Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2014 (1)

Kawża C-48/13

Nordea Bank Danmark A/S

vs

Skatteministeriet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret [id-Danimarka])

“Leġiżlazzjoni fiskali — Libertà ta’ stabbiliment — Taxxa nazzjonali fuq id-dħul — Tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji affiljati — Tassazzjoni tal-attività ta’ stabbilimenti permanenti barranin ta’ kumpanniji nazzjonali — Prevenzjoni tat-taxxa doppja permezz tal-imputazzjoni tat-taxxa (metodu ta’ imputazzjoni) — Inkorporazzjoni mill-ġdid tat-telf preċedentement meħud inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment permanenti tal-grupp ta’ kumpanniji affiljati u ta’ eliminazzjoni tad-dritt tat-tassazzjoni”





1.        Għal darba oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża qed ikollha tittratta l-kwistjoni tat-tassazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji affiljati transkonfinali ta’ Stat Membru u l-kompatibbiltà tagħha mal-libertà ta’ stabbiliment. U għal darba oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qed ikollha tittratta l-ġustifikazzjoni tal-“ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri”, li rrikonoxxiet b’mod speċifiku għall-ewwel darba fis-Sentenza Marks & Spencer (2) u li l-portata tagħha għadha ma tidhirx li ġiet iċċarata biżżejjed.

2.        Huwa minnu li l-każijiet li tressqu huma iktar kumplessi. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mid-Danimarka tikkonċerna t-tassazzjoni konġunta ta’ kumpannija nazzjonali u tal-istabbilimenti permanenti tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħra. L-attivitajiet ta’ dawn l-istabbilimenti permanenti barranin fil-fatt jiġu ntaxxati bis-sħiħ mid-Danimarka. Minkejja dan, fl-istess ħin skont l-hekk imsejjaħ metodu ta’ imputazzjoni, it-taxxa mħallsa barra l-pajjiż tiġi akkreditata fuq it-taxxa Daniża. F’dan il-każ, l-istabbilimenti permanenti barranin madankollu għamlu biss telf. Dan it-telf meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ kumpannija nazzjonali minn issa għandu jiġi inkorporat mill-ġdid mad-dħul taxxabbli permezz ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali, minħabba li l-istabbilimenti fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji affiljati ġew ittrasferiti lil kumpanniji li ma humiex suġġetti għad-dritt tat-tassazzjoni tad-Danimarka.

3.        Din il-kawża, madankollu, ma tinvolvix każ speċifiku mhux tas-soltu li ma għandu l-ebda tifsira ġenerali. Huwa pjuttost joffri l-possibbiltà li tkompli tiġi żviluppata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ telf transkonfinali inġenerali, flimkien mal-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni b’mod partikolari.

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        Fir-Renju tad-Danimarka, tiġi imposta taxxa fuq il-qligħ tal-kumpanniji li jkunu residenti fit-territorju nazzjonali.

5.        Jekk kumpannija partikolari jkollha stabbiliment permanenti li jkun jinsab fi stat Nordiku ieħor (l-Isvezja, il-Finlandja jew in-Norveġja), ir-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim Nordiku dwar it-taxxa doppja tal-kumpanniji, jista’ jintaxxa wkoll parti mill-qligħ li jista’ jiġi applikat lil dan l-istabbiliment barrani. Madankollu, skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim, it-taxxa imposta barra mid-Danimarka fuq l-attivitajiet tal-istabbiliment permanenti għandha titnaqqas mit-taxxa Daniża, sal-ammont tat-taxxa applikata fid- Danimarka għall-qligħ tal-istabbiliment permanenti.

6.        Skont il-liġi fis-seħħ rilevanti għall-kawża prinċipali, fil-kalkolu tat-taxxa Daniża għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-qligħ u t-telf ta’ stabbilimenti permanenti barranin ta’ kumpanniji nazzjonali.

7.        Madankollu, f’każijiet partikolari, tkun awtorizzata korrezzjoni tat-telf li jkun ittieħed inkunsiderazzjoni. L-Artikolu 33D(5) tal-Ligningslov (Liġi dwar l-istabbiliment ta’ taxxa tal-Istat fuq id-dħul) jipprovdi dan li ġej:

“Fil-każ ta’ trasferiment totali jew parzjali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab f’pajjiż barrani [...] lil kumpannija li tifforma parti mill-istess grupp [...], it-telf imnaqqas li ma kienx ikkumpensat minn qligħ sussegwenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fid-dikjarazzjoni tad-dħul taxxabbli indipendentement mill-metodi użati għall-irkupru ta’ taxxi. […]”

8.        Skont id-digriet tal-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni kienet tapplika biss meta l-kumpannija affiljata li tagħmel l-akkwist ma kinitx intaxxata b’mod konġunt mal-kumpannija ċedenti. Skont il-ġustifikazzjoni tal-abbozz ta’ liġi rilevanti, din id-dispożizzjoni għandha tipprekludi sitwazzjoni fejn kumpanniji Daniżi għall-ewwel ikunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni t-telf tal-istabbilimenti permanenti barranin li l-qligħ tagħhom ikun qed jonqos u mbagħad iktar tard, ladarba dawn jibdew irendu l-qligħ, isir trasferiment lil kumpannija barranija affiljata, sabiex dan il-qligħ ma jkunx jista’ jiġi ntaxxat fid-Danimarka.

II – Il-kawża prinċipali

9.        Il-kumpannija Nordea Bank Danmark A/S hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Din hija s-suċċessur legali ta’ bank, li fis-sena 2000 ingħaqad ma’ bank Svediż, Finlandiż u Norveġiż sabiex jifforma l-Grupp Nordea.

