Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2013 (1)

Kawża C-303/12

Guido Imfeld

Nathalie Garcet

vs

État belge

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Liège (il-Belġju)]

“Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema li jaħdmu għal rashom – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul – Ftehim bilaterali dwar ħelsien minn taxxa doppja – Eżenzjoni tad-dħul irċevut fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza – Taxxa komuni tal-koppji miżżewġa – Dħul fil-kontijiet tad-dħul eżentat fil-bażi tat-taxxa – Vantaġġi fiskali marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuni taxxabbli – Restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mill-ġdid adita bi kwistjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ Stat Membru li għandha l-effett li tevita koppja ta’ persuni taxxabbli residenti milli jibbenefikaw minn parti mill-vantaġġi fiskali li din il-leġiżlazzjoni tipprovdi favur il-familji. Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li wieħed mill-membri tal-imsemmija koppja jirċievi d-dħul tiegħu kollu minn Stat Membru ieħor, fejn huwa ntaxxat individwalment jew fejn huwa bbenefika parzjalment minn vantaġġi fiskali ekwivalenti.

2.        B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha għall-ewwel darba l-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jiġġustifika li koppja ta’ residenti ma tingħatax, fejn wieħed mill-membri għamel użu mil-libertajiet iggarantiti mit-Trattat FUE, vantaġġ fiskali partikolari, f’dan il-każ eżenzjoni tat-taxxa għall-ulied dipendenti, għall-fatt li l-imsemmi membru tal-koppja inkwistjoni bbenefika minn vantaġġ ekwivalenti fil-kuntest tat-tassazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor. B’mod iktar wiesa’ hija mitluba tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi, bħala prinċipju, li huwa l-Istat Membru ta’ residenza li għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni personali u familjari kollha tal-persuna taxxabbli, ħlief fil-każ fejn l-imsemmija persuna taxxabbli tirċievi d-dħul sostanzjali tagħha minn Stat Membru ieħor.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Ftehim bilaterali tal-1967

3.        L-Artikolu 14 tal-Ftehim bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ħelsien minn taxxa doppja u li jirregola ċerti kwistjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital, inklużi t-taxxi fuq in-negozju u t-taxxi fuq il-proprjetà, iffirmat fi Brussell fil-11 ta’ April 1967 (2), jipprovdi:

“1.      Id-dħul li resident ta’ Stat kontraenti jagħmel minn professjoni libera jew minn attivitajiet oħra għal rasu ta’ natura analoga huma taxxabbli biss f’dak l-Istat, ħlief jekk dak ir-resident għandu b’mod regolari fl-Istat Membru l-ieħor bażi fissa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu. Jekk huwa għandu din il-bażi, id-dħul huwa taxxabbli fl-Istat l-ieħor, iżda biss sa fejn huma attribwibbli għall-attivitajiet eżerċitati mill-imsemmija bażi fissa.

2.      L-espressjoni ‘professjonijiet liberi’ tinkludi b’mod partikolari l-attivitajiet għal rashom [...] tat-tobba, avukati, inġiniera, periti, dentisti u accountants.

[...]”

4.        L-Artikolu 23(2)(1) tal-Ftehim bilaterali tal-1967, li jirregola l-modalitajiet li permezz tagħhom it-tassazzjoni doppja tar-residenti tar-Renju tal-Belġju hija evitata, jipprovdi b’mod partikolari li d-dħul mill-Ġermanja, li huwa taxxabbli f’dak l-Istat permezz tal-imsemmi ftehim, huwa eżentat mit-taxxa fil-Belġju. L-istess dispożizzjoni tippreċiża, madankollu, li din l-eżenzjoni ma tillimitax id-dritt tar-Renju tal-Belġju li jikkunsidra, fid-determinazzjoni tar-rata tat-taxxa, id-dħul hekk eżentat.

B –    Id-dritt Belġjan

5.        Id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992 (3) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma l-Artikolu 155, li jiddefinixxi l-modalitajiet li permezz tagħhom huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul id-dħul eżentat skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja (4), u l-Artikoli 132 sa 134, li jipprovdu vantaġġ fiskali għall-ulied dipendenti, mogħti lil kull persuna taxxabbli taħt il-forma ta’ kwota tad-dħul eżentat mit-taxxa.

6.        L-Artikolu 155 tas-CIR 1992 jipprovdi:

“Id-dħul eżentat skont ftehim internazzjonali dwar ħelsien minn taxxa doppja huwa meħud inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tat-taxxa, iżda dan huwa mnaqqas proporzjonalment mal-parti tad-dħul eżentat fit-total tad-dħul.

L-istess proċedura għandha tapplika għal:

dħul eżentat permezz ta’ trattati oħra jew ftehim internazzjonali, sa fejn dawn jipprovdu klawżola ta’ riżerva tal-progressività;

[...]

Fejn taxxa komuni hija stabbilita, it-tnaqqis huwa kkalkolat għall-persuna taxxabbli fuq id-dħul net tagħha kollu”.

7.        L-Artikolu 134(1) tas-CIR 1992 jipprovdi:

“Il-kwota tad-dħul eżentata mit-taxxa hija stabbilita mill-persuna taxxabbli u tinkludi t-total tal-ammont bażiku, eventwalment inkrementata, u supplimenti msemmija fl-Artikoli 132 u 133.

Meta tiġi stabbilita taxxa komuni, is-supplimenti msemmija fl-Artikolu 132 jitnaqqsu lill-persuna taxxabbli li għandha l-ogħla dħul taxxabbli. [...]”.

