Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C-496/15

Alphonse Eschenbrenner

vs

Bundesagentur für Arbeit

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landessozialgericht Rheinland-Pfalz (qorti superjuri li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tar-Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ħaddiem transkonfinali suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru ta’ residenza – Direttiva 2008/94/KE – Benefiċċju mħallas mill-Istat Membru tal-impjieg f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Modalitajiet ta’ kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni fittizju tat-taxxa fuq is-salarji tal-Istat Membru tal-impjieg”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2015 mil-Landessozialgericht Rheinland-Pfalz (qorti superjuri li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tar-Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (2).

2.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Eschenbrenner, ċittadin Franċiż residenti fi Franza, u l-Bundesagentur für Arbeit (Aġenzija Federali għall-Impjieg, Ġermaniża iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”). Din il-kawża tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni fittizju mill-Aġenzija tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniżi waqt il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju għal insolvenza dovut lil A. Eschenbrenner wara l-insolvenza tal-persuna li timpjegah fil-Ġermanja.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

3.        L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Fiskali mal-Ġermanja ffirmata f’Pariġi, fil-21 ta’ Luju 1959, bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ħelsien mit-taxxa doppja u t-twaqqif ta’ regoli ta’ assistenza amministrattiva u legali reċiproki fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u l-assi, kif ukoll fil-qasam tat-taxxi fuq in-negozju u t-taxxi fuq il-proprjetà (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni Fiskali”) jipprevedi:

“(1)      Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi li ġejjin, id-dħul minn impjieg dipendenti huwa taxxabbli biss fl-Istat kontraenti fejn tiġi eżerċitata l-attività personali li minnha jirriżulta dan id-dħul. […]

[…]

(5)      (a)      B’deroga [għall-paragrafu (1)], id-dħul minn impjieg dipendenti ta’ persuni li jaħdmu fiż-żona transkonfinali ta’ Stat kontraenti u li għandhom l-abitazzjoni permanenti tagħhom fiż-żona transkonfinali tal-Istat kontraenti l-ieħor fejn normalment jirritornaw kuljum, huma taxxabbli biss f’dak l-Istat Membru l-ieħor;

[…]”

4.        L-Artikolu 14 ta’ din il-Konvenzjoni Fiskali jipprovdi

“(1)      Il-pagi, salarji u remunerazzjonijiet analogi, kif ukoll il-pensjoni tal-irtirar mħallsa minn wieħed mill-Istati kontraenti, minn Land jew minn persuna ġuridika tad-dritt pubbliku ta’ dak l-Istat jew Land lil persuni fiżiċi residenti fl-Istat l-ieħor għal servizzi amministrattivi jew militari attwali jew preċedenti, huma taxxabbli biss fl-ewwel Stat. […]

(2)      Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-paragrafu (1) japplikaw ukoll:

1.      Għall-ammonti mħallsa bħala assigurazzjoni soċjali legali;

[…]”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Regolament Nru 492/2011

5.        L-Artikolu 7 tal-Kapitolu I, intitolat “L-Impjieg, l-Ugwaljanza fit-Trattament u l-Familji tal-Ħaddiema”, fit-Taqsima 2 intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament” tar-Regolament Nru 492/2011 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

[…]”

3.      Direttiva 2008/94/KE

6.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (3), jistipula dan li ġej:

“1      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).

[…]”

7.        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-persuna li timpjega hija kkunsidrata, għall-finijiet ta’ din l-istess direttiva, li tinsab fi stat ta’ insolvenza. Skont l-Artikolu 2(2) :

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, ‘dritt li jagħti titolu immedjat’ u ‘dritt li jagħti titolu prospettiv’.

[…]”

8.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri”.

9.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jkollhom il-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tal-garanzija imsemmija fl-Artikolu 3.

2.      Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perijodu ta’ żmien li jkopri r-rimunerazzjoni ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3.

[…]

 3.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Dawn il-limiti massimi m’għandhomx jaqgħu taħt livell li jkun soċjalment kompatibbli ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.

