzjonali titlob li tiġi speċifikata l-eventwali rilevanza tad-Direttiva dwar il-prospett (6), tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza (7), tad-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq (8) u tad-Direttiva dwar is-salvagwardji (9), fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-salvagwardji għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ terzi.

 Id-dritt tal-Unjoni

5.        Id-direttivi ċċitati mill-qorti nazzjonali jaqgħu f’żewġ kategoriji wiesgħin: direttivi li jikkonċernaw prinċipalment il-governanza korporattiva (it-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji u d-Direttiva dwar is-salvagwardji) u direttivi li jikkonċernaw prinċipalment il-protezzjoni ta’ azzjonisti (id-Direttiva dwar il-prospett, id-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza u d-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq (10)). Biex wieħed jifhem aħjar, jien se nikklassifikahom b’dan il-mod meta nistabbilixxi l-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti.

 Id-Direttivi dwar il-governanza tal-impriżi

 It-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji

6.        It-tieni u r-raba’ premessa tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji kienu jipprovdu rispettivament:

“[…] sabiex protezzjoni minima indaqs tiġi assigurata kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferixxu għall-formazzjoni tagħhom u għaż-żamma, żjieda jew tnaqqis tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti;

[…]

[…] Dispożizzjonijiet tal-Komunità għandhom jiġu adottati biex jinżamm il-kapital, li jikkostitwixxi s-sigurtà tal-kredituri, b’mod partikolari billi ma jħallux xi tnaqqis tiegħu bit-tqassim lil azzjonisti meta dawn tal-aħħar ma għandhomx dritt għalih u billi jimponu limiti fuq id-dritt tal-kumpannija li takkwista l-azzjonijiet tagħha stess.”

7.        It-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji kienet tapplika għall-kumpanniji kollha b’responsabbiltà limitata elenkati fl-Artikolu 1(1) tagħha, fir-rigward tal-Awstrija, “die Aktiengesellschaft” (11).

8.        L-Artikolu 6 (12) tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji kien jirrikjedi li kumpannija b’responsabbiltà limitata jkollha ammont minimu ta’ kapital sottoskritt qabel ma tkun tista’ titwaqqaf jew biex tikseb l-awtorizzazzjoni biex tibda l-attivitajiet tagħha.

9.        L-Artikolu 12 (13) tal-istess direttiva kien jipprovdi li “l-azzjonisti ma’ jistgħux jinħelsu mill-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijet tagħhom”.

10.      Skont l-Artikolu 15(1) (14):

“a)      Ħlief għal każijiet ta’ tnaqqis ta’ kapital sottoskritt, ma tista’ ssir ebda distribuzzjoni lil azzjonisti meta fid-data ta’ għeluq tal-aħħar sena finanzjarja l-attiv nett kif jidher fil-kontijiet annwali tal-kumpannija huwa, jew wara dak it-tqassim jista’ jsir, inqas mill-ammont tal-kapital sottoskritt biż-żjieda ta’ dawk ir-riservi li ma jistgħux jiġu mqassma skond il-liġi jew l-istatuti.

[...]

ċ)       L-ammont ta’ tqassim lil azzjonisti ma jistax ikun iżjed mill-ammont tal-qliegħ fit-tmiem tal-aħħar sena finanzjarja b’żjieda ta’ kull qliegħ magħmul u somom meħuda minn riservi disponibbli għal dan il-għan, imnaqqas kull telf magħmul u somom imqiegħda f’riserva skond il-liġi jew l-istatuti.

d)      L-espressjoni ‘tqassim’ użata f’subparagrafi (a) u (ċ) tinkludi b’mod partikolari l-ħlas ta’ dividendi u ta’ interessi li għandhom x’jaqsmu ma’ ishma.”

11.      Fil-każ ta’ tqassim magħmul bi ksur tal-Artikolu 15, l-Artikolu 16 kien jipprovdi li “[kellu] jintradd lura minn azzjonisti li irċevewh jekk il-kumpannija tipprova li dawn l-azzjonisti kienu jafu bl-irregolarità tat-tqassim magħmul lilhom, jew li minħabba ċ-ċirkostanzi ma [setgħux ma jkunux] jafu bih”.

L-Artikolu 18(1) (15) kien jipprovdi li “[l]-ishma ta’ kumpanniji ma jistgħu jkunu sottoskritti mill-kumpannija nnifisha” (id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 18 ma humiex rilevanti għal dawn il-proċeduri).

12.      L-Artikolu 19 (16) kien jippermetti li kumpannija tikseb l-ishma tagħha stess skont il-kundizzjonijiet li kien jipprovdi. Dawk il-kundizzjonijiet kienu jinkludu, b’mod partikolari, li kellha tingħata awtorizzazzjoni mil-laqgħa ġenerali, li kellha tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ tali akkwisti (17), li l-akkwisti ma setax ikollhom l-effett li jnaqqsu l-attiv nett taħt l-ammont imsemmi fl-Artikolu 15(1)(a) (18), u, li fit-tranżazzjoni kellhom ikunu inklużi biss ishma mħallsa kompletament (19). L-Istati Membri setgħu jissuġġettaw l-akkwisti għall-kundizzjonijiet ulterjuri elenkati fl-Artikolu 19(1)(i) sa (v).

13.      L-Artikolu 20(1)(d) (20) kien jippermetti lill-Istati Membri ma japplikawx il-kundizzjonijiet previsti bl-Artikolu 19, fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-“ishma akkwistati bis-saħħa ta’ obbligu legali”.

14.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 42 kien jipprovdi li, fl-applikazzjoni tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji, “l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jassiguraw trattament indaqs ta’ l-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni”.

 Id-Direttiva dwar is-salvagwardji

15.      Id-Direttiva dwar is-salvagwardji tikkonċerna, fost l-oħrajn, iċ-ċirkustanzi li fihom tista’ tiġi ddikjarata n-nullità ta’ kumpannija, u l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan.

16.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-salvagwardji jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu għan-nullità ta’ kumpanniji ħlief permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u biss għal waħda mir-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fis-subparagrafu (b), (i) sa (vi).

17.      L-Artikolu 13 jispeċifika l-konsegwenzi tan-nullità.

 Id-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti

 Id-Direttiva dwar il-prospett

18.      L-għanijiet tad-Direttiva dwar il-prospett huwa li jarmonizza l-ħtiġijiet għat-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospetti li jridu jiġu ppubblikati meta jiġu offruti t-titoli lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew jopera ġewwa Stat Membru.

19.      Il-premessa 10 tad-Direttiva dwar il-prospett tipprovdi li l-għan tagħha huwa “jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-investitur u l-effikaċja tas-suq”.

20.      Il-premessa 19 tad-Direttiva tipprovdi li “[i]s-salvagwardji għall-protezzjoni tal-interessi tal-investituri attwali u potenzjali huma meħtieġa fl-Istati Membri kollha sabiex jgħinuhom jagħmlu stima infurmata ta’ dawn ir-riskji u b’hekk jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-investiment fil-għarfien fis-sħiħ tal-fatti”.

21.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-prospett jipprovdi li l-prospett għandu jinkludi “it-tagħrif kollu li […] huwa meħtieġ sabiex jgħin lill-investituri jagħmlu stima infurmata ta’ l-attivi u l-liabbiltajiet, il-posizzjoni finanzjarja, il-qligħ u t-telf, u l-prospetti ta’ min jiħroġ it-titoli u ta’ kull garanti, u tad-drittijiet annessi ma’ dawn it-titoli. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat f’għamla li tkun tista tiġi analizzata u tinftiehem bla xkiel”.