10.      Fis-snin 1996 u 1997 sa 2000 rispettivament, il-predeċessur legali kien għad għandu stabbilimenti permanenti fl-għamla ta’ fergħat tal-bank fl-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja. Dawn il-fergħat tal-bank ġarrbu telf fis-snin kollha. Għalhekk b’kollox tnaqqsu DKK 204 402 324 — li skont ir-rata attwali jikkorrispondu għal madwar EUR 27 miljun — mill-bażi tat-taxxa Daniża.

11.      Minħabba l-istabbiliment tal-Grupp Nordea dawn il-fergħat tal-bank ingħalqu. Madwar nofs l-impjegati ttieħdu minn kumpanniji Svediżi, Finlandiżi u Norveġiżi, li kienu jappartjenu għall-Grupp Nordea, u l-istess ġara għal parti mill-klijenti. It-telf imġarrab qabel mill-istabbilimenti permanenti ma setax jibqa’ jiġi invokat mill-kumpanniji li jeżegwixxu t-trasferiment fil-qafas tat-tassazzjoni tagħhom.

12.      L-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi qiesu dawn il-proċedimenti bħala trasferiment parzjali tal-istabbilimenti lil kumpanniji affiljati skont l-Artikolu 33D(5) tal-Ligningslov. Għaldaqstant huma żiedu l-bażi tat-taxxa għas-sena 2000 għall-ammont tat-telf li kien ġie invokat fis-snin ta’ qabel. Fil-fehma tan-Nordea Bank Danmark, din id-dispożizzjoni tikser kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-Ftehim ŻEE.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Sadanittant, Østre Landsret, li quddiemha hija pendenti l-kawża, ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 27 TFUE:

L-Artikolu 49 TFUE flimkien mal-Artikolu 54 TFUE (li qabel kienu l-Artikolu 43 u l-Artikolu 48 KE), kif ukoll l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE flimkien mal-Artikolu 34 tiegħu jipprekludu lil Stat Membru, li ppermetta li kumpannija residenti tnaqqas b’mod regolari t-telf sostnut minn stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, milli jinkorpora mill-ġdid mad-dħul taxxabbli tal-imsemmija kumpannija t-telf kollu tal-istabbiliment permanenti (sa fejn dan ma ġiex paċut bi profitti fis-snin sussegwenti) meta l-istabbiliment permanenti ma jibqax jeżisti minħabba l-fatt li parti mill-attivitajiet tiegħu kienet ġiet ittrasferita lil kumpannija li tifforma parti mill-istess grupp u li hija stabbilita fl-istess Stat Membru tal-istabbiliment permanenti, u meta l-possibbiltajiet kollha tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi telf għandhom jiġu meqjusa bħala eżawriti?

14.      Fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Nordea Bank Danmark, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – L-analiżi ġuridika

15.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tikkjarifika l-punt dwar jekk l-inkorporazzjoni mill-ġdid mad-dħul taxxabbli tat-telf tal-istabbiliment permanenti barrani deskritta fil-qafas tat-tassazzjoni Daniża fuq il-qligħ ta’ kumpanniji nazzjonali hijiex konsistenti mad-dritt tal-libertà ta’ stabbiliment previst fil-Ftehim tal-KE u l-Ftehim ŻEE, applikabbli għall-kawża prinċipali.

16.      Għalhekk f’dan il-każ ma għandhiex issir distinzjoni bejn l-eżami ta’ ksur kontra l-libertà ta’ stabbiliment ta’ kumpannija fl-Istati Membri, li huwa evalwat skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 48 KE, u fir-Renju tan-Norveġja, li għalih japplikaw l-Artikolu 31 u l-Artikolu 34 tal-Ftehim ŻEE. Dan minħabba li ż-żewġ dispożizzjonijiet jipprekludu r-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment bl-istess mod (3).

17.      Flimkien mal-partijiet kollha f’din il-proċedura jien l-ewwel nett tal-fehma li f’dan il-każ ġiet iddeterminata restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

18.      Il-libertà ta’ stabbiliment tagħti lil kumpannija, fost affarijiet oħrajn, id-dritt li teżerċita l-attività tagħha fi Stati Membri oħra permezz ta’ fergħat (4). Anki l-Istat Membru tad-domiċilju ta’ kumpannija huwa essenzjalment prekluż milli jostakola l-libertà ta’ stabbiliment tagħha fi Stat Membru ieħor (5). Tali restrizzjoni tkun teżisti meta jiġi ddeterminat li stabbiliment ikun ġie ttrattat ħażin u b’mod differenti fi Stat Membru ieħor meta mqabbel ma’ stabbiliment fit-territorju nazzjonali (6).

19.      Fir-Renju tad-Danimarka, il-kumpanniji b’fergħat barranin u wħud b’fergħat lokali huma ttrattati b’mod differenti skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3 D(5) tal-Ligningslov. Meta kumpannija Daniża topera fergħa lokali u din tiġi ttrasferita lil kumpannija affiljata li ma tkunx intaxxata fid-Danimarka, dan it-telf preċedentement ikkunsidrat ta’ din il-fergħa lokali ma jiġix aġġustat b’mod differenti għal dak ta’ fergħa barranija. Konsegwentement, l-operat ta’ fergħa fi Stat Membru ieħor huwa żvantaġġat mil-lat fiskali.

20.      Skont il-ġurisprudenza, madankollu tali trattament sfavorevoli u differenti huwa kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment meta jkun jikkonċerna sitwazzjonijiet li ma jkunux jistgħu jitqabblu b’mod oġġettiv (ara taħt A), jew meta jkun ġustifikabbli minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara taħt B) (7).