[…]”

C –    Id-dritt Ġermaniż

10.      L-Artikolu 3 tal- Einkommensteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul) jipprevedi dan li ġej :

“Huma eżentati

[…]

2. […]

(b) benefiċċju għal insolvenza, […]”

11.      Is-Sozialgesetzbuch [Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (SGB)] jistipula dan li ġej fl-Artikolu 165(1) tal-Ktieb III tiegħu (iktar ’il quddiem is-“SGB III”):

“(1) Il-ħaddiema għandhom id-dritt ta’ benefiċċju għal insolvenza meta jeżerċitaw impjieg fit-territorju nazzjonali u meta, minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, huma għandhom jieħdu salarji mhux imħallsa li jirrigwardaw l-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom”.

12.      L-Artikolu 167 tas-SGB III, intitolat “Ammont”, jipprevedi dan li ġej:

“(1)      Il-benefiċċju għal insolvenza jitħallas fl-ammont tar-remunerazzjoni netta, li huwa ugwali għar-remunerazzjoni gross, sal-limitu massimu ta’ salarju mensili previst fl-Artikolu 341(4) tas-SGB III, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet legali.

(2)

[…]

2.      jekk il-ħaddiem ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fit-territorju nazzjonali u lanqas suġġett għal taxxa fuq il-benefiċċju għal insolvenza skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għalih, mir-remunerazzjoni għandhom jitnaqqsu t-taxxi li kien ikun suġġett għalihom fuq din ir-remunerazzjoni kieku l-ħaddiem kien suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fit-territorju nazzjonali”.

13.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 169 tas-SGB III, intitolat “Surroga” tipprevedi:

“Id-dejn ta’ salarji li huwa l-bażi tad-dritt ta’ benefiċċju għal insolvenza jgħaddi permezz ta’ surroga fuq [l-Aġenzija] meta jintalab benefiċċju għal insolvenza”.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      A. Eschenbrenner, ta’ nazzjonalità Franċiża, huwa residenti fi Franza. Huwa ilu jaħdem sa mis-sena 1996 ma’ impriża Ġermaniża bħala ħaddiem transkonfinali fis-sens tal-Konvenzjoni Fiskali. Konsegwentement, id-dħul li jirċievi fil-Ġermanja huwa suġġett għat-taxxa fi Franza.

15.      Fid-29 ta’ Ġunju 2012, infetħet proċedura ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega lil A. Eschenbrenner.

16.      Is-salarji u l-pagi ta’ A. Eschenbrenner kienu tħallsu kollha sax-xahar ta’ Marzu 2012. Fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ pre-finanzjament, il-likwidatur provviżorju ħallas lil A. Eschenbrenner remunerazzjoni fl-ammont ta’ EUR 3,550.24 għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April u t-28 ta’ Ġunju 2012. Mid-dikjarazzjoni dwar il-benefiċċju għal insolvenza magħmula mil-likwidatur, jirriżulta li A. Eschenbrenner kien kreditur fl-ammont ta’ EUR 5,571.88 fir-rigward tal-perijodu ċċitat iktar ’il fuq (4).

17.      Fit-13 ta’ Lulju 2012, A. Eschenbrenner talab il-ħlas ta’ benefiċċju għal insolvenza. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lujlu 2012, ingħata l-ammont totali ta’ EUR 356.77 bħala dan il-benefiċċju. L-Aġenzija kkalkolat dan l-ammont billi naqset mir-remunerazzjoni gross ta’ A. Eschenbrenner, kemm il-kontribuzzjonijiet soċjali, l-ammont imħallas f’April 2012, l-ammont mogħti mil-likwidatur provviżorju bħala prefinanzjament, kif ukoll ammont fittizju tat-taxxa fuq is-salarji previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

18.      A. Eschenbrenner argumenta, fl-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni, li t-teħid inkunsiderazzjoni fittizju tat-taxxa Ġermaniża fuq is-salarji jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li huwa ma kienx suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja. B’deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2012, l-Aġenzija ċaħdet dan l-ilment għar-raġuni li l-ammont tal-benefiċċju kien korrettament ikkalkolat b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Ġermanja.

