Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C-190/12

Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy (il-Polonja)]

“Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 56 KE, 57 KE u 58 KE — Taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi — Dividendi mħallsa lil fondi ta’ investiment stabbiliti fuq it-territorju ta’ pajjiżi terzi — Eżenzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy (Tribunal Amministrattiv tal-Provinċja ta’ voïvodie f’Bydgoszcz) (il-Polonja) jistaqsi, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà mal-moviment liberu tal-kapital tad-differenza fit-trattament fiskali bejn id-dividendi mħallsa lil fondi ta’ investiment li jinsabu f’pajjiżi terzi u dawk imħallsa lil fondi ta’ investiment stabbiliti fil-Polonja.

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-fond ta’ investiment Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, li għandu s-sede tiegħu fl-Istati Uniti, u Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy (direttur tal-Kummissjoni tat-Taxxa ta’ Bydgoszcz) dwar ir-rifjut ta’ din l-amministrazzjoni li tikkonstata u tirrimborsa ħlas żejjed ta’ taxxa b’rata fissa fuq il-kumpanniji, għas-snin 2005 u 2006, imħallsa bħala taxxa fuq id-dividendi mqassma lir-rikorrent fil-kawża prinċipali minn kumpanniji b’kapital azzjonarju li għandhom is-sede tagħhom fuq it-territorju Pollakk.

3.        Iktar preċiżament, f’Diċembru 2010, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab ir-rimbors mingħand l-amministrazzjoni fiskali ta’ ħlas żejjed ta’ taxxa b’rata fissa fuq il-kumpanniji, li kienet ġiet imposta fuq id-dividendi li kienu tħallsu lilu bir-rata ta’ 15 % skont l-Artikolu 22(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (ustawy o podatku dochodowym od osób prawnych), tal-15 ta’ Frar 1992 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-TK”), moqri flimkien mal-Artikolu 11(2)(b) tal-Konvenzjoni ffirmata bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari [tal-Polonja] u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar ħelsien minn taxxa doppja u prevenzjoni tal-evażjoni fiskali (Umowy miedzy Rządem [Polskiej] Rzeczypospolitej Ludowej a Rządem Stanów Zjednoczonych Ameryki o uniknięciu podwójnego opodatkowania i zapobieżeniu uchylaniu się od opodatkowania w zakresie podatków od dochodu), iffirmata f’Washington fit-8 ta’ Ottubru 1974, iktar ’il quddiem il-Konvenzjoni dwar prevenzjoni tal-1974.

4.        Din it-talba kienet ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2011, minħabba li, bħala fond ta’ investiment stabbilit fl-Istati Uniti tal-Amerika, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni msemmija fil-punt 10 tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK li jistabbilixxi li huma biss il-fondi ta’ investiment li jeżerċitaw l-attività tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-fondi ta’ investiment (ustawy o funduszach inwestycyjnych), tas-27 ta’ Mejju 2004, (iktar ’il quddiem il-“Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment”), huma eżenti mit-taxxa (2).

5.        Billi din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata mid- Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy fis-6 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ippreżenta rikors għal annullament quddiem il-qorti tar-rinviju.

6.        Wara li nnotat, minn naħa, li l-investimenti mwettqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienu fil-forma ta’ “investimenti f’portafoll”, billi l-ishma fil-kapital tal-kumpanniji ma kinux jippermettulu li jeżerċita kontroll fuq id-direzzjoni tal-imsemmija kumpanniji u, min-naħa l-oħra, li l-fondi ta’ investiment Pollakki ma jgawdux awtomatikament mill-eżenzjoni personali imma għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minħabba r-rabta stretta bejn l-eżenzjoni mit-taxxa u d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, għandhiex tiġi applikata l-libertà ta’ stabbiliment u mhux il-moviment liberu tal-kapital.

7.        Għalkemm din l-aħħar libertà madankollu hija applikabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-portata limitata tal-eżenzjoni stabbilita bil-Liġi dwar it-TK. Fl-opinjoni tagħha, b’mod partikolari, restrizzjoni possibbli tista’ tiġi ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, l-informazzjoni neċessarja għall-għoti tal-eżenzjoni mit-taxxa, dwar l-istatut u r-regoli dwar il-funzjonament tal-fondi, ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

8.        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 56(1) KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) japplika fir-rigward tal-evalwazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ eżenzjoni fiskali personali ta’ portata ġenerali, Stat Membru jistax jimplementa dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiddistingwu s-sitwazzjoni legali tal-persuni taxxabbli b’tali mod li l-fondi tal-investiment li jkollhom is-sede tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-ħlas b’rata fissa tat-taxxa fuq id-dħul minn dividendi li huma jirċievu, u dan meta fond tal-investiment li għall-finijiet fiskali jkun residenti fl-Istati Uniti ma jibbenefikax minn tali eżenzjoni?

2)      Id-differenza fit-trattament bejn il-fondi tal-investiment li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat terz u dawk li s-sede tagħhom jkun f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, prevista mid-dritt nazzjonali għall-eżenzjoni personali fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, tista’ tiġi kkunsidrata bħala legalment fondata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 58(1)(a) KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 58(3) KE [li saru dawk tal-Artikolu 65(1)(a) [TFUE] moqrija flimkien mal-Artikolu 65(3) TFUE]?”

9.        Ir-rikorrent fil-kawżi prinċipali, il-Gvern Pollakk, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, Taljan u Finlandiż kif ukoll il-Komunità Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet ikkonċernati, ħlief il-Gvern Taljan u Finlandiż, instemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013.

II – Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminary, dwar l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital

10.      Għalkemm il-kliem tal-ewwel domanda preliminari jsemmi biss l-Artikolu 56 KE, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju, kif tinsab fil-qosor fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital favur il-libertà ta’ stabbiliment fid-dawl tar-rabta stretta bejn l-eżenzjoni fiskali tad-dividendi stabbilita bil-Liġi dwar it-TK u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq Pollakk tal-fondi ta’ investiment irregolati mil-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment.

11.      Filwaqt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li huwa iktar applikabbli l-moviment liberu tal-kapital (3), il-Gvern Pollakk isostni li hija iktar rilevanti l-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Mill-perspettiva ta’ din l-aħħar libertà, u b’riferiment għas-sentenza Fidium Finanz (4), dan il-Gvern jiddefendi l-argument li, peress li l-offerta ta’ ishma f’kumpanniji Pollakki mill-fondi ta’ investiment tikkostitwixxi attività ta’ servizz intermedjarju jew ta’ ġestjoni ta’ portafoll ta’ attivi, il-fondi stabbiliti fuq it-territorju ta’ pajjiżi terzi jiġu affettwati mill-impossibbiltà li jibbenefikaw mill-inċentiv fiskali stabbilit fil-punt 10 tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK.

12.      Min-naħa tiegħi, ma nemminx li tista’ raġonevolment tkun ikkontestata l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital.

13.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li qabel xejn isir riferiment għall-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma ssemmix il-kundizzjonijiet ta’ aċċess mill-fondi ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi għas-suq ta’ Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Polonja, iżda tirregola t-trattament fiskali tad-dħul tal-fondi imsemmija.

14.      Fl-opinjoni tiegħi, din is-sempliċi konstatazzjoni diġà twassal sabiex tiġi eskluża l-applikabbiltà tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

15.      Fil-fatt, b’kuntrast mas-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, li tikkonċerna l-projbizzjoni magħmula mill-awtoritajiet tal-Ġermanja lil kumpannija Svizzera li jipprovdu, fuq bażi professjonali, self lil klijenti Ġermaniżi minħabba li hija ma kellhiex l-awtorizzazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju ta’ tali attività, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (5), l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali, stabbilita bil-punt 10 tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK, għad-dannu tal-fondi ta’ investimenti ta’ pajjiżi terzi li jirċievu dividendi mħallsa minn kumpanniji Pollakki ma twassalx sabiex tipprevjeni l-aċċess għas-suq Pollakk minn dawn l-operaturi ekonomiċi.

16.      Fir-rigward tad-delimitazzjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, għandu jitfakkar li t-trattament fiskali ta’ dividendi jista’ jaqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-libertajiet kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE fir-rigward tat-tieni waħda (6).

17.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-applikazzjoni tagħha ma tiddependix fuq id-daqs tal-ishma li l-kumpannija li tirċievi d-dividendi għandha fil-kumpannija li tħallashom, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE (7).

18.      Fir-rigward tat-trattament fiskali tad-dividendi “deħlin” provenjenti minn pajjiżi terzi, jiġifieri tad-dividendi mħallsa minn kumpannija ta’ tali pajjiż favur persuna stabbilita fuq it-territorju ta’ Stat Membru, sa reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali persuna ma setgħetx tistrieħ fuq l-Artikolu 56 KE peress li l-fatti fil-kawża prinċipali juru li hija kellha ishma li kienu jagħtuha kontroll ċert fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija tal-pajjiż terz ikkonċernat (8). Fi kliem ieħor, hija l-libertà ta’ stabbiliment biss li hija applikabbli f’tali kuntest. Madankollu din il-libertà ma setgħetx tiġi invokata minn din il-persuna, għaliex huwa paċifiku li t-Trattat KE ma jipprovdix għall-estensjoni tiegħu fir-relazzjonijiet maċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi (9). Fil-prattika, għaldaqstant id-detentur ta’ tali ishma ma jista’ jibbaża ruħu fuq ebda waħda miż-żewġ libertajiet ta’ moviment.

