Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Szpunar

ippreżentati fl-4 ta’ Frar 2015 (1)

Kawża C-584/13

Directeur général des finances publiques

vs

Mapfre Asistencia compania internacional de seguros y reaseguros

u

Mapfre Warranty SpA

vs

Directeur général des finances publiques

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżenzjoni – Kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni – Kunċett ta’ provvista ta’ servizzi – Somma f’daqqa mħallsa sabiex tiggarantixxi ħsara f’vettura użata”





1.        L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem: “il-VAT”) fuq l-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni diġà kienet is-suġġett ta’ diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, kif turi din il-kawża, dawk is-sentenzi ma ppermettewx li jitneħħew totalment id-dubji dwar din l-eżenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk għandha l-possibbiltà li tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett proprju ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2.        Id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (2) (iktar ’il quddiem: “is-Sitt Direttiva”) japplikaw ratione temporis għal din il-kawża. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:

1) il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

3.        Skont l-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

(a) assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”.

4.        L-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, b’mod partikolari dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ li għandhom x’jaqsmu ma’ l-arranġementi ġenerali għaż-żamma, ċaqliq u ssorveljar ta’ prodotti suġġetti għal dazju, din id-Direttiva ma żżommx Stat Membru milli jħalli jew idaħħal taxxi fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, taxxi fuq imħatri u logħob, dazji ta’ sisa, bolol u iktar ġenerali, kull taxxa, dazju jew spejjeż li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq turnover sakemm dawk it-taxxi, dazji jew spejjeż, f’negozju bejn Stati Membri ma jdaħħlux formalitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim ta’ fruntieri.”

Id-dritt Franċiż

5.        L-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma, taħt id-dritt Franċiż, eżenti mill-VAT b’applikazzjoni tal-Artikolu 261 C tal-code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa). Skont l-Artikolu 991 ta’ dan il-kodiċi, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi fit-territorju Franċiż huma suġġetti għal taxxi fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni li għandhom jitħallsu kull sena.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

6.        Mapfre Warranty Spa (li qabel kienet Nuovi Servizi Auto, iktar ’il quddiem “il-kumpannija Mapfre Warranty”), hija kumpannija Taljana li teżerċita fi Franza, taħt l-isem NSA Sage, attività fil-qasam tal-għoti ta’ garanziji (3) f’każ li jinqalgħu ħsarat f’vetturi użati. Fil-prattika, negozjanti li jbigħu vetturi użati jipproponu lill-klijenti, max-xiri ta’ dawn il-vetturi, garanzija kumplimentari f’każ ta’ ħsara fuq ċerti parts għal ċertu tul ta’ żmien mid-data tax-xiri. F’każ ta’ ħsara li taqa’ taħt il-garanzija li tinqala’ matul il-perijodu kopert, l-akkwirent tal-vettura għandu jirrikorri għand il-mekkanik magħżul (li ma jistax ikun mekkanik li jappartjeni lill-bejjiegħ tal-vettura), li joħroġ stima għat-tiswijiet u jippreżentaha lill-kumpannija Mapfre Warranty. Ladarba din il-kumpannija taċċetta l-istima, il-mekkanik jagħmel it-tiswijiet u l-kumpannija Mapfre Warranty tagħmel tajjeb għall-ispiża. Għal parti mill-perjodi kkonċernat fil-kawża prinċipali, il-kumpannija Mapfre Warranty kienet assigurata kontra t-telf li jirriżulta minn dawk l-attivitajiet mal-kumpannija Mapfre Asistencia compañia internacional de seguros y reaseguros (iktar ’il quddiem: “il-kumpannija Mapfre Asistencia”). Ser ikolli l-okkażjoni, iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, li nindirizza fid-dettall l-attivitajiet tal-kumpannija Mapfre Warranty u r-rabtiet ġuridiċi tagħha mad-diversi partijiet fl-operazzjoni, inkwantu din il-kwistjoni tinsab fil-qalba tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

