Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C-471/15

Sjelle Autogenbrug I/S

vs

Skatteministeriet

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Punent, id-Danimarka)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/112/KE– Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Skema partikolari għal negozjanti taxxabbli – Skema ta’ marġni ta’ profitt – Bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil ta’ vetturi bil-mutur – Kunċett ta’ ‘oġġetti użati’”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija dwar jekk il-partijiet maqlugħa minn vetturi bil-mutur jistgħux jiġu kklassifikati bħala “oġġetti użati”, skont il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112/KE (2).

2.        Din it-talba għandha importanza mhux żgħira għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali inkwantu l-oġġetti użati jibbenefikaw, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, minn skema speċifika ta’ marġni ta’ profitt li tipprevedi li l-valur taxxabbli ta’ din l-iskema, jiġifieri l-marġni ta’ profitt globali magħmul min-negozjant taxxabbli, jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ tal-oġġett mitlub min-negozjant taxxabbli u l-prezz tax-xiri tiegħu.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom jiena nqis li l-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “oġġetti użati” jinkludi l-partijiet ta’ bdil ta’ vetturi li, wara li jkunu nqalgħu minn vettura li ma għadhiex tintuża u nxtraw mingħand individwu minn impriża li tirriċikla l-vetturi, jinbiegħu bħala partijiet ta’ bdil, sabiex b’hekk l-iskema ta’ marġni ta’ profitt tkun tista’ tiġi applikata għan-negozjant taxxabbli.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112 huwa redatt kif ġej:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni ta’ VAT (il-‘VAT’) tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq merkanzija u servizzi li hi eżattament proporzjonali għall-prezz tal-merkanzija u s-servizzi, ikunu kemm ikunu t-transazzjonijet li jkunu saru fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih hi imposta t-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal–merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

[...]”

5.        L-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija [...], l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

6.        It-Titolu XII tal-imsemmija direttiva, “Skemi Speċjali”, jinkludi fih Kapitolu 4, intitolat “Arranġamenti speċjali għal oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet”, li jikkonsisti fl-Artikoli 311 sa 343.

7.        Skont il-punti 1 u 5 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112:

“1. Għall-finijiet ta’ dan il–Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1)      ‘oġġetti użati’ tfisser proprjetà mobbli tanġibbli li tista’ tiġi użata ulterjorment kif inhi jew wara li tissawwa, minbarra xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet u minbarra metalli prezzjużi jew ħaġar prezzjuż kif definit mill-Istati Membri;

[...]

5)     ‘negozjant taxxabbli’ tfisser kwalunkwe persuna taxxabbli li, matul l-attività ekonomika tagħha u bil-għan li terġa’ tbiegħ, tixri, jew tapplika għall-għanijiet tan–negozju tagħha, jew timporta, oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet, kemm jekk dik il-persuna taxxabbli qed taġixxi għaliha nnifisha jew f’isem persuna oħra skond kuntratt li permezz tiegħu titħallas kummissjoni fuq ix-xiri jew il-bejgħ;”.

8.        L-Artikolu 312 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din is-Sub-taqsima, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1)     ‘il-prezz tal-bejgħ’ tfisser dak kollu li jikkostitwixxi l-ħlas miksub jew li ser jiġi miksub min-negozjant taxxabbli mingħand ix-xerrej jew parti terza, inklużi sussidji direttament marbuta mat-transazzjoni, taxxi, dazji, imposti u piżijiet u spejjeż inċidentali bħal kummissjoni, ippakkjar, trasport u spejjeż ta’ l-assigurazzjoni mitluba min-negozjant taxxabbli lill-konsumatur, iżda li jeskludu l-ammonti msemmija fl-Artikolu 79;

2)     ‘prezz tax-xiri’ tfisser dak kollu li jikkokstitwixxi l-ħlas, għall-finijiet tal-punt (1), miksub jew li għandu jkun miksub mingħand in-negozjant taxxabbli mill-fornitur tiegħu.”

9.        L-Artikolu 313(1) tal-imsemmija direttiva jistipula:

“Għar-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet magħmula minn negozjanti taxxabbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali għall-intaxxar tal-marġni ta’ profitt magħmul minn negozjant taxxabbli, skond id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sub-taqsima.”

10.      L-Artikolu 314 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi dan li ġej:

“L-iskema tal-marġni għandha tapplika għall-provvista minn negozjant taxxabbli ta’ merkanzija użata, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu fil-Komunità minn waħda mill-persuni li ġejjin:

a)     persuna mhux taxxabbli;

[...]”