19.      L-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja qalbet il-pożizzjoni fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq. Hija għalhekk iddeċidiet li, fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trattament fiskali ta’ dividendi provenjenti minn pajjiżi terzi, li hija applikabbli irrispettivament mid-daqs tal-ishma, kumpannija stabbilita fi Stat Membru, li tirċievi dividendi ta’ kumpannija li tqassam id-dividendi stabbilita f’pajjiż terz, tista’, irrispettivament mis-sehem miżmum minnha, tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 56 KE. Fil-fatt, f’każ bħal dak, ma jeżisti l-ebda riskju li din il-kumpannija tieħu vantaġġ indebitu mil-libertà ta’ stabbiliment, ġaladarba l-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni ma ssemmix il-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ tali kumpannija f’pajjiż terz, iżda tikkonċerna unikament it-trattament fiskali tad-dividendi li jitnisslu minn investimenti mwettqa mill-imsemmija kumpannija (10).

20.      Dan l-approċċ ġdid għandu l-mertu li jiżgura effett sħiħ lill-Artikolu 56 KE f’kuntesti fejn, skont il-ġurisprudenza li sa dak iż-żmien kienet applikabbli, operaturi ta’ pajjiżi terzi, li ma jistgħux, effettivament, jipprevalixxu ruħhom mil-libertà ta’ stabbiliment u fejn ir-riskju ta’ evażjoni ta’ tali libertà kien għaldaqstant ineżistenti, isibu ruħhom imċaħħda wkoll mill-possibbiltà li jinvokaw il-moviment liberu tal-kapital.

21.      L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li essenzjalment tinsab riprodotta fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tista’, fl-opinjoni tiegħi, tiġi estiża għas-sitwazzjoni tad-dividendi “ħerġin”, jiġifieri dividendi mħallsa minn kumpannija ta’ Stat Membru lil azzjonist residenti f’pajjiż terz, bħal fil-każ fil-kawża prinċipali, inkwantu din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 KE ma tistax twassal sabiex jittieħed vantaġġ indebitu mil-libertà ta’ stabbiliment.

22.      Tali riskju jista’, fl-opinjoni tiegħi, jiġi evitat fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minbarra l-fatt, li diġà ssemma, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar it-TK ma jsemmux il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq Pollakk minn operaturi barranin iżda t-trattament fiskali tad-dividendi, huwa paċifiku li, matul is-sentejn fiskali kontenzjużi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali wettaq biss investiment hekk imsejjaħ “f’portafoll”, apparentament inqas minn 10 % tal-kapital tal-kumpanniji Pollakki li jħallsu d-dividendi, li ma jagħtuhx il-possibbiltà li jinfluwenza l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-kumpanniji Pollakki li fihom għandu l-ishma (11).

23.      Għaldaqstant, l-Artikolu 56 KE għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa ta’ liema d-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti f’dak l-Istat Membru favur fond ta’ investiment stabbilit f’pajjiż terz, ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminary dwar il-kompatibbiltà tad-differenza fit-trattament fiskali mal-moviment liberu tal-kapital

1.      Fuq ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

24.      Il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE, bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ kapital, jinkludu b’mod partikolari dawk li x’aktarx jiskoraġġixxu persuni mhux residenti milli jwettqu investimenti fi Stat Membru (12). Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 56(1) KE tinkludi, mingħajr ambigwità, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ kapital provenjenti minn pajjiżi terzi.

25.      F’dan il-każ, skont il-Liġi dwar it-TK, applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-2005 u fl-2006 u sa Jannar 2011, id-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fond ta’ investiment mhux residenti, stabbilit f’pajjiż terz, kienu ntaxxati, bħala regola, bir-rata ta’ 19 %, b’applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn, ħlief fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ rata differenti bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li tali dividendi kienu eżenti meta jitħallsu f’fond ta’ investiment residenti, sa fejn dak il-fond jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet imposti mil-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment.

26.      Din id-differenza fit-trattament tolqot ukoll il-fondi ta’ investiment stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra minbarra r-Repubblika tal-Polonja, ġaladarba, kif diġà indikat, kien biss wara l-1 ta’ Jannar 2011 li, wara l-inklużjoni fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK ta’ punt 10a) u ta’ proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni, il-leġiżlatur Pollakk estenda l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ investiment tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Istati l-oħra partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), paragunabbli għall-fondi rregolati bil-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment.

27.      Għaldaqstant, kif sostniet korrettement il-Kummissjoni, billi huma biss il-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-Polonja u li jeżerċitaw in-negozju tagħhom skont il-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment li kienu eżenti mit-taxxa, il-fondi mhux residenti kienu sistematikament esklużi, inkluż meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-fondi mhux residenti jgawdu minn tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq id-dividendi, b’applikazzjoni ta’ konvenzjoni dwar ħelsien mit-taxxa doppja.

28.      Fi kliem ieħor, kienu biss id-dividendi mħallsa lil fondi ta’ investiment Pollakki li setgħu jgawdu mill-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn stabbilita bil-Liġi dwar it-TK.

29.      Tali differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi bejn fondi ta’ investiment skont, qabel xejn, il-post tar-residenza tagħhom tista’ tiskoraġġixxi, minn naħa, il-fondi ta’ investiment mhux residenti milli jwettqu investimenti f’kumpanniji stabbiliti fil-Polonja u, min-naħa l-oħra, l-investituri residenti f’dan l-Istat Membru milli jakkwistaw ishma f’fondi ta’ investiment mhux residenti (13).

30.      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni fiskali tali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala regola, mill-Artikolu 56 KE.

31.      Din ir-restrizzjoni tista’ madankollu tiġi aċċettata fid-dritt tal-Unjoni jekk id-differenza fit-trattament li fuqha hija bbażata tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament simili (14), li wara kollox allegaw diversi gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża.

32.      L-argument ta’ dawn il-gvernijiet, insostenn taċ-ċaħda tal-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament simili, huwa bbażat fuq l-affermazzjoni li l-fondi ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi ma jaqgħux taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħolqien u għall-funzjonament tal-fondi ta’ investimenti Ewropej, jiġifieri b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (15), li r-rekwiżiti tagħha huma, essenzjalment, riprodotti mil-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment fejn l-għoti tal-eżenzjoni stabbilita bil-Liġi dwar it-TK hija suġġetta għall-osservazzjoni tagħhom.

33.      Dan l-argument għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi miċħud għal diversi raġunijiet.

34.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kriterji ta’ distinzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (16).

35.      F’dan il-każ, dan kien, qabel kollox, fil-mument tal-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kriterju ta’ residenza għaliex l-ebda fond ta’ investiment mhux residenti fil-Polonja ma seta’ jgawdi mill-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi mħallsa, prevista bil-Liġi dwar it-TK.

36.      Għaldaqstant, l-argument tal-gvernijiet riprodott fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa bbażat fuq premessa żbaljata li l-uniku rekwiżit li jissuġġetta l-kisba tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn stabbilit bil-Liġi dwar it-TK huwa dak li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet inklużi fil-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment li jirrigwardaw il-ħolqien u l-funzjonament tal-imsemmija fondi. Fil-fatt, finalment, tali rekwiżit japplika biss sussidjarjament, esklużivament fir-rigward tal-fondi ta’ investiment li jkunu stabbiliti fil-Polonja.

37.      Hekk ukoll u fit-tieni lok, fl-opinjoni tiegħi, huwa żbaljat, kif ifformulat il-qorti tar-rinviju billi tirreferi, fid-domandi tagħha, għas-sistema tal-“fondi tal-investiment li jkollhom is-sede tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea” u kif jallegaw il-parti l-kbira tal-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet f’din il-kawża, li sabiex tiġi stabbilita n-natura oġġettivament paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, jiġu pparagunati żewġ każijiet ta’ natura transkonfinali.

38.      Fil-fatt, dan l-approċċ jinjora l-kriterju prinċipali ta’ distinzjoni adottat mil-Liġi dwar it-TK applikabbli fil-mument tal-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, finalment, ir-residenza tal-fondi ta’ investiment fil-Polonja.

39.      Fit-tielet lok, u fid-dawl tal-kriterju prinċipali tal-post ta’ residenza stabbilit bil-Liġi dwar it-TK, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Santander Asset Management SGIIC, iċċitata iktar ’il fuq, li differenza fit-trattament bejn impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) residenti, li jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali f’dak li jikkonċerna d-dividendi li huma jirċievu minn sorsi nazzjonali, u l-UCITS mhux residenti (inkluż dawk stabbiliti f’pajjiżi terzi), li jħallsu taxxa f’ras il-għajn fuq tali dividendi, ma tistax tiġi ġġustifikata b’differenza ta’ sitwazzjoni rilevanti (17).

40.      Ċertament, tali konklużjoni kienet insiltet wara l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk, sabiex tiġi evalwata l-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet, is-sitwazzjoni tad-detenturi ta’ ishma ta’ UCITS kellhiex ukoll tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ dik ta’ dawk l-organi bħala mezzi ta’ investiment kollettiv.

41.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet preċiżament eskludiet it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi ta’ ishma sabiex tevalwa n-natura diskriminatorja jew le tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni, minħabba l-kriterju ta’ distinzjoni adottat mil-leġiżlazzjoni msemmija, jiġifieri r-residenza tal-UCITS (18).