19.      Fit-18 ta’ Ottubru 2012, A. Eschenbrenner ippreżenta rikors quddiem is-Sozialgericht (qorti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali). Huwa argumenta li l-metodu ta’ kalkolu tal-benefiċċju għal insolvenza previst fl-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III ma kienx konformi mal-Artikolu 45 TFUE għaliex kellu effett negattiv fuq is-sitwazzjoni tiegħu ta’ ħaddiem transkonfinali. Skont A. Eschenbrenner, il-ħaddiema Ġermaniżi jirċievu bħala benefiċċju ta’ insolvenza ammont rappreżentanti l-100 % tad-dħul nett preċedenti tagħhom, filwaqt li fil-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem transkonfinali normalment taxxabbli fi Franza, huwa rċieva ammont ferm inferjuri mid-dħul nett preċedenti tiegħu minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod fittizju, tat-taxxa fis-seħħ fil-Ġermanja, ferm ogħla minn dik applikabbli fi Franza.

20.      Is-Sozialgericht (qorti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali) ċaħdet ir-rikors permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2013. Fid-9 ta’ Diċembru 2013, A. Eschenbrenner ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

21.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ammont tal-benefiċċju għal insolvenza għandu fil-prinċipju ikun ugwali għar-remunerazzjoni netta. Madankollu, bl-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu previst fl-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III, dan il-benefiċċju ma jippermettix li l-ħaddiema transkonfinali jkunu kkumpensati preċiżament ir-remunerazzjoni netta preċedenti tagħhom. Hija tirrileva li fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, EU:C:2004:537) u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C-172/11, EU:C:2012:399), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat rispettivament, li t-tnaqqis fittizju tat-taxxa fuq id-dħul dovuta fil-Ġermanja waqt il-kalkolu, minn naħa waħda, tal-ammont tal-benefiċċju addizzjonali temporanju favur ex-impjegati ċivili mal-Forzi Alleati fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, tal-ammont taż-żieda tal-pagi mħallsa lill-ħaddiema taħt skema ta’ xogħol part-time, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.

22.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li bid-differenza għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni f’dawn l-aħħar żewġ kawżi, l-Artikolu 1647(2)(2) tas-SGB III fil-fatt ma jwassalx għal taxxa doppja peress li f’dan il-każ hija biss it-taxxa dovuta fil-Ġermanja li hija meħuda inkunsiderazzjoni b’mod fittizju waqt il-kalkolu tal-benefiċċju għal insolvenza.

23.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni tas-Sozialgericht (qorti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali) li tipprovdi li l-benefiċjarji tal-benefiċċju għal insolvenza għandhom kreditu kontra l-persuna li timpjegahom, għal dak li jirrigwarda l-parti tas-salarju gross tagħhom marbuta mat-taxxa. Fil-fatt, anki jekk il-ħaddiem transkonfinali għandu kreditu kontra l-persuna li timpjegah, xorta huwa meħtieġ sforz ikbar min-naħa tiegħu u fuq kollox huwa inqas protett mill-ħaddiem Ġermaniż, peress li ma huwiex improbabbli, skont il-qorti tar-rinviju, li l-kreditu tiegħu ma jitħallasx meta jitqassmu l-assi fil-proċedura ta’ insolvenza. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li tali interpretazzjoni tista’ tmur kontra d-Direttiva 2008/94 li tipprovdi, fil-prinċipju, kumpens sħiħ tad-djun ta’ salarji mhux imħallsa.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landessozialgericht Rheinland-Pfalz (qorti superjuri li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Rheinland-Pfalz,), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u/jew sekondarju tal-Unjoni [b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2001] li, fir-rigward ta’ ħaddiem li inizjalment kien impjegat fil-Ġermanja, li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, li ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja u li, skont dispożizzjonijiet li japplikaw għalih, ma huwiex responsabbli mill-ħlas tat-taxxa fuq benefiċċju għal insolvenza, li, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, titnaqqas b’mod fittizju, mis-salarju li sservi bħala bażi għall-kalkolu tal-benefiċċju għal insolvenza li għandu dritt għalih, it-taxxa li kienet tinġabar mir-remunerazzjoni kieku l-ħaddiem kien suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, meta huwa ma jistax iktar jitlob mingħand il-persuna li timpjegah parti mis-salarju gross li tibqa’ dovuta?