11.      L-Artikolu 315 ta’ din id-direttiva jistipula:

“L-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija kif msemmija fl-Artikolu 314 għandu jkun il-marġni ta’ profitt magħmul min-negozjant taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li jirreferi għall-marġni ta’ profitt.

Il-marġni ta’ profitt tan-negozjant taxxabbli għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub min-negozjant taxxabbli għall-merkanzija u l-prezz tax-xiri.”

12.      L-Artikolu 318 tal-imsemmija direttiva huwa redatt b’dan il-mod:

“1. Sabiex tkun issimplifikata l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, għal ċerti transazzjonijiet jew għal ċerti kategoriji ta’ negozjanti taxxabbli, l-ammont taxxabbli fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija soġġetta għall-iskema ta’ marġni għandu jkun stabbilit għal kull perijodu tat-taxxa li matulu n-negozjant taxxabbli għandu jissottometti d-denunzja tal-VAT imsemmija fl-Artikolu 250.

Fil-każ li tali provvista ssir skond l-ewwel subparagrafu, l-ammont taxxabbli fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija li għalihom l-istess rata tal-VAT hi applikata għandu jkun il-marġni ta’ profitt totali magħmul min-negozjant taxxabbli bit-tnaqqis ta’ l-ammont ta’ VAT li tirreferi għal dak il-marġni.

2.     Il-marġni ta’ profitt totali għandu jkun ugwali għad-differenza bejn iż-żewġ ammonti li ġejjin:

a)     il-valur totali ta’ provvisti ta’ merkanzija soġġetti għall-iskema ta’ marġni u mwettqa min-negozjant taxxabbli matul il-perijodu tat-taxxa kopert mid-denunzja, jiġifieri, it-total tal-prezzijiet tal-bejgħ;

b)     il-valur totali tax-xiri ta’ merkanzija kif imsemmi fl-Artikolu 314, magħmula min-negozjant taxxabbli matul il-perijodu tat-taxxa kopert mid-denunzja, jiġifieri, it-total tal-prezzijiet tax-xiri.

3.     L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li n-negozjanti taxxabbli msemmija fil-paragrafu 1 ma jgawdux vantaġġi mhux ġustifikati jew iġarrbu telf mhux ġustifikat.”

B –    Id-dritt Daniż

13.      Il-momsloven (liġi dwar il-VAT) tat-23 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT tal-2013”), tittrasponi d-Direttiva 2006/112 fl-ordinament ġuridiku Daniż. Taħt il-Kapitolu 17 ta’ din il-liġi, intitolat, “Dispożizzjonijiet partikolari għal oġġetti użati, xogħolijiet tal-arti, oġġetti ta’ kollezzjoni u antikitajiet”, il-punt 1 tal-Artikolu 69(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi li l-impriżi li jakkwistaw, fost l-oħrajn, bil-għan li jerġgħu jbigħuhom, oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti ta’ kollezzjoni u antikitajiet jistgħu, meta jerġgħu jbigħhom, iħallsu t-taxxa fuq l-oġġetti użati inkwistjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli b’mod partikolari għall-oġġetti użati hija suġġetta għall-kundizzjoni preliminari li l-kunsinna ta’ dawn il-beni minn persuna mhux suġġetta għat-taxxa ssir mid-Danimarka jew minn Stat Membru ieħor.

14.      L-Artikolu 69(3) tal-liġi dwar il-VAT tal-2013 jindika li huma msejħa oġġetti użati l-beni mobbli tanġibbli li jistgħu jiġu użati mill-ġdid kif inhuma jew wara li jissewwew, minbarra x-xogħlijiet tal-arti, l-oġġetti ta’ kollezzjoni, l-antikitajiet u l-ħaġar u l-metalli prezzjużi. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, mezz ta’ trasport imwassal lejn jew minn Stat Membru ieħor minbarra r-Renju tad-Danimarka huwa kkunsidrat bħala oġġett użat, jekk ma jaqax fid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 11(6) ta’ din il-liġi.

15.      Il-Vestre Landsret (qorti tal-appel tar-reġjun tal-Punent, id-Danimarka) tispjega li fix-xogħlijiet preparatorji tal-momsloven (liġi dwar il-VAT), tat-18 ta’ Mejju 1994, huwa indikat li l-għan tar-regoli proposti huwa li jiġi evitat il-pagament tal-VAT kollha għall-istess oġġett darbtejn jew iktar. Dan huwa, pereżempju, il-każ meta negozjanti jixtru mingħand individwi oġġetti użati sabiex jerġgħu jbigħhom. Barra minn hekk, skont kif jidher f’dawn ix-xogħlijiet preparatorji, il-kunċett ta’ “oġġetti użati” jindika l-oġġetti mobbli tanġibbli li jistgħu jintużaw mill-ġdid kif inhuma jew wara li jissewwew. Minn dan jirriżulta li l-oġġett mobbli tanġibbli għandu jżomm l-identità tiegħu (3).