8.        Barra minn hekk, sabiex tkun konformi mas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (5), ir-Renju tal-Belġju adotta ċ-Ċirkolari nru Ci.RH 331/575.420, tat-12 ta’ Marzu 2008, li tipprovdi tnaqqis tat-taxxa għad-dħul eżentat permezz ta’ ftehim internazzjonali (6), li l-punti 3 u 4 tagħha jipprovdu:

“3.      Tnaqqis supplimentari għad-dħul eżentat minn ftehim jista’ jingħata biss fil-kundizzjonijiet segwenti:

–        il-persuna taxxabbli rċeviet dħul eżentat minn ftehim f’wieħed minn jew f’numru ta’ Stati Membri taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)];

–        is-sitwazzjoni personali jew familjari tal-persuna taxxabbli ma ttieħditx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-taxxa dovuta, fl-Istati inkwistjoni, fuq id-dħul eżentat mit-taxxa fil-Belġju;

–        il-persuna taxxabbli ma setgħetx tibbenefika totalment, fil-Belġju, mill-vantaġġi fiskali marbuta mas-sitwazzjoni familjari jew personali tagħha;

–        it-taxxa dovuta fil-Belġju miżjuda mat-taxxa dovuta f’pajjiż barrani, hija ogħla mit-taxxa li kienet tkun dovuta li kieku d-dħul kellu jiġi esklużivament minn sors Belġjan u kieku t-taxxa relatata miegħu kellha tkun dovuta fil-Belġju.

4.      Il-persuna taxxabbli li titlob l-għoti tat-tnaqqis supplimentari għandha turi li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħieġa.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

9.        G. Imfeld, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, u N. Garcet, ta’ nazzjonalità Belġjana, huma miżżewġin, għandhom żewġ ulied u huma ddomiċiljati fil-Belġju. Għas-snin tat-taxxa li jikkonċernaw is-snin 2003 u 2004, huma pproċedew separatament għad-dikjarazzjoni tad-dħul tagħhom fil-Belġju, mingħajr ma indikaw li huma miżżewġin. G. Imfeld, li jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fil-Ġermanja, fejn huwa jirċievi d-dħul kollu tiegħu, ma semma ebda dħul taxxabbli u ebda persuna dipendenti. Min-naħa l-oħra, N. Garcet, li teżerċita professjoni remunerata fil-Belġju, iddikjarat xi interessi ipotekarji u żewġ ulied dipendenti kif ukoll xi spejjeż ta’ kura.

10.      Dawn id-dikjarazzjonijiet taw lok għal tliet kwistjonijiet miġjuba quddiem il-qorti tar-rinviju li huma l-oriġini tat-talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minnha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

11.      Is-sitwazzjoni fiskali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja wkoll tat lok għal kawża f’dan l-Istat Membru.

A –    Il-kontenzjuż li jirriżulta mit-trattament fiskali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju

1.      Il-kwistjonijiet relativi għas-sena ta’ taxxa 2003

12.      Fil-5 ta’ April 2004, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana qabel kollox stabbilixxiet, fir-rigward tas-sena ta’ taxxa 2003, kontribuzzjoni f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss.

13.      Madankollu, fis-16 ta’ Novembru 2004, l-imsemmija amministrazzjoni kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala ċelibi u konsegwentement ħarġet avviż ta’ rettifika li ħabbar tassazzjoni komuni għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u stabbilixxa kontribuzzjoni ġdida fuq il-bażi tad-dħul iddikjarat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tad-dħul ta’ persuni li jaħdmu għal rashom irċevut fil-Ġermanja mir-rikorrent fil-kawża principali.

14.      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali nnotaw in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mar-rimedju hekk imħabbar, billi kkontestaw il-kalkolu tat-taxxa dovuta stabbilita f’isimhom it-tnejn u billi talbu kalkolu mhux akkumulat ta’ din tal-aħħar, sabiex tiġi ggarantita l-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll l-eżenzjoni reali u totali tad-dħul li ġej mill-Ġermanja rċevut mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

15.      Fit-13 ta’ Diċembru 2004, l-amministrazzjoni fiskali nnotifikat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali d-deċiżjoni ta’ tassazzjoni, billi indikat li l-eżenzjoni tad-dħul Ġermaniż tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha tkun totali, iżda li t-tassazzjoni komuni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż għall-kura tat-tfal, tal-proporzjon tad-dħul eżentat u tat-tnaqqis għad-dħul ta’ sostituzzjoni.

16.      Fl-10 ta’ Frar 2005, kontribuzzjoni għas-sena ta’ taxxa 2003 f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss ġiet stabbilita abbażi tad-dħul imnaqqas għal 0, fejn għalhekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw ilment kontra tagħha fid-9 ta’ Marzu 2005.

17.      Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur reġjonali tal-kontribuzzjonijiet diretti ta’ Liège (il-Belġju) tal-11 ta’ Lulju 2005.

18.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni permezz ta’ talba mressqa fir-Reġistru tal-qorti tar-rinviju fid-29 ta’ Settembru 2005.

19.      Fit-13 ta’ Ottubru 2005, kontribuzzjoni għas-sena ta’ taxxa 2003 ġiet stabbilita b’mod kollettiv f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fejn kontra tagħha huma ppreżentaw ilment fit-13 ta’ Jannar 2006.

20.      Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur reġjonali tal-kontribuzzjonijiet diretti ta’ Liège tas-7 ta’ Marzu 2006.

21.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni permezz ta’ talba mressqa fir-Reġistru tal-qorti tar-rinviju tal-31 ta’ Marzu  2006.

2.      Il-kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sena ta’ taxxa 2004

22.      Fl-24 ta’ Ġunju 2005, ġiet stabbilita b’mod kollettiv f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontribuzzjoni għas-sena ta’ taxxa 2004 li kontra tagħha huma ppreżentaw ilment fil-15 ta’ Settembru 2005.

