Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Bobek

ippreżentati fil-21 ta’ Jannar 2016 (1)

Kawża C-48/15

État belge

vs

NN (L) International, li qabel kienet ING International SA, suċċessur fid-drittijiet u l-obbligi ta’ ING Dynamic SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell, il-Belġju)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari —Libertà ta’ provvista ta’ servizzi — Moviment liberu tal-kapital — Taxxa annwali fuq impriżi għal investiment kollettiv (IIK) — Fattur ta’ konnessjoni għal finijiet ta’ taxxa — Ammonti netti sottoskritti permezz ta’ intermedjarji residenti — Komparabbiltà ta’ IIK barranin u Belġjani — Sanzjoni speċifika applikabbli għal IIK barranin”





I –  Introduzzjoni

1.        Mill-1993 lil hawn, inġabret fil-Belġju taxxa annwali fuq impriżi għal investiment kollettiv (IIK) abbażi tal-valur nett tal-assi ta’ dawn l-impriżi (iktar ’il quddiem “it-taxxa annwali”). Fiż-żmien meta ddaħħlet, IIK Belġjani biss kienu suġġetti għat-taxxa annwali. Madankollu, fl-2003, l-awtoritajiet Belġjani mmodifikaw il-kriterju tat-taxxa. Huma ssuġġettaw għat-taxxa annwali mhux lil IIK Belġjani biss, iżda wkoll lil IIK barranin li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fil-Belġju. Għaż-żewġ tipi ta’ IIK, it-taxxa annwali titħallas fuq it-total tal-ammonti netti “investiti” fil-Belġju, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Minbarra li mmodifikaw il-kriterju tat-tassazzjoni fl-2003, l-awtoritajiet Belġjani introduċew ukoll sanzjoni ġdida speċifika għal IIK barranin li jonqsu milli jħallsu ammonti li jsiru dovuti fir-rigward tat-taxxa annwali.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fi proċeduri bejn NN (L) International, UCI irregolata mil-liġi tal-Lussemburgu, u l-État belge (l-Istat Belġjan). Il-proċeduri jikkonċernaw ir-rifjut tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani li jirrimborsaw l-ammont tat-taxxa annwali mħallsa minn NN (L) International għas-sena 2005. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni tat-taxxa annwali għal IIK barranin u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni speċifika fuq IIK barranin li jonqsu milli josservaw dan l-obbligu fiskali. Id-domandi rrinvijati jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 69/335/KEE (2), tad-Direttiva 85/611/KEE (3), tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital. Dawn id-domandi għal darba oħra jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tindirizza t-tensjoni bejn is-sovranità fiskali tal-Istati Membri u l-obbligi tal-Istati Membri li jkunu konformi mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati.

II –  Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335

3.        L-għan tad-Direttiva 69/335 huwa li jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-kapital billi jiġu armonizzati taxxi fuq il-ġbir tal-kapital fl-Istati Membri. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jimponu ħlas ta’ dazju kapitali armonizzat fuq kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpaniji ta’ kapital. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi żewġ listi li jenumeraw dawk l-operazzjonijiet li għandhom u dawk li jistgħu jkunu suġġetti għal dazju kapitali.

4.        Skont l-aħħar premessa tagħha d-Direttiva 69/335 tipprovdi wkoll għat-tneħħija ta’ taxxi oħra indiretti li għandhom l-istess karatteristiċi bħal dazju kapitali jew taxxa tal-boll. Dawk it-taxxi huma elenkati fl-Artikolu 10 tad-direttiva li tipprovdi li, minbarra dazju kapitali, l-Istati Membri ma jkunu jistgħu jimponu ebda taxxa: “(a) fir-rigward tal-operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] imsemmija fl-Artikolu 4; (b) fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet, self jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4; u (c) fir-rigward ta’ reġistrazzjoni jew kull formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalih kumpanija, ditta, assoċjazzjoni, jew persuna ġuridika li taħdem għall-profitt tista' tkun soġġetta għar-raġuni tal-forma ġuridika tagħha”.

5.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335 jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu kull forma ta’ tassazzjoni fuq: “(a) il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks, ishma jew sigurtajiet [titoli] oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrappreżentaw dawn is-sigurtajiet [it-titoli] minn min ikun; (b) self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ debentures jew titoli negozzjabbli oħrajn, maħruġa minn min ikun, jew xi formalitajiet li jirrelataw għalihom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-borża, li jsiru disponibbli fis-suq jew l-ittrattar f’dawn id-debentures jew titoli negozjabbli oħrajn”.

2.      Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611

6.        L-għan tad-Direttiva 85/611, kif espress fit-tieni premessa, huwa li l-liġijiet nazzjonali li jirregolaw impriżi ta’ investiment kollettiv għandhom ikunu kkoordinati bl-iskop tal-approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi fil-livell tal-Komunità, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi għat-titolari ta’ unitajiet. Kif huwa ddikjarat fir-raba’ premessa, id-direttiva tistabbilixxi regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fir-rigward ta’ titoli trasferibbli (iktar ’il quddiem “IKKTT”) fl-Istati Membri, u l-informazzjoni li huma obbligati li jippubblikaw.

7.        L-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 85/611, jipprovdi li “UCITS [IKKTT] li tiqiegħed fis-suq [li jqiegħdu fis-suq] l-unitajiet tagħha [tagħhom] fi Stat Membru ieħor għandha tikkonforma [għandhom jikkonformaw] mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’dak l-Istat li ma jidħlux fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva”. Barra minn dan, skont l-Artikolu 44(3) tad-direttiva, id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 44(1) għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri mingħajr diskriminazzjoni.

B –    Id-dritt Belġjan

8.        It-taxxa annwali fuq IIK kienet iddaħħlet fil-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni (Code des droits de succession) bil-Liġi tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar tassazzjoni u dispożizzjonijiet finanzjarji (4). Sussegwentement il-Liġi-programm tat-22 ta’ Diċembru 2003 (5), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, emendat it-taxxa annwali billi estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Abbażi ta’ din l-emenda, IIK barranin li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fil-Belġju bdew ikunu suġġetti wkoll għat-taxxa annwali skont l-Artikolu 161(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

9.        Dwar dak li jikkonċerna l-ammont taxxabbli, l-Artikolu 161a tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni jgħid: “(1) Fir-rigward tal-impriżi għall-investiment imsemmija fl-Artikolu 161(1) u (2) [jiġifieri, IIK Belġjani], it-taxxa għandha titħallas fuq it-total tal-ammonti netti investiti fil-Belġju, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. […] (2) Fir-rigward tal-impriżi għall-investiment imsemmija fl-Artikolu 161(3) [jiġifieri IIK barranin], it-taxxa għandha titħallas fuq it-total, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti, tal-ammonti netti investiti fil-Belġju, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni għall-Banek, Finanzi u Assigurazzjoni […]”.

