Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C-412/15

TMD Gesellschaft für transfusionsmedizinische Dienste mbH

vs

Finanzamt Kassel II - Hofgeismar

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessisches Finanzgericht (qorti tal-finanzi, Hessen, il-Ġermanja)]

“Taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis — Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT —‘Demm’ — Provvisti ta’ plażma tad-demm għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali”





1.        Dawn il-proċeduri jqajmu, essenzjalment, din id-domanda: il-provvista ta’ plażma tad-demm intiża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali tikkostitwixxi tranżazzjoni eżentata mill-VAT?

2.        Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tittratta din il-kwistjoni, l-ewwel ser ikollha tiddefinixxi “demm” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT (2) u, sussegwentement, teżamina jekk, skont din id-dispożizzjoni, għandhiex issir distinzjoni bejn plażma intiża għal użu terapewtiku u dik intiża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali.

I –    Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li:

“1.       L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)       sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

(ċ)       il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

(d)       il-provvista ta’ organi, demm u ħalib umani [tal-bniedem];

(e)       il-provvista ta’ servizzi mit-tekniċi dentali fil-kapaċità tal-professjoni tagħhom u l-provvista ta’ prototeżi dentali pprovduti minn dentisti u tekniċi dentali;

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

4.        Il-paragrafu 4 tal-Umsatzsteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprovdi li:

“It-tranżazzjonijiet li ġejjin li jaqgħu taħt il-paragrafu 1(1)(1) għandhom jiġu eżentati:

[…]

1(b): il-provvista ta’ oġġetti intra-Komunitarji […]

[…]

17(a): il-provvista ta’ organi, demm u ħalib umani.”

5.        Il-paragrafu 15 tal-UStG jipprovdi:

“(1) Imprenditur jista’ jnaqqas l-ammonti tat-taxxa tal-input li ġejjin:

1. it-taxxa legalment dovuta għal oġġetti u servizzi oħra li jkunu ġew ipprovduti minn imprenditur ieħor għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu. […]

(2) Hija eskluża mit-tnaqqis it-taxxa tal-input mħallsa għall-provvista, għall-importazzjoni jew għax-xiri intra-Komunitarju ta’ oġġetti, jew għal servizzi oħra li l-imprenditur juża sabiex iwettaq it-tranżazzjonijiet li ġejjin:

1. it-tranżazzjonijiet eżentati;

[…]

(3) L-esklużjoni tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imsemmija fis-subparagrafu 2 ma għandhiex tapplika meta t-tranżazzjonijiet:

1. fil-każijiet previsti fil-punt 1 tal-ewwel sentenza tas-subparagrafu 2

(a) huma eżentati skont il-paragrafu 4(1) sa (7). […]”

6.        It-Taqsima 4.17.1 tal-Umsatzsteuer-Anwendungserlass (digriet dwar l-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStAE”) tipprovdi:

“(1) Id-demm uman għandu jinkludi l-prodotti li ġejjin: demm frisk, demm sħiħ, seru u plażma, demm eparinizzat u ċelloli tad-demm.

(2) Preparazzjonijiet prodotti minn taħlitiet ta’ plażma umana ma humiex koperti mill-eżenzjoni. Dawn jinkludu, b’mod partikolari: preparazzjonijiet ta’ fatturi, albumina umana, fibrinoġena, immunoglobulina.”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

7.        TMD Gesellschaft für transfusionsmedizinische Dienste mbH (iktar ’il quddiem “TMD”) topera ċentru għall-għoti tad-demm. Matul l-attività tagħha, hija kienet tipprovdi l-plażma tad-demm intiża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali lil X AG, kumpannija stabbilita fl-Isvizzera, li kienet tiġbor il-plażma minn TMD u tgħaddiha lill-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha fi mkejjen oħra fl-Unjoni Ewropea.