7.        Peress li kkunsidrat dawn l-attivitajiet bħala provvista ta’ servizzi imposti skont ir-regoli ġenerali, il-kumpannija Mapfre Warranty applikat u ħallset il-VAT fuq l-operazzjonijiet li hija wettqet. Madankollu, b’deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2004 u l-31 ta’ Jannar 2005, l-awtorità fiskali kompetenti ordnatilha li tapplika għal dawk l-operazzjonijiet it-taxxa fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni, skont l-Artikolu 991 tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa. Kemm it-talbiet tal-kumpannija Mapfre Warranty quddiem l-ogħla awtorità fiskali, kif ukoll l-azzjonijiet li hija ressqet quddiem it-tribunal de grande instance de Lyon (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Lyon) u l-appelli quddiem il-cour d’appel de Lyon (Qorti tal-Appell ta’ Lyon), ġew miċħuda. Din il-kumpannija b’hekk ressqet appell quddiem il-Cour de cassation (Qorti ta’ Kassazzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża). Kawża oħra tinsab ukoll pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju bejn il-kumpannija Mapfre Asistencia u l-awtoritajiet fiskali, fir-rigward tar-rata tat-taxxa fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni li għandha tiġi applikata għall-kuntratti konklużi bejn il-kumpanniji Mapfre Warranty u Mapfre Asistencia (il-Qorti ta’ Kassazzjoni din id-darba ġiet adita mill-awtoritajiet fiskali). Din il-qorti għaqqdet iż-żewġ kawżi iżda d-domanda preliminari saret biss fir-rigward tal-appell ippreżentat mill-kumpannija Mapfre Warranty; effettivament, it-tieni kawża ma tinvolvi ebda kwistjoni marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

8.        Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha, u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 2 u 13 B(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista li tikkonsisti, għal operatur ekonomiku indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vetturi użati, u permezz tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, f’garanzija għall-ħsara mekkanika li tista’ taffettwa ċerti partijiet mill-vetturi użati taqa’ fil-kategorija ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud jew, għall-kuntrarju, taqa’ fil-kategorija tal-provvisti ta’ servizz?”

9.        It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2013. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet ikkonċernati kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fit-12 ta’ Novembru 2014.

Analiżi

10.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-servizz li jikkonsisti fil-provvista, minn entità indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vetturi użati, għal ċertu perijodu u permezz tal-ħlas ta’ somma ffissata bil-quddiem, ta’ garanzija li tkopri l-ispejjeż tat-tiswija ta’ dawn il-vetturi f’każ li tinqala’ ħsara teknika li taqa’ taħt din il-garanzija, jaqax taħt il-kategorija ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, u jibbenefikax fuq din il-bażi mill-eżenzjoni tal-VAT.

11.      Sabiex tiġi analizzata din id-domanda, jeħtieġ li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni, u mbagħad jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, it-tip ta’ servizz li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni

12.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jingħataw definizzjoni mill-perspettiva ta’ dan id-dritt, sabiex jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor (4). Il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni użat fl-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva b’hekk għandu jiġi ddefinit ukoll b’mod awtonomu, u mhux fuq il-bażi ta’ formulazzjonijiet ta’ dan il-kunċett li jistgħu jkunu adottati mid-dritt tal-Istati Membri.

13.      Is-Sitt Direttiva ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni. Il-Kummissjoni ċertament issottomettiet proposta ta’ direttiva li tinkludi dik id-definizzjoni (5), li kienet ifformulata skont kif ġej:

“operazzjoni ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni” tfisser impenn li permezz tiegħu persuna tkun marbuta, bi skambju għal ħlas, li tipprovdi lil persuna oħra, f’każ li jseħħ xi riskju, kumpens jew vantaġġ stipulat fl-impenn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Madankollu, sallum din il-proposta għadha ma ġietx adottata. Barra minn hekk, id-definizzjoni ċċitata ma tneħħix fil-fehma tiegħi d-dubji kollha li jeżistu f’dan il-każ.

14.      L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u t-twettieq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (6) la tagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ ftehim ta’ assigurazzjoni u lanqas ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni (7).

15.      Il-ġenesi tas-Sitt Direttiva lanqas ma tagħti indikazzjonijiet, la dwar il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, u lanqas dwar ir-raġuni għaliex dawn huma eżenti mill-VAT (8).

