Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawżi magħquda C-144/13, C-154/13 u C-160/13

VDP Dental Laboratory NV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

Staatssecretaris van Financiën

vs

X BV

u

Staatssecretaris van Financiën

vs

Nobel Biocare Nederland BV

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Leġiżlazzjoni fiskali – VAT – Eżenzjonijiet ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni – Artikolu 140(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ beni – Artikolu 143(a) tad-Direttiva 2006/112/KE – Applikabbiltà tal-eżenzjonijiet għal proteżijiet dentali li l-kunsinna tagħhom hija eżentata skont l-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tat-taxxa tal-input – Artikolu 17(2)(a) fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE – Effett dirett – Dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input fil-każ ta’ tranżazzjonijiet eżentati mid-dritt nazzjonali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni”





I –    Introduzzzjoni

1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab għal darba oħra (2) tindirizza l-kwistjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ proteżijiet dentali. L-applikazzjoni tal-VAT għandha karatteristiċi partikolari peress li, filwaqt li f’ċerti sitwazzjonijiet, il-kunsinna ta’ proteżijiet dentali hija eżentata mill-VAT, ċerti Stati Membri jintaxxaw il-kunsinni kollha ta’ proteżijiet dentali skont leġiżlazzjoni tranżitorja.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat l-effetti ta’ dawn il-karatteristiċi partikolari fuq it-tnaqqis tat-taxxa tal-input u fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ proteżijiet dentali fl-Istati Membri differenti (3). Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari wkoll jikkonċernaw dawn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, iżda din id-darba fil-kuntest ta’ eżenzjonijiet applikabbli għall-akkwist intra-Komunitarju u għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà ta’ dawn l-eżenzjonijiet fir-rigward ta’ proteżijiet dentali.

3.        Barra minn hekk, bħala segwitu għall-ewwel sentenza tagħha (4), il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha għal darba oħra terġà tindirizza l-konsegwenzi li eżenzjoni mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni timplika għad-dritt għal tnaqqis mit-taxxa tal-input. Madankollu, is-sentenza reċenti MDDP (5) kellha tirriżolvi l-kwistjonijiet kollha f’dan ir-rigward.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-proċeduri fil-kawżi prinċipali jikkonċernaw il-ġbir tal-VAT għas-snin 2006 u 2008. Konsegwentement, fil-każ ineżami huma applikabbli kemm is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (6) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-2006 (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (7) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, fil-verżjoni applikabbli fl-2008 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). Għaldaqstant, iktar ’il quddiem, ser nirripproduċi r-regoli fil-verżjoni tad-Direttiva tal-VAT jew inkella fil-verżjoni tas-Sitt Direttiva, skont il-perijodu ta’ taxxa li fir-rigward tiegħu tkun meħtieġa interpretazzjoni.

 Il-fatti taxxabbli

5.        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT, it-tranżazzjonijiet segwenti huma suġġetti għall-VAT:

“a)      il-provvista [il-kunsinna] ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

b)      l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn:

i)      persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi b’dan il-mod, jew minn persuna legali mhux taxxabbli, fejn il-bejjiegħ huwa persuna taxxabbli li qed jaġixxi b’dan il-mod [...];

[…]

c)      […]

d)      l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

6.        Il-“provvista [il-kunsinna] ta’ merkanzija” hija ddefinita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT bħala “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”.

7.        L-“akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija” huwa ddefinit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-VAT bħala “l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata għand il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, fi Stat Membru minbarra dak li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija”.

8.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-VAT jiddefinixxi l-“importazzjoni ta’ merkanzija” bħala “id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fit-tifsira ta’ l-Artikolu 24 tat-Trattat”.

 Eżenzjoni ta’ proteżijiet dentali

9.        Skont l-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mit-taxxa t-tranżazzjonijiet segwenti:

“il-provvista ta’ servizzi mit-tekniċi dentali fil-kapaċità tal-professjoni tagħhom u l-provvista [il-kunsinna] ta’ prototeżi dentali pprovduti minn dentisti u tekniċi dentali”.

10.      Madankollu, it-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XIII tad-Direttiva tal-VAT, intitolata “Derogi għal Stati li kienu membri tal-Komunità fl-1 ta’ Jannar 1978” tistabbilixxi deroga għal din l-eżenzjoni, u t-titolu f’dan il-kapitolu jippreċiża li d-derogi japplikaw “sa l-adozzjoni ta’ arranġamenti definittivi”. L-Artikolu 370 jipprovdi: “L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1978, kienu jintaxxaw it-transazzjonjiet elenkati fil-Parti A tal-Anness X, jistgħu jkomplu jintaxxaw dawk it-transazzjonijiet.”

11.      Il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness X, jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jintaxxaw: “[i]l-provvista ta’ servizzi minn tekniċi tas-snien fil-kapaċità professjonali tagħhom u l-provvista [il-kunsinna] ta’ proteżi tas-snien minn dentisti u tekniċi tas-snien”.

 Eżenzjonijiet ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni u ta’ importazzjonijiet ta’ beni

12.      Skont l-Artikolu 140 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mit-taxxa t-tranżazzjonijiet segwenti:

“a)      l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li l-provvista [il-kunsinna] tagħha minn persuni taxxabbli tkun dejjem eżenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat;

b)      l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li l-importazzjoni taghħa f’kull ċirkostanza tkun eżenti skond il-punti (a), (b) u (ċ) u (e) sa (l) ta’ l-Artikolu 143;

[…]”.

13.      Skont l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mit-taxxa:

“l-importazzjoni finali ta’ merkanzija li l-provvista [il-kunsinna] tagħha minn persuna taxxabbli għandha fiċ-ċirkostanzi kollha tkun eżenti fit-territorju rispettiv tagħha”.

 Eżenzjonijiet ta’ kunsinni intra-Komunitarji ta’ beni u eżenzjoni ta’ esportazzjoni

14.      Għall-kunsinni transkonfinali fl-Unjoni li jikkorrispondu għall-akkwisti intra-Komunitarji, l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi l-eżenzjoni segwenti:

15.      “L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista [il-kunsinna] ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territroju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.”

16.      Bl-istess mod, l-Artikolu 146 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista [il-kunsinna] ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata għal destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom tal-bejjiegħ;

b)      il-provvista [il-kunsinna] ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom ta’ konsumatur li mhux stabbilit fit-territorju tagħhom [...]

[…]”.

 Id-dritt għal tnaqqis

17.      Ir-regoli li, għas-sena fiskali 2006, kienu jirregolaw id-dritt ta’ persuna taxxabbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq l-input marbuta ma’ beni jew servizzi akkwistati minnu (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjonijiet input”) jinsabu fl-Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva:

“1.      Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2.      Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

a)      taxxa fuq il-valur miżjud imħalsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż;

b)      taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata fit-territorju tal-pajjiż;

c)      […]

d)      taxxa fuq il-valur miżjud dovuta skond l-Artikolu 28a(1)(a).