8.        Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ippreżentata lill-Finanzamt Kassel II - Hofgeismar (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) għall-2008, TMD naqqset it-taxxa tal-input fir-rigward ta’ dawn il-provvisti. Madankollu, il-Finanzamt ċaħad it-tnaqqis tat-taxxa tal-input għar-raġuni li l-provvisti tal-plażma tad-demm lejn parti oħra tal-Unjoni kienu eżentati mit-taxxa, kemm bħala provvisti intra-UE skont il-paragrafu 4(1)(b) tal-UStG kif ukoll bħala provvisti tad-demm skont il-paragrafu 4(17)(a) tal-UStG. B’hekk il-Finanzamt wasal għall-konklużjoni li t-tnaqqis tat-taxxa tal-input kien prekluż mill-paragrafu 15(2) tal-UStG.

9.        Fid-dikjarazzjonijiet tagħha għall-2009 u l-2010, li l-Finanzamt aċċetta, TMD ma naqqset l-ebda taxxa tal-input.

10.      Fis-7 ta’ Diċembru 2012, TMD talbet li jiġu emendati l-valutazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għas-snin 2008 sal-2010, li kienu nħarġu suġġetti għall-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid. Hija talbet biex it-taxxa tal-input fir-rigward tal-provvista tal-plażma tiġi rrikonoxxuta. Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet li l-provvisti intra-UE tal-plażma tad-demm li għalihom l-ammonti tat-taxxa tal-input issa ntalbu ma kinux eżentati skont il-paragrafu 4(17)(a) tal-UStG għaliex kienu jinvolvu l-provvista ta’ plażma minn plażmafereżi lill-kumpanniji farmaċewtiċi għall-frazzjonament u l-produzzjoni sussegwenti ta’ prodotti mediċinali. Konsegwentement, l-eżenzjoni mit-taxxa kienet imsejsa fuq il-paragrafu 4(1)(b) tal-UStG biss u għalhekk it-tnaqqis tat-taxxa tal-input kellu jiġi permess.

11.      Il-Finanzamt ċaħad it-talbiet għal emenda permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2013. Għalhekk, TMD ressqet azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju bl-għan li tordna lill-Finanzamt jemenda l-valutazzjonijiet tat-taxxa.

12.      Insostenn għall-azzjoni tagħha, TMD sostniet li l-provvista ta’ plażma tad-demm intiża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali ma tikkostitwixxix provvista ta’ demm fis-sens tal-paragrafu 4(17)(a) tal-UStG, jew tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT. Min-naħa tiegħu, il-Finanzamt, jopponi l-argumenti mressqa minn TMD u jsostni li l-interpretazzjoni tiegħu tal-liġi tikkorrispondi wkoll mal-formulazzjoni tat-Taqsima 4.17.1 tal-UStAE.

13.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ demm tinkludi wkoll il-provvista ta’ plażma miksuba mid-demm?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: dan japplika wkoll għall-plażma intiża, mhux għal użu terapewtiku dirett, iżda esklużivament għall-produzzjoni ta’ mediċini?

(3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: il-klassifikazzjoni tal-plażma bħala “demm” għandha tiddependi biss mill-użu intenzjonat tagħha jew għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu teoretiku li jista’ jsir minnha?”

14.      F’din il-proċedura ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn TMD, mill-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea. TMD, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll sottomissjoni orali matul is-seduta li nżammet fit-28 ta’ April 2016.

III – Fuq id-domandi preliminari

A –    Fuq l-ewwel domanda

15.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-terminu “demm” fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT jinkludix il-plażma tad-demm miksuba minn demm uman.

16.      TMD hija tal-opinjoni li d-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv filwaqt li l-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li din għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

17.      Qabelxejn, nixtieq infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal ċerti servizzi u l-provvista ta’ ċerti oġġetti billi tiġi evitata żieda fl-ispejjeż li tirriżulta jekk dawn ikunu suġġetti għall-VAT. Dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (3).

18.      L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett minħabba li jikkostitwixxu devjazzjoni mill-prinċipju li l-VAT għandu jitħallas fuq kull provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni tagħhom għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mill-eżenzjonijiet imsemmija u trid tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ma jfissirx li dawk l-eżenzjonijiet jistgħu jiġu interpretati b’tali mod li jitneħħewlhom l-effetti intiżi tagħhom (4).