16.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-ġurisprudenza tagħha għadd ta’ direzzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Dawn huma miġbura fil-qosor fis-sentenza BGŻ Leasing (9). Skont din il-ġurisprudenza, operazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata, b’mod ġeneralment rikonoxxut, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, permezz tal-ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ li jseħħ ir-riskju assigurat, is-servizz miftiehem meta ġie konkluż il-ftehim. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jimplikaw min-natura tagħhom stess l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha huma koperti bl-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat. Il-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva huwa fil-prinċipju wiesa’ biżżejjed biex jinkludi l-għoti ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni minn persuna li ma tkunx hija stess l-assiguratriċi, iżda li, fil-kuntest ta’ assigurazzjoni kollettiva, tipprovdi dik il-kopertura lill-klijenti tagħha billi tuża s-servizzi ta’ assiguratur li jassumi r-responsabbiltà għar-riskju assigurat (10). F’dik l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dik ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-assiguratur u l-assigurat tista’ tiġi stabbilita minn terza persuna, li taġixxi f’isimha iżda akkont tal-assigurat (11).

17.      It-tip ta’ servizz li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’, konsegwentement, taħt il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni, hekk iddefinit?

L-evalwazzjoni tal-garanzija mogħtija f’każ ta’ ħsara f’vettura użata fir-rigward tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni

18.      A priori, is-servizz li jikkonsisti f’impenn mogħti minn entità indipendenti mill-bejjiegħ tal-vettura, permezz tal-ħlas ta’ somma ta’ flus iffissata minn qabel, li tkopri l-ispejjeż ta’ tiswija ta’ dik il-vettura f’każ li tinqala’ ħsara li taqa’ taħt il-ftehim, spejjeż li, fl-assenza ta’ tali ftehim, ikollhom jitħallsu mill-akkwirent tal-vettura, jidher li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva. Il-kumpannija Mapfre Warranty, fl-argumenti li ssottomettiet lill-qorti tar-rinviju, li huma mehmuża mat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll mal-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, madankollu tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-eżami ta’ dawn l-argumenti huwa utli għaliex jippermetti li mmorru iktar lil hinn fl-analiżi ta’ din il-kategorija ta’ operazzjonijiet.

Ir-rabta ġuridika li teżisti bejn id-diversi atturi li jipparteċipaw fl-operazzjoni

19.      Il-kumpannija Mapfre Warranty tiċħad fl-ewwel lok l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejnha u l-akkwirent tal-vettura. Hija tal-fehma li din ir-rabta teżisti biss bejnha u l-bejjiegħ tal-vettura, li jagħtiha sempliċement il-kompitu li teżegwixxi fil-konfront tal-akkwirenti l-obbligi tal-bejjiegħ skont id-dispożizzjonijiet legali jew kuntrattwali. Skont l-affermazzjonijiet tal-kumpannija Mapfre Warranty, huwa wkoll il-bejjiegħ tal-vettura li jkopri l-ammont tal-primjum abbażi tal-garanzija mogħtija minn din il-kumpannija, u dan sabiex il-vettura li tkun għall-bejgħ tkun iktar attraenti.

20.      B’mod ċar, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali li jiddeterminaw ir-rabtiet ġuridiċi bejn id-diversi atturi li jipparteċipaw fl-operazzjoni. Fil-fehma tiegħi, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa waħda, iċ-ċirkustanzi tal-każ ma jippuntawx fid-direzzjoni tal-argumenti tal-kumpannija Mapfre Warranty. Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li din il-kwistjoni hija essenzjali għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva.

21.      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta ġuridika bejn il-kumpannija Mapfre Warranty u l-akkwirent tal-vettura, għandhom jiġu enfasizzati ċ-ċirkustanzi li ġejjin. Fl-ewwel lok, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet, f’każ ta’ ħsara koperta mill-garanzija, l-akkwirent tal-vettura ma huwiex obbligat li jsewwiha għand mekkanik li jappartjeni lill-bejjiegħ jew li jkun indikat lilu minn dan tal-aħħar, iżda jista’ jagħżel b’mod liberu l-garaxx tiegħu. L-imsemmi garaxx jagħmel kuntatt mal-kumpannija Mapfre Warranty sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-ispejjeż tat-tiswija, li din tal-aħħar sussegwentement tkopri. Il-bejjiegħ tal-vettura b’ebda mod ma jipparteċipa fl-implementazzjoni tal-ftehim ta’ garanzija.

