Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2016 (1)

Kawża C-229/15

Minister Finansów

vs

Jan Mateusiak

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja)]

“Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-valur miżjud – Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE – Tassazzjoni taż-żamma ta’ oġġetti mal-waqfien tal-attività ekonomika – Impatt tal-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament tat-tnaqqis skont l-Artikolu 187(1) tad-Direttiva 2006/112/KE”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Polonja tirrigwarda fatt taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud [iktar ’il quddiem, il-“VAT”] li huwa partikolari ħafna. Jekk persuna taxxabbli twaqqaf l-attività ekonomika tagħha, l-Istati Membri jistgħu jintaxxaw l-assi tal-impriża li jkunu għadhom miżmuma sa dan il-punt. Il-kundizzjoni hija li l-persuna taxxabbli tkun akkwistat preċedentement l-oġġetti inkwistjoni, li huma parti mill-assi tal-impriża, mingħajr impożizzjoni tal-VAT, abbażi tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input. B’din it-tassazzjoni, l-intenzjoni hija li jiġi evitat li persuna taxxabbli effettivament tkun tista’ tuża privatament oġġetti eżenti mill-VAT.

2.        Fil-kawża prinċipali, persuna taxxabbli qed tippjana li twaqqaf l-attività ekonomika tagħha. Bħala parti mill-assi tal-impriża tagħha, hemm inkluż parti ta’ bini kostrutt żmien ilu, u li għalih hija talbet tnaqqis tat-taxxa tal-input. Il-persuna taxxabbli issa qajmet id-domanda dwar jekk tassazzjoni ta’ din il-parti tal-bini hijiex għaldaqstant eskluża, għaliex il-kostruzzjoni tiegħu diġà seħħet żmien ilu. Fil-fatt, il-perijodu għall-possibbiltà tal-aġġustament sussegwenti tat-tnaqqis fir-rigward tal-akkwist tal-parti tal-bini diġà skada. Madankollu, jekk tali korrezzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input ma għadhiex possibbli, lanqas ma hemm motiv ieħor sabiex issir indirettament din il-korrezzjoni permezz tat-tassazzjoni tal-parti tal-bini mal-waqfien tal-attività.

3.        Din il-kawża tirrigwarda għaldaqstant id-diversi tekniki sabiex isiru korrezzjonijiet sussegwenti tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input. F’dan il-kuntest, id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT joffri diversi sistemi regolatorji, li f’ċerti partijiet donnhom jikkoinċidu. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tindirizza d-demarkazzjoni ta’ dawn is-sistemi regolatorji.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-ġbir tal-VAT fl-Unjoni huwa rregolat mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva tal-VAT”) (3).

5.        Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva, hija suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

6.        L-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-VAT iżid:

“L-Istati Membri jistgħu iqisu kull waħda mit-transazzjonijiet li ġejjin bħala provvista ta’ merkanzija bi ħlas:

[…]

ċ)      bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 19, iż-żamma tal-merkanzija minn persuna taxxabbli, jew l-eredi tagħha, fejn hi tieqaf milli twettaq attività ekonomika taxxabbli, fejn il-VAT fuq tali merkanzija saret deduċibbli kollha jew parti minnha ma’ l-akkwist tagħha [...].”

7.        L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT, li jsir riferiment għalih, jinkludi regola rigward it-“trasferiment, bi ħlas jew mingħajr jew bħala kontribuzzjoni lil kumpannija, ta’ l-assi kollha jew parti minnhom”.

8.        Fl-Artikolu 168 tagħha, id-Direttiva tal-VAT tagħti lill-persuna taxxabbli dritt għal tnaqqis:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

9.        L-Artikoli 184 sa 192 tad-Direttiva tal-VAT jirregolaw l-“aġġustament tat-tnaqqis”. L-Artikolu 185(1) jistabbilixxi, għal dan l-għan:

“(1)      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas […]”

10.      L-Artikolu 187 tad-Direttiva tal-VAT iżid:

“(1)      Fil–każ ta’ merkanzija kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluża dik meta l-merkanzija kienet akkwistata jew iffabbrikata.

[…]

Fil–każ ta’ proprjetà immobbli akkwistata bħala merkanzija kapitali, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.

(2)      L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tal-VAT imposta fuq il-merkanzija kapitali, jew, jekk il-perijodu ta’ referenza ġie estiż, fir-rigward tal-frazzjoni korrispondenti tiegħu.