19.      F’dan il-kuntest, hemm għadd ta’ raġunijiet għaliex naqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT issuġġerita mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni.

20.      Qabelxejn, nosserva li d-Direttiva tal-VAT la tiddefinixxi “demm” u lanqas l-oġġetti oħra elenkati fl-Artikolu 132(1)(d) (“organi [...] u ħalib umani”). Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità li tipprovdi gwida dwar dawn il-kunċetti. Madankollu, huwa ċar li jridu jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi speċifika għar-regoli tal-UE dwar il-VAT (5).

21.      Fir-rigward tal-provvista ta’ prodotti u servizzi msemmija fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-għan tal-eżenzjonijiet tagħhom huwa li titnaqqas l-ispiża tal-kura medika u li dik il-kura ssir iktar aċċessibbli għall-individwi (6). Għalhekk, l-għan aħħari ta’ dawn l-eżenzjonijiet huwa li jiġi evitat li l-prodotti u s-servizzi msemmija f’din id-dispożizzjoni jsiru inqas aċċessibbli minħabba żieda fl-ispejjeż li tirriżulta jekk il-provvista tagħhom tkun suġġetta għall-VAT (7).

22.      Jiena nemmen li, sa ċertu punt, hemm l-istess tħassib fir-rigward tal-eżenzjonijiet previsti għall-provvista tal-oġġetti elenkati fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, għalhekk, kienet li tiġi evitata ż-żieda fl-ispejjeż ta’ ċerti trattamenti relatati mas-saħħa li jinvolvu l-provvista ta’ partijiet ta’, jew prodotti li joriġinaw mill-ġisem tal-bniedem.

23.      Fid-dawl ta’ dan, id-“demm” ma jistax ma jinkludix il-komponenti tiegħu, bħall-plażma.

24.      F’dan il-kuntest, wieħed ma għandux jinjora l-fatt li — kif indikaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni — il-provvisti tad-demm sħiħ, illum, huma okkorrenza relattivament rari. Anki t-tranżazzjonijiet li jkunu saru għal użu terapewtiku jinvolvu l-iktar l-provvista ta’ komponenti tad-demm, bħall-plażma. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, li adotta r-riformulazzjoni tad-Direttiva tal-VAT fl-2006, ma setax ma kellux għarfien ta’ dan il-fatt. L-interpretazzjoni proposta minn TMD, iktar milli tirrappreżenta interpretazzjoni limitata tad-dispożizzjoni, twassal minflok għal tnaqqis sinjifikattiv ħafna tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fir-rigward ta’ provvisti tad-demm fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT. Konsegwentement, din l-interpretazzjoni tkun ta’ tfixkil kbir għall-għan li l-leġiżlatur jixtieq jilħaq.

25.      Barra minn hekk, hemm raġunijiet oħra għaliex l-interpretazzjoni tat-terminu “demm” bħala li ma jinkludix il-komponenti tiegħu twassal għal konsegwenzi li jmorru kontra l-għan li l-leġiżlatur qed tfittex li jilħaq. L-ewwel nett, l-ispejjeż tal-isptarijiet u l-istabbilimenti ta’ natura simili li jużaw il-plażma tad-demm għal użu terapewtiku ovvjament jiżdiedu. It-tieni nett, għalkemm l-użu tad-demm sħiħ ikun eżentat, l-użu ta’ komponent wieħed jew iktar minn tiegħu ma jkunx. Konsegwentement, proporzjonalment, l-ispiża ta’ provvista ta’ demm sħiħ għal pazjent li jkun jeħtieġ trasfużjoni tkun inqas mill-ispiża ta’ trasfużjoni li tinvolvi plażma biss jew pjastrini biss. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex l-eżitu mixtieq mil-leġiżlatur.

