Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2015 (1)

Kawża C-294/14

ADM Hamburg AG

vs

Hauptzollamt Hamburg-Stadt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja)]

“Trasport — Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Kodiċi Doganali Komunitarju — Preferenzi tariffarji — Artikolu 74(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Prodotti oriġinarji esportati minn pajjiż benefiċjarju — Rekwiżit li l-prodotti ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea jkunu l-istess prodotti esportati mill-pajjiż benefiċjarju li fih jitqiesu li huma oriġinarji — Kunsinna komposta minn taħlita ta’ żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat li joriġina minn diversi pajjiżi li jibbenefikaw mill-istess trattament preferenzjali”





1.        Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, ġie importat żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat fl-Unjoni Ewropea minn diversi pajjiżi fl-Amerika Ċentrali u fl-Amerika ta’ Isfel, li lkoll jibbenefikaw mill-istess tariffa preferenzjali. Għall-finijiet ta’ trasport, żejt li joriġina minn diversi minn dawn il-pajjiżi tferra’ f’tank wieħed u ġie ddikjarat għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea bħala taħlita.

2.        F’dan il-kuntest, u għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali, tqum id-domanda dwar kif għandha tiġi ttrattata t-taħlita ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiżi differenti. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti gwida dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2454/93 (2), li ma jippermetti ebda bdil jew trasformazzjoni tal-prodotti, u b’mod partikolari tar-rekwiżit li l-prodotti ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea jkunu l-istess prodotti li jiġu esportati mill-pajjiż benefiċjarju li minnu jitqiesu li joriġinaw (iktar ’il quddiem “ir-rekwiżit tal-identiċità”).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament (KE) Nru 732/2008 (3)

3.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 732/2008 jipprovdi:

“1. Il-preferenzi tariffarji mogħtija għandhom japplikaw għall-importazzjoni ta’ prodotti inklużi fl-arranġament li jgawdi minnu l-pajjiż benefiċjarju li joriġinaw fih.

2. Għall-finijiet ta’ l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2), ir-regoli ta’ l-oriġini, li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti oriġinanti, il-proċeduri u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati magħhom, għandhom ikunu dawk stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

[…]”

B –    Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93

4.        Ir-Regolament Nru 2454/93 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (4).

5.        Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1063/2010, li bih ġie emendat ir-Regolament Nru 2454/93, tispjega li hemm il-ħtieġa għall-flessibbiltà peress li r-regoli fis-seħħ meta ġie adottat ir-Regolament li emenda kienu jeżiġu prova ta’ trasport dirett lejn l-Unjoni Ewropea li jista’ jkun diffiċli tinkiseb. Minħabba dan ir-rekwiżit, ċerti prodotti li fir-rigward tagħhom kien hemm prova valida ta’ oriġini ma setgħux fil-fatt jibbenefikaw minn trattament preferenzjali. Din kienet ir-raġuni għaliex tqies li kien xieraq li tiġi introdotta regola ġdida, iktar sempliċi u iktar flessibbli li tiffoka fuq il-punt dwar jekk il-merkanzija ppreżentata lid-dwana għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea hijiex l-istess bħal dik li tkun telqet mill-pajjiż benefiċjarju ta’ esportazzjoni, bil-kwistjoni essenzjali tkun li din il-merkanzija ma tkunx inbidlet jew ġiet ittrasformata b’ebda mod matul il-vjaġġ.

6.        L-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi:

“Il-prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala oriġinanti f’pajjiż benefiċjarju:

(a) prodotti kompletament idderivati f’dak il-pajjiż skont it-tifsira tal-Artikolu 75;

(b) prodotti miksuba f’dak il-pajjiż li jinkorporaw materjali li ma kinux kompletament idderivati hemmhekk, sakemm tali materjali għaddew minn xogħol jew ipproċessar suffiċjenti skont it-tifsira tal-Artikolu 76.”