L-aġġustament imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir abbażi tal-varjazzjonijet fid-dritt għal tnaqqis fi snin sussegwenti b’relazzjoni għal dik fis-sena li fiha l-merkanzija kienet akkwistata, iffabbrikata jew, fejn hu xieraq, użata għall-ewwel darba.”

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Il-liġi Pollakka tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi (verżjoni kkonsolidata, Dz. U. 2011, Nru 177, poz. 1054, kif emendata) tirregola l-ġbir tal-VAT fir-Repubblika tal-Polonja. L-Artikolu 14 tal-liġi jipprevedi:

“1.      Oġġetti prodotti mill-persuna stess huma suġġetti għat-taxxa […], meta

      […]

      2)      persuna taxxabbli imsemmija fl-Artikolu 15, li tkun persuna fiżika […], tieqaf twettaq attività taxxabbli.

[…]

4.      Il-paragrafi 1 u 3 japplikaw għal oġġetti li jagħtu dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa.

5.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-persuni taxxabbli għandhom, fid-data […] tal-waqfien tal-eżerċizzju tal-attività taxxabbli, jistabbilixxu inventarju fiżiku tal-oġġetti […]. Il-persuni taxxabbli għandhom jannettu l-informazzjoni dwar l-inventarju fiżiku stabbilit […] mad-dikjarazzjoni tat-taxxa […].

[…]”

12.      Għall-aġġustament tat-tnaqqis, il-liġi Pollakka tipprevedi, fl-Artikolu 91(2), perijodu ta’ għaxar snin għal proprjetà immobbli.

III – Il-kawża prinċipali

13.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-liġi fil-qasam tal-VAT, li J. Mateusiak qajjem quddiem l-awtoritajiet Pollakki tat-taxxa fis-sena 2013.

14.      Fis-snin 1997 sa 1999, J. Mateusiak waqqaf bini residenzjali u kummerċjali. Mill-bidu huwa użah, parzjalment għal skopijiet privati u parzjalment għall-attività tiegħu bħala nutar. J. Mateusiak talab dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input biss fir-rigward tas-servizzi intiżi għall-kostruzzjoni tal-parti mill-bini użata għall-eżerċizzju tal-attività tiegħu.

15.      J. Mateusiak jistaqsi lill-awtoritajiet tat-taxxa Pollakki jekk huwiex marbut li jissuġġetta għall-VAT il-parti tal-bini użata għal finijiet kummerċjali jekk jieqaf jeżerċita l-attività tiegħu bħala nutar. F’dan ir-rigward, huwa tal-fehma li tali tassazzjoni wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament għall-korrezzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fir-rigward tal-bini ma għandhiex tkompli sseħħ. L-awtoritajiet tat-taxxa Pollakki ma setgħux jaqblu ma’ din it-teżi. Għaldaqstant, J. Mateusiak ippreżenta rikors.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      In-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja), li hija adita bil-kawża, tqis id-dritt tal-Unjoni bħala deċiżiv għall-eżitu tal-kawża u, fid-19 ta’ Mejju 2015, skont l-Artikolu 267 TFUE, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja:

L-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva [tal-VAT], għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament previst fl-Artikolu 187 tad-Direttiva, l-assi fissi ta’ persuna taxxabbli li, meta akkwistathom tkun naqqset il-VAT, ma għandhomx ikunu taxxabbli u inklużi fl-inventarju tal-likwidazzjoni fil-mument meta tieqaf milli twettaq l-attività ekonomika tagħha, peress li l-perijodu legali ta’ aġġustament tat-taxxa tal-input imħallsa għall-akkwist tagħhom, li jirriżulta mit-tul ta’ użu stmat tagħhom fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, ikun skada, jew fis-sens li dawn l-assi fissi, fil-mument meta l-persuna taxxabbli tieqaf milli twettaq l-attività ekonomika tagħha, huma taxxabbli, irrispettivament mill-perijodu ta’ agġustament?

17.      F’Settembru 2015, J. Mateusiak, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    Analiżi legali

18.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT huwiex applikabbli wkoll għal oġġetti li jikkostitwixxu merkanzija kapitali fis-sens tal-Artikolu 187 u li, fir-rigward tagħhom, il-perijodu previst fil-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni diġà skada, b’tali mod li aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input ma għadux possibbli.

19.      Din id-domanda għandha tingħata, fil-fehma tiegħi, risposta fl-affermattiv. L-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament għal oġġetti skont l-Artikolu 187(1) tad-Direttiva tal-VAT ma għandu l-ebda impatt fuq it-tassazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 18(ċ).

