Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2016 (1)

Kawża C-11/15

Odvolací finanční ředitelství

vs

Český rozhlas

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka)]

“Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjoni mit-taxxa – Attivitajiet ta’ organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni mingħajr natura kummerċjali – Servizz pubbliku tax-xandir – Finanzjament permess ta’ tariffi obbligatorji – Klassifikazzjoni ta’ tali provvista ta’ servizz”





 Introduzzjoni

1.        Is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija bbażata fuq mekkaniżmu doppju, jiġifieri l-ħlas tat-taxxa tal-output u t-tnaqqis tat-taxxa tal-input. Dan il-mekkaniżmu jippermetti li din it-taxxa tkun newtrali mill-perspettiva tal-operaturi ekonomiċi; il-konsumaturi biss jerfgħu l-piż finanzjarju tagħha.

2.        Sabiex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni fiskali tiġbor b’mod effettiv dak li huwa dovut lilha, huwa neċessarju li t-tnaqqis jirrigwarda biss l-oġġetti u s-servizzi akkwistati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli, b’tali mod li l-VAT tal-input titnaqqas mill-ammont tat-taxxa tal-output imħallsa. Jekk il-persuna taxxabbli twettaq attività taxxabbli u attività eżenti fl-istess waqt, għandhom japplikaw regoli speċifiċi, sabiex tiġi stabbilita l-parti tal-VAT tal-input imħallsa li tista’ titnaqqas. Is-sitwazzjoni tikkomplika ruħha ulterjorment meta l-persuna taxxabbli twettaq, barra minn hekk, attività li bl-ebda mod ma taqa’ fis-sistema tal-VAT, għaliex ma għandhiex natura ta’ attività ekonomika mwettqa bi ħlas fis-sens tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema tal-VAT. Din il-kawża toffri opportunità li tiġi ppreċiżata l-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-taxxi tal-valur fuq il-bejgħ – Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (2) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) jipprevedi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti [għall-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;”

4.        Skont l-Artikolu 13A(1)(q) ta’ din id-direttiva:

Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku

1.      Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma jfasslu għal dan l-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara għat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

(q)      attivitajiet ta’ radju pubbliku jew entitajiet ta’ televiżjoni għajr dawk ta’ natura kummerċjali.”

5.        Skont l-Artikolu 17(2)(a) u (5) tas-Sitt Direttiva:

“2.      Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mi[ll-VAT] li hi responsabbli biex tħallas:

(a)      [il-VAT] dovuta jew mħallsa fir-rig[w]ard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;

[…]

5.      Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li [l-VAT] titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li [l-VAT] ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss ta[l-VAT] għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.

Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19, għat-transazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli.

[…]”

6.        L-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva jipprevedi:

“Il-proporzjon imnaqqas taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 17(5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:

–        bħala numeratur, l-ammont totali, esklussiv mit-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit għat-transazzjonijet li fuqhom i[l-VAT] titnaqqas taħt l-Artikolu 17(2) u (3),

–        bħala denominatur, l-ammont totali, esklussiv ta[l-VAT], tal-bejgħ kull sena attribwit lit-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lit-transazzjonijiet fir-rigward ta[l-VAT] mhux imnaqqas. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 11A(1)(a).

[…]”

 Id-dritt Ċek

7.        Id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva ċċitati iktar ’il fuq ġew trasposti fid-dritt Ċek permezz tal-Artikoli 2(1), 51(1)(b), 72 u 76(1) u (2) tal-Liġi Nru 235/2004 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (zákon č. 235/2004 Sb. o dani z přidané hodnoty).

8.        Skont il-Liġi Nru 348/2005 dwar it-tariffi tar-radju u tat-televiżjoni u li temenda ċerti liġijiet (zákon č. 348/2005 Sb. o rozhlasových a televizních poplatcích a o změně některých zákonů) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 348/2005”), ġiet stabbilita tariffa tar-radju li sservi sabiex tiffinanzja s-servizzi tax-xandir pubbliku Ċek. Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, il-persuna taxxabbli tat-tariffa tar-radju hija l-persuna fiżika jew ġuridika li hija proprjetarja ta’ riċevitur tar-radju jew dik li, għalkemm ma hijiex il-proprjetarja ta’ riċevitur tar-radju, għandha jew tuża, għal raġuni legali oħra, riċevitur tar-radju għal mill-inqas xahar. L-Artikolu 7 tal-istess liġi jipprevedi li l-persuna taxxabbli għandha tħallas it-tariffa tar-radju lix-xandar legali, direttament jew permezz tal-intervent ta’ persuna mandatarja.

9.        L-attività tax-xandir iffinanzjata bil-għajnuna tat-tariffa tar-radju hija kkunsidrata mid-dritt Ċek bħala attività eżenti mill-VAT.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domanda preliminari

10.      Český rozhlas huwa l-organu tax-xandir pubbliku Ċek maħluq mil-liġi u ffinanzjat, b’mod partikolari, permezz ta’ tariffa tar-radju stabbilita skont il-Liġi Nru 348/2005.

11.      Permezz ta’ dikjarazzjonijiet fiskali addizzjonali dwar il-perijodu mix-xahar Marzu sax-xahar ta’ Diċembru 2006, Český rozhlas wettaq żieda supplimentari tad-dritt tiegħu ta’ tnaqqis tal-VAT billi eskluda mill-kalkolu tal-koeffiċjenti użat għat-tnaqqis tal-VAT servizzi li jikkorrispondu għat-tariffi tar-radju li tħallsu lilu, li inizjalment huwa kien iddikjara bħala servizzi eżenti mill-VAT mingħajr dritt għal tnaqqis tagħhom. F’dan ir-rigward, Český rozhlas sostna li dawn it-tariffi ma kinux jikkostitwixxu l-ħlas tas-servizz tax-xandir pubbliku pprovdut.