7.        L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi:

“1. Il-prodotti ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu l-istess prodotti kif esportati mill-pajjiż benefiċjarju fejn jitqiesu li oriġinaw. M’għandhomx ikunu ġew mibdula, ittrasformati b’xi mod jew suġġetti għal operazzjonijiet għajr operazzjonijiet biex ikunu ppriservati f’kundizzjoni tajba, qabel ikunu ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa. Il-ħażna ta’ prodotti jew kunsinni u l-qsim ta’ kunsinni jistgħu jseħħu meta jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-esportatur jew ta’ detentur sussegwenti tal-merkanzija u l-prodotti jibqgħu taħt is-sorveljanza tad-dwana fil-pajjiż(i) ta’ tranżitu.

2. Għandu jitqies li jkun hemm konformitá mal-paragrafu 1 sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx raġuni biex jemmnu mod ieħor; f’tali każijiet, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lid-dikjarant biex jipprovdi evidenza tal-konformità, li tista’ tingħata bi kwalunkwe mezz, inklużi dokumenti kontrattwali tat-trasport bħal poloz ta’ karigu jew evidenza fattwali jew konkreta bbażata fuq l-immarkar jew l-innumerar tal-pakketti jew kwalunkwe evidenza relatata mal-prodotti nfushom.”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

8.        Fil-11 ta’ Awwissu 2011, ADM Hamburg importat għadd ta’ kunsinni ta’ żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat mill-Ekwador, mill-Kolombja, mill-Costa Rica u mill-Panama fil-Ġermanja għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-pajjiżi kollha huma pajjiżi esportaturi SĠP (5). Iż-żejt inġarr f’tankijiet differenti ta’ bastiment tal-merkanzija. Sabiex tibbenefika minn preferenza, ADM Hamburg issottomettiet ċertifikati ta’ trattament preferenzjali maħruġa mill-pajjiżi msemmija iktar ’il fuq.

9.        Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna waħda biss minn dawn il-kunsinni (iktar ’il quddiem “il-kunsinna inkwistjoni”). Il-kunsinna inkwistjoni kien fiha taħlita ta’ żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat li joriġina minn pajjiżi benefiċjarji differenti.

10.      Fit-8 ta’ Diċembru 2011, il-Hauptzollamt Hamburg-Stadt (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Hamburg) ħareġ avviż ta’ dazju fuq l-importazzjoni. Fir-rigward tal-kunsinna inkwistjoni, hija kkalkola d-dazju fuq l-importazzjoni abbażi tar-rata ta’ dazju għal pajjiżi terzi, jiġifieri, mingħajr ma ta lill-kunsinna t-trattament preferenzjali mitlub. Ir-raġuni għaliex ġie rrifjutat trattament preferenzjali kienet, essenzjalment, li żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat minn kunsinni differenti ta’ importazzjoni minn pajjiżi ta’ oriġini differenti kien tħallat flimkien f’tank wieħed.

11.      Wara ċ-ċaħda ta’ ilment amministrattiv, ADM Hamburg ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg. Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kundizzjoni materjali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1063/2010, tat-18 ta’ Novembru 2010, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, li tipprovdi li l-prodotti ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu dawk li ġew esportati mill-pajjiż benefiċjarju fejn huma kkunsidrati bħala li kienu oriġinarji, hija ssodisfatta f’każ bħal dak f’din il-kawża, fejn numru ta’ lottijiet ta’ żejt [taż-żerriegħa] tal-palm mhux raffinat minn diversi pajjiżi esportaturi li jibbenefikaw mis-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi, li huma kkunsidrati bħala li joriġinaw minnhom, ma kinux fiżikament separati fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea, iżda li matul l-esportazzjoni ġew imqiegħda fl-istess tank tal-bastiment trasportatur u li għalhekk ġew importati fil-forma ta’ taħlita fl-Unjoni Ewropea, taħt kundizzjonijiet fejn jista’ jiġi eskluż li prodotti oħra — b’mod partikolari prodotti li ma jibbenefikaw minn l-ebda trattament preferenzjali — ġew miżjuda mat-tank tal-bastiment trasportatur matul it-trasport ta’ dawn il-prodotti sar-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkulazzjoni libera?”

12.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati minn ADM Hamburg, mill-Hauptzollamt Hamburg-Stadt u mill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tal-Hauptzollamt Hamburg-Stadt, dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015.