23.      Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur reġjonali tal-kontribuzzjonijiet diretti ta’ Liège tad-19 ta’ Ottubru 2005.

24.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw kawża kontra din id-deċiżjoni permezz ta’ talba mressqa fil-qorti tar-rinviju fil-21 ta’ Novembru 2005.

B –    Il-kontenzjuż li jirriżulta mit-trattament fiskali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja

25.      Mid-deċiżjoni ta’ rinviju, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u verbali kif ukoll mir-risposti bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għas-sena ta’ taxxa li tikkonċerna l-2003, l-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi rrifjutaw lir-rikorrent fil-kawża prinċipali l-benefiċċju tas-sistema ta’ tassazzjoni konġunta li minnha jistgħu jibbenefikaw skont l-Artikolu 1a(1)(2) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) il-persuni taxxabbli miżżewġin li ma humiex separati b’mod permanenti li huma taxxabbli fil-Ġermanja filwaqt li jirresjedu fi Stat Membru ieħor (7).

26.      Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja) tal-25 ta’ Lulju 2007 (8), inkwantu, minn naħa, id-dħul tiegħu fil-Ġermanja kien inferjuri għal 90 % tad-dħul globali tal-koppja u, min-naħa l-oħra, id-dħul tal-mara tiegħu kien superjuri kemm għal-limitu assolut ta’ EUR 12 372 kif ukoll għal-limitu ta’ 10 % tad-dħul globali previst mil-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża.

27.      L-appell ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din is-sentenza ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) tas-17 ta’ Diċembru 2007 (9).

28.      Kemm il-Finanzgericht Köln kif ukoll il-Bundesfinanzhof enfażizzaw b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat dawn il-limiti fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 1999, Gschwind (10).

III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.      Huwa f’dawn iċ-ċirkostanzi li, billi għaqqdet il-kwistjonijiet differenti miġjuba quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2012, ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2012, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 39 [KE] [(li sar l-Artikolu 45 TFUE)] jipprekludi lis-sistema fiskali Belġjana, b’mod partikolari l-Artikolu 155 tas-[CIR 1992] u [t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 134(1) tas-CIR 1992] — irrispettivament minn jekk tiġix applikata jew le ċ-[Ċirkolari, tal-2008] milli jkollha bħala konsegwenza li d-dħul professjonali tar-rikorrent irċevut fil-Ġermanja, eżentat abbażi tal-Artikolu [14] tal-[Ftehim bilaterali tal-1967], jiġi inkluż fil-kalkolu tat-taxxa Belġjana, li jservi bħala bażi tal-għoti ta’ vantaġġi fiskali previsti mis-[CIR 1992] u li l-benefiċċju ta’ dawn, bħall-kwota eżenti mit-taxxa minħabba s-sitwazzjoni familjari tar-rikorrent, jitnaqqas jew jingħata f’ammont inqas milli kieku ż-żewġ rikorrenti t-tnejn li huma kellhom dħul li joriġina mill-Belġju u li kieku r-rikorrenti, pjuttost milli r-rikorrent, kellha l-ogħla dħul, filwaqt li fil-Ġermanja, ir-rikorrent huwa intaxxat fuq id-dħul professjonali tiegħu bħala persuna waħedha u ma jistax jibbenefika mill-vantaġġi fiskali kollha marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, li tittieħed inkunsiderazzjoni biss parzjalment mill-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi?”

30.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Estonja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

31.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub, qabel is-seduta, mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, liema stedina ġiet milqugħa.

32.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni nstemgħu wkoll permezz tal-osservazzjonijiet orali tagħhom matul is-seduta li nżammet fit-22 ta’ April 2013.

IV – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-formulazzjoni u l-portata tad-domanda preliminari

33.      Miġbura fil-qosor f’termini elementari ħafna, id-domanda preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tat-trattament fiskali riżervat minn Stat Membru, f’dan il-każ ir-Renju tal-Belġju, għal koppja residenti f’dan l-Istat Membru u li fih hija tirċievi dħul, fejn wieħed mill-membri ta’ din il-koppja jeżerċita attività professjonali għal rasu fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn huwa jirċievi d-dħul tiegħu kollu, li jirrappreżenta l-ikbar parti mid-dħul tal-koppja u huwa taxxabbli fil-Ġermanja u eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali.

34.      Madankollu s-sempliċità taħbi ċertu numru ta’ diffikultajiet li għandhom ikunu esposti u solvuti minn qabel.

35.      Dawn id-diffikultajiet jirriżultaw, qabel kollox, mill-partikolaritajiet, biex ma ngħidx kumplessità, tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana applikabbli għall-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, iżda wkoll min-neċessità li jinftiehem it-trattament fiskali riżervat għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mir-Renju tal-Belġju billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża.

36.      Il-formulazzjoni nnifisha tad-domanda preliminari, li tirreferi għall-karatteristiċi rilevanti taż-żewġ leġiżlazzjonijiet, tirrifletti perfettament din il-kumplessità. Sabiex titqies b’mod sħiħ il-portata ta’ din id-domanda u tingħatalha risposta utli, jeħtieġ għaldaqstant li l-ewwel nett jiġu ppreżentati dawn il-karatteristiċi kif ukoll it-trattament fiskali li kien irriżervat għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

37.      Din il-preżentazzjoni tippermettili, sussegwentement, nidentifika s-sitwazzjoni li għandha tiġi eżaminata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, li, kif ser naraw, huma suġġetti għal evalwazzjonijiet diverġenti min-naħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-Gvern Belġjan u tal-Kummissjoni, u għaldaqstant tal-libertà applikabbli għall-imsemmija sitwazzjoni. Il-qorti tar-rinviju, fil-fatt, tagħmel riferiment għall-moviment liberu tal-ħaddiema waqt li l-uniku element barrani li tippreżenta s-sitwazzjoni inkwistjoni huwa l-eżerċizzju mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ta’ attività għal rasu fil-Ġermanja.