22.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-prospett jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-responsabbiltà rigward it-tagħrif mogħti fi prospett ikollu x’jaqsam mill-inqas ma’ min joħroġ it-titoli jew il-korpi tiegħu amministrattivi, tal-ġestjoni jew tas-sorveljanza, ma’ min joffrihom, mal-persuna li titlob għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew il-garanti, skont kif ikun il-każ. Il-persuni responsabbli għandhom ikunu identifikati biċ-ċar fil-prospett b’isimhom u l-funzjonament tagħhom jew, fil-każ ta’ persuni legali, isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tagħhom li, safejn ikunu jafu, it-tagħrif li jkun jinsab fil-prospett ikun skont il-fatti u li l-prospett ma jħalli barra xejn li x’aktarx jaffettwa l-importanza tiegħu.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal dawk il-persuni responsabbli mit-tagħrif mogħti fi prospett.[…]”

23.      L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva dwar il-prospett jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali u mingħajr preġudizzju għar-reġim tagħhom ta’ responsabblità ċivili, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, li jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew li jkunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli, meta ma jitħarsux id-disposizzjonijiet adottati sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Id-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza

24.      Id-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza għandha l-għan li ttejjeb, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tal-investitur, u l-effikaċja tas-suq billi tirrikjedi li emittenti ta’ titoli jiżguraw livell xieraq ta’ trasparenza permezz ta’ fluss regolari ta’ informazzjoni (21).

25.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà għall-informazzjoni li għandha tiġi mħejjija u tkun disponibbli għall-pubbliku skont l-Artikoli 4, 5, 6 u 16 taqa’ mill-inqas fuq l-emittent jew il-korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza tiegħu u għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar ir-responsabbiltà japplikaw għall-emittenti, il-korpi imsemmija f’dan l-Artikolu jew il-persuni responsabbli fi ħdan l-emittenti.”

26.      L-Artikoli 4, 5, 6 u 16 tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza jeżiġu rispettivament li kull emittent jagħmel pubbliku: rapport finanzjarju annwali; rapport finanzjarju ta’ kull sitt xhur; rapport ta’ ġestjoni; kull bidla fid-drittijiet marbuta mad-diversi klassijiet ta’ ishma jew titoli.

27.      L-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza, li huwa intitolat, “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal emittenti li l-ishma tagħhom ikunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat”, jipprovdi:

“1.       L-emittent ta’ ishma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat għandu jiżgura t-trattament ugwali tad-detenturi kollha ta’ ishma li jkunu fl-istess posizzjoni”.

28.      L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu pieni kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li fejn ma jkunx hemm konformità mad-disposizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, għallinqas ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi xierqa jew jiġu imposti pieni ċivili u/jew amministrattivi fir-rigward tal-persuni responsabbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawk il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.”

 Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq

29.      Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tippromwovi l-integrità tas-suq billi tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri li jipprojbixxu l-insider dealings u l-manipulazzjoni tas-suq.

30.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka

31.      Il-Kapitalmarktgesetz (il-liġi dwar it-titoli) tipprovdi fl-Artikolu 5 tagħha (dwar tranżazzjonijiet ma’ konsumaturi):

“(1)      Jekk offerta ta’ titoli suġġetta għall-obbligu li jiġi ppubblikat prospett issir mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ prospett jew tal-informazzjoni prevista fil-paragrafu 6, investituri li huma konsumaturi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-Konsumentenschutzgesetz [il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (22)] ikunu intitolati jirtiraw mill-offerta tagħhom jew mill-kuntratt.

[...]

(4)      Id-dritt ta’ rtirar previst fil-paragrafu 1 jiskadi ġimgħa wara l-jum li fih ikunu ġew ippubblikati l-prospett jew l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6. [...]

(5)      Kwalunkwe ftehim li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 u li jsir bi ħsara għall-konsumatur huwa null.

(6)      Id-drittijiet l-oħra mogħtija lill-investituri permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra jibqgħu mhux mittiefsa”.

32.      L-Artikolu 6 tal-Kapitalmarktgesetz, intitolat “Suppliment għall-prospett”, jipprovdi:

“(1) Kull fatt, żball materjali jew ineżattezza ġodda sinjifikattivi li għandhom x’jaqsmu mat-tagħrif inkluż fil-prospett, li jkunu tali li jaffettwaw l-evalwazzjoni tat-titoli jew tal-investimenti u li jinħolqu jew jiġu kkonstatati bejn iż-żmien meta l-prospett jiġi approvat u l-għeluq finali tal-offerta lill-pubbliku jew, skont il-każ, iż-żmien meta jibda l-kummerċ f’suq irregolat, jekk dan iseħħ qabel, għandhom jissemmew f’suppliment għall-prospett (li jemenda jew jissuplimenta informazzjoni) għall-prospett. Tali suppliment (li jemenda jew jissupplimenta informazzjoni) għandu jiġi ppubblikat u ppreżentat mill-applikant (Artikolu 8a(1)) mingħajr dewmien b’mod konformi mill-inqas mal-istess regoli li kienu applikati meta l-prospett oriġinali kien ġie ppubblikat u ppreżentat. […]

(2)      L-investituri li diġà qablu li jixtru jew jissottoskrivu għat-titoli jew investimenti wara li jseħħ fatt, żball jew ineżatezza fis-sens tal-paragrafu 1, imma qabel il-pubblikazzjoni tas-suppliment rilevanti, ikollhom id-dritt li jirtiraw l-aċċettazzjoni tagħhom fi żmien jumejn tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tas-suppliment. L-Artikolu 5 għandu japplika mutatis mutandis. Jekk, madankollu, l-investituri huma konsumaturi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-Konsumentenschutzgesetz, it-terminu msemmi fl-Artikolu 5(4) għandu japplika wkoll.”

33.      Il-Paragrafu 11 tal-Kapitalmarktgesetz, intitolat “Responsabbiltà li torbot mal-prospett”, tistipula:

“(1)      Ir-responsabbiltà lejn kull investitur li jkun sofra meta qiegħed il-fiduċja tiegħu fl-informazzjoni inkluża fil-prospett jew f’informazzjoni oħra mitluba skont din il-liġi federali (Artikolu 6), li hija rilevanti għall-valutazzjoni tat-titoli jew tal-investimenti, għandha tiġi inkorsa minn dawn li ġejjin:

1.      l-emittenti, għall-provvista, tort tiegħu jew tal-persunal tiegħu jew ta’ persuni oħra li s-servizzi tagħhom intużaw biex jiġi redatt il-prospett, ta’ informazzjoni mhux korretta jew mhux kompluta,

[…]

(6)      Jekk l-imġiba li tagħti lok għat-telf ma kinitx waħda intenzjonali, l-ammont tar-responsabbiltà lejn kull wieħed mill-investituri għandu jkun limitat għall-prezz tal-bejgħ imħallas minnhom, flimkien mal-miżati u l-interessi dovuti mid-data tal-ħlas tal-prezz tax-xiri.

(7)      Id-drittijiet li din il-liġi federali tagħti lill-investituri għandhom jiġu invokati quddiem qorti fi żmien għaxar snin mill-għeluq tal-offerta suġġetta għall-obbligu li jiġi ppubblikat prospett; inkella dawn għandhom jiġu esklużi.

(8)      Id-drittijiet għal kumpens ibbażati fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet legali oħrajn jew fuq ksur ta’ kuntratt ma humiex affettwati.”