16.      F’nota ta’ gwida tal-10 ta’ Frar 2006 dwar il-VAT applikabbli għall-vetturi skrappjati, l-amministrazzjoni fiskali indikat li r-regoli tal-VAT fuq l-oġġetti użati ma japplikawx għall-bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet li tneħħew minn min li jiskrappja l-vetturi (skrap yard), peress li l-vettura b’dan il-mod tibdel in-natura tagħha, billi tiġi ttrasformata f’partijiet maqlugħa.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17.      Sjelle Autogenbrug I/S hija impriża ta’ riċiklaġġ ta’ vetturi li l-attività prinċipali tagħha hija l-bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet ta’ vetturi użati li jitneħħew minn vetturi li ma għadhomx jintużaw.

18.      Sussidjarjament, Sjelle Autogenbrug twettaq ukoll operazzjonijiet kontra t-tniġġiż u għat-trattament tal-iskart ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, servizz li għalih hija tiffattura prezz standard. Fl-aħħar nett, parti żgħira mid-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża tiġi mill-bejgħ ta’ skart tal-metall (skrap tal-ħadid) li jirriżulta wara li jitneħħew partijiet tal-vetturi.

19.      Ix-xiri minn Sjelle Autogenbrug ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, li huma jew vetturi li ma għadhomx tajbin, jew vetturi kompletament imkissra, isir mingħand individwi u kumpanniji tal-assigurazzjoni li ma jiddikjarawx il-VAT fuq il-bejgħ li jkun sar.

20.      Sjelle Autogenbrug tiddikjara attwalment il-VAT skont ir-regoli ġenerali applikabbli. Fil-15 ta’ Lulju 2010, hija talbet lill-amministrazzjoni fiskali sabiex l-iskema partikolari ta’ marġni ta’ profitt applikabbli għall-oġġetti użati tiġi applikata għall-attività tagħha ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet ta’ vetturi użati li jitneħħew minn vetturi li ma għadhomx jintużaw.

21.      Fis-6 ta’ Awwissu 2010, l-amministrazzjoni fiskali tat lil Sjelle Autogenbrug deċiżjoni fiskali (“tax ruling”) li l-impriża ma kellhiex id-dritt li tuża tali skema, għaliex il-partijiet tal-vetturi inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “oġġetti użati”, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

22.      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Diċembru 2011, il-landsskatteretten (qorti fiskali, id-Danimarka) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali. Sjelle Autogenbrug għalhekk ippreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju.

23.      Peress li l-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Punent) kellha dubju dwar l-interpretazzjoni li għandu jingħata l-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/12, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti:

“Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, parts [partijiet] minn vetturi li ma għadhomx jintużaw li impriża ta’ vetturi użati mill-ġdid irreġistrata għall-finijiet tal-VAT tneħħi minn vettura bil-għan li tbiegħ mill-ġdid bħala spare parts [partijiet ta’ bdil], jistgħu jitqiesu bħala oġġetti użati kif imsemmija fl-Artikolu 311(1) tad-Direttiva […] 2006/112 […]?”

III – L-analiżi tiegħi

24.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-sistema ġenerali tal-VAT kurrenti tiżgura, bis-saħħa ta’ skema ta’ tnaqqis, newtralità perfetta tal-VAT għall-operaturi ekonomiċi li huma responsabbli li jħallsu lura l-VAT li jirċievu fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. B’hekk, għal kull tranżazzjoni ekonomika, l-operatur ekonomiku taxxabbli għall-VAT jista’ jnaqqas mill-ammont tal-VAT li jirċievi fuq il-bejgħ ta’ prodott l-ammont tal-VAT li huwa jkun ħallas input fuq ix-xiri li jkun sar għall-attività kummerċjali tiegħu. Din l-iskema ta’ tnaqqis tippermetti li jiġi żgurat li l-VAT hija VAT fuq il-prodott u mhux fuq id-dħul mill-bejgħ tal-operaturi ekonomiċi u li huwa l-konsumatur finali biss li jġorr il-piż tal-VAT.