22.      Fit-tieni lok, skont il-formola ta’ adeżjoni mal-garanzija pprovduta mill-kumpannija Mapfre Warranty, li l-Gvern Franċiż ippreżenta matul is-seduta u li l-kumpannija ma kkontestatx il-veraċità tagħha, il-garanzija ma teżentax lill-bejjiegħ mill-obbligi legali tiegħu jew minn kwalunkwe responsabbiltà oħra, b’mod partikolari fir-rigward tad-difetti moħbija. Dan imur kontra l-affermazzjonijiet tal-kumpannija Mapfre Warranty, fis-sens li l-garanzija li din tipprovdi tkun sempliċement għall-bejjiegħ mod kif iwettaq l-obbligi tiegħu, waqt li għall-kuntrarju din il-garanzija b’mod ċar ma tilliberahx minn dawk l-obbligi. Ir-riskju kopert mill-garanzija jikkonċerna lill-akkwirent tal-vettura u jirriżulta min-neċessità li jiġu koperti l-ispejjeż tat-tiswija f’każ ta’ ħsara. Ma jkunx loġiku li l-akkwirent tal-vettura jħallas suppliment għal servizzi li huwa kellu jgawdi skont il-liġi jew fuq xi bażi oħra (12).

23.      Fit-tielet lok, il-kumpannija Mapfre Warranty tafferma li l-primjum abbażi tal-garanzija li hija tipprovdi jitħallas mill-bejjiegħ tal-vettura li jnaqqsu mill-prezz li jirċievi. F’dan il-każ, il-garanzija inkwistjoni ma tkunx servizz fakultattiv, ipprovdut fuq talba tal-akkwirent tal-vettura permezz tal-ħlas ta’ suppliment, iżda element li ma jistax jiġi sseparat mill-offerta tal-bejjiegħ ta’ vetturi. Jidhirli li dan ma huwiex konformi man-natura ta’ dan it-tip ta’ servizz. Madankollu, anki jekk nassumu li dan huwa l-każ, xorta jibqa’ l-fatt li l-primjum huwa marbut mill-qrib ma’ kull vettura u li l-ammont tiegħu jiddependi minn fatturi bħaż-żmien u l-kilometraġġ tal-vettura, kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-garanzija. B’mod definittiv, il-primjum b’hekk jitħallas sistematikament mill-akkwirent tal-vettura, anki jekk dan ikun inkluż fil-prezz ta’ din il-vettura.

24.      Kif diġà enfasizzajt, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali li jevalwaw ir-rabtiet ġuridiċi li jeżistu bejn id-diversi atturi ta’ każ partikolari. Madankollu, dan ma għandux ikollu effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 B(a), tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk ftehim ikunx konkluż bejn l-akkwirent tal-vettura u l-kumpannija Mapfre Warranty u jekk il-bejjiegħ ikollux biss is-sempliċi rwol ta’ intermedjarju, jew jekk dak il-bejjiegħ jikkonkludix il-ftehim f’ismu iżda akkont tal-akkwirent, jew finalment jekk il-bejjiegħ tal-vettura jittrasferixxix lill-akkwirent id-drittijiet li jirriżultaw mill-ftehim li huwa jkun ikkonkluda f’ismu stess u akkont tiegħu stess mal-kumpannija Mapfre Warranty, il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni użat fid-dispożizzjonijiet iċċitata iktar ’il fuq tad-Direttiva huwa wiesa’ biżżejjed biex ikopri kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

25.      Fil-fatt, l-elementi kollha karatteristiċi tal-operazzjoni ta’ assigurazzjoni huma preżenti f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet: l-assigurat, li huwa l-akkwirent tal-vettura, u l-assiguratur, li f’dan il-każ huwa l-kumpannija Mapfre Warranty. Ir-riskju jeżisti fil-forma tan-neċessità għall-akkwirent tal-vettura li jħallas għat-tiswijiet f’każ ta’ ħsara li taqa’ taħt il-garanzija, spiża li l-assiguratur jimpenja ruħu li jħallas, kemm jekk dan ikun fil-prezz tax-xiri ta’ din il-vettura jew bħala ammont addizzjonali. Jidhirli li dan huwa biżżejjed biex wieħed jafferma li r-rabta ġuridika meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha biex tikkunsidra tranżazzjoni bħala operazzjoni ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva teżisti bejn l-assiguratur u l-assigurat.