26.      Barra minn hekk, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li matul id-99 laqgħa tiegħu fit-3 ta’ Lulju 2013, il-Kumitat Konsultattiv tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-VAT”), qabel kważi b’mod unanimu li l-provvista ta’ “demm” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, flimkien mal-provvista ta’ demm sħiħ, tinkludi wkoll il-provvista ta’ komponenti uniċi tad-demm bħal plażma tad-demm jew ċelloli tad-demm ta’ oriġini umana. Filwaqt li l-linji gwida li nħarġu mill-Kumitat tal-VAT huma sempliċiment il-fehmiet ta’ kumitat konsultattiv u mhux interpretazzjoni uffiċjali tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk ma humiex vinkolanti, madankollu xorta waħda jservu ta’ għajnuna siewja għall-interpretazzjoni (8).

27.      Madankollu, huwa veru — kif tindika wkoll il-qorti tar-rinviju — li minbarra d-Direttiva 2009/132/KE, (9) hemm strumenti legali tal-UE li wkoll jiddistingwu bejn “demm” u “plażma”. Minkejja dan, ma nistax nifhem kif dan jista’ jaffettwa din l-analiżi: strumenti legali differenti jistgħu jikkonċernaw kwistjonijiet differenti u jfittxu li jilħqu għanijiet differenti (10). L-istess terminu, inkluż f’żewġ strumenti legali jew iktar jista’ jkollu tifsiriet differenti. Fi kwalunkwe każ, bħalma tosserva ġustament il-Kummissjoni, lanqas l-istrumenti legali msemmija minn TMD f’dan il-każ ma jissuġġettaw id-demm sħiħ u l-plażma tad-demm għal żewġ sistemi legali differenti.

28.      Qabelxejn, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/98/KE (11) jirreferi għad-demm u għall-komponenti tad-demm biex jikkjarifika li l-istandard tal-kwalità u s-sikurezza previst f’dik id-direttiva japplika fir-rigward tat-tnejn li huma. Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn id-demm uman u l-plażma tad-demm inkluża fin-nomenklatura magħquda (12) isservi biss għal għanijiet statistiċi. Fil-fatt, il-prodotti kollha elenkati fis-subintestatura 3002 (inkluż kemm id-demm uman kif ukoll il-plażma) huma eżentati mid-dazji doganali (13).

29.      Il-fatt li kemm id-demm sħiħ kif ukoll il-plażma tad-demm huma eżentati mid-dazji doganali jsaħħaħ iktar l-opinjoni li t-tnejn li huma għandhom ikunu eżentati wkoll mill-VAT.

30.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għall-ewwel domanda magħmula hija li l-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “demm” jinkludi l-plażma tad-demm miksuba mid-demm uman.

B –    Fuq it-tieni domanda

31.      Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, huwa meħtieġ ukoll li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Hessisches Finanzgericht (qorti tal-finanzi, Hessen) tistaqsi jekk id-“demm” jinkludix ukoll il-plażma tad-demm li ma hijiex intiża għal użu terapewtiku, iżda esklużivament għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali.

32.      Għal darba oħra, TMD hija tal-opinjoni li d-domanda għandha tingħata risposta negattiva, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li din għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

33.      Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni wkoll, jien naqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT proposta minn tal-aħħar.

34.      Nosserva li, fejn l-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT huwa intiż li jillimita l-eżenzjonijiet ipprovduti fih għal ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet — pereżempju l-provvisti li jkunu saru minn ċerti persuni (14) jew entitajiet (15), lil ċerti riċevituri (16), għal ċerti għanijiet (17), jew taħt ċerti kundizzjonijiet (18) — dan huwa indikat b’mod ċar. Min-naħa l-oħra, taħt il-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, it-tranżazzjonijiet eżentati huma deskritti b’mod wiesa’ u ma huma suġġetti għall-ebda speċifikazzjoni jew limitu. L-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT mingħajr dubju jsostni li, fost it-tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżentati mill-Istati Membri, hemm “il-provvista ta’ organi, demm u ħalib umani”.