3.      Stati Membri jagħtu lil kull persuna taxxabbli d-dritt għat-tnaqqis jew rimborsament tat-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmi fil-paragrafu 2 sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall:

[…]

b)      transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikolu [...], 15, [...] jew 28ċ (A);

[...]”

18.      L-Artikolu 28a(1)(a) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ tassazzjoni ta’ akkwisti intra-Komunitarji skont l-Artikolu 2(1)(b)(i) tad-Direttiva tal-VAT (8). L-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi r-regoli ta’ eżenzjonijiet fuq l-esportazzjoni, li issa huma previsti fl-Artikolu 146 tad-Direttiva tal-VAT (9). L-Artikolu 28c(A) tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi eżenzjoni tal-kunsinni intra-Komunitarji li issa tinsab fl-Artikolu 138 tad-Direttiva tal-VAT (10).

19.      Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tnaqqis tat-taxxa tal-input li jinsabu fl-Artikolu 17(1) sa (3), fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva issa jikkorrispondu għall-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva tal-VAT.

B –    Id-dritt nazzjonali

20.      Id-dritt Olandiż kien essenzjalment jinkludi dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk tad-dritt tal-Unjoni.

21.      Madankollu, fl-2006, l-eżenzjoni li l-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT kien jipprovdi għall-proteżijiet dentali kienet ġiet trasposta għall-Artikolu 11(1)(g)(1) tal-Kodiċi Olandiż tal-VAT (Wet op de omzetbelasting 1968) b’mod inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (11) fis-sens li tali artikolu ma kienx jeħtieġ li l-fornitur tal-proteżijiet dentali jkun dentist jew tekniku dentali.

III – Il-proċeduri fil-kawża prinċipali

22.      It-tliet proċeduri fil-kawża prinċipali jikkonċernaw persuni taxxabbli Olandiżi li jordnaw il-manifattura ta’ proteżijiet dentali minn barra sabiex sussegwentement ibigħuhom bħala intermedjarji jew sabiex jużawhom huma stess fl-attività tagħhom ta’ dentisti. Il-kwistjoni fit-tliet każijiet hija dwar jekk l-akkwist ta’ proteżijiet dentali minn pajjiżi oħra huwiex eżentat mill-VAT.

A –    Kawża C-144/13 (VDP Dental Laboratory)

23.      Il-Kawża C-144/13 tikkonċerna l-kumpannija Olandiża VDP Dental Laboratory N.V. (iktar ’il quddiem “VDP”). VDP kienet, fuq talba ta’ dentisti, tordna l-manifattura ta’ proteżijiet dentali mingħand laboratorji ta’ dentisti stabbiliti kemm fl-Unjoni kif ukoll barra mill-Unjoni. Il-kawża prinċipali tikkonċerna d-dejn tal-VAT li kellha VDP fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-ewwel kwart tas-sena 2006 kif ukoll fit-tielet kwart tas-sena 2008.

24.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fl-2006, VDP ma kinitx għadha tista’ titqies li hija tekniku dentali fis-sens tal-eżenzjoni fiskali stabbilita fl-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu, hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 11(1)(g) punt 1 tal-Kodiċi Olandiż dwar il-VAT sabiex teżenta l-proteżijiet dentali mill-VAT. Fl-istess ħin, minkejja din l-eżenzjoni, hija talbet dritt għal tnaqqis għat-tranżazzjonijiet tagħha tal-input billi din id-darba invokat d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-awtorità fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi kkontestat dan id-dritt u rrifjutat it-tnaqqis mitlub minn VDP.

25.      Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, b’effett minn 2008, VDP hija tekniku dentali fis-sens tal-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT. Għaldaqstant, VDP teżenta l-kunsinni ta’ proteżijiet dentali tagħha mill-VAT u ma titlobx tnaqqis tat-taxxa tal-input. Madankollu, hija lanqas ma tixtieq tiddikjara l-proteżijiet dentali mixtrija minn barra bħala akkwisti intra-Komunitarji jew bħala importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Fil-fehma tagħha, hija fil-fatt għandha dritt għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 140(a) u fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT.

B –    Kawża C-154/13 (X)

26.      It-tilwima inkwistjoni fil-Kawża C-154/13 tikkonċerna d-dejn tal-VAT ta’ X lill-awtorità fiskali Olandiża għall-ewwel tliet kwarti tas-sena 2008. Matul dan il-perijodu, fil-klinika ta’ dentistrija li kienet topera, X wettqet tranżazzjonijiet eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT, b’mod li ma kellhiex dritt għal tnaqqis ta’ taxxa tal-input f’dan ir-rigward.

27.      Għall-bżonnijiet tal-klinika privata tagħha, X kienet tixtri proteżijiet dentali mingħand tekniku dentali stabbilit fil-Ġermanja. X hija tal-fehma li b’applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 140 tad-Direttiva tal-VAT, ma hijiex obbligata tħallas VAT għall-akkwisti intra-Komunitarji. L-awtorità fiskali Olandiża tikkunsidra li din l-eżenzjoni ma hijiex applikabbli fil-kawża inkwistjoni minħabba l-fatt li, b’mod partikolari, kuntrarjament għall-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja ma teżentax mill-VAT il-kunsinni ta’ proteżijiet dentali peress li hija rrikorriet għall-possibbiltà prevista fl-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien ma’ Parti(A)(1) tal-Anness X tad-Direttiva tal-VAT.

C –    Kawża C-160/13 (Nobel Biocare Nederland)

28.      It-tielet kawża tikkonċerna tilwima bejn il-kumpannija Olandiża Nobel Biocare Nederland BV (iktar ’il quddiem “Nobel”) u l-awtorità fiskali dwar dejn tal-VAT għal Diċembru 2008. Matul dan il-perijodu, Nobel ipprovdiet proteżijiet dentali lil laboratorji ta’ dentistrija fil-Pajjiżi l-Baxxi, liema proteżijiet kienu mmanifatturati mill-kumpannija parent tagħha fl-Isvezja.

29.      Peress li qieset li kienu akkwisti intra-Komunitarji, l-awtorità fiskali Olandiża applikat il-VAT għall-proteżijiet dentali li Nobel xtrat mill-Isvezja. Madankollu, Nobel tqis li, f’dan ir-rigward, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT għandha tapplika.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Fil-21, fis-27 u fit-28 ta’ Marzu 2013, il-Hoge Raad der Nederlanden, li quddiemha tressqu l-kawżi prinċipali, talbet tliet deċiżjonijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-forma ta’ ħames domandi. Id-domandi magħmula jikkonċernaw żewġ oqsma differenti.