42.      Issa, kif diġà semmejt f’diversi okkażjonijiet, il-post ta’ residenza tal-fondi ta’ investiment huwa l-kriterju prinċipali stabbilit mil-Liġi dwar it-TK, fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, din is-sitwazzjoni hija simili għal dik tal-leġiżlazzjoni Franċiża li wasslet għas-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq.

43.      Barra minn hekk, ir-raġunament ifformulat b’mod partikolari ddedikat għall-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet tal-UCITS residenti u tal-UCITS mhux residenti, inkluż dawk ta’ pajjiżi terzi, żviluppat fil-punti 24 sa 44 tas-sentenza msemmija ma jħallix l-iċken dubju dwar ir-rilevanza ta’ tali paragunabbiltà li hija bbażata fuq il-motiv, ta’ natura ġenerali, li l-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-pajjiżi terzi huma rregolati minn leġiżlazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom differenti minn dik applikabbli għall-UCITS stabbiliti fuq it-territorju tal-Unjoni.

44.      Finalment, kif jirriżulta wkoll mill-punt 42 tas-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq, dan jikkonferma, inkluż fir-rigward tal-organi stabbiliti fil-pajjiżi terzi (barra ż-ŻEE), il-kurrent ġurisprudenzjali, illum stabbilit, li, meta Stat Membru jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra jew fl-Istati terzi partijiet għall-Ftehim ŻEE, il-persuni mhux residenti benefiċjarji ta’ dawn id-dividendi jinsabu f’sitwazzjoni simili għal dik tar-residenti f’dak li jikkonċerna r-riskju ta’ taxxa ekonomika doppja jew ta’ taxxi fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti (19).

45.      Kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-raġunament, fl-istadju tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet, għandu jiġi segwit ukoll f’din il-kawża. Fil-fatt, l-allegata differenza ta’ kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-fondi ta’ investiment Pollakki fil-konfront tal-kontropartijiet tagħhom stabbiliti fil-pajjiżi terzi jista’, b’mod iktar adegwat, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-motivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ta’ natura fiskali.

46.      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, għandu jiġi nnotat li ebda argument ma tressaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ prevenzjoni tal-1974 jippermetti, f’kull każ, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi nnewtralizzata d-differenza ta’ trattament li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-TK jew minn dawk ta’ din il-konvenzjoni li għandhom ir-riżultat li jnaqqsu r-rata tat-taxxa f’ras il-għajn (20).

47.      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħalma hija l-Liġi dwar it-TK, li tadotta bħala kriterju ta’ distinzjoni prinċipali l-post ta’ residenza tal-fondi ta’ investiment, li jwassal għall-ġbir jew le ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li jitħallsu lilhom minn kumpanniji Pollakki, il-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-pajjiżi terzi jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament simili għal dawk li s-sede tagħhom tkun tinsab fuq it-territorju Pollakk.

48.      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, kif sostnew il-Gvern Pollakk, Ġermaniż, Spanjol u Franċiż, id-differenza fit-trattament taqax fil-klawżola hekk imsejħa ta’ “standstill”, prevista fl-Artikolu 57(1) KE, jew hijiex ġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.

2.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 57(1) KE

49.      Infakkar li l-qorti tar-rinviju la rreferiet għal u lanqas semmiet l-Artikolu 57(1) KE fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u li dan il-motiv waħdu xi kultant wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex fir-risposta tagħha ma tinkludix kunsiderazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (21).

50.      Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 57(1) KE kien ukoll is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tal-Gvern Pollakk u tal-Kummissjoni, kif ukoll ta’ dibattitu orali bejn il-partijiet ikkonċernati waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba ta’ din tal-aħħar.

51.      Minkejja li, għar-raġunijiet li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem, inħoss li l-Artikolu 57(1) KE ma għandux ikun applikabbli f’din il-kawża — u li għalhekk, finalment, il-qorti tar-rinviju korrettement ma semmietx din id-dispożizzjoni fit-talba tagħha — madankollu jidhirli li jkun utili li jsiru xi kunsiderazzjonijiet dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 57(1) KE, b’mod partikolari għaliex waqt id-dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, diversi gvernijiet, wara l-Gvern Pollakk, iddefendew it-teżi, b’kuntrast għal dik proposta mill-Kummissjoni, li l-Liġi dwar it-TK taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, u dan ikun iwassal sabiex ikunu jistgħu jinżammu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital li din il-liġi timponi fir-rigward tal-pajjiżi terzi.

52.      Dan premess, kif huwa magħruf, l-Artikolu 57(1) KE jawtorizza, taħt il-kundizzjonijiet li huma elenkati hemmhekk u minkejja l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi stabbilita bl-Artikolu 56(1) KE, iż-żamma ta’ dawk eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont id-dritt nazzjonali u meta l-moviment ta’ kapital inkwistjoni jimplika “investimenti diretti, — li jinkludi investiment f’beni immobbli — l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali”.

53.      Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE jekk, minbarra li tapplika għal pajjiż terz, liema fatt ma hemm l-ebda dubju dwaru fir-rigward tal-Istati Uniti tal-Amerika, hija tissodisfa l-kriterji ratione temporis u materjali li jistabbilixxi dan l-artikolu.

54.      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, b’eċċezzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-partijiet ikkonċernati li esprimew ruħhom dwar dan il-punt waqt is-seduta jaqblu li, f’dan il-każ, huwa sodisfatt. It-taxxa f’ras il-għajn li taffettwa d-dividendi mħallsa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali huma r-riżultat tal-qari flimkien tal-Liġi dwar it-TK, tal-15 ta’ Frar 1992 u l-Konvenzjoni ta’ prevenzjoni tal-1974, liġijiet li huma għaldaqstant it-tnejn preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1993.

55.      Għalkemm bħala regola ġenerali għandha tkun il-qorti nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-leġiżlazzjoni eżistenti f’data ffissata mid-dritt tal-Unjoni (22), kif indikaw ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, madankollu għandu jitfakkar li l-eżenzjoni stabbilita favur il-fondi ta’ investiment Pollakki kienet ġiet introdotta biss fl-1997 (23).

56.      Nammetti li din il-bidla fil-Liġi dwar it-TK ma qiegħditx inkwistjoni l-intaxxar tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-pajjiżi terzi.

57.      Madankollu, ma huwiex possibbli li jingħad li, qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, kienet teżisti “restrizzjoni”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, li kellha tinżamm wara dik id-data. Fil-fatt, fil-31 ta’ Diċembru 1993, id-dividendi mħallsa minn kumpanniji Pollakki lil entitajiet barranin kellhom jew iħallsu l-istess taxxa f’ras il-għajn bħal dawk imħallsa lil entitajiet stabbiliti fil-Polonja, jew taxxa ridotta, b’applikazzjoni ta’ konvenzjoni ta’ ħelsien mit-taxxa doppja ffirmata bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Istat ikkonċernat. Billi introduċiet differenza fit-trattament fiskali bejn id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Pollakki skont jekk il-benefiċjarji tagħhom jirrisjedux jew le fil-Polonja, l-emenda tal-1997 tal-Liġi dwar it-TK bidlet b’mod sostanzjali s-sistema fiskali eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993. Għaldaqstant din l-emenda hija bbażata fuq loġika differenti, fis-sens tal-ġurisprudenza (24), minn dik tad-dritt preċedenti fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993, għaliex tintroduċi differenza fit-trattament bejn entitajiet Pollakki u mhux Pollakki li ma kinitx teżisti qabel, billi teżenta lil tal-ewwel mit-taxxa f’ras il-għajn u mill-proċeduri amministrattivi marbuta mal-ħlas b’rata fissa tat-taxxa fuq id-dividendi li jitqassmu lilhom. Fl-opinjoni tiegħi, din l-emenda ma tistax tiġi ttrattata bħala leġiżlazzjoni eżistenti fid-data tal-31 ta’ Diċembru 1993.

58.      Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE f’din il-kawża.

59.      Għall-finijiet u l-effetti kollha u f’kull każ, inqis li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża ma tissodisfax il-kundizzjoni materjali stabbilita mill-Artikolu 57(1) KE, jiġifieri li l-moviment ta’ kapital ikkonċernat għandu jinvolvi “investimenti diretti” jew “il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji”.

60.      Il-kunċett ta’ investimenti diretti, l-istess bħal, wara kollox, dak tal-moviment tal-kapital, ma huwiex iddefinit mit-Trattat.

61.      Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha sistematikament, kemm għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 KE kif ukoll għal dik tal-Artikolu 57 KE, fuq id-definizzjonijiet li jinsabu fin-nomenklatura tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat KEE (25) u n-noti ta’ spjega li jirreferu għaliha (26).

62.      L-investimenti diretti jaqgħu taħt it-Taqsima I tan-nomenklatura msemmija u jinkludu, fis-Sezzjoni 2 tagħha, il-“[p]artecipazzjoni f’impriża gdida jew eżistenti bi skop li jkunu stabbiliti jew mantenuti rabtiet ekonomici dewwiema”. Skont in-noti ta’ spjega, l-investimenti diretti jfissru “[l]-investimenti ta’ kull xorta […] u li jservu biex jistabilixxu jew imantnu rabtiet dewwiema u diretti bejn persuna li tipprovdi l-kapital u l-intraprenditur li lilu jew l-impriża li lilha huwa disponibbli l-kapital sabiex twettaq attività ekonomika”. Dawn in-noti ta’ spjega jippreċiżaw ukoll, fir-rigward tal-imsemmija Sezzjoni 2, applikabbli għall-kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata, li hemm “partecipazzjoni fin-natura ta’ investiment dirett fejn il-blokk ta’ ishma miżmuma […] minn kwalunkwe possessur ieħor jippermetti[lu] […] biex jipparteċipa[…] effettivament fl-immaniġġjar tal-kumpanija jew fil-kontroll tagħha”.