12.      Din il-pożizzjoni ta’ Český rozhlas ma ġietx aċċettata mill-awtoritajiet fiskali li permezz ta’ avviżi ta’ tassazzjoni supplimentari, irrifjutaw l-esklużjoni tal-imsemmija servizzi mill-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas.

13.      Peress li l-ilment ta’ Český rozhlas ġie miċħud, huwa kkontesta d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet fiskali quddiem il-Mĕstský soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga) li annullathom permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2014.

14.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ix-xandir radjofoniku pubbliku, iffinanzjat mit-tariffi mħallsa skont il-liġi, li l-persuna taxxabbli hija suġġetta għalihom għar-raġuni li hija tkun is-sid jew tkun fil-pussess ta’ riċevitur tar-radju jew għal raġuni legali oħra li tagħtiha d-dritt li tuża l-imsemmi riċevitur, li l-ammont tagħhom huwa ffissat mil-liġi, jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas’ fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva […], li għandha tiġi eżentata mi[ll-VAT] skont l-Artikolu 13A(1)(q) tal-imsemmija direttiva, jew jikkostitwixxi attività mhux ekonomika li assolutament ma hijiex suġġetta għa[ll-VAT] skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, u li lanqas ma hija suġġetta għall-eżenzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 13A(1)(q) tal-imsemmija direttiva?”

15.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar  2015. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ċek, il-Gvern Elleniku u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni. Český rozhlas, il-Gvern Ċek u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fis-17 ta’ Diċembru 2015.

 Analiżi

16.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ organu tax-xandir pubbliku ffinanzjat permezz ta’ tariffa obbligatorja stabbilita mil-liġi u mħallsa minn kull pussessur ta’ riċevitur tar-radju tikkostitwixxi attività ekonomika suġġetta għall-VAT skont din id-dispożizzjoni. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, tali attività għandha loġikament tiġi eżentata mill-VAT, konformement mal-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva.

17.      Madankollu wieħed għandu jżomm inkunsiderazzjoni li din id-domanda saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Český rozhlas u l-awtoritajiet fiskali li s-suġġett tagħha huwa d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input fuq l-oġġetti u s-servizzi akkwistati minnha fir-rigward tal-attivitajiet tagħha. Għalhekk, sabiex tingħata risposta utili għad-domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax twarrab dan l-aspett.

18.      Għalhekk fl-ewwel lok għandu jiġi evalwat il-kunċett ta’ attività “bi ħlas” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva. Madankollu, jiena ser nibda billi nsemmi, f’xi rimarki preliminari, id-dubji mqajma minn Český rozhlas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar ir-rilevanza tad-domanda preliminari għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ir-rilevanza tad-domanda preliminari

19.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, Český rozhlas jiddikjara li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss in-natura tat-tariffa tar-radju. Il-kwistjoni hija dwar jekk din it-tariffa tistax tiġi kklassifikata bħala ħlas għas-servizzi pprovduti minn Český rozhlas bħala organu pubbliku tax-xandir, mistoqsija li fir-rigward tagħha s-sentenza li kienet is-suġġett tar-rikors ta’ kassazzjoni fil-proċedura prinċipali tat risposta fin-negattiv. Madankollu, skont Český rozhlas, il-qorti tar-rinviju, influwenzata f’dan ir-rigward mill-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, żnaturat il-problema billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk l-attività tax-xandir pubbliku fiha nnifisha tikkostitwixxix attività li taqa’ taħt is-sistema tal-VAT. Issa, skont Český rozhlas, din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti, għaliex din l-attività setgħet tiġi ffinanzjata wkoll minn mezzi oħra minbarra t-tariffa tar-radju.

20.      Jiena ma nikkondividix id-dubji ta’ Český rozhlas. Huwa ċar li huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jorganizza l-finanzjament tal-attività ta’ xandir pubbliku u li tariffa tat-tip tat-tariffa tar-radju Ċeka tista’ ma tkoprix l-ispejjeż kollha ta’ din l-attività. Madankollu, il-formulazzjoni tad-domanda preliminari, li tirreferi għal “xandir radjofoniku pubbliku, iffinanzjat mit-tariffi mħallsa skont il-liġi”, tfisser neċessarjament li s-suġġett tagħha hija l-attività ta’ xandir pubbliku sa fejn huwa ffinanzjat mit-tariffa tar-radju.

21.      Issa, sabiex inwieġeb għall-kwistjoni dwar jekk tali attività għandhiex titqies li hija provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, huwa essenzjali li tiġi analizzata n-natura tat-tariffa tar-radju. Fil-fatt għandu jiġi stabbilit jekk din it-tariffa tistax tiġi kklassifikata bħala ħlas tas-servizzi ta’ Český rozhlas. Min-naħa l-oħra, din l-analiżi waħedha, bħalma jrid Český rozhlas, ma hijiex suffiċjenti, għaliex il-kawża prinċipali fil-fatt ma tirrigwardax in-natura tat-tariffa tar-radju fiha nnifisha, iżda dik tal-portata tad-dritt ta’ tnaqqis ta’ Český rozhlas. Id-domanda preliminari hija għalhekk fl-opinjoni tiegħi fformulata b’mod kompletament rilevanti.

 Fuq il-kunċett ta’ attività “bi ħlas”

22.      Il-kriterji li jippermettu li tiġi ddefinita n-natura ta’ attività bi ħlas jirriżultaw minn ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja (3). Skont din il-ġurisprudenza, provvista ta’ servizzi ssir biss bi ħlas, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, u għaldaqstant tkun taxxabbli biss jekk ikun hemm relazzjoni legali bejn il-prestatarju u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproki, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-prestatarju tkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju. Għaldaqstant hija neċessarja l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut (4). Għalhekk, meta l-attività ta’ prestatarju tikkonsisti esklużivament fil-provvista ta’ servizzi mingħajr korrispettiv dirett, ma jkunx hemm bażi taxxabbli u għalhekk dawn is-servizzi ma jkunux suġġetti għall-VAT (5).