Il-problema msejħa mutwalizzazzjoni tar-riskji

26.      Il-kumpannija Mapfre Warranty tafferma wkoll li sabiex l-operazzjoni titqies bħala operazzjoni ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, l-assiguratur għandu jiġġestixxi u jinnewtralizza r-riskju assigurat skont it-teknika ta’ mutwalizzazzjoni (jiġifieri billi dan jitqassam fuq l-assigurati kollha u jiġi bbilanċat bl-għajnuna ta’ riżervi kkostitwiti mill-primjums imħallsa, sal-ammont li jirriżulta mir-regoli tal-istatistika). Il-kumpannija Mapfre Warrranty hija tal-fehma li l-attività li hija teżerċita ma hija xejn għajr l-akkwist mingħand il-bejjiegħ ta’ vetturi tal-obbligu ta’ tiswija, għal liema tiswija hija mbagħad tqabbad sottokuntrattur, li huwa l-garaxx magħżul mill-akkwirent tal-vettura.

27.      Madankollu minix konvint minn dawn l-argumenti. Fl-ewwel lok, kif diġà fakkart, ir-riskju kopert mill-garanzija ma jaqax fuq il-bejjiegħ tal-vettura, iżda fuq l-akkwirent. Il-garanzija offruta mill-kumpannija Mapfre Warranty ma teżentax lill-bejjiegħ mill-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu fil-konfront tal-akkwirenti.

28.      Fit-tieni lok, l-essenza proprja tal-assigurazzjoni (u fi kwalunkwe każ dik tal-assigurazzjoni għad-danni) tinsab fil-fatt li l-assigurat jipproteġi ruħu kontra r-riskju ta’ telf finanzjarju futur, li jkun inċert iżda potenzjalment serju, permezz ta’ somma ta’ flus li l-ħlas tagħha jkun ċert iżda limitat.

29.      Huwa paċifiku li l-ammonti ffatturati mill-kumpannija Mapfre Warranty fil-forma ta’ primjums ma jiġux irrimborsati lill-akkwirenti tal-vetturi jekk, fit-tmiem tal-perijodu tal-garanzija, ebda ħsara ma tkun ġiet ikkonstata, jew jekk l-ispiża tat-tiswijiet tkun inqas minn dan il-primjum, waqt li fil-każ ta’ ħsara li l-ispiża tagħha ma taqbiżx l-ammont tal-primjum imħallas, l-akkwirent tal-vettura ma jkunx obbligat li jħallas l-ispejjeż supplimentari. Il-primjums iffatturati mill-kumpannija Mapfre Warranty b’hekk ma jikkostitwixxux forma ta’ depożitu fuq l-ispejjeż ta’ tiswija eventwali, iżda huma tabilħaqq primjums tal-assigurazzjoni li l-ħlas tagħhom jillibera totalment lill-assigurat mir-riskju kopert mill-assigurazzjoni.

30.      Il-kumpannija Mapfre Warranty b’hekk taqsam ir-riskju assigurat b’mod li l-primjums imħallsa mill-vetturi kollha koperti mill-garanzija jkopru l-ispejjeż tat-tiswija tal-vetturi li effettivament tiġrilhom il-ħsara. Kieku kien mod ieħor, l-attività tagħha ma tkun tagħmel ebda sens minn perspettiva ekonomika. Madankollu, il-kwistjoni dwar kif il-kumpannija Mapfre Warranty tikkalkula l-primjums u tiġġestixxi l-ammont tal-ispejjeż ta’ tiswija (pereżempju billi tixtri mingħand il-manifatturi spare parts bi prezzijiet bl-ingrossa jew inkella billi tagħmel ċerti tiswijiet għand mekkaniks magħżula minnha) hija kwistjoni li tikkonċerna l-organizzazzjoni interna ta’ din il-kumpannija li ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet li hija teżerċita bħala assiguratur. Ikun ukoll kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jekk l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti fis-Sitt Direttiva tkun suġġetta għal aspetti interni tal-mudell ta’ funzjonament ekonomiku tad-diversi impriżi, li ma għandhomx effett fuq l-operazzjonijiet li huma jwettqu.

31.      L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanza li l-kumpannija Mapfre Warranty kienet min-naħa tagħha assigurata kontra telf finanzjarju mal-kumpannija Mapfre Asistencia. Il-fatt li l-attività eżerċitata tkun assigurata kontra r-riskji finanzjarji ma jneħħi xejn min-natura tagħha ta’ attività ta’ assigurazzjoni. Ebda kalkolu statistiku ma huwa infallibbli, u għaldaqstant l-attività ta’ assigurazzjoni tista’ wkoll tiġġenera telf. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, titqies bħala persuna taxxabbli kull persuna li twettaq attività ekonomika “ikun x’ikun […] ir-riżultati ta’ dik l-attività”. Ma narax għalfejn dan ma japplikax għall-attivitajiet eżenti.