A –    Karatteristiċi prinċipali tas-sitwazzjoni fiskali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju u fil-Ġermanja

1.      It-trattament fiskali Belġjan tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju

38.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta espressament li t-tassazzjoni komuni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali saret bl-applikazzjoni tal-Artikolu 126(1) tas-CIR 1992, li jipprovdi, minn naħa, li “d-dħul tal-konjuġi li ma huwiex dħul professjonali huwa akkumulat mad-dħul professjonali ta’ dak mill-konjuġi li għandu iktar minnu” u min-naħa l-oħra li “l-kontribuzzjoni hija stabbilita f’isem iż-żewġ konjuġi”.

39.      Huwa paċifiku li l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet stabbilita f’isimhom it-tnejn u huwa preċiżament dan l-akkumulu li huwa kkontestat minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-kwistjonijiet imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.

40.      F’dan il-każ, id-dħul irċevut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju u d-dħul irċevut mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja, li huwa eżentat fil-Belġju permezz tal-Artikolu 23 tal-Ftehim bilaterali tal-1967 iżda meħud inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tat-taxxa fil-Belġju bl-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u tal-Artikolu 155 tas-CIR 1992, ġie miżjud sabiex tkun iddeterminata t-taxxa tal-koppja fuq id-dħul totali tagħha b’rata progressiva, b’kunsiderazzjoni tat-tnaqqis fiskali.

41.      L-eżenzjoni għall-ulied dipendenti, prevista fl-Artikolu 131(2) tas-CIR 1992, tippermetti lil kull wieħed mill-konjuġi jneħħi mill-bażi taxxabbli kwota ta’ dħul ta’ ammont speċifiku. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, għall-kalkolu tat-taxxa, hija eżentata kwota ta’ dħul għal kull wieħed mill-konjuġi, ta’ ammont bażiku ta’ EUR 4 610 (iktar ’il quddiem l-“ammont bażiku”). L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 134(1) tas-CIR 1992 jippreċiża li dan l-ammont bażiku jitnaqqas mis-sehem tad-dħul ta’ kull wieħed mill-konjugi inkluż fil-bażi taxxabbli.

42.      Dawn l-ammonti bażiċi huma sussegwentement miżjuda, skont l-Artikolu 132 tas-CIR 1992, mas-supplimenti għall-persuni dipendenti, f’dan il-każ EUR 1 180 għal wild dipendenti u EUR 3 050 għal żewġ ulied dipendenti. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 134(1) tas-CIR 1992 jippreċiża li dawn iż-żidiet jitnaqqsu bi prijorità fuq il-parti tad-dħul ta’ dak mill-konjuġi li għandu dħul professjonali l-iktar ogħli. Huwa dan “is-suppliment ta’ eżenzjoni għall-ulied dipendenti”, li jitnaqqas mid-dħul eżentat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa inkwistjoni fil-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali u li huwa l-uniku suġġett tad-domanda preliminari.

2.      L-elementi rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża

43.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, bl-applikazzjoni tal-Ftehim bilaterali tal-1967, ġie ntaxxat fil-Ġermanja fuq id-dħul irċevut f’dan l-Istat Membru b’mod individwali, jiġifieri mingħajr ma seta’ jibbenefika mis-sistema tal-“Ehegattensplitting”, billi ma kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża.

44.      Madankollu, mit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul imħallsa fil-Ġermanja huwa bbenefika minn vantaġġ għall-ulied dipendenti f’forma ta’ proporzjoni mid-dħul eżentat mit-taxxa (“Freibetrag für Kinder”) (11).

B –    Fuq l-identifikazzjoni tas-sitwazzjoni li għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u l-libertà applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali

1.      Fuq il-libertà applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali

45.      Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-Artikolu 39 KE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li fl-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha poġġietu diversi drabi fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment.

46.      Issa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa ta’ nazzjonalità Ġermaniża u jirresjedi l-Belġju, jaħdem fil-Ġermanja bħala avukat, b’tali mod li, ħlief fil-każ fejn huwa jeżerċita l-professjoni tiegħu bħala impjegat, fatt li ma jirriżultax la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ma jaqax taħt il-moviment liberu tal-ħaddiema iżda taħt il-libertà ta’ stabbiliment (12), li jinkludi l-aċċess għall-attivitajiet mhux imħallsin b’salarju u l-eżerċizzju tagħhom (13). Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tal-Ftehim bilaterali tal-1967 iċċitata espressament mill-qorti tar-rinviju bħala applikabbli għall-kawżi prinċipali tirrigwarda l-professjonijiet liberi u l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom ta’ natura simili.

47.      Filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tiżgura l-istatus professjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu għalhekk jinftiehem li d-domanda preliminari ssemmi l-Artikolu 49 TFUE, kif jaqblu kemm il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni (14).

2.      Fuq is-sitwazzjoni li għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment

a)      Ġabra fil-qosor tal-osservazzjonijiet

48.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali argumentaw, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tiżvantaġġahom meta mqabbla mal-koppji li jirċievu d-dħul tagħhom kollu fil-Belġju u b’dan il-fatt ħolqu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, sa fejn, minn naħa, il-kwota ta’ dħul eżentata bħala suppliment għall-ulied dipendenti titnaqqas minn dik il-parti tad-dħul l-iktar għolja tal-koppja u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-imsemmi dħul huwa rċevut fi Stat Membru ieħor u huwa eżentat fil-Belġju, huma ma jibbenefikawx b’mod materjali minn dan il-vantaġġ.