35.      Dan jidher li jissuġġerixxi li, minkejja l-użu finali tad-demm jew l-għan tal-provvista, il-provvista tad-demm (jew il-komponenti tiegħu) għandha tiġi eżentata mill-VAT. Kieku l-leġiżlatur kellu intenzjoni oħra, probabbilment kien joħloq abbozz ta’ dispożizzjoni iktar espliċitu u elaborat (19), kif għamel fil-każ tal-eżenzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT.

36.      Madankollu, skont TMD, mill-Artikoli 37 sa 39 tad-Direttiva 2009/132 jista’ jiġi dedott, b’raġunament a contrario, li għandha ssir distinzjoni bejn plażma terapewtika u plażma industrijali għall-finijiet tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikoli 37 sa 39 tad-Direttiva 2009/132, l-importazzjoni ta’ sustanzi terapewtiċi ta’ oriġini umana (li jinkludu d-demm uman u d-derivattivi tiegħu) għandha tkun eżentata mill-VAT. Fil-fehma ta’ TMD, ma jkun hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jissemma b’mod ċar id-demm uman u, speċjalment, id-derivattivi tiegħu jekk dawn il-prodotti huma diġà eżentati skont l-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT.

37.      Dan l-argument ma jikkonvinċini xejn. L-ewwel nett, irid jiġi indikat li d-Direttiva 2009/132 hija kodifikazzjoni u riformulazzjoni ta’ direttiva preċedenti (id-Direttiva 83/181/KEE (20)) li fil-frattemp, kienet ġiet emendata diversi drabi (21). Ir-referenza ċara għad-demm u d-derivattivi tiegħu tista’ tiġi spjegata bil-fatt li, meta d-Direttiva 83/181 kienet ġiet adottata, id-demm u l-komponenti tad-demm kienu suġġetti għal dazji doganali differenti. Dan ma huwiex dettall insinjifikattiv: wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Direttiva 83/181 dak iż-żmien, u d-Direttiva 2009/132 issa, huwa preċiżament li jikseb l-ogħla grad possibbli ta’ uniformità bejn is-sistema għad-dazji doganali u dik għall-VAT. F’dan il-kuntest, wieħed ma għandux jinjora l-fatt li d-Direttiva 2009/132 tikkonċerna b’mod esklużiv eżenzjonijiet fuq l-importazzjoni fl-Unjoni, filwaqt li l-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-VAT huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-eżenzjonijiet, u għalhekk jikkonċerna wkoll it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji kif ukoll l-importazzjoni.

38.      It-tieni nett, l-Artikoli 37 sa 39 tad-Direttiva 2009/132, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikollhom impatt fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-VAT. L-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2009/132 jiddikjara b’mod ċar li dan japplika “mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 143(a) tad-Direttiva 2006/112/KE”. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni tal-aħħar tiddikjara li l-Istati Membri għandhom jeżentaw “l-importazzjonijiet finali ta’ merkanzija [oġġetti] li l-provvista tagħha minn persuna taxxabbli għandha fiċ-ċirkostanzi kollha tkun eżentata fit-territorju rispettiv tagħha”. Ovvjament dan jinkludi tranżazzjonijiet, bħal dawk li jinvolvu l-provvista tad-demm, li huma eżentati skont l-Artikolu 132 tal-istess direttiva. Għalhekk, u f’termini sempliċi ħafna, l-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikoli 37 sa 39 tad-Direttiva 2009/132, u wisq inqas jitqies li ġie mmodifikat minn dawn id-dispożizzjonijiet. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet differenti taż-żewġ strumenti legali, mhux talli huwa possibbli talli huwa saħansitra loġiku li d-dispożizzjonijiet tagħhom sa ċertu punt jiġu sovrapposti.

39.      TMD issostni wkoll li jekk l-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT kellu jiġi interpretat bħala li jinkludi wkoll il-provvista tal-plażma tad-demm intiża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali, l-ispiża finali ta’ dawn il-prodotti mediċinali bla dubju ser tiżdied. Dan imur kontra l-għan li tfittex li tilħaq id-dispożizzjoni inkwistjoni li jitnaqqsu l-ispejjeż fis-settur tal-kura tas-saħħa.