32.      Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-klassifikazzjoni ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva ma tiddependix mill-mod kif l-assiguratur jiġġestixxi l-importanza tar-riskju assigurat u jikkalkula l-ammont eżatt tal-primjums.

Il-problema ta’ trattament fiskali differenti ta’ servizzi simili

33.      Il-kumpannija Mapfre Warranty ssostni wkoll li l-garanziji supplimentari mogħtija mill-manifatturi jew mill-bejjiegħa ta’ vetturi permezz tal-ħlas ta’ primjum huma ttrattati bħala servizzi ta’ wara l-bejgħ u huma suġġetti għall-VAT. Il-fatt li jiġu eżentati minn din it-taxxa l-operazzjonijiet imwettqa mill-kumpannija Mapfre Warranty b’hekk jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali: effettivament, dan jammonta għal trattament differenti ta’ servizzi simili.

34.      Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi madankollu ma humiex simili. Il-manifattur li jipprovdi garanzija fuq il-prodott tiegħu jiggarantixxi li dan jaħdem sew għal perijodu determinat. Dan jimplika li huwa għandu influwenza essenzjali, jekk mhux totali, f’dan ir-rigward. Billi joffri garanzija, huwa b’hekk ma jiħux riskju sinjifikattiv, għaliex huwa jinsab f’pożizzjoni li jipprevedi b’mod ferm preċiż it-tul ta’ żmien tal-perijodu li matulu hemm probabbiltà għolja li l-prodott tiegħu mhux ser tiġrilu l-ħsara. Biex inkunu ċari, il-garanzija li l-prodott ma tiġrilux ħsara għandha tkun akkumpanjata bl-impenn li jissewwa jew jiġi mibdul b’xejn, jekk isseħħ dik il-ħsara. Kieku kien mod ieħor, din il-garanzija ma tkun tagħmel ebda sens minn perspettiva ekonomika. Madankollu, anki f’dak il-każ, il-manifattur ma jassumix l-ispejjeż ta’ tiswija li ssir f’garaxx magħżul liberament mill-akkwirent tal-prodott, iżda jsewwih huwa stess jew iqabbad lil ċentru ta’ servizzi approvat. Bl-istess mod, il-bejjiegħa ta’ vetturi użati, inkwantu jkunu jafu l-istat tekniku ta’ kull waħda fosthom, jinsabu f’pożizzjoni li jiggarantixxu li ċerta ħsara mhux ser tinqala’ fi żmien determinat fuq vettura partikolari, u jekk ikun meħtieġ, li jipproponu t-tiswija b’xejn fil-garaxx tagħhom jew inkella għand sottokuntrattur magħżul minnhom. Dan jikkostitwixxi l-hekk imsejjaħ after sales service, li huwa marbut mill-qrib mal-prodotti mibjugħa u, għaldaqstant, intaxxat bl-istess mod bħall-provvista ta’ dawn il-prodotti (13).

35.      Il-manifatturi u l-bejjiegħa b’hekk ma jintrabtux per se li jipprovdu ċerti servizzi jekk iseħħ riskju partikolari, iżda pjuttost jiggarantixxu li dan ir-riskju ma huwiex ser iseħħ, u l-garanzija ta’ tiswija jew bdil b’xejn tal-prodott kopert tikkostitwixxi wieħed mill-elementi tat-twettiq tal-obbligi lejn l-akkwirenti. L-obbligi li jirriżultaw mill-garanzija b’hekk huma ta’ natura aċċessorja meta mqabbla mal-iskop prinċipali tal-ftehim li huwa li jinbiegħu l-prodotti.

36.      Is-sitwazzjoni tal-assiguratur li la jkun il-manifattur u lanqas il-bejjiegħ tal-vettura assigurata, u li b’hekk ma jkollu ebda influwenza fuq l-istat tekniku tagħha, jew ma jkunx jaf x’inhu, hija totalment differenti. Effettivament, huwa jagħmel assigurazzjoni kontra riskju li b’ebda mod ma jiddependi minnu. Huwa jinsab biss f’pożizzjoni fejn jista’ jipprevedi statistikament, fuq il-bażi ta’ numru kbir biżżejjed ta’ assigurati, il-probabbiltà li jseħħ dak ir-riskju u l-ammont medju tad-danni, li jippermettilu jikkalkula l-ammont xieraq tal-primjum. Għaldaqstant, dan huwa mekkaniżmu totalment differenti minn dak tal-garanzija mogħtija mill-manifatturi jew mill-bejjiegħa. Il-loġika ekonomika tiegħu hija wkoll differenti, b’mod li jistgħu jkunu applikabbli għalih regoli oħrajn tat-taxxa.