63.      Huwa preċiżament fuq il-bażi ta’ dawn id-definizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni, fil-moviment ta’ kapital, bejn l-investimenti hekk imsejħa “diretti” fil-forma ta’ ishma f’impriża permezz taż-żamma ta’ ishma li jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva fl-amministrazzjoni u l-kontroll tagħha u l-investimenti “f’portafoll” li jimplikaw l-akkwist ta’ titoli fuq is-swieq kapitali mwettqa bl-unika intenzjoni ta’ investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni ta’ influwenza fuq l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-impriża (27).

64.      Għalkemm dawn iż-żewġ tipi ta’ investimenti jaqgħu fil-kunċett ta’ moviment tal-kapital, b’kuntrast, huma l-“investimenti diretti” biss, inkluż il-ħlas ta’ dividendi li jitnisslu minnhom (28), li huma l-oġġett tad-deroga ammessa mill-Artikolu 57(1) KE.

65.      Għaldaqstant jista’ jiġi kkunsidrat li titqiegħed linja ta’ demarkazzjoni ġenerali bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ investimenti, b’mod partikolari b’rieda ta’ ċertezza legali.

66.      Madankollu, eżerċizzju tali jirriżulta inutili peress li jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

67.      Fil-kawża prinċipali, huwa minnu li l-Liġi dwar it-TK hija applikabbli mingħajr distinzjoni ta’ ħlas tad-dividendi mill-kumpanniji Pollakki jkun x’ikun id-daqs tal-ishma miżmuma fil-kumpanniji msemmija (29). Madankollu huwa paċifiku li jinsab biss inkwistjoni l-intaxxar f’ras il-għajn tar-remunerazzjoni ta’ ishma, deskritta mill-qorti tar-rinviju nnifisha, bħala li tirrifletti biss l-investimenti f’portafoll.

68.      Għaldaqstant l-Artikolu 57(1) KE ma għandux ikun jista’ jiġi invokat fil-kawża prinċipali.

69.      Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata biż-żewġ argumenti supplimentari tal-Gvern Pollakk imressqa waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażati, minn naħa, fuq aċċettazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett ta’ “investimenti diretti” li kien ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 21 tas-sentenza VBV – Vorsorgekasse (30) u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-movimenti ta’ kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplikaw, fin-nuqqas ta’ “investimenti diretti”, “il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, li huwa wkoll imsemmi fl-Artikolu 57(1) KE.

70.      Fir-rigward tal-ewwel punt, għandu jiġi nnotat li s-sentenza VBV – Vorsorgekasse, iċċitata iktar ’il fuq, li tiffoka biss fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE (ex Artikolu 56 KE), tinvolvi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-akkwist, minn ċittadin ta’ Stat Membru, ta’ ishma f’fond ta’ investiment kollettiv stabbilit fi Stat Membru ieħor u mhux, bħal fil-kawża prinċipali, l-intaxxar tad-dividendi mħallsa minn kumpannija ta’ Stat Membru lil fond ta’ investiment mhux residenti. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 21 ta’ dik is-sentenza, li akkwist tali jikkostitwixxi “investiment dirett” u, għaldaqstant, moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE. Madankollu hija rreferiet, għalkemm nikkonċedi li mhux mingħajr ambigwità, għat-Taqsima IV tan-nomenklatura tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolata “Operazzjonijiet f’Unitajiet ta’ Impriżi ta’ Investiment Kollettiv”, u mhux għat-Taqsima I tal-istess nomenklatura li tirreferi għall-“investimenti diretti”, kif ukoll għall-punti ta’ żewġ sentenzi preċedenti (31) li, min-naħa tagħhom, jinterpretaw l-imsemmija Taqsima I u li jfakkru li l-investiment dirett huwa kkaratterizzat mill-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fl-amministrazzjoni u kontroll ta’ kumpannija.

71.      Għaldaqstant jidhirli li l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 21 tas-sentenza VBV – Vorsorgekasse, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx li tagħmel distinzjoni bejn l-investimenti diretti u investimenti f’portafoll jew li twessa’ l-portata tal-ewwel kunċett, iżda, l-iktar, li tippreċiża li l-akkwist ta’ ishma f’fond ta’ investiment kollettiv jikkostitwixxi investiment li jaqa’ fil-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE u tan-nomenklatura tal-Anness I tad-Direttiva 88/361.

72.      Barra minn hekk, jekk hija permessa ċerta “flessibbiltà” fl-użu tat-termini li jindikaw il-kategoriji differenti ta’ moviment tal-kapital li jaqgħu taħt l-Artikolu 63 TFUE minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni vast ħafna, għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-“investimenti diretti” elenkati fl-Artikolu 64(1) TFUE (ex Artikolu 57(1) KE), li, bħala deroga għas-sistema ta’ libertà stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, li b’mod partikolari hija iktar wiesgħa, għandu jingħata interpretazzjoni stretta (32).

73.      It-tieni argument espost mill-Gvern Pollakk isostni li, fin-nuqqas li jiġu kkunsidrati bħala li jikkonċernaw “investimenti diretti”, il-moviment tal-kapital li huwa s-suġġett tar-restrizzjoni stabbilita mil-Liġi dwar it-TK jinvolvi “l-provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, jiġifieri s-servizzi pprovduti mill-fond ta’ investiment lid-detenturi ta’ ishma fih.

74.      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li la t-Trattat, la l-ġurisprudenza, u lanqas in-nomenklatura tal-Anness I tad-Direttiva 88/361 ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, billi n-noti ta’ spjega ta’ din tal-aħħar jillimitaw ruħhom sabiex jelenkaw ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji, bħat-tranżazzjonijiet f’kontijiet kurrenti, id-depożiti, is-self u krediti finanzjarji u t-trasferimenti fit-tħaddim ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, kif ukoll sabiex isemmu l-“istituzzjonijiet finanzjarji” li jaqgħu taħt id-direttiva msemmija, bħalma huma l-banek, il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, il-kumpanniji ta’ investiment u l-istabbilimenti l-oħra ta’ natura simili. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, huwa korrett li jingħad li dawn is-servizzi huma dawk ipprovduti mill-istituzzjonijiet lill-klijenti tagħhom.

75.      Sussegwentement, minħabba l-kliem tal-Artikolu 57(1) KE, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jinkludi unikament is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi finanzjarji u mhux, bil-kontra, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji li jinvolvu moviment ta’ kapital. Għaldaqstant, inqis li l-għan tal-miżuri nazzjonali li jaqgħu taħt l-Artikolu 57(1) KE jikkonċerna prinċipalment moviment tal-kapital u mhux provvista ta’ servizzi finanzjarji. Li kieku dan ma kienx il-każ, dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Issa, infakkar, dawn id-dispożizzjonijiet ma jestendux għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

76.      Fl-aħħar nett, u mingħajr dubju l-iktar kwistjoni sensittiva, jeħtieġ li tiġi ddeterminata n-natura tar-rabta li għandu jkun hemm bejn il-moviment tal-kapital ikkonċernat u l-provvista tas-servizzi finanzjarji. Din tinvolvi l-ammissjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 57(1) KE kull restrizzjoni għall-moviment ta’ kapital fir-rigward tal-pajjiżi terzi marbuta ma’ provvista ta’ servizzi finanzjarji, li jkollu bħala effett li jiġu inklużi kważi t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha jew għandha din id-dispożizzjoni tiġi interpretata f’sens iktar restrittiv?

77.      Jidhirli li din l-aħħar alternattiva hija preferibbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-Artikolu 57(1) KE jsemmi, fil-kliem tiegħu, moviment tal-kapital meta dan “jinvolvi” (33), jiġifieri meta dan iwassal għall-provvista ta’ servizzi finanzjarji. Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni restrittiva tar-riżerva li tinsab fl-Artikolu 57(1) KE tippermetti wkoll li tiġi ppreżervata l-effettività tal-libertà erga omnes li tinsab fl-Artikolu 56 KE.

78.      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-għan tal-Liġi dwar it-TK jikkonċerna l-intaxxar tad-dividendi mill-fondi ta’ investiment li jinsabu f’pajjiżi terzi, mingħajr ma, f’dan ir-rigward, ir-rabta bejn id-detenturi ta’ ishma fl-imsemmija fondi u l-istess fondi jkollha xi effett fuq it-taxxabbiltà u r-rata tat-taxxa. Għalhekk, il-miżura nazzjonali ma tinċidix fuq il-moviment ta’ kapital marbut mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji mill-fond ta’ investiment lid-detenturi ta’ ishma tiegħu, kemm jekk dawn jirrisjedu fuq it-territorju ta’ Stat Membru jew fuq dak ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, fiha nnifisha, il-holding ta’ fond ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi fil-kapital ta’ kumpanniji ta’ Stat Membru ma jwassalx għal provvista ta’ servizzi finanzjarji.