40.      Irrid nammenti li dan l-argument għandu ċertu importanza. Jidhirli li huwa ċar li, f’ċerti każijiet, l-eżenzjoni inkwistjoni — kif interpretata mill-partijiet l-oħra li ssottomettew osservazzjonijiet f’din il-proċedura — ser ikollha, indirettament, l-effett li żżid l-ispejjeż tal-prodotti mediċinali prodotti abbażi tad-demm jew tal-komponenti tiegħu. Ir-raġuni hija li impriża bħal TMD ma tistax tnaqqas il-VAT imħallsa fuq il-prodotti u s-servizzi mixtrija biex tmexxi n-negozju tagħha, mill-VAT li, fl-opinjoni tagħha, għandu jiġi impost fuq il-plażma li hija tipprovdi lill-kumpanniji farmaċewtiċi. Minħabba li l-ispejjeż interni tagħha huma ogħla minħabba li ma huwiex possibbli li twettaq tnaqqis, jista’ jkun li din l-impriża jkollha tbigħ il-plażma bi prezzijiet ogħla, li, min-naħa l-oħra, dan jista’ jaffettwa l-prezz finali tal-prodotti mediċinali prodotti minnha. Jekk il-ċirkustanzi kollha l-oħra jibqgħu l-istess, l-eżenzjoni tal-plażma mill-VAT aktarx li żżid il-prezz ta’ dawn il-prodotti.

41.      Madankollu, ma huwiex ċar jekk iż-żieda fil-prezz tal-prodotti mediċinali li l-plażma tad-demm hija komponent tagħhom tistax tkun sostanzjali. Fil-fatt, dan il-prezz fl-aħħar mill-aħħar ser jiġi influwenzat minn diversi fatturi, fejn il-prezz tal-komponenti tal-prodott huwa biss wieħed minnhom. Il-karatteristiċi speċifiċi tas-suq, bħall-preżenza (jew in-nuqqas) ta’ prodotti kompetituri, il-liġi bażika tal-provvista u d-domanda u r-restrizzjonijiet possibbli li ġejjin mil-leġiżlazzjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali (li teżisti f’ħafna Stati Membri) ser jaffettwaw ukoll dan il-prezz.

42.      Li jidher kruċjali, f’dan il-kuntest, huwa li l-fornituri kollha tal-plażma tad-demm (u b’hekk il-manifatturi kollha tal-prodotti mediċinali li jeħtieġu plażma tad-demm bħala komponent) għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell. Dan ser ikun bla dubju l-każ wara li tingħata s-sentenza f’din il-proċedura, peress li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tadotta, f’dan il-każ, tat-terminu “demm” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT ser tkun vinkolanti fuq l-awtoritajiet tat-taxxa kollha tal-Istati Membri.

43.      Fi kwalunkwe każ, kif saħaq il-Gvern Ġermaniż, il-fatt li jekk jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ ċerti prodotti jew servizzi, billi l-provvista tagħhom tiġi eżentata mill-VAT, jista’ jżid l-ispejjeż operattivi ta’ persuna taxxabbli jidher inerenti għas-sistema tal-VAT li ħoloq il-leġiżlatur (22). Huwa inevitabbli li, għal persuni taxxabbli, it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi eżentati mill-VAT jista’ jkun inqas ta’ vantaġġ minħabba l-mod li bih taħdem is-sistema tal-VAT.

44.      Għalhekk il-leġiżlatur kien konxju mis-sitwazzjoni partikolari tal-impriżi li jridu jwettqu kemm tranżazzjonijiet taxxabbli kif ukoll tranżazzjonijiet mhux taxxabbli u fassal regoli speċifiċi għal dan. L-Artikolu 169 tad-Direttiva tal-VAT, b’mod partikolari, jipprevedi l-possibbiltà, f’ċerti każijiet, li mill-VAT li persuna taxxabbli hija responsabbli tħallas jitnaqqas il-VAT impost fuq oġġetti jew servizzi li jintużaw għal tranżazzjonijiet li huma eżentati. Madankollu, il-leġiżlatur għażel li jillimita l-applikabbiltà ta’ dawn ir-regoli għal ċerti sitwazzjonijiet jew tranżazzjonijiet biss.