III – Analiżi

A –    Il-kwistjoni

13.      Ir-rekwiżit tal-identiċità bejn il-prodotti li jkunu telqu mill-pajjiż benefiċjarju u dawk ippreżentati lid-dwana ma’ dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2454/93 huwa ssodisfatt meta żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat li joriġina minn diversi pajjiżi li jibbenefikaw mill-istess tariffa preferenzjali jkun tferra’ fl-istess tank ta’ bastiment tal-merkanzija u ġie importat bħala taħlita f’dak it-tank? Dan huwa essenzjalment dak li l-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika f’din il-kawża. Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tipprovdi informazzjoni dwar din il-kwistjoni mhux biss minħabba li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità tikkjarifika t-tifsira tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 2454/93, iżda wkoll minħabba li awtoritajiet doganali fl-Istati Membri għandhom fehmiet differenti dwar dan l-aspett.

14.      B’mod iktar speċifiku, hemm inċertezza dwar jekk it-taħlita ta’ prodotti li, f’dan il-każ huma interkambjabbli u materjalment l-istess, peress li huwa żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat, li joriġinaw minn pajjiżi benefiċjarji differenti, teskludix trattament preferenzjali. Għal raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, l-opinjoni tiegħi hija li dan ma huwiex il-każ.

B –    Regola ġdida, iktar flessibbli

15.      Nibda billi nfakkar li qabel l-emenda tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 2454/93 li daħlet fis-seħħ bir-Regolament Nru 1063/2010, sabiex importatur jibbenefika minn preferenza, kienet meħtieġa prova ta’ trasport dirett lejn l-Unjoni Ewropea, rekwiżit li sikwit huwa diffiċli li jiġi ssodisfatt. Kif spjegat fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1063/2010, l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 2454/93 kien tfassal sabiex tiġi introdotta regola ġdida, iktar sempliċi u, fundamentalment, iktar flessibbli, li tiffoka fuq l-għan li l-merkanzija ddikjarata tkun l-istess bħal dik esportata.

16.      Mill-bidu nett, irrid ninnota li r-rekwiżit tal-identiċità kif stabbilit fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2454/93 ma għandux jitqies iżolament, iżda bħala parti minn artikolu, jiġifieri flimkien mal-Artikolu 74(2), li jgħid li l-konformità mar-rekwiżit tal-identiċità “[g]ħandu jitqies [li jkun ġie osservat] sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx raġuni biex jemmnu mod ieħor”. Fi kliem ieħor, jekk l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx raġuni li jaħsbu li l-prodotti ddikjarati għaċ-ċirkulazzjoni libera ma jkunux l-istess prodotti bħal dawk esportati, dawn l-awtoritajiet għandhom jaċċettaw li huma jkunu qed jittrattaw mal-istess prodotti.

17.      Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, l-oriġini tal-prodotti ma hijiex ikkontestata. Lanqas ma huwa kkontestat li ż-żejt tal-kunsinna kkontestata, kieku ma tħallatx ma prodott ieħor, kien jibbenefika minn trattament benefiċjarju. Barra dan, il-prodotti inkwistjoni huma interkambjabbli u materjalment l-istess, minħabba li jkunu żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat. Il-preżunzjoni tal-identiċità stabbilita fl-Artikolu 74(2), flimkien mal-fatt li ma hemmx dubju dwar l-oriġini tal-prodotti, għandha, fil-fehma tiegħi, tkun biżżejjed fiha nfisha għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.      Huwa minnu li jista’ jiġi argumentat li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu inqas jeżaminaw u jieħdu kampjuni ta’ prodotti li jkunu importati meta prodotti ta’ oriġini differenti jiġu importati bħala taħlita. Fil-fatt, l-għan li jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-awtoritajiet doganali li jivverifikaw l-oriġini ta’ prodotti li jkunu importati, ma għandux jiġi injorat. Kuntrarjament, għandu jitqies li huwa wieħed mill-prinċipji gwida ta’ interpretazzjoni tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll tar-Regolament Nru 2454/93, li huwa intiż għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, b’mod partikolari peress li l-Kodiċi Doganali huwa intiż, inter alia, li jiggarantixxi proċeduri mħaffa u effiċjenti għar-rilaxx ta’ prodotti għaċ-ċirkulazzjoni libera (6). Bla dubju, huwa ta’ importanza fundamentali li awtoritajiet doganali għandhom ikunu jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jeżaminaw il-prodotti sabiex jivverifikaw li jkunu jaqblu maċ-ċertifikat ta’ oriġini.