31.      Fl-ewwel lok, fil-Kawża C-144/13 (VDP Dental Laboratory), il-qorti tar-rinviju tressaq domanda dwar id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input għas-sena 2006:

L-Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli anki meta dispożizzjoni legali nazzjonali tipprovdi eżenzjoni mhux prevista mid-direttiva (eżenzjoni li teskludi t-telf tad-dritt għal tnaqqis)?

32.      Fit-tieni lok, id-domanda segwenti li tikkonċerna l-eżenzjoni ta’ akkwisti intra-Komunitarji tista’ tiġi dedotta mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju fit-tliet kawżi:

L-Artikolu 140(a) u (b) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT li jistabbilixxi ma tapplikax għall-akkwist intra-Komunitarju ta’ proteżijiet dentali? Jekk ir-risposta tkun fin-negattiv, il-benefiċċju tal-eżenzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-proteżijiet dentali jiġu kkunsinnati minn barra l-pajjiż minn dentist jew minn tekniku dentali jew li jiġu kkunsinnati lil dentist jew lil tekniku dentali?

33.      Fil-Kawża C-144/13 (VDP Dental Laboratory), il-portata tal-kwistjoni testendi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT, li tikkonċerna eżenzjonijiet tat-taxxa fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi.

34.      Barra minn hekk, fil-Kawża C-154/13 (X), din id-domanda preliminari hija ssupplementata b’dan il-mod:

Jekk l-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 140(a) u (b) tad-Direttiva tal-VAT tal-2006 (indipendentement minn jekk tkunx ingħatat skont il-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda) tkun tapplika għall-akkwist intra-Komunitarju ta’ snien foloz [proteżijiet dentali], fil-pajjiżi li, bħall-Pajjiżi l-Baxxi, ikunu kkonformaw ruħhom mal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-VAT tal-2006, l-eżenzjoni tapplika wkoll għall-akkwist intra-Komnitarju ta’ snien foloz [proteżijiet dentali] li joriġinaw minn Stat Membru li jkun ibbenefika minn sistema derogatorja u tranżitorja tal-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT tal-2006?

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat li l-kawżi jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċedura u tas-sentenza. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn VDP, Nobel, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea. Nobel, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta fid-19 ta’ Mejju 2014.

V –    Evalwazzjoni legali

A –    Id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input

36.      Mill-espożizzjoni tal-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-144/13 jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ressqet din id-domanda dwar it-tnaqqis tat-taxxa tal-input sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ essenzjalment tindirizza l-kwistjoni dwar jekk persuna taxxabbli tistax tinvoka dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input skont l-Artikolu 17 fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva anki fil-każ fejn ma tkunx ħallset taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tagħha peress li d-dritt nazzjonali jipprevedi eżenzjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

37.      Fil-Kawża C-319/12 (MDDP), li s-sentenza tagħha ngħatat wara li saret it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat din il-kwistjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-VAT.

38.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT ma jippermettix lil persuna taxxabbli tibbenefika kemm minn eżenzjoni, ipprovduta mid-dritt nazzjonali, iżda inkompatibbli mad-Direttiva tal-VAT, kif ukoll minn dritt għal tnaqqis (12). F’tali sitwazzjoni, l-unika għażla għall-persuna taxxabbli tkun li tapplika l-eżenzjoni nazzjonali u tirrinunzja d-dritt għal tnaqqis jew inkella tissuġġetta t-tranżazzjonijiet tagħha għall-VAT b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sussegwentement tinvoka t-tnaqqis tat-taxxa tal-input.

39.      Peress li ebda wieħed mill-partijiet fil-proċeduri preżenti ma qajjem argumenti li għadhom ma ġewx indirizzati fil-Kawża MDDP (13), ma hemm ebda raġuni għalfejn għandhom jiġu kkonfutati l-konstatazzjonijiet tas-sentenza MDDP.

40.      Barra minn hekk, dan lanqas ma huwa prekluż mill-fatt li, kif spjegat il-Kummissjoni fis-seduta, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti hija differenti minn dik tal-Kawża MDDP sa fejn VDP għandha tinvoka d-dritt għal tnaqqis tagħha tat-taxxa tal-input a posteriori. Huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni ssostni li VDP hija kkonfrontata bil-problema li tikseb a posteriori mingħand il-konsumaturi tagħha proteżijiet dentali bi prezz li jinkludi l-VAT peress li, sabiex tibbenefika mit-tnaqqis tat-taxxa tal-input, hija għandha tissuġġetta għall-VAT it-tranżazzjonijiet li hija kienet oriġinarjament eżentat mill-VAT. Fil-kuntest tal-Kawża MDDP, jiena madankollu diġà sostnejt li persuna taxxabbli tista’ possibbilment titlob danni mill-Istat Membru kkonċernat sa fejn ma tkunx tista’ tittrasferixxi lill-klijenti tagħha l-VAT li tkun inġabret a posteriori (14).

41.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva ma jagħti ebda dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input lil persuna taxxabbli li ma tħallasx taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tagħha peress li d-dritt nazzjonali jipprovdi eżenzjoni inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

B –    Fuq l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 140(a) u (b) u fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT

42.      Fir-rigward tal-eżenzjonijiet ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni previsti fl-Artikolu 140(a) u (b) u tal-eżenzjonijiet tal-importazzjoni ta’ beni minn pajjiżi terzi previsti fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, u fil-każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet, dawn l-eżenzjonijiet japplikaw għal proteżijiet dentali. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jissuġġettaw l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li l-kunsinna ta’ beni tkun eżentata wkoll jekk il-beni jiġu kkunsinnati fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

43.      L-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT jeżenta l-kunsinni ta’ proteżijiet dentali mit-taxxa. Madankollu, din l-eżenzjoni tapplika biss bil-kundizzjoni li l-kunsinna ssir minn dentist jew minn tekniku dentali. L-Artikolu 140(a) u (b) u l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT jeżiġu iżda li, għall-eżenzjoni tal-akkwisti intra-Komunitarji u tal-importazzjonijiet tal-beni minn pajjiżi terzi, il-kunsinna fuq livell nazzjonali tkun “fiċ-ċirkostanzi kollha” eżentata. Din hija r-raġuni għalfejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod kuntrarju għall-partijiet l-oħra fil-proċedura, jikkunsidra li la l-Artikolu 140(a) u (b) u lanqas l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT ma japplikaw għal proteżijiet dentali.