20.      Il-kliem tal-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT la jinkludi restrizzjoni f’termini ta’ żmien għat-tassazzjoni u lanqas riferiment għall-Artikolu 187. Dan jerġa’ huwa iktar sinjifikattiv peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 168a°(1) tad-Direttiva tal-VAT jirreferi b’mod espliċitu, fir-rigward tat-tassazzjoni tal-użu privat ta’ proprjetà immobbli skont l-Artikolu 26, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 184 sa 192.

21.      Kif ser nesponi iktar ’il quddiem, ma jeżisti, barra minn hekk, l-ebda motiv sabiex jiġi applikat b’mod analogu l-Artikolu 187 fil-kuntest tal-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT.

1.      Punti komuni tas-sistemi regolatorji

22.      Huwa minnu li jeżistu ċerti punti komuni bejn ir-regoli dwar l-aġġustament tat-tnaqqis, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 187 tad-Direttiva tal-VAT, u d-dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni tal-użu privat minn oġġetti, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 18(ċ).

23.      Iż-żewġ sistemi regolatorji huma, fil-fatt, intiżi sabiex jipprekludu li persuna taxxabbli tkun tista’ tuża oġġetti mingħajr impożizzjoni ta’ VAT abbażi ta’ tnaqqis li diġà ngħata, minkejja li t-tip ta’ użu sussegwenti ma jagħtix dritt għal tnaqqis. Skont il-ġurisprudenza, persuna taxxabbli ma tista’ tikseb l-ebda vantaġġ mhux ġustifikat meta mqabbla mal-konsumatur finali, u r-rabta bejn it-tnaqqis tat-taxxa tal-input u l-ġbir tat-taxxa tal-output għandha tiġi ggarantita permezz taż-żewġ sistemi regolatorji (4).

24.      Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet dwar l-aġġustament tat-tnaqqis fl-Artikoli 184 et seq tad-Direttiva tal-VAT huma bbażati direttament fuq it-tnaqqis. Skont l-Artikolu 167 moqri flimkien mal-Artikolu 63 tad-Direttiva tal-VAT, it-tnaqqis normalment jingħata diġà mid-data tal-akkwist ta’ oġġett, abbażi tal-użu previst tiegħu. L-Artikoli 168 u 169 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxu l-użi li jagħtu lok għal dritt għal tnaqqis. Fil-prinċipju, il-kundizzjoni hija li l-persuna taxxabbli tuża l-oġġett akkwistat għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. Skont il-ġurisprudenza, ir-regoli dwar l-aġġustament għandhom iżidu l-eżattezza tat-tnaqqis, billi jiġi kkontrollat, wara d-data tal-akkwist tal-oġġett, sa fejn il-persuna taxxabbli effettivament tuża dan l-oġġett għal finijiet li jagħtu lok għal dritt għal tnaqqis (5). Fil-każ ta’ merkanzija kapitali, il-perijodu għal dan il-kontroll huwa ta’ bejn ħames snin u għoxrin sena, skont l-Artikolu 187(1) tad-Direttiva tal-VAT.

25.      Ir-regoli dwar it-tassazzjoni tal-użu privat minn oġġetti ma humiex ibbażati, min-naħa l-oħra, fuq id-dritt għal tnaqqis, iżda jissuġġettaw – mingħajr ma jippreġudikaw it-tnaqqis ladarba jkun ingħata – l-użu privat għall-VAT. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT ikopri l-użu privat minn oġġett li jkompli jkun parti mill-assi tal-impriża (6), filwaqt li l-fatti taxxabbli msemmija fl-Artikoli 16 u 18(ċ) jirrigwardaw it-trasferiment ta’ oġġett ta’ impriża fl-assi privati ta’ persuna taxxabbli. Matul l-attività tal-impriża, tali trasferimenti għandhom neċessarjament jiġu ntaxxati bħala applikazzjoni [“teħid”] skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-VAT. L-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jagħti, barra minn hekk, il-possibbiltà lill-Istati Membri li jintaxxaw it-trasferiment ta’ oġġett mill-assi tal-impriża għall-assi privati li jirriżulta mill-waqfien tal-attività ekonomika (7).

2.      Differenzi bejn is-sistemi regolatorji

26.      Iż-żewġ sistemi regolatorji – l-aġġustament tat-tnaqqis u t-tassazzjoni tal-użu privat – isegwu l-għanijiet tagħhom, li huma simili, b’modi differenti. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja attribwixxiet l-istess effett ekonomiku liż-żewġ sistemi (8), il-kundizzjonijet u l-konsegwenzi legali tagħhom ma humiex identiċi.