34.      L-Artikolu 52 (intitolat “L-ebda ħlas lura tal-investimenti”) tal-Aktiengesetz (liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata) jipprovdi:

“L-investimenti ma jistgħux jitħallsu lura lill-azzjonisti; sakemm tibqa’ teżisti l-kumpannija, huma jkunu intitolati biss li jirċievu l-profitti kif stabbilit fil-karta tal-bilanċ annwali, sakemm dan id-dritt ma jkunx eskluż bil-liġi jew bi statut. Il-ħlas tal-prezz tal-akkwist fil-każ tal-akkwist legali minn kumpannija tal-ishma tagħha stess ma jitqiesx bħala ħlas lura tal-investimenti (Artikoli 65 u 66).”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari rrinvijati

35.      Fis-7 ta’ Jannar 2005, Alfred Hirmann akkwista, permezz ta’ broker, 1 375.02406 (23) ishma mill-kumpannija Immofinanz AG (iktar ’il quddiem, “Immofinanz”), kumpannija b’responsabbiltà limitata (“Aktiengesellschaft”), għas-somma ta’ EUR 10 013.75. L-akkwist sar fis-suq sekondarju u mhux bħala parti minn żieda fil-kapital ta’ Immofinanz. A. Hirmann ħallas il-prezz tal-akkwist lil Aviso Zeta AG (“Aviso Zeta”) u mill-banda l-oħra l-ishma kienu ddepożitati f’kont ta’ kustodja miżmum minn Aviso Zeta f’isem A. Hirmann.

36.      Fil-15 ta’ Awwissu 2011, A. Hirmann ressaq kawża kontra Immofinanz abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 5(4) u tal-Artikolu 11 tal-Kapitalmarktgesetz, fuq il-prinċipji ta’ nullità minħabba żball kif ukoll ta’ kumpens. Huwa jitlob li jiġi kkanċellat l-akkwist tal-ishma. Dan jimplika r-rimbors tal-prezz oriġinali tal-akkwist inkambju għar-restituzzjoni tal-ishma lil Immofinanz.

37.      A. Hirmann jakkuża lil Immofinanz b’serq u frodi, b’mod partikolari l-manipulazzjoni tal-prezz u li ħadet miżuri illegali ta’ appoġġ għall-prezzijiet. Huwa jsostni li l-prospett tat-titoli disponibbli f’dak iż-żmien, li wasslu sabiex jixtri l-ishma, kien qarrieq. Bil-kontra tal-indikazzjonijiet mogħtija fil-prospett tat-titoli, id-dħul mill-ħruġ ta’ ishma ntuża sabiex jinxtraw ishma f’Immofinanz bl-għan ta’ manipulazzjoni tal-prezzijiet u ta’ spekulazzjoni ta’ prezzijiet. Dan l-użu abbużiv tal-fondi wassal għal riskju kunsiderevolment ogħla minn dak indikat fil-prospett. B’mod ġenerali, l-informazzjoni fil-prospett tat-titoli la kienet kompluta u lanqas eżatta. U lanqas ma kienet tinftiehem jew faċli biex tiġi analizzata.

38.      Immofinanz tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet ta’ fatt. Hija ssostni wkoll li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li investimenti kapitali minn azzjonisti jitħallsu lura tul l-eżistenza tal-kumpannija. Li kumpannija b’responsabbiltà limitata tinżamm responsabbli b’dan fil-konfront tal-azzjonisti tagħha — tkun xi tkun il-bażi legali — imur kontra l-projbizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-ħlas lura tal-investimenti.

39.      Huwa f’dan il-kuntest li, qabel ma ddeċidiet dwar il-fatti tal-kawża, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Regola nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fir-rigward ta’ xerrej ta’ azzjonijiet, inkwantu ħarġet dawn l-azzjonijiet, abbażi ta’ ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni imposti mid-dritt tas-swieq kapitali skont id-dispożizzjonijeit li ġejjin li jinsabu fi:

–        l-Artikoli 6 u 25 tad-[Direttiva dwar il-prospett];

–        l-Artikoli 7, 17 u 28 tad-[Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza];

–        l-Artikolu 14 tad-[Direttiva dwar l-abbuż tas-suq],

hija kompatibbli mal-Artikoli 12, 15, 16, 19 u 42 tat-[Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji], fil-verżjoni attwali tagħha?

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 15, 16 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 18, 19 u 42 tat-[Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji], fil-verżjoni attwali tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, skont ir-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 1, li tirrimborsa lix-xerrej il-prezz ta’ xiri u li tieħu lura l-azzjonijiet mixtrija?

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 15, 16, 18, 19 u 42 tat-[Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji], fil-verżjoni attwali tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-responsabbiltà tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata msemmija fil-paragrafu 1

–        tista’ tiġi estiża għall-kapital użat mill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata (kapital sottoskritt biż-żieda tar-riżervi fis-sens tal-Artikolu 15(1)(a) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq), u

–        tista’ teżisti wkoll meta hija tista’ twassal għall-insolvenza tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata?

4.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 13 tad-[Direttiva dwar is-salvagwardji] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi annullament retroattiv tal-kisba tal-azzjonijiet, b’mod li għandu jiġi kkunsidrat, fil-każ ta’ annullament tal-kuntratt ta’ xiri ta’ azzjonijiet, li dan jipproduċi effetti ex nunc (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2010 fil-Kawża C-215/08 ‘E. Friz GmbH’)?

5.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 15, 16, 18, 19 u 42 tat-[Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji], kif emendata, u l-Artikoli 12 u 13 tad-[Direttiva dwar is-salvagwardji] fil-verżjoni attwali tagħha, u tal-Artikoli 12 u 13 tad-[Direttiva dwar is-salvagwardji], għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-responsabbiltà hija limitata għall-valur tal-azzjonijiet – jekk il-kumpannija hija kkwotata fil-borża, il-prezz ta’ dawk l-azzjonijiet fil-borża – fil-mument meta ssir it-talba, bir-riżultat li l-azzjonist jirkupra, f’ċerti każijiet, somma inqas mill-prezz inizjalment imħallas għall-azzjonijiet tiegħu?”

40.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A. Hirmann, Immofinanz, Aviso Zeta, mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Repubblika tal-Portugall, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. A. Hirmann, Immofinanz, il-Portugall u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet waqt is-seduta tas-17 ta’ April 2013.

 Domandi preliminari

41.      Qabel ma jiġu eżaminati l-ħames domandi preliminari mressqa mill-qorti nazzjonali, għandhom jiġu ċċarati xi punti.

42.      L-ewwel nett, nosserva li, filwaqt li d-direttivi li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-azzjonisti jarmonizzaw elementi essenzjali, huma jħallu, għal bosta aspetti, marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

43.      B’dan il-mod (pereżempju) l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-prospett jitlob li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal dawk il-persuni responsabbli mit-tagħrif mogħti fi prospett”. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkompletati permezz ta’ dawk tal-Artikolu 25(1) li jipprovdi li Stati Membri “għandhom jiżguraw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, li jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew li jkunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli” (enfasi miżjud), “[m]ingħajr preġudizzju [...] għar-reġim tagħhom ta’ responsabblità ċivili”.

44.      Fl-istess linja, l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq jinkludu essenzjalment dispożizzjonijiet ekwivalenti. Qabel kollox, id-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali huwa rriżervat b’mod espliċitu. Imbagħad, l-Istati Membri huma marbuta (“għandhom jiżguraw”), skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom, li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri amministrattivi xierqa u/jew jiġu imposti sanzjonijiet kriminali u/jew amministrattivi xierqa (24). Fl-aħħar nett, l-Istati Membri “għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

45.      Għaldaqstant, sakemm rimedju għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed mill-obbligi li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi ma jkunx speċifikament ipprojbit (minn waħda minn dawn id-direttivi, jew minn miżura oħra tad-dritt tal-Unjoni), l-Istati Membri jibqgħu fil-libertà li jipprevedu l-miżuri li jidhrilhom xierqa.