44.      Jiena tal-fehma li għar-risposta ta’ din id-domanda jeħtieġ li ssir distinzjoni. Kif ser jintwera iktar ’il quddiem, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT ma tapplikax għall-importazzjoni ta’ proteżijiet dentali minn pajjiżi terzi (Sezzjoni 1). Dan japplika wkoll għal dak li jipprovdi l-Artikolu 140(b) tad-Direttiva tal-VAT (Sezzjoni 2). Madankollu, għandha tingħata interpretazzjoni differenti lill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 140(a) peress li, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT, din tapplika wkoll għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ proteżijiet dentali (Sezzjoni 3). Il-fatt li l-Istat Membru ta’ oriġini jirrikorri għar-regola tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien mal-Parti A(1) tal-Anness X tiegħu u għalhekk ma japplikax l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(e), huwa irrilevanti (Sezzjoni 4).

1.      Eżenzjoni fuq importazzjonijiet ta’ beni skont l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT

45.      Skont l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT l-importazzjonijiet finali ta’ beni “li l-provvista tagħha [il-kunsinna tagħhom] minn persuna taxxabbli għandha fiċ-ċirkostanzi kollha tkun eżenti fit-territorju rispettiv tagħha”.

46.      Il-frażi “fit-territorju rispettiv tagħha” tirreferi għall-Istat Membru ta’ importazzjoni. Dan jirriżulta ċar minn paragun mad-dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 88, l-Artikolu 207 jew l-Artikolu 214(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, li jinkludu l-istess frażi. Kif sostniet ġustament VDP, il-kunsinna ta’ beni għandha għalhekk tiġi eżentata fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, jiġifieri fl-Istat Membru li fih huma importati l-beni.

47.      Permezz tal-frażi “fiċ-ċirkostanzi kollha”, l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT jindika li l-kunsinna ta’ beni importati għandha dejjem tiġi eżentata mill-VAT, jiġifieri indipendentement minn kundizzjonijiet oħra. Madankollu, meta l-eżenzjoni tal-kunsinna ta’ beni tkun suġġetta għal kundizzjonijiet addizzjonali, bħall-kundizzjoni li tikkonċerna l-kwalità ta’ fornitur stabbilita fl-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT, il-kunsinna ta’ beni għalhekk ma tkunx eżentata “fiċ-ċirkostanzi kollha”.

48.      L-oriġini tal-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT tikkorrobora din l-interpretazzjoni tal-kliem tiegħu. Fis-Sitt Direttiva, id-dispożizzjoni li kienet tikkorrispondi għall-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT kien l-Artikolu 14(1)(a), li kien jipprovdi li l-importazzjoni ta’ beni “li l-provvista [il-kunsinna] tagħhom minn persuna taxxabbli għandha fiċ-ċirkustanzi kollha tkun eżenta fil-pajjiż” kienet eżentata. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 14(1)(a) tas-Sitt Direttiva joriġina mill-Artikolu 15(1) tal-proposta tal-Kummissjoni (15). Kuntrarjament għall-Artikolu 14(1)(a) tas-Sitt Direttiva, li ġie sussegwentement adottat mill-Kunsill, l-Artikolu 15(1) tal-proposta tal-Kummissjoni kien għadu jirreferi espliċitament għal eżenzjonijiet partikolari. B’eċċezzjoni waħda (16), dan ir-riferiment kien ikopri biss eċċezzjonijiet li kellhom japplikaw indipendentement minn kundizzjonijiet oħra. Ma kien hemm ebda riferiment għal eżenzjoni ta’ kunsinna ta’ proteżijiet dentali minn dentist jew minn tekniku dentali (17).

49.      F’dan il-kuntest, il-fatt li l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 14(1)(a) tas-Sitt Direttiva kienet fl-aħħar mill-aħħar ifformulata bi kliem differenti huwa dovut għall-fatt li l-unika eżenzjoni li kien hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 15(1) tal-proposta tal-Kummissjoni u li kienet suġġetta għal kundizzjonijiet oħra għajr is-sempliċi għan tal-provvista ma kinitx inkluża fid-direttiva kif adottata. Għaldaqstant, is-soluzzjoni l-iktar sempliċi kienet li tintuża l-frażi “fiċ-ċirkostanzi kollha” sabiex jitqiegħed fil-qosor ir-riferiment esklużiv għall-eżenzjonijiet li kienu ser japplikaw indipendentement minn kundizzjonijiet oħra.

50.      Interpretazzjoni sistematika twassal għall-istess konklużjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 143(k) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi l-eżenzjoni ta’ “importazzjoni tad-deheb mill-Banek Ċentrali”. Il-provvista [il-kunsinna] ta’ deheb lill-Banek Ċentrali” hija eżentata skont l-Artikolu 152 tad-Direttiva tal-VAT. Għaldaqstant, din hija eżenzjoni li ma tapplikax għall-kunsinni tad-deheb fiċ-ċirkustanzi kollha, iżda biss meta huma intiżi għal destinatarju partikolari, jiġifieri bank ċentrali. Madankollu, jekk l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT tiġi interpretata fis-sens li tapplika għall-eżenzjonijiet kollha tal-kunsinni tal-beni meta l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-importazzjoni tad-deheb mill-banek ċentrali għandha neċessarjament tiġi eżentata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 152 tad-Direttiva tal-VAT. Din l-interpretazzjoni trendi l-Artikolu 143(k) tad-Direttiva tal-VAT, li jipprovdi preċiżament tali eżenzjoni, superfluwu.

51.      Il-finalità tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva lanqas ma tipprovdi argumenti li jimmilitaw favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

52.      Filwaqt li, fil-proposta tagħha għas-Sitt Direttiva, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li din l-eżenzjoni ma kienet teħtieġ ebda “spjegazzjoni partikolari” (18), hija indikat waqt il-proċeduri preżenti li kellha l-intenzjoni tistabbilixxi ugwaljanza fit-trattament bejn it-tranżazzjonijiet transkonfinali u t-tranżazzjonijiet nazzjonali. Din l-ispjegazzjoni tidher li hija prima facie kredibbli. Madankollu, meta l-effetti tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni fil-katina tal-kunsinna, ma jkunx jista’ jingħad iktar li hemm ugwaljanza fit-trattament.

53.      Fil-każ li t-tnaqqis tat-taxxa tal-input ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT tkun tfisser li ma hemm ebda VAT fuq l-akkwist ta’ beni irrispettivament minn jekk dawn ġewx akkwistati fit-territorju nazzjonali jew inkella minn pajjiż terz. Dan ir-riżultat jinkiseb permezz tal-fatt li l-benefiċċju tal-eżenzjoni applikabbli għall-kunsinni fil-pajjiż jiġi estiż għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi.