45.      Għaldaqstant, il-fatt li t-tranżazzjonijiet eżentati mwettqa minn TMD ma jagħtux lok għad-dritt għal tnaqqis, skont id-Direttiva tal-VAT, u li din is-sitwazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, tista’ twassal għal żieda fl-ispiża tal-kura medika, ma tistax twassal għall-qari ta’ din id-dispożizzjoni b’tali mod li tidher kontradittorja mal-formulazzjoni tagħha. Argument simili għal dak imressaq f’din il-kawża minn TMD fil-fatt kien diġà ġie miċħud, preċiżament għall-istess raġuni, mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel kawża VDP Dental Laboratory (23). Wara kollox, kwalunkwe lakuna fis-sistema ta’ eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, ma għandhiex tiġi indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda mil-leġiżlatur (24).

46.      F’dan il-punt, nixtieq infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti insistiet li, apparti l-provvisti żgħar ta’ oġġetti li huma strettament neċessarji fil-mument tal-għoti ta’ kura lill-persuna, il-provvista ta’ prodotti mediċinali u ta’ oġġetti oħra hija fiżikament u ekonomikament separabbli mill-provvista tas-servizzi u għaldaqstant ma tistax tiġi eżentata taħt l-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT (25).

47.      Din il-ġurisprudenza timplika li, minkejja l-għan kumplessiv li l-leġiżlatur qed ifittex li jilħaq b’ċerti eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT kien fil-fatt li titnaqqas l-ispiża tal-kura medika, tali tnaqqis tal-ispejjeż ma kienx jikkonċerna l-prodotti mediċinali. Fi kliem ieħor, kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-ispejjeż tal-prodotti mediċinali ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur meta adotta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT.

48.      F’dan il-kuntest, ta’ min jindika li huwa ċar li l-plażma tad-demm, naturalment, ma hijiex mediċina, iżda, kif spjegat, tista’ tkun komponent li jintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali. La l-plażma intiża għal użu terapewtiku u lanqas dik intiża għal użu industrijali ma huma mħallta b’xi sustanzi oħra, jew ipproċessati b’tali mod li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom jinbidlu. L-unika proċess li jsir biex jinkiseb il-prodott huwa dak li jissepara l-komponenti differenti tad-demm. L-argument li għamlet TMD jidher li jimplika li kwalunkwe proċess tal-prodott qabel il-provvista tiegħu jwassal għal prodott ġdid jew differenti. Dan l-argument, jekk jiġi kkunsidrat sal-limiti tal-loġika tiegħu, iwassal għal riżultati mhux raġonevoli. Pereżempju, billi wieħed jiffriża l-ħalib uman biex fil-futur jintuża għat-tmigħ ta’ trabi, dan b’xi mod ser jibdel it-trattament tat-taxxa ta’ dak il-ħalib? Il-fatt li organu, wara li jitneħħa mill-ġisem, jistgħu jiġu introdotti fih soluzzjonijiet ta’ konservazzjoni li jippermettu l-ħżin u t-trasport, għandu jfisser li l-provvista ta’ dak l-organu ssir suġġetta għall-VAT?

49.      Huwa sinjifikanti li l-istess plażma, bħala prinċipju, tista’ tintuża kemm għal użu terapewtiku kif ukoll għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali. Bħalma tirrikonoxxi TMD innifisha, l-imballaġġ, l-ittikkettjar u t-trasport tal-plażma (u l-kontrolli mwettqa matul il-proċess) biss jistgħu jkunu differenti, skont l-użu intiż. Għalhekk, mill-bidu sa meta tintuża minn utenti differenti, il-plażma hija l-istess u uniku prodott.