49.      Il-Gvern Belġjan jikkontesta fundamentalment din il-parti tal-analiżi. Huwa jargumenta li s-CIR 1992 jirriproduċi “l-prinċipji li jipprovdu li d-dħul professjonali tal-konjuġi huwa taxxabbli separatament, minkejja l-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni komuni”. Filwaqt li jitlaq mill-premessa li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal kalkolu tat-taxxa separat, huwa jqis li hija s-sitwazzjoni fiskali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali biss li għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, sabiex tkun ikkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment għandu jsir paragun bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma’ dik li kienet tkun li kieku huwa ma użax l-libertà tiegħu u kieku huwa rċieva d-dħul professjonali tiegħu kollu fil-Belġju.

50.      Il-Kummissjoni tqis li l-effett restrittiv tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana ma tinsabx fit-trattament sfavorevoli tad-dħul tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, taxxabbli fil-Ġermanja u eżentat fil-Belġju, iżda fit-trattament sfavorevoli tad-dħul tal-mara tiegħu, irċevut fil-Belġju u taxxabbli kollu f’dan l-aħħar Stat Membru.

b)      Analiżi

51.      Mill-eżami tal-karatteristiċi prinċipali tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana jirriżulta li s-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti” huwa mogħti lill-koppja flimkien.

52.      Kif osservat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-imsemmi suppliment huwa kkalkolat bit-tnaqqis applikat fuq l-ogħla dħul taxxabbli ta’ wieħed mill-konjuġi jikkonferma din l-partikolarità. Il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana hija intiża wkoll li tkabbar l-effett tal-vantaġġ fiskali familjari, u dan billi tqis li dan il-għan għandu jiġi eżaminat fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment.

53.      Mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment, il-mistoqsija li tqum hija għalhekk dik dwar jekk l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tinkludix, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala koppja għal skopijiet ta’ taxxa, żvantaġġ li jirriżulta mill-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jirċievi d-dħul tiegħu kollu fi Stat Membru ieħor u li minħabba f’hekk il-koppja tinsab prekluża mill-benefiċċju effettiv tas-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti”.

C –    Fuq ir-riformulazzjoni tad-domanda preliminari

54.      L-espożizzjoni preċedenti tippermettili nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju f’termini iktar sempliċi, billi tirriduċiha għall-elementi l-iktar fundamentali tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk billi telimina mill-formulazzjoni tagħha l-ispeċifikazzjonijiet differenti fattwali li hija tinkludi, dwar l-istruttura tad-dħul tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew il-modalitajiet tat-tnaqqis tal-vantaġġ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li huwa s-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti”.

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija fil-fatt, essenzjalment mistoqsija dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, ikollha bħala effett li tipprekludi koppja residenti f’dan l-Istat u li tirċievi dħul kemm fl-imsemmi Stat Membru kif ukoll fi Stat Membru ieħor mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali partikolari, minħabba l-modalitajiet ta’ tnaqqis tiegħu, minkejja li din il-koppja jkollha dritt għalih li kieku din il-koppja tirċievi d-dħul tagħha kollu jew il-parti l-kbira tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

V –    Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

56.      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxa diretta taqa’, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, fejn dawn tal-aħħar madankollu għandhom jiżguraw li jeżerċitaw din il-kompetenza billi josservaw id-dritt tal-Unjoni (15).

57.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfażizzat diversi drabi li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kriterji ta’ tassazzjoni tad-dħul u tal-kapital sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja; jekk ikun il-każ permezz ta’ ftehim. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, fil-qafas ta’ ftehim bilaterali, intiżi għal ħelsien mit-tassazzjoni doppja, jistabbilixxu l-fatturi ta’ konnessjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali (16).

58.      Madankollu dan it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali ma jippermettix lill-Istati Membri sabiex japplikaw miżuri li jmorru kontra l-moviment liberu ggarantit mit-Trattat FUE. L-Istati Membri jibqgħu obbligati, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni hekk imqassma fil-kuntest tal-ftehim bilaterali dwar ħelsien minn taxxa doppja, li jikkonformaw rwieħhom mar-regoli tal-Unjoni (17).

59.      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, huwa l-Istat Membru ta’ residenza li għandu jagħti lill-persuna taxxabbli l-benefiċċji fiskali kollha marbuta mas-sitwazzjoni personali u tal-familja tagħha, billi ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni, dan l-Istat Membru jinsab fl-aħjar sitwazzjoni sabiex jevalwa l-kapaċità kontributtiva personali tal-imsemmija persuna taxxabbli peress li hemmhekk din tal-aħħar għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha (18).

60.      L-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari ma jistax jitqiegħed fuq l-Istat Membru tal-impjieg biss meta l-persuna taxxabbli tirċievi t-totalità jew kważi t-totalità tar-riżorsi taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata f’dan tal-aħħar u jekk hija ma tirċevix dħul sinjifikattiv fl-Istat ta’ residenza tagħha, b’tali mod li dan ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtih il-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha (19).

61.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-kompatibbiltà mal-libertà ta’ stabbiliment tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata.

62.      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal taxxa konġunta fuq id-dħul tagħhom fil-Belġju fejn jirresjedu, peress li d-dħul miksub fil-Ġermanja kien eżentat, u r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien suġġett għal taxxa individwali fuq id-dħul li huwa kiseb fil-Ġermanja fejn jaħdem, skont il-Ftehim bilaterali tal-1967.

63.      Kemm fil-Ġermanja kif ukoll fil-Belġju, ġiet ikkunsidrata, tal-inqas parzjalment, is-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien intitolat, skont il-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża, għal eżenzjoni għal ulied dipendenti (“Freibetrag für Kinder”), mingħajr ma seta’ jibbenefika mis-sistema tal-“Ehegattensplitting”.