54.      Fil-każ li t-tnaqqis tat-taxxa tal-input jittieħed inkunsiderazzjoni, l-istampa tkun differenti. Fil-fatt, l-eżenzjoni tal-provvisti ta’ beni fit-territorju ta’ Stat Membru għandha l-konsegwenza li, skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT (19), il-fornitur wkoll ma għandu ebda dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input fir-rigward ta’ provvisti li huwa kiseb għall-finijiet tal-manifattura tal-beni. Għaldaqstant, il-VAT mhux imnaqqsa fuq dawn l-importazzjonijiet topera bħala piż fuq il-kunsinna tal-beni eżentata peress li żżid l-ispiża tal-manifattura tagħhom.

55.      Madankollu, is-sitwazzjoni hija normalment differenti fil-każ ta’ beni importati minn pajjiżi terzi. F’tali każijiet, il-fornitur stabbilit f’dan il-pajjiż terz jibbenefika, fil-prinċipju, minn dritt għal tnaqqis. Fil-fatt, il-prattika fiskali internazzjonali titlob li l-beni li jiġu esportati jiġu eżentati minn kwalunkwe VAT. Meta dawn il-beni jiġu esportati barra mill-Unjoni, dan jinkiseb permezz tal-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet previsti fl-Artikolu 146 u tal-għoti fl-istess ħin tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input previst fl-Artikolu 169(b) tad-Direttiva tal-VAT (20).

56.      Li l-fornitur jingħata dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input għat-tranżazzjonijiet transkonfinali iżda mhux għat-tranżazzjonijiet nazzjonali jfisser li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT timplika ġeneralment vantaġġ kompetittiv għall-beni minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna b’mod ġust li, fil-każ li kellu jiġi applikat l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT għall-importazzjonijiet ta’ proteżijiet dentali minn pajjiżi terzi wkoll, fornituri stabbiliti f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jikkunsinnaw proteżijiet dentali mingħajr ma jħallsu ebda VAT, kuntrarjament għal fornituri nazzjonali.

57.      Tali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu biss jiġu evitati jekk pajjiż terz jirrifjuta huwa wkoll id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input għall-kunsinni ta’ esportazzjoni. Fid-dawl tal-fatt li dan ma huwiex normalment il-każ, huwa biss il-ġbir tat-taxxa fuq l-importazzjoni ta’ beni li jista’ jikkoreġi, minkejja li b’mod imperfett, il-vantaġġ kompetittiv li jibbenefikaw minnu l-fornituri stabbiliti f’pajjiżi terzi. Fil-fatt, jekk tiġi intaxxata l-importazzjoni, il-beni li joriġina minn pajjiż terz ikun ukoll suġġett għall-VAT. Barra minn hekk, din l-impożizzjoni hija definittiva sakemm ix-xerrej ma jkunx intitolat għal dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input skont l-Artikolu 168(e) tad-Direttiva tal-VAT (21). Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta x-xerrej ikun il-konsumatur tal-beni jew meta huwa jbigħ tali beni mill-ġdid mingħajr taxxa fit-territorju nazzjonali. Din is-sitwazzjoni tal-aħħar tikkaratterizza t-tliet kawżi prinċipali. Ebda waħda mill-persuna taxxabbli ma għandha d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input għall-proteżijiet dentali li huma akkwistaw peress li huma jbigħu mill-ġdid tali proteżijiet mingħajr taxxa skont l-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT.

58.      Madankollu, il-VAT imposta fuq beni minn pajjiżi terzi tkun normalment ogħla minn dik imposta fuq beni kkunsinnat fit-territorju nazzjonali. Filwaqt li t-taxxa fuq dawn il-kunsinni nazzjonali tiddependi fuq il-valur tal-input (22), it-taxxa imposta fuq beni importati hija bbażata fuq il-valur tal-prodott lest (23). Huwa għalhekk li, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rifjut ta’ eżenzjoni fuq importazzjonijiet, previst fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT, ġeneralment jimplika żvantaġġ kompetittiv għad-detriment tal-proteżijiet dentali minn pajjiżi terzi.

59.      Għaldaqstant, la l-eżenzjoni mit-taxxa u lanqas l-impożizzjoni tat-taxxa fuq beni minn pajjiżi terzi, li l-kunsinna tagħhom hija eżentata fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, ma joffru soluzzjoni newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. La l-ewwel u lanqas it-tieni metodu ma jistgħu joħolqu kundizzjonijiet kompetittivi identiċi fir-rigward ta’ beni nazzjonali u ta’ beni minn pajjiżi terzi. Id-Direttiva tal-VAT ma għandhiex il-qafas regolatorju meħtieġ għal soluzzjoni newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni peress li tali soluzzjoni teħtieġ li jkun hemm influwenza fuq id-dritt ta’ fornitur għal tnaqqis tat-taxxa tal-input f’pajjiż terz (24).

60.      F’dan il-kuntest, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-eżenzjonijiet stabbiliti mis-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett peress li jidderogaw mill-prinċipju ġenerali li kull kunsinna ta’ beni u kull provvista ta’ servizzi li jsiru bi ħlas għandhom ikunu suġġetti għall-VAT (25). Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-eżenzjonijiet fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, interpretazzjoni stretta ma trendix l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT ineffettiva fil-każ preżenti (26) peress li, kif intwera iktar ’il fuq, meta l-effetti tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-għan tat-trattament ugwali ma jistax jintlaħaq aħjar permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni.

61.      Fl-aħħar nett, id-diffikultajiet prattiċi kunsiderevoli li kemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ġustament evokaw, jimmilitaw kontra interpretazzjoni wiesgħa tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT. Pereżempju, fil-każ li l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT tiġi interpretata b’mod wiesa’ fil-każ ineżami, ikun regolarment neċessarju li, meta l-beni jaqsmu l-fruntiera, jiġi stabbilit li x-xerrej huwa dentist jew tekniku dentali. Fil-każ li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT tapplika biss meta l-kunsinna ta’ beni importat hija dejjem eżentata, jiġifieri biss minħabba l-karatteristiċi tal-beni, tippermetti li jiġu evitati diffikultajiet simili. Fil-fatt, huwa normalment faċli li jiġu vverifikati l-karatteristiċi ta’ beni fil-mument li dan jaqsam il-fruntiera.

62.      Bħala konklużjoni, l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT teżenta mit-taxxa biss importazzjonijiet ta’ beni minn pajjiżi terzi li l-kunsinna tagħhom hija dejjem, jiġifieri indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, eżentata mit-taxxa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda dwar l-Artikolu 143(a) għandha tkun li l-eżenzjoni ma tapplikax għall-importazzjonijiet ta’ proteżijiet dentali.