79.      Għaldaqstant inqis li l-moviment ta’ kapital ikkonċernat, jiġifieri l-akkwist tal-ishma mwettaq mill-fond ta’ investiment fil-kapital tal-kumpanniji Pollakki li wasslu għall-ħlas lilu tad-dividendi ntaxxati skont il-Liġi dwar it-TK, ma jinvolvix, fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji.

80.      Għaldaqstant, kuntrarjament għall-argument li ddefenda l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nikkunsidra li restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE.

81.      F’dan l-istadju jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni msemmija tistax tiġi ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

3.      Fuq in-natura ġustifikata tar-restrizzjoni

82.      Il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża ressqu sensiela ta’ raġunijiet li fl-opinjoni tagħhom jiġġustifikaw ir-restrizzjoni li tinsab fil-Liġi dwar it-TK, fosthom, bħala prijorità, dik marbuta mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, li magħha taqbel ukoll il-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn l-istess gvernijiet isostnu li d-differenza ta’ trattament tista’ tinżamm ukoll minħabba l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali u dik li jiġi żgurat tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni. Il-Gvern Ġermaniż iżid li s-salvagwardja tad-dħul fiskali tista’ validament tiġġustifika restrizzjoni fil-konfront tal-pajjiżi terzi.

83.      Ma jidhirx li huwa meħtieġ li dawn il-motivi jiġu eżaminati suċċessivament, peress li l-ewwel waħda fosthom tista’ fil-fatt tkun suffiċjenti, fl-opinjoni tiegħi wkoll, sabiex tiġġustifika r-restrizzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant sejjer nanalizza prinċipalment il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, u r-raġunijiet l-oħra, li barra minn hekk jidhru ferm inqas konvinċenti, ser ikunu s-suġġett biss ta’ żviluppi b’mod sussidjarju.

a)      Fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali

84.      Il-gvernijiet li ħadu sehem fil-proċedura f’din il-kawża jargumentaw li, fl-ipoteżi li r-restrizzjoni inkwistjoni ma tkunx teżisti, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma humiex f’pożizzjoni li jivverifikaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti li fond ta’ investiment stabbilit f’dan il-pajjiż jeżerċita l-attività tiegħu f’kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Liġi Pollakka dwar il-fondi ta’ investiment, li għalihom jirreferi l-punt 10 tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK u li tittrasponi d-Direttiva 85/611. Għaldaqstant il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, li fir-rigward tiegħu huwa paċifiku li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (34), għandha tiġġustifika r-rifjut li tingħata l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni lill-fondi ta’ investiment li għandhom is-sede tagħhom stabbilita fl-Istati Uniti, billi barra minn hekk il-konvenzjonijiet fiskali li jorbtu lir-Repubblika tal-Polonja mal-Istati Uniti tal-Amerika ma huma ta’ ebda għajnuna sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa.

85.      Il-Kummissjoni taqbel, essenzjalment, ma’ din il-pożizzjoni. Fil-fatt hija tikkunsidra li l-punti 10 u 10a tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK tista’ tinżamm, għaliex l-assenza ta’ strument ġuridiku li jippermetti lill-awtoritajiet fiskali Pollakki kif ukoll lill-qorti tar-rinviju li jivverifikaw il-prova u l-informazzjoni ppreżentata mill-fond ta’ investiment Amerikan sabiex jevalwaw in-natura simili tiegħu ma’ dik tal-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-Polonja, fl-Unjoni jew fiż-ŻEE ma tippermettix li dan jitpoġġa fuq l-istess livell magħhom.

86.      B’xi differenzi żgħar, jien naqbel, essenzjalment, ma’ dan ir-raġunament.

87.      Ċertament, kif ikkonċeda wkoll il-Gvern tal-Polonja waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fondi ta’ investiment tal-pajjiżi terzi huma f’kull każ esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn stabbilita mil-Liġi dwar it-TK, anki meta huma jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-akkwist ta’ dik l-eżenzjoni.

88.      Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż a priori li l-persuna taxxabbli tkun fi stat li tipprovdi d-dokumenti rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru li jintaxxa li jivverifika, b’mod ċar u preċiż, li ma humiex qegħdin jippruvaw jevitaw jew jevadu l-ħlas tat-taxxi (35).

89.      Għaldaqstant, fi ħdan l-Unjoni, ir-rifjut assolut minn Stat Membru li jagħti benefiċċju fiskali lil persuna taxxabbli mhux residenti, billi jipprojbixxiha milli tipproduċi l-prova li hija tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti għall-kisba ta’ tali eżenzjoni, ma jistax, bħala regola ġenerali, jiġi ġġustifikat bil-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, billi tali rifjut huwa sproporzjonat (36).

90.      Madankollu, din il-ġurisprudenza, li tiffoka fuq restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni, ma tistax tiġi kompletament u awtomatikament trasposta għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, billi l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tal-kapital mal-imsemmija pajjiżi, inkluż dawk marbuta bil-Ftehim ŻEE, jidħol f’kuntest ġuridiku differenti (37).

91.      Sabiex turi tali differenza ta’ kuntest ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, bħala regola ġenerali, il-fatt li, filwaqt li fi ħdan l-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom mekkaniżmi ta’ għajnuna reċiproka, jiġifieri d-Direttiva 77/799/KEE (38), li b’mod partikolari jippermettulhom jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta mill-persuni taxxabbli mhux residenti għall-għanijiet tal-iffissar korrett tat-taxxa, billi attwalment dawn il-mekkaniżmi ma humiex estiżi għall-pajjiżi terzi, il-kuntest ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn il-pajjiż jiddependu minn impenji multilaterali jew bilaterali (39).

92.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni pproponiet li tiġi segwita din il-linja ġurisprudenzjali billi ssostni, essenzjalment, li peress li, f’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju u l-analiżi tagħha stess, la l-klawżoli (Artikolu 23) tal-Konvenzjoni ta’ prevenzjoni tal-1974 (40), lanqas dawk (Artikolu 4) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni u ta’ Żvilupp Ekonomiku (OECD) u tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmata fi Strasbourg fil-25 ta’ Jannar 1988, dwar l-għajnuna amministrattiva reċiproka fil-qasam fiskali (41), li għaliha l-Istati Uniti tal-Amerika huma Partijiet kontraenti (42), ma jippermettu li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-fondi ta’ investiment rikjesta mil-Liġi dwar it-TK sabiex tingħata l-eżenzjoni mitluba, din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika d-differenza fit-trattament kontenzjuża.

93.      Madankollu dan it-tip ta’ raġunament ma jidhirlix li huwa rilevanti f’din il-kawża, kif barra minn hekk finalment ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta.

94.      Fil-fatt, id-differenza ta’ kuntest ġuridiku bejn il-kooperazzjoni stabbilita fi ħdan l-Unjoni, minn naħa, u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, ma tinsabx, f’dan il-każ, fil-livell tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fil-qasam fiskali, għaliex bħall-klawżoli konvenzjonali li jorbtu lir-Repubblika tal-Polonja u l-Istati Uniti tal-Amerika, id-Direttiva 77/799 ma tipprovdix mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri dwar il-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni, kontroll u funzjonament tal-fondi ta’ investiment. Fi kliem ieħor, kif enfasizzat ġustament il-qorti tar-rinviju, dan it-tip ta’ informazzjoni, li hija rikjesta mil-Liġi dwar it-TK sabiex tingħata l-eżenzjoni kontenzjuża, tibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni tad-Direttiva 77/799.

95.      Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, id-differenza ta’ kuntest ġuridiku hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 85/611 li minnha huma esklużi l-pajjiżi terzi.

96.      Fil-fatt, kif tfakkar ukoll ir-raba’ premessa tagħha, din id-direttiva tistabilixxi regoli minimi komuni f’dak li jikkonċerna l-approvazzjoni tal-UCITS li jinsabu fl-Istati Membri (approvazzjoni li tiswa għal dawk l-Istati kollha), il-kontroll tagħhom, l-istruttura tagħhom, l-attività tagħhom u l-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw. Fir-rigward tal-approvazzjoni tal-UCITS, din ma tistax tingħata jekk il-kumpannija ta’ amministrazzjoni (meta l-organu jkollu forma kuntrattwali) jew il-kumpannija ta’ investiment (meta l-organu jkollu forma statutorja) ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti minn qabel iddefiniti mit-Taqsimiet III u IV tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. Fir-rigward tal-kontroll tal-UCITS, id-Direttiva 85/611 tipprovdi, fit-Taqsima IX, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li għandhom igawdu mill-kompetenzi kollha u mill-poteri ta’ sorveljanza neċessarji kollha, għandhom jikkollaboraw mill-qrib bejniethom sabiex iwettqu d-dover tagħhom u hija tissuġġetahom għall-obbligu li jinnotifikaw l-informazzjoni kollha rikjesta għal dan l-għan. Hija tindika wkoll li d-dispożizzjonijiet tagħha fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni ma għandhomx jipprekludu, taħt ċerti ċirkustanzi, kemm fi Stat Membru kif ukoll bejn l-Istati Membri, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet investiti bid-dover pubbliku ta’ sorveljanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq finanzjarji, l-organi involuti fil-likwidazzjoni, il-falliment u proċeduri oħra simili tal-UCITS u tal-impriżi li jikkompetu fl-attività tagħhom u l-persuni inkarigati mill-verifika legali tal-kontijiet tal-istabbilimenti finanzjarji. Barra minn hekk, id-Direttiva 85/611 tipprovdi, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 50a tagħha, mekkaniżmu ta’ twissija bikrija tal-awtoritajiet kompetenti billi tirreferi, mill-inqas, għal kull fatt jew għal kull deċiżjoni li tista’ tikkostitwixxi ksur fuq il-mertu tal-liġijiet jew tar-regolamenti dwar l-approvazzjoni jew il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività tal-UCITS jew tal-impriżi li jikkompetu fl-attività tagħhom, jew li tippreġudika l-kontinwità tal-operat tagħha jew dik tal-impriża li tikkompeti fl-attività tagħha, jew li twassal għar-rifjut ta’ ċertifikazzjoni tal-kontijiet jew tal-ħruġ ta’ riżervi.