46.      It-tieni nett, filwaqt li l-qorti tar-rinviju għadha ma wettqitx konstatazzjonijiet dwar jekk, u, jekk huwa l-każ, sa liema punt, Immofinanz ipprovdiet informazzjoni qarrieqa li wasslet lil A. Hirmann sabiex jagħmel akkwist ta’ ishma li ma kienx jagħmel f’ċirkustanzi oħra, ċerti fatti ma humiex ikkontestati. A. Hirmann xtara għadd ta’ ishma, f’data speċifika, għal prezz speċifiku. Dawn l-ishma nxtraw fis-suq sekondarju, permezz ta’ broker (Aviso Zeta). Il-prezz tal-ishma tħallas kollu. Madankollu, dan l-akkwist ma kienx parti mill-kuntest ta’ żieda fil-kapital sottoskritt ta’ Immofinanz. Kienet tranżazzjoni ta’ xiri ta’ ishma purament ordinarja, bħal dawk li jseħħu ta’ kuljum fil-borża.

47.      It-tielet nett, għandha mhux biss issir distinzjoni, minn naħa, bejn is-sanzjonijiet ċivili u amministrattivi u, min-naħa l-oħra, is-sanzjonijiet kriminali, imma għandu wkoll isir eżami tal-għan fil-fatt segwit permezz tal-kawża prinċipali li tat lok għal din id-domanda għal deċiżjoni preliminari. B’din il-kawża, A. Hirmann jitlob li jitqiegħed lura fil-pożizzjoni li kien jinsab fiha kieku ma xtarax l-ishma: tiġi annullata t-tranżazzjoni u jingħata flusu lura, flimkien mal-interessi mid-data tax-xiri (is-7 ta’ Jannar 2005) sad-data tal-għoti tas-sentenza mill-qorti tar-rinviju. Mal-ewwel daqqa t’għajn, wieħed jista’ jiddubita jekk talba bħal din għandhiex tiġi kklassifikata verament bħala talba għal “sanzjoni” — iktar tidher li hija talba għal ħlas lura jew talba li l-kumpannija tinżamm responsabbli skont id-dritt ċivili għall-ksur tagħha. Madankollu, sa fejn il-fatt li din it-talba tintlaqa’ jew le jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni ġusta lil azzjonist potenzjali u jekk kienx hemm nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu, jista’ jiġi sostnut li s-sanzjoni ċivili għal dan in-nuqqas ta’ osservanza (jekk jiġi stabbilit) prevista hawnhekk mil-liġi nazzjonali hija li l-kumpannija tkun obbligata tannulla t-tranżazzjoni u tħallas lura l-prezz imħallas. Fin-nuqqas ta’ tali obbligu, ma jkunx hemm sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza (u inqas u inqas sanzjoni li tkun “effettiva, proporzjonata u dissważiva”).

48.      Fl-aħħar nett, għandhom jinżammu preżenti kwistjonijiet relatati mal-kronoloġija tal-fatti.

49.      A. Hirmann xtara l-ishma tiegħu fis-7 ta’ Jannar 2005. Jekk u sa fejn għamel dan abbażi ta’ informazzjoni żbaljata pprovduta minn Immofinanz, din hija d-data li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu. F’dik id-data, id-dati għat-traspożizzjoni tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji (l-1 ta’ Jannar 1994 (25)) u d-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq (12 ta’ Ottubru 2004) kienu skadew. Madankollu, id-data rilevanti biex jiġi evalwat ir-rimedju li għandu jkun disponibbli għalih ma hijiex dik id-data, iżda l-15 ta’ Awwissu 2011, id-data meta huwa ressaq il-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali biex jitlob li tiġi annullata t-tranżazzjoni tax-xiri tal-ishma. Sa dak l-istadju, it-termini għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-prospett (l-1 ta’ Lulju 2005), id-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza (20 ta’ Jannar 2007) u d-Direttiva dwar is-salvagwardji (kodifikazzjoni — it-terminu għat-traspożizzjoni li jinsab fil-Parti B tal-Anness I huwa l-1 ta’ Jannar 2007) ukoll kienu skadew.

50.      Huwa f’dan il-kuntest li ser neżamina d-domandi rrinvijati mill-qorti nazzjonali.

 Evalwazzjoni

 L-ewwel tliet domandi

51.      L-ewwel tliet domandi tal-qorti nazzjonali jirrigwardaw diversi aspetti tal-kwistjoni dwar jekk it-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji tipprekludix li tiġi annullata tranżazzjoni ta’ xiri ta’ ishma meta l-kumpannija tkun kisret l-obbligi tagħha li tipprovdi informazzjoni lill-investituri potenzjali. Għaldaqstant ser neżaminahom flimkien. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 12, 15, 16, 18 19, u/jew 42 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji kinux jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti tipprovdi li, jekk kumpannija b’responsabbiltà limitata tkun kisret l-obbligi tagħha, hija tkun responsabbli inkwantu emittent fil-konfront tal-investitur u tkun marbuta trodd lura l-prezz tax-xiri u tifdi l-ishma. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk kienx kontra t-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji li kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata tkun meħtieġa tissodisfa tali obbligu anki jekk biex tagħmel dan ikollha tuża l-attiv nett tagħha (il-kapital sottoskritt kif ukoll ir-riżervi) u/jew tirriskja li tidħol f’insolvenza.

52.      It-tħassib sottostanti tal-qorti nazzjonali donnu fuq kollox li huwa li, b’xi mod, il-passi li ttieħdu mill-Awstrija biex tittrasponi miżuri oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti, jistgħu ma jikkorrispondux għal dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu f’moħħu u li (bi żvista) l-Awstrija għalhekk ħolqot sitwazzjoni fejn ir-rimedju pprovdut għall-ksur ta’ drittijiet mogħtija minn xi waħda minn dawn id-direttivi jew minn diversi direttivi minnhom ma huwiex kompatibbli mat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji. Sabiex il-qorti nazzjonali tingħata l-aħjar għajnuna, ser nadotta approċċ pjuttost mhux tas-soltu fl-analiżi tal-ewwel tliet domandi preliminari mressqa. Qabel kollox ser neżamina dak li jgħidu dawn it-tliet direttivi (u, fuq kollox, dak li ma jgħidux) dwar kif għandhom jiġu implementati, filwaqt li niġbed l-attenzjoni għall-marġni ta’ diskrezzjoni li tħalla mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Istati Membri. Imbagħad ser ngħaddi għat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji u neżamina l-[bosta] dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva identifikati mill-qorti tar-rinviju, u nistaqsi jekk, madankollu, jipprekludux liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Id-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti

 Id-Direttiva dwar il-prospett

53.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-prospett jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-responsabbiltà għall-informazzjoni pprovduta fil-prospett torbot, mill-inqas, fost l-oħrajn, lill-emittent. Għalhekk, mhux talli ma hijiex ipprojbita, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi lil kumpannija b’responsabbiltà limitata, fil-kwalità tagħha ta’ emittent, responsabbli fil-konfront ta’ investitur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni tissodisfa din id-dispożizzjoni. Huwa minnu li l-Artikolu 6(1) jippermetti li entitajiet oħra minbarra l-emittent, “skont il-każ”, jinżammu responsabbli fil-qasam tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ informazzjoni. Madankollu, l-ebda element imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li fil-każ preżenti xi entità oħra minbarra Immofinanz, fil-kwalità tagħha ta’ emittenti, kienet responsabbli għall-informazzjoni inkluża fil-prospett tagħha. F’ċirkustanzi fejn l-emittenti tkun responsabbli għall-informazzjoni kkomunikata, l-Artikolu 6 jitlob b’mod ċar li l-emittenti tinżamm responsabbli jekk din l-informazzjoni tkun falza jew qarrieqa.