10.      Skont id-digriet tar-rinviju, ir-rata tat-taxxa annwali fl-2006 kienet 0.07 % tal-ammonti taxxabbli.

11.      L-Artikolu 162 tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni jestendi l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet imsemmija fl-Ewwel Ktieb tal-Kodiċi tat-taxxa stabbilita bl-Artikolu 161. B’mod partikolari, l-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi, fil-verżjoni tiegħu li tapplika fiż-żmien rilevanti, jistabbilixxi sanzjoni speċifika għal IIK barranin: jistgħu jiġu pprojbiti, b’ordni ta’ qorti, milli jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fil-Belġju fil-futur.

III –  Il-fatti, il-proċedura u d-domandi rrinvijati

12.      NN (L) International (il-konvenuta) hija kumpannija ta’ investiment b’sehem kapitali varjabbli (6). L-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Lussemburgu. Skont id-digriet tar-rinviju sottomess mill-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell), il-konvenuta kienet debitament ippreżentat id dikjarazzjoni tat-taxxa annwali tagħha għall-ammonti netti investiti fil-Belġju fl-2005. Il-konvenuta kienet ħallset ukoll it-taxxa fiż-żmien preskritt.

13.      Fil-proċeduri fl-ewwel istanza, il-konvenuta kkontestat il-legalità tat-taxxa annwali u talbet ir-rimbors mill-ġdid ta’ dik it-taxxa li kienet tammonta għal EUR 185 739.34. Il-konvenuta sostniet li t-taxxa annwali kienet tikser id-Direttiva 69/335 u d-Direttiva 85/611, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi u l-moviment liberu tal-kapital. Bħala alternattiva, il-konvenuta sostniet li t-taxxa annwali kienet tikser l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ffirmata mill-Belġju u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fis-17 ta’ Settembru 1970 sabiex tiġi evitata taxxa doppja u sabiex jiġu rregolati ċerti affarijiet oħra fir-rigward ta’ taxxa fuq dħul u kapital (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja”). Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba alternattiva. Hija qalet li t-taxxa annwali kienet tikser l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja, billi qisitha bħala taxxa fuq il-ġid. Konsegwentement hija ddikjarat li t-taxxa annwali ma kellhiex titħallas minn NN (L) International. Madankollu, il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat li t-talba bbażata fuq il-ksur tad-Direttiva 69/335 kienet infondata. Hija ma ddeċidietx dwar it-talbiet l-oħra bbażati fuq il-ksur tat-Trattat u tad-Direttiva 85/611.

14.      L-awtorità tat-taxxa Belġjana ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-ewwel istanza. Hija sostniet li t-taxxa inkwistjoni ma kinitx koperta mill-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja u li l-Artikolu 160 et seq tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni kien kompatibbli mad-dispożizzjonijiet diġà msemmija tad-dritt tal-Unjoni. NN (L) International talbet għal konferma tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza u ppreżentat appell inċidentali, bħala alternattiva, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li tiċħad it-talba bbażata fuq il-ksur tad-Direttiva 69/335 u sabiex ma tingħatax deċiżjoni dwar it-talbiet ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KE [...], li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital u b’mod iktar preċiż l-Artikoli 2, 4, 10 u 11 flimkien tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikoli 161 u 162 tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, emendati bil-Liġi-programm tat-22 ta’ Diċembru 2003, dwar it-taxxa fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv, sa fejn l-imsemmija taxxa tiġi imposta b’mod annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju fi Stat Membru ieħor u li jikkummerċjalizzaw l-ishma tagħhom fil-Belġju, fuq l-ammont totali tal-ishma tagħhom sottoskritti fil-Belġju mnaqqas bl-ammont tax-xiri mill-ġdid jew tar-rimborsi ta’ tali sottoskrizzjonijiet, bil-konsegwenza li s-somom miġbura fil-Belġju minn tali impriżi ta’ investiment kollettiv jiġu suġġetti għall-imsemmija taxxa sakemm dawn jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-imsemmija impriżi?

(2)    L-Artikoli 49 sa 55 u 56 sa [60] tat-Trattat KE, jekk ikun il-każ moqrija flimkien mal-Artikolu 10 u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 tat-Trattat KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li Stat Membru jemenda b’mod unilaterali l-kriterju ta’ rabta ta’ taxxa bħal dak previst fl-Artikoli 161 et seq tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni sabiex il-kriterju ta’ rabta ratione personae bbażat fuq ir-residenza tal-persuna taxxabbli u stabbilit mid-dritt fiskali internazzjonali jiġi ssostitwit permezz ta’ allegat kriterju ta’ rabta reali li ma huwiex stabbilit mid-dritt fiskali internazzjonali fid-dawl tal-fatt li sabiex tiġi stabbilita s-sovranità fiskali tiegħu, l-Istat Membru jadotta sanzjoni speċifika bħal dik prevista fl-Artikolu 162(3) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, fir-rigward tal-operaturi barranin biss?

(3)    L-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat KE, jekk ikun il-każ moqrija flimkien mal-Artikolu 10 u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 tat-Trattat KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu taxxa bħal dik deskritta iktar ’il fuq, li, sa fejn bl-ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni t-taxxi li diġà huma imposti, fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fi Stat Membru ieħor, tirrappreżenta oneru pekunjarju addizzjonali ta’ natura li jxekkel il-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma tagħhom fil-Belġju?

(4)   Id-Direttiva tal-Kunsill 85/661/KE [...], dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli, jekk ikun il-każ moqrija flimkien mal-Artikolu 10 u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 tat-Trattat KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi taxxa bħal dik deskritta iktar ’il fuq sa fejn din tippreġudika l-għan prinċipali tad-direttiva li tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fl-Unjoni Ewropea?

(5)   L-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-oneri amministrattivi maħluqa mill-impożizzjoni ta’ taxxa bħal dik deskritta iktar ’il fuq, fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkummerċjalizzaw l-ishma tagħhom fil-Belġju?

(6)   L-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni sa fejn din id-dispożizzjoni tissuġġetta għal sanzjoni speċifika l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkummerċjalizzaw l-ishma tagħhom fil-Belġju, jiġifieri l-projbizzjoni, ordnata minn qorti, li fil-futur jitqiegħdu ishma fil-Belġju fil-każ li jonqsu milli jissottomettu d-dikjarazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa deskritta iktar ’il fuq?”

16.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati minn NN (L) International, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet li pparteċipaw fl-istadju bil-miktub ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2015.