25.      Fir-rigward tal-individwi, sakemm dawn ma jeżerċitawx attività ekonomika, ma humiex suġġetti għall-VAT. Għalhekk, meta huma jbigħu oġġett użat lil individwu ieħor jew lil persuna taxxabbli, it-tranżazzjoni ma hijiex suġġetta għall-VAT.

26.      Ikun hemm diffikultà jekk min jixtri jkun negozjant taxxabbli. Fil-fatt, peress li l-oġġett jerġa’ jidħol fis-sistema kummerċjali, in-negozjant taxxabbli huwa suġġett għall-VAT peress li huwa jagħmel bejgħ mill-ġdid ta’ oġġett. Madankollu, peress li huwa ma jkunx ħallas VAT fix-xiri tal-oġġett użat lill-individwu mhux taxxabbli, huwa ma jistax inaqqas il-VAT mill-ammont li għandu jħallas lill-Istat, ammont li għalhekk huwa magħmul esklużivament mill-VAT riċevut fuq il-bejgħ mill-ġdid ta’ dan l-oġġett. Minn dan jirriżulta li n-newtralità tal-VAT tinkiser u jkun hemm taxxa doppja għall-imsemmi oġġett.

27.      L-iskema ta’ marġni ta’ profitt, maħluqa bid-Direttiva 94/5/KE (4) u integrata fl-Artikoli 311 sa 343 tad-Direttiva 2006/112, ġiet adotta sabiex ittaffi din id-diffikultà. Minn naħa waħa, hija intiża sabiex tarmonizza l-iskemi applikabbli għall-oġġetti akkwistati ġodda u suġġetti għall-VAT, imbagħad mibjugħa mill-ġdid bħala oġġetti użati, u, min-naħa l-oħra, sabiex tkun evitata t-taxxa doppja kif ukoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn persuni taxxabbli fil-qasam tal-oġġetti użati (5).

28.      Sabiex jibbenefika minn din l-iskema, in-negozjant taxxabbli għandu għalhekk ibigħ oġġetti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “oġġetti użati”, skont il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112.

29.      Issa, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi preċiżament, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “oġġetti użati” jinkludi partijiet ta’ vetturi li, wara li jitneħħew minn vettura li ma għadhiex tintuża mixtrija minn impriża ta’ riċiklaġġ mingħand individwi, jinbiegħu mill-ġdid bħala partijiet ta’ bdil, sabiex tippermetti għalhekk li l-iskema ta’ marġni ta’ profitt tiġi applikata għan-negozjant taxxabbli.

30.      Il-Gvern Daniż iqis li l-użu, fl-imsemmija dispożizzjoni, tal-kliem “kif inhi” jindika li, sabiex jiġi kklassifikat bħala “oġġett użat”, oġġett għandu jżomm l-identità tiegħu, li ma huwiex il-każ tal-partijiet maqlugħa sa fejn Sjelle Autogenbrug takkwista, fil-bidu, vettura sħiħa. Barra minn hekk, dan il-Gvern isostni li, minkejja li dawn il-partijiet maqlugħa jistgħu jiġu kklassifikati bħala “oġġetti użati”, l-applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt ma hijiex possibbli peress li l-prezz tax-xiri tal-imsemmija partijiet maqlugħa ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza.

31.      Jien ma naqbilx ma’ din il-perspettiva, u dan minħabba r-raġunijiet segwenti.

32.      Infakkar li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112, l-oġġetti użati huma ddefiniti bħala “proprjetà [oġġetti] mobbli tanġibbli li tista’ tiġi użata ulterjorment kif inhi jew wara li tissawwa, minbarra xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet u minbarra metalli prezzjużi jew ħaġar prezzjuż kif definit mill-Istati Membri”.

33.      Xejn ma jindika, f’din id-definizzjoni, u lanqas fil-korp ta’ din id-direttiva, li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi minn dan il-kunċett l-oġġetti li ġejjin, fil-bidu, minn oġġett wieħed u uniku, iżda li jista’ jiġi sseparat, bħal fil-każ tal-partijiet maqlugħa ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw.

34.      L-użu tal-kliem “li tista’ tiġi użata ulterjorment” fl-imsemmija definizzjoni juri li, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “oġġett użat”, skont il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112, oġġett għandu jkun jista’ jerġa’ jiġi użat mill-ġdid, u jeskludi mingħajr ambigwità l-oġġetti ġodda. Dan l-użu mill-ġdid jista’ jseħħ mingħajr ma jkun meħtieġ li l-oġġett jissewwa jew wara li dan jissewwa. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa s-sens li għandu jingħata lill-kliem “kif inhi jew wara li tissawwa”.