64.      Il-koppja kienet ukoll intitolata, skont il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana, għall-eżenzjoni għal ulied dipendenti kif ukoll għat-tnaqqis tal-ispejjeż għall-kura tat-tfal, iżda min-naħa l-oħra ma bbenefikatx materjalment mill-eżenzjoni addizzjonali, is-“suppliment ta’ eżenzjoni għal ulied dipendenti” previst fl-Artikolu 134 tas-CIR 1992. Il-kwota tad-dħul supplimentari li tista’ tkun eżentata ġiet fil-fatt imnaqqsa mid-dħul tar-rikorrent fil-kawża prinċipali rċevut fil-Ġermanja, sa fejn dan kien l-ogħla dħul tal-koppja, iżda l-imsemmi dħul kien imbagħad imneħħi mill-bażi taxxabbli, sa fejn huwa kien eżentat skont il-Ftehim bilaterali tal-1967, b’tali mod li, fl-aħħar, ebda kwota ta’ dħul speċifikatament marbuta mas-suppliment għall-ulied dipendenti ma ġiet eżentata.

65.      Għalhekk, il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana, u b’mod iktar preċiż flimkien mal-Artikolu 23 tal-Ftehim bilaterali tal-1967, li tippermetti lir-Renju tal-Belġju jikkunsidra d-dħul eżentat fil-kalkolu tat-taxxa, minn naħa, u l-modalitajiet tat-tnaqqis tas-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti” stabbiliti fl-Artikolu 134 tas-CIR 1992, min-naħa l-oħra, hija ta’ żvantaġġ għall-koppji fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-fatt li l-ogħla sehem mid-dħul tagħhom huwa rċevut fi Stat Membru ieħor, meta mqabbla ma’ koppji li jirċievu t-totalità jew il-parti l-kbira tad-dħul tagħhom fil-Belġju.

66.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala koppja, batew żvantaġġ reali sa fejn huma ma bbenefikawx mill-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tas-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti” li għalih kienu jkunu intitolati li kieku huma kellhom jirċievu d-dħul kollu tagħhom fil-Belġju jew, tal-inqas, li kieku d-dħul irċevut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju kellu jkun ogħla minn dak irċevut mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja.

67.      B’hekk il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tistabilixxi differenza fit-trattament fiskali bejn koppji ċittadini tal-Unjoni residenti fit-territorju tar-Renju tal-Belġju abbażi tal-oriġini u tad-daqs tad-dħul li jista’ jipproduċi effett disswaziv fuq l-eżerċizzju minn dawn tal-aħħar tal-libertajiet iggarantiti mit-Trattat, u b’mod partikolari tal-libertà ta’ stabbiliment (20).

68.      Qabel kollox hija tista’ tiddiswadi liċ-ċittadini tal-imsemmi Stat Membru milli jeżerċitaw kemm id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu kif ukoll ta’ libertà ta’ stabbiliment billi jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor b’mod permanenti u jibqgħu jirresjedu fl-ewwel Stat Membru (21). Hija tista’ ukoll tiddiswadi liċ-ċittadini tal-Istati Membri oħra milli jeżerċitaw, fil-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, id-dritt tagħhom għal moviment liberu billi jistabilixxu r-residenza tagħhom fl-imsemmi Stat Membru, b’mod partikolari bil-għan tar-rikonċiljazzjoni familjari, waqt li jibqgħu jeżerċitaw attività b’mod permanenti fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini (22).

69.      B’mod iktar ġenerali, il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tinkludi ostaklu għal-libertajiet iggarantiti liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat, sa fejn hija ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet transkonfinali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u għalhekk ma tippermettix li jiġu kkumpensati l-effetti negattivi li hija tista’ tipproduċi fuq l-eżerċizzju tal-imsemmija libertajiet.

70.      Kif enfażizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-regola ta’ tnaqqis tas-“suppliment ta’ eżenzjoni għall-ulied dipendenti” mill-parti tad-dħul l-iktar għolja tal-koppja, għandha, bħala prinċipju, l-għan li tkabbar l-effett tal-vantaġġ għall-benefiċċju tal-koppja kkunsidrata flimkien. Madankollu, meta tiġi applikata f’sitwazzjoni transkonfinali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-imsemmija regola tista’ tipproduċi effett eżattament oppost f’ċerti ċirkostanzi, f’dan il-każ meta l-koppja tirċievi dħul fi Stat Membru ieħor u l-imsemmi dħul ikun l-ikbar parti tad-dħul kollu tagħhom.

71.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Belġjan, l-ostaklu hekk identifikat għal-libertà ta’ stabbiliment assolutament ma huwiex il-konsegwenza neċessarja tad-differenza bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

72.      Il-koppja ffurmata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-fatt, ġiet prekluża minn parti mill-eżenzjonijiet previsti għall-koppji ta’ residenti minħabba l-eżerċizzju, minn wieħed minnhom, tal-libertà ta’ stabbiliment tiegħu minħabba l-modalitajiet ta’ tnaqqis tas-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti” previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana (23).

73.      Il-Gvern Belġjan lanqas ma jista’ jargumenta li l-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu ma tikkostitwixxix ostaklu għal-libertà ta’ stabbiliment meta l-eżerċizzju mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tal-libertà ta’ stabbiliment tiegħu ma taggravax is-sitwazzjoni fiskali tiegħu, sa fejn, minn naħa, huwa ma kellux iħallas, fil-Ġermanja, taxxa ogħla għal dik li huwa kien ser iħallas fil-Belġju u fejn, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu kienet meħuda inkunsiderazzjoni fil-Ġermanja, b’tali mod li r-Renju tal-Belġju llibera ruħu għal kollox minn kwalunkwe obbligu f’dan ir-rigward.