19.      Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ trattament preferenzjali, huwa essenzjali li tkun tista’ tiġi stabbilita rabta bejn il-prodott, l-istatus oriġinarju tiegħu u ċertifikat ta’ oriġini partikolari. Iċ-ċertifikati ta’ oriġini għandhom irwol kruċjali fl-istabbiliment ta’ din ir-rabta (7). L-importanza ta’ prova ta’ oriġini formali (iktar ’il quddiem “ċertifikat ta’ oriġini”) ingħatat prominenza mill-Qorti tal-Ġustizzja: fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ prova ta’ oriġini valida maħruġa mill-awtorità kompetenti ma tistax titqies li hija sempliċi formalità li tista’ tibqa’ tiġi evitata sakemm il-post ta’ oriġini jiġi stabbilit permezz ta’ provi oħra (8).

20.      Fir-rigward tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li ADM Hamburg issottomettiet ċertifikati ta’ trattament preferenzjali fil-forma ta’ ċertifikati ta’ oriġini għall-ħames kunsinni kollha (iktar ’il quddiem il-“Formola A”), li ma humiex ikkontestati hawnhekk.

21.      F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċertifikati ta’ oriġini fl-Artikolu 47(b) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdu li ċ-ċertifikat għandu jinkludi l-karatteristiċi kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodott li jirreferi għalih, b’mod partikolari l-għadd ta’ pakketti, il-piż gross u nett tal-prodott jew il-volum tiegħu. Barra minn hekk, l-Anness 17 tar-Regolament Nru 2454/93 jiddeskrivi l-kontenut ta’ “Formola A”. Fit-taqsimiet 5, 6 u 9 tal-formola, għandhom jiġu indikati n-numru tal-oġġett, il-marki u l-għadd ta’ pakketti u l-piż gross jew kwantità oħra. Fuq in-naħa l-oħra tal-formola, bit-titolu “Noti”, taħt II “Kundizzjonijiet Ġenerali”, il-punt (b) jipprovdi wkoll li kull artikolu f’kunsinna għandu jissodisfa r-rekwiżiti b’mod separat bħala tali.

22.      Huwa minnu li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, it-taħlita ta’ prodotti ta’ oriġini differenti ma tidhirx li hija konformi mar-rekwiżiti tal-kontenut taċ-ċertifikati rilevanti, mhux biss fir-rigward tal-piż u tal-kwantità, iżda wkoll fir-rigward tar-rekwiżit li kull artikolu għandu jissodisfa separatament dawn il-kundizzjonijiet. F’dan is-sens, meta prodott jitħallat flimkien ma’ prodott ta’ oriġini oħra, b’mod li jsir impossibbli li jiġu sseparati fiżikament iż-żewġ prodotti, wieħed jista’ jargumenta li l-prodott ma jibqax l-istess bħalma kien qabel ma tħallat flimkien ma’ ieħor. Għaldaqstant, l-argument li t-taħlita trendi l-verifika tal-oriġini iktar diffiċli għall-awtoritajiet doganali huwa ta’ ċertu valur. F’dan id-dawl, l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jista’ jinftiehem bħala li jeżiġi li prodotti li jkunu jikkorrispondu ma’ ċertifikat speċifiku ta’ oriġini jiġu ttrasportati b’mod li jiżgura s-separazzjoni fiżika tagħhom.

23.      Madankollu, ma naħsibx li dan jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti għar-rekwiżit ta’ separazzjoni fiżika ta’ kunsinni relatati ma’ ċertifikat partikolari ta’ oriġini matul it-trasport. Hemm diversi raġunijiet għaliex naħseb hekk.