35.      Fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, l-element essenzjali sabiex jiġi kklassifikat “oġġett użat” huwa, fl-opinjoni tiegħi, li l-oġġett użat ikun żamm il-karatteristiċi li kellu meta kien ġdid. Mill-bqija, ninnota li fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Settembru 2000, dwar vetturi li m’ għadhomx jintużaw (6), il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa t-terminu “użu mill-ġdid” bħala “kull operat grazzi għal liema l-komponenti tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw huma wżati għall-istess għan għal dak li huma kienu maħsuba”. Il-partijiet ta’ vettura jissodisfaw perfettament dan ir-rekwiżit inkwantu, anki jekk maqlugħa minn din il-vettura, huma jżommu l-karatteristiċi inizjali tagħhom peress li jerġgħu jintużaw għall-istess raġunijiet f’vettura oħra. Ftit jimporta, għalhekk, li l-partijiet ikunu nqalgħu minn vettura.

36.      Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-użu mill-ġdid ta’ partijiet maqlugħa minn vetturi bil-mutur li ma għadhomx jintużaw huwa inkorraġġit b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan tal-aħħar, fil-premessa 5 tad-Direttiva 2000/53, jindika wkoll li jeżisti prinċipju fundamentali li l-iskart għandu jintuża mill-ġdid u jiġi rkuprat, u li għandha tingħata preferenza għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ. Dan l-għan jista’ jiġi kompromess jekk in-negozjanti taxxabbli, bħal Sjelle Autogenbrug, li jixtru vetturi bil-mutur sabiex jieħdu minnhom il-partijiet u jbigħhom bħala partijiet separati, ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ marġni ta’ profitt.

37.      Fl-aħħar nett, jekk il-partijiet maqlugħa minn vetturi bil-mutur li ma għadhomx jintużaw, mibjugħa bħala partijiet għal bdil, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “oġġetti użati”, skont id-Direttiva 2006/112, u sa fejn huma lanqas jistgħu jiġu kklassifikati bħala “oġġetti ġodda”, dan iwassal għal lakuna ġuridika li tikkonċerna t-trattament fiskali mogħti lil dawn il-partijiet.

38.      Konsegwentement, il-partijiet tal-vetturi li, wara li jkunu tneħħew minn vettura li ma għadhiex tintuża akkwistata minn impriża ta’ riċiklaġġ ta’ vetturi mingħand individwi, huma mibjugħa mill-ġdid bħala partijiet għal bdil għandhom jiġu kklassifikati bħala “oġġetti użati”.

39.      Wara li ġie stabbilit dan, għandu jiġi eżaminat jekk l-iskema ta’ marġni ta’ profitt tistax tiġi applikata għal dan it-tip ta’ oġġetti li huma l-partijiet maqlugħa. Fil-fatt, għalkemm id-domanda tirrigwarda biss il-kunċett ta’ “oġġetti użati”, hija xorta waħda saret fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija dwar jekk Sjelle Autogenbrug tistax tibbenefika mill-iskema partikolari ta’ marġni ta’ profitt fid-dawl tal-partikolarità tal-oġġetti kkonċernati. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tressqet quddiemha (7). Għalhekk, sabiex tirrispondi b’mod utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat jekk il-karatteristika tal-oġġetti użati kkonċernati tipprekludix, kif isostni l-Gvern Daniż, l-applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt għal Sjelle Autogenbrug.

40.      L-Artikolu 315 tad-Direttiva 2006/112 jindika li l-ammont taxxabbli ta’ din l-iskema, jiġifieri l-marġni ta’ profitt tan-negozjant taxxabbli, jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ tal-oġġett mitlub min-negozjant taxxabbli u l-prezz tax-xiri tiegħu. Id-diffikultajiet li tqajjem is-sitwazzjoni f’dan il-każ jikkonċernaw l-iffissar tal-prezz tax-xiri. Fil-fatt, il-partijiet maqlugħa ma nxtrawx bħala tali, iżda kienu jagħmlu parti minn ħaġa sħiħa, jiġifieri minn vettura, li għaliha tħallas prezz globali min-negozjant taxxabbli.