74.      Huwa minnu, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti li taw lok għall-kawżi prinċipali, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali f’dan il-każ, seta’ jibbenefika mit-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tas-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu fil-Ġermanja, permezz tal-għoti tal-“Freibetrag für Kinder”.

75.      Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-għoti ta’ dan il-vantaġġ fiskali fil-Ġermanja jista’ b’xi mod jikkumpensa t-telf tal-vantaġġ fiskali rreġistrat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju. L-għoti tal-“Freibetrag für Kinder” jikkostitwixxi, fil-fatt, ċirkustanza purament ipotetika li tista’ tinbidel f’kull mument, fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ b’mod partikolari tħassar l-imsemmi vantaġġ jew tnaqqas l-ammont tiegħu mingħajr ma dan ibiddel xejn il-kundizzjoni tal-għoti tas-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti” fil-Belġju. Issa, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana mad-dritt tal-Unjoni ma tiddependix fuq tali ċirkostanzi.

76.      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali min-naħa ta’ Stat Membru ma jistax jiġi a priori ġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ vantaġġi fiskali oħra (24). B’mod iktar preċiż, Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti b’mod unilaterali minn Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Istat Membru li fih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jaħdem u jirċievi d-dħul tiegħu kollu, sabiex jevita l-obbligi imposti fuqu mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-libertà ta’ stabbiliment (25).

77.      Issa, il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tistabbilixxi vantaġġ fiskali favur il-koppji, taħt il-forma, b’mod partikolari, ta’ “suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti”, li jitnaqqas mid-dħul tal-membru tal-koppja li jirċievi l-ikbar parti tad-dħul, mingħajr ma bl-ebda mod tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan tal-aħħar jista’, permezz tal-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mit-Trattat, ma jirċivix b’mod individwali dħul fil-Belġju, bil-konsegwenza immedjata u awtomatika li l-koppja titlef hekk totalment il-benefiċċju tal-imsemmi vantaġġ. Huwa l-mod awtomatiku ta’ dan it-telf li, indipendentement mit-trattament fiskali riżervat għar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja, jippreġudika l-libertà ta’ stabbiliment.

78.      Sa fejn Stat Membru jintaxxa l-persuni taxxabbli residenti fuq id-dħul tagħhom għaliex jifformaw koppja, dan għandu, bħala prinċipju, jieħu inkunsiderazzjoni t-totalità tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom.

79.      Għalhekk, il-fatt li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni personali u familjari tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ttieħdet parzjalment inkunsiderazzjoni fil-Ġermanja minħabba t-tassazzjoni individwali tiegħu u huwa seta’ għalhekk jibbenefika minn vantaġġ fiskali hemmhekk ma jistax jeżenta lir-Renju tal-Belġju mill-obbligu tiegħu li jiggarantixxi trattament identiku lir-residenti tiegħu kollha li jinsabu f’sitwazzjoni identika u li ma jżommx fis-seħħ restrizzjonijiet fiskali għall-eżerċizzju minn dawn tal-aħħar tal-libertajiet iggarantiti mit-Trattat, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jkunux iġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u jkunu perfettament proporzjonati, kwistjoni li għandha tiġi eżaminata issa.

VI – Fuq il-ġustifikazzjonijiet tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

 A -     Ġabra fil-qosor tal-osservazzjonijiet

80.      Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan sostna li l-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu kienet, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata bin-neċessità li tissalvagwardja t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

81.      Il-Gvern Estonjan iqis li l-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana għandha bħala għan li tevita li s-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli ma tittiħidx inkunsiderazzjoni simultanjament f’żewġ Stati Membri u ma twassalx għalhekk għall-għoti indebitu ta’ vantaġġ doppju. Huwa jargumenta, minn din il-pożizzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tat il-possibbiltà lill-Istati Membri li jostakolaw it-tnaqqis doppju tat-telf (26).

 B -   Analiżi

82.      Jekk jitqies li jista’ jiġi aċċettat li l-vantaġġi fiskali differenti mogħtija rispettivament miż-żewġ Stati Membri huma paragunabbli u li, skont evalwazzjoni kwantitattiva komparata taċ-ċirkostanzi tal-każ, jista’ jiġi konkluż li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikaw effettivament minn vantaġġ doppju, fejn fi kwalunkwe każ dan il-fatt huwa biss frott tal-applikazzjoni parallela tal-leġiżlazzjonijiet fiskali Belġjani u Ġermaniżi, kif miftiehem bejn iż-żewġ Stati Membri fit-termini stabbiliti mill-Ftehim bilaterali tal-1967 (27).

83.      L-imsemmija Stati fil-fatt jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom stess fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, filwaqt li jilħqu għanijiet simili ta’ protezzjoni tal-familja.

84.      Barra minn hekk, il-Ftehim bilaterali tal-1967 ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istat Membru ta’ impjieg dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuni taxxabbli residenti fi Stat Membru ieħor, la f’sens u lanqas f’ieħor (28).

85.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiżgura l-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali bil-għan li tevita li koppja ta’ persuni taxxabbli, li ż-żewġ membri tagħha huma taxxabbli b’mod konġunt fi Stat Membru u li wieħed minnhom huwa wkoll taxxabbli b’mod individwali fi Stat Membru ieħor, ma tibbenefikax minn vantaġġ fiskali doppju li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni parzjali, miż-żewġ Stati Membri, tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom.

86.      Mill-bqija, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana ma tistabbilixxi ebda korrelazzjoni bejn il-vantaġġi fiskali li hija tagħti lir-residenti tagħha u l-vantaġġi fiskali li minnhom huma jistgħu jibbenefikaw fil-kuntest tal-intaxxar tagħhom fi Stat Membru ieħor. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħux jibbenefikaw mis-“suppliment ta’ eżenzjoni għal wild dipendenti” mhux għaliex huma bbenefikaw minn vantaġġ ekwivalenti fil-Ġermanja, iżda biss għaliex il-benefiċċju tiegħu huwa nnewtralizzat mill-modalitajiet ta’ tnaqqis tiegħu.