27.      Minn naħa, diġà esponejt f’iktar dettall f’kawżi oħra li r-regoli dwar it-tassazzjoni tal-użu privat jikkostitwixxu dispożizzjonijiet iktar speċifiċi meta mqabbla mal-aġġustament tat-tnaqqis (9).

28.      Min-naħa l-oħra, l-aġġustament tat-tnaqqis huwa dispożizzjoni ta’ korrezzjoni retroattiva, filwaqt li t-tassazzjoni tal-użu privat tkopri wkoll modifiki fil-valur tal-assi tal-impriża bejn l-akkwist ta’ oġġett u l-bidu tal-użu privat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 74 tad-Direttiva tal-VAT, il-valur taxxabbli fil-każ ta’ teħid (Artikolu 16) u fil-każ ta’ waqfien ta’ attività [Artikolu 18(ċ)] huwa l-valur tal-oġġett fid-data tat-teħid (10) jew tal-waqfien tal-attività (11).

29.      Dan huwa ċċarat permezz tal-għan tat-tassazzjoni f’dawn iż-żewġ każijiet, li saħansitra jmur lil hinn mill-għan tal-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input. Skont il-ġurisprudenza, it-tassazzjoni skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-VAT għandha tiżgura, b’mod partikolari, li persuna taxxabbli, li tieħu oġġett għall-użu privat tagħha, u l-konsumatur ordinarju, li jakkwista oġġett bl-istess mod, jiġu trattati b’mod ugwali (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat dan b’mod simili fir-rigward tal-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT: it-tassazzjoni għandha tipprevjeni li, wara l-waqfien tal-attività taxxabbli, oġġetti li jkunu taw lok għal dritt għal tnaqqis ikunu s-suġġett ta’ konsum finali li ma huwiex intaxxat (13). Għaldaqstant, persuna taxxabbli, li tirċievi għall-konsum finali privat minnha, oġġett mill-impriża tagħha, għandha tiġi imposta l-VAT bl-istess mod bħal meta tali oġġett jiġi akkwistat minn persuna taxxabbli oħra. Il-kunsinna minn terz u l-kunsinna minn persuna lilha nnifisha għandhom għaldaqstant jiġu trattati bl-istess mod.

3.      Applikazzjoni parallela tas-sistemi regolatorji

30.      Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, iż-żewġ sistemi regolatorji għandhom, għaldaqstant, u kif diġà ssuġġeriet il-Qorti tal-Ġustizzja (14) – jiġu applikati b’mod parallel u indipendenti minn xulxin.

31.      Huwa minnu li jeżisti – kif diġà enfasizzat ġustament l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl (15) – ċertu bżonn ta’ koordinazzjoni bejn iż-żewġ sistemi, sabiex jiġi osservat il-prinċipju tan-newtralità fiskali. Skont dan il-prinċipju għandha, fost l-oħrajn, tiġi evitata t-taxxa doppja (16).

32.      Minn dan jirriżulta, pereżempju, li aġġustament tat-tnaqqis fil-każ ta’ xogħol imwettaq fuq oġġett iqum biss sa fejn dan ix-xogħol ma jkunx diġà ġie ntaxxat fil-kuntest tat-tassazzjoni tat-teħid ta’ oġġett (17). Inkella l-persuna taxxabbli tiġi imposta l-VAT darbtejn. L-istess jgħodd ukoll bil-kontra: tassazzjoni tat-teħid ta’ oġġett għandha ssir biss sa fejn l-akkwist u ż-żamma tiegħu jkunu taw lok għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input(18).

33.      F’dan il-każ, il-prinċipju tan-newtralità fiskali ma jeżiġix, madankollu, li tassazzjoni skont l-Artikolu 18(ċ) tkun permessa biss fiż-żmien tal-perijodu ta’ aġġustament skont l-Artikolu 187(1) tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, ma hemmx indikazzjoni ta’ taxxa doppja.

34.      It-tassazzjoni skont l-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT tista’, skont il-kliem użat fid-dispożizzjoni, isseħħ biss meta l-akkwist ta’ oġġett jagħti lok għal dritt għal tnaqqis. B’dan il-mod, dan jagħmel parti mill-assi tal-impriża u għalhekk huwa eżenti minn kull imposta fiskali. Sa fejn l-oġġett, madankollu, ikun għad fadallu valur residwali mal-waqfien tal-attività, huwa ma jkunx għadu ikkonsmat fil-kuntest tal-attività ekonomika u għaldaqstant għandu jiġi ntaxxat – għall-ewwel darba – l-użu privat minnu, sa fejn ma jaqax taħt eżenzjoni mit-taxxa (19).