(2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ikun hemm kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u/jew sekondarju tal-Unjoni, jekk il-ħaddiem li jsib ruħu fis-sitwazzjoni preċedentement deskritta jkun jista’ jibqa’ jinvoka kontra l-persuna li timpjegah id-dejn li jikkorrispondi mal-parti mis-salarju gross li tibqa’ dovuta?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn tal-aħħar għamlu wkoll osservazzjonijiet orali matul is-seduta li saret fis-7 ta’ Lulju 2016.

V –    Analiżi

26.      Permezz tad-domandi tagħha, li jiena nikkunsidra opportun li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III, li għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni eżistenti għall-ħaddiema li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja (5), ma jiżgurax lill-ħaddiema transkonfinali li la huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja u lanqas responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa fi Franza fuq il-benefiċċju għal insolvenza, benefiċċju għal insolvenza ekwivalenti għar-remunerazzjoni netta preċedenti tagħhom.

27.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-eżistenza jew le ta’ possibbiltà li ħaddiem transkonfinali jitlob mingħand il-persuna li timpjegah il-ħlas li jikkorrispondi għal parti mis-salarju gross li għadu dovut, għandhiex effett fuq il-kwistjoni f’din il-kawża.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

28.      Il-benefiċċju għal insolvenza mħallas lil A. Eschenbrenner mill-Aġenzija huwa marbut mad-djun salarjali li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ xogħol għall-perijodu bejn l-1 ta’ April u t-2  ta’ Ġunju 2012, jiġifieri, ta’ tliet xhur.

29.      Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li skont l-Artikolu 167(1) tas-SGB III, il-benefiċċju għal insolvenza jitħallas fl-ammont tar-remunerazzjoni netta tal-ħaddiem, li huwa ugwali għar-remunerazzjoni gross (6), wara li titnaqqas it-taxxa fuq id-dħul applikabbli fil-Ġermanja.

30.      Madankollu, skont l-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III (7), fil-każ ta’ ħaddiem transkonfinali bħal A. Eschenbrenner li la huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja u lanqas huwa responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-benefiċċju għal insolvenza skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għalih fi Franza, minn dan il-benefiċċju titnaqqas b’mod fittizju, it-taxxa fuq id-dħul applikabbli fil-Ġermanja.

31.      Għalhekk, jekk il-ħaddiema transkonfinali inkwistjoni jitqiegħdu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-ħaddiema suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-benefiċċju għal insolvenza mogħti, għall-kuntrarju tal-ħaddiema suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja huma ma jirċevux benefiċċju għal insolvenza ekwivalenti għar-remunerazzjoni netta preċedenti tagħhom.

32.      Għalhekk il-benefiċċju li huma jirċievu ma jippermettix li tiġi kkumpensata r-remunerazzjoni netta preċedenti ta’ ħaddiem transkonfinali bħal A. Eschenbrenner, għaliex il-parti fittizja korrispondenti għat-taxxa fuq id-dħul applikabbli fil-Ġermanja hija ogħla mit-taxxa fuq id-dħul applikabbli fi Franza preċedentement (8), skont il-Konvenzjoni Fiskali.

B –    Fuq in-nuqqas ta’ taxxa doppja u l-kompetenza fiskali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

33.      Mit-talba għad-deċiżjoni preliminari jirriżulta li ġew introdotti miżuri ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja tal-benefiċċju għal insolvenza, fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, minn naħa waħda, bl-Artikolu 14(2)(1) tal-Konvenzjoni Fiskali, li jistipula li d-dritt tal-intaxxar tal-benefiċċju għal insolvenza ta’ ħaddiema transkonfinali bħal A. Eschenbrenner jappartjeni biss lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u min-naħa l-oħra, bl-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III (9), li jipprovdi t-tnaqqis tat-taxxi fittizji, kif ukoll bl-Artikolu 3(2)(b) tal-Einkommensteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul), li jistipula li l-benefiċċju għal insolvenza huwa eżentat mit-taxxi.

34.      Fid-dawl tan-nuqqas ta’ taxxa doppja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxix miżura diskriminatorja fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali inkwistjoni, inkompatibbli mal-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 482/2011.