87.      Barra minn hekk ir-Renju tal-Belġju sostna li ċ-Ċirkolari tat-12 ta’ Marzu 2008, li għandha tiġi analizzata bħala mekkaniżmu li jistabbilixxi din il-korrelazzjoni, ma tapplikax għas-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li dan tal-aħħar ma rċeviex dħul taxxabbli fil-Belġju.

88.      Għalhekk l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala effett li tipprekludi koppja residenti f’dan l-Istat u li tirċievi dħul kemm fl-imsemmi Stat u kif ukoll fi Stat Membru ieħor milli tibbenefika minn vantaġġ fiskali partikolari, minħabba l-modalitajiet ta’ tnaqqis tiegħu, filwaqt li din il-koppja tkun intitolata għalih kieku l-membri ta’ din il-koppja kellhom jirċievu t-totalità jew l-ikbar parti tad-dħul tagħhom fl-Istat Membru ta’ residenza.

VII – Konklużjoni

89.      Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li r-risposta għad-domanda preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance ta’ Liège għandha tkun is-segwenti:

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-effett li tipprekludi koppja residenti f’dan l-Istat u li tirċievi d-dħul tagħha kemm fl-imsemmi Stat kif ukoll fi Stat Membru ieħor milli tibbenefika minn vantaġġ fiskali partikolari, minħabba l-modalitajiet ta’ tnaqqis tiegħu, filwaqt li din il-koppja tkun intitolata għalih kieku l-membri ta’ din il-koppja kellhom jirċievu t-totalità jew l-ikbar parti tad-dħul tagħhom fl-Istat Membru ta’ residenza.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Moniteur Belge, tat-30 ta’ Lulju 1969, iktar ’il quddiem il-“Ftehim bilaterali tal-1967”.


3 –      Moniteur belge, tat-30 ta’ Lulju 1992; iktar ’il quddiem is-“CIR 1992”.


4 –      Dak li l-qorti tar-rinviju tiddefinixxi bħala “il-metodu ta’ eżenzjoni b’riżerva tal-progressività”.


5 –      C-385/00, Ġabra p. I-11819.


6 – Iktar ’il quddiem, iċ-“Ċirkolari tal-2008”.


7 – Is-sistema ta’ “Ehegattensplitting”.


8 – Az. 4 K 4725/05


9 – Az. 1 B 96/07


10 – C-391/97, Ġabra p. I-5451.


11 – Dan il-vantaġġ kien, għas-snin 2002 u 2003, ta’ EUR 5 808 għal kull wild, ammont imnaqqas pro rata temporis għall-wild imwieled matul il-perijodu taxxabbli.


12 – Għall-kawża li tirrigwarda avukat fil-Ġermanja, ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C-340/89, Ġabra p. I-2357).


13 –      Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant (C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 40); tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 19).


14 –      Kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk il-qorti tar-rinviju llimitat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha għall-interpretazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tali ċirkostanza ma tostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utili għad-deċiżjoni tal-kawża li minnha hija adita, irrispettivament jekk din il-qorti għamlitx riferimenti għalihom fid-domanda tagħha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Ritter-Coulais, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29), kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Rüffler (C-544/07, Ġabra p. I-3389, punt 57).


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 21) u tal-21 ta’ Frar 2013, A (C-123/11, punt 29).


16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C-336/96, Ġabra p. I-2793, punt 24); de Groot, iċċitata iktar ’il fuq (punt 93); tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg (C-527/06, Ġabra p. I-7735, punt 48), kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2013, Beker (C-168/11, punt 32).


17 –      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq de Groot (punt 94); Renneberg, punti 50 u 51), u Beker (punti 33 u 34).


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36), tas-16 ta’ Mejju 2000, Zurstrassen (C-87/99, Ġabra p. I-3337, punt 21) u Beker, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).


19 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacker (punt 36), Gschwind (punt 27), Zurstrassen (punti 21 sa 23), u de Groot (punt 89).


20 –      Ara, fl-istess sens, is-sentenza Beker, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).


21 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, Ġabra p. I-3089, punti 32 sa 35).


22 –      Ara s-sentenza Renneberg, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 u 36). Ara wkoll, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen (C-520/04, Ġabra p. I-10685, punti 18 sa 39), kif ukoll Rüffler, iċċitata iktar ’il fuq ( punti 55 u 56).


23 –      Ara, fl-istess sens, is-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq (punt 87).


24 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi de Groot, iċċitata iktar ’il fuq (punt 97) u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink (C-182/06, Ġabra p. I-6705, punt 24).


25 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 78); tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et (C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 69); tal-11 ta’ Settembru 2008, Arens-Sikken (C-43/07, Ġabra p. I-6887, punt 66), kif ukoll tat-22 ta’ April 2010, Mattner (C-510/08, Ġabra p. I-3553, punt 43).


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 47).


27 – Dwar il-konsegwenzi, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tal-eżerċizzju parallel, mill-Istati Membri, tal-ġurisdizzjoni fiskali tagħhom, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C-513/04, Ġabra p. I-10967, punt 20); tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C-298/05, Ġabra 2007 p. I-10451, punt 43); tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C-194/06, Ġabra p. I-3747, punti 37 sa 42 u 47); tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C-67/08, Ġabra p. I-883, punt 28); tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux (C-128/08, Ġabra p. I-6823, punt 27), kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C-96/08, Ġabra p. I-2911, punti 25 sa 29).


28 –      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq (punt 88).