Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2016 (1)

Kawża C-479/14

Sabine Hünnebeck

vs

Finanzamt Krefeld

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet — Donazzjoni ta’ immobbli li jinsab fit-territorju nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal tnaqqis ta’ taxxa ta’ EUR 400 000 għal persuni residenti u ta’ EUR 2 000 għal persuni mhux residenti — Eżistenza ta’ sistema fakultattiva li tippermetti lil kull persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li tibbenefika mit-tnaqqis iktar għoli”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63(1) TFUE u 65 TFUE dwar il-kalkolu tat-taxxa ta’ trasferiment dovuta fuq il-bażi ta’ donazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja, meta la d-donatur u lanqas il-benefiċjarju tad-donazzjoni ma huma persuni residenti f’dan l-Istat Membru.

2.        Fis-sentenzi Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta tnaqqis mill-bażi taxxabbli tad-donazzjoni għall-post ta’ residenza tad-donatarju u tad-donatur fid-data li fiha ssir id-donazzjoni, jew għall-post fejn jinsab l-immobbli li jifforma s-suġġett tad-donazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital għaliex twassal sabiex id-donazzjonijiet li jinvolvu persuni mhux residenti jew immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor ikunu suġġetti għal oneru fiskali ikbar minn dawk li jinvolvu biss persuni residenti jew beni li jinsabu fl-Istat Membru li jimponi t-taxxa.

3.        Din il-kawża tikkonċerna l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-emenda tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fiż-żewġ kawżi u li tipprovdi li t-tnaqqis iktar għoli għall-persuni residenti l-Ġermanja għandu jkun applikabbli għal donazzjoni bejn persuni mhux residenti ta’ immobbli li jinsab fil-Ġermanja jekk id-donatarju jitlob li d-donazzjoni tiġi ssuġġettata għas-sistema ta’ taxxa applikabbli għall-persuni residenti (obbligu fiskali limitat).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 63(1) TFUE jipprovdi li “kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita”.

5.        L-Artikolu 65 TFUE jipprovdi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt tal-Istati Membri:

a)      li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.

b)      li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli dovuta minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ta’ restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment li huma kompatibbli mat-Trattati.

3.      Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.

4.      Fin-nuqqas ta’ miżuri f’applikazzjoni tal-Artikolu 64(3), il-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mit-talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kunsill, jista’ jadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri fiskali restrittivi adottati minn Stat Membru li jikkonċernaw pajjiż terz wieħed jew aktar, għandhom ikunu kkunsidrati kompatibbli mat-Trattati ġaladarba dawn ikunu ġustifikati minn wieħed mill-objettivi tal-Unjoni u jkunu kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu fuq talba minn Stat Membru.”

B –    Id-dritt Ġermaniż

6.        Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa tas-suċċessjoni u tad-donazzjoni (Erbschaftsteuer- und Schenkungsteuergesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Frar 1997 (BGBl. 1997 I, p. 378), kif emendata fl-aħħar lok bl-Artikolu 11 tal-liġi tas-7 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 2592, iktar ’il quddiem l-“ErbStG”), jipprovdu:

“Artikolu 1 – Tranżazzjonijiet taxxabbli

1.      It-tranżazzjonijiet segwenti huma suġġetti għal taxxa ta’ trasferiment fuq is-suċċessjonijiet (jew donazzjonijiet)

1)      it-trasferimenti causa mortis;

2)      id-donazzjonijiet inter vivos;

3)      id-donazzjonijiet bi skop speċifiku;

[…]

2.      Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar it-trasferiment ta’ beni causa mortis għandhom japplikaw ukoll għad-donazzjonijiet u għad-donazzjonijiet bi skop speċifiku, kif dawk dwar id-donazzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għad-donazzjonijiet bi skop speċifiku inter vivos.

Artikolu 2 – Obbligu fiskali personali

1.      L-obbligu fiskali japplika

1)      fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 1(1), fuq il-beni ttrasferiti kollha (obbligu fiskali limitat) meta d-decujus, fid-data tal-mewt, id-donatur, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, jew il-benefiċjarju, fid-data ta’ meta jsir l-att li jagħti lok għat-taxxa (Artikolu 9), huma persuni residenti. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu persuni residenti:

a)      il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju nazzjonali,

b)      iċ-ċittadini Ġermaniżi li ma għixux b’mod fiss għal iktar minn ħames snin barra l-pajjiż mingħajr domiċilju fil-Ġermanja.

[…]

3)      f’kull każ ieħor, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, dwar il-beni ttrasferiti li jaqgħu fil-patrimonju intern fis-sens tal-Artikolu 121 tal-liġi dwar il-valutazzjoni [Bewertungsgesetz, iktar ’il quddiem le “BewG”] (obbligu fiskali limitat). […]

3.      Fuq talba tal-benefiċjarju, it-totalità ta’ trasferiment partimonjali li jinkludi beni li jaqgħu taħt il-patrimonju intern fis-sens tal-Artikolu 121 tal-[BewG] (paragrafu 1, punt 3) għandha titqies li tkun issuġġettata għal obbligu fiskali illimitat jekk id-decujus, fid-data tal-mewt, id-donatur, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, jew il-benefiċjarju, fid-data li fiha jsir l-att li jagħti lok għat-taxxa (Artikolu 9), ikun domiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. F’każ ta’ diversi trasferimenti mill-istess persuna matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara t-trasferiment patrimonjali, dawn għandhom jitqiesu wkoll li huma suġġetti għal obbligu fiskali illimitat u addizzjonali skont l-Artikolu 14. […]