23.      Għalhekk huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandha ssir l-analiżi tan-natura tal-attività ta’ xandir iffinanzjata bl-għajnuna ta’ tariffa bħat-tariffa tar-radju inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Ir-relazzjoni bejn Český rozhlas u l-persuni taxxabbli

24.      Ladarba s-sitwazzjoni hija analizzata mill-angolu tar-relazzjoni bejn Český rozhlas u l-persuni suġġetti għat-tariffa tar-radju, il-konklużjoni għandha neċessarjament tkun, fl-opinjoni tiegħi, li l-attività ta’ Český rozhlas iffinanzjata bl-għajnuna tat-tariffa tar-radju ma tissodisfax il-kriterji meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala attività li taqa’ taħt il-VAT.

25.      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rabta legali diretta neċessarja hija nieqsa f’dan il-każ. Minn naħa, l-attività ta’ Český rozhlas hija organizzata abbażi tal-liġi u t-twettiq ta’ din l-attività ma tiddependi la fuq l-identità tas-semmiegħa u lanqas fuq in-numru konkret tagħhom. Peress li din hija attività tax-xandir pubbliku, hija kkaratterizzata għalhekk minn żewġ elementi essenzjali. L-ewwel nett, dan huwa xandir b’aċċess liberu. It-tieni nett, peress li hija attività li ġustament tibbenefika minn finanzjament pubbliku, il-kontenut tal-programmi mxandra ma jiddependix fuq kunsiderazzjonijiet ta’ profitt ekonomiku.

26.      Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli, l-obbligu tal-ħlas tat-tariffa tar-radju huwa għalkollox indipendenti mill-użu effettiv tas-servizzi tax-xandir pubbliku. L-obbligu fir-rigward tat-tariffa tar-radju huwa obbligu legali, li l-fatt taxxabbli tagħha ma huwiex il-fatt li jinstema’ r-radju pubbliku, iżda l-pussess ta’ riċevitur tar-radju. Sa fejn b’mod parallel għar-radju pubbliku, jistgħu jeżistu xandara privati wkoll, il-pussess ta’ riċevitur tar-radju assolutament ma huwiex ekwivalenti għall-użu tas-servizzi tax-xandir pubbliku. Barra minn hekk, il-fatt li r-radju pubbliku ma jinstemax ma jeżentax mill-obbligu tal-ħlas tat-tariffa tar-radju. Bl-istess mod, il-possibbiltà li dan jinstema’ ma hijiex ikkundizzjonata bil-ħlas ta’ din it-tariffa, għaliex ix-xandir pubbliku għandu aċċess liberu. Il-persuna li tonqos milli tħallas it-tariffa tirriskja massimu ta’ eventwali sanzjonijiet amministrattivi.

27.      Din il-possibbiltà li jintuża riċevitur tar-radju għall-finijiet oħra barra s-smigħ ta’ programmi tar-radju pubbliku teskludi neċessarjament, fl-opinjoni tiegħi, l-argument li l-akkwist ta’ tali riċevitur ifisser il-volontà tal-użu tas-servizzi tax-xandir pubbliku, li t-tariffa tar-radju tikkostitwixxi l-prezz tiegħu. L-obbligu tal-ħlas ta’ din it-tariffa huwa obbligu legali li huwa effettivament marbut mal-pussess ta’ riċevitur tar-radju, iżda tibqa’ min-naħa l-oħra totalment indipendenti mill-użu, jew le, tas-servizzi tax-xandir pubbliku.

28.      B’hekk, l-obbligu tal-ħlas tat-tariffa tar-radju ma joħloq l-ebda relazzjoni legali bejn il-persuna taxxabbli u x-xandar pubbliku għaliex, l-ewwel nett, il-fatt taxxabbli ta’ dan l-obbligu ma jinsabx fl-użu tas-servizzi pprovduti mix-xandar inkwistjoni, iżda fil-pussess ta’ riċevitur tar-radju u, it-tieni nett, l-aċċess għall-imsemmija servizzi ma huwiex suġġett għall-ħlas ta’ din it-tariffa.

29.      Għaldaqstant it-tariffa tar-radju ma hijiex, mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli, korrispettiv tas-servizzi tax-xandar pubbliku.

 Ir-relazzjoni bejn Český rozhlas u l-Istat Ċek

30.      Il-Gvern Ċek jiżviluppa, fl-osservazzjonijiet tiegħu, analiżi differenti, jiġifieri l-eżistenza ta’ relazzjoni legali triangulari li fiha l-Istat Ċek jafda lil Český rozhlas il-missjoni li jipprovdi servizzi ta’ interess ġenerali għall-benefiċċju tad-destinatarji (utenti potenzjali), filwaqt li jiżgura korrispettiv finanzjarju taħt il-forma tat-tariffa tar-radju.

31.      Ma ninsabx konvint minn din l-analiżi, għas-sempliċi raġuni li r-relazzjoni bejn Český rozhlas u l-Istat Ċek ma hijiex relazzjoni ta’ natura kuntrattwali fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi.

32.      Ix-xandir pubbliku huwa kkostitwit fl-interess ġenerali, sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà kif ukoll sabiex jippreżerva l-pluraliżmu fil-mezzi tax-xandir (6). Għal dan il-għan, l-Istati joħolqu organi pubbliċi responsabbli mis-servizzi ta’ xandir u jiżguraw il-finanzjament tagħhom, li ħafna drabi jkun fil-forma ta’ tariffa bħat-tariffa tar-radju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn l-organi jiżguraw il-missjoni tax-xandir pubbliku li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizz b’xejn, ta’ aċċess liberu u indipendenti mir-restrizzjonijiet ekonomiċi jew oħrajn, kuntrarji għall-missjoni tagħhom. Huwa f’din il-perspettiva li l-protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri jistipula li r-regoli tat-Trattati huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu l-finanzjament tax-xandir pubbliku.