2.      Eżenzjoni tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni skont l-Artikolu 140(b) tad-Direttiva tal-VAT

63.      Sussegwentement għandha tiġi eżaminata l-eżenzjoni ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni prevista fl-Artikolu 140(b) tad-Direttiva tal-VAT. Din id-dispożizzjoni hija marbuta mal-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ beni stabbilita fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, l-Artikolu 140(b) tad-Direttiva tal-VAT jeżenta b’mod partikolari “l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li l-importazzjoni taghħa f’kull ċirkostanza tkun eżenti skond il-punti (a)[,] [...] ta’ l-Artikolu 143”.

64.      Peress li l-eżenzjoni li hemm riferiment għaliha ma tapplikax għall-importazzjonijiet ta’ proteżijiet dentali (27), l-akkwist intra-Komunitarju ta’ proteżijiet dentali ma huwiex eżentat skont l-Artikolu 140(b) tad-Direttiva tal-VAT.

3.      Eżenzjoni tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni skont l-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT

65.      L-akkwisti intra-Komunitarji ta’ proteżijiet dentali jistgħu madankollu jiġu eżentati taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT. Din l-eżenzjoni tikkonċerna l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni li l-kunsinna tagħhom mill-persuni taxxabbli hija “fiċ-ċirkostanzi kollha” eżentata fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

66.      Minkejja li l-kliem tal-eżenzjoni tal-importazzjonijiet ta’ beni minn pajjiżi terzi prevista fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT hija evidentement mibnija fuq dik tal-Artikolu 140(a) tal-istess direttiva, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bl-istess mod. A contrario, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ proteżijiet dentali huwa eżentat meta l-kunsinna ssir minn dentist jew tekniku dentali (28). Bħal VDP, Nobel, ir-Repubblika tal-Estonja u l-Kummissjoni, nipproponi interpretazzjoni differenti minn dik li saret fir-rigward tal-Artikolu 143(a), u dan għal żewġ raġunijiet.

67.      L-ewwel nett, interpretazzjoni identika ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet iċċaħħad l-eżenzjoni tal-akkwisti intra-Komunitarji previsti fl-Artikolu 140(a) minn kull kontenut awtonomu. Fil-fatt, il-kontenut regolatorju ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunx jestendi lil hinn mill-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 140(b) tad-Direttiva tal-VAT, sa fejn din tal-aħħar tirreferi għall-eżenzjoni li jipprovdi l-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT.

68.      It-tieni nett, l-Artikoli 90 u 93 KE (li saru l-Artikoli 110 u 113 TFUE) jeżiġu interpretazzjoni li hija differenti minn dik tal-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, att leġiżlattiv tal-Unjoni bħad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju fl-intier tiegħu (29).

69.      Skont l-Artikolu 90 KE (li sar l-Artikolu 110 TFUE), l-Istati Membri ma jistgħux jimponu taxxa interna fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra li teċċedi t-taxxa imposta fuq prodotti nazzjonali simili. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, billi tiġi eskluża kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fuq merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra (30).

70.      L-Artikolu 93 KE (li sar l-Artikolu 113 TFUE), li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata d-Direttiva tal-VAT, għandu huwa wkoll bħala ratio legis li jiggarantixxi kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni. Skont dan l-artikolu, l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ hija neċessarja sabiex tiżgura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u, b’mod partikolari, sabiex tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

71.      Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat jirriżulta li l-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT għandu, kemm jista’ jkun possibbli, jiġi interpretat b’mod li jipprekludi kull distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni hija differenti mill-kompetizzjoni li tipprevali fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi terzi fir-rigward ta’ żewġ aspetti.

72.      Minn naħa, l-eżenzjonijiet fl-Unjoni huma fil-prinċipju rregolati b’mod uniformi mid-Direttiva tal-VAT. Kull eżenzjoni għandha normalment tapplika bl-istess mod fl-Istat Membru tal-oriġini u fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

73.      Min-naħa l-oħra, il-kunsinna transkonfinali ta’ beni li tkun eżentata jekk issir fit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni lanqas ma tagħti lok għal dritt għal tnaqqis. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Eurodental, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-tranżazzjonijiet eżentati skont l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva ma jagħtux lok għal dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa anki meta dawn it-tranżazzjonijiet ikunu ta’ natura intra-Komunitarja (31). Għaldaqstant, kunsinna intra-Komunitarja eżentata skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva tal-VAT ma tagħtix lok għal dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input, kuntrarjament għal dak li jkun il-każ skont l-Artikolu 169(b) tad-Direttiva tal-VAT (32), meta tali kunsinna tkun tibbenefika minn eżenzjoni speċjali, b’mod partikolari dik prevista fl-Artikolu 132 preżenti tad-Direttiva tal-VAT.

74.      Din ir-regola tippermetti li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT mill-perspettiva tal-kompetizzjoni fil-kummerċ tal-proteżijiet dentali fl-Unjoni. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input mill-fornitur huma identiċi, kemm fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet nazzjonali kif ukoll fir-rigward ta’ dawk intra-Komunitarji. Fil-każ li l-eżenzjonijiet japplikaw b’mod uniformi fl-Unjoni, ma jkun hemm dritt għal tnaqqis tat-taxxa f’ebda każ. Huwa għal din ir-raġuni li proteżijiet dentali li ġew akkwistati kemm fit-territorju nazzjonali kif ukoll minn Stat Membru ieħor huma suġġetti għall-istess taxxa tal-input mhux imnaqqsa fl-istadju tal-manifattura (33). F’dawn il-kundizzjonijiet, u kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (34), eżenzjoni tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ beni fejn il-kunsinna nazzjonali tkun eżentata wkoll effettivament tikkontribwixxi għall-ugwaljanza fit-trattament bejn it-tranżazzjonijiet nazzjonali u t-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.

75.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma huwiex sorprendenti l-fatt li, fis-sentenza tagħha Eurodental, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT tista’ tapplika għal proteżijiet dentali wkoll (35), u li l-Kumitat Konsultattiv għall-VAT diġà ta l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward preċedentement (36).

76.      Din l-eżenzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-fornitur ikun dentist jew tekniku dentali fl-Istat Membru tal-oriġini peress li huwa biss b’dan il-mod li tista’ tiġi ggarantita ugwaljanza fit-trattament bejn tranżazzjonijiet nazzjonali u intra-Komunitarji. Huwa minnu li din timplika ċertu diffikultajiet prattiċi fil-mument li fih ikollu jiġi kkonstatat effettivament li l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni huma sodisfatti. Madankollu, tali kontroll huwa iktar faċli li jsir fl-Unjoni milli fil-mument tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi (37). Dan għaliex minn naħa, fil-fatt, teżisti assistenza amministrattiva fiskali fl-Unjoni (38) u, min-naħa l-oħra, il-kontroll ma għandux għalfejn iseħħ fil-fruntiera, iżda jista’ jsir fil-kuntest tal-proċedura ta’ tassazzjoni normali.