IV –  Analiżi

A –    Ammissibbiltà tad-domandi rrinvijati

17.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub il-Gvern Belġjan jissottometti li r-raba’, il-ħames u sitt domanda rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja huma inammissibbli. Fir-rigward tar-raba’ domanda, il-Gvern Belġjan huwa tal-fehma li d-deċiżjoni tar-rinviju tonqos milli tagħti raġunijiet speċifiċi li għalihom it-taxxa annwali għandha titqies li tmur kontra d-Direttiva 85/611. Dwar il-ħames domanda l-Gvern Belġjan jikkontendi li l-qorti tar-rinviju ma indikat ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi oneri amministrattivi u, barra minn hekk, li ma tat ebda informazzjoni dwar id-diskriminazzjoni li tirriżulta fir-rigward ta’ IIK barranin. Dan l-aħħar argument isir ukoll mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, għalkemm ma tikkontestax formalment l-ammissibbiltà tad-domanda. Barra dan, il-Gvern Belġjan iqis il-ħames domanda bħala irrilevanti għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan isostni wkoll l-inammissibbiltà tas-sitt domanda abbażi li l-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali. Hija ma għandhiex rilevanza fuq l-għan tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra dan, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni kontra NN (L) International fil-futur hija purament ipotetika.

18.      Skont ġurisprudenza stabbilita (7), id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rrinvijati minn qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda rrinvijata minn qorti nazzjonali biss meta jkun tassew ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew mal-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha.

19.      Filwaqt li napplika dawn il-kriterji għal din il-kawża, jiena tal-opinjoni li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tar-raba’ u s-sitt domanda għandhom jiġu miċħuda. Naqbel, madankollu, mal-Gvern Belġjan li l-ħames domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

20.      Huwa minnu li r-raba’ domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, ma tidentifika ebda dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 85/611 li għaliha qed tintalab interpretazzjoni. Tagħmel riferiment biss għad-direttiva bħala tali u għall-għanijiet tagħha. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita (8), meta domandi ma jkunux ifformulati bi kliem preċiż, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ mill-informazzjoni kollha mogħtija lilha mill-qorti nazzjonali u mill-proċess tat-tilwima fil-kawża prinċipali l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jkun jeħtiġilhom interpretazzjoni, meqjus is-suġġett tat-tilwima. F’din il-kawża, il-fatt li d-domanda tagħmel biss riferiment ġenerali għad-Direttiva 85/611 ma jostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jistgħu jgħinuha biex tiddeċiedi dwar il-kawża li hija adita biha. .

21.      Fir-rigward tas-sitt domanda, ma jistax jiġi sostnut li hija irrilevanti għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. NN (L) International tikkontesta fil-proċeduri fil-kawża prinċipali l-legalità tal-Artikolu 160 et seq tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, jiġifieri, id-dispożizzjonijiet li għandhom is-sistema applikabbli għat-taxxa annwali skont id-dritt Belġjan. Il-qorti tar-rinviju qiegħda, għalhekk, tintalab tagħti deċiżjoni f’tilwima li tikkonċerna l-legalità tas-sistema fiskali annwali, inklużi s-sanzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu imposti fuq IIK mhux residenti skont l-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni. Din id-domanda ma tistax, għalhekk, titqies li hija ipotetika jew li ma għandhiex rilevanza għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

22.      Barra minn dan, il-fatt li ma kinux imposti sanzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali fuq il-fatti speċifiċi ta’ kawża ma ostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli fil-passat tagħti risposta għal domanda preliminari (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja sikwit kellha tħabbat wiċċha ma’ domandi li kellhom elementi li kienu jagħmlu riferiment għal ġrajjiet inċerti jew għal sitwazzjonijiet li jseħħu eventwalment u ddikjarat li dawn id-domandi kienu ammissibbli sakemm kellhom interess għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (10). B’mod metaforiku, jekk il-mertu tat-tilwima jkun attwali u reali, il-qorti tar-rinviju għandha tkun intitolata tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-implikazzjonijiet potenzjali ta’ dak il-mertu. Dan huwa minnu a fortiori jekk dawn l-implikazzjonijiet ikunu inċiżivi, bħal fil-każ ta’ sanzjonijiet.

23.      Għal dawn ir-raġunijiet, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Gvern Belġjan dwar l-ammissibbiltà tar-raba’ u s-sitt domanda.

24.      Il-ħames domanda tippreżenta sitwazzjoni differenti. Skont ġurisprudenza stabbilita (11) u konformement mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u legali tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. L-informazzjoni li jkun hemm fid-deċiżjoni tar-rinviju għandha sservi mhux biss sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (12).

25.      F’din il-kawża, ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika eżatt x’suppost huma dawn l-“oneri amministrattivi” msemmija mill-qorti nazzjonali fil-ħames domanda. L-istess inċertezza hija riflessa fl-osservazzjonijiet tal-partijiet: il-Gvern Belġjan jippreżumi li l-kunċett ta’ “oneri amministrattivi” jirreferi għall-obbligu tal-preżentata ta’ dikjarazzjoni fiskali mal-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din is-suppożizzjoni. Min-naħa l-oħra, NN (L) International, li ma tesprimi ebda opinjoni dwar din il-kwistjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, qalet fil-qosor fis-seduta li “oneri amministrattivi” għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-ispejjeż interni għall-ġbir tal-informazzjoni rilevanti dwar l-identità u l-post ta’ residenza ta’ titulari ta’ unitajiet.

26.      Kollox ma’ kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha la l-kuntest fattwali u lanqas dak leġiżlattiv sabiex tanalizza l-“oneri amministrattivi”. Il-partijiet ma analizzawx korrettement din il-kwistjoni. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li jiena nemmen li l-ħames domanda għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli.

B –    L-evalwazzjoni tad-domandi magħmula

27.      Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell) għamlet is-sitt domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tiddeċiedi dwar il-klassifika tat-taxxa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma hijiex qiegħda tintalab toffri interpretazzjoni dwar il-klassifika tat-taxxa annwali. L-analiżi li qed issir tat-taxxa f’dawn il-konklużjonijiet biex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà tagħha mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni ma tippreġudikax id-determinazzjoni tan-natura tat-taxxa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja. Dan huwa kompitu tal-qorti nazzjonali.

28.      L-evalwazzjoni fil-mertu tad-domandi rrinvijati hija kif ġej: fl-ewwel lok, ser nindirizza l-kompatibbiltà tat-taxxa annwali mad-dritt derivat tal-Unjoni (l-ewwel u r-raba’ domanda). Fit-tieni lok, ser nanalizza t-taxxa annwali dwar il-kompatibbiltà mad-dritt primarju, jiġifieri, il-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattati (it-tieni u t-tielet domanda). Fit-tielet lok, ser inqis is-sanzjonijiet speċifiċi imposti biss fuq IIK barranin u l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt primarju tal-Unjoni (is-sitt domanda).

