Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2013 (1)

Kawża C-362/12

Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation

vs

Commissioners of Inland Revenue,

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit)]

“Irkupru ta’ taxxi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas it-terminu b’effett retroattiv u mingħajr avviż minn qabel”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija t-tielet talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors kollettiv ippreżentat quddiem il-qrati tar-Renju Unit mit-Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation (iktar ’il quddiem it-“Test Claimants”), komposti minn kumpanniji tal-grupp British American Tabacco u tal-grupp Aegis, li jirrigwarda t-trattament fiskali ta’ dividendi mħallsa lil kumpanniji parent stabbiliti fir-Renju Unit minn sussidjarji tal-gruppi tagħhom stabbiliti f’pajjiżi barranin.

2.        L-ewwel waħda miż-żewġ talbiet preċedenti tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ottubru 2004 mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), u kienet tirrigwarda l-inkompatibbiltà ta’ dan it-trattament fiskali ta’ dividendi mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat FUE (2). Wara l-ewwel sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża, fit-12 ta’ Diċembru 2006, l-imsemmija qorti, permezz tas-sentenza tagħha tas-27 ta’ Novembru 2008, iddeċidiet li tagħmel domandi ta’ kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża (3).

3.        Dik is-sentenza ġiet ikkontestata mit-Test Claimants quddiem il-Court of Appeal (England & Wales), li permezz tas-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2010 (4), ikkonfermat id-deċiżjoni tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tieni talba għal deċiżjoni preliminari. Din saret fil-21 ta’ Jannar 2011 u l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet permezz tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Novembru 2012 (5).

4.        Sadanittant, is-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) fuq imsemmija ġiet appellata mit-Test Claimants quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom dwar il-punt tad-disponibbiltà tar-rimedji legali għall-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament miftuħa għall-persuni taxxabbli fir-rigward ta’ taxxi ddikjarati inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat u, b’mod iktar partikolari, tal-emenda retroattiva tat-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dawn ir-rimedji permezz tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 (Finance Act 2004) u tal-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2007 (Finance Act 2007). It-Test Claimaints ikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) li r-rikorsi għall-ħlas lura tat-taxxa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni li huma kienu ħallsu indebitament lill-awtoritajiet fiskali Brittaniċi kienu ġew ippreżentati tard wisq.

5.        Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Mejju 2012, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet unanimament li l-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2007 kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni iżda waslet għal konklużjonijiet diverġenti fuq il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-emenda retroattiva u mingħajr avviż minn qabel tat-termini ta’ preskrizzjoni magħmula permezz tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004. Ħames Lords (Lord Hope, Lord Walker, Lord Clarke, Lord Dyson u Lord Reed) iddeċidew li din l-emenda tmur kontra d-dritt tal-Unjoni filwaqt li żewġ kollegi tagħhom (Lord Brown u Lord Sumption) iddikjaraw ruħhom favur il-kompatibbiltà tal-imsemmija emenda (6). Għalhekk is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 19(1) tat-TUE jipprovdi fit-tieni subparagrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

7.        Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7).

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        Il-grupp multinazzjonali Aegis, attiv fil-qasam tal-medja u tal-komunikazzjonijiet diġitali, li l-kumpannija holding tiegħu hija stabbilita fir-Renju Unit, ippreżenta fit-8 ta’ Settembru 2003, quddiem il-qrati Ingliżi, talba għar-rimbors ta’ taxxi li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat.

9.        Fis-sentenza tagħha Test Claimants FII (Nru 3), il-maġġoranza tas-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li fil-mument li l-kumpanniji tal-grupp Aegis ippreżentaw ir-rikors tagħhom, jiġifieri fit-8 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti kellhom għad-dispożiżżjoni tagħhom żewġ rimedji legali tal-“common law” għall-ħlas lura ta’ taxxi fuq il-kumpanniji li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (8).

10.      L-ewwel rimedju legali kien irrikonoxxut f’kuntest purament nazzjonali, ħafna qabel il-bidu ta’ din il-kawża, mill-House of Lords fis-sentenza tagħha mogħtija fl-20 ta’ Lulju 1992, fil-kawża Woolwich (9) (iktar ’il quddiem, ir-“rimedju Woolwich”). Dan ir-rimedju kien jippermetti l-ħlas lura “tal-ammonti kollha mħallsa lil awtorità pubblika b’applikazzjoni ta’ rekwiżit legali apparenti li jimponi l-ħlas ta’ taxxa (filwaqt li jkollhom rabta kawżali suffiċjenti miegħu) li (fil-fatt u fid-dritt) ma hijiex dovuta legalment” (10).

11.      Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni (Limitation Act 1980), it-terminu ta’ preskrizzjoni għar-rimedju Woolwich huwa ta’ sitt snin li jibdew jiddekorru mill-fatt taxxabbli, li fil-prinċipju huwa l-ħlas tat-taxxa.

12.      It-tieni rimedju għal ħlas lura japplika meta jitħallsu taxxi minħabba żball ta’ liġi jew ta’ fatt tal-persuna taxxabbli. Dan ir-rimedju kien irrikonoxxut għall-ewwel darba fis-sentenza mogħtija mill-House of Lords, fid-29 ta’ Ottubru 1998, fil-kawża Kleinwort Benson (11), li qalbet ġurisprudenza antika li skontha l-ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ żball ta’ liġi ma jistgħux jiġu rrimborsati (iktar ’il quddiem ir-“rikors Kleinwort Benson”).