97.      Issa, anki li kieku kellu jitqies li fond ta’ investiment li jinsab f’pajjiż terz jitqies li jista’ jipprovdi sensiela ta’ tagħrif li jippermetti lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jikkonstataw li huwa rregolat minn regoli paragunabbli għal dawk fis-seħħ fuq it-territorju tiegħu li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/611, fl-assenza ta’ kuntest komuni analogu għal dak applikabbli fi ħdan l-Unjoni, dawn l-awtoritajiet ma jistgħu la jiżguraw il-verità tal-informazzjoni li tiġi pprovduta lilhom mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz inkwistjoni u lanqas, ukoll, jiksbu mingħandhom informazzjoni dwar kwalunkwe bidliet relatati mal-istatus jew l-operat tal-imsemmija fondi ta’ investiment. Dan huwa iktar importanti għaliex fl-Unjoni, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/611 jiżgura d-durabbiltà tal-istatus tal-UCITS irregolat bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att, billi jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu li dawn l-organizzazzjonijiet jinbidlu f’organizzazzjonijiet mhux suġġetti għall-imsemmija direttiva, ħaġa li xejn ma hija ggarantita fil-pajjiżi terzi.

98.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, huwa permessibbli fid-dawl tal-kriterji applikati mil-Liġi dwar it-TK sabiex tingħata l-eżenzjoni kontenzjuża, li tali eżenzjoni tiġi rrifjutata lil fond ta’ investiment li jinsab f’pajjiż terz meta ma jeżisti l-ebda obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi pajjiż, simili għal dawk imposti fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjon u l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE marbuta bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/611.

99.      Jidhirli li din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni la mill-fatt li kien biss b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 li, bl-introduzzjoni, fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK tal-punt 10a, il-leġiżlatur Pollakk estenda, b’mod mhux ambigwu, il-benefiċċju tal-eżenzjoni inkwistjoni għall-UCITS stabbiliti fuq it-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Stat parti għall-Ftehim ŻEE, wara proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni, lanqas miċ-ċirkustanza li d-Direttiva 85/611 ma titkellimx dwar il-possibbiltà ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fis-sens ta’ din id-direttiva u l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru.

100. Fir-rigward tal-ewwel punt, biżżejjed jiġi nnotat li għalkemm, qabel l-emenda tal-Liġi dwar it-TK, is-sistema differenzjata li kienet applikabbli għall-UCITS stabbiliti fuq it-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew Stat parti għall-Ftehim ŻEE setgħet, kif finalment taqbel ukoll il-Kummissjoni, leġittimament tidher li hija kuntrarja għall-moviment liberu tal-kapital stabbilit bit-Trattat KE, din il-konstatazzjoni ma setgħetx, fl-opinjoni tiegħi, tiġi estiża għat-trattament differenzjat tal-fondi ta’ investiment li jinsabu fil-pajjiżi terzi minħabba, ġustament, l-assenza ta’ obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn il-pajjiżi, analogi għal dawk imposti fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, marbuta bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/611.

101. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali ma tistax tiġġustifika restrizzjoni, bħal dik tal-punt 10 tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE, ma jfissirx li hija ma tistax tkun opposta għal fond ta’ investiment li jinsab f’pajjiż terz.

102. Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni punt, is-silenzju tad-Direttiva 85/611 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ sorveljanza taħt l-UCITS, fis-sens tad-Direttiva 85/611, u l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri ma jfissirx li, anki fi ħdan l-Unjoni, informazzjoni suffiċjenti ma tistax tiġi trażmessa lil dawn l-awtoritajiet, sabiex ikun jista’ jingħata benefiċċju fiskali ta’ tip personali, bħall-eżenzjoni fiskali kontenzjuża.

103. Fil-fatt, sabiex jingħata tali benefiċċju, u anki jekk l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ma jistgħux jiksbu direttament jew jivverifikaw ċerta informazzjoni li tiġi trażmessa lilhom fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 85/611, dawn l-awtoritajiet jistgħu dejjem jikkuntentaw ruħhom bil-konferma mill-awtoritajiet kompetenti, fis-sens tad-Direttiva 85/611, tal-Istat Membru tagħhom mill-verità tal-informazzjoni li tkun ġiet trażmessa mill-UCITS, jekk ikun il-każ, wara li dawn l-awtoritajiet ikunu vverifikaw jew kisbu ċerta informazzjoni mingħand il-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra jew fi Stati partijiet għall-Ftehim ŻEE. Għall-kuntrarju, tali possibbiltà ma teżistix fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

104. Fl-aħħar nett, il-fatt li, fis-sentenza Santander Asset Management SGIIC et iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali Franċiża, inkluż fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, lanqas ma jinvalida l-orjentament propost f’dawn il-konklużjonijiet. Jeħtieġ li jitfakkar fuq dan il-punt li din iċ-ċaħda hija bbażata fuq il-fatt li l-Gvern ta’ Franza ma kien ressaq ’il quddiem l-ebda element li juri għal liema raġuni dan l-għan kellu jiġġustifika taxxa li tolqot l-UCITS mhux residenti (43).

105. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kuntest ġuridiku differenti applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ dawk eżistenti mal-pajjiżi terzi, jiena nemmen li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jibbaża ruħu fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament fiskali applikabbli għad-distribuzzjoni ta’ dividendi favur fond ta’ investiment li jinsab f’pajjiż terz, iskritta fil-Liġi dwar it-TK.

106. Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun fis-sens li l-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa ta’ liema ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali d-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti f’dan l-Istat Membru favur fond ta’ investiment li jinsab f’pajjiż terz meta l-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru ma jkunux jistgħu jivverifikaw l-informazzjoni eventwalment trażmessa mill-fond ta’ investiment, b’mod partikolari dwar l-approvazzjoni tiegħu u l-funzjonament tiegħu, fl-assenza ta’ kuntest ġuridiku u ta’ kooperazzjoni amministrattiva analoga għal dawk prevalenti fl-Unjoni u fiż-ŻEE.

107. Fid-dawl ta’ din il-proposta, u kif diġà enfasizzajt, ma huwiex strettament neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ta’ ġustifikazzjoni mressqa mill-gvernijiet li pparteċipaw f’din il-proċedura. Għaldaqstant huwa biss fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta li saret li ser nitratta dawn il-motivi l-oħra fil-qosor.

b)      Fuq il-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali

108. Skont il-Gvern Pollakk, l-eżenzjoni inkwistjoni hija strettament marbuta mat-tassazzjoni tal-ħlasijiet li jsiru mill-fondi ta’ investiment lill-parteċipanti ta’ dawn il-fondi. Jidher li l-koerenza tas-sistema fiskali hija żgurata mill-garanzija ta’ taxxa uniformi effettiva (reali) tad-dħul ta’ persuna taxxabbli partikolari, irrispettivament mill-Istat Membru li fih huma jiġu riċevuti, u li tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tat-taxxi mħallsa fi Stati Membri oħra.

109. Il-Gvern Ġermaniż iżid, essenzjalment, li, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi, b’mod partikolari meta jkunu kkonċernati l-fondi ta’ investiment, il-kunċett ta’ koerenza fiskali għandu jitwessa’ u għandhom jiġu evalwati l-istadji differenti ta’ tassazzjoni, jekk jiġi preżunt li d-dividendi jitħallsu lil detenturi stabbiliti barra mill-pajjiż. Tali approċċ ikun supplimentari għall-għan intiż sabiex jippreżerva t-tqassim tas-setgħat ta’ tassazzjoni u huwa ġġustifikat iktar speċjalment għaliex is-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tendenza li tassimila l-investimenti fil-fondi għall-investimenti diretti. It-twessiegħ tal-kunċett ta’ koerenza b’mod li t-taxxi imposti fuq persuni taxxabbli jkunu kkunsidrati fit-totalità tagħhom, iżda l-limitazzjoni ta’ dan it-twessiegħ biss għall-każ tal-pajjiżi terzi jippermetti li jiġi prekluż użu eċċessiv ta’ dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni.

110. Dan l-argument, essenzjalment analogu għal dak allegat mill-Gvern Franċiż u miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq, għandu, fl-opinjoni tiegħi, ikollu l-istess xorti.

111. Illum hija ġurisprudenza stabbilita sewwa li, sabiex il-preżervazzjoni tal-koerenza ta’ sistema fiskali tkun tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal libertà ta’ moviment, huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-benefiċċju fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-benefiċċju permezz ta’ imposta fiskali speċifika, billi n-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (44).