1.      L-ewwel domanda: id-Direttiva 69/335

29.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell) tistaqsi jekk l-Artikoli 2, 4, 10 u 11 tad-Direttiva 69/335 għandhomx jiġu interpretati bħala li jipprekludu l-ġbir ta’ taxxa fuq IIK barranin, bħalma hija t-taxxa annwali Belġjana. Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fin-negattiv minħabba li d-Direttiva 69/335 ma tapplikax għat-taxxa annwali.

30.      Naqbel ma din il-perspettiva.

31.      L-għan tad-Direttiva 69/335 huwa li jitneħħew taxxi indiretti, minbarra d-dazju kapitali, li għandhom l-istess karatteristiċi bħal ta’ dan id-dazju, jiġifieri dawk applikati għat-tranżazzjonijiet koperti minn din id-direttiva (13).

32.      F’din il-kawża, il-bażi tat-taxxa annwali jikkonsisti fl-ammonti netti investiti fil-Belġju sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Huwa evidenti mix-xogħlijiet parlamentari msemmija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan li l-kunċett ta’ “ammonti netti investiti” għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-assi totali ta’ IIK, bit-tnaqqis tal-għadd ta’ riakkwisti. Il-kunċett ta’ ammonti investiti “fil-Belġju” jagħmel riferiment għal trasferimenti (sottoskrizzjonijiet, bejgħ) magħmula fil-Belġju permezz ta’ istituzzjoni finanzjarja intermedjarja (14). Il-Gvern Belġjan josserva wkoll li l-valur nett tal-assi ta’ IIK huwa influwenzat ukoll minn fatturi bħall-għadd ta’ sottoskrizzjonijiet, rimborsi u djun, bidliet fil-valur ta’ assi , dħul u spejjeż sottostanti.

33.      Għalhekk huwa ċar li taxxa bħal din ma taqa’ f’ebda wieħed mit-tipi ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għal dazju kapitali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335. Kif diġà ġie indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn it-tranżazzjonijiet kollha jinvolvu t-trasferiment ta’ kapital jew assi lil kumpannija ta’ kapital fl-Istat Membru li jiġbor it-taxxa, jew jirriżultaw f’żieda effettiva fil-kapital jew fl-assi tal-kumpannija (15). Bl-istess mod it-taxxa annwali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 10 tad-direttiva, sa fejn ma tikkorrispondix għal ebda waħda mit-tranżazzjonijiet taxxabbli elenkati fl-Artikolu 4 li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 10(a) u (b) tad-direttiva. Bl-istess mod it-taxxa annwali ma hijiex konnessa ma’ reġistrazzjoni jew ma’ xi formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju, skont l-Artikolu 10(c) tad-direttiva. Fl-aħħar nett, it-taxxa annwali wkoll ma hijiex relatata ma’ ebda waħda mill-operazzjonijiet koperti mill-Artikolu 11 tad-direttiva.

34.      Huwa, għalhekk, evidenti li t-taxxa annwali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 69/335. Id-Direttiva 69/335 ma hijiex, għalhekk, applikabbli għall-każ li hija adita biha l-qorti tar-rinviju. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fin-negattiv: id-Direttiva tal-Kunsill 69/335, ma tipprekludix il-ġbir ta’ taxxa fuq IIK stabbiliti fi Stat Membru ieħor bħalma hija t-taxxa annwali fuq IIK inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2.      Ir-raba’ domanda: id-Direttiva 85/611

35.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta ruħha dwar jekk id-Direttiva 85/611 għandhiex tiġi interpretata bħala li tipprekludi l-impożizzjoni ta’ taxxa, bħat-taxxa annwali, minħabba li tippreġudika l-għan ewlieni tad-Direttiva 85/611 li tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet ta’ impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (iktar ʼil quddiem l-“IKKTT”) fl-Unjoni Ewropea.

36.      Dwar din il-kwistjoni NN (L) International issostni li t-taxxa annwali timpedixxi t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 85/611. Għall-kuntrarju, il-Gvern Belġjan jissottometti li d-Direttiva 85/611 tħalli s-setgħat tal-Istati Membri mhux mittiefsa fil-qasam tat-tassazzjoni. Bl-istess mod il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 85/611 ma fiha ebda dispożizzjoni fiskali u, għalhekk, ma għandha ebda rilevanza għal din il-kawża.

37.      Naqbel mal-fehma espressa mill-Kummissjoni u mill-Gvern Belġjan.

38.      Id-Direttiva 85/611 tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw UCITS. L-għan tagħha huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fl-Unjoni Ewropea. Il-livell ta’ koordinazzjoni maħsub mid-direttiva huwa, madankollu, limitat. Hija tistabbilixxi biss regoli bażiċi komuni dwar l-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet ta’ UCITS fl-Istati Membri, kif ukoll l-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw (16). B’mod partikolari, id-Direttiva 85/611 kienet adottata abbażi tal-Artikolu 57(2) tat-Trattat KEE (li sar, wara li kien emendat, l-Artikolu 53 TFUE). Dan tal-aħħar ma jirrigwardax it-tassazzjoni ta’ UCITS mill-Istati Membri.

39.      Ċertament, l-Artikolu 44 tad-Direttiva 85/611 jgħid li UCITS li jqiegħdu fis-suq l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri oħra għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi fis-seħħ f’dawn l-Istati Membri li ma jaqgħux fil-qasam irregolat minn din id-direttiva. Barra minn dan, skont l-Artikolu 44(3) tad-direttiva, tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri mingħajr diskriminazzjoni.

40.      L-Artikolu 44 tad-direttiva jfakkar fil-projbizzjoni ġenerali u superjuri tad-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ inkorporazzjoni. Madankollu ma jistax jinftiehem bħala li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 85/611.

41.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 44 għandu jinqara fil-kuntest tad-Direttiva 85/611 kollha kemm hi: billi l-koordinazzjoni stabbilita minn din id-direttiva hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ kontroll mill-pajjiż ta’ oriġini u tar-rikonoxximent reċiproku (17), l-Artikolu 44(1) jirrikonoxxi u jippreserva s-setgħat ta’ Stati Membri ospitanti fl-oqsma li ma jkunux koperti mid-direttiva. F’dan l-isfond l-Artikolu 44 jista’ jinftiehem l-aħjar bħala li jikkonferma s-setgħat tal-Istat Membru f’dawk l-oqsma kollha li ma jkunux koperti espressament mid-direttiva, inkluża t-tassazzjoni.

42.      Fit-tieni lok, u prinċipalment, minkejja l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 44(1), ir-regola tan-nondiskriminazzjoni li hemm fl-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 85/611, li għaliha NN (L) International tagħmel riferiment, tista’ titqies bħala dikjarazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni diġà pprovdut fit-Trattati. Għalhekk, l-analiżi dwar jekk it-taxxa annwali u s-sanzjoni speċifika għal IIK mhux residenti tinvolvix diskriminazzjoni għandha minflok issir fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat b’rabta mal-libertajiet fundamentali.