24.      L-ewwel nett, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-Artikolu 74 jagħmel parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tal-Parti I tar-Regolament Nru 2454/93, li jikkonċerna l-oriġini preferenzjali. B’mod iktar speċifiku, din id-dispożizzjoni tagħmel parti mis-subsezzjoni 2 tas-Sezzjoni 1 ta’ dan il-Kapitolu, li tikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji”, jiġifieri prodotti li joriġinaw minn pajjiż benefiċjarju għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ tariffa preferenzjali (9).

25.      Minħabba li s-subsezzjoni 2 kollha tikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodott oriġinarju, insib ftit (jekk xejn) provi li jissuġġerixxu li r-rekwiżit tal-identiċità huwa maħsub li jiżgura ħaġa oħra għajr li l-prodotti ddikjarati għaċ-ċirkulazzjoni libera jkunu fil-fatt prodotti oriġinarji, jiġifieri prodotti li joriġinaw minn pajjiż benefiċjarju u mhux minn pajjiż terz sabiex jiġi stabbilit dazju fuq l-importazzjoni (ogħla jew iktar baxx, skont l-oriġini tal-prodott). Dak huwa l-uniku skop tal-Artikolu 74 tar-Regolament. Sabiex ngħid dak li huwa evidenti, din id-dispożizzjoni ma hijiex dwar l-ittikkettjar ta’ prodotti intiżi li jinbiegħu, pereżempju, lil konsumaturi (10).

26.      Kif indikajt iktar ’il fuq, ma jidhirx li hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar il-fatt li l-prodotti ddikjarati għar-rilaxx attwalment jikkorrispondu maċ-ċertifikati ta’ oriġini prodotti minn ADM Hamburg. Quddiem il-qorti tar-rinviju, ma ġiet ippreżentata ebda allegazzjoni kuntrarja, u wisq inqas prova li tindika li prodotti minn pajjiżi terzi kienu żdiedu mal-kunsinna inkwistjoni.

27.      It-tieni nett, u fuq kollox, likwidi u prodotti bl-ingrossa huma każ apparti. Fil-fehma tiegħi, sa fejn huma kkonċernati dawn it-tipi ta’ prodott, hija prassi komuni li jinħarġu ċertifikati ta’ oriġini għal perijodu speċifiku u għal kwantità partikolari ta’ prodott, li sussegwentement jiġi assenjat polza ta’ kargu. Dawn id-dokumenti huma irrilevanti għall-finijiet ta’ trasport u, b’mod partikolari, għall-kargu effettiv ta’ bastiment tal-merkanzija, li jsegwi loġika kompletament differenti (11). Din hija r-raġuni għaliex jidher li ma huwa bl-ebda mod inabitwali li diversi ċertifikati ta’ oriġini jkollhom rabta ma’ prodotti li jinġarru f’tank wieħed jew fi stiva waħda ta’ merkanzija, inkluża sitwazzjoni fejn dawn il-prodotti jkunu joriġinaw mill-istess u uniku pajjiż.

28.      F’dan ir-rigward, ġie spjegat waqt is-seduta li mhux biss il-kunsinna inkwistjoni, iżda anki wkoll kunsinni oħra ta’ żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat importati minn ADM Hamburg, kienu de facto taħlit, għalkemm taħlit ta’ żejt li joriġina minn pajjiż benefiċjarju wieħed. Fid-dawl ta’ dan, jekk l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jiġi interpretat fis-sens li hemm rekwiżit ta’ separazzjoni fiżika ta’ prodotti likwidi jew bl-ingrossa jista’ jwassal biss għal distinzjoni inġustifikata. Rekwiżit ta’ separazzjoni fiżika matul it-trasport (abbażi ta’ kriterju bħall-pajjiż ta’ oriġini jew bħaċ-ċertifikat ta’ oriġini) għal prodotti likwidi jew bl-ingrossa jirriżulta fi trattament sfavorevoli, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali, ta’ prodotti li diffiċli, jekk mhux impossibbli, jiġu sseparati ladarba jitqiegħdu fl-istess stiva (jew tank). Ma narax kif dan jista’ jkun iġġustifikat: għaliex it-taħlita f’tank jew fi stiva tal-merkanzija ta’ prodotti li jkunu materjalment l-istess u interkambjabbli, minħabba li huwa żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat, tikkostitwixxi “tibdil jew trasformazzjoni” li jmur kontra l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2454/93 meta l-prodotti mħallta flimkien joriġinaw minn diversi pajjiżi benefiċjarji, iżda mhux meta l-prodotti joriġinaw minn pajjiż wieħed?