41.      Il-Gvern Daniż u dak Grieg jiddikjaraw li l-kumplessità tat-tranżazzjoni mwettqa waqt l-iskrappjar (il-ġbir, kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ kontra t-tniġġiż, trattament tal-iskart, eċċ...) tagħmel l-iffissar tal-prezz tax-xiri tal-partijiet maqlugħa impossibbli. Il-Gvern Daniż iqis, b’mod partikolari, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk titħalla l-applikazzjoni tal-iskema partikolari tal-marġni ta’ profitt, din twassal għal riskju ta’ abbuż jew ta’ evażjoni ta’ din l-iskema, inkwantu l-impriża jkollha l-possibbiltà li tirranġa l-prezzijiet tax-xiri b’mod li tikseb marġni ta’ profitt li jkun l-inqas possibbli, u b’hekk tikseb vantaġġ fir-rigward tal-VAT.

42.      Fl-opinjoni tiegħi, mill-mument li fih oġġett jiġi kklassifikat bħala “oġġett użat”, skont il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu topera l-persuna taxxabbli li qed terġa’ tbigħ dan l-oġġett għandu japplika l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, ikun x’ikun l-oġġett użat ikkonċernat.

43.      Fil-fatt, infakkar li, skont l-Artikolu 313(1) ta’ din id-direttiva “[g]ħar-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati […] magħmula minn negozjanti taxxabbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali għall-intaxxar tal-marġni ta’ profitt magħmul minn negozjant taxxabbli” (8). L-użu tal-preżent f’dan il-paragrafu, fl-opinjoni tiegħi, ma jħalli ebda marġni ta’ manuvra għall-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din l-iskema partikolari.

44.      L-iskema tal-marġni ta’ profitt tippermetti l-osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam (9). Hija ddeċidiet ukoll, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi prinċipju, inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, jipprekludi li t-tassazzjoni tal-attivitajiet professjonali ta’ persuna taxxabbli toħloq taxxa doppja (10).

45.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li differenza fit-trattament fir-rigward tal-VAT ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi jew li jixxiebhu mill-perspettiva tal-konsumatur u li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tiegħu hija biżżejjed sabiex tistabbilixxi ksur ta’ dan il-prinċipju (11). Barra minn hekk, hija indikat li l-imsemmi prinċipju jipprekludi li prestazzjonijiet ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mil-lat tal-VAT (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiediet li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jimplika t-tneħħija ta’ distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn trattament differenti mil-lat tal-VAT. Għalhekk, id-distorsjoni hija pprovata meta jiġi kkonstatat illi provvisti ta’ servizzi huma fi stat ta’ kompetizzjoni u huma ttrattati b’mod mhux ugwali mil-lat tal-VAT (13).

46.      L-iskema ta’ marġni ta’ profitt hija intiża għalhekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, sabiex tevita t-taxxi doppji kif ukoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari fil-qasam tal-oġġetti użati. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-għan doppju li għandha din l-iskema fil-punti 47 u 48 tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi (C-203/10, EU:C:2011:118).

47.      Fil-fatt, billi ma tintaxxax il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, iżda sempliċement il-marġni ta’ profitt, l-iskema tevita, minn naħa waħda, li dan l-oġġett mibjugħ mill-ġdid jintlaqat minn taxxa doppja u, min-naħa l-oħra, li n-negozjant taxxabbli jkun obbligat li jħallas lill-Istat Membru ammont ta’ VAT li minnu ma setax inaqqas dak li huwa ħallas bħala input, li jkollha bħala effett li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

48.      Issa, il-partijiet maqlugħa ta’ vettura bil-mutur, anki jekk huma inizjalment jagħmlu parti minn ħaġa sħiħa, ġew intaxxati bħala input waqt ix-xiri ta’ din il-vettura mill-individwu. Parti mill-prezz tal-bejgħ ta’ dawn il-partijiet huwa kompost għalhekk mill-prezz tax-xiri tal-vettura li ma ghadhiex tintuża li l-ammont tal-VAT tagħha diġà tħallas mill-bejjiegħ partikolari mingħajr il-possibbiltà la għal dan tal-aħħar u lanqas għan-negozjant taxxabbli li jnaqqsuh. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-għan intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ser ikun kompromess jekk l-oġġetti użati, bħall-partijiet maqlugħa minn vetturi bil-mutur, ma kinux jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ marġni ta’ profitt. Dan iwassal direttament għal preġudizzju għall-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT (14).

49.      Fir-rigward tal-għan intiż sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn persuni taxxabbli, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 7 tad-Direttiva 2006/112 tipprevedi li s-sistema komuni tal-VAT għandha twassal, anki jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet ma jkunux armonizzati b’mod sħiħ, għal newtralità fil-kompetizzjoni, b’mod li fit-territorju ta’ kull Stat Membru, l-oġġetti u s-servizzi simili jġorru l-istess piż ta’ taxxa, hu x’inhu t-tul taċ-ċiklu ta’ produzzjoni u tal-katina ta’ distribuzzjoni.