13.      Fis-sentenza tiegħu tat-18 ta’ Lulju 2003 fil-kawża Deutsche Morgan Grenfell (12), l-imħallef Park tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċieda għall-ewwel darba li r-rimedju Kleinwort Benson seta’ jintuża sabiex titħallas lura taxxa mħallsa minħabba żball ta’ liġi.

14.      Konsegwentement, l-imħallef Park ikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-rimedju huwa t-terminu ta’ preskrizzjoni l-iktar favorevoli, previst fl-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni, li jipprovdi:

“[...] meta fil-każ ta’ rimedji li għalihom it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa stabbilit minn din il-liġi, [u meta]

[...]

(c)      ir-rimedju huwa għall-kumpens tal-konsegwenzi ta’ żball

it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-mument meta r-rikorrent sar jaf [...] bl-iżball [...] jew meta huwa seta’ sar jaf bih permezz ta’ diliġenza raġonevoli”.

15.      Fl-4 ta’ Frar 2005, il-Court of Appeal (England & Wales) annullat is-sentenza tal-imħallef Park, iżda l-House of Lords reġgħet stabbilixxietha fil-25 ta’ Ottubru 2006 billi affermat li l-persuni taxxabbli jistgħu jirrikorru kemm għar-rimedju Woolwich kif ukoll għar-rimedju Kleinwort Benson sabiex jitolbu l-ħlas lura tat-taxxa mħallsa indebitament.

16.      Iż-żewġ rimedji huma distinti minn xulxin, inter alia, minħabba t-terminu ta’ preskrizzjoni tagħhom. It-terminu ta’ sitt snin għar-rimedju Woolwich jibda jiddekorri mill-mument tal-ħlas tat-taxxa inkwistjoni filwaqt li t-terminu ta’ sitt snin għar-rimedju Kleinwort Benson jibda jiddekorri biss mill-mument meta r-rikorrent ikun sar jaf jew kellu jsir jaf bl-iżball tiegħu.

17.      Sadanittant, il-Parlament adotta il-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 li l-Artikolu 320(1) tagħha jipprovdi:

“L-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni [...] (terminu estiż għall-preżentata ta’ rikors f’każ ta’ żball) ma japplikax fir-rigward ta’ żball ta’ dritt dwar kwistjoni fiskali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissarji tat-Taxxi Interni.

Din id-dispożizzjoni tapplika għall-azzjonijiet ippreżentati mit-8 ta’ Settembru 2003 ’l quddiem”.

18.      Fl-2007, il-Parlament adotta l-Liġi dwar il-finanzi tal-2007 li l-Artikolu 107 tagħha ħassar b’mod retroattiv it-terminu ta’ preskrizzjoni estiż għar-rimedji kollha bbażati fuq żball li kienu ġew ippreżentati qabel it-8 ta’ Settembru 2003.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19.      Fil-qalba tal-kawża prinċipali ppreżentata mill-kumpanniji tal-grupp Aegis quddiem il-qorti tar-rinviju hemm it-taxxa bil-quddiem fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax”, iktar ’il quddiem “ACT”) li kienet fis-seħħ fir-Renju Unit bejn l-1973 u l-1999. B’mod ġenerali, l-ACT kienet taxxa fuq il-profitti tal-kumpanniji li kienet titħallas bil-quddiem minn kumpannija hekk kif tħallas dividend. Madankollu, id-dritt Ingliż kien jipprovdi eċċezzjoni għal dan l-obbligu jekk il-kumpannija li tħallas id-dividend u l-kumpannija parent jagħżlu t-tassazzjoni ta’ grupp. F’dan il-każ, huma kienu ttrattati għall-finijiet tal-ACT bħala kumpannija waħda u l-ACT ma kinitx tkun iktar dovuta mis-sussidjarja iżda mill-kumpannija parent, hekk kif din, min-naħa tagħha, tqassam id-dividendi. Madankollu, kienu biss il-kumpanniji li l-kumpannija parent tagħhom kienet residenti fir-Renju Unit li setgħu jibbenefikaw minn din l-eċċezzjoni (13).

20.      Wara s-sentenza Metallgesellschaft et (14), li ddeċidiet li din is-sistema tal-ACT hija inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, u l-pubblikazzjoni tas-sentenza DMG fit-18 ta’ Lulju 2003, il-grupp Aegis, permezz tar-rikors tiegħu ppreżentat fit-8 ta’ Settembru 2003, għall-ħabta ta’ nofsinhar, talab l-ammonti tal-ACT imħallsa indebitament. It-talba tiegħu kienet tirrigwarda s-snin 1973 sa 1999.

21.      Bis-saħħa tal-fatt li, skont l-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni għar-rimedju Kleinwort Benson kien jibda jiddekorri biss minn meta jiġi skopert l-iżball li wassal għall-ħlas tat-taxxa indebita, f’dan il-każ meta ngħatat is-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, fit-8 ta’ Marzu 2001, il-grupp Aegis seta’ jitlob l-ACT kollha indebitament imħallsa wara l-1973, is-sena ta’ adeżjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-Komunità Ekonomika Ewropea. Dan ma kienx possibbli billi wieħed jibbaża ruħu fuq ir-rimedju Woolwich li t-terminu ta’ preskrizzjoni tiegħu ta’ sitt snin kien jibda jiddekorri mill-ġurnata tal-ħlas tat-taxxa indebita.