A –    Dwar il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet

21.      Tradizzjonalment, l-ewwel kien jiġi evalwat jekk il-kumpanniji b’fergħa nazzjonali u dawk b’fergħa fi Stat Membru ieħor jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli b’mod oġġettiv, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (8).

22.      Għalkemm fil-passat wettaqt tali evalwazzjonijiet (9), issa jidhirli li għandi neskludi tali approċċ (10). Dan għaliex minn naħa la hija possibbli distinzjoni tal-eżami ta’ motiv ta’ ġustifikazzjoni, u lanqas ma jeżistu kriterji rikonoxxibbli, f’liema każijiet il-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi miċħuda kompletament. Min-naħa l-oħra, din id-determinazzjoni tipprekludi wkoll bilanċ xieraq bejn il-libertà fundamentali u r-raġuni partikolari għal trattament differenti.

23.      Ir-rekwiżit tal-paragunabbiltà oġġettiva jista’ jitqies li huwa fdal dommatiku miż-żmien meta l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas tal-libertà ta’ stabbiliment, kienet taċċetta biss ġustifikazzjonijiet espressament previsti fil-kuntratt (11). Jeżistu ħafna raġunijiet li huma validi mill-perspettiva ta’ Stat Membru għal trattament differenti ta’ kwistjonijiet nazzjonali u transkonfinali, li għalhekk jistgħu jiġu diskussi biss fil-kuntest tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet.

24.      Madankollu, permezz tar-rikonoxximent tal-Qorti anki ta’ ġustifikazzjoni mhux bil-miktub, irriżultat sitwazzjoni ġdida. Ir-raġunijiet għal trattament differenti minn issa ’l quddiem huma kkunsidrati b’mod regolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ diversi ġustifikazzjonijiet rikonoxxuti, jew li f’xi każijiet għad iridu jiġu rikonoxxuti fil-ġejjieni. Għaldaqstant, ma hijiex sorpriża li l-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet fejn twettaq b’serjetà l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet essenzjalment teżamina l-istess ħaġa li iktar tard tkun se terġa’ teżamina mil-lat tal-ġustifikazzjoni (12).

25.      F’dan il-kuntest, b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni fiskali, l-intensità tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet reċentement irriżultat differenti ħafna. Għalhekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien hemm paragunabbiltà oġġettiva sempliċement minħabba li kien hemm intenzjoni ta’ vantaġġ fiskali fiż-żewġ sitwazzjonijiet (13); u min-naħa l-oħra, f’każijiet oħra, is-sistema fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni kienet analizzata fid-dettall (14). Madankollu, jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi kompletament l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet (15) u tikkonstata l-paragunabbiltà sempliċiment mingħajr ġustifikazzjoni (16).

26.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi ddeterminat, b’mod ġenerali, f’liema ċirkustanzi differenza bejn is-sitwazzjonijiet imqabbla għandha teskludi l-paragunabbiltà oġġettiva tagħhom. F’dan il-każ, bħala eżempju, għandu jiġi nnotat li s-sitwazzjoni ta’ fergħa barranija u ta’ waħda nazzjonali huma oġġettivament differenti, għaliex huwa biss fil-każ tat-tassazzjoni ta’ fergħa barranija li tiġi imposta t-taxxa barranija li għandha tiġi mnaqqsa mit-taxxa Daniża. Bis-saħħa ta’ liema kriterji għandu jiġi deċiż jekk dan jinvolvix differenza rilevanti fir-rigward tal-aġġustament tat-telf meħud inkunsiderazzjoni?

27.      Jekk ikun definittivament ikkonstatat li s-sitwazzjonijiet ma humiex oġġettivament paragunabbli, dan ikun jostakola l-verifika tal-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament bejn is-sitwazzjonijiet nazzjonali u s-sitwazzjonijiet transkonfinali. Għaldaqstant, bilanċ xieraq bejn l-għanijiet li huma relatati mal-libertà fundamentali u dawk li fuqhom hija bbażata r-raġuni għad-differenzazzjoni bejn sitwazzjoni nazzjonali u sitwazzjoni transkonfinali, ma jkunx iktar possibbli. Huwa biss meta tiġi kkunsidrata r-raġuni għal trattament differenti fil-qafas ta’ evalwazzjoni ta’ ġustifikazzjoni li tista’ tiġi ggarantita soluzzjoni bbilanċjata.

28.      Konsegwentement, meta la jkun hemm ħtieġa għal evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet, u lanqas din l-evalwazzjoni ma twassal għal riżultati xierqa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinunzjaha fil-futur. B’hekk il-kwalifika ta’ trattament differenti għandha tiġi eżaminata biss skont tkunx teżisti raġuni li tista’ tiġġustifika t-trattament differenzjat b’mod proporzjonali.

B –    Il-ġustifikazzjoni

29.      Konsegwentement, it-trattament differenti li huwa ta’ żvantaġġ għal fergħat barranin f’dan il-każ ma jikkostitwixxi l-ebda ksur kontra l-libertà ta’ stabbiliment prevista fil-Ftehim tal-KE u fil-Ftehim ŻEE, meta dan ikun iġġustifikat permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

30.      L-Istati Membri li kienu involuti fil-proċedura huma tal-fehma li teżisti tali ġustifikazzjoni. Huma jirreferu għall-motivi ta’ ġustifikazzjoni rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażati fuq il-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri (taħt il-punt 1), fuq iż-żamma tal-koerenza tas-sistema ta’ tassazzjoni (taħt il-punt 2) u fuq il-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa (taħt il-punt 3).

1.      It-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni

31.      Il-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huwa ġustifikazzjoni rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza stabbilita (17).