33.      L-organi tax-xandir jinħolqu mill-Istat, li jiddefinixxi l-missjoni tagħhom, jiżgura t-twettiq tagħhom u jiżgura l-finanzjament tagħhom, pereżempju billi jagħtihom id-dħul minn kontribuzzjoni obbligatorja implementata b’mod speċjali għal dan il-għan. Għalhekk ma hijiex relazzjoni ekonomika li setgħet saret liberament bejn żewġ entitajiet awtonomi, l-Istat u l-organu tax-xandir, li barra minn hekk huma suġġetti b’mod sħiħ għar-regoli tat-Trattati u tad-dritt derivat. L-organu tax-xandir pubbliku ma jitlobx “prezz” għas-servizzi tiegħu u t-tariffa ma tikkostitwixxix il-ħlas ta’ tali prezz.

34.      Fost l-argumenti mqajma fil-kuntest ta’ din il-kawża, it-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ippreżentata bħala forma ta’ taxxa intiża għall-finanzjament ta’ tip partikolari ta’ attività pubblika. Inqis pjuttost li tali tariffa – u b’mod iktar partikolari meta l-modalitajiet tagħha huma dawk tat-tariffa tar-radju Ċeka, jiġifieri tariffa mħallsa mill-persuni taxxabbli direttament lill-organu tax-xandir benefiċjarju – hija simili għal sussidju taħt forma partikolari ta’ riżorsi proprji assenjati mill-Istat lil dan l-organu. Issa, l-attività li għaliha l-persuna taxxabbli ma tirċievi ebda korrispettiv min-naħa tad-destinatarji u li hija ffinanzjata permezz ta’ sussidju intiż li jiffinanzja b’mod ġenerali l-attività ta’ din il-persuna taxxabbli, żgur ma tistax tiġi kklassifikata bħala attività bi ħlas.

35.      Konsegwentement, anki jekk tiġi analizzata mill-angolu tar-relazzjoni bejn Český rozhlas u l-Istat Ċek, it-tariffa tar-radju ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala korrispettiv għas-servizz ta’ xandir pubbliku u l-attività ta’ Český rozhlas iffinanzjata bl-għajnuna ta’ din it-tariffa ma tikkostitwixxix attività bi ħlas fis-sens tas-Sitt Direttiva.

 Il-kwistjoni tar-rilevanza tas-sentenza Le Rayon d’Or

36.      Il-qorti tar-rinviju tiġbed ulterjorment l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sentenza tagħha Le Rayon d’Or (7), billi tistaqsi jekk is-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza, jew soluzzjoni speċifika analoga, tistax tiġi applikata għax-xandir pubbliku ffinanzjat permezz ta’ tariffa.

37.      Fl-opinjoni tiegħi din il-proposta għandha tiġi eskluża. Huwa minnu li f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-servizzi pprovduti minn stabbiliment għal persuni anzjani għandhom jiġu kkunsidrati bħala mwettqa bi ħlas minkejja li r-remunerazzjoni ta’ dawn is-servizzi ma kinitx titħallas mill-benefiċjarji tal-imsemmija servizzi fir-rigward ta’ kura konkreta, iżda mill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard, u dan bħala somma f’daqqa.

38.      Madankollu, il-kawża li tat lok għas-sentenza Le Rayon d’Or (8) hija differenti minn din il-kawża minħabba r-rabta legali li effettivament teżisti bejn il-benefiċjarji tas-servizzi, jiġifieri r-residenti tal-istabbiliment għall-persuni anzjani, u dan l-istabbiliment. L-unika partikolarità ta’ din ir-relazzjoni tinsab fl-intervent tal-assigurazzjoni għall-mard li tikkontribwixxi, biex ngħidu hekk, fl-obbligi tar-residenti sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tas-servizzi li minnhom huma kienu bbenefikaw. Issa, fil-każ tax-xandir pubbliku, kif semmejt fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija preċiżament din ir-relazzjoni legali li hija nieqsa. Konsegwentement, is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Le Rayon d’Or (9) ma hijiex trasponibbli għal din il-kawża.

 Fuq ir-ratio legis tal-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva

39.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar dawk li kienu l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur Komunitarju meta stabbilixxa d-dispożizzjoni tal-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva, fil-każ fejn l-attività ta’ xandir pubbliku, iffinanzjata normalment minn tariffa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, titqies li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Skont il-Gvern Ċek, l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkun b’hekk nieqsa minn kull sens.

40.      Jiena ma nikkondividix din il-preokkupazzjoni. L-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva jifforma parti minn lista twila ta’ eżenzjonijiet “għal ċertu attivitajiet fl-interess ġenerali”. Dawn l-attivitajiet, jew minħabba n-natura proprja tagħhom, jew minħabba l-persuni li jwettquhom, ħafna drabi jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, peress li ma humiex attivitatjiet bi ħlas fis-sens ta’ din id-direttiva. Madankollu, dawn l-attivitajiet jistgħu jkollhom modalitajiet ta’ finanzjament differenti. Dawn jistgħu jitwettqu wkoll bi ħlas, tal-inqas parzjalment. Dan huwa l-każ ukoll tal-attivitajiet ta’ organi pubbliċi ta’ xandir li jistgħu ma jkunux iffinanzjati fit-totalità tagħhom minn tariffa, fatt li barra minn hekk huwa rrikonoxxut mill-Gvern Ċek innifsu (10). Dawn huma s-sitwazzjonijiet li fihom l-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva jipprovdi għall-eżenzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Il-fatt li, fil-prattika, ħafna drabi dawn jirrigwardaw attivitajiet li ma jaqgħu bl-ebda mod fis-sistema tal-VAT ma jagħmilx din l-eżenzjoni mingħajr għan.