112. Issa, l-istess bħal fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali Franċiża li tat lok għas-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Liġi dwar it-TK ma tissuġġettax l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi għall-kundizzjoni li d-dividendi riċevuti minn fond ta’ investiment jitqassmu minnu u li l-intaxxar tagħhom f’idejn id-detenturi ta’ ishma fl-imsemmi fond ta’ investiment jippermetti t-tpaċija tal-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn (45).

113. Barra minn hekk, ma narax għal liema raġuni oġġettiva din l-interpretazzjoni għandha tiddgħajjef jew tiġi kompromessa fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, kif jallega l-Gvern Ġermaniż. Qabel kollox, din it-teżi tistrieħ fuq il-premessa li ma hijiex ipprovata li d-detenturi ta’ ishma ta’ fondi ta’ investiment ta’ pajjiż terz jirrisjedu wkoll f’dan il-pajjiż jew tal-inqas barra t-territorju nazzjonali u timplika li l-koerenza ta’ tali leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru hija, irrispettivament mill-għan li hija tfittex, issuġġettata fil-każijiet kollha għall-eżami tas-sistema fiskali applikabbli għal dawn id-detenturi ta’ ishma fl-Istat ta’ residenza fiskali tagħhom. Issa, minn din il-perspettiva, dan ir-raġunament iwassal għal distorsjoni tal-eżami tal-motiv tal-koerenza tas-sistema fiskali ta’ Stat Membru peress li dan l-eżami għandu, bħala regola ġenerali, ikun l-istess fir-rigward ta’ sistema fiskali waħda.

114. Għaldaqstant, inqis li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jinvoka l-għan ta’ interess ġenerali bbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali tiegħu.

c)      Fuq it-tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni u fuq is-salvagwardja tad-dħul fiskali

115. Huwa biss il-Gvern Ġermaniż li invoka l-ħtieġa li jiġi ppreżervat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll is-salvagwardja tad-dħul fiskali bħala motivi intiżi sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni inkwistjoni, motivi li fl-opinjoni tiegħi jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, safejn huma magħġuna mal-argumenti ta’ dan il-gvern.

116. Anki jekk ir-raġunament tal-Gvern Ġermaniż essenzjalment jgħaqqad il-kunsiderazzjonijiet dwar differenza ta’ kuntest ġuridiku bejn ir-relazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni u dawk li jorbtu lill-Istati Membri mal-pajjiżi terzi li jiena diġà indirizzajt fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, dan il-gvern iqis, b’mod iktar ġenerali, li, fir-rigward tal-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi, il-persuni kkonċernati jistgħu jibbenefikaw mil-liġijiet tas-suq intern biss jekk il-ftuħ reċiproku tas-swieq huwa ggarantit fi trattat internazzjonali, ġaladarba restrizzjoni tas-sovranità fiskali ta’ Stat Membru fuq il-bażi tal-moviment liberu tal-kapital twassal awtomatikament għat-trasferiment tal-beni taxxabbli lejn pajjiż terz.

117. Il-Gvern tal-Ġermanja jżid li l-argumenti mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ sitwazzjonijiet interni għall-Unjoni, jiġifieri li, meta Stat Membru jkun għażel li ma jintaxxax il-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fuq it-territorju tiegħu fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul, huwa ma jistax jinvoka l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġġustifika t-tassazzjoni tal-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jew li r-Repubblika tal-Polonja ma għandhiex tirrinunzja għad-dritt tagħha li tintaxxa dħul iġġenerat minn attività ekonomika eżerċitata fuq it-territorju tiegħu minħabba l-fatt li d-dividendi mqassma mill-kumpanniji residenti kienu diġà ssuġġettati għat-taxxa f’idejn il-kumpanniji li jqassmuhom bħala profitti magħmula minnhom, ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni li tinvolvi l-pajjiżi terzi.

118. F’dan l-ispirtu, il-Gvern tal-Ġermanja jargumenta wkoll li l-preżervazzjoni tad-dħul fiskali nazzjonali għandha tiġi rrikonoxxuta bħala motiv ta’ ġustifikazzjoni awtonomu fir-rigward tal-pajjiżi terzi. Fil-fatt, is-suq intern għandu l-intenzjoni jiggarantixxi tqassim effikaċi tar-riżorsi fi ħdan l-Unjoni u għaldaqstant jipprojbixxi taxxa speċifika tas-sitwazzjonijiet transkonfinali meta mqabbla mas-sitwazzjonijiet interni sabiex jippreżerva n-newtralità fiskali fi ħdan l-imsemmi suq. Issa, il-pajjiżi terzi li ma jiffurmawx parti minn dan is-suq ma humiex għaldaqstant obbligati li jaċċettaw telf paragunabbli ta’ dħul fiskali fil-konfront ta’ Stati Membri. Għalhekk, il-moviment liberu tal-kapital ma għandux jobbliga lill-Istati Membri jirrinunzjaw għad-dħul fiskali favur pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-bilanċ istituzzjonali li jikkostitwixxi l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet (Artikoli 114 TFUE u 115 TFUE) u li jista’ jikkontribwixxi sabiex jikkoordina, fi ħdan is-suq intern, l-interessi fiskali tal-Istati Membri differenti fir-rigward tal-operaturi fis-suq, huwa wkoll nieqes fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

119. Din il-pożizzjoni ma tikkonvinċinix.

120. Fl-ewwel lok, sa fejn dan l-argument jidher li, b’mod ġenerali, jissuġġetta l-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi għall-eżistenza ta’ kundizzjoni ta’ reċiproċità, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat KE (kif ukoll, illum, it-TFUE) ma jipprovdix għal tali rekwiżit. Barra minn hekk din il-konstatazzjoni ġiet imfakkra, f’termini ġenerali, mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 127 u 128 tas-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq.

121. Barra minn hekk, it-Trattat KE (u, illum, it-Trattat FUE), jipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri differenti fil-livell tal-Unjoni, bħalma huma dawk stabbiliti fl-Artikoli 57(3) KE u 59 KE, li japplikaw speċifikament għall-movimenti ta’ kapital minn jew lejn pajjiżi terzi u li ġew introdotti speċifikament sabiex jirriflettu r-rieda tal-Partijiet Kontraenti Għolja li jistituzzjonalizzaw din il-libertà, billi jawtorizzaw ir-rikors għal miżuri li jikkostitwixxu pass lura fid-dritt tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-liberalizzazzjoni ta’ dawn il-movimenti fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi jew għal miżuri temporanji ta’ salvagwardja (46).

122. L-eżistenza nnifisha ta’ dispożizzjonijiet tali, li jillimitaw speċifikament u eżawrjentement il-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tal-pajjiżi terzi, stabbilit bl-Artikolu 56 KE, turi wkoll li dan l-artikolu ma għandux jiġi ssuġġettat għal xi kundizzjoni supplimentari ta’ reċiproċità, li ma hijiex iskritta fit-Trattat KE.

123. Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tagħha Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li bbażat ruħha fuq ġurisprudenza llum stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun għażel li ma jintaxxax l-UCITS residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini nazzjonali, huwa ma għandux jinvoka l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġġustifika t-tassazzjoni tal-UCITS mhux residenti li jirċievu dħul tali (47). Fil-fatt, meta Stat Membru jiddeċiedi, b’mod unilaterali, b’mod partikolari bl-għan li jipprevjeni t-taxxa ekonomika doppja, sabiex jirrinunzja milli jeżerċita l-ġurisdizzjoni fiskali tiegħu fir-rigward tad-dħul riċevut mir-residenti tiegħu b’rabta ma’ attivitajiet imwettqa fuq it-territorju tiegħu, ma huwiex koerenti li huwa jinvoka l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni sabiex jiġġustifika, f’ċirkustanzi identiċi, l-eżerċizzju ta’ dik l-istess kompetenza unikament fil-konfront ta’ dħul riċevut minn persuni mhux residenti.

124. Minbarra l-kwistjoni tat-tnaqqis tad-dħul fiskali, invokat finalment mill-Gvern Ġermaniż u li ser neżamina immedjatament iktar ’il quddiem, ma narax kif dan in-nuqqas ta’ koerenza ta’ argument allegat minn Stat Membru fil-konfront ta’ Stati Membri oħra, isir, bil-kuntrarju, koerenti meta huwa jitressaq kontra pajjiżi terzi. Peress li l-Gvern tal-Ġermanja ma esprimiex ruħu iktar dwar dan il-punt, ma naħsibx li għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddedika iktar ħin fuqu.

125. Finalment, fir-rigward tat-tnaqqis tad-dħul fiskali, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jista’ juri li restrizzjoni għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi hija ġġustifikata bir-raġuni mogħtija f’ċirkustanzi fejn din ir-raġuni ma tkunx jista’ tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri (48).

126. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tammetti, inkluż fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi minbarra l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE, li t-tnaqqis ta’ dħul fiskali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali jista’ jiġġustifika miżura li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital (49).

127. Jidhirli li dan l-approċċ ma għandux jiġi invalidat. Mhux biss il-kumpanniji Pollakki jibqgħu suġġetti għat-taxxa fuq il-benefiċċji iżda, fuq terminu itwal, l-Istat Membru kkonċernat jista’ perfettament, sabiex, minn naħa, jiżgura trattament mhux diskriminatorju tal-fondi ta’ investiment kollha li jirċievu dividendi u, min-naħa l-oħra, jevita t-tnaqqis tad-dħul fiskali, jirrinunzja milli jipprevjeni t-taxxa doppja, billi sal-lum id-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri intiżi sabiex jeliminaw is-sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja (50).