32.      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-inkorporazzjoni mill-ġdid tad-dħul huwa ġġustifikat b’dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni, flimkien mal-għan tal-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa. Fil-fatt, din hija intiża li tevita li grupp ta’ kumpanniji affiljati għall-ewwel jiddikjara t-telf ta’ stabbiliment barrani fid-Danimarka u mbagħad permezz tat-trasferiment tal-istabbiliment fi ħdan il-grupp jippermetti li l-qligħ jiġi ntaxxat fi Stat Membru ieħor li għandu iktar vantaġġi fiskali.

33.      L-Istati Membri l-oħra kkonċernati fil-proċedura jikkunsidraw il-motiv ta’ ġustifikazzjoni tal-preżervazzjoni tat-tqassim tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri, speċjalment mill-perspettiva tas-simetrija bejn il-kunsiderazzjoni tal-qligħ u tat-telf fl-istess Stat Membru, bħala kruċjali. Għalhekk, peress li t-trasferiment tal-istabbiliment permanenti barrani rrinunzja d-dritt tat-tassazzjoni mid-Danimarka, din is-simetrija ġiet imfixkla, minħabba li l-qligħ futur tal-istabbiliment ma huwiex se jiġi ntaxxat fid-Danimarka.

34.      Fil-kuntest ta’ dawn il-punti differenti, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat il-kontenut eżatt tal-ġustifikazzjoni tal-preżervazzjoni tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

35.      F’dan ir-rigward, għandha l-ewwel nett, issir distinzjoni bejn it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni nfisha u l-preżervazzjoni ta’ dan it-tqassim. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni ta’ kif għandha titqassam is-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri hija kwistjoni tal-Istati Membri stess. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji għat-tqassim tas-sovranità fiskali tagħhom (18).

36.      Huwa minnu li meta l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni għall-ewwel darba fis-sentenza Marks & Spencer, hija enfasizzat li t-tqassim ibbilanċjat tad-dritt tat-tassazzjoni jeħtieġ li jiġi ssalvagwardat (19), u tenniet dan il-punt ukoll kultant f’deċiżjonijiet sussegwenti (20).

37.      Fil-prinċipju, madankollu wieħed jista’ jippreżumi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qajmitx dubju dwar il-mod kif l-Istati Membri qassmu s-setgħa ta’ tassazzjoni bejniethom f’każ partikolari, u b’hekk huwa stabbilit il-“ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri” (21). Dan huwa preżunt anki f’dan il-każ, fejn l-istabbilimenti barranin ta’ kumpannija jiġu ntaxxati kemm mill-Istat tal-oriġini li jinsabu fih l-istabbilimenti, kif ukoll mill-Istat Daniż fejn hija stabbilita l-kumpannija, fil-każ tal-aħħar madankollu biss bit-taxxa imposta li kienet diġà tħallset fl-Istat tal-oriġini.

38.      Il-motiv ta’ ġustifikazzjoni tal-“ħarsien” tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom tagħti lill-Istati Membri d-dritt li jamministraw u jipproteġu din is-setgħa ta’ tassazzjoni ddeterminata minnhom stess. Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għandha tinftiehem f’dan is-sens, peress li skontha dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni huwa validu “b’mod partikolari”, sabiex jipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (22). L-invokazzjoni ta’ dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni ma tistax tiġi eskluża, sakemm Stat Membru ma jkunx qed jintaxxa attivitajiet li ma jitwettqux fit-territorju tiegħu, kif ġara f’dan il-każ għall-attivitajiet ta’ stabbilimenti permanenti barranin. Fil-każ kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad lill-Istati Membri s-setgħa ta’ tassazzjoni fuq l-attivitajiet li jitwettqu barra mit-territorju tagħhom.

39.      Dwar il-mod kif l-Istati Membri jistgħu jamministraw u jħarsu s-setgħat ta’ tassazzjoni tagħhom bejniethom, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal żewġ gruppi ta’ każijiet fir-rigward ta’ dawn il-motivi ta’ ġustifikazzjoni.

40.      L-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom jevitaw li tiġi rrevokata s-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom fuq id-dħul, billi din tkun ġiet ittrasferita lil Stat Membru ieħor (23). Dan iġib miegħu l-ħtieġa li jiġu miġġielda skemi fittizji jew qarrieqa sabiex id-dħul mit-taxxa jiġi ttrasferit bejn l-Istati Membri (24).

41.      It-tieni nett u a contrario, l-Istati Membri ma humiex marbuta jieħdu inkunsiderazzjoni t-telf minn attività li tkun intaxxata minn Stat Membru ieħor, u mhux minnhom. Fil-fatt, il-motiv ta’ ġustifikazzjoni jinvolvi s-salvagwardja tas-simetrija bejn id-dritt tat-tassazzjoni tal-qligħ u l-fakultà tat-tnaqqis tat-telf (25). Is-suq intern ma jagħtix lill-entitajiet taxxabbli l-possibbiltà li jagħżlu f’liema Stat Membru għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf tagħhom (26).

42.      Dawn is-sitwazzjonijiet ammessi sa issa juru li l-motiv ta’ ġustifikazzjoni tal-“ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri” huwa biss wiegħed mill-forom ta’ motivi ta’ ġustifikazzjoni rikonoxxuti, u dan fir-rigward b’mod partikolari, id-delimitazzjoni tal-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri.

43.      Fil-fatt, minn naħa, l-idea li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-profitti u t-telf ta’ attività ma għandux jiġi sseparat, hija biss espressjoni li tiġġustifika l-ħarsien tal-koerenza ta’ sistema fiskali. Minn dan jirriżulta li r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali tista’ tkun iġġustifikata meta tiġi ddeterminata relazzjoni diretta bejn il-vantaġġ fiskali u t-tpaċija ta’ dan il-benefiċċju permezz ta’ taxxa fiskali (27). Fil-kuntest ta’ dan l-eżami tal-motiv ta’ ġustifikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li f’dan is-sens teżisti relazzjoni diretta bejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-qligħ u t-telf ta’ attività fi Stat Membru (28). F’dan ir-rigward, huwa b’mod ġust li l-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li r-rekwiżiti marbuta mal-koerenza fiskali u t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jikkoinċidu (29).