Artikolu 14 – Teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferimenti preċedenti

1.      F’każ ta’ trasferiment ta’ diversi vantaġġi patrimonjali mill-istess persuna lill-istess benefiċjarju matul perijodu ta’ għaxar snin, dawn għandhom jingħaddu billi jiżdied mal-aħħar beni ttrasferit il-valur li l-beni ttrasferiti preċedentement kellhom fid-data tat-trasferiment tagħhom. It-taxxa ta’ trasferiment fuq l-ammont titnaqqas bit-taxxa li kienet tkun dovuta, fuq il-beni ttrasferiti preċedentement, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-benefiċjarju u fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli fid-data tal-aħħar trasferiment. […]

[…]

L-Artikolu 15 – Klassi ta’ tassazzjoni

1.      Skont ir-relazzjoni personali li kienet teżisti bejn il-benefiċjarju u d-decujus jew id-donatur, hemm lok li ssir distinzjoni bejn it-tliet klassijiet ta’ tassazzjoni segwenti:

Klassi ta’ tassazzjoni I:

1)      il-konjuġi u s-sieħeb jew is-sieħba,

2)      […] it-tfal u tfal tal-konjuġi,

[…]

Artikolu 16 –Tnaqqis

1.      Huwa ħieles f’każ ta’ obbligu fiskali illimitat [il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2(1)] it-trasferiment ta’ beni

1)      lill-konjuġi u lis-sieħeb jew lis-sieħba sal-ammont ta’ EUR 500 000;

2)      lit-tfal fis-sens tal-klassi I, punt 2, u lit-tfal tat-tfal li mietu fis-sens tal-klassi I, punt 2, sal-ammont ta’ EUR 400 000;

[…]

2.      F’każ ta’ obbligu fiskali limitat [Artikolu 2(1)(3)] l-ammont tat-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 huwa ssostitwit bl-ammont ta’ EUR 2 000.”

7.        L-Artikolu 121 tal-BewG, intitolat “Patrimonju intern”, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fl-1 ta’ Frar 1991 (BGBl. 1991 I, p. 230), kif emendata fl-aħħar lok bl-Artikolu 10 tal-liġi tas-7 ta’ Diċembru 2011, jipprovdi:

“Il-patrimonju intern jinkludi:

1)      il-patrimonju agrikolu u forestali intern;

2)      il-patrimonju immobbli intern;

[…]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8.        S. Hünnebeck u ż-żewġt itfal tagħha huma ċittadini Ġermaniżi u ddomiċiljati fi Gloucestershire (ir-Renju Unit). S. Hünnebeck ilha ma tgħix fil-Ġermanja mis-sena 1996. It-tfal tagħha qatt ma għexu fil-Ġermanja.

9.        S. Hünnebeck kienet koproprjetarja fi kwota ta’ nofs ta’ immobbli li jinsab f’Düsseldorf (il-Ġermanja). Permezz ta’ kuntratt notarili tal-20 ta’ Settembru 2011, hija ttrasferixxiet dan is-sehem lit-tfal tagħha, fi kwoti ta’ 50 % kull waħda. Kien ġie miftiehem li hija kellha tħallas it-taxxa fuq id-donazzjoni gratwita li setgħet tkun dovuta. Fit-12 ta’ Jannar 2012, il-kuratur taż-żewġt itfal minorenni ta’ S. Hünnebeck approva l-kuntratt tal-20 ta’ Settembru 2011.

10.      Permezz ta’ żewġ avviżi tal-31 ta’ Mejju 2012, il-Finanzamt Krefeld (uffiċju tat-taxxi ta’ Krefeld) iffissa l-ammont tat-taxxa fuq id-donazzjoni dovuta minn S. Hünnebeck fuq il-bażi tal-akkwist ta’ parti mill-immobbli inkwistjoni, minn kull waħda mit-tfal tagħha, fl-ammont ta’ EUR 146 509 kull waħda. Fil-kalkolu tat-taxxa ta’ trasferiment, l-uffiċċju tat-taxxi ta’ Krefeld naqqas mill-valur taxxabbli ta’ kull waħda, it-tnaqqis personali mogħti lill-persuni taxxabbli fuq bażi limitata, fl-ammont ta’ EUR 2 000.

11.      S. Hünnebeck ippreżentat ilment sabiex titlob l-applikazzjoni tat-tnaqqis personali ta’ EUR 400 000, li minnu jibbenefikaw il-persuni taxxabbli suġġetti fuq bażi illimitata (il-persuni residenti).

12.      L-uffiċċju tat-taxxa ta’ Krefeld ċaħad din it-talba billi argumenta li l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG jippermetti ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli fuq bażi illimitata u ta’ dawk taxxabbli fuq bażi limitata (il-persuni mhux residenti).

13.      Adita bil-kawża bejn S. Hünnebeck u l-uffiċċju tat-taxxi ta’ Krefeld, il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 16(2) tal-ErbStG — anki fid-dawl tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG — huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikoli 63(1) TFUE u 65 TFUE.

14.      Hija tinnota li, fis-sentenza Mattner (2), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddikjarat inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 16(2) tal-ErbStG, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ f’dak iż-żmien, li kien ifformulat f’termini prattikament identiċi għal dawk tad-dispożizzjoni inkwistjoni rilevanti fil-kawża prinċipali. Fid-dawl biss ta’ dik is-sentenza, għalhekk, hija ħasset li kellha tilqa’ l-azzjoni ta’ S. Hünnebeck.