50.      Issa, ir-rifjut li tiġi applikata l-iskema ta’ marġni għal attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwassal preċiżament sabiex ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq is-suq tal-bejgħ ta’ partijiet użati maqlugħa bejn in-negozjanti taxxabbli li jbigħu mill-ġdid il-partijiet maqlugħa wara li jkunu neħħewhom minn vetturi li ma għadhomx jintużaw, bħal Sjelle Autogenbrug, u n-negozjanti taxxabbli li akkwistaw il-partijiet maqlugħa bħala tali.

51.      Fil-fatt, dawk tal-ewwel, peress li ma jistgħux jibbenefikaw mill-iskema partikolari, ikunu obbligati jħallsu lill-Istat Membru l-VAT li rċevew fuq il-prezz tal-bejgħ kollha tal-partijiet mingħajr ma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis. Il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom huma għalhekk bil-fors ogħla minn dawk tat-tieni grupp ta’ negozjanti taxxabbli li jibbenefikaw mill-iskema tal-marġni ta’ profitt, u joħolqu telf ta’ kompetittività fuq is-suq ta’ partijiet użati maqlugħa, sakemm ma jirrinunzjawx għal parti mid-dħul tal-bejgħ tagħhom. Din id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni twassal għall-ħolqien ta’ differenza ta’ trattament fir-rigward tal-VAT bejn żewġ provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu mill-perspettiva tal-konsumatur u li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tiegħu.

52.      Fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt għall-oġġetti użati bħal partijiet maqlugħa minn vetturi bil-mutur, jiena naħseb li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-mod li bih din l-iskema għandha tiġi applikata għas-sitwazzjoni inkwistjoni. Diversi Stati Membri adottaw soluzzjonijiet li jippermettu li jiġu ssorvolati l-problemi marbuta mal-iffissar tal-prezz tax-xiri ta’ partijiet maqlugħa.

53.      B’mod partikolari, fi Franza u fil-Lussemburgu, huwa previst, għall-kunsinni tal-oġġetti tal-arti, meta ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit bi preċiżjoni l-prezz tax-xiri mħallas minn negozjant taxxabbli lill-bejjiegħ jew meta l-prezz ma huwiex sinjifikattiv, li l-ammont taxxabbli jista’ jikkonsisti f’parti mill-prezz tal-bejgħ ugwali għal 30 % tiegħu (15).

54.      Minkejja li huwa veru li din is-soluzzjoni tirrigwarda l-oġġetti tal-arti, jidhirli li huwa possibbli li tiġi applikata għall-oġġetti użati li għalihom il-prezz tax-xiri huwa wkoll diffiċli li jiġi ffissat.

55.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-punt 310 tal-Bulletin officiel des finances publiques-Impôts (Franza) (16) jipprevedi li “dawk li jakkwistaw lottijiet mħallta (fabbrika li ngħalqet jew materjal għall-iskrap, pereżempju) huma obbligati jagħmlu selezzjoni, li fi tmiemha jistabbilixxu n-natura eżatta tal-prodotti li ser ibigħu mill-ġdid, peress li wħud minn dawn il-prodotti jistgħu jiġu rkuprati sabiex jerġgħu jidħlu fiċ-ċiklu ta’ produzzjoni, filwaqt li oħrajn jikkostitwixxu oġġetti użati li jistgħu jerġgħu jiġu użati. Għal dawn tal-aħħar, jekk ma jkunx magħruf il-prezz tax-xiri korrispondenti, huwa aċċettat li l-ammont taxxabbli jiġi stabbilit bħala nofs il-prezz tal-bejgħ” (17).

56.      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-metodu globali għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala soluzzjoni oħra għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ profitt. Fil-fatt, l-Artikolu 318 tad-Direttiva 2006/112, li ġie traspost permezz tal-Artikolu 70(5) tal-Liġi dwar il-VAT tal-2013, jindika li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, l-ammont taxxabbli ma għandux jiġi stabbilit b’mod individwali għal kull kunsinna ta’ oġġett, iżda b’mod globali fuq perijodu. F’dan il-każ, l-ammont taxxabbli jikkorrispondi, fil-perijodu ta’ riferiment, għad-differenza bejn l-ammont totali ta’ kunsinni ta’ oġġetti suġġetti għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt u li twettqu min-negozjant taxxabli matul il-perijodu taxxabbli msemmi fid-dikjarazzjoni, jiġifieri l-ammont totali tal-prezz tal-bejgħ, u l-ammont totali tax-xirjiet ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 314 tad-Direttiva 2006/112 u mwettqa, matul il-perijodu taxxabbli msemmi fid-dikjarazzjoni, min-negozjant taxxabbli, jiġifieri l-ammont totali tal-prezzijiet tax-xiri.