Sinteżi

37.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li s-servizz li jikkonsisti, għal entità indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vetturi użati, fl-għoti, għal ċertu tul ta’ żmien u permezz tal-ħlas ta’ somma ddeterminata minn qabel, ta’ garanzija li tkopri l-ispejjeż tat-tiswija ta’ dawn il-vetturi f’każ li sseħħ ħsara teknika li taqa’ taħt dik il-garanzija, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, u jibbenefika fuq din il-bażi mill-eżenzjoni tal-VAT.

38.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kumpannija Mapfre Warranty hija entità indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vetturi użati u d-domanda preliminari tikkonċerna wkoll sitwazzjoni bħal din. Iżda wieħed ma jistax jinterpreta din il-konklużjoni a contrario, fis-sens li l-operazzjonijiet imwettqa minn ċerti entitajiet li jkunu jiddependu mill-manifatturi jew mill-bejjiegħa ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari dawk li joperaw taħt il-forma ta’ kumpanniji tal-assigurazzjoni, ma jikkostitwixxux operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni.

Id-differenza fin-natura bejn l-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-operazzjonijiet ta’ kunsinna ta’ vetturi użati

39.      Il-kumpannija Mapfre Warranty finalment issostni li, anki kieku l-operazzjonijiet tagħha kellhom jiġu kklassifikati bħala operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, dawn ikollhom jiġu suġġetti għall-VAT, għaliex huma marbuta b’mod tant inseparabbli mill-operazzjonijiet ta’ bejgħ tal-vetturi użati koperti mill-garanzija li fir-realtà jifformaw operazzjoni waħda, li għandha tiġi intaxxata b’mod uniformi. Il-qorti tar-rinviju ma tissollevax din il-problema espliċitament fid-domanda preliminari, iżda mingħajr l-iċken dubju, din għandha effett fuq it-tassazzjoni korretta tal-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali; b’hekk jistħoqqilha li tiġi eżaminata.

40.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-VAT, kull servizz għandu normalment jitqies bħala distint u indipendenti; madankollu, f’ċerti ċirkustanzi, diversi servizzi li jkunu formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u li b’hekk jistgħu jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew eżenzjoni, għandhom jitqiesu bħala operazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta d-dekompożizzjoni tas-servizz tkun ta’ natura artifiċjali mill-perspettiva ekonomika jew meta servizz aċċessorju jkollu jiġi intaxxat bl-istess mod bħas-servizz prinċipali. Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, li b’hekk huwa kompitu tal-qrati nazzjonali. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil dawn il-qrati l-elementi kollha rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għalihom biex jagħtu deċiżjoni dwar il-kawża li jkollhom quddiemhom (14).

41.      Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kull operazzjoni ta’ assigurazzjoni tippreżenta, min-natura tagħha stess, rabta mal-prodott li jkollha l-iskop li tkopri. Madankollu, din ir-rabta ma tistax tkun biżżejjed, fiha nfisha, biex tiddetermina jekk jeżistix jew le servizz uniku kumpless għall-finijiet tal-VAT. Fil-fatt, kieku kull operazzjoni ta’ assigurazzjoni kienet suġġetta għall-VAT skont jekk ikunux suġġetti għal din it-taxxa servizzi relatati mal-prodott li tkun tkopri, l-għan stess tal-eżenzjoni tal-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jsir dubjuż (15).

42.      F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-garanzija tikkostitwixxi servizz kumplimentari meta mqabbel mal-operazzjoni ta’ kunsinna tal-vettura u li taqa’ taħt bażi loġika ekonomika differenti u awtonoma. L-akkwirent ta’ vettura jista’ jixtriha u jibbenefika minnha mingħajr garanzija f’każ ta’ ħsara, u jista’ wkoll jikkonkludi ftehim ta’ garanzija ma’ impriża oħra apparti l-kumpannija Mapfre Warranty, mingħajr ma juża s-servizzi intermedjarji tal-bejjiegħ tal-vettura. Il-fatt li l-garanzija deskritta hawnhekk hija pprovduta minn impriża indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vetturi, b’mod li din ma tistax titqies bħala garanzija pprovduta mill-bejjiegħ, huwa wkoll importanti. Finalment, il-kumpannija Mapfre Warranty tirriżerva d-dritt f’ċerti ċirkustanzi li tħassar il-ftehim ta’ garanzija, li b’ebda mod ma jaffettwa l-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura. Fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċirkustanzi juru b’mod ferm ċar li garanzija bħal dik eżaminata fil-kawża prinċipali ma hijiex marbuta b’mod inseparabbli mill-operazzjoni ta’ kunsinna tal-vettura, b’mod li din ma tistax tiġi ntaxxata bl-istess mod bħal dik il-kunsinna.