15.      Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-punt 3 tal-Artikoli 2(1) u tal-Artikolu 16(2) tal-ErbStG, it-tnaqqis ta’ EUR 2 000 marbut mal-fatt li fid-data tad-donazzjoni, S. Hünnebeck u t-tfal tagħha kienu residenti fir-Renju Unit, huwa inqas mit-tnaqqis ta’ EUR 400 000 li, skont id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-punt 1(a) tal-Artikoli 2(1), tal-Artikolu 15(1) u tal-punt 2 tal-Artikolu 16(1) tal-ErbStG, kellu jiġi applikat jekk tal-inqas waħda minnhom kienet residenti, f’dik l-istess data, fil-Ġermanja.

16.      F’kull każ, il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) tistaqsi jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, adottata mil-leġiżlatur Ġermaniż wara s-sentenza Mattner (3) bl-għan li tikkonforma d-dritt Ġermaniża mad-dritt tal-Unjoni, tistax tibdel din il-konklużjoni.

17.      Il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ma esprimietx ruħha fuq din il-kwistjoni, fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar l-Artikolu 16(2) tal-ErbStG ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li wassal għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148), imma, madankollu, diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali b’applikazzjoni fakultattiva tista’ tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni (4). Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li huwa possibbli li ż-żieda tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG ma rrimedjatx għall-kompatibbiltà tal-Artikolu 16(2) tal-ErbStG mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, għaliex l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu hija awtomatika fl-assenza ta’ talba mill-persuna taxxabbli.

18.      Barra minn hekk, il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) tirrileva li hemm lok ukoll li titqiegħed f’dubju l-kompatibbiltà mad-Dritt tal-Unjoni tar-regola nnifisha fformulata fl-Artikolu 2(3) tal-ErbStG u applikabbli fuq talba u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

19.      Minn naħa, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, il-benefiċjarju jista’ jagħmel it-talba biss jekk id-decujus, id-donatur jew il-benefiċjarju kienu, fid-data li fiha seħħ it-trasferiment, iddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (5). Issa, fil-punti 27 sa 40 tas-sentenza tagħha Welte (C-181/12, EU:C:2013:662), il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, il-ġurisprudenza tagħha dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni għal sitwazzjonijiet li jinvolvu Stati terzi. Peress li mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital, id-donazzjonijiet huma paragunabbli mat-taxxa tas-suċċessjoni, il-kompatibbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG hija għalhekk diskutibbli.

20.      Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ diversi trasferimenti ġejjin mill-istess persuna matul l-għaxar snin preċedenti u l-għaxar snin ta’ wara t-trasferiment patrimonjali, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG tirrikjedi li dawn jiġu ttrattati wkoll bħala suġġetti għal obbligu fiskali illimitat u li dawn jingħaddu flimkien skont l-Artikolu 14 tal-ErbStG. Għalhekk, it-test tal-imsemmija dispożizzjoni jagħmel l-Artikolu 14 tal-ErbStG applikabbli matul 20 sena, filwaqt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-ErbStG tipprovdi biss għal perijodu ta’ għaxar snin fir-rigward tal-persuni taxxabbli fuq bażi illimitata msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-ErbStG. Għalhekk, huwa konċepibbli li f’każ ta’ ċaqliq lejn jew mill-Ġermanja, il-persuni taxxabbli suġġetti fuq talba tagħhom għal obbligu ta’ taxxa illimitat skont l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG jiġu żvantaġġati meta pparagunati mal-persuni taxxabbli fuq bażi illimitata bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-ErbStG.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 63(1) TFUE u tal-Artikolu 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq donazzjoni, tipprevedi li t-tnaqqis fuq il-bażi taxxabbli fil-każ ta’ donazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jkun inqas meta d-donatur u d-donatarju jkunu jirresjedu, fid-data li fiha ssir id-donazzjoni, fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li jiġi applikat jekk tal-inqas wieħed minnhom kien jirresjedi, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll li dan it-tnaqqis tal-aħħar (iktar għoli) huwa applikat fuq talba tad-donatarju (filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-beni kollha rċevuti b’titolu gratuwitu mingħand id-donatur matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara d-donazzjoni)?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri minn S. Hünnebeck, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, li lkoll kemm huma għamlu trattazzjoni verbali waqt is-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015.

V –    Analiżi

23.      Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, essenzjalment, jekk it-trattament tal-persuni residenti u tal-persuni mhux residenti previst minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix ksur tal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE minkejja l-emenda leġiżlattiva li seħħet fil-Ġermanja wara s-sentenza Mattner (6).

A –    Argumentazzjoni tal-partijiet

24.      S. Hünnebeck u l-Kummissjoni jargumentaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kuntrarja għall-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.

25.      Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq is-sentenzi Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148), S. Hünnebeck u l-Kummissjoni jargumentaw li diskriminazzjoni ma titneħħiex bil-fatt li l-persuni interessati jgawdu minn għażla li tista’ twassal għal ugwaljanza ta’ trattament, b’mod partikolari meta, fin-nuqqas ta’ talba sabiex tiġi eżerċitata din l-għażla, ir-regola diskriminatorja tapplika b’mod awtomatiku.