43.      Id-Direttiva 85/611, għalhekk, ma tistax tiġi invokata utilment f’din il-kawża. L-obbligu ġenerali u, skont id-definizzjoni, pjuttost astratt, ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 10 TKE (issostitwit, essenzjalment, bl-Artikolu 4(3) TUE), ma jbiddilx din il-konklużjoni (18). Lanqas ma jbiddilha l-Artikolu 293 TKE (abrogat bit-Trattat ta’ Lisbona). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex maħsuba li tistabbilixxi regola legali direttament applikabbli bħala tali, iżda sempliċement tfassal il-qafas ta’ negozjati li l-Istati Membri għandhom jidħlu fihom ma’ xulxin sakemm ikun meħtieġ. F’din il-linja ta’ argumentazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament qalet li, anki jekk it-tneħħija ta’ taxxa doppja tkun inkluża fost l-għanijiet tat-Trattat, din id-dispożizzjoni fiha nfisha ma tistax tagħti drittijiet, lil individwi li jkunu jistgħu jinvokawhom fuqhom quddiem il-qrati nazzjonali (19).

44.      Għalhekk nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli għandha tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix l-impożizzjoni ta’ taxxa, bħat-taxxa annwali fuq IIK inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

3.      It-tieni u t-tielet domanda: il-kompatibbiltà tat-taxxa annwali mal-libertajiet fundamentali

45.      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li nqis xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-impożizzjoni tat-taxxa annwali fuq IIK barranin hijiex prekluża mid-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat li jikkonċernaw il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi u l-moviment liberu tal-kapital, moqrija flimkien mal-Artikoli 10 u 293 KE. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju ġejjin, b’mod partikolari, mill-fatt li l-awtoritajiet Belġjani bidlu l-kriterju tat-tassazzjoni li qabel kien ibbażat fuq ir-residenza ta’ min iħallas it-taxxa ma’ kriterju bbażat fuq “konnessjoni attwali”. Barra dan, l-awtoritajiet Belġjani introduċew sanzjoni speċifika applikabbli biss għal operaturi barranin.

a)      Il-libertà applikabbli

46.      Il-qorti nazzjonali tagħmel riferiment fid-domandi tagħha għall-Artikoli 49 sa 55 u għall-Artikoli 56 sa 60 TKE (illum l-Artikoli 56 sa 62, l-Artikoli 63 sa 66 u l-Artikolu 75 TFUE), mingħajr ma tispeċifika kif kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija applikabbli għall-każ fil-kawża prinċipali. Madankollu, kif tinnota l-Kummissjoni, jidher li d-dispożizzjonijiet rilevanti li kienu applikabbli fiż-żmien rilevanti huma l-Artikoli 49, 56 u 58 TKE (illum l-Artikoli 56, 63 u 65 TFUE).

47.      Kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat f’liema kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà fundamentali taqa’ l-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jitqies l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (20).

48.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi taxxa annwali fuq IIK abbażi tal-valur nett tal-assi tagħhom immultiplikat bl-għadd ta’ unitajiet sottoskritti fl-Istat Membru li jkun qiegħed jintaxxa. It-taxxa annwali tista’, għalhekk, titqies li tkun tista’ tfixkel kemm il-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura kkontestata inkwistjoni b’rabta ma’ waħda biss minn dawn il-libertajiet, jekk ikun jidher li waħda minnhom tkun għalkollox sekondarja għall-oħra (21). Sabiex tagħmel din l-analiżi, fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment ta’ kapital’ fit-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Anness I tad-Direttiva 88/361 (22) għandu lista mhux eżawrjenti li hija ta’ valur indikattiv minħabba li tiċċita tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu l-moviment ta’ kapital (23). Għall-finijiet ta’ din il-kawża, tajjeb jiġi nnotat li l-akkwist minn residenti ta’ unitajiet ta’ impriżi barranin innegozjati jew mhux innegozjati f’borża jinsab elenkat fost il-movimenti ta’ kapital imsemmija fit-parti A tas-Taqsima IV ta’ dak l-Anness, li espliċitament tagħmel riferiment għal “[o]perazzjonijiet [tranżazzjonijiet] f’unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv” (24).

49.      F’din il-kawża huwa evidenti li t-taxxa annwali hija marbuta mal-akkwist minn residenti ta’ unitajiet ta’ investiment kollettiv fis-sens tan-nomenklatura li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361. Għalhekk, kif NN (L) International issottomettiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-taxxa annwali tista’ titqies li tikkonċerna primarjament il-moviment liberu tal-kapital (25).

50.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għall-finijiet tal-analiżi tal-kompatibbiltà tat-taxxa annwali mat-Trattati, l-analiżi predominanti għandha tkun tal-moviment liberu tal-kapital milli tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi (26).

b)      Jekk it-taxxa tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

51.      NN (L) International issostni li l-fattur ta’ konnessjoni użat mil-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli jinjora l-kriterji aċċettati internazzjonalment għal tassazzjoni. Barra dan, il-konvenuta tissottometti li t-taxxa annwali timplika restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital. Dan huwa minħabba li hija timponi oneru finanzjarju fuq IIK li jista’ jaffettwa l-profitti ta’ titulari ta’ unitajiet. Għalhekk fil-fehma tal-konvenuta, it-taxxa annwali tista’ tfixkel jew tillimita IIK barranin milli jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fil-Belġju, partikolarment meta jitqies li IIK ibbażati fil-Lussemburgu huma diġà suġġetti għal taxxa ta’ sottoskrizzjoni f’dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni, madankollu, issostni li t-taxxa annwali ma tikkostitwixxix trattament diskriminatorju per se minħabba li l-IIK Belġjani huma suġġetti għall-istess trattament fiskali (27). Il-Gvern Belġjan jargumenta li jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut il-prinċipju ta’ sovranità ta’ Stat Membru fil-qasam tat-tassazzjoni u jfakkar li taxxa doppja hija konsegwenza tal-eżerċizzju simultanju tas-sovranità fiskali tagħhom. Barra dan, l-għan kollu tal-applikazzjoni tat-taxxa annwali fuq IIK barranin huwa preċiżament li jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi fost il-prodotti ta’ investiment differenti fis-suq Belġjan.

52.      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li t-tassazzjoni ta’ IIK ma hijiex armonizzata fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt it-tassazzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam hija diverġenti kunsiderevolment sa ċertu punt (28). Meta titqies din ir-realtà, il-punt tat-tluq, kif ukoll il-punt ta’ gwida ewlieni tal-analiżi għandhom ikunu l-għarfien li t-tassazzjoni ta’ IIK taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri u li, loġikament, ikun hemm differenzi bejn Stat Membru u ieħor.