22.      Sabiex jillimita l-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-ACT miġbura indebitament, l-Inland Revenue ħabbar permezz ta’ stqarrija għall-istampa ppubblikata waranofsinhar tat-8 ta’ Settembru 2003, l-intenzjoni tiegħu li tiġi adottata mill-Parlament, b’effett fuq ir-rikorsi Kleinwort Benson kollha ppreżentati wara dakinhar, miżura li teskludi l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni estiż previst fl-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni. Fit-22 ta’ Ġunju 2004, il-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 li kienet tinkludi din il-miżura fl-Artikolu 320 tagħha rċeviet l-approvazzjoni rjali u dan l-artikolu daħal fis-seħħ b’mod retroattiv fit-8 ta’ Settembru 2003, u għalhekk japplika għar-rikors tal-grupp Aegis.

23.      Wara s-sentenza DMG, li kienet sfavorevoli għall-awtoritajiet fiskali Brittaniċi, ir-Renju Unit talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tiftaħ mill-ġdid l-eżami tal-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C-446/04, sabiex jikseb limitu tal-effetti ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-ewwel talba.

24.      Fis-6 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-talba u, fl-istess ġurnata, il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs ħabbru d-deċiżjoni tagħhom li jipproponu lill-Parlament li jħassar b’mod retroattiv, b’xi eċċezzjonijiet, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikorsi Kleinwort Benson, li jinkludi dawk ippreżentati qabel it-8 ta’ Settembru 2003. Dan huwa dak li ġara. Il-Liġi dwar il-finanzi tal-2007, li rċeviet l-approvazzjoni rjali u daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2007, tipprovdi fl-Artikolu 107 tagħha li l-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni ma japplikax għar-rikorsi li jirrigwardaw talba għal taxxi mħallsa minħabba żball ta’ liġi, u l-eċċezzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 107 ma għandhom ebda rilevanza għall-kawża prinċipali.

25.      Ir-regola li tinsab f’dan l-istess artikolu kienet għalhekk applikabbli għar-rikors ippreżentat mit-Test Claimants, minbarra l-grupp Aegis, u li jifformaw parti mill-grupp British American Tobacco.

26.      Fit-30 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea stiednet uffiċjalment lir-Renju Unit jemenda l-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2007 sabiex jirrendih konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda dan l-Istat Membru rrifjuta. Għalhekk, fis-26 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiftaħ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit dwar dan il-punt, iżda ebda proċedura ma nbdiet waqt l-istennija tas-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom dwar din il-kwistjoni (15).

27.      Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Mejju 2012, li hija l-oriġini ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti tal-aħħar iddeċidiet unanimament li l-imsemmi Artikolu 107 kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax dak l-artikolu u l-effett tiegħu fuq ir-rikorsi ppreżentati mill-kumpanniji tal-grupp British American Tobacco, iżda tirrigwarda biss l-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 li jaffettwa biss ir-rikors tal-grupp Aegis (16).

28.      Peress li s-Supreme Court of the United Kingdom waslet għal konklużjonijiet diverġenti fuq il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 mad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, persuna taxxabbli tista’ tagħżel bejn żewġ rimedji alternattivi sabiex titlob il-ħlas lura ta’ taxxi miġbura bi ksur tal-Artikoli 49 u 63 TFUE u meta wieħed minn dawn ir-rimedji għandu terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-fatt li dan l-Istat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tnaqqas dan it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal mingħajr avviż minn qabel u b’effett retroattiv mid-data tal-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida proposta, huwa kompatibbli mal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

2)      Il-fatt li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors mill-persuna taxxabbli li qed tinvoka r-rimedju li għandu terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-possibbiltà li dan ir-rimedju jintuża abbażi tad-dritt nazzjonali kienet ġiet irrikonoxxuta biss i) reċentement u ii) minn qorti inferjuri u li kien biss sussegwentement li ġiet ikkonfermata b’mod definittiv mill-ogħla qorti, jaffettwa r-risposta mogħtija għall-ewwel domanda?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2012. Il-kumpanniji tal-grupp Aegis, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2013.

V –    Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

30.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tnaqqis b’mod retroattiv u mingħajr avviż minn qabel tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikors Kleinwort Benson għar-rimbors ta’ taxxi mħallsa indebitament huwiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

31.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju issemmi t-tliet prinċipji separatament, jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-inkompatibbiltà ma’ wieħed biss minn dawn il-prinċipji huwa suffiċjenti sabiex jirrendi l-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm, fl-analiżi tiegħi, jiena ser nieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jiena naħseb li, f’din il-kawża, il-prinċipju ta’ effettività huwa r-regola li tapplika bl-iktar mod dirett (17).

1.      Fuq il-prinċipju ta’ effettività

32.      Fl-ewwel kawża Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, il-High Court ressqet, fost oħrajn, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorsi ppreżentati mit-Test Claimants għandhomx ikunu kklassifikati bħala rimedji għal ħlas lura ta’ ammonti indebitament miġbura jew ta’ vantaġġi indebitament rifjutati jew, min-naħa l-oħra, bħala rimedji għall-kumpens ta’ danni inkorsi.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “huwa l-kompitu tas-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, inkluż il-kwalifikazzjoni ta’ azzjonijiet imressqa mill-persuni leżi quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati huma madankollu obbligati jassiguraw li l-individwi jiddisponu minn rimedju legali effettiv li jagħtihom l-opportunità jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura u ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat Membru jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa” (18).

34.      Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tiegħu, it-Trattat ta’ Lisbona kkodifika l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw “protezzjoni legali effettiva” (19).