44.      Min-naħa l-oħra, il-prevenzjoni tat-trasferiment tad-dħul minn Stat Membru għall-ieħor permezz ta’ skemi fittizji jew qarrieqa hija biss każ speċjali tal-motiv ta’ ġustifikazzjoni rikonoxxut tal-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, miżura nazzjonali li tillimita l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata meta tkun intiża speċifikament għal skemi purament artifiċjali li jkollhom l-għan li jevitaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (30). Fil-kuntest tal-“ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri”, il-punt ma huwiex li jiġi evitat li kontribwent jevita t-tassazzjoni kompletament, iżda li permezz ta’ skemi artifiċjali jittrasferixxi d-dħul mit-taxxa fi Stat Membru ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħraf din is-sitwazzjoni anki meta kultant tikkunsidra ż-żewġ motivi ta’ ġustifikazzjoni “meħuda flimkien” (31).

45.      Jekk wieħed jirrikonoxxi l-hekk imsejjaħ motiv ta’ ġustifikazzjoni tal-“ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri” sempliċiment bħala espressjoni speċifika ta’ motivi ta’ ġustifikazzjoni rikonoxxuti oħrajn, dan jispjega wkoll għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-ħarsien ta’ dan it-tqassim, kultant bħala motiv ta’ ġustifikazzjoni separat (32), u kultant tidher li tirrikonoxxih flimkien ma’ motivi ta’ ġustifikazzjoni oħra (33).

46.      Dan madankollu jippermetti li tiġi ċċarata l-ġurisprudenza, meta waqt l-eżami ta’ motiv ta’ ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-libertà fundamentali, ir-raġuni attwali ma tkunx irrappreżentata mit-“tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni”, iżda tirriżulta b’mod evidenti. Għalhekk, iktar ’il quddiem ser neżamina l-motivi ta’ ġustifikazzjoni kollha li l-karatteristiċi speċjali tagħhom sa issa jinsabu miġbura flimkien taħt il-kunċett tal-“ħarsien tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri”, li f’dan il-każ huma ż-żamma tal-koerenza ta’ sistema fiskali (taħt il-punt 2) u l-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa (taħt il-punt 3).

2.      Il-koerenza fiskali

47.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li tinżamm il-koerenza fiskali tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali. Għal dan l-għan għandha tiġi ddeterminata relazzjoni diretta bejn vantaġġ fiskali u t-tpaċija tiegħu permezz ta’ impożizzjoni fiskali (34). F’kuntest bħal dan, id-detentur tal-libertà fundamentali jista’ jiġi miċħud minn vantaġġ fiskali, meta ma jkunx ukoll suġġett għal impożizzjoni fiskali direttament assoċjata miegħu. Ir-rabta diretta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali (35).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeterminat li f’dan is-sens teżisti relazzjoni diretta bejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-qligħ u t-telf ta’ attività fi Stat Membru (36).

49.      Kif il-Kummissjoni ġustament argumentat, f’dan il-każ is-simetrija tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-qligħ u t-telf għal attività taxxabbli hija essenzjalment iggarantita, mingħajr ma dan jeħtieġ inkorporazzjoni mill-ġdid tat-telf mad-dħul taxxabbli. Fil-fatt, ir-Renju tad-Danimarka kien ħa deċiżjoni għall-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali għat-tassazzjoni tal-istabbilimenti permanenti barranin u għalhekk kellu jikkunsidra l-qligħ kif ukoll it-telf ta’ din l-attività.

50.      Kif ġustament indikat Nordea Bank Danmark, jaqa’ wkoll taħt din is-simetrija l-fatt li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ stabbiliment permanenti barrani, kwalunkwe qligħ li jkun sar minħabba t-trasferiment għandu jiġi ntaxxat fid-Danimarka. Fost il-kumpanniji relatati bħal fil-każ attwali, li sikwit ma jaqblu dwar l-ebda prezz raġonevoli għat-trasferiment, dan il-qligħ mit-trasferiment, kif previst ukoll mil-leġiżlazzjoni fiskali Daniża, jista’ jiġi stabbilit skont l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa b’valur kummerċjali oġġettiv. F’dan ir-rigward, it-tassazzjoni tikkorrispondi eżattament għad-dritt ta’ Stat Membru li jintaxxa l-qligħ kapitali mill-assi ta’ kumpannija ġġenerat fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu (37).

51.      Għalhekk huwa irrilevanti li, pereżempju, kif jargumenta r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mingħajr il-leġiżlazzjoni Daniża tal-inkorporazzjoni mill-ġdid l-entitajiet taxxabbli jkollhom jingħataw tnaqqis tat-telf, mingħajr ma jkun jista’ jiġi ntaxxat il-qligħ rispettiv sussegwenti. Sitwazzjoni fejn kwalunkwe qligħ futur ma jkunx jista’ jiġi ntaxxat iktar hija possibbiltà normali fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ attività, pereżempju meta l-attività tfalli mil-lat ekonomiku jew meta s-setgħa ta’ tassazzjoni ta’ Stat Membru tintemm minħabba t-trasferiment tas-sede.