53.      Madankollu, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja (29), hemm limitu għal dan l-aspett tal-kompetenza tal-Istati Membri: ir-regoli ta’ taxxa nazzjonali ma jistgħux jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali. Il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE (illum l-Artikolu 63(1) TFUE) jiġifieri dawk li jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ kapital, jinkludu dawk li jistgħu jiskuraġġixxu lil persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew jiskuraġġixxu lil residenti ta’ dak l-Istat Membru milli jagħmlu hekk fi Stati oħra (30).

54.      Meta applikat dawn il-prinċipji fil-qasam speċifiku tat-tassazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sikwit sabet restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 56(1) KE f’każijiet fejn il-miżuri nazzjonali kienu jimplikaw trattament differenti ta’ residenti u mhux residenti (31). Għall-kuntrarju, meta r-regola tat-taxxa ma kienet tagħmel ebda distinzjoni bejn persuni taxxabbli meqjusa li kienu f’sitwazzjonijiet komparabbli u ma kienet timplika ebda żvantaġġ (32), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħdet l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni (33).

55.      Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija, kif issottomettiet il-Kummissjoni, applikata mingħajr distinzjoni għal IIK residenti u mhux residenti. Barra dan, l-applikazzjoni tat-taxxa annwali ma tirriżultax f’IIK barranin iġorru fl-aħħar mill-aħħar oneru ta’ taxxa itqal fil-Belġju minn dak li jġorru IIK Belġjani.

56.      NN (L) International tikkontendi, madankollu, li l-applikazzjoni tat-taxxa annwali għal IIK barranin tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita minħabba li s-sitwazzjonijiet ta’ IIK residenti u mhux residenti, li ma humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli, jiġu ttrattati b’mod indaqs.

57.      Ma naqbilx ma’ din il-fehma. Ċertament, huwa minnu li fuq livell ġenerali, sa minn żmien Aristotlu mill-inqas, jitqies li jkun hemm inġustizzja mhux biss meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti, iżda wkoll meta sitwazzjonijiet oġġettivament differenti jiġu ttrattati l-istess (34). Il-problema hija li fuq livell konkret, u f’dan il-każ partikolari ma jiniex konvint bl-argumenti mressqa minn NN (L) International li jissuġġerixxu li s-sitwazzjonijiet ta’ IIK barranin u Belġjani ma humiex komparabbli fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa annwali.

58.      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tat-tassazzjoni diretta bħalma hija t-taxxa fuq id-dħul u t-taxxa fuq il-ġid, fejn differenzi oġġettivi bejn persuni taxxabbli jista’ jkollhom rilevanza, residenti u mhux residenti fl-Istat tat-tassazzjoni sikwit kienu jitqiesu bħala li ma kinux f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċerti vantaġġi u sistemi fiskali (35). Madankollu dan ir-raġunament ma jistax jiġi estiż tant li jiġġustifika trattament differenzjali universali bejn operaturi residenti u mhux residenti, sabiex b’hekk l-Istati Membri jiġu mġiegħla jfasslu sistema fiskali speċjali għal persuni mhux residenti. Għalhekk, sabiex jiġi aċċertat jekk is-sitwazzjonijiet ta’ persuni residenti u mhux residenti li jħallsu t-taxxa jkunux komparabbli, jeħtieġ li jiġu analizzati s-sitwazzjonijiet oġġettivi tagħhom fid-dawl tal-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-iskema tat-taxxa inkwistjoni. Il-leġiżlazzjoni Belġjana tissuġġetta l-valur nett tal-assi ta’ IIK ikkummerċjalizzati fit-territorju tagħha fis-sena kalendarja preċedenti għall-istess tip ta’ taxxa. L-impriżi domestiċi u barranin li jkunu jagħmlu l-istess attività ekonomika huma, għalhekk suġġetti għall-istess kundizzjonijiet.

59.      L-element li fuqu NN (L) International tibbaża sabiex targumenta li s-sitwazzjonijiet ta’ IIK barranin u Belġjani ma humiex komparabbli huwa l-fatt li IIK residenti fil-Lussemburgu huma diġà suġġetti għal taxxa ta’ sottoskrizzjoni f’dan l-Istat Membru. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-iżvantaġġi li joħorġu mill-eżerċizzju parallel ta’ kompetenzi fiskali minn Stati Membri differenti ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tant li tali eżerċizzju ma huwiex diskriminatorju (36). Għaldaqstant, Stati Membri ma humiex obbligati jadattaw is-sistemi fiskali tagħhom għal dawk ta’ Stati Membri oħra sabiex ineħħu taxxa doppja (37).

60.      Għall-finijiet ta’ tassazzjoni ta’ attività ekonomika fit-territorju tal-Belġju, IIK domestiċi u barranin huma għalkollox komparabbli. L-unika differenza hija fir-rigward tal-qasam li tħalla barra espressament: l-eżerċizzju parallel ta’ setgħat ta’ intaxxar tal-Istati Membri. B’hekk, fl-opinjoni tiegħi, is-sistema fiskali kontenzjuża ma tistax tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

61.      Fl-aħħar nett, filwaqt li jitfakkru l-argumenti diġà mressqa fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-użu tal-Artikolu 10 KE (issostitwit, sostanzjalment, bl-Artikolu 4(3) TUE) u bl-Artikolu 293 KE (abroga bit-Trattat ta’ Lisbona) ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti.

62.      Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għat-tieni u t-tielet domanda billi tiddikjara li l-Artikolu 56(1) KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta IIK residenti u mhux residenti għal taxxa annwali abbażi tal-ammonti netti sottoskritti fit-territorju tiegħu.

4.      Is-sanzjoni speċifika applikabbli għal IIK barranin biss

63.      Permezz tas-sitt domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 49, 56 u 58 KE għandhomx jiġi interpretati bħala li jipprekludu l-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni. Din id-dispożizzjoni timponi sanzjoni speċifika fuq IIK stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fil-Belġju: jekk jonqsu milli jibagħtu d-dikjarazzjonijiet tad-dħul tagħhom fiż-żmien preskritt jew jekk jonqsu milli jħallsu t-taxxa annwali, huma jistgħu jiġu pprojbiti b’ordni ta’ qorti, milli jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fil-Belġju fil-futur.