35.      Huwa f’dan il-kuntest ġuridiku li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk il-kumpanniji tal-grupp Aegis ibbenefikawx minn “protezzjoni legali effettiva” fit-talba tagħhom għar-rimbors tal-ACT imposta fuqhom kontra d-dritt tal-Unjoni.

36.      Skont Lord Walker li esprima l-opinjoni prinċipali tal-maġġoranza tas-Supreme Court of the United Kingdom f’din il-kawża, din tal-aħħar taqa’ taħt il-ġurisprudenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, fejn, fir-rigward ta’ miżura ekwivalenti għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki jekk “il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tnaqqas it-terminu li fih jintalab ir-rimbors ta’ ammonti mħallsa bi ksur tad-dritt [tal-Unjoni], dan huwa suġġett għall-kundizzjoni mhux biss li t-terminu l-ġdid stabbilit ikun ta’ natura raġonevoli, iżda wkoll li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi sistema tranżitorja li tippermetti li l-individwi jkollhom terminu suffiċjenti, wara l-adozzjoni tagħha, sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw it-talbiet għar-rimbors li huma kellhom dritt jippreżentaw taħt il-leġiżlazzjoni l-antika. Tali sistema tranżitorja hija neċessarja peress li l-applikazzjoni immedjata għal dawn it-talbiet ta’ terminu ta’ preskrizzjoni iqsar minn dak preċedentement fis-seħħ ikollha l-effett li ċċaħħad b’mod retroattiv lil ċerti individwi mid-dritt tagħhom għal rimbors jew li tħallilhom terminu qasir wisq sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom” (20) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37.      Minn dan Lord Walker ikkonkluda li l-assenza ta’ sistema tranżitorja flimkien mal-portata retroattiva tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 kienet tikser il-prinċipju ta’ effettività (21).

38.      Għall-kuntrarju, skont Lord Sumption, li esprima l-opinjoni prinċipali tal-minoranza tas-Supreme Court of the United Kingdom, il-kumpanniji tal-grupp Aegis kellhom, matul il-proċedura kollha, rimedju legali effettiv sabiex jiksbu l-ħlas lura ta’ taxxa indebitament imħallsa, jiġifieri r-rimedju Woolwich, li kien jissodisfa b’mod sħiħ l-obbligi imposti fuq ir-Renju Unit mit-Trattat FUE, minkejja l-fatt li dan kien suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni differenti li jibda jiddekorri mid-data tal-ħlas tat-taxxa indebita (22).

39.      Lord Sumption għamel distinzjoni bejn il-kawża li tat lok għas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, u din il-kawża fis-sens li Marks & Spencer plc kellha biss, sabiex titlob ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa indebitament, rimedju legali effettiv wieħed li t-terminu ta’ preskrizzjoni tiegħu ġie sussegwentement imqassar, filwaqt li, f’dan il-każ, il-kumpanniji tal-grupp Aegis kellhom dejjem rimedju effettiv ieħor li t-terminu ta’ preskrizzjoni tiegħu ma kienx affettwat mill-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004, jiġifieri r-rimedju Woolwich (23). Għal dik ir-raġuni, Lord Sumption ikkunsidra li l-eżistenza u d-disponibbiltà tar-rimedju Woolwich kien suffiċjenti sabiex jiżgura l-osservanza tal-obbligi tar-Renju Unit taħt id-dritt tal-Unjoni (24).

40.      Hija din id-diverġenza fl-opinjonijiet bejn il-maġġoranza u l-minoranza tas-Supreme Court of the United Kingdom li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004. Għalhekk hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi jekk l-ġurisprudenza tagħha Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, tkoprix ukoll każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, żewġ rimedji legali huma miftuħa għar-rikorrent u fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali qassret b’mod retroattiv, u mingħajr ma pprovdiet sistema tranżitorja, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ dak ir-rimedju minn dawn it-tnejn li diġà ntgħażel mir-rikorrent.

41.      Il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit hija li r-rimedju Woolwich jikkostitwixxi għall-kumpanniji tal-grupp Aegis rimedju legali effettiv b’mod sħiħ sabiex jirkupraw taxxi imposti jew miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, u li l-emenda tat-terminu ta’ preskrizzjoni introdotta bl-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 ma għandha ebda effett fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-rimedju.

42.      Min-naħa tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Aegis huma tal-opinjoni li din il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq. Huma jsostnu li l-ksur tal-prinċipju ta’ effettività f’dik is-sentenza kien jirriżulta mhux mill-fatt li ma ngħatax rimedju legali effettiv għall-ħlas lura tal-VAT imħallsa illegalment jew mill-fatt li ma ġiex previst terminu raġonevoli, iżda mill-fatt li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors abbażi tad-dritt nazzjonali bil-għan li tiġi rrimborsata l-VAT miġbura illegalment kien tqassar mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv, u ssorprenda lill-persuni taxxabbli u ċaħħadhom milli jippreżentaw fil-ħin rikorsi b’riferiment għal ċerti perijodi preċedenti.

43.      Min-naħa tagħha, anki jekk hija taqbel mal-pożizzjoni sostnuta mill-awtoritajiet fiskali Brittaniċi fis-sens li r-rimedju Woolwich jikkostitwixxi rimedju legali effettiv, il-Kummissjoni tqis li dan ma jfissirx li r-rimedju legali l-ieħor jista’ jiġi abolit mingħajr avviż minn qabel permezz ta’ emenda tat-termini ta’ preskrizzjoni (25). F’dan is-sens, il-Kummissjoni tosserva li l-paralleliżmu mal-kawża Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, huwa partikolarment qawwi u hija ma tara ebda raġuni li tiġġustifika konklużjoni differenti minn dik adottata fl-imsemmija kawża, jiġifieri li l-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 jikser il-prinċipju ta’ effettività.