52.      Madankollu, kif sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija, jimmina s-simetrija l-fatt li t-tassazzjoni tal-qligħ f’dan il-każ għandha natura iktar formali. Peress li r-Renju tad-Danimarka applika l-metodu tal-imputazzjoni għat-tassazzjoni tal-istabbilimenti permanenti barranin, it-taxxa li diġà tħallset fl-Istat tal-oriġini trid titnaqqas. Jekk fid-Danimarka tkun teżisti rata tat-taxxa li tkun ekwivalenti għal jew inqas minn dik fl-Istat tal-oriġini, konsegwentement il-qligħ mill-istabbilimenti permanenti barranin ma jiġix intaxxat fid-Danimarka. Iżda anki meta r-rata tat-taxxa fl-Istat tal-oriġini tkun inqas, f’kull każ id-Danimarka ma jkollhiex is-setgħa tat-tassazzjoni sħiħa.

53.      Dan l-argument huwa validu sa fejn it-tassazzjoni ta’ stabbiliment permanenti barrani fil-qafas tal-metodu tal-imputazzjoni twassal għal dħul taxxabbli differenti mit-tassazzjoni normali ta’ attivitajiet fil-livell nazzjonali. B’paragun, id-dħul mit-taxxa li tirċievi d-Danimarka permezz tat-tassazzjoni fuq stabbilimenti permanenti barranin huwa, bħala regola, relattivament iktar baxx. Jeżisti wkoll ċertu żbilanċ rikonoxxibbli bejn it-teħid inkunsiderazzjoni sħiħ ta’ telf li jirriżulta u t-tassazzjoni parzjali massima tal-qligħ finali.

54.      Madankollu, it-tassazzjoni ta’ stabbiliment permanenti barrani fil-kuntest tal-metodu ta’ imputazzjoni ma tfissirx li dan jista’ jiġi eżentat mit-taxxa skont is-sistema ta’ eżenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, elaborat dan l-aħħar eżempju, u finalment ippermettiet lill-Istat Membru jikkoreġi, a posteriori, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ telf li rriżulta minkejja l-assenza tas-setgħa ta’ tassazzjoni minħabba l-eżenzjoni tad-dħul mit-taxxa ta’ stabbiliment permanenti barra l-pajjiż (38). Madankollu, kuntrarjament għall-opinjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din is-sentenza ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża, peress li r-Renju tad-Danimarka xtaq preċiżament jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti barranin u peress li kienet teżisti mill-inqas il-possibbiltà li l-qligħ tagħhom jiġi wkoll parzjalment intaxxat.

55.      Madankollu, f’dan il-każ ma għandux jiġi deċiż jekk fil-kuntest tal-koerenza fiskali, is-setgħa ta’ tassazzjoni limitata ta’ Stat Membru permezz tal-metodu ta’ imputazzjoni tawtorizzahx jieħu inkunsiderazzjoni t-telf li jirriżulta b’mod limitat ukoll. Fil-fatt, l-għan iddikjarat u rrikonoxxut tas-sistema Daniża għall-inkorporazzjoni mill-ġdid mad-dħul taxxabbli, fir-rigward ta’ attivitajiet li huma ntaxxati fil-kuntest tal-metodu tal-imputazzjoni, ma joħloqx bilanċ xieraq fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-qligħ u t-telf. Kif sostna wkoll ir-Renju tad-Danimarka stess, is-sistema għandha tipprekludi biss f’każ speċjali l-abbuż tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf kollu fil-kuntest tal-metodu tal-imputazzjoni. L-entitajiet taxxabbli għandhom jibbenefikaw regolarment minn dan il-vantaġġ ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf kollu skont il-leġiżlazzjoni fiskali Daniża, anki jekk fin-nuqqas ta’ qligħ futur ma jkunx hemm iktar kumpens għal dan it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf.

56.      Fid-dawl ta’ dan l-arranġament tal-leġiżlazzjoni Daniża, ikollha tiġi eskluża invokazzjoni abbażi tal-motiv ta’ ġustifikazzjoni tal-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali, anki fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita, li tistabbilixxi li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex biss jekk tkun tissodisfa verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (39).

57.      Ir-restrizzjoni attwali tal-libertà ta’ stabbiliment għalhekk ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-ħtieġa li tinżamm il-koerenza ta’ sistema fiskali.

3.      Il-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa

58.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, miżura nazzjonali li tipprekludi l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata meta hija speċifikament intiża għal skemi purament artifiċjali li jkollhom l-għan li jevitaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (40). Għal din ir-raġuni huwa partikolarment importanti li jiġi evitat it-trasferiment tal-qligħ fi Stat Membru ieħor, għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li timponi rekwiżiti inqas stretti. Għall-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi ġġustifikata wkoll sistema li ma jkollhiex l-għan speċifiku li tipprekludi skemi purament artifiċjali (41).

59.      Il-leġiżlazzjoni attwali għandha bħala għan, skont ir-raġunament legali, li tipprekludi li grupp ta’ kumpanniji affiljati jnaqqas inizjalment it-telf ta’ stabbiliment barrani fid-Danimarka, u mbagħad jintaxxa l-qligħ fi Stat Membru ieħor. Huwa raġonevoli li f’dan ir-rigward tkun teżisti l-possibbiltà ta’ evażjoni, b’mod partikolari permezz ta’ approċċ klassiku ta’ investiment, abbażi tar-raġuni li minħabba l-investiment inizjali, perijodu ta’ telf ikun ġie segwit minn perijodu ta’ qligħ. Għaldaqstant, it-trasferiment tal-attività ta’ stabbiliment barrani fi ħdan il-grupp jista’ jkun ta’ benefiċċju anki meta t-telf tagħha ma jkunx jista’ jibqa’ jintalab mill-kumpannija li tieħu f’idejha l-istabbiliment, jekk ir-rata tat-taxxa barranija tkun inqas minn dik Daniża.