64.      NN (L) International u l-Kummissjoni jissottomettu li s-sanzjoni imposta mill-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ stabbiliment, minħabba li ma teżistix sanzjoni simili għal IIK Belġjani. Il-Kummissjoni qalet fis-seduta li kien biħsiebha tibda proċeduri ta’ ksur dwar din il-kwistjoni. Għall-kuntrarju l-Gvern Belġjan jikkontendi li teżisti sanzjoni ekwivalenti għal IIK nazzjonali. Huwa l-Artikolu 133b tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni li jistabbilixxi, inter alia, il-possibbiltà li jingħalqu l-istabbilimenti ta’ impriża jekk maniġer, membru jew impjegat ta’ dik l-impriża jkun instab ħati ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni. Il-Gvern Belġjan ikkonferma fis-seduta li s-sanzjonijiet tal-Artikolu 133ter jistgħu jiġu applikati wkoll għal IIK barranin. Madankollu, skont il-Gvern Belġjan, huwa diffiċli ħafna li jiġu infurzati dawn is-sanzjonijiet jew oħrajn bħalhom, bħal sanzjonijiet pekunjarji, kontra IIK barranin. Għal din ir-raġuni tqieset li kienet meħtieġa sanzjoni speċifika għal IIK barranin. Dan il-Gvern jikkontendi wkoll li t-trattament differenti għal IIK Belġjani u barranin huwa permess skont l-Artikolu 58 KE u huwa ġġustifikat minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività ta’ kontroll fiskali u l-irkupru tat-taxxa.

65.      Is-sanzjoni speċifika msemmija fl-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni tagħti lil qrati s-setgħa li jipprojbixxu IIK stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-Belġju, anki jekk ikunu jistgħu legalment ikomplu bl-istess attivitajiet fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Għal din ir-raġuni s-sanzjoni speċifika imposta mill-Belġju fuq IIK barranin biss għandha x’aktarx tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi stabbilita bl-Artikolu 49 KE (38).

66.      Għandu jiġi enfasizzat li s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, jiġifieri, is-sanzjoni applikabbli għal IIK barranin, u s-sanzjonijiet tal-Artikolu 133ter tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, jiġifieri dawk ġeneralment applikabbli, huma differenti fir-rigward tan-natura u l-gravità tagħhom. F-ewwel lok, is-sanzjonijiet tal-Artikolu 133ter tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni jistgħu jiġu imposti biss wara li ċerti persuni jkunu nstabu ħatja ta’ ksur frawdolenti tal-kodiċi. B’kuntrast ma’ dan, sabiex tiskatta s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 162(2), ma tkunx meħtieġa l-intenzjoni (frodi) — jidher li n-negliġenza tkun biżżejjed. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tas-sanzjonijiet, l-Artikolu 133ter jipprovdi li s-sanzjonijiet li hemm f’dan l-artikolu jistgħu jiġu imposti biss, wara sentenza finali ta’ qorti, għal tul ta’ bejn tliet xhur u ħames snin. Madankollu dan ma huwiex il-każ dwar kemm iddum is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta skont l-Artikolu 162(2), li għaliha ma hemmx limitu ta’ żmien legali. UCI barranija tista’, għalhekk, tiġi pprojbita milli tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha fil-Belġju għal tul indefinit.

67.      Għalhekk huwa manifest li dawn iż-żewġ sistemi ta’ sanzjonijiet huma differenti kunsiderevolment fir-rigward tat-tip ta’ mġiba li huma jirrendu kriminali, kif ukoll tas-severità u tat-tul tal-projbizzjonijiet li jimponu. Konsegwentement, is-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni timplika differenza fit-trattament biss abbażi tal-post ta’ stabbiliment. Għalhekk, hija tammonta għal diskriminazzjoni diretta li hija kontra l-Artikolu 49 KE.

68.      Eżami tad-dispożizzjonijiet nazzjonali Belġjani mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital, fir-rigward b’mod partikolari tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 58 KE, li l-Gvern Belġjan jinvoka, ma jwassalx għal konklużjoni differenti.

69.      L-Artikolu 58(1)(a) TKE jgħid li l-Artikolu 56 KE huwa bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jiddistingwu bejn dawk li jħallsu t-taxxa li ma jkunux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom. Madankollu, skont l-Artikolu 58(3) TKE, il-miżuri nazzjonali li għalihom din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment, ma għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital. Huwa minnu li tali miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġuni tassew importanti fl-interess pubbliku. Madankollu huma ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet invokati mill-Istat Membru (39).

70.      Fil-fehma tiegħi, sanzjoni li potenzjalment tkun illimitata fiż-żmien ikollha, min-natura tagħha stess, diffikultajiet serji biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-proporzjonalità, b’mod partikolari l-element tan-neċessità.

71.      Għal dawn ir-raġunijiet nissuġġerixxi li l-Artikolu 49 KE fil-fatt jipprekludi sanzjoni bħal dik ipprovduta bl-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, li tikkonsisti fi projbizzjoni potenzjali, b’ordni ta’ qorti, fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru fil-futur, li tkun applikabbli biss għal IIK barranin.

V –  Konklużjoni

72.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għad-domandi rrinvijati lilha mill-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell) kif ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital ma tipprekludix il-ġbir ta’ taxxa fuq IIK stabbiliti fi Stat Membru ieħor, bħat-taxxa annwali fuq IIK inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli għandha tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix l-impożizzjoni ta’ taxxa, bħat-taxxa annwali fuq IIK inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

L-Artikolu 56(1) KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta lil IIK residenti u mhux residenti għal taxxa annwali abbażi tal-ammonti netti sottoskritti fit-territorju tiegħu.

L-Artikolu 49 KE fil-fatt jipprekludi sanzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, li tkun tikkonsisti fi projbizzjoni potenzjali, b’ordni ta’ qorti, dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru fil-futur, li tkun applikabbli biss għal IIK barranin.”



1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11). Din id-direttiva kienet tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat-12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11). Madankollu, għal finijiet ta’ din il-kawża, id-Direttiva 69/335 tibqa’ l-liġi applikabbli ratione temporis.


3 – Direttiva tal-Kunsill 85/661/KEE tal-20 ta’ Diċembru dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (UCITS) (ĠU L 375, p. 3). Din id-direttiva, wara li kienet emendata diversi drabi, kienet issostitwita bid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, p. 32), kif emendata bid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet (ĠU L 257, p. 186). Għal darba oħra, għall-finijiet ta’ din il-kawża, hija d-Direttiva 85/611 li kienet tapplika fiż-żmien rilevanti.


4 – Loi portant des dispositions fiscales et financières (Moniteur belge tas-26 ta’ Lulju 1993, p. 17350).


5 – Loi-programme (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2003, p. 62160).


6 – Ġeneralment magħrufa bħala SICAV (société d’investissement à capital variable).


7 – Ara, reċentement, is-sentenza Pujante Rivera (C-422/14, EU:C:2015:743, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Sentenzi Haug-Adrion (251/83, EU:C:1984:397, punt 9); Arcaro (C-168/95, EU:C:1996:363, punt 21); Teckal (C-107/98, EU:C:1999:562, punt 34); u ČEZ (C-115/08, EU:C:2009:660, punt 81).