26.      Anki jekk jitqies li l-għażla hija suffiċjenti sabiex telimina din id-diskriminazzjoni fil-każ partikolari, madankollu għandu jiġi kkonstatat li diskriminazzjoni arbitrarja ġdida pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE tirriżulta mill-Artikolu 2(3) tal-ErbStG. Fil-fatt, S. Hünnebeck u l-Kummissjoni jinnotaw li persuna taxxabbli mhux residenti li tagħmel użu mill-għażla prevista mill-Artikolu 2(3) tal-ErbStG issib ruħha suġġetta għal obbligu fiskali illimitat kemm għall-għaxar snin qabel id-donazzjoni kif ukoll għall-għaxar snin ta’ wara, filwaqt li l-persuni residenti huma obbligati jaċċettaw totalizzazzjoni tal-valur tal-beni kollha riċevuti gratwitament mingħand l-istess persuna biss għall-aħħar għaxar snin li jippreċedu l-aħħar trasferiment u sussegwentement jistgħu, skont l-Artikolu 14 tal-ErbStG, inaqqsu t-taxxa diġà mħallsa fir-rigward tat-trasferimenti preċedenti.

27.      S. Hünnebeck targumenta li, fi kwalunkwe każ, kien impossibbli għaliha li, fil-każ ineżami, teżerċita d-dritt tal-għażla previst mill-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, għaliex tali eżerċizzju kien jinvolvi taxxi futuri totalment imprevedibbli u trattament inqas favorevoli minn dak tal-persuni residenti.

28.      Fil-fehma tal-gvern Ġermaniż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif emendata wara s-sentenza Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) hija konformi mal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.

29.      Fil-fatt, dan il-gvern jargumenta li l-introduzzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG eliminat id-diskriminazzjoni kkonstatata fis-sentenzi Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148), għaliex it-tnaqqis mill-bażi taxxabbli, li minnu tibbenefika donazzjoni li tinkludi proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja, huwa l-istess bħal dak fil-każ fejn id-donatur u d-donatarju huma residenti fil-Ġermanja jew fi Stat Membru, peress li l-persuni taxxabbli residenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huma liberi li jagħżlu li jissottomettu ruħhom għas-sistema ta’ obbligu fiskali illimitat applikabbli għall-persuni residenti.

30.      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak innotat mill-qorti tar-rinviju, fil-każ fejn persuna taxxabbli mhux residenti tagħżel s-sistema ta’ obbligu fiskali illimitat, il-kalkolu tal-valur globali tal-arrikkiment previst mill-Artikolu 14 tal-ErbStG ikun limitat għal perijodu ta’ għaxar snin ikkalkolat retroattivament mid-data li fiha ssir it-trażmissjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward ma hemmx diskriminazzjoni bejn il-persuni taxxabbli residenti u l-persuni taxxabbli mhux residenti.

B –    Evalwazzjoni

31.      Kif diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148) (7), għandu jiġi eżaminat jekk l-emendi li saru f’din il-leġiżlazzjoni bil-liġi tas-7 ta’ Diċembru 2011, u b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, irrimedjawx għall-inkompatibbiltà kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      Infakkar fil-qosor ħafna li, skont din il-ġurisprudenza, il-miżuri nazzjonali “li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tad-donazzjoni ta’ resident ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxa d-donazzjoni ta’ dawn il-beni” jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital (8).

33.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ tnaqqis mill-bażi taxxabbli tas-suċċessjoni jew tad-donazzjoni għall-post ta’ residenza tad-decujus u tal-benefiċjarju fil-mument tal-mewt jew għall-post ta’ residenza tad-donatarju u tad-donatur fil-mument tad-donazzjoni, jew il-post fejn jinsab l-immobbli oġġett tas-suċċessjoni jew tad-donazzjoni, tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital għaliex twassal sabiex is-suċċessjonijiet jew id-donazzjonijiet li jinvolvu persuni mhux residenti jew immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor ikunu suġġetti għal rata ta’ taxxa ogħla minn dawk li jinvolvu biss persuni residenti jew beni li jinsabu fl-Istat Membru li jimponi t-taxxa” (9).

34.      Skont l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, li ġie introdott mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-għan li tikkonforma ruħha mas-sentenza Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216), il-persuni taxxabbli fuq bażi limitata, fosthom il-persuni mhux residenti, jistgħu jagħżlu li jissottomettu d-donazzjonijiet taxxabbli fil-Ġermanja għas-sistema tal-obbligu fiskali illimitat, prevista għall-persuni residenti, bil-konsegwenza li jiġi applikat it-tnaqqis ta’ EUR 400 000 previst, f’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, mill-punt 2 tal-Artikolu 16(1) tal-ErbStG u mhux dak ta’ EUR 2 000 previst mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għall-persuni taxxabbli mhux residenti.

35.      Għalhekk il-kwistjoni doppja hija: l-ewwel nett, jekk din l-għażla offruta lill-persuna taxxabbli mhux residenti teliminax ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148), u, it-tieni nett, jekk il-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din l-għażla (10) u l-konsegwenzi tagħha (11) humiex ukoll mingħajr restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital.

1.      Fuq il-possibbiltà offruta lill-persuni mhux residenti li jagħżlu s-sistema tat-taxxa tas-suċċessjoni u tad-donazzjoni fil-prinċipju rriżervata għall-persuni residenti

36.      Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-possibbiltà li jintgħażel l-obbligu fiskali illimitat, maħluqa mill-Artikolu 2(3) tal-ErbStG teskludi kull diskriminazzjoni, għaliex meta ssir din l-għażla, il-persuni taxxabbli residenti u l-persuni taxxabbli mhux residenti jkunu ttrattati bl-istess mod.