60.      Minkejja dan, sistema nazzjonali għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa wkoll ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Għaldaqstant, minn naħa, il-persuna taxxabbli għandha tkun f’pożizzjoni li tipproduċi provi li jikkonċernaw kwalunkwe raġunijiet kummerċjali (42). Min-naħa l-oħra, il-miżura fiskali korrettiva għandha tkun limitata għall-ammonti li jeċċedu dak li jirriżulta fin-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ interdipendenza tal-kumpanniji (43).

61.      Minkejja li ma tistax tintalab fi “proċeduri tal-massa” bħala tassazzjoni, kull każ individwali għandu jkun suġġett għal eżami individwali, u barra minn hekk għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontrollati l-fatti li tipikament ikollhom ċertu riżultat jew li jirriżultaw minn motiv partikolari.

62.      F’dan il-każ, madankollu, il-limiti ta’ skema tipikament permissibbli ta’ evażjoni tat-taxxa saħansitra nqabżu f’kull każ. L-ewwel nett ma teżisti l-ebda possibbiltà li persuna taxxabbli tipprovdi evidenza kontra l-evażjoni, għalkemm ikun evidenti li permezz tat-trasferiment ta’ stabbiliment fi ħdan grupp jista’ jkun hemm raġunijiet kummerċjali għat-trasferiment, b’mod partikolari sabiex titnaqqas il-kapaċità doppja, kif juri wkoll dan il-każ. It-tieni nett, dan il-każ juri wkoll li, skont l-opinjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ma huwiex proporzjonat, anki meta jsir trasferiment parzjali biss, li jiġi inkorporat mill-ġdid mad-dħul taxxabbli, it-telf kollu li jkun intalab preċedentement. Fil-fatt, dan jirreferi wkoll għall-każijiet fejn l-istabbiliment permanenti essenzjalment jiġi biss likwidat.

63.      It-tielet nett, l-inkorporazzjoni mill-ġdid mad-dħul taxxabbli tat-telf kollu li kien intalab qabel bl-ebda mod ma hija proporzjonali mal-evażjoni tat-tassazzjoni tal-qligħ fil-futur, li l-kumpens tiegħu huwa intiż mil-leġiżlazzjoni Daniża. B’mod ġustifikat, ir-Renju tad-Danimarka jista’ biss ikollu aċċess għal ċertu qligħ li jkun irriżulta diġà fil-mument meta jsir it-trasferiment. Dan għaliex possibbiltajiet miżjuda ta’ qligħ sussegwenti jkunu jistgħu jiġu ntaxxati taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat Membru awtorizzat f’dak il-mument. Madankollu, il-qligħ li jirriżulta diġà fil-mument tat-trasferiment, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, huwa espress mid-determinazzjoni ta’ prezz għat-trasferiment skont il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa (44).

64.      Sa fejn ir-Renju tad-Danimarka ma jqisx dan il-valur bħala wieħed xieraq, minħabba li fil-fehma tiegħu t-trasferiment fi ħdan grupp ikollu vantaġġ ikbar minn trasferiment lil parti terza, għandu jiġi nnotat li dan il-vantaġġ possibbilment ikbar fi kwalunkwe każ ma jagħtix riżultati jekk l-istabbiliment permanenti jkompli jopera taħt is-sovranità fiskali tad-Danimarka. Li l-istabbiliment permanenti jibqa’ taħt is-sovranità fiskali tad-Danimarka finalment huwa sempliċiment l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni.

65.      Għaldaqstant l-għan tal-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa wkoll ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, peress li l-leġiżlazzjoni Daniża tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

4.      Ir-riżultat tal-ġustifikazzjoni

66.      Konsegwentement, ir-restrizzjoni attwali għal-libertà ta’ stabbiliment għalhekk ma ġietx iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Għaldaqstant, ma għandhiex tapplika għall-argument ta’ Nordea Bank Danmark, peress li fi kwalunkwe każ hija eskluża ġustifikazzjoni skont is-sentenza Marks & Spencer minħabba l-fatt li persuna taxxabbli ma tistax tiġi miċħuda milli tieħu inkunsiderazzjoni t-telf meta, kif ġara f’dan il-każ minħabba l-għeluq tal-fergħat, il-possibbiltajiet kollha tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf fl-Istat tal-oriġini kienu esklużi.

V –    Konklużjoni

67.      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li:

L-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 48 KE, kif ukoll l-Artikolu 31 u l-Artikolu 34 tal-Ftehim ŻEE jipprekludu li Stat Membru, li jkun ippermetta lil kumpannija residenti, fil-kuntest tal-metodu ta’ imputazzjoni, tnaqqas b’mod regolari t-telf sostnut minn stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, milli jinkorpora mill-ġdid mad-dħul taxxabbli t-telf kollu tal-istabbiliment permanenti (sa fejn dan ma kienx hemm tpaċija bi profitti fis-snin sussegwenti), meta l-inkorporazzjoni mill-ġdid mad-dħul taxxabbli tkun prevista għal kull każ li fih parti mill-attivitajiet tiegħu tkun ġiet ittrasferita lil kumpannija affiljata u li tkun stabbilita fl-istess Stat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza Marks & Spencer plc (C-446/03, EU:C:2005:763).


3 – Ara s-sentenza A (C-48/11, EU:C:2012:485, punt 21) dwar l-Artikolu 49 TFUE.


4 – Ara s-sentenza Impacto Azul (C-186/12, EU:C:2013:412, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5 – Ara s-sentenzi Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456, punt 16), AMID (C-141/99, EU:C:2000:696, punt 21) u Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punt 20).