29.      Fir-rigward tal-ħtieġa tal-verifika tal-oriġini, li, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi l-uniku argument vijabbli li jista’ mad-daqqa t’għajn jintuża sabiex tiġi ġġustifikata s-separazzjoni fiżika, ninnota biss dan li ġej: ma narax għalfejn ikun iktar faċli li tiġi vverifikata l-oriġini abbażi ta’ ċertifikati ta’ oriġini f’sitwazzjoni fejn prodotti interkambjabbli (likwidi jew bl-ingrossa) li joriġinaw minn pajjiż wieħed jinġarru bħala taħlita, u iktar diffiċli f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, diversi ċertifikati ta’ oriġini jkunu konnessi ma’ kunsinna li jkun fiha prodotti interkambjabbli li joriġinaw minn diversi pajjiżi benefiċjarji. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, għandna diversi ċertifikati ta’ oriġini konnessi ma’ taħlita ta’ prodotti likwidi jew bl-ingrossa.

30.      Dan iwassalni għall-osservazzjoni konklużiva tiegħi. Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 2454/93 tintroduċi preżunzjoni favur status oriġinarju. Ikun biss meta l-awtoritajiet doganali jkollhom raġuni li jaħsbu li l-prodotti ma jkollhomx status oriġinarju, li d-dikjarant ikollu jipprova li l-kunsinna fil-fatt tinkludi l-istess prodotti bħal dawk li oriġinarjament kienu esportati. Dan jista’ jsir, kif tispjega din id-dispożizzjoni, b’kull mezz, b’dokumenti ta’ trasport kuntrattwali bħall-poloz ta’ kargu, jew b’evidenza fattwali jew konkreta bbażata fuq l-immarkar jew l-elenkar ta’ pakketti jew bi kwalunkwe prova relatata mal-prodotti nfushom. F’dan is-sens, il-ġarr ta’ prodotti bħala taħlita ma jipprekludix trattament preferenzjali. Madankollu, bir-riskju li ngħid l-ovvju, huwa l-importatur (id-dikjarant) li jassumi r-riskju ta’ dazju ogħla fuq l-importazzjoni fejn l-awtoritajiet doganali ma jkunux konvinti mill-provi li huwa jkun ipproduċa dwar l-istatus oriġinarju tal-prodotti.

31.      Abbażi ta’ dak li ntqal, jiena tal-fehma li f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti, fejn (i) il-prodotti li jkunu tħalltu flimkien ikunu materjalment l-istess u interkambjabbli, sa fejn ikun hemm inkwistjoni żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat, (ii) ikunu joriġinaw f’pajjiżi li jibbenefikaw mill-istess trattament preferenzjali, u (iii) ma jkunx hemm dubju dwar l-istatus oriġinarju tagħhom, ir-rekwiżit tal-identiċità bejn il-prodotti esportati u dawk iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2454/93, huwa ssodisfatt.

IV – Konklużjoni

32.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Finanzgericht Hamburg kif ġej:

Ir-rekwiżit tal-identiċità, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1063/2010, tat-18 ta’ Novembru 2010, li permezz tiegħu l-prodotti ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu l-istess prodotti kif esportati mill-pajjiż benefiċjarju li fih jitqiesu li jkunu oriġinaw, huwa ssodisfatt f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti fejn diversi kunsinni ta’ żejt taż-żerriegħa tal-palm mhux raffinat li joriġina minn pajjiżi differenti li jibbenefikaw mill-istess trattament preferenzjali ma ġewx isseparati fiżikament għall-finijiet ta’ trasport, iżda tferrgħu fl-istess tank ta’ bastiment tal-merkanzija u, konsegwentement, kienu importati fl-Unjoni Ewropea bħala taħlita f’dan it-tank.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1063/2010 tat-18 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 307, p. 1).