37.      Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena ma naqbilx mat-teżi tal-Gvern Ġermaniż.

38.      Fil-fatt, fis-sentenza Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148) fejn il-persuna taxxabbli mhux residenti setgħet tevita sistema fiskali diskriminatorja billi tagħżel oħra li allegatament ma kinitx diskriminatorja (f’dak il-każ, is-sistema applikabbli għall-persuni residenti), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, fuq konklużjonijiet f’dan is-sens tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer (12), li “tali għażla ma tistax […] teskludi l-effetti diskriminatorji tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ sistemi fiskali” lanqas “[t]ivvalida sistema fiskali li tibqa’ fiha nnifisha, kuntrarja għall-Atikolu 49 TFUE minħabba n-natura diskriminatorja tagħha” (13). Waqt li rreferiet għall-punt 162 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774), sentenza mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “sistema nazzjonali restrittiva fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment xorta tibqa’ inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni anki meta l-applikazzjoni tagħha ma hijiex obbligatorja” (14).

39.      Fil-punt 62 tas-sentenza Beker (C-168/11, EU:C:2013:117), il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li din il-ġurisprudenza tgħodd iktar u iktar fil-każ fejn “bħal f’dan il-każ, il-mekkaniżmu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni huwa dak li huwa awtomatikament applikat fin-nuqqas ta’ għażla mill-persuna taxxabbli”. Jidhirli li dawn il-prinċipji huma applikabbli perfettament għal dan il-każ. Fil-fatt, sabiex jevitaw sistema diskriminatorja fil-konfront tagħhom, il-persuni mhux residenti jistgħu, bħal fil-kawża Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148), jagħżlu sistema oħra li allegatament ma hijiex diskriminatorja (15) u fil-prinċipju applikabbli għall-persuni residenti biss, b’dan li bħal fis-sentenza Beker (C-168/11, EU:C:2013:117), huwa l-mekkaniżmu li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli awtomatikament fin-nuqqas ta’ għażla li ssir mill-persuna taxxabbli mhux residenti favur is-sistema l-oħra.

40.      Madankollu, fuq dan il-punt ma nistax nikkonkludi b’mod definittiv mingħajr ma nirreferi għas-sentenza reċenti Hirvonen (C-632/13, EU:C:2015:765), mogħtija mingħajr konklużjonijiet minn awla ta’ tliet imħallfin fid-19 ta’ Novembru 2015.

41.      Il-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda liġi Svediża li kellha l-għan li telimina r-restrizzjoni fuq il-persuni taxxabbli mhux residenti kkonstatata fis-sentenza Wallentin (C-169/03, EU:C:2004:403) billi tippermetti lil dawn il-persuni taxxabbli li jagħżlu s-sistema fiskali applikabbli għall-persuni residenti minflok is-sistema ta’ taxxa f’ras il-għajn li fil-prinċipju kienet applikabbli għalihom u li kienet is-suġġett tal-imsemmija sentenza.

42.      Wara li ddeċidiet li din l-aħħar sistema kienet kumplessivament iktar favorevoli għall-persuni mhux residenti (16), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “r-rifjut, fil-kuntest tat-tassazzjoni fuq id-dħul, li jingħata lill-persuni taxxabbli mhux residenti, li jirċievu l-maġġoranza tad-dħul tagħhom fl-Istat sors u li għażlu s-sistema ta’ tassazzjoni f’ras il-għajn, l-istess tnaqqis personali bħal dak mogħti lill-persuni taxxabbli residenti fil-kuntest tas-sistema ta’ tassazzjoni ordinarja, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 21 TFUE meta l-persuni taxxabbli mhux residenti ma jkunux suġġetti għal piż fiskali li fit-totalità tiegħu huwa ikbar minn dak impost fuq il-persuni taxxabbli residenti u fuq il-persuni meqjusa bħalhom, li s-sitwazzjoni tagħhom hija paragunabbli għal dik tagħhom” (17), billi qieset li dan l-element “jiddistingwi l-fatti tal-kawża prinċipali minn dawk, speċifiċi, li taw lok għas-sentenza Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148)” (18).

43.      Jiena nemmen li mis-sentenza Hirvonen (C-632/13, EU:C:2015:765) jista’ jiġi dedott li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, probabbilment imħassba mill-fatt li ma jistax ikun permissibbli lil persuna taxxabbli mhux residenti li tagħmel eżerċizzju ta’ “cherry picking”, jiġifieri li tagħżel għall-benefiċċju tagħha l-elementi l-iktar favorevoli ta’ żewġ sistemi differenti ta’ taxxa, kienet influwenzata mill-fatt li s-sistema ta’ taxxa applikabbli għall-persuni mhux residenti kienet kumplessivament iktar favorevoli mis-sistema fil-prinċipju rriżervata għall-persuni residenti.

44.      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ taxxa diretta mal-libertajiet fundamentali, l-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni ma tiddependix mir-riżultat kumplessiv għall-persuna taxxabbli. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 44 tas-sentenza Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148), “differenza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji [jiġifieri l-persuni residenti u dawk mhux residenti] tista’ tiġi kkwalifikata bħala diskriminazzjoni fis-sens tat-Trattat sakemm ma jkunx hemm xi differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni ta’ natura tali li tiġġustifika differenza fit-trattament fuq dan il-punt bejn l-imsemmija kategoriji” (19).