50.      F’dan il-kuntest, jidhirli li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT fis-sens li jinkludi l-plażma tad-demm irrispettivament mill-użu intiż tagħha huwa iktar konformi mal-prinċipju tan-newtralità fiskali, skont liema l-operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-imposta tal-VAT (26).

51.      Barra minn hekk, bħalma tindika l-qorti tar-rinviju, minħabba li l-prodott huwa essenzjalment l-istess, ma jistax jiġi eskluż — għall-inqas fit-teorija — li l-plażma inizjalment intiża għal użu terapewtiku tista’ sussegwentement tkun intiża għal finijiet industrijali. Jekk dan huwa l-każ, il-Gvern Ġermaniż għandu raġun li jsostni li, kieku l-awtoritajiet tat-taxxa kienu mitluba li jittrattaw provvisti tal-plażma b’mod differenti skont l-użu li huma intiżi għalih (kif iddikjarat mill-operaturi ekonomiċi rilevanti), l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ssir inċerta u pjuttost diffiċli li wieħed jikkontrollaha.

52.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda, fl-opinjoni tiegħi, għandha tkun li t-terminu “demm” skont l-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT jinkludi wkoll il-plażma tad-demm li hija intiża sabiex tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali.

C –    Fuq it-tielet domanda

53.      Fid-dawl tar-risposta proposta għat-tieni domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula.

IV – Konklużjoni

54.      Biex nikkonkludi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hessisches Finanzgericht (qorti tal-finanzi, Hessen) kif ġej:

–        it-terminu “demm” fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud jinkludi l-provvista tal-plażma tad-demm miksuba minn demm uman;

–        dan it-terminu jinkludi wkoll il-plażma tad-demm intiża sabiex tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347 p. 1)


3 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, VDP Dental Laboratory et (C-144/13, C-154/13 u C-160/13, EU:C:2015:116, punti 43 u 44).


4 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, “go fair” Zeitarbeit (C-594/13, EU:C:2015:164, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, De Fruytier (C-237/09, EU:C:2010:316, punt 22).


6 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund (C-366/12, EU:C:2014:143, punt 28).


7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, VDP Dental Laboratory et (C-144/13, C-154/13 u C-160/13, EU:C:2015:116, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland (C-155/12, EU:C:2013:57, punti 46 sa 51).


9 – Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 2009, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU 2009 L 292, p. 5). Dwar din id-direttiva, ara iktar ’il quddiem, il-punti 36 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10 – Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punt 66).


11 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi livelli stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà għall-ġbir, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-ħażna u t-tqassim ta’ demm tal-bniedem u komponenti tad-demm u li temenda d-Direttiva 2001/83/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 346).


12 – Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat.


13 – Inċidentalment, dan huwa fattur ieħor li, fl-opinjoni tiegħi, huwa favur it-trattament omoġenu tad-demm uman u l-plażma tad-demm fid-Direttiva tal-VAT.


14 – Artikolu 132(e), (f) u (j) tad-Direttiva tal-VAT.


15 – Artikolu 132(a), (b), (g), (h), (i), (k), (l), (m), (n), (o), (p) u (q) tad-Direttiva tal-VAT.


16 – Artikolu 132(f), (l), (m) u (p) tad-Direttiva tal-VAT.


17 – Artikolu 132(f) u (k) tad-Direttiva tal-VAT.


18 – Artikolu 132(f), (l) u (o) tad-Direttiva tal-VAT.


19 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, MDDP (C-319/12, EU:C:2013:778, punt 29).


20 – Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 91)


21 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 1 tad-Direttiva 2009/132.


22 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża VDP Dental Laboratory, C-401/05, EU:C:2006:537, punt 96.


23 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory (C-401/05, EU:C:2006:792, punti 34 sa 36).


24 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Klinikum Dortmund (C-366/12, EU:C:2013:618, punt 57).


25 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund (C-366/12, EU:C:2014:143, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C-419/14, EU:C:2015:832, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).