54.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-prospett ma jispeċifikax liema “miżuri amministrattivi” għandhom jittieħdu jew liema “sanzjonijiet amministrattivi” għandhom jiġu imposti jekk tiġi stabbilita tali responsabbiltà. L-Artikolu 6(2) jipprovdi (f’termini mandatorji) li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal dawk il-persuni responsabbli mit-tagħrif mogħti fi prospett”, imma lanqas ma jispeċifika liema rimedji ċivili għandhom ikunu previsti. L-Artikolu 25 sempliċement jikkonferma li l-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li huwa jitlob li l-Istati Membri jimponu huma “[m]ingħajr preġudizzju [...] għar-reġim tagħhom ta’ responsabblità ċivili” (u għad-dritt tagħhom li jimponu sanzjonijiet kriminali).

55.      Għalhekk, skont id-Direttiva dwar il-prospett, l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, suġġett għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-istess Unjoni, fir-rigward tan-natura ta’ rimedju tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili.

56.      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali tipprovdi għall-ħlas lura tal-prezz tax-xiri u għar-radd lura tal-ishma lill-kumpannija. L-għażla tar-rimedju titħalla f’idejn l-Istat Membru. Hija ma tikkoinċidix manifestament mas-sanzjonijiet kriminali jew mal-miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu wkoll previsti u ma tillimitax l-effetti tagħhom. Ċertament ma hijiex ipprojbita mid-Direttiva dwar il-prospett. Hija manifestament proporzjonata mad-dannu sostnut mill-investitur. Ma hijiex manifestament sproporzjonata man-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni. Hija tista’ tiddiswadi lill-emittenti milli jqarrqu lill-investituri u jġiegħluhom jixtru l-ishma tagħhom billi ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni; u għalhekk tista’ tkun kemm dissważiva kif ukoll effettiva. Għalhekk jidhirli li hija konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li tista’ tippermetti t-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva dwar il-prospett.

 Id-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza

57.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà għall-informazzjoni li għandha titħejja u tiġi ppubblikata skont din id-direttiva, taqa’ mill-inqas fuq l-emittent jew fuq il-korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza tiegħu. Fil-fehma tiegħi, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi kumpannija, fil-kwalità tagħha ta’ emittent, responsabbli għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti mill-imsemmija direttiva tirrifletti perfettament ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. Leġiżlazzjoni bħal din lanqas ma tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jinsab fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva.

58.      Id-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza ma tispeċifikax is-sanzjonijiet ċivili li għandhom jiġu deċiżi meta tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-emittent. L-Artikolu 28(1) sempliċement jitlob li l-Istati Membri jiżguraw “f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom […] għallinqas ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi xierqa jew jiġu imposti pieni ċivili u/jew amministrattivi fir-rigward tal-persuni responsabbli” (mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jimponu sanzjonijiet kriminali), u jżid jgħid li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawk il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u diswassivi”.

59.      Bħal fil-każ tad-Direttiva dwar il-prospett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Jidhirli li rimedju li jobbliga lil kumpannija tħallas lura l-prezz tax-xiri u takkwista mill-ġdid l-ishma tagħha jidħol perfettament fil-kuntest ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni u (kif indikajt hawn fuq) ma jistax jiġi kkontestat meta wieħed jarah fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, lanqas ma jissostitwixxi jew idgħajjef is-sanzjonijiet kriminali jew il-miżuri amministrattivi li jistgħu wkoll ikunu previsti.

 Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq

60.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li jkunu jistgħu jittieħdu “miżuri amministrattivi xierqa” jew li jiġu imposti “sanzjonijiet amministrattivi” fuq il-“persuni responsabbli” għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skont l-imsemmija direttiva, “[m]ingħajr preġudizzju għad-dritt [tagħhom] li jimponu sanzjonijiet kriminali”. Bħal fil-każ tad-Direttiva dwar il-prospett u d-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza, id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq ma tispeċifikax liema rimedju ċivili għandu jkun disponibbli meta tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-emittent. Għalhekk l-Istati Membri għandhom, hawnhekk ukoll, diskrezzjoni wiesgħa, suġġett għal-limiti imposti permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Sa fejn kumpannija b’responsabbiltà limitata tikser din id-direttiva, leġiżlazzjoni nazzjonali li trendiha responsabbli għal tali ksur tikkonforma mat-test u mal-għanijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq.

61.      Jidhirli li r-rimedju previst mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, fil-kuntest tas-sistema tagħha ta’ responsabbiltà ċivili u jekk tali responsabbiltà tiġi stabbilita, jidħol perfettament fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, huwa wkoll (għar-raġunijiet li diġà tajt) konsistenti mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, sa fejn nista’ nara, huwa ma jissostitwixxix u lanqas ma jdgħajjef is-sanzjonijiet kriminali jew il-miżuri amministrattivi li jistgħu wkoll ikunu fis-seħħ.

62.      Għaldaqstant nikkonkludi li d-Direttiva dwar il-prospett, id-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza u d-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, jekk kumpannija b’responsabbiltà limitata tikser l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn dawn id-direttivi, hija tkun obbligata terġa’ takkwista l-ishma tagħha u tħallas lura l-prezz tax-xiri lill-investitur.

 It-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji

63.      Anki jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex prekluża mid-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti (u anki jekk, fil-fatt, tidher li hija konformi mat-test tagħhom u mal-promozzjoni tal-għanijiet tagħhom), din madankollu — kif issostni Immofinanz — tikser it-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji?

64.      Immofinanz u Aviso Zeta jsostnu li tali leġiżlazzjoni nazzjonali kienet ipprojbita mit-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji għaliex tmur kontra l-prinċipju ta’ żamma tal-kapital, tmur kontra l-projbizzjoni li kumpannija takkwista l-ishma tagħha stess u tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. B’mod partikolari, Immofinanz u Aviso Zeta jsostnu li t-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji tipprekludi li tali obbligu jolqot l-attiv nett ta’ kumpannija jew li jkun daqstant estensiv li jkollu mnejn iwassal għall-insolvenza tal-kumpannija.

65.      A. Hirmann, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni jikkonkludu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx ipprojbita mit-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji, anki jekk, sabiex tissodisfa dan l-obbligu, kumpannija b’responsabbiltà limitata tkun imġiegħla tuża l-attiv nett tagħha jew tidħol f’insolvenza.

66.      Il-Gvern Awstrijak jillimita ruħu li jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal żewġ sentenzi tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema Awstrijaka) tat-30 ta’ Marzu 2011 (26) u tal-15 ta’ Marzu 2012 (27), li huwa jaqbel magħhom. F’dawk is-sentenzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji ma kinux jipprekludu t-tħassir ta’ kuntratt ta’ xiri ta’ ishma u l-ħlas lura tas-somom imħallsa.

67.      Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex ipprojbita mit-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji.

68.      Il-qorti tar-rinviju invokat diversi dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji. Sabiex nagħti struttura lill-analiżi tiegħi, ser nikkunsidrahom b’dan il-mod. (1) Ser nibda bl-eżami jekk pagament magħmul lil A. Hirmann skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jistax jikkostitwixxi tqassim ipprojbit mill-Artikolu 15 li għandu jiġi rkuprat skont l-Artikolu 16. (2) Imbagħad ser neżamina r-regola li tipprojbixxi lil kumpannija milli takkwista l-ishma tagħha stess u l-eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni (l-Artikoli 18, 19 u 20). (3) Imbagħad inkompli billi neżamina l-obbligu li l-azzjonisti jiġu ttrattati b’mod ugwali (l-Artikolu 42). (4) Nikkompleta l-analiżi tiegħi billi nqis l-aħħar dispożizzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju (l-Artikolu 12). (5) Fl-aħħar nett, ser nittratta fil-qasir il-kwistjoni dwar jekk, sabiex tissodisfa tali obbligu, il-fatt li kumpannija b’responsabbiltà limitata tista’ tkun mitluba tuża l-attiv nett tagħha jew tidħol f’insolvenza, jistax jaffettwa l-konklużjoni tiegħi.