45.      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ differenza ta’ trattament tista’ tiġi evalwata biss fir-rigward tal-benefiċċju fiskali partikolari mogħti lil waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli u miċħud lill-oħra u mhux fir-rigward tal-piż fiskali kumplessiv tal-persuna taxxabbli inkwistjoni.

46.      Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li l-kostatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 43 u 49 tas-sentenza tagħha Hirvonen (C-632/13, EU:C:2015:765) tista’ tkun suffiċjenti sabiex tidderoga mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punt 162), Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punti 49 sa 54) u Beker (C-168/11, EU:C:2013:117, punt 62).

47.      Fuq dan is-suġġett, jien ma naqbilx mal-argument tal-Kummissjoni waqt is-seduta fis-sens li l-kawża li wasslet għas-sentenza Hirvonen (C-632/13, EU:C:2015:765) kienet tikkonċerna biss l-eżistenza ta’ żewġ sistemi ta’ taxxa distinti — waħda għal persuni residenti u oħra għal dawk mhux residenti — b’kull waħda minnhom tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li ma huwiex il-każ hawnhekk u jispjega d-distinzjoni li saret f’dik is-sentenza.

48.      Dan jinjora l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Wallentin (C-169/03, EU:C:2004:403) li s-sistema li tqieset li hija l-iktar favorevoli fis-sentenza Hirvonen (C-632/13, EU:C:2015:765) kienet fil-verità diskriminatorja. Kif indika l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Beker (C-168/11, EU:C:2012:452), il-mistoqsija kienet jekk “l-eżistenza ta’ possibbiltà rikonoxxuta fil-konfront tal-kontribwent li jagħżel sistema ġuridika ċertament inqas vantaġġuża b’mod ġenerali, iżda madankollu mhux inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tirrendix is-sistema tat-taxxa inkwistjoni kompatibbli fil-kumpless tagħha”. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod ċar fin-negattiv.

49.      Jien niddeduċi wkoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi li fl-imsemmija kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Hirvonen (C-632/13, EU:C:2015:765), possibbiltà ta’ għażla ta’ sistema fiskali li fil-kumpless tagħha kienet “inqas favorevoli”. Dan ma żammx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonstata l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

50.      F’din il-kawża, jekk l-għażla favur sistema fiskali rriżervata għall-persuni residenti tippermetti li jingħata tnaqqis iktar għoli, dan huwa wkoll marbut ma’ obbligu fiskali illimitat li l-konsegwenzi tiegħu jistgħu jkunu differenti ħafna skont is-sitwazzjonijiet konkreti tal-persuni taxxabbli differenti għaliex, kif innotat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din twassal sabiex jiġu ntaxxati l-beni kollha akkwistati gratwitament fuq firxa ta’ għoxrin sena u li jkunu jinsabu mhux biss fil-Ġermanja imma wkoll fid-dinja kollha, bir-riskju ta’ taxxa doppja.

51.      Għaldaqstant, jiena nikkunsidra li l-fatt li l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG jippermetti lill-persuni taxxabbli mhux residenti li jibbenefikaw mit-tnaqqis riżervat għall-persuni taxxabbli residenti billi jagħżlu s-sistema ta’ taxxa tas-suċċessjoni u tad-donazzjoni maħsuba għall-persuni residenti, ma rrimedjax l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 16(2) tal-ErbStG mal-moviment liberu tal-kapital ikkonstatata fis-sentenzi Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148).

2.      Fuq il-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-għażla offruta lill-persuni mhux residenti li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa tas-suċċessjoni u tad-donazzjoni maħsuba għall-persuni residenti u l-konsegwenzi ta’ dan l-eżerċizzju

52.      Peress li l-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà mal-moviment liberu tal-kapital tar-regola stess ifformulata fl-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, għandu jiġi eżaminat jekk il-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-għażla offruta minn din id-dispożizzjoni (20) u l-konsegwenzi tal-eżerċizzju tagħha (21) joħolqux restrizzjoni ġdida għall-moviment liberu tal-kapital.

53.      F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-għażla, il-qorti tar-rinviju tqis li, billi din l-għażla hija disponibbli biss għall-persuni taxxabbli residenti fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE, din tmur kontra s-sentenza Welte (C-181/12, EU:C:2013:662) li estendiet l-prinċipji fformulati fis-sentenza Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) għall-persuni taxxabbli residenti f’pajjiżi terzi.

54.      Fil-fatt, fil-punt 68 tas-sentenza Welte (C-181/12, EU:C:2013:662), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikoli [63 TFUE] u [65 TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-kalkolu ta’ taxxa fuq id-donazzjoni li tipprovdi li, fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat, l-allowance fuq il-bażi taxxabbli, meta […] il-persuna mejta u l-benefiċjarju fuq id-donazzjoni huma residenti, fil-mument tal-mewt, f’pajjiż terz bħall-Konfederazzjoni Svizzera, hija inqas mill-allowance li kienet tkun applikabbli kieku mill-inqas wieħed minnhom kien jirrisjedi, fl-istess mument, fl-imsemmi Stat Membru”.