35.      Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, EU:C:2004:537, punt 37) (10), u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C-172/11, EU:C:2012:399) (11), ir-raġunament tal-Qori tal-Ġustizzja kien ibbażat, tal-inqas parzjalment, fuq il-fatt li ħaddiem transkonfinali kien espost għal riskju ta’ taxxa doppja.

36.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni, b’mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja, billi japplikaw, b’mod partikolari, il-kriterji segwiti fil-prassi fiskali internazzjonali (12).

37.      Għalhekk nikkunsidra li d-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jintaxxa l-benefiċċju għal insolvenza tal-ħaddiema transkonfinali bħal A. Eschenbrenner konformi mal-Konvenzjoni Fiskali u mal-leġiżlazzjoni interna tagħha ma għandhiex tiġi kkontestata (13). Din il-konklużjoni (u b’mod iktar partikolari l-fatt li f’din il-kawża l-Konvenzjoni Fiskali hija osservata u ma hemmx taxxa doppja) ma għandhiex madankollu l-konsegwenza awtomatika li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija konformi mad-dritt tal-Unjoni (14).

C –    Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari

38.      L-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE fl-oqsma speċifiċi tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol kif ukoll l-għoti ta’ vantaġġi soċjali. Għalhekk l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jkun interpretat bl-istess mod bħall-Artikolu 45(2) TFUE (15).

39.      Ir-regola tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilita kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni manifesta, ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, iżda anki kull forma ta’ diskriminazzjoni mhux manifesta li, b’applikazzjoni ta’ kriterji ta’ distinzjoni oħra, twassal fil-fatt għall-istess riżultat. Sakemm ma hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, minkejja li ma tagħmilx distinzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja, meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar il-ħaddiema migranti miċ-ċittadini nazzjonali u li konsegwentement toħloq riskju li tqiegħed fi żvantaġġ b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel (16). Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali (17).

40.      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod (18).

41.      Għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju ma tistabbilixxix b’mod ċar jekk il-benefiċċju għal insolvenza jikkostitwixxix “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jew “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament (19). Madankollu, peress li skont din il-qorti u skont l-Artikolu 14(2)(1) tal-Konvenzjoni Fiskali, benefiċċju għal insolvenza huwa taxxabbli fil-pajjiż li fih jingħata (20), hemm lok li jiġi dedott, fl-opinjoni tiegħi, li għal din il-qorti, dan il-benefiċċju jitħallas bħala “assigurazzjoni soċjali legali” u jikkostitwixxi vantaġġ soċjali. Nirrileva wkoll li l-Gvern Ġermaniż isostni fl-osservazzjonijiet tiegħu l-fatt li benefiċċju għal insolvenza jikkostitwixxi vantaġġ soċjali mħallas għall-promozzjoni tal-impjieg.

42.      Fi kwalunkwe każ, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ftit huwa rilevanti jekk benefiċċju għal insolvenza jaqax taħt il-paragrafu (1) jew (2) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet japplikaw il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE.

43.      Lil hinn mill-Artikoli 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, jidhirli li huwa opportun li d-Direttiva 2008/94 tidħol fir-raġunament, anki jekk ma hijiex iċċitata fid-domandi preliminari.

D –    Id-Direttiva 2008/94

44.      Ladarba d-Direttiva 2008/94, fl-Artikolu 3 tagħha, tistabbilixxi obbligu ta’ ħlas ta’ djun mhux imħallsa dovuti lill-impjegati (21), il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-benefiċċju għal insolvenza mħallas lil A. Eschenbrenner għandha tkun evalwata fid-dawl tal-għan soċjali tal-imsemmija direttiva.

45.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ħlas ta’ djun salarjari, min-natura tiegħu stess, huwa ta’ importanza kbira ħafna għall-persuna kkonċernati (22).