 Ir-regoli dwar it-tqassim (l-Artikoli 15 u 16)

69.      L-Artikolu 15 kien jipprekludi li jsir kwalunkwe tqassim lill-azzjonisti meta l-aħħar kontijiet annwali tal-kumpannija jkunu juru li l-attiv nett tagħha kien, jew wara tali tqassim sar, inqas mill-kapital sottoskritt tagħha. (L-Artikolu 6 kien jipprevedi ammont minimu ta’ kapital sottoskritt qabel ma kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata tkun tista’ titwaqqaf jew qabel tikseb l-awtorizzazzjoni biex tibda l-attivitajiet tagħha). Iżda t-terminu “tqassim” kien jirreferi wkoll għall-obbligu legali ta’ kumpannija li tħallas lura l-prezz tal-bejgħ lil investitur fil-każ fejn hija tkun kisret l-obbligi tagħha li tipprovdi informazzjoni?

70.      It-terminu “tqassim” fl-Artikolu 15 ma kienx iddefinit fit-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji, għalkemm l-Artikolu 15(1)(d) kien jipprovdi li dan “[j]inkludi b’mod partikolari l-ħlas ta’ dividendi u ta’ interessi li għandhom x’jaqsmu ma’ ishma”. Fil-fehma tiegħi, dan it-terminu għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi pagament li jkun sar biex jikkumpensa investitur li jkun sofra danni minħabba li l-kumpannija tkun kisret l-obbligi tagħha.

71.      Tali interpretazzjoni ma tmurx kontra l-għanijiet tal-Artikolu 15 li, kif kien espost fit-tieni u r-raba’ premessa tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji, kienu li tiġi żgurata protezzjoni ekwivalenti minima kemm għall-azzjonisti kif ukoll għall-kredituri ta’ dawn il-kumpanniji billi, fost l-oħrajn, tobbliga lil kumpanniji b’responsabbiltà limitata jżommu l-kapital tagħhom, “b’mod partikolari billi ma jħallux xi tnaqqis tiegħu bit-tqassim lil azzjonisti meta dawn tal-aħħar ma għandhomx dritt għalih”. L-intenzjoni kienet li jiġi evitat tqassim mhux xieraq mill-kapital sottoskritt lill-azzjonisti fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti li ma kinux intitolati għalih. Bil-kontra, pagament li jkun sar lil investitur, li jkun ġie mqarraq bil-prospett tal-kumpannija biex jixtri ishma, ma jsirx lilu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (għal raġunijiet li issa ser ngħaddi biex nispjega) u huwa pagament ta’ kumpens li dik il-persuna hija intitolata għalih.

72.      Tali pagament ma huwiex inizjat mill-kumpannija nfisha, iżda jsir sabiex jitwettaq obbligu legali. L-obbligu li jsir il-pagament joriġina mir-relazzjoni tal-kumpannija ma’ investituri potenzjali li joqgħodu fuq il-prospett meta jiddeċiedu jekk għandhomx jinvestu, mhux mir-relazzjoni tagħha mal-azzjonisti eżistenti. Għalhekk, jekk jiġi ordnat li jsir pagament lil A. Hirmann fl-aħħar tal-kawża prinċipali, dan isir għaliex l-imsemmi Hirmann huwa kreditur terz tal-kumpannija, u mhux għax kien azzjonist.

73.      Fil-fehma tiegħi, tali pagament ma jikkostitwixxix “tqassim” ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 15(1), anki fejn il-kreditur terz ikun ukoll azzjonist tal-kumpannija inkwistjoni. Xi eżempji jistgħu jgħinu biex jiġi ċċarat dan il-punt.

74.      Ejja ngħidu, pereżempju, li s-sid tal-bini tal-uffiċċji tal-kumpannija jkun azzjonist fl-imsemmija kumpannija, u li hija waqgħet lura fil-ħlas tal-kera dovuta. Is-sid ifittex għall-arretrati tal-kera. Id-dritt tiegħu għall-pagament tal-kera ma jkunx ibbażat fuq l-istatus tiegħu ta’ azzjonist; u l-ħlasijiet tal-kera li jsiru mill-kumpannija lis-sid (kemm jekk wara korrispondenza jew fuq deċiżjoni qorti) ma jikkostitwixxux tqassim ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 15.

75.      Bl-istess mod, jekk impjegat tal-kumpannija li jkun xtara jew irċieva ishma f’dik il-kumpannija sussegwentement ikorri fuq ix-xogħol minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kumpannija tal-obbligu tagħha ta’ diliġenza, id-dritt tiegħu li jirkupra kumpens għad-dannu sostnut ma jkollu xejn x’jaqsam, mal-kwalità tiegħu ta’ azzjonist. F’każ bħal dan, il-ħlas ta’ kumpens mill-kumpannija ma jikkostitwixxix tqassim ta’ kapital.

76.      Peress li pagament li jsir lil kreditur terz, li jinzerta li jkun ukoll azzjonist, ma jikkostitwixxix “tqassim” ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 15, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix tali pagament.

77.      L-Artikolu 16 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji jeżiġi sempliċement li kwalunkwe tqassim li jsir bi ksur tal-Artikolu 15 għandu jitħallas lura. Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tiegħi dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 15, l-Artikolu 16 ma jaffettwax is-sitwazzjoni attwali.

 Il-projbizzjoni li kumpannija takkwista l-ishma tagħha stess u l-eċċezzjonijiet minn din ir-regola

78.      L-Artikolu 18(1) tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji kien jipprojbixxi lil kumpanniji milli jissottoskrivu għall-ishma tagħhom stess. Madankollu, l-Artikolu 19 kien jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lil kumpannija takkwista l-ishma tagħha stess skont il-kundizzjonijiet li huwa kien jistabbilixxi, filwaqt li l-Artikolu 20 kien jippermetti lill-Istati Membri ma japplikawx l-Artikolu 19 f’każijiet partikolari li fihom kumpannija tkun akkwistat ishma.

79.       L-għan ta’ dawn l-artikoli kien li tingħata protezzjoni lill-azzjonisti u lill-kredituri minn imġiba fis-suq li tista’ tnaqqas il-kapital ta’ kumpannija u żżid b’mod qarrieq il-prezz tal-ishma tagħha. Dan l-għan ma jiġix mfixkel jekk kumpannija takkwista l-ishma tagħha fil-każ ta’ obbligu legali li jitlob li tagħmel dan. Fil-fatt, kif enfasizzaw ġustament il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, l-Artikolu 20(1)(d) jippermetti speċifikament lill-Istati Membri jawtorizzaw lil kumpannija takkwista l-ishma tagħha “bis-saħħa ta’ obbligu legali” mingħajr ma jkollha bżonn tirrikorri għall-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 19. Għalhekk, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tobbliga lil kumpannija b’responsabbiltà limitata takkwista (mill-ġdid) l-ishma tagħha bħala parti minn rimedju għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħha, dan huwa akkwist bis-saħħa ta’ obbligu legali li l-Artikolu 20(1)(d) jippermetti b’mod espliċitu lill-Istati Membri biex jawtorizzaw.

80.      Għaldaqstant l-Artikolu 18 ma kienx jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

 Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

81.      L-Artikolu 42 kien jipprovdi li, fl-implementazzjoni tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji, l-Istati Membri kellhom jiżguraw “trattament indaqs ta’ l-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni”. Dan l-obbligu kien japplika, kif huwa ċar mill-frażi “[g]ħall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva”, biss fil-qafas partikolari ta’ din id-direttiva (28).