44.      Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, il-kumpanniji tal-grupp Aegis kif ukoll il-Kummissjoni huma korretti meta jissuġġerixxu li l-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

45.      Huwa minnu li l-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġix li l-Istati Membri jistabbilixxu iktar minn rimedju legali wieħed sabiex jippermettu lill-individwi jissalvagwardaw id-drittijiet li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

46.      Effettivament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jitlob sempliċement li l-Istati Membri jistabbilixxu “ir-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”. Dan l-obbligu jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, u jippermettilhom jiddefinixxu r-regoli proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet li għandhom l-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni (26).

47.      Madankollu, jekk, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, Stat Membru jipprovdi diversi rimedji legali lill-individwi, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi li kull wieħed minnhom jiżgura protezzjoni legali effettiva, u rimedju legali jista’ joffri protezzjoni “effettiva” biss jekk il-kundizzjonijiet li fihom huwa jista’ jintuża u jagħti riżultat ikunu magħrufa minn qabel.

48.      Fil-fatt, malli persuni taxxabbli jagħżlu wieħed mir-rimedji legali nazzjonali offruti mid-dritt nazzjonali (f’dan il-każ ir-rimedju Kleinwort Benson) jew jużaw l-uniku rimedju legali nazzjonali disponibbli, huma għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

49.      L-emenda, b’effett retroattiv u mingħajr ma tipprovdi sistema tranżitorja, permezz tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004, tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal rimedju legali, li seta’ jintgħażel mill-individwi, tirrendi għalhekk impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni.

50.      Il-fatt li huma setgħu għażlu rimedju legali ieħor, perfettament konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, ma jagħmel ebda differenza f’dan ir-rigward. Madankollu, li kieku l-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit kellha tkun approvata, Stat Membru jkollu dejjem il-possibbiltà li jħalli rikorrent jagħżel ir-rimedju li jaqbillu l-iktar u, imbagħad, jemenda, mingħajr avviż minn qabel u mingħajr ma jipprovdi sistema tranżitorja, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rimedju diġà magħżul jista’ jirnexxi. Dan ir-riżultat ixejjen il-prinċipju ta’ effettività u għalhekk ma jistax ikun aċċettat.

51.      Kif jirrimarka barra minn hekk Lord Walker, il-fatt li l-kumpanniji tal-grupp Aegis ma setgħux jilmentaw li kieku l-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni qatt ma eżista, ma huwiex deċiżiv għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività (27). Dan kien ikun il-każ ukoll li kieku r-rimedju Kleinwort Benson qatt ma eżista.

52.      Nispeċifika li r-Renju Unit ma huwiex ikkritikat talli qassar it-terminu ta’ preskrizzjoni għar-rimedju Kleinwort Benson, iżda, kif isostnu l-kumpanniji tal-grupp Aegis, talli għamel dan b’effett retroattiv b’mod li affettwa r-rikorsi pendenti u mingħajr ma pprovda sistema tranżitorja kif tistabbilixxi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq. Hija ġurisprudenza stabbilita li “leġiżlatur nazzjonali ma jistax jadotta, wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li leġiżlazzjoni partikolari hija inkompatibbli mat-Trattat, regola proċedurali li tnaqqas b’mod speċifiku l-possibbiltajiet ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ taxxi li nġabru indebitament permezz ta’ dik il-leġiżlazzjoni” (28) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

53.      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ rimedju legali wieħed jew tnejn fil-kawża Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, ma għandhiex effett fuq din il-kawża għax il-garanziji tal-prinċipju ta’ effettività japplikaw għal kull rimedju legali li d-dritt nazzjonali jqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti għar-rimbors ta’ taxxi li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

54.      Din il-konklużjoni tinsab ukoll f’kawżi simili deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rigward ta’ sistema ta’ tassazzjoni li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital, iddeċidiet li “l-eżistenza ta’ għażla li eventwalment tippermetti li sitwazzjoni ssir kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex l-effett li tirrimedja, waħedha, in-natura illegali ta’ sistema, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni kkontestata, li tinkludi mekkaniżmu ta’ tassazzjoni mhux kompatibbli ma’ dan id-dritt” (29). Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ rimedju legali li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività flimkien ma’ ieħor li ma jmurx kontrih, ma jistax jeskludi l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-ewwel rimedju legali.

55.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-maġġoranza tas-Supreme Court of the United Kingdom li l-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

56.      Għalkemm din il-konklużjoni hija biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004, jiena madankollu ser neżamina din id-domanda mil-lenti tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-ewwel konklużjoni tiegħi ser tkun b’hekk imsaħħa.

2.      Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

57.      Kif tispjega l-Kummissjoni, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jikkoinċidu ħafna.

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu, fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni, jistabbilixxu termini raġonevoli taħt piena ta’ dekadenza fil-konfront tar-rimedji legali (30).

59.      Fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, “il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni] u għandu jiġi osservat mill-Istati Membri meta huma jimplementaw leġiżlazzjonijiet [tal-Unjoni]” (31) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi li emenda għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad lill-persuna taxxabbli, b’effett retroattiv, minn dritt għal tnaqqis li huwa kiseb abbażi [tad-dritt tal-Unjoni]” (32) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

60.      Skont Lord Sumption, u l-Gvern tar-Renju Unit li jaqbel miegħu, l-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 huwa konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (33). Lord Sumption ikkunsidra li l-kumpanniji tal-grupp Aegis ma setax kellhom aspettattivi leġittimi fiż-żamma tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom ir-rimedju Kleinwort Benson kien miftuħ permezz tas-sentenza DMG.