46.      Barra minn hekk, fis-sentenza tas- ta’ Novembru 2011, van Ardennen (C-435/10, EU:C:2011:751, punti 27 u 28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (23), li d-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu essenzjalment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 (24), huwa li tiżgura lill-impjegati kollha fil-livell tal-Unjoni Ewropea minimu ta’ protezzjoni (25) f’każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjega u dan għall-ħlas tal-krediti mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jibqgħu dovuti matul perijodu ddeterminat. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex istituzzjonijiet ta’ garanzija jiżguraw, mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, il-ħlas tal-krediti mhux imħallsa tal-impjegati.

47.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94 jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jillimitaw l-obbligu tal-ħlas billi jistabbilixxu perijodu ta’ referenza jew perijodu ta’ garanzija u/jew jistabbilixxu limiti massimi għall-ħlas (26)

48.      Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-fakoltà, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/94 li jillimitaw l-obbligu tal-ħlas għal perijodu partikolari, stabbilit skont il-modalitajiet tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva (27). F’dan ir-rigward, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċju għal insolvenza jirrigwarda l-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol u dan skont l-Artikolu 165(1) tas-SGB III.

49.      Barra minn hekk, l-ewwel inċiż talArtikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi l-fakultà lill-Istati Membri li jistabbilixxu limitu massimu għal garanzija tal-ħlas ta’ krediti dovuti lill-impjegati sabiex jevitaw il-ħlas ta’ ammonti li jmorru lil hinn mill-għan soċjali ta’ din id-direttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minkejja li l-Istati Membri għandhom id-dritt jistabbilixxu limitu massimu għal garanzija ta’ krediti dovuti, huma għandhom jiżguraw, fil-limitu ta’ dan il-limitu massimu, il-ħlas tal-krediti dovuti kollha inkwistjoni (28).

50.      Madankollu, minkejja li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiżguraw il-ħlas ta’ krediti dovuti lill-impjegati, jiena naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż li jipprovdu li “[m]adankollu din id-direttiva ma tipprovdi ebda dispożizzjoni dwar jekk dawn jirrigwardawx valuri gross jew valuri netti u dwar il-mod li bih, jekk ikun il-każ, għandu jsir it-trattament fiskali tal-benefiċċju għal insolvenza”. Fil-fatt, id-Direttiva 2008/94 ma tirregolax it-trattament fiskali tal-krediti inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom għalhekk id-dritt li jintaxxaw jew le l-benefiċċju li jikkorrispondi għall-krediti dovuti lill-impjegati. Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet effettivament, b’applikazzjoni tal-Artikolu 167(1) tas-SGB III u tal-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III li tintaxxa l-ammont tal-krediti dovuti riċevuti mill-ħaddiema.

51.      Fir-rigward tal-ħaddiema li jirresjedu fil-Ġermanja, il-benefiċċju għal insolvenza jitħallas daqs ir-remunerazzjoni netta. Minn dan isegwi li għal dawn tal-aħħar, il-benefiċċju għal insolvenza huwa bħala regola, ekwivalenti għas-salarju nett tagħhom li kienu jirċievu qabel bħala ħaddiema attivi. Għalhekk, għall-perijodu inkwistjoni, is-sitwazzjoni salarjari netta ta’ dawn il-ħaddiema hija kkostitwita mill-ġdid b’mod retroattiv peress li jirċievu s-salarju nett tagħhom preċedenti.

52.      Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali li jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ A. Eschenbrenner, it-tnaqqis, b’mod fittizju, tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża waqt id-determinazzjoni tal-benefiċċju għal insolvenza skont l-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III ma jilħaqx l-istess riżultat (29).

53.      Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni fittizju tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża għandha effett żfavorevoli għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema transkonfinali bħal A. Eschenbrenner u tpoġġihom fi żvantaġġ meta mqabbla mal-ħaddiema li jirresjedu fil-Ġermanja. Għall-kuntrarju ta’ dawn tal-aħħar, is-sitwazzjoni salarjari netta tal-ħaddiema transkonfinali għall-perijodu inkwistjoni ma hijiex ikkostitwita jew stabbilita mill-ġdid b’mod retroattiv (30).