82.      Azzjonist li jkun intitolat legalment għal rimedju fir-rigward ta’ xiri ta’ ishma li jkun sar abbażi ta’ prospett qarrieq ma huwiex fl-istess pożizzjoni bħal azzjonist li ma bbażax ruħu fuq dak il-prospett. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ azzjonisti ma jipprekludix, għaldaqstant, li azzjonist jingħata rimedju (29) li huwa intitolat għalih.

 L-Artikolu 12

83.      L-Artikolu 12 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji kien jipprojbixxi l-eżenzjoni tal-azzjonisti mill-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, u b’hekk kien jipproteġi l-kapital sottoskritt fiż-żmien tat-twaqqif tal-kumpannija bir-rekwiżit li jitħallas il-kapital sottoskritt kollu. Peress li A. Hirmann (a) xtara ishma ordinarji fis-suq sekondarju u (b) ħallas għal dawn l-ishma b’mod sħiħ, din id-dispożizzjoni hija irrilevanti f’dan il-każ.

 X’jiġri jekk biex isir pagament ikun jeħtieġ l-użu ta’ kapital sottoskritt jew tar-riżervi, jew jekk tali pagament jista’ jwassal għall-insolvenza tal-kumpannija?

84.      Nibda biex nosserva li, minn dak li nista’ nara, din il-kwistjoni hija purament ipotetika. Ma hemm xejn fil-proċess ippreżentat quddiem din il-qorti li jindika li, jekk Immofinanz kellha tiġi ordnata tixtri lura 1 375.02406 sehem u tħallas lil A. Hirmann EUR 10 013.75 flimkien mal-interessi, din tkun imġiegħla tuża parti mir-riżervi tagħha jew iddur għall-kapital sottoskritt sabiex tissodisfa dan l-obbligu.

85.      Indipendentement minn jekk u sa liema punt huwa meħtieġ li tingħata risposta għal din id-domanda, nibqa’ tal-fehma li, peress li tali pagament lil kreditur terz ma jikkostitwixxix tqassim ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 15, il-limiti imposti minn din id-dispożizzjoni fuq l-ammont ta’ kapital li kumpannija b’responsabbiltà limitata tista’ tqassam lill-azzjonisti tagħha ma humiex applikabbli għal tali pagament. Għaldaqstant il-pagament ta’ kumpens lil investitur minn kumpannija b’responsabbiltà limitata li tkun kisret l-obbligi tagħha ma kienx ipprojbit mill-Artikolu 15, anki jekk sabiex jiġi sodisfatt dan l-obbligu, il-kumpannija kien ikollha tuża parti mir-riżervi tagħha u dan seta’ jwassal għall-insolvenza tagħha.

86.      Madankollu, nista’ biss intenni li, abbażi tal-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-domanda tidher li hija iktar ipotetika milli reali.

87.      Għaldaqstant nikkonkludi li t-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji ma kinitx tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Ir-raba’ u l-ħames domandi

88.      Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi dwar kwistjonijiet kronoloġiċi; u għalhekk ser neżamina dawn id-domandi flimkien. L-allegat ksur seħħ fis-7 ta’ Jannar 2005. A. Hirmann ressaq it-talba tiegħu għal rimedju fil-15 ta’ Awwissu 2011. Id-Direttiva dwar is-salvagwardji tipprekludi u/jew it-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji kienet tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tħassir retroattiv ta’ kuntratt għax-xiri ta’ ishma, li jwassal għall-ħlas lura tal-prezz oriġinali tax-xiri mħallas fid-data li fiha seħħ il-ksur (ħlas lura bbażat fuq il-valur tal-ishma ex tunc)? Jew inkella dawn id-direttivi effettivament kienu jeħtieġu li r-responsabbiltà tal-emittent tiġi stabbilita b’riferiment għall-valur tal-ishma fid-data li fiha tkun saret it-talba (ħlas lura bbażat fuq il-valur tal-ishma ex nunc)?

89.      A. Hirmann isostni li huwa intitolat għall-prezz oriġinali tax-xiri li kien ħallas (flimkien mal-interessi) peress li, kieku ma kienx ġie mqarraq, huwa ma kienx jidħol fit-tranżazzjoni tax-xiri tal-ishma. Il-Gvern Awstrijak, li qabel mal-pożizzjoni adottata mill-Oberster Gerichtshof (30) fis-sens li l-protezzjoni tal-azzjonisti tieħu preċedenza fuq iż-żamma tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija intatt, ma jindirizzax dawn il-kwistjonijiet bħala tali.

90.      Bil-kontra, Immofinanz issostni li jekk investitur jitħalla jitlob lura l-prezz oriġinali tax-xiri li jkun ħallas dan jista’ joħloq l-istess effetti bħal dikjarazzjoni tan-nullità tal-kumpannija. Dan joħloq inċertezza legali u jmur kontra l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar is-salvagwardji, li jindikaw b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom kumpannija tista’ tiġi ddikjarata nulla. Immofinanz issostni wkoll (billi tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ April 2010, E. Friz (31), sostnuta fuq dan il-punt minn Aviso Zeta) li l-preżervazzjoni tal-eżistenza tal-kumpannija hija essenzjali. Għalhekk, jekk it-tranżazzjoni marbuta mal-ishma għandha titħassar, l-ishma mroddija lura lil Immofinanz u l-flus korrispondenti jitħallsu lura, is-somma li għandha titħallas lura għandha tkun stabbilita ex nunc (il-valur tal-ishma fid-data li fiha tressqet it-talba) u mhux ex tunc (il-prezz oriġinali tax-xiri).

91.      Il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar is-salvagwardji ma humiex applikabbli. It-tħassir tat-tranżazzjoni tal-ishma ma jwassalx għan-nullità ta’ Immofinanz. Tali deċiżjoni hija waħda li tista’ tittieħed biss minn qorti. Barra minn hekk, la dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-salvagwardji u lanqas it-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji ma jeħtieġu li t-tħassir ta’ kuntratt għandu jipproduċi biss effetti ex nunc, jew li kwalunkwe responsabbiltà relatata ma’ dan għandha tkun stabbilita ex nunc. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi l-livell tar-responsabbiltà tal-emittent, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-azzjonisti li jinsabu fl-istess pożizzjoni.

92.      Naqbel mas-sottomissjonijiet tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni.

93.      L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva dwar is-salvagwardji jipprovdi li “in-nullità għandha tiġi ordnata b’deċiżjoni tal-qorti tal-ġustizzja” u li tista’ tiġi ordnata biss f’wieħed mis-sitt każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 12(b)(i) sa (vi). L-Artikolu 13 jinkludi dispożizzjonijiet rigward il-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni ta’ tali nullità. Madankollu, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata r-responsabbiltà ta’ kumpannija fil-konfront ta’ investitur ma hijiex l-istess bħal deċiżjoni li tiddikjara n-nullità. Għaldaqstant, l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar is-salvagwardji huma manifestament irrilevanti għar-responsabbiltà ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li tkun kisret l-obbligi tagħha ta’ informazzjoni u ma jaffettwawx il-kwistjoni dwar jekk tali responsabbiltà tipproduċix effetti ex nunc jew ex tunc.

94.      Id-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti ma jistabbilixxu l-ebda kundizzjoni partikolari dwar in-natura tar-rimedju li Stat Membru għandu jimponi jekk emittent jikser l-obbligi tiegħu li jipprovdi informazzjoni, ħlief li s-sanzjonijiet għandhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Għalhekk l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, li neċessarjament jinkludi s-setgħa li tittieħed deċiżjoni dwar jekk it-tħassir ta’ xiri ta’ ishma għandux jipproduċi effetti ex tunc jew ex nunc.