41.      Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva li tipprevedi l-eżenzjoni ta’ attività partikolari, bħall-Artikolu 13A(1)(q) tagħha, ma tistax tiġi interpretata b’mod li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ddefinita fl-Artikolu 2 tagħha. Għalhekk hija l-appartenenza għall-kategorija ta’ attivitajiet taxxabbli li hija l-kundizzjoni ta’ eżenzjoni eventwali u mhux bil-maqlub.

 Konklużjoni fuq in-natura tal-attività ta’ Český rozhlas iffinanzjata bl-għajnuna tat-tariffa tar-radju

42.      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li l-attività ta’ Český rozhlas, sa fejn hija ffinanzjata permezz tat-tariffa tar-radju, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva għaliex ma tirrigwardax attività bi ħlas.

43.      Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed bħala prinċipju sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, hekk kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra, fl-ispirtu tal-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali li huwa l-bażi tal-Artikolu 267 TFUE u sabiex tingħata lill-qorti tar-rinviju l-iktar risposta utili għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li ssegwi din ir-riflessjoni billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-portata tad-dritt ta’ Český rozhlas għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa.

 Fuq id-dritt ta’ tnaqqis tal-persuni taxxabbli li jwettqu fl-istess ħin tranżazzjonijiet intaxxati u tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fis-sistema tal-VAT

 Rimarki preliminari

44.      Skont l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, “[s]a kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mi[ll-VAT] li hi responsabbli biex tħallas” il-VAT dovuta jew imħallsa fuq dawn l-oġġetti u servizzi. Id-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa tal-input huwa l-mekkaniżmu essenzjali tas-sistema tal-VAT, għaliex jippermetti lil din it-taxxa tkun newtrali għall-operaturi ekonomiċi; bħala regola huma l-konsumaturi biss li jerfgħu l-piż finanzjarju.

45.      Madankollu, sabiex il-VAT tkun effettivament imħallsa mill-konsumaturi, id-dritt ta’ tnaqqis għandu jirrigwarda biss l-oġġetti u s-servizzi użati sussegwentement mill-persuna taxxabbli għat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. B’hekk il-VAT tal-input titnaqqas mill-VAT tal-output li l-persuna taxxabbli tiġbor mingħand il-partijiet kontraenti tagħha billi tinkludiha fil-prezz tal-provvisti tagħha ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. Min-naħa l-oħra, jekk il-persuna taxxabbli jkollha d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input fuq oġġetti u servizzi li ma jintużawx għat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha, din il-VAT għandha tiġi rrimborsata lilha, b’tali mod li l-oġġetti u s-servizzi taxxabbli ma jkunux intaxxati fil-prattika. F’tali każ, hija għalhekk il-persuna taxxabbli li għandha terfa’ l-piż finanzjarju tat-tassazzjoni, billi tieħu post il-konsumatur.

46.      Is-sistema tal-VAT tinkludi mekkaniżmi ta’ korrezzjoni meta l-oġġetti u s-servizzi akkwistati mill-persuna taxxabbli ma jintużawx għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Iż-żewġ sitwazzjonijiet l-iktar frekwenti huma dik fejn il-persuna taxxabbli tuża l-oġġetti u s-servizzi, kollha jew parzjalment, għat-tranżazzjonijiet eżentati tagħha u fejn hija tużahom għall-iskopijiet tagħha jew dawk tal-impjegati tagħha.

47.      Madankollu, is-Sitt Direttiva ma tinkludix regoli speċifiċi applikabbli fis-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li twettaq fl-istess ħin tranżazzjonijiet taxxabbli u tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fis-sistema tal-VAT. Fir-rigward tal-oġġetti u servizzi li l-użu tagħhom mill-persuna taxxabbli, għal waħda minn dawn il-kategoriji ta’ tranżazzjonijiet (jiġifieri tranżazzjonijiet taxxabbli u mhux taxxabbli), jista’ jiġi faċilment stabbilit, is-soluzzjoni hija sempliċi u tirriżulta direttament mill-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, l-oġġetti u s-servizzi użati għat-tranżazzjonijiet taxxabbli jagħtu dritt ta’ tnaqqis (ħlief jekk dawn it-tranżazzjonijiet huma eżentati) u l-oġġetti u s-servizzi użati għat-tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fis-sistema tal-VAT ma jagħtu dritt għal ebda tnaqqis. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-portata tad-dritt ta’ tnaqqis tirrigwarda l-oġġetti u s-servizzi użati, u b’mod indissoċjabli, kemm għat-tranżazzjonijiet intaxxati u kif ukoll għat-tranżazzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-sistema tal-VAT. Dawn l-oġġetti u servizzi jistgħu jiġu mmoltiplikati u jirrappreżentaw parti sinjifikattiva mill-ispejjeż tal-attività ekonomika, pereżempju l-elettriku, il-kera tal-uffiċċji, is-servizzi ta’ tindif, ċertu apparat, eċċ.

 Il-każ ta’ Český rozhlas

48.      Din ukoll tkun is-sitwazzjoni ta’ Český rozhlas, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-proposta tiegħi dwar ir-risposta għad-domanda preliminari għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-attività tiegħu ffinanzjata permezz tat-tariffa tar-radju (11). F’dan il-każ, għandu jiġi miċħud l-argument tal-awtoritajiet fiskali Ċeki, li l-attività ta’ Český rozhlas iffinanzjata permezz tat-tariffa tar-radju taqa’ taħt is-sistema tal-VAT, iżda tibbenefika mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi applikat il-metodu ta’ kalkolu tad-dritt ta’ tnaqqis proporzjonat previst fl-Artikoli 17(5) u 19 tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, it-terminu “transazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx” użat f’dawn id-dispożizzjonijiet ma jkoprix it-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT (12).