77.      Kuntrarjament għall-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT, l-Artikolu 140(a) tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu japplika għall-akkwist intra-Komunitarju ta’ proteżijiet dentali meta l-fornitur ikun dentist jew tekniku dentali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT.

4.      Impatt tad-deroga pprovduta fl-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT

78.      Finalment, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT għandux japplika wkoll meta proteżijiet dentali jiġu kkunsinnati minn Stat Membru li, abbażi tal-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien mal-Parti A(1) tal-Anness X tad-Direttiva tal-VAT, ma japplikax għall-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 132(1)(e) iżda jintaxxa l-proteżijiet dentali f’kull każ.

79.      F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi iqis li, sabiex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-eżenzjoni ma tistax tapplika f’tali każ.

80.      Tali deroga ma tistax tkun ibbażata fuq il-kliem tal-eżenzjoni fl-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, kif intqal, din tirreferi biss għall-eżistenza ta’ eżenzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, iżda mhux fl-Istat Membru tal-oriġini (39).

81.      Huwa minnu li Stat Membru li jintaxxa l-kunsinna ta’ proteżijiet dentali fil-każijiet kollha skont l-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien mal-Parti A(1) tal-Anness X tagħha jinsab effettivament fl-istess sitwazzjoni kompetittiva ta’ pajjiż terz. Peress li, f’tali Stat Membru, il-fornitur ma jibbenefikax mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT, iżda biss mill-eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 138 tagħha għall-kunsinni intra-Komunitarji, huwa jista’, skont l-Artikolu 169(b) tad-Direttiva tal-VAT (40), jinvoka d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input kollha li huwa ħallas għat-tranżazzjonijiet tal-input tiegħu fil-każ ta’ kunsinna fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, proteżijiet dentali minn tali Stat Membru jistgħu jiġu kkunsinnati mingħajr VAT. Bħal fil-każ ta’ kunsinna minn pajjiż terz (41), tali sitwazzjoni tagħti vantaġġ kompetittiv lill-persuni taxxabbli stabbiliti f’tali Stat Membru.

82.      Huwa b’mod partikolari sabiex jiġi kkumpensat dan il-vantaġġ kompetittiv li, fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 143(a), nipproponi interpretazzjoni stretta tal-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn pajjiż terz (42). Madankollu, ma nqisx li huwa xieraq li din l-interpretazzjoni stretta tiġi trasposta lill-eżenzjoni ta’ akkwisti intra-Komunitarji prevista fl-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT meta l-kunsinna ta’ proteżijiet dentali ma hijiex eżentata fl-Istat Membru ta’ oriġini li japplika d-deroga stabbilita fl-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT.

83.      L-ewwel nett, din ikollha l-konsegwenza li tiddiskrimina kontra l-fornituri stabbiliti fi Stat Membru tal-oriġini. Fil-fatt, kif diġà spjegajt fir-rigward ta’ pajjiżi terzi (43), il-proteżijiet dentali li joriġinaw minn Stat Membru ieħor u li fuqhom tiġi imposta taxxa tal-input mhux imnaqqsa ikollhom VAT ogħla minn dik imposta fir-rigward ta’ proteżijiet dentali li joriġinaw minn Stat Membru ieħor li tiġi imposta fuqhom biss taxxa tal-input mhux imnaqqsa. Madankollu, fid-dawl tal-projbizzjoni li jistabbilixxi l-Artikolu 90 KE (li sar l-Artikolu 110 TFUE) f’dan ir-rigward (44), tali diskriminazzjoni kontra prodotti importati hija problematika fil-każ ta’ Stati Membri, iżda mhux fil-każ ta’ pajjiżi terzi.

84.      It-tieni nett, fir-rigward ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn diverġenzi nazzjonali fil-qasam tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input (45), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fis-sentenza tagħha Eurodental, li din is-sitwazzjoni hija l-konsegwenza ta’ armonizzazzjoni inkompleta tal-VAT (46). Id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġustament jallega jirriżultaw għalhekk mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT u mhux minn interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT.

85.      Għaldaqstant, jekk is-sors tal-problema jinsab fid-deroga li jistabbilixxi l-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT, huwa wkoll hawnhekk li għandha tinsab is-soluzzjoni. F’dan ir-rigward, inqajjem il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti tad-dritt primarju, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Dan japplika wkoll għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li japplika għall-persuni taxxabbli kollha, u l-prinċipju partikolari tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 4(2) TFUE li japplika għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, l-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT ma jaqax f’kategorija klassika ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni gradwali, iżda jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri japplikaw regoli nazzjonali differenti. A contrario, din id-dispożizzjoni tawtorizza biss ċerti Stati Membri speċifiċi (47) jidderogaw mir-regoli tad-Direttiva tal-VAT fil-qasam tal-esportazzjoni, li huma madankollu obbligatorji għall-Istati Membri l-oħra (48). Tali inugwaljanzi fit-trattament bejn l-Istati Membri kif ukoll l-inugwaljanzi fit-trattament li jirriżultaw għall-persuni taxxabbli stabbiliti hemmhekk jistgħu jiġu ġġustifikati għal perijodu tranżitorju għall-finijiet tat-twettiq ta’ għan ta’ armonizzazzjoni (49). Madankollu, id-deroga stabbilita fl-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT ma għandha ebda limitu ratione temporis. Konsegwentement, il-kompetenzi differenti li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT ilhom stabbiliti mid-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, jiġifieri għal iktar minn 36 sena (50).

86.      Madankollu, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT mal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 4(2) TUE tmur lil hinn mill-għan tad-domanda għal deċiżjoni preliminari preżenti. Din tista’ biss tiġi eżaminata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ppreżentata b’mod differenti. Indipendentement minn dan, fid-dawl tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni stabbiliti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 113 TFUE billi jfassal id-Direttiva tal-VAT kif stabbilit f’tali artikoli.

87.      Fir-rigward tad-domanda preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT japplika wkoll meta l-proteżijiet dentali jiġu kkunsinnati minn Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien mal-Parti A(1) tal-Anness X tagħha u ma japplikax l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT.