95.      Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ April 2010, E. Friz (32), il-fatt li konsumatur ikun eżerċita d-dritt tiegħu li jħassar kuntratt ta’ sħubija f’fond ta’ proprjetà immobbli magħluq ikkostitwit taħt il-forma ta’ soċjetà ta’ persuni (Direttiva 85/577 (33)) ma kienx jipprekludi t-tħassir tal-kuntratt fuq bażi ex nunc (34). Dik is-sentenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-Istati Membri, fil-kuntest ta’ direttivi oħra li jirrigwardaw din il-kawża, jiżguraw li t-tħassir ta’ tranżazzjoni ta’ xiri ta’ ishma li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kumpannija li tipprovdi informazzjoni jkun jista’ joħloq biss effetti ex nunc.

96.      Fl-aħħar nett, ma nara xejn fit-test tal-Artikoli 12, 15, 16, 18, 19 u/jew 42 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji li jindika li dawn kienu jinkludu tali rekwiżit. Naqbel mal-Kummissjoni li l-qorti nazzjonali jista’ jkollha tieħu passi biex tiżgura li l-azzjonisti kollha li jkunu xtraw ishma abbażi tal-istess informazzjoni qarrieqa jiġu ttrattati b’mod ugwali, kif mitlub bl-Artikolu 42. Għajr għal dan, inqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma kollha irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-effetti ex tunc jew ex nunc. Kif diġà indikajt, din hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali.

 Konklużjoni

97.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mill-Handelsgericht Wien:

“1.      Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356), id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, p. 38) u d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367) ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, jekk kumpannija b’responsabbiltà limitata tikser wieħed mill-obbligi tagħha li jirriżultaw minn dawn id-direttivi, hija tkun obbligata terġa’ takkwista l-ishma u tħallas lura l-prezz tax-xiri lill-investitur. Bl-istess mod, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex prekluża permezz tal-Artikoli 12, 15, 16, 18, 19 u/jew 42 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 26, p. 1) (it-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji).

2.      La d-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u lanqas id-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE dwar id-dritt tal-kumpanniji ma jipprekludu t-tħassir b’effett retroattiv ta’ kuntratt ta’ xiri ta’ ishma li jkun jinvolvi l-ħlas lura tal-prezz oriġinali tax-xiri.”


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 26, p. 1). Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 315, p. 74). Preċedentement din kienet ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/101/KEE, tat-23 ta’ Novembru 1992, li temenda d-Direttiva 77/91/KEE dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata u ż-żamma u l-bdil tal-kapital tagħhom (ĠU 1992 L 347, p. 64), li pproduċiet il-verżjoni fis-seħħ fis-7 ta’ Jannar 2005, iż-żmien li fih ġie konkluż ix-xiri tal-ishma li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali. Hija ġiet emendata mill-ġdid permezz tad-Direttiva 2006/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, fir-rigward tal-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom (ĠU L 264, p. 32), u mbagħad permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpanniji, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M, p. 765).


3 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


4 – L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2012/30, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, issostitwixxa l-Artikolu 15 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji.


5 – L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2012/30, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, issostitwixxa l-Artikolu 18 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji.


6 – Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356). Din id-direttiva kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2005 (l-Artikolu 29). M’inix informat jekk din il-verżjoni tad-Direttiva dwar il-prospett kinitx ġiet trasposta fil-liġi Awstrijaka fis-7 ta’ Jannar 2005, id-data tal-kuntratt tax-xiri tal-ishma. Jekk ma kinitx, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha tintegra r-rekwiżiti preċedenti stabbiliti permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 89/298/KEE, tas-17 ta’ April 1989, li tikkoordina l-ħtiġijiet għat-tħejjija, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tal-prospectus li għandu jiġi ppubblikat meta titoli trasferibbli jiġu offerti lill-pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 216). Id-Direttiva dwar il-prospett ġiet emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008, li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 76, p. 37), iżda l-Artikoli 6 u 25 tagħha, li huma rilevanti f’dan il-każ, ma ġewx emendati.


7 –      Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, p. 38). Ma kienx meħtieġ li tiġi trasposta din id-direttiva qabel l-20 ta’ Jannar 2007. Fid-data li fiha nxtraw l-ishma, il-liġi nazzjonali setgħet, għaldaqstant, tirrifletti r-rekwiżiti ta’ trasparenza tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2001, fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk il-titoli, iċċitata hawn fuq, li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Lulju 2001, u li kkodifikat numru ta’ direttivi preċedenti, fosthom id-Direttiva 82/121/KEE, tal-15 ta’ Frar 1982, dwar informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fuq bażi regolari minn kumpanniji li l-ishma tagħhom huma ammessi jidhru fil-lista uffiċjali tal-Borża (ĠU L 48, p. 26)


8 – Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367). Għalkemm l-isem “Direttiva dwar l-integrità tas-suq” kien ikun deskrizzjoni aħjar ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-għanijiet tagħha, hija magħrufa bħala d-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq u għalhekk hawnhekk ser insegwi dik it-tradizzjoni. L-Istati Membri kellhom jittrasponuha sat-12 ta’ Ottubru 2004. Hija ġiet emendata bid-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, p. 120), iżda l-Artikolu 14(1) tagħha, applikabbli f’dan il-każ, ma kienx emendat.


9 – Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, p. 11). Din id-direttiva ġiet wara x-xiri tal-ishma inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-Artikoli 12 u 13 tagħha, li huma ċċitati mill-qorti nazzjonali, sa issa għadhom ma ġewx emendati.


10 – Ser nagħmel riferiment b’mod kollettiv għal dawn bħala d-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti.


11 – Din il-lista nżammet bl-Artikolu 1 u bl-Anness I tad-Direttiva 2012/30, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


12 – L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/30 issostitwixxa l-Artikolu 6 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji.


13 – L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/30 issostitwixxa l-Artikolu 12 tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji.


14 – Li ġie ssostitwit bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2012/30.


15 –      Issostitwit bl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2012/30.


16 – Issostitwit bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2012/30.


17 – Artikolu 19(1)(a).


18 – Artikolu 19(1)(c).


19 – Artikolu 19(1)(d).


20 – Issostitwit bl-Artikolu 22(1)(d) tad-Direttiva 2012/30.


21 – L-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva.


22 –      Għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni, il-“konsumaturi” huma persuni li jaġixxu f’isimhom proprju, mhux għan-nom ta’ kumpannija. Jidher li A. Hirmann jaqa’ taħt dan il-kunċett fir-rigward tax-xiri minnu ta’ ishma.


23 – Jista’ jidher kurjuż għal min qiegħed jaqra, li x-xiri tal-ishma ta’ A. Hirmann kellu jinkludi frazzjoni ta’ sehem. Madankollu din hija ċ-ċifra mogħtija fid-digriet tar-rinviju.


24 – L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar l-obbligi ta’ trasparenza jagħmel riferiment ukoll għal sanzjonijiet ċivili.


25 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, li tispeċifika l-verżjoni tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien.


26 – Kawża 7 Ob 77/10i.


27 – Kawża 6 Ob 28/12d.


28 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Ottubru 2009, Audiolux et (Kawża C-101/08, Ġabra p. I-9823, punti 37 sa 42). Ara wkoll il-ħames premessa tat-Tieni Direttiva dwar id-dritt tal-kumpanniji.


29 – Meta iktar minn azzjonist wieħed ikun intitolat għal rimedju, il-qorti nazzjonali evidentement tkun meħtieġa tapplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-azzjonisti kollha li jinsabu fl-istess pożizzjoni meta tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpannija fil-konfront ta’ kull wieħed minnhom.


30 –      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 26 u 27 hawn fuq.


31 – Iċċitata fil-punt 39.


32 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.


33 – Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262).


34 – E. Friz, iċċitata fil-punt 39, punt 50.