61.      B’mod iktar preċiż, Lord Sumption jitlaq mill-prinċipju li, filwaqt li l-qrati Ingliżi jistgħu joħolqu azzjonijiet ġodda, l-istabbiliment tat-termini ta’ preskrizzjoni jibqa’ prerogattiva tal-Parlament. Huwa jqis li l-fatt li l-intervall bejn l-għoti tas-sentenza DMG fit-18 ta’ Lulju 2003 u t-tħabbir tal-adozzjoni tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 fit-8 ta’ Settembru 2003 kien qasir, iċ-ċertezza li l-amministrazzjoni fiskali kienet ser tappella mill-imsemmija sentenza u l-inċertezza tal-eżitu ta’ dan l-appell kienu jimplikaw li l-kumpanniji tal-grupp Aegis ma setgħu jibbażaw ebda aspettattivi leġittimi fuq il-persistenza tar-rimedju Kleinwort Benson.

62.      Fl-opinjoni tiegħu u tal-Gvern tar-Renju Unit, bl-adozzjoni tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004, il-Parlament għalhekk uża b’mod leġittimu l-prerogattiva tiegħu li jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni għal dak li f’dak iż-żmien kien rimedju legali ġdid għar-rimbors ta’ taxxi mħallsa minħabba żball ta’ liġi, li kien għadu kemm ġie rrikonoxxut permezz tas-sentenza DMG tat-18 ta’ Lulju 2003. Fuq din il-bażi, waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit ipprova jerġa’ jagħmel distinzjoni bejn din il-kawża u l-kawża Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda, fl-opinjoni tiegħu, l-abolizzjoni ta’ rimedju legali diġà eżistenti fid-dritt Ingliż.

63.      Barra minn hekk, Lord Sumption, sostnut ukoll fuq dan il-punt mill-Gvern tar-Renju Unit, jikkontesta l-argument tal-maġġoranza tas-Supreme Court of the United Kingdom li skontu l-kumpanniji tal-grupp Aegis kellhom l-għażla bejn ir-rimedji Woolwich u Kleinwort Benson minħabba l-effett dikjaratorju tas-sentenzi, li jimplika li sentenza tiddikjara l-istat tad-dritt kif dejjem kien, minkejja l-inċertezza li l-individwi jista’ jkollhom qabel ma tingħata.

64.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-argument li skontu, qabel is-sentenza Kleinwort Benson tal-House of Lords, ħadd ma seta’ jistenna b’mod leġittimu li jinfetaħ rimedju legali għall-azzjonijiet għall-ħlas lura intiżi għall-irkupru ta’ taxxi mħallsa fil-kuntest ta’ żball ta’ liġi, ma huwiex rilevanti. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni hija dwar x’setgħu stennew il-persuni taxxabbli wara l-imsemmija sentenza u immedjatament qabel it-tħabbir uffiċjali tal-introduzzjoni tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004. Skont il-Kummissjoni, sakemm il-Court of Appeal (England & Wales) u l-House of Lords ma ddeċidewx mod ieħor, il-persuni taxxabbli kellhom dritt jikkunsidraw li r-rimedju legali inwkistjoni kien miftuħ għalihom.

65.      Fl-opinjoni tiegħi, il-pożizzjoni ta’ Lord Sumption u tal-Gvern tar-Renju Unit hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

66.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew tistabbilixxi l-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih issir id-domanda preliminari, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju (34).

67.      Ma hijiex għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina l-istat tad-dritt Ingliż u lanqas li tiddeċiedi jekk huwiex neċessarju li tiġi segwita t-teorija tal-effett dikjaratorju tas-sentenzi kif aċċettata mill-maġġoranza tas-Supreme Court of the United Kingdom. Il-punt tat-tluq tal-analiżi tiegħi huwa li, kif taċċetta l-maġġoranza ta’ din il-qorti tal-aħħar, il-kumpanniji tal-grupp Aegis kellhom, sad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004, l-għażla bejn ir-rimedji Woolwich u Kleinwort Benson sabiex jitolbu l-ACT imħallsa indebitament.

68.      L-iktar tard mid-data tal-għoti tas-sentenza DMG fit-18 ta’ Lulju 2003, id-dritt Ingliż irrikonoxxa, għall-finijiet tat-talba għar-rimbors ta’ taxxi indebitament imħallsa, id-disponibbiltà tar-rimedju Kleinwort Benson bit-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni.

69.      Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit insista ħafna fuq il-fatt li, fil-mument tal-għoti tas-sentenza DMG, ma kienx ċert li kienet ser tkun ikkonfermata fl-appell u li, għaldaqstant, f’dak il-mument, il-kumpanniji tal-grupp Aegis ma setgħux jibbażaw ruħhom b’mod leġittimu fuq l-eżitu finali pożittiv tar-rikors Kleinwort Benson tagħhom.

70.      Għall-kumpanniji tal-grupp Aegis, dik ma kinitx il-kwistjoni. Għall-kuntrarju, huma jsostnu li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħhom, fit-8 ta’ Settembru 2003, huma setgħu b’mod leġittimu jistennew li dan tal-aħħar jiġi deċiż mill-qrati Ingliżi abbażi tad-dritt fis-seħħ fid-data meta huma ppreżentaw l-imsemmi rikors.