 Konklużjoni

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerrixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari li saret mill-Qorti ta’ Kassazzjoni skont kif ġej:

Is-servizz li jikkonsisti fl-għoti, minn entità indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vetturi użati, għal ċertu tul ta’ żmien u permezz tal-ħlas ta’ somma ddeterminata bil-quddiem, ta’ garanzija li tkopri l-ispejjeż tat-tiswija ta’ dawn il-vetturi f’każ li tinqala’ ħsara teknika li taqa’ taħt din il-garanzija, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, u fuq din il-bażi jibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud.


1 – Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


3 – Il-kumpannija Mapfre Warranty tikklassifika s-servizzi tagħha bħala servizzi ta’ garanziji u b’hekk jiena ser nirreferi għalihom b’dan il-mod f’dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, għandu jitqies il-fatt li dawn huma garanziji fis-sens wiesa’, inkluż kull mekkaniżmu li jipproteġi lil persuna kontra telf finanzjarju (ara G. Cornu, Vocabulaire juridique, it-tmien edizzjoni, PUF, Paris, 2009, paġna 436). Għandha ssir distinzjoni bejn dan il-kunċett u l-garanzija kuntrattwali dwar il-kwalità pprovdutà mill-bejjiegħ tal-prodotti mixtrija u wkoll il-garanzija kontra d-difetti moħbija. Ara wkoll fuq dan is-suġġett il-punti 33 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


4 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi Stichting Uitvoering Financiële Acties, 348/87, EU:C:1989:246, punt 11; Abbey National, C-169/04, EU:C:2006:289, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


5 – Proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tat-trattament tas-servizzi ta’ assigurazzjoni u tas-servizzi finanzjarji (COM/2007/0747 finali). Id-Direttiva 2006/112 issostitwixxiet is-Sitt Direttiva. Eżenzjoni ekwivalenti għal dik li tinsab fl-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva hija prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14.


7 – Fis-sentenza CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ikkunsidrat li l-kunċett ta’ assigurazzjoni ma għandux jiġi interpretat b’mod differenti fil-kuntest tas-Sitt Direttiva milli f’dak tad-Direttiva 73/239. Madankollu, f’dik il-kawża, din kienet tirrigwarda biss il-portata ta’ dan il-kunċett, jiġifieri l-kwistjoni jekk dan kienx jinkludi, minbarra l-ħlas ta’ kumpens, forom oħrajn ta’ għajnuna lill-vittmi, u mhux id-definizzjoni tiegħu. Fil-fehma tiegħi, il-mod kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ assigurazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT ma għandux neċessarjament jiġi ddeterminat mid-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ assigurazzjoni, inkwantu l-għanijiet ta’ dawk ir-regolamenti huma differenti.


8 – Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Kawża CPP (C-349/96, EU:C:1998:281, punt 26)


9 – C-224/11, EU:C:2013:15.


10 – Sentenza BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punti 58-59 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11 – Ibidem, punti 62 u 63.


12 – Nixtieq nenfasizza hawnhekk li b’mod ċar huwa possibbli, fit-teorija, li terza persuna tassumi għal somma f’daqqa l-obbligi tal-bejjiegħa ta’ vetturi skont il-liġi jew abbażi ta’ xi titolu ieħor (pereżempju permezz ta’ kuntratt). Għaldaqstant dawn l-operazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll bħala operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ħlief jekk l-assigurat ikun il-bejjiegħ tal-vettura u mhux l-akkwirent tagħha. Iżda l-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonsistux f’dan, u d-domanda preliminari ma saritx f’dan il-kuntest.


13 – Ara wkoll dwar dan is-suġġett il-punti 39 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14 – Sentenza BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punti 29-33 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15 – Ibidem, punt 36.