35.      Barra minn hekk, dan huwa, fil-prinċipju, l-istess trattament fiskali li, bla dubju, kien jirriżulta skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, kieku J. Mateusiak kien biegħ l-bini fl-istess data. Għaldaqstant, it-tassazzjoni skont l-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, li hija indipendenti mill-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament skont l-Artikolu 187(1), tiggarantixxi wkoll in-newtralità tas-sistema tal-VAT, għaliex ma għandha l-ebda impatt fuq id-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli.

VI – Konklużjoni

36.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda tan-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE huwa applikabbli wkoll għal oġġetti li, fir-rigward tagħhom, skont l-Artikolu 187(1) ta’ din id-direttiva, il-perijodu għall-aġġustament tat-tnaqqis ikun diġà skada fid-data tal-waqfien tal-attività ekonomika.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 347, p. 1.


3 – Qabel kienet, sal-31 ta’ Diċembru 2006, tapplika s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23). Id-Direttiva tal-VAT tikkostitwixxi essenzjalment biss tfassil mill-ġdid tas-Sitt Direttiva (ara l-premessa 3 tad-Direttiva tal-VAT). Għaldaqstant, il-ġurisprudenza li tittratta d-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll f’dan il-każ.


4 – Ara s-sentenza Wollny (C-72/05, EU:C:2006:573, punti 35 u 36); ara wkoll il-proposta tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ [COM(73) 950 finali], p. 7 dwar l-Artikolu 5(3), fejn iż-żewġ sistemi regolatorji huma b’ċertu mod interkambjabbli.


5 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Centralan Property (C-63/04, EU:C:2005:773, punt 57), TETS Haskovo (C-234/11, EU:C:2012:644, punt 31), Pactor Vastgoed (C-622/11, EU:C:2013:649, punt 34) u FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151, punt 50); ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża TETS Haskovo (C-234/11, EU:C:2012:352, punti 27 u 28).


6 – Reċentement, tapplika eċċezzjoni għall-użu privat mibdul minn proprjetà immobbli li mill-bidu kellha użu mħallat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 168a°(1) tad-Direttiva tal-VAT, li ġiet introdotta permezz tal-Artikolu 1(12) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 10, p. 14).


7 – Peress li r-Repubblika tal-Polonja għamlet użu mill-opzjoni tal-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, f’dan il-każ ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 16, minkejja dik id-dispożizzjoni speċifika, ikoprix ukoll it-teħid mal-waqfien tal-attività; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, EU:C:2001:280, punt 87) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawżi magħquda Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, EU:C:2000:700, punt 83).


8 – Sentenza Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, EU:C:2006:214, punt 30).


9 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża van Laarhoven (C-594/10, EU:C:2011:820, punt 25).


10 – Sentenza Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, EU:C:2001:280, punt 80).


11 – Sentenza Marinov (C-142/12, EU:C:2013:292, punt 33).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi de Jong (C-20/91, EU:C:1992:192, punt 15), Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, EU:C:2001:280, punt 56) kif ukoll BCR Leasing (C-438/13, EU:C:2014:2093, punt 23).


13 – Sentenza Marinov (C-142/12, EU:C:2013:292, punt 27).


14 – Ara s-sentenza Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, EU:C:2006:214, punt 29); ara wkoll, preċedentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Charles u Charles-Tijmens (C-434/03, EU:C:2005:48, punt 54).


15 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-Kawża Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, EU:C:2005:557, punt 26).


16 – Ara s-sentenzi Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, EU:C:2001:280, punt 76) kif ukoll NLB Leasing (C-209/14, EU:C:2015:440, punt 40).


17 – Ara s-sentenza Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, EU:C:2001:280, punt 95).


18 – Ara s-sentenza Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, EU:C:2001:280, punti 74 sa 76); ara wkoll, fir-rigward tal-valur taxxabbli ta’ dak li attwalment huwa l-Artikolu 74 tad-Direttiva tal-VAT, is-sentenza Property Development Company (C-16/14, EU:C:2015:265, punt 42).


19 – Wieħed jaħseb, f’dan il-każ, fl-Artikolu 135(1)(j) tad-Direttiva tal-VAT.