49.      Český rozhlas, minn naħa tiegħu, isostni fil-kawża prinċipali li r-rifjut li t-tariffa tar-radju tiġi kklassifikata bħala ħlas iwassal għall-esklużjoni tal-ammonti miġbura minn din it-tariffa mill-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas. Konsegwentement, id-dritt ta’ tnaqqis tiegħu għandu jkun ta’ 100 % tal-VAT tal-input (13). Din il-perspettiva ma hijiex irrilevanti, iktar u iktar jekk l-analiżi tirrigwarda biss in-natura tad-dħul miġbur bħala tariffa tar-radju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ tnaqqis huwa parti integrali mill-mekkaniżmu li jirregola l-VAT, u bħala prinċipju ma jistax ikun limitat u għandu jiġi eżerċitat għat-taxxa kollha imposta fuq it-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-input imwettqa (14). Il-fatt li persuna taxxabbli tagħmel dħul li ma huwiex il-korrispettiv tas-servizzi tagħha u li ma jidħolx fid-dħul mill-bejgħ tagħha ma għandux, bħala regola, jimplika limitazzjoni tad-dritt ta’ tnaqqis tagħha.

50.      Madankollu, din l-analiżi tinjora l-fatt li t-tariffa tar-radju ma hijiex dħul aċċessorju ta’ Český rozhlas, iżda wieħed mill-mezzi ta’ finanzjament prinċipali tiegħu (15). Fil-fatt din it-tariffa tippermetti l-finanzjament tal-attività statutorja tiegħu, jew tal-inqas parti essenzjali minn din l-attività. In-natura tal-attività hekk iffinanzjata hija għalhekk inseparabbli min-natura tal-finanzjament tagħha stess, li, f’dan il-każ ma hijiex fil-forma ta’ remunerazzjoni għas-servizzi mwettqa iżda pjuttost fil-forma ta’ riżors proprju (16). Għalhekk, konformement mal-proposta tiegħi għal risposta f’din il-kawża, din l-attività ma tistax tiġi kkunsidrata bħala attività bi ħlas fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva. Għalhekk il-kwistjoni hija dwar jekk din l-attività tistax tagħti dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input għal dak li jirrigwarda l-oġġetti u s-servizzi użati kemm għall-finijiet ta’ din l-attività u tal-attivitajiet intaxxati.

51.      Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda titlob risposta fin-negattiv. Fil-fatt, l-għoti ta’ dritt ta’ tnaqqis għal oġġetti u servizzi użati għall-finijiet ta’ attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT huwa kuntrarju għal-loġika ta’ din is-sistema u, b’mod iktar preċiż, għat-termini kategoriċi u ċari tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva (17). F’tali każ, il-VAT tal-input ma titnaqqasx mill-VAT tal-output dovuta mill-persuna taxxabbli fir-rigward tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha (għaliex ma jkunx hemm) u hija tista’ titlob ir-rimbors tagħha. Għalhekk din il-VAT tkun finalment imħallsa mill-persuna u l-oġġetti u s-servizzi preżenti fil-katina ta’ tranżazzjonijiet tal-output ikunu de facto eżentati, bi ksur tal-prinċipju tal-universalità tal-VAT.

52.      Dan huwa wisq iżjed minnu fil-każ fejn il-persuna taxxabbli tkun xandar pubbliku, għaliex l-attivitajiet tagħha – jekk jitwettqu bi ħlas u jkunu għalhekk taxxabbli – ikunu eżentati skont l-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet kummerċjali li ma humiex inkwistjoni hawn hekk, u ma jagħtu ebda dritt ta’ tnaqqis (18). Ikun għalhekk illoġiku li jingħata d-dritt ta’ tnaqqis fil-każ ta’ attivitajiet li ma humiex taxxabbli għar-raġuni li dawn ma jsirux bi ħlas u li ma jingħatax dan id-dritt fir-rigward tal-istess attivitajiet li kieku dawn kienu taxxabbli.

53.      Il-paragun mas-sitwazzjoni ta’ xandar privat tista’ tkun ta’ benefiċċju. Tali xandar jista’ wkoll, u ħafna drabi dan huwa l-każ, ixandar il-programmi tiegħu b’aċċess liberu, u għalhekk mingħajr ma jiġbor ħlas min-naħa tas-semmiegħa. Madankollu, peress li ma jiġbor ebda tariffa u lanqas xi mezz ta’ finanzjament pubbliku ieħor, huwa għandu jiffinanzja l-attività tiegħu billi jxerred “komunikazzjonijiet kummerċjali”, sabiex nuża t-termini tad-Direttiva “Servizzi tal-media awdjoviżiva” (19), jiġifieri reklami, programmi sponsorizzati, eċċ. Dawn il-komunikazzjonijiet kummerċjali huma intiżi għas-semmiegħa tal-programmi tax-xandar, b’tali mod li x-xandir tal-komunikazzjonijiet kummerċjali huwa inseparabbli mix-xandir tal-programmi. Mill-perspettiva ekonomika, dan ix-xandir kollu jikkostitwixxi għalhekk l-attività tax-xandar iffinanzjata mid-dħul iġġenerat mill-komunikazzjonijiet kummerċjali li jikkostitwixxu dħul mill-bejgħ ta’ dan ix-xandar. B’hekk, il-VAT tal-input fuq l-oġġetti u s-servizzi użati minn dan ix-xandar għall-attività tiegħu kollha għandha titnaqqas mill-VAT tal-output inkluża fil-prezz tal-komunikazzjonijiet kummerċjali ffatturat minnu. Din l-inklużjoni tiġġustifika għalhekk id-dritt tiegħu ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input kollu.