71.      Dwar dan il-punt, jiena naqbel mal-opinjoni ta’ Lord Hope u ta’ Lord Reed li l-kumpanniji tal-grupp Aegis kellhom id-dritt li jistennew, skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li ma jiġux imċaħħda minn dan id-dritt permezz ta’ liġi li, ħafna xhur wara l-preżentata tar-rikors inkwistjoni, emendat it-terminu ta’ preskrizzjoni, u dan mingħajr avviż minn qabel u b’effett retroattiv (35).

72.      Fit-talba tiegħu għal seduta, il-Gvern tar-Renju Unit għamel riferiment għall-ammonti inkwistjoni f’din il-kawża. Huwa qies li t-talba għar-rimbors tal-kumpanniji tal-grupp Aegis tammonta għal tal-inqas GBP 2 biljuni u li l-konsegwenzi finanzjarji għall-awtoritajiet fiskali fil-konfront ta’ rikorrenti oħra se jammontaw għal diversi biljuni ta’ liri sterlini. Iqajjem għalhekk kwistjoni ta’ protezzjoni tal-interess ġenerali sabiex jiġi evitat taqlib fil-finanzi pubbliċi.

73.      Dan l-argument ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni jekk mhux billi jiġi ttrattat b’mod differenti r-rimbors ta’ taxxi mħallsa indebitament skont jekk jirrappreżentax ammonti sinjifikattivi jew le, peress li meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat it-taxxi inkwistjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ma llimitatx ratione temporis l-effetti tal-ġurisprudenza tagħha.

74.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi (36). Dan l-obbligu għandu biss eċċezzjoni waħda, fil-każ fejn it-totalità tal-piż fiskali tkun ingħaddiet lil terz u fejn ir-rimbors tagħha jwassal sabiex persuna taxxabbli tgawdi arrikkiment indebitu (37). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

75.      Barra minn hekk, fis-sentenza reċenti tagħha Irimie u Littlewoods Retail et, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq is-sentenzi tagħha ċċitati iktar ’il fuq Metallgesellschaft et, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, u ddeċidiet li l-Istati Membri kienu obbligati jħallsu lura, bl-interessi, l-ammonti ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (38).

76.      Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li, meta, skont id-dritt ta’ Stat Membru, persuna taxxabbli tista’ tagħżel bejn żewġ rimedji legali sabiex titlob il-ħlas lura ta’ taxxi miġbura bi ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE u meta wieħed minn dawn ir-rimedji jgawdi minn terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru adottata wara l-preżentata ta’ dak ir-rikors li tqassar dak it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal, u dan mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

77.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-fatt li, fil-mument meta l-kumpanniji tal-grupp Aegis ippreżentaw ir-rikors Kleinwort Benson tagħhom, jiġifieri fit-8 ta’ Settembru 2003, il-possibbiltà li jintuża dan ir-rimedju legali kien ġie rrikonoxxut biss reċentement (f’dan il-każ permezz tas-sentenza DMG), minn qorti inferjuri [(f’dan il-każ il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division)], u li dan kien ġie kkonfermat b’mod definittiv biss sussegwentement mill-ogħla awtorità ġudizzjarja (f’dan il-każ, fil-25 ta’ Ottubru 2006, mill-House of Lords) għandux xi effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari.

78.      Din it-tieni domanda hija b’mod evidenti marbuta mal-pożizzjoni meħuda minn Lord Sumption u Lord Brown li l-prinċipju applikabbli f’dan il-każ huwa dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Effettivament, ir-rimarki dwar il-prossimità tad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004 u tad-data tal-għoti tas-sentenza DMG kif ukoll dwar l-inċertezza fir-rigward tal-eventwali konferma tal-imsemmija sentenza mill-House of Lords huma marbuta mal-kwistjoni jekk, fil-kuntest ġuridiku nazzjonali kif kien fit-8 ta’ Settembru 2003, il-kumpanniji tal-grupp Aegis setgħux b’mod leġittimu jistennew li r-rimedju Kleinwort Benson ma kienx ser ikun imfixkel mill-imsemmi Artikolu 320.

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jiena ddedikajt għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara l-punti 65 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jiena tal-fehma li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv.

VI – Konklużjoni

80.      Għalhekk jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom bil-mod segwenti:

1)      Meta, skont id-dritt ta’ Stat Membru, persuna taxxabbli tista’ tagħżel bejn żewġ rimedji legali sabiex titlob il-ħlas lura ta’ taxxi miġbura bi ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE u meta wieħed minn dawn ir-rimedji jgawdi minn terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru adottata wara l-preżentata ta’ dak ir-rikors li tqassar dak it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal, u dan mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv.

2)      Il-fatt li, fil-mument meta l-kumpanniji tal-grupp Aegis ippreżentaw ir-rikors tagħhom bl-użu tar-rimedju legali li kien igawdi mill-itwal terminu ta’ preskrizzjoni, dan kien ġie rrikonoxxut biss (i) reċentement, (ii) minn qorti inferjuri, u li dan kien ġie kkonfermat b’mod definittiv biss sussegwentement mill-ogħla awtorità ġudizzjarja ma għandu ebda effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753).


3 – Ara s-sentenza Test Claimants Franked Investment Income Group Litigation vs The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs [2008] EWHC 2893 (Ch), [2009] STC 254.


4 – Ara s-sentenza Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue and another [2010] EWCA Civ 103.


5 – Ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11).


6 – Ara s-sentenza Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue and another [2012] UKSC 19 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Test Claimants FII (Nru 3)”.