55.      Kif targumenta l-Kummissjoni, huwa ċar li l-limitazzjoni fuq l-għażla introdotta bl-Artikolu 2(3) tal-ErbStG għall-persuni taxxabbli residenti fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE bl-esklużjoni tal-persuni residenti f’pajjiżi terzi hija kuntrarja għall-moviment liberu tal-kapital. Ma ġiet invokata l-ebda ġustifikazzjoni għal din ir-restrizzjoni. F’kull każ, għandu jiġi nnotat li din il-kwistjoni ma tqumx fil-kawża prinċipali, għaliex S. Hünnebeck u t-tfal tagħha huma residenti fi Stat Membru tal-Unjoni.

56.      F’dak li jikkonċerna, imbagħad, il-konsegwenzi tal-eżerċizzju tal-għażla inkwistjoni, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG tissuġġetta għal obbligu fiskali illimitat id-“diversi trasferimenti mill-istess persuna matul l-għaxar snin qabel u għaxar snin wara t-trasferiment tal-assi”, li għalih tkun saret l-għażla ta’ sottomissjoni għas-sistema tat-taxxi tas-suċċessjoni u tad-donazzjoni maħsuba għall-persuni residenti. Skont il-qorti tar-rinviju, għall-persuni residenti, l-Artikolu 14 tal-ErbStG jillimita dan il-perijodu għall-għaxar snin li jippreċedu t-trasferiment patrimonjali.

57.      Il-Gvern Ġermaniż jikkontesta din l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju billi jargumenta li, fiż-żewġ każijiet, il-kalkolu tal-valur kumplessiv tal-beni rilevanti akkwistati huwa limitat għal perijodu ta’ għaxar snin, ikkalkolat retroattivament mid-data tat-trażmissjoni patrimonjali.

58.      F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li “l-qorti tar-rinviju hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha kif ukoll tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali” (22).

59.      Għalhekk, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar.

60.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital il-miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni jew tad-donazzjoni ta’ residenti ta’ Stat ieħor li mhux dak li fit-territorju tiegħu hija ntaxxata s-suċċessjoni jew id-donazzjoni jew ta’ resident ta’ Stat ieħor li mhux dak li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxa s-suċċessjoni jew id-donazzjoni tagħhom” (23).

61.      Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ teżisti differenza ta’ trattament inkontestabbli bejn il-persuni residenti u l-persuni mhux residenti, billi l-perijodu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferimenti previst għall-persuni mhux residenti (għaxar snin qabel u wara t-trasferiment) huwa nettament itwal mill-perijodu previst għal persuni residenti (għaxar snin qabel it-trasferiment). Fil-każ ta’ diversi trasferimenti, din id-differenza ta’ trattament tista’ faċilment twassal għal tassazzjoni ogħla tal-persuni mhux residenti.

62.      Barra minn hekk, billi l-ammont tat-taxxa tad-donazzjoni li tirrigwarda immobbli li jinsab fil-Ġermanja għandu jiġi kkalkolat b’applikazzjoni tal-ErbStG, skont il-valur ta’ dak il-beni immobbli u tar-rabta familjari li possibbilment teżisti bejn id-donatur u d-donatarju, ma teżisti l-ebda differenza oġġettiva li tiġġustifika inugwaljanza ta’ trattament fiskali bejn, rispettivament, is-sitwazzjoni ta’ persuni li ħadd minnhom ma huwa residenti f’dan l-Istat Membru u dik fejn tal-inqas wieħed minnhom jirrisjedi fl-imsemmi Stat (24).

63.      F’dan ir-rigward, il-persuni taxxabbli mhux residenti għandhom a fortiori jsibu ruħhom f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-persuni taxxabbli residenti għaliex il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tpoġġihom fuq l-istess pjan għall-finijiet ta’ ntaxxar ta’ beni immobbli akkwistat b’donazzjoni u li jkun jinsab fil-Ġermanja. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148), “[b]illi ttratta b’mod [identiku], ħlief f’dak li jikkonċerna l-ammont tat-tnaqqis mogħti lill-benefiċjarju, id-donazzjonijiet jew is-suċċessjoni favur dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli, il-leġiżlatur nazzjonali, fil-fatt, ammetta li bejniethom ma teżisti, fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet tal-perċezzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet jew fuq is-suċċessjoni, l-ebda differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva ta’ natura li tiġġustifika differenza ta’ trattament”. L-istess jingħad f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ trasferimenti preċedenti.

64.      Għalhekk l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG joħloq restrizzjoni oħra għall-moviment liberu tal-kapital.

65.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata minn raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali, u b’mod partikolari t-tqassim bilanċjat tal-poter ta’ ntaxxar tal-Istati Membri u l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża.

66.      Fir-rigward tat-tqassim bilanċjat tal-poter ta’ ntaxxar tal-Istati Membri, il-gvern Ġermaniż xejn ma jispjega kif dan it-tqassim ser jiġi ppreġudikat jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhom japplikaw għall-persuni residenti u għall-persuni mhux residenti l-istess perijodu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferimenti.

67.      Fir-rigward tal-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li, billi jeżerċitaw l-għażla li jissottomettu ruħhom għas-sistema ta’ taxxa tal-persuni residenti offruta bl-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, il-persuni taxxabbli mhux residenti jagħżlu l-obbligu fiskali illimitat fis-sens li l-bażi taxxabbli tinkludi l-intier tal-patrimonju nazzjonali u barra l-pajjiż. Huwa jikkonkludi li l-benefiċċju fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli tal-Artikolu 16(1) tal-ErbStG huwa kkumpensat permezz ta’ taxxa fiskali ddeterminata skont it-taxxa fuq id-donazzjonijiet.