54.      Din ma hijiex is-sitwazzjoni ta’ xandar pubbliku li l-attività tiegħu hija, tal-inqas parzjalment, iffinanzjata minn tariffa. Peress li din it-tariffa ma hijiex korrispettiva għas-servizzi mwettqa, ma hemmx VAT tal-output u għalhekk il-VAT tal-input ma tistax titnaqqas. Ix-xandar pubbliku jista’, madankollu, ikollu wkoll attività kummerċjali, iffinanzjata minn mezzi oħra. Din l-attività tagħtih għalhekk dritt ta’ tnaqqis, iżda biss fuq il-parti tal-oġġetti u s-servizzi użati għall-iskopijiet ta’ din l-attività kummerċjali.

55.      Sabiex titneħħa kwalunkwe ambigwità, għandu jingħad ukoll li fl-opinjoni tiegħi wieħed ma jistax jittrasponi s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kretztechnik (20) għas-sitwazzjoni ta’ xandar pubbliku. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat it-tnaqqis tal-VAT tal-input fuq l-ispejjeż magħmula għall-iskopijiet tat-trasferiment tal-azzjonijiet mill-persuna taxxabbli, billi kkunsidrat li dan it-trasferiment ta’ azzjonijiet hija l-attività ekonomika (u għalhekk taxxabbli) ta’ din il-persuna taxxabbli fl-intier tagħha. Madankollu, l-attività ta’ xandar pubbliku ma hijiex eżerċitata sabiex tinkiseb it-tariffa. Għall-kuntrarju, l-iskop tax-xandar huwa li jeżerċita din l-attività ta’ xandir, u t-tariffa hija biss mezz ta’ finanzjament. Barra minn hekk, anki jekk tali attività tkun eżerċitata bi ħlas, hija tkun eżentata skont l-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva. Għalhekk ma hemm l-ebda analoġija mas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kretztechnik.

 Il-kalkolu tal-portata tad-dritt ta’ tnaqqis

56.      Il-konstatazzjoni li l-attività ffinanzjata permezz tat-tariffa ma tagħti ebda dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input tapplika kemm għall-oġġetti u s-servizzi użati mill-persuna taxxabbli esklużivament għall-iskopijiet tal-attivitajiet mhux taxxabbli tagħha kif ukoll għal dawk użati fl-istess ħin u b’mod inseparabbli għall-iskopijiet ta’ tali attivitajiet u għall-iskopijiet ta’ attivitajiet intaxxati. L-oġġetti u s-servizzi li jappartjenu lill-ewwel kategorija ma jqajmu ebda problema, għaliex il-persuna taxxabbli sempliċement ma għandhiex dritt ta’ tnaqqis. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni kategorija, għandu jiġi stabbilit sa fejn il-persuna taxxabbli għandha tkun tista’ tibbenefika mid-dritt ta’ tnaqqis tagħha sabiex, minn naħa, dan id-dritt jinżamm għall-parti li hija marbuta mat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha, u min-naħa l-oħra, sabiex ma jkunx hemm “kumpens żejjed” mhux dovut.

57.      Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Securenta (21), id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva ma fihomx regoli li jirrigwardaw il-metodi jew il-kriterji li l-Istati Membri huma obbligati japplikaw meta jadottaw dispożizzjonijiet li jippermettu tqassim tal-ammonti tal-VAT tal-input skont jekk l-ispejjeż korrispondenti jirrigwardawx attivitajiet ekonomiċi jew attivitajiet mhux ekonomiċi.

58.      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi fl-osservazzjonjiet bil-miktub tagħha li tariffa bħat-tariffa tar-radju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi analizzata bħala sussidju fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva. L-Istati Membri għandhom għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, il-possibbiltà li jinkludu tali tariffa fid-denominatur tal-proporzjon imnaqqas, billi jillimitaw b’hekk proporzjonalment il-portata tad-dritt ta’ tnaqqis.

59.      Madankollu, din il-possibbiltà ma hijiex fl-opinjoni tiegħi applikabbli għat-tariffa li sservi għall-finanzjament tal-operaturi pubbliċi tax-xandir fl-Istati Membri. Irrispettivament mill-fatt jekk it-tariffa tar-radju inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex sussidju li għandha natura partikolari ta’ riżorsa proprja, fil-fatt jiena nara żewġ diffikultajiet.

60.      L-ewwel nett, din is-soluzzjoni tintegra fis-sistema tal-VAT attivitajiet li ma jaqgħux fiha. Kif spjegajt fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tariffa tar-radju ma tistax tiġi analizzata b’mod separat mill-attività li hija tiffinanzja. Minħabba dan il-finanzjament, din l-attività ma hijiex eżerċitata bi ħlas u ma taqax fis-sistema tal-VAT. Jekk il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva ma jkunx japplika għall-attivitajiet mhux taxxabbli (22), ma jkunx possibbli li jiġu inklużi fih l-ammonti li jikkorrispondu għal dawn l-attivitajiet.

61.      It-tieni nett, il-mekkaniżmu previst f’dan l-artikolu japplika biss f’każ ta’ persuna taxxabbli “mħallta”, jiġifieri li twettaq fl-istess ħin tranżazzjonijiet intaxxati u eżentati. Ma tistax tapplika għal persuna taxxabbli li twettaq biss tranżazzjonijiet intaxxati u tirċievi barra minn hekk sussidji, b’tali mod li d-denominatur tal-proporzjon ikun ikkostitwit biss mid-dħul mill-bejgħ tat-tranżazzjonijiet intaxxati u mill-ammont tas-sussidji (23). Ix-xandara pubbliċi jistgħu jeżerċitaw, minbarra l-attività ffinanzjata bl-għajnuna tat-tariffa, attivitajiet oħra li jkunu eżentati skont l-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva, iżda barra minn hekk huma jistgħu ma jeżerċitawx tali attivitajiet. Issa, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni tapplika biss għal tal-ewwel, liema fatt jirriskja li jipprovoka distorsjonijiet qawwija tal-kompetizzjoni u jostakola l-għan tal-armonizzazzjoni tas-Sitt Direttiva.