6 – Ara s-sentenzi AMID (C-141/99, EU:C:2000:696, punt 27), Papillon (C-418/07, EU:C:2008:659, punti 16 sa 23) u Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punti 20 sa 34).


7 – Sentenzi X Holding (C-337/08, EU:C:2010:89, punt 20), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-250/08, EU:C:2011:793, punt 51), Philips Electronics (C-18/11, EU:C:2012:532, punt 17) u A (C-123/11, EU:C:2013:84, punt 33); dwar il-libertà tal-moviment tal-kapital ara s-sentenza K (C-322/11, EU:C:2013:716, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Sentenzi X Holding (C-337/08, EU:C:2010:89, punt 22), Philips Electronics (C-18/11, EU:C:2012:532, punt 17) u A (C-123/11, EU:C:2013:84, punt 33).


9 – Ara, reċentement, il-konklużjonijiet tiegħi dwar Philips Electronics (C-18/11, EU:C:2012:222, punt 31 et seq) u Hervis Sport és Divatkereskedelmi (C-385/12, EU:C:2013:531, punt 56 et seq).


10 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi A (C-123/11, EU:C:2012:488, punt 40 et seq) u SCA Group Holding fost l-oħrajn (C-39/13 sa C-41/13, EU:C:2014: 104, punt 32).


11 – Ara, pereżempju, is-sentenza Royal Bank of Scotland (C-311/97, EU:C:1999:216, punt 32).


12 – Ara s-sentenza K (C-322/11, EU:C:2013:716, punt 37 et seq u 49 et seq).


13 – Sentenza X Holding BV (C-337/08, EU:C:2010:89, punt 24).


14 – Sentenza K (C-322/11, EU:C:2013:716, punt 37 et seq).


15 – Ara s-sentenzi Lidl Belgium (C-414/06, EU:C:2008:278, punti 18 sa 26), Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C-157/07, EU:C:2008:588, punti 27 sa 39) u Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punti 18 sa 34).


16 – Sentenza National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 38).


17 – Ara s-sentenzi National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 45), Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja (C-269/09, EU:C:2012:439, punt 76), DI VI Finanziaria SAPA di Diego della Valle (C-380/11, EU:C:2012:552, punt 43), Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punt 50), Imfeld u Garcet (C-303/12, EU:C:2013:822, punt 68) u DMC (C-164/12, EU:C:2014:20, punt 46).


18 – Ara s-sentenzi Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, EU:C:2009:377, punt 25), National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 45), Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punt 50) u DMC (C-164/12, EU:C:2014:20, punt 47).


19 – Sentenza Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763, punt 46).


20 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Amurta (C-379/05, EU:C:2007:655, punt 58) u Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punt 53).


21 – Ara wkoll is-sentenza Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (C-157/10, EU:C:2011:813, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), li skontha “l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri differenti, [...] ma humiex restrizzjonijiet tal-moviment liberu”.


22 – Sentenzi Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punt 77), FIM Santander Top 25 Euro Fi (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 47), SIAT (C-318/10, EU:C:2012:415, punt 45), Beker, Beker (C-168/11, EU:C:2013:117, punt 57), Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punt 53) kif ukoll Imfeld u Garcet (C-303/12, EU:C:2013:822, punt 75).


23 – Ara s-sentenzi Oy AA (C-231/05, EU:C:2007:439, punt 56), Glaxo Wellcome (C-182/07, EU:C:2009:559, punt 87) u Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punt 55).


24 – Ara s-sentenzi SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punti 60 sa 63) u SIAT (C-318/10, EU:C:2012:415, punti 45 sa 47).


25 – Sentenza Philips Electronics (C-18/11, EU:C:2012:532, punt 24).


26 – Ara s-sentenzi Oy AA (C-231/05, EU:C:2007:439, punt 55), X Holding (C-337/08, EU:C:2010:89, punt 29) u A (C-123/11, EU:C:2013:84, punt 43).


27 – Ara s-sentenzi Papillon (C-418/07, EU:C:2008:659, punt 44), DI VI Finanziaria SAPA di Diego della Valle (C-380/11, EU:C:2012:552, punt 46) u Welte (C-181/12, EU:C:2013:662, punt 59).


28 – Sentenza K (C-322/11, EU:C:2013:716, punt 69).


29 – Sentenza National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 80).


30 – Ara s-sentenzi Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, EU:C:2009:377, punt 63) u SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 65).


31 – Sentenza SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 66 u 69).


32 – Sentenza National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 48).


33 – Ara s-sentenzi Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763, punt 51), Lidl Belgium (C-356/04, EU:C:2006:585, punt 38 et seq) u A (C-123/11, EU:C:2013:84, punt 46).


34 – Ara s-sentenzi Manninen (C-319/02, EU:C:2004:484, punt 42), Papillon (C-418/07, EU:C:2008:659, punt 43 et seq), DI VI Finanziaria SAPA di Diego della Valle (C-380/11, EU:C:2012:552, punt 46) u Welte (C-181/12, EU:C:2013:662, punt 59).


35 – Ara s-sentenzi Papillon (C-418/07, EU:C:2008:659, punt 44) u Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447, punt 42).


36 – Sentenza K (C-322/11, EU:C:2013:716, punt 69).


37 – Ara s-sentenza National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 46) u DMC (C-164/12, EU:C:2014:20, punt 48 et seq).


38 – Sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C-157/07, EU:C:2008:588).


39 – Ara s-sentenza Sokoll-Seebacher (C-367/12, EU:C:2014:68, punt 39 u l-ġurisdizzjoni ċċitata).


40 – Ara s-sentenza Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, EU:C:2009:377, punt 63) u SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 65).


41 – Sentenza SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 66).


42 – Ara s-sentenza SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 71).


43 – Ara s-sentenza SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 72).


44 – Ara l-punt 50 iktar ’il fuq.