VI – Konklużjoni

88.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li jingħataw ir-risposti segwenti għad-domandi preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden:

1.      L-Artikolu 17 fil-verżjoni tal-Artikolu28f(1) tas-Sitt Direttiva ma jagħti ebda dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input lil persuna taxxabbli li ma ħallsitx taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tagħha peress li d-dritt nazzjonali jipprovdi eżenzjoni li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

2.      L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 140(a) tad-Direttiva tal-VAT tapplika għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ proteżijiet dentali meta l-fornitur ikun dentist jew tekniku dentali, skont l-Artikolu 132(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT. Dan japplika wkoll indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru ta’ oriġini jirrikorrix għad-deroga stabbilita fl-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien mal-Parti A(1) tal-Anness X tad-Direttiva tal-VAT.

3.      L-Artikolu 143(a) tad-Direttiva tal-VAT ma jippermetti f’ebda każ l-eżenzjoni mit-taxxa ta’ importazzjonijiet ta’ proteżijiet dentali.

4.      L-Artikolu 140(b) tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien mal-Artikolu 143(a) ma jippermetti f’ebda każ l-eżenzjoni mit-taxxa ta’ importazzjonijiet intra-Komunitarji ta’ proteżijiet dentali.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara sentenzi preċedenti Eurodental (C-240/05, EU:C:2006:763) u VDP Dental Laboratory (C-401/05, EU:C:2006:792).


3 – Sentenza Eurodental (C-240/05, EU:C:2006:763).


4 – Sentenza VDP Dental Laboratory (C-401/05, EU:C:2006:792).


5 – Sentenza MDDP (C-319/12, EU:C:2013:778).


6 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


7 –      ĠU L 347, p. 1.


8 –      Ara l-punt 5 iktar ’il fuq.


9 –      Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.


10 –      Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.


11 –      Ara s-sentenza VDP Dental Laboratory (C-401/05, EU:C:2006:792).


12 – Sentenza MDDP (C-319/12, EU:C:2013:778, punt 45).


13 – Ara, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi MDDP (C-319/12, EU:C:2013:421, punti 37 sa 51).


14 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi MDDP (C-319/12, EU:C:2013:421, Nr. 72).


15 – Proposta għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, tal-20 ta’ Ġunju 1973, COM(73) 950 finali.


16 – Ara l-Artikolu 14B(c) tal-Proposta għas-Sitt Direttiva (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15), li kien jeżenta mit-taxxa l-kunsinni magħmula lil “organi inkarigati mill-kostruzzjoni, mill-installazzjoni u mill-manteniment ta’ ċimiterji, ta’ oqbra u ta’ monumenti li jikkommemoraw il-vittmi tal-gwerra”; ara issa fuq dan il-punt l-Anness X Parti (B)(6) tad-Direttiva tal-VAT.


17 –      Artikolu 14(A)(1)(e) tal-Proposta għas-Sitt Direttiva (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15)


18 – Proposta għas-Sitt Direttiva (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 17.


19 – Jew l-Artikolu 17(2) fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva.


20 – Jew l-Artikolu 17(3)b fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva.


21 – Jew l-Artikolu 17(2)(b) fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva.


22 – Ara l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT.


23 – Ara l-Artikolu 85 tad-Direttiva tal-VAT moqri flimkien mal-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/93, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).


24 – Ara l-punti 55 u 56 iktar ’il fuq.


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Velker International Oil Company (C-185/89, EU:C:1990:262, punt 19) u Granton Advertising (C-461/12, EU:C:2014:1745, punt 25).


26–      Ara, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, is-sentenzi Dornier (C-45/01, EU:C:2003:595, punt 42) u Klinikum Dortmund (C-366/12, EU:C:2014:143, punt 27).


27 – Ara l-punti 44 sa 61 iktar ’il fuq.


28 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi VDP Dental Laboratory (C-401/05, EU:C:2006:537, punt 44).


29 – Ara s-sentenzi Sturgeon et (C-402/07, EU:C:2009:716, punt 48), Chatzi (C-149/10, EU:C:2010:534, punt 43) u Il-Kummissjoni vs Strack (C-579/12 RX-II, EU:C:2013:530, punt 40).


30 – Sentenza Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C-221/06, EU:C:2007:657, punt 30) dwar l-Artikolu 90 KE.


31 – Sentenza Eurodental (C-240/05, EU:C:2006:763, punt 37).


32 – Jew l-Artikolu 17(3)(b) fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva.


33 – Il-kumplament tad-differenzi joriġinaw mill-fatt li t-taxxa tal-input tista’ tvarja skont l-oriġini tal-provvisti preċedenti minħabba r-rati ta’ taxxa differenti fl-Istati Membri. Fil-fatt, ir-rati ta’ taxxa huma biss parzjalment armonizzati skont l-Artikoli 96 sa 105 tad-Direttiva tal-VAT.


34 –      Ara l-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq.


35 – Ara s-sentenza Eurodental (C-240/05, EU:C:2006:763, punt 40) dwar id-dispożizzjoni li kienet tippreċedi l-Artikolu 28c(B)(a) tas-Sitt Direttiva.


36 –      Ara wkoll il-linji gwida ddefiniti waqt is-sitta u ħamsin sessjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-VAT tat-13 u tal-14 ta’ Ottubru 1998 dwar id-dispożizzjoni li kienet tippreċedi l-Artikolu 28c, Parti B(a) tas-Sitt Direttiva.


37 – Ara l-punt 60 iktar ’il fuq.


38 –      Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, tas-7 ta’ Ottubru 2010, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (verżjoni ġdida) (ĠU L 268, p. 1).


39 –      Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.


40 – Jew l-Artikolu 17(3)(b) fil-verżjoni tal-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva.


41 –      Ara l-punt 55 iktar ’il fuq.


42 –      Ara l-punt 56 iktar ’il fuq.


43 –      Ara l-punt 57 iktar ’il fuq.


44 –      Ara l-punt 68 iktar ’il fuq.


45 –      Ara l-punt 72 iktar ’il fuq.


46 – Sentenza Eurodental (C-240/05, EU:C:2006:763, punti 48 sa 53).


47 – Ara, rigward il-kundizzjonijiet stretti li l-Istati Membri, li ssieħbu mal-Unjoni sussegwentement, jistgħu jinvokaw dwar derogi stabbiliti fid-Direttiva tal-VAT, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-49/09, EU:C:2010:644, punt 42) fir-rigward tal-Artikolu 115 tad-Direttiva tal-VAT.


48 – Dan il-fatt ġie interpretat b’mod żbaljat fis-sentenza Jetair u BTW-eenheid BTWE Travel4you (C-599/12, EU:C:2014:144, punti 44 sa 51), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat l-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-VAT f’kuntest ieħor.


49 – Ara, dwar l-inugwaljanza fit-trattament ta’ operaturi ekonomiċi, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 69); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Eurodental (C-240/05, EU:C:2006:763, punt 52).


50 – Ara l-Artikolu 28(3)(a) u (4) moqri flimkien mal-Anness E(2) tas-Sitt Direttiva.