62.      Fl-opinjoni tiegħi, il-problema tat-tariffi li jservu sabiex jiffinanzjaw lix-xandara pubbliċi għandha tkun deċiża abbażi tas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Securenta. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kkonstatat in-nuqqas, fid-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, ta’ regoli li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-portata tad-dritt ta’ tnaqqis tal-persuna taxxabbli li jeżerċitaw fl-istess ħin attivitajiet taxxabbli (u ntaxxati) u attivitajiet mhux taxxabbli, iddeċidiet li d-determinazzjoni tal-metodi u tal-kriterji ta’ tqassim tal-ammonti tal-VAT tal-input imħallsa bejn attivitajiet taxxabbli u attivitajiet mhux taxxabbli taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li, fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-formulazzjoni tas-Sitt Direttiva u, għal dan il-għan, jipprevedu metodu ta’ kalkolu li jirrifletti oġġettivament il-parti ta’ allokazzjoni reali tal-ispejjeż tal-input għal kull waħda minn dawn iż-żewġ attivitajiet (24).

63.      Huwa minnu li s-sentenza Securenta kienet tirrigwarda l-problema partikolari tal-ispejjeż marbuta mal-ħruġ ta’ azzjonijiet u ta’ titoli ta’ investiment. Madankollu, is-soluzzjoni mogħtija f’dik is-sentenza ma hijiex riżervata b’mod speċifiku għal dan il-qasam u fl-opinjoni tiegħi, hija trasponibbli perfettament għal sitwazzjonijiet oħra ta’ persuni taxxabbli li jeżerċitaw fl-istess waqt attività taxxabbli u attività li ma taqax fis-sistema tal-VAT.

 Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula min-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema):

1)      L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-taxxi tal-valur fuq il-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ organu pubbliku ta’ xandir iffinanzjata permezz ta’ tariffa obbligatorja stabblita bil-liġi u mħallsa minn kull possessur ta’ riċevitur tar-radju ma tikkostitwixxix attività bi ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u ma tagħtix dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi akkwistati minn dan l-organu u użati għall-iskopijiet ta’ din l-attività.

2)      Id-determinazzjoni tal-metodi u tal-kriterji ta’ tqassim tal-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa bejn din l-attività u l-attività li tagħti dritt ta’ tnaqqis taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li, fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-formulazzjoni ġenerali tas-Sitt Direttiva 77/388 u f’dan ir-rigward, għandhom jipprevedu metodu ta’ kalkolu li jirrifletti oġġettivament il-parti ta’ allokazzjoni reali tal-ispejjeż tal-input għal kull waħda minn dawn iż-żewġ attivitajiet.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


3 –      Minn dawn il-kriterji ser jissemmew biss dawk rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tad-domanda preliminari f’din il-kawża.


4 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Tolsma (C-16/93, EU:C:1994:80, punt 14) u Lebara (C-520/10, EU:C:2012:264, punt 27).


5 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Hong-Kong Trade Development Council (89/81, EU:C:1982:121, punt 10) u GFKL Financial Services (C-93/10, EU:C:2011:700, punt 17).


6 –      Protokoll (Nru 29) dwar is-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattati UE u FUE.


7 –      C-151/13, EU:C:2014:185.


8 –      C-151/13, EU:C:2014:185.


9 –      C-151/13, EU:C:2014:185.


10 –      Huwa diffiċli li hawnhekk jingħataw eżempji konkreti, għaliex hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddefinixxi dak li huwa pubbliku u dak li huwa kummerċjali fl-attività tax-xandara pubbliċi. Madankollu, il-bejgħ ta’ programmi prodotti fil-kuntest tal-missjoni pubblika lil xandara privati jista’ jiġi kkunsidrat bħala attività eżentata skont l-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva.


11 – Jiġifieri jekk hija tikkunsidra li l-attività ta’ Český rozhlas iffinanzjata permezz tat-tariffa tar-radju ma taqax taħt is-sistema tal-VAT.


12 –      Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-Kawża Securenta (C-437/06, EU:C:2007:777, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza Securenta (C-437/06, EU:C:2008:166, punt 33).


13 –      B’mod iktar preċiż, dan jammonta għal 100% jekk it-tranżazzjonijiet kollha bi ħlas ta’ Český rozhlas jkunu attivitajiet ta’ natura kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva, peress li dawn l-attivitajiet ma humiex eżentati. Min-naħa l-oħra, jekk Český rozhlas iwettaq ukoll tranżazzjonijiet taxxabbli iżda eżentati skont din id-dispożizzjoni, liema fatt ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, għandha tiġi applikata għat-tnaqqis tat-total tal-VAT tal-input proporzjon li jieħu inkunsiderazzjoni biss id-dħul mit-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-VAT (taxxabbli u eżentati).


14 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi BP Soupergaz (C-62/93, EU:C:1995:223, punt 18) u Securenta (C-437/06, EU:C:2008:166, punt 24).


15 –      Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar ir-radju Ċeka (zákon o Českém rozhlasu), is-sorsi ta’ finanzjament ta’ Český rozhlas huma t-tariffa tar-radju u d-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tiegħu.


16 –      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17 –      Infakkar li din id-dispożizzjoni tagħti dritt ta’ tnaqqis “[s]a kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli [tal-persuna taxxabbli]” (enfażi magħmula minni).


18 –      Fil-fatt, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva hija ta’ natura suġġettiva: huma eżentati l-attivitajiet kollha tal-organi pubbliċi tax-xandir, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet kummerċjali.


19 –      Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 95, p. 1).


20 –      C-465/03, EU:C:2005:320.


21 –      C-437/06 (EU:C:2008:166, punt 33).


22 –      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


23 –      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-204/03, EU:C:2005:588, punti 25 u 26).


24 –      Sentenza Securenta (C-437/0, EU:C:2008:166, punt 2 tad-dispożittiv).