68.      Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jsemmi d-differenza fit-tul tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferimenti tal-assi bi preġudizzju għall-persuni mhux residenti. Iktar speċifikament, kontra dak li huwa stabbilit fil-ġurisprudenza stabbilita f’dan il-qasam (25), il-Gvern Ġermaniż ma jurix l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-għoti ta’ benefiċċju fiskali u teħid inkunsiderazzjoni itwal tat-trasferimenti, meta d-donazzjoni tinvolvi donatarji u donaturi mhux residenti.

69.      Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq il-koerenza tas-sistema fiskali għandhom jiġu miċħuda.

VI – Konklużjoni

70.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej għad-domanda preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf):

1)      L-Artikoli 63(1) TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, tipprevedi li t-tnaqqis fuq il-bażi taxxabbli fil-każ ta’ donazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jkun inqas meta d-donatur u d-donatarju jkunu jirrisjedu, fid-data li fiha ssir id-donazzjoni, fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li jiġi applikat jekk tal-inqas wieħed minnhom kien jirrisjedi, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll li dan it-tnaqqis iktar għoli jista’ jiġi applikat fuq talba tad-donatarju jekk huwa jagħżel is-sistema ta’ obbligu fiskali illimitat irriżervata għall-persuni residenti.

2)      L-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tad-donazzjoni fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat, id-donatarji residenti f’pajjiżi terzi jistgħu jitolbu l-applikazzjoni fuq il-bażi taxxabbli tat-tnaqqis iktar għoli biss jekk wieħed mid-donaturi jew mid-donatarji jirrisjedi f’dak l-Istat.

3)      L-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li, għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, f’każ ta’ donazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-beni kollha riċevuti gratuwitament mingħand id-donatur matul l-għaxar snin li jippreċedu u l-għaxar snin li jiġu wara d-donazzjoni, meta, fid-data li fiha ssir id-donazzjoni, id-donatur u d-donatarju kienu residenti fi Stat Membru ieħor, meta, kieku wieħed jew l-ieħor minnhom kien, f’dik l-istess data, residenti fl-ewwel Stat Membru, kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-għaxar snin li jippreċedu d-donazzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – C-510/08 EU:C:2010:216.


3 – Ibidem.


4 – Ara s-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation (C-440/04, EU:C:2006:774, punt 162); Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punt 53; u Beker (C-168/11, EU:C:2013:117, punt 62).


5 – ĠU 1994, L 1, p. 3.


6 – C-510/08, EU:C:2010:216.


7 – Din il-leġiżlazzjoni u leġiżlazzjonijiet ekwivalenti ta’ Stati Membri oħra kienu wkoll is-suġġett ta’ analiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Jäger (C-256/06, EU:C:2008:20); Welte (C-181/12, EU:C:2013:662); Il-Kummissjoni vs Spanja (C-127/12, EU:C:2014:2130); u Q (C-133/13, EU:C:2014:2460).


8 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148, punt 41). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Jäger (C-256/06, EU:C:2008:20, punt 31); Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216, punt 26); Il-Kummissjoni vs Spanja (C-127/12, EU:C:2014:2130, punt 57); u Welte (C-181/12, EU:C:2013:662, punt 23).


9 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-127/12, EU:C:2014:2130, punt 58). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216, punt 28) u, fil-qasam ta’ suċċessjoni, is-sentenza Welte (C-181/12, EU:C:2013:662, punt 25).


10 – Din l-għażla hija offruta biss lil persuni mhux residenti stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE bl-esklużjoni ta’ pajjiżi terzi.


11 – L-Artikolu 2(3) tal-ErbStG jidher li japplika l-għażla għas-sistema ta’ obbligu fiskali illimitat fuq kull trasferiment patrimonjali ieħor magħmul mill-istess persuna matul l-għaxar snin li jippreċedu u l-għaxar snin ta’ wara t-trasferiment patrimonjali li għalih tkun saret dik l-għażla.


12 – C-440/08, EU:C:2009:661.


13 – Sentenza Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punt 52).


14 – Ibid (punt 53).


15 – Ara l-punti 52 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16 – Ara s-sentenza Hirvonen (C-632/13, EU:C:2015:765, punt 43).


17 – Ibid (punt 49). Enfasi magħmula minni.


18 – Ibid (punt 39).


19 – Sentenza Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punt 44). Enfasi magħmula minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Talotta (C-383/05, EU:C:2007:181, punt 19) u Renneberg (C-527/06, EU:C:2008:566, punt 60).


20 – Din l-għażla hija offerta biss lill-persuni mhux residenti stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE bl-esklużjoni ta’ pajjiżi terzi.


21 – Ara n-nota ta’ qiegħ-il paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 – Sentenza Eckelkamp et (C-11/07, EU:C:2008:489, punt 32). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Sürül (C-262/96, EU:C:1999:228, punt 95).


23 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-127/12, EU:C:2014:2130, punt 57). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216, punt 26).


24 – Ara s-sentenzi Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216, punt 36) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148, punt 49).


25 – Ara s-sentenzi Manninen (C-319/12, EU:C:2004:484, punt 42); Glaxo Wellcome (C-182/08, EU:C:2009:559, punti 77 u 78); Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216, punt 53); u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148, punti 55 u 56).