3 – Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Lulju 2008, li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u Nru 964/2007 (ĠU 2008 L 211, p. 1).


4 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali Komunitarju”) (ĠU L 302, p. 1), kif emendat. Dan ir-Regolament jiġbor flimkien f’kodiċi wieħed għadd kbir ta’ regolamenti u ta’ deċiżjonijiet Komunitarji dwar leġiżlazzjoni doganali.


5 – Sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi.


6 – Sentenza Derudder (C-290/01, EU:C:2004:120, punt 45). Għal dan il-għan, diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat, jikkonċernaw l-eżaminazzjoni tal-merkanzija. Pereżempju, skont l-Artikolu 68(b), sabiex jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet, l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżaminaw il-merkanzija u possibbilment jieħdu kampjuni għall-finijiet tal-analiżi tagħhom jew ta’ eżami fid-dettall.


7 – Għalkemm ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, huwa interessanti li jiġi nnotat li ġiet introdotta flessibbiltà ikbar fis-sistema anki f’dan ir-rigward u ċertifikati ta’ oriġini ma għandhomx jintużaw iktar. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/428, tal-10 ta’ Marzu 2015, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 u r-Regolament (UE) Nru 1063/2010 fir-rigward tar-regoli ta’ oriġini dwar l-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u l-miżuri ta’ tariffi preferenzjali għal ċerti pajjiżi jew territorji (ĠU L 70, p. 12) introduċa sistema ġdida għaċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija. Din issir bis-saħħa ta’ sistema ta’ awtoċertifikazzjoni li permezz tagħha l-esportaturi jiġu rreġistrati f’sistema elettronika, imsejħa “sistema REX”.


8 – Ara, reċentement, is-sentenza Helm Düngemittel (C-613/12, EU:C:2014:52, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Ara, pereżempju, l-Artikoli 72, 75 u 78 tar-Regolament. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, prodotti li jkunu nkisbu kompletament f’pajjiż benefiċjarju (bħal ħxejjex ikkultivati f’dan il-pajjiż) jitqiesu li jkunu prodotti oriġinarji, filwaqt li prodotti li ma jkunux inkisbu kompletament f’dan il-pajjiż jistgħu jiksbu status oriġinarju bil-kundizzjoni li wara jiġu pproċessati b’mod suffiċjenti f’pajjiż benefiċjarju. Mill-Artikoli 79 u 83 tar-Regolament jirriżulta wkoll li materjal mhux oriġinarju jista’ jintuża fil-manifattura sakemm ma jeċċedix ċertu perċentwal tal-prodott, filwaqt li, pereżempju, l-oriġini ta’ magni jew ta’ fjuwil użati fil-manifattura ta’ prodott ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-istatus oriġinarju tal-imsemmi prodott.


10 – Kif spjegat fil-premessa 7 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, p. 1), aċċess preferenzjali għas-suq tal-Unjoni jiġi implementat sabiex jgħin pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom sabiex inaqqsu l-faqar kif ukoll sabiex jippromwovu governanza tajba u żvilupp sostenibbli billi jingħataw għajnuna sabiex jiġġeneraw dħul finanzjarju addizzjonali permezz tal-kummerċ internazzjonali, li sussegwentement ikun jista’ jerġa’ jiġi investit mill-ġdid għall-benefiċċju tal-iżvilupp tagħhom stess u, barra minn hekk, sabiex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom. It-taħlita ta’ prodotti interkambjabbli minn pajjiżi differenti li jkunu tal-istess grupp ta’ pajjiżi SĠP ma tibdilx dan.


11 – F’dan ir-rigward, għal raġunijiet ta’ sigurtà, jista’ jkun neċessarju li merkanzija li jkollha titgħabba b’mod li ma jikkorrispondix mal-poloz tal-kargu. Fi kwalunkwe każ, jidher ftit probabbli li n-numru ta’ tankijiet jew ta’ stivi f’bastiment jikkorrispondi man-numru ta’ kunsinni li jinġarru fi żmien partikolari.