128. Għaldaqstant nikkunsidra li r-restrizzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ salvagwardja ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni u tad-dħul fiskali tal-Istat Membru kkonċernat.

129. Fid-dawl tar-risposta li jiena nissuġġerixxi li tingħata lit-tieni domanda li tressqet mill-qorti tar-rinviju, li, essenzjalment, hija fis-sens li r-restrizzjoni inkwistjoni tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta dwar it-talba sussidjarja tal-Gvern Pollakk li l-effetti ratione temporis tas-sentenza jiġu limitati għall-futur.

III – Konklużjoni

130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy:

1)      L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontra l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa ta’ liema ma jistgħux igawdu minn eżenzjoni fiskali d-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru lil fond ta’ investiment li jinsab f’pajjiż terz.

2)      L-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa ta’ liema ma jistgħux igawdu minn eżenzjoni fiskali d-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti f’dan l-Istat Membru lil fond ta’ investiment li jinsab f’pajjiż terz meta l-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru ma jkunux jistgħu jivverifikaw l-informazzjoni eventwalment trażmessa mill-fondi ta’ investiment, b’mod partikolari dwar l-approvazzjoni u l-funzjonament tiegħu, fl-assenza ta’ kuntest ġuridiku u ta’ kooperazzjoni amministrattiva analoga għal dawk prevalenti fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Għandu jiġi nnotat li, wara l-adozzjoni tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2010, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011, il-fondi ta’ investiment li jinsabu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jibbenefikaw ukoll mill-eżenzjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 10a tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK.


3 – Għandu jiġi nnotat li l-Gvern Spanjol, Franċiż u Finlandiż ma ħadux espressament pożizzjoni dwar l-ewwel domanda, imma lkoll irrispondew esklużivament fuq it-tieni domanda mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital.


4 – Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006 (C-452/04, Ġabra p. I-9521).


5 – Sentenza Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq (punti 2 u 45 sa 47). Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li kumpannija stabbilita fl-Isvizzera bħala persuna ġuridika stabbilita f’pajjiż terz tista’ tinvoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.


6 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305, punt 33); tal-15 ta’ Settembru 2011, Accor (C-310/09, Ġabra p. I-8115, punt 30); kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11, punt 89).


7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 36); tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 71), kif ukoll id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C-439/07 u C-499/07, Ġabra p. I-4409, punt 69).


8 – Ara, b’mod partikolari, ċertament b’mod xi ftit ambigwu, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05, Ġabra p. I-4051, punti 23 sa 29), kif ukoll id-digriet KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 u 71). Ara wkoll, fir-rigward tat-trattament fiskali ta’ suċċessjoni bejn żewġ ċittadini Ġermaniżi li tinkludi t-trażmissjoni ta’ sehem ta’ 100 % tal-kapital ta’ kumpannija stabbilita fil-Kanada, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Scheunemann (C-31/11, punti 31 sa 34).


9 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Holböck (punt 28) u tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 97).


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punti 99 u 100).


11 – Ara, b’mod partikolari, dwar id-distinzjoni bejn investimenti diretti u investimenti f’portafoll, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar li, l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tar-rata ta’ taxxa ta’ 15 % tal-ammont gross tad-dividendi titnissel mill-Artikolu 11(2)(b) tal-Konvenzjoni dwar prevenzjoni tal-1974, dispożizzjoni li tapplika f’każijiet minbarra dak li fih l-investitur iżomm mill-inqas 10 % tal-kapital tal-kumpannija Pollakka li tħallas id-dividendi.


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50), kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, punt 15).


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach (C-25/10, Ġabra p. I-497, punt 29) kif ukoll Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).


15 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139. Għandu jiġi nnotat li, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, din id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, p. 32).


16 – Ara s-sentenzi Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, punt 65).


17 – Punti 44 u 16. F’dak li jikkonċerna l-pajjiżi terzi, f’dak il-każ kien UCITS stabbilit fl-Istati Uniti, kif jirriżulta mill-punt 6 ta’ din is-sentenza.


18 – Sentenza Santander Asset Management SIIGC et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39 u 41). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni li tat lok għall-imsemmija sentenza hija għaldaqstant differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C-194/06, Ġabra p. I-3747) li kienet tikkonċerna leġiżlazzjoni fiskali li tissuġġetta l-eżenzjoni fiskali favur l-UCITS għall-kundizzjoni li l-benefiċċji kollha ta’ dawn l-organizzazzjonijiet ikunu tqassmu lid-detenturi ta’ ishma tagħhom.


19 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, Ġabra p. I-5145, punti 43 u 44); tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-540/07, Ġabra p. I-10983, punti 53 u 54); tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-487/08, Ġabra p. I-4843, punt 53); kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, Ġabra p. I-9879, punt 58).


20 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 39) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 70).


21 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).


22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Holböck, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).


23 – Ara, l-punt 6 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, ripetuti waqt is-seduta. Il-punt 10 tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-TK kien ġie introdott bil-Liġi tat-28 ta’ Awwissu 1997.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Holböck, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41); tat-18 ta’ Diċembru 2007 A (C-101/05, Ġabra p. I-11531, punt 49), u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, Ġabra p. I-1025, punt 42).


25 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10. L-imsemmi Artikolu 67 ġie mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam.


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Holböck, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Orange European Smallcap Fund (punti 98 sa 102), kif ukoll Glaxo Wellcome (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-212/09, Ġabra p. I-10889, punt 47).


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Għall-preċiżjoni, infakkar li, fis-sentenza Holböck iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-Artikolu 57(1) KE seta’ jkopri r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital li jinsabu f’leġiżlazzjoni applikabbli mingħajr distinzjoni għall-Istati Membri u għall-pajjiżi terzi u li tikkonċerna l-ħlas ta’ dividendi. Madankollu, il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza tirreferi għal ishma bejn l-azzjonist u l-kumpannija kkonċernata li tippermettilu jipparteċipa effettivament fl-amministrazzjoni jew fil-kontroll tal-kumpannija.


30 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012 (C-39/11).


31 – Jiġifieri, rispettivament, il-punt 37 tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002 Il-Kummissjoni vs Franza (C-483/99, Ġabra p. I-4781) u l-punt 38, ifformulat b’mod identiku, tas-sentenza tal-istess jum Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-503/99, Ġabra p. I-4809).


32 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C-181/12, punt 29).


33 – Filwaqt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-artikolu, bħal dawk fil-lingwa Ġermaniża u Pollakka jidhru pjuttost newtrali, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“supongan”), Ingliża (“involving”), Taljana (“implichino”) u Portugiża (“envolva”) jidhirli li jikkonfermaw ċerta rabta kawżali bejn il-moviment ta’ kapital inkwistjoni u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji. F’kull każ, il-verżjonijiet hekk imsejħa “newtrali” ma jopponux interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 57(1) KE, minħabba l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tal-libertà stabbilita fl-Artikolu 56 KE.


34 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-493/09, Ġabra p. I-9247, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq A (punt 59), u tas-6 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (punt 46).


36 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46).


37 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq A (punt 60) kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (punt 65).


38 – Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE tas-16 ta’ Novembru 2004 (ĠU L 359, p. 30, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/799”), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tas-snin fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


39 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (punti 70 u 71) kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq (punti 66 u 67).


40 – L-Artikolu 23 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-iskambju tal-informazzjoni li tkun neċessarja għall-implementazzjoni tal-imsemmija Konvenzjoni jew għall-prevenzjoni tal-frodi jew ukoll għall-amministrazzjoni tal-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet prinċipali li jikkonċernaw it-taxxi li għalihom hija applikabbli l-istess Konvenzjoni, bil-kundizzjoni li n-natura tal-informazzjoni tista’ tiġi trażmessa skont id-dritt u l-prattika amministrattiva ta’ kull Stat kontraent fil-konfront tat-taxxi tiegħu stess.


41 – Din il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 1995. L-Artikolu 4 jindika li l-Partijiet kontraenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li tidher rilevanti, b’mod partikolari għall-iffissar u l-ġbir tat-taxxi, sabiex jiġu rkuprati l-krediti fiskali jew għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni relatati. It-test tal-imsemmija Konvenzjoni huwa aċċessibbli fuq is-sit Internet http://conventions.coe.int.


42 – L-Istati Uniti tal-Amerika ffirmaw din il-konvenzjoni fis-26 ta’ Awwissu 1989 u rratifikawha fit-13 ta’ Frar 1991.


43 – Ara s-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).


44 – Ara s-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (punti 37 sa 39).


46 – Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 57(1) KE, li, kuntrarjament għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 88/361 li huwa ssostitwixxa, ma jissuġġettax iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati fil-konfront ta’ pajjiżi terzi għal “kwalunkwe kundizzjonijiet reċiproċi”.


47 – Punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


48 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen iċċitata iktar ’il fuq (punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49 – Ibidem (punti 125 u 126).


50 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C-298/05, Ġabra p. I-0451, punt 45) u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, Ġabra p. I-13023, punt 31). Ara wkoll, id-digriet tad-19 ta’ Settembru 2012, Levy u Sebbag (C-540/11, punti 24 sa 29).