57.      Kif issostni Sjelle Autogenbrug, jidher li, skont il-prassi Daniża, dan il-metodu globali jista’ jiġi applikat meta n-negozjant taxxabbli jixtri oġġetti li ġejjin minn wirt li l-fattura jew il-kont tagħhom jinkludi prezz mhux għal kull oġġett, iżda għall-wirt kollu, filwaqt li l-prezz ta’ kull oġġett individwali ma jkunx magħruf.

58.      Għalhekk, il-metodu ġenerali jidhirli li jista’ jiġi trapost għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’hekk, il-marġni ta’ profitt jiġi kkalkolat fuq perijodu stabbilit. Ikun jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont ta’ bejgħ ta’ partijiet maqlugħa li sar f’dan il-perijodu u l-ammont ta’ xiri ta’ dawn il-partijiet maqlugħa. Sabiex jiġi kkalkolat dan l-aħħar ammont, jista’ jiġi kkunsidrat li mill-ammont ta’ xiri ta’ vetturi bil-mutur li ma għadhomx jintużaw jitnaqqas l-ammont tal-operazzjonijiet kontra t-tniġġiż u tat-trattament tal-iskart, servizzi li għalihom Sjelle Autogenbrug tiffattura prezz standard, u l-ammont tal-bejgħ ta’ skrap tal-ħadid jew ta’ kwalunkwe provvista oħra. Għalhekk, ladarba dawn l-ammonti kollha jitnaqqsu mill-prezzijiet tax-xiri tal-vetturi, jibqa’ ammont li jikkorrispondi għall-prezz tax-xiri tal-partijiet kollha maqlugħa ta’ kull vettura f’dan il-perijodu partikolari.

59.      Fi kwalunkwe każ, u kif jien indikajt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-mod li bih l-iskema ta’ marġni ta’ profitt għandha tiġi applikata għas-sitwazzjoni inkwistjoni.

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “oġġetti użati” jinkludi l-partijiet minn vetturi li, wara li jkunu tneħħew minn vettura li ma għadhiex tintuża, mixtrija mingħand individwu minn impriża ta’ riċiklaġġ ta’ vetturi, jinbiegħu mill-ġdid bħala partijiet għal bdil, sabiex b’hekk jippermettu li l-iskema tal-marġni ta’ profitt tiġi applikata fil-konfront tan-negozjant taxxabbli.

IV – Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Punent, id-Danimarka) bil-mod segwenti:

Il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “oġġetti użati” jinkludi l-partijiet ta’ vetturi li, wara li jkunu nqalgħu minn vettura li ma għadiex tintuża, mixtrija mingħand individwu minn impriża ta’ riċiklaġġ ta’ vetturi, jinbiegħu mill-ġdid bħala partijiet ta’ bdil, sabiex b’hekk jippermettu li l-iskema tal-marġni ta’ profitt tiġi applikata fil-konfront tan-negozjant taxxabbli.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).


3–      Ara l-punt 2.1, p 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju


4–      Direttiva tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 1994, li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE - Arranġamenti speċjali applikabbli għal oġġetti wżati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 255).


5–      Ara l-premessa 51 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi (C-203/10, EU:C:2011:118, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 224.


7 –      Ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio (C-233/15, EU:C:2016:305, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Il-korsiv miżjud minni.


9–      Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2015, GST – Sarviz Germania (C-111/14, EU:C:2015:267, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10–      Ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, NLB Leasing (C-209/14, EU:C:2015:440, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11–      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group (C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 36).


12–       Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group (C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 36).


13–      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, A (C-33/11, EU:C:2012:482, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Puffer (C-460/07, EU:C:2009:254, punti 45 kif ukoll 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-22 ta’ Marzu 2012, Klub (C-153/11, EU:C:2012:163, punt 42).


15–      Ara, rispettivament, l-Artikolu 297 A, III tal-Kodiċi ġenerali tat-taxxi (Franza) u l-Artikolu 56(b-1)(4) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-Lussemburgu).


16–      BOI-TVA-SECT-90-20-20150506.


17 – Il-korsiv miżjud minni.