7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325, punti 34 sa 47).


8 –      Is-sitwazzjoni nbidlet f’April tal-2010 bl-introduzzjoni, permezz tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2009 (Finance Act 2009), ta’ rimedju ġudizzjarju ġdid għar-rimbors ta’ taxxi mħallsa indebitament, b’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin. Dan ir-rimedju ġudizzjarju ġdid issostitwixxa r-rimedji ġudizzjarji “Woolwich” u “Kleinwort Benson” fil-qasam tal-ħlas lura tat-taxxi mħallsa indebitament.


9 – Ara s-sentenza Woolwich Equitable Building Society vs Inland Revenue Commrs [1993] AC 70 (HL).


10 – Ara l-punt 79 tal-opinjoni ta’ Lord Walker fis-sentenza Test Claimants FII (Nru 3).


11 – Ara s-sentenza Kleinwort Benson Ltd vs Lincoln City Council [1999] 2 AC 349 (HL).


12 – Ara s-sentenza Deutsche Morgan Grenfell plc vs Inland Revenue Commrs [2003] EWHC 1779 (Ch), [2003] 4 All ER 645 (iktar ’il quddiem is-“sentenza DMG”).


13 – Ara, f’dan is-sens, il-punti 28 sa 33 tal-opinjoni ta’ Lord Walker fis-sentenza Test Claimants FII (Nru 3). Ara wkoll, is-sentenza Deutsche Morgan Grenfell plc vs Inland Revenue Commrs [2006] UKHL 49, [2007] 1 AC 558, 564.


14 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001 (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727).


15 – Ara, f’dan is-sens, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2012 (IP/12/64).


16 – Waqt is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li hija ma kinitx ippreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara din is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2012, u li, sa fejn taf hi, ir-Renju Unit ma emendax l-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2007.


17 – Il-Gvern Spanjol biss jaħseb li din il-kawża tqajjem kwistjoni ta’ applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ekwivalenza u mhux tal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Jirriżulta b’mod ċar li r-regoli relattivi għar-rimedju Woolwich kif ukoll dawk applikabbli għar-rimedju Kleinwort Benson japplikaw għar-rimbors tat-taxxi kollha mħallsa indebitament, kemm jekk imorru kontra d-dritt intern kemm jekk imorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Ma tqum għalhekk ebda kwistjoni ta’ ekwivalenza.


18 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 220). Enfażi magħmula minni.


19 – Dan l-obbligu rriżulta diġà mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punti 39 u 41).


20 –      Sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).


21 – Ara l-punti 111 sa 115 tal-opinjoni ta’ Lord Walker fis-sentenza Test Claimants FII (Nru 3).


22 – Ara l-punt 142 tal-opinjoni ta’ Lord Sumption fis-sentenza Test Claimants FII (Nru 3).


23 –      Ibidem (punt 197). Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit insista fuq din id-distinzjoni, filwaqt li, għall-kuntrarju, il-kumpanniji tal-grupp Aegis sostnew li, fil-kawża Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrent kellu wkoll l-għażla bejn żewġ rimedji, jiġifieri wieħed għar-rimbors tal-VAT miġbura indebitament mill-awtoritajiet fiskali u l-ieħor għar-rimbors tal-VAT imħallsa mill-persuna taxxabbli minħabba żball ta’ liġi.


24 –      Ibidem (punt 199).


25 – Waqt is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li għalkemm il-Gvern tar-Renju Unit kellu bla dubju d-dritt li jqassar it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rimedju Kleinwort Benson sabiex jillimita r-responsabbiltà li għandu li jirrimborsa l-ACT miġbura indebitament, huwa kien obbligat jagħti perijodu ta’ grazzja lill-persuni taxxabbli sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw ir-rikorsi tagħhom. Skont il-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, perijodu ta’ xahrejn kien ikun biżżejjed sabiex dan l-obbligu jkun issodisfatt.


26 – Ara l-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Irimie (C-565/11).


27 – Ara l-punt 114 tal-opinjoni ta’ Lord Walker fis-sentenza Test Claimants FII (Nru 3).


28 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1988, Deville (240/87, Ġabra p. 3513, punt 13). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).


29 – Sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Beker u Beker (C-168/11, punt 62). Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 462), u tat-18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C-440/08, Ġabra p. I-2323, punt 53).


30 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


31 –      Sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44). Ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Krücken (316/86, Ġabra p. 2213, punt 22); tal-1 ta’ April 1993, Lageder et, (C-31/91 sa C-44/91, Ġabra p. I-1761, punt 33); tat-3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex (C-381/97, Ġabra p. I-8153, punt 26); kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2000, Schloßstrasse (C-396/98, Ġabra p. I-4279, punt 44).


32 –      Sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45). Ara wkoll is-sentenza Schloßstrasse, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).


33 –      Ara l-punti 200 sa 202 tal-opinjoni ta’ Lord Sumption fis-sentenza Test Claimants FII (Nru 3).


34 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35), u tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42).


35 – Ara l-punt 19 tal-opinjoni ta’ Lord Hope u l-punt 243 tal-opinjoni ta’ Lord Reed fis-sentenza Test Claimants FII (Nru 3).


36 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, Ġabra p. 3595, punt 12); Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 84), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 202).


37 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1980, Just (68/79, Ġabra p. 501, punt 26); tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis (C-441/98 u C-442/98, Ġabra p. I-7145, punt 33), kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et (C-147/01, Ġabra p. I-11365, punti 94 u 102).


38 – Sentenzi Irimie, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 u 22), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et (C-591/10, punti 25 u 26).