9 – Ara s-sentenza P u S (C-579/13, EU:C:2015:369). Fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Szpunar qal li kien evidenti kemm mid-digriet tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet li ma kienet imposta ebda multa fuq ir-rikorrenti (C-579/13, EU:C:2015:39, punt 99).


10 – Ara, inter alia, u b’analoġija, is-sentenzi X u Y (C-200/98, EU:C:1999:566, punti 21 u 22); Bosman (C-415/93, EU:C:1995:463, punti 65); u Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punti 28 u 29).


11 – Ara, inter alia, is-sentenza Mulders (C-548/11, EU:C:2013:249, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ara, inter alia, id-digriet Mlamali (C-257/13, EU:C:2013:763, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Sentenza Optiver et (C-22/03, EU:C:2005:143, punt 27).


14 – Chambre des représentants de Belgique, Projet de loi-programme, 2003-2004, 51-0473/001, p. 157.


15 – Sentenza Nonwoven (C-4/97, EU:C:1998:507, punt 20).


16 – Ara l-premessi 2, 3 u 4 tad-Direttiva 85/611.


17 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Gruslin (C-88/13, EU:C:2014:79, punt 4).


18 – Ara, għal dan il-fini, is-sentenzi Deutsche Grammophon Gesellschaft (78/70, EU:C:1971:59, punt 5); Riseria Geddo (2/73, EU:C:1973:89, punt 4); u d-digriet Levy u Sebbag (C-540/11, EU:C:2012:581, punti 26 u 28). Ara wkoll is-sentenza 3M Italia (C-417/10, EU:C:2012:184, punt 30 et seq).


19 – Ara, inter alia, is-sentenza Gilly (C-336/96, EU:C:1998:221, punt 16) u d-digriet Levy u Sebbag (C-540/11, EU:C:2012:581, punt 27).


20 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11, EU:C:2012:707, punt 90) u Wagner-Raith (C-560/13, EU:C:2015:347, punt 31).


21 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Dijkman u Dijkman-Lavaleije (C-233/09, EU:C:2010:397, punt 33) u Fidium Finanz (C-452/04, EU:C:2006:631, punt 34).


22 – Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tat-Trattat (abrogat mit-Trattat ta’ Amsterdam) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10).


23 – Sentenza Wagner-Raith (C-560/13, EU:C:2015:347, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Sentenzi VBV - Vorsorgekasse (C-39/11, EU:C:2012:327, punt 21) u Wagner-Raith (C-560/13, EU:C:2015:347, punt 24).


25 – Ara, mutatis mutandi, is-sentenza Wagner-Raith (EU:C:2015:347, punt 25).


26 – Wieħed jista’ jżid li l-analiżi mill-aspett tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi ma twassalx għal konklużjoni differenti fid-dawl tal-uniformità metodoloġika tal-analiżi li jkollha ssir skont dawk il-libertajiet fundamentali. Ara, dwar dan, is-sentenza Gebhard (C-55/94, EU:C:1995:411, punt 37). Għal eżami konġunt ta’ miżuri nazzjonali skont l-Artikoli 21, 45 , 49 , 56  u 63 TFUE, ara s-sentenza Libert et (C-197/11 u C-203/11, EU:C:2013:288, punt 37 et seq). Ara wkoll, dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, is-sentenzi Columbus Container Services (C-298/05, EU:C:2007:754, punt 56); Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, EU:C:2006:773, punt 93); u Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punt 60).


27 –      Il-Kummissjoni tirriżerva l-pożizzjoni tagħha dwar ir-rata ta’ taxxa applikabbli għal ċerti IIK skont l-Artikolu 161b(5), li fir-rigward tiegħu hija ħabbret l-intenzjoni tagħha li tibda proċeduri ta’ ksur (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1144_en.htm). Din id-dispożizzjoni ma hijiex, madankollu, indirizzata mill-qorti nazzjonali u, għalhekk, tibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kawża.


28 – Ara, pereżempju, Adema, R., UCITS and Taxation. Towards Harmonization of the Taxation of UCITS, Kluwer Law International 2009.


29 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-253/09, EU:C:2011:795, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Sentenza van Caster (C326/12, EU:C:2014:2269, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31–      Għal ġurisprudenza reċenti, ara pereżempju, is-sentenzi Grünewald (C-559/13, EU:C:2015:109, punti 20 u 21); Bouanich (C-375/12, EU:C:2014:138, punti 55 u 56); DMC (C-164/12, EU:C:2014:20, punti 40 u 43);u van Caster (C-326/12, EU:C:2014:2269, punti 36 u 37).


32 – Ara, pereżempju, is-sentenza Viacom Outdoor (C-134/03, EU:C:2005:94, punt 37).


33 – Ara, pereżempju, is-sentenzi X (C-686/13, EU:C:2015:375, punt 32 et seq); Columbus Container Services (C-298/05, EU:C:2007:754, punti 39 u 40); u Kerckhaert u Morres (C-513/04, EU:C:2006:713, punt 17 et seq).


34 – Aristotle’s Nicomachean Ethics. A New Translation, Bartlett, R. C., u Collins, S. D. (University of Chicago Press, 2011), Book V.3. 1131a20.


35 – Kif dan l-aħħar l-Avukat Ġenerali Wathelet enfasizza fil-konklużjonijiet tiegħu Timac Agro Deutschland (C-388/14, EU:C:2015:533, punt 33), każijiet fejn in-nuqqas ta’ komparabbiltà bejn residenti u mhux residenti wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tqis trattament differenzjali bħala li ma kienx diskriminatorju kienu ftit ħafna. Ara, pereżempju, is-sentenzi Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 31); D. (C-376/03, EU:C:2005:424, punt 31 et seq); u Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762, punt  41 et seq). Madankollu dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sistemi oħra ta’ taxxa li ma jqisux id-differenzi oġġettivi bejn persuni taxxabbli. Ara, dwar dan, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-250/08, EU:C:2011:793, punti 57 u 58) u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-253/09, EU:C:2011:795, punti 56 u 57).


36 – Ara, dwar dan, pereżempju s-sentenzi Kerckhaert u Morres (C-513/04, EU:C:2006:713, punt 20); Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, EU:C:2011:813, punt 38); u Damseaux (C-128/08, EU:C:2009:471, punt 27).


37 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Block (C-67/08, EU:C:2009:92, punt 31); X (C-302/12, EU:C:2013:756, punt 29); u Damseaux (C-128/08, EU:C:2009:471, punt 33 et seq).


38 – Ara, pereżempju, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional (C-42/07, EU:C:2009:519, punti 48, 51 u 52).


39–      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-478/98, EU:C:2000:497, punt 41).