54.      Jidher għalhekk li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tittratta l-ħaddiema transkonfinali bl-istess mod bħal ħaddiema residenti fil-Ġermanja meta dawn jinsabu f’sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli (31). Fil-fatt, qabel l-insolvenza tal-persuna li timpjegah, A. Eschenbrenner kien suġġett għat-taxxa fi Franza u kien jirċievi dħul nett ikbar minn dak ta’ impjegat li jinsab f’sitwazzjoni identika tiegħu, iżda li huwa residenti f’dan l-aħħar Stat Membru.

55.      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III ma għandux bħala effett prinċipali l-fatt li joħloq żvantaġġ għall-ħaddiema migranti u għall-ħaddiema transkonfinali. Skont dan il-Gvern, skont il-partikolaritajiet ta’ kull każ, u b’mod partikolari skont ir-rata tat-taxxa individwali tal-ħaddiema fi Stati Membri differenti tal-Unjoni, tali dispożizzjoni jista’ jkollha, każ b’każ, effetti favorevoli jew żfavorevoli fuq is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem transkonfinali skont jekk l-ogħla taxxa tkunx it-taxxa Ġermaniża jew dik tal-Istat Membru l-ieħor.

56.      Għandu jiġi enfasizzat li l-konsegwenzi sfavorevoli, anki dawk favorevoli, li jistgħu jwasslu għal differenzi bejn ir-rati ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri, li l-istabbiliment tagħhom, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, ma jistgħux fihom innifishom jikkostitwixxu diskrimazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni (32).

57.      Madankollu, meta l-benefiċċju għal insolvenza mħallas minn Stat Membru lil ħaddiem jikkorrispondi għar-remunerazzjoni tiegħu li kien jirċievi qabel għall-impjieg u intiż għalhekk sabiex jistabbilixxi mill-ġdid l-istatus quo ta’ qabel l-insolvenza tal-persuna li timpjega, li huwa konformi mal-għan tad-Direttiva, dan l-Istat Membru għandu jiżgura l-istess trattament għall-ħaddiema transkonfinali (33).

58.      Għalhekk, fil-każ ta’ ħaddiem transkonfinali, l-applikazzjoni fittizja tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża tipprevjeni li l-ammont tal-benefiċċju għal insolvenza jikkorrispondi għar-remunerazzjoni netta li kien jirċievi qabel, għall-kuntrarju tal-każ tal-ħaddiema li jirresjedu fil-Ġermanja (34) u tikkostitwixxi diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 (35) (36).

59.      Nikkunsidra wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikser l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 għaliex ma tiżgurax, fil-limitu massimu stabbilit bl-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva, il-ħlas tal-krediti dovuti inkwistjoni kollha. Fil-fatt, għalkemm id-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tintaxxa dawn il-krediti ma huwiex ikkontestat, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt permezz ta’ tnaqqis, b’mod fittizju tat-taxxa Ġermaniża, f’dan il-każ ogħla mit-taxxa Franċiża applikabbli qabel, jikser l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 u s-sistema ta’ protezzjoni minima prevista mill-imsemmija direttiva.

60.      Barra minn hekk, peress li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94, il-ħlas tal-krediti dovuti għandu jiġi żgurat mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija, l-Aġenzija għandha tiżgura kemm għall-ħaddiema residenti, kif ukoll għall-ħaddiema transkonfinali l-ħlas tar-remunerazzjoni netta tagħhom. Minn dan isegwi li l-fatt li l-benefiċjarji tal-benefiċċju għal insolvenza jżommu eventwalment (37) kreditu kontra l-persuna li timpjegahom, għal dak li jirrigwarda l-parti tas-salarju gross tagħhom marbuta mat-taxxa fl-opinjoni tiegħi ma huwiex rilevanti u ma għandux effett fuq l-eżitu tal-kawża.

VI – Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mil-Landessozialgericht Rheinland-Pfalz (qorti superjuri li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tar-Rheinland-Pfalz) kif ġej:

L-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni eżistenti għall-ħaddiema suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru inkwistjoni, ma tiżgurax lill-ħaddiema transkonfinali li ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-aħħar Stat Membru u lanqas responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-benefiċċju għal insolvenza skont id-dispożizzjonijiet li huma applikabbli għalihom fi Stat Membru ieħor, benefiċċju għal insolvenza ekwivalenti għar-remunerazzjoni netta preċedenti tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 2011, L 141, p. 1.


3 – ĠU 2008, L 283, p. 36.


4 – L-ammont ta’ EUR 1,094.57 jirrappreżenta l-kontribuzzjonijiet soċjali, jiġifieri EUR 379.11, EUR 371.23 u EUR 344.23 għax-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju 2012 rispettivament, kellhom jitnaqqsu mill-ammont indikat. Barra minn hekk A. Eschenbrenner ħa għax-xahar ta’ April l-ammont ta’ EUR 36.90, fir-rigward ta’ spejjeż, liema ammont kien diġà inkluż fl-ammont ta’ EUR 5,571.88.


5 – Ara l-Artikolu 167(1) tas-SGB III.


6 – Skont il-limitu massimu tas-salarju mensili previst fl-Artikolu 341(4) tas-SGB III. Ma jidhirlix li dan il-limitu massimu huwa kkontestat fil-kawża prinċipali.


7 – Skont il-Gvern Ġermaniż, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni kontra r-regola prevista fl-Artikolu 167(1) tas-SGB III.


8 – Jiġifieri qabel l-insolvenza tal-persuna li timpjegah.


9 – Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 167(2)(2) tas-SGB III, li jipprovdi b’mod partikolari t-tnaqqis tat-taxxi fittizji, ma jinstabx fil-Kodiċi Fiskali Ġermaniż. Madankollu, jiena nikkunsidra li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi miżura fiskali, minkejja l-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali.


10 – F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, prevista minn ftehim kollettiv, li tipprovdi li l-ammont ta’ benefiċċju soċjali bħal ma huwa l-benefiċċju temporanju flimkien mal-benefiċċju minħabba qgħad, mogħti lill-impjegati fil-każ li jispiċċaw bla xogħol u li jitħallas mill-Istat Membru ta’ impjieg lil ħaddiem li jirresjedi u huwa taxxabbli fi Stat Membru ieħor, ikun ikkalkulat b’tali mod li t-taxxa fuq il-pagi dovuta fl-Istat Membru tal-impjieg titnaqqas b’mod fittizju meta ssir id-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu tal-imsemmi benefiċċju, minkejja li, skont ftehim intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, is-salarji, il-pagi u r-remunerazzjonijiet analogi mħallsa lill-ħaddiema li mhumiex residenti f’dan l-Istat huma biss suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar.


11 – Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C-172/11, EU:C:2012:399), żieda mħallsa mill-persuna li timpjega fil-kuntest ta’ skema tal-irtirar kmieni progressiv kienet ikkalkolata b’tali mod li t-taxxa fuq is-salarji dovuta mill-ħaddiem fl-Istat Membru tal-impjieg kienet imnaqqsa minn din iż-żieda, filwaqt li skont ftehim fiskali intiż sabiex jevita taxxa doppja, il-pagi anologi mħallsa lill-ħaddiema transkonfinali kienu taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fil-każ tal-ħaddiema transkonfinali, l-applikazzjoni fittizja tar-rata tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża tipprekludi li l-ammont imħallas jikkorrispondi approssimattivament għal 85 % tar-remunerazzjoni netta li ħaddiem irċieva qabel għal impjieg full-time, kuntrarjament għal dak li huwa ġeneralment il-każ għall-ħaddiema residenti fil-Ġermanja”.


12 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, EU:C:2011:813, punti 28, 29, 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C-336/96, EU:C:1998:221, punt 30).


14 – Barra minn hekk jiena nistaqsi jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitatx verament kompetenza fiskali fir-rigward tal-benefiċċju għal insolvenza mħallsa lil A. Eschenbrenner peress li l-Artikolu 3(2)(b) tal-Einkommensteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul) jeżenta dan il-benefiċċju minn kull taxxa u t-tnaqqis tat-taxxa fittizju jista’ fir-realtà jkun intiż sabiex il-benefiċjarju ma jirċevix somma ogħla mis-salarju nett li huwa kien jirċievi kieku l-persuna li timpjegah ma fallietx u dan anki jekk il-Gvern Ġermaniż ma ammettihiex waqt is-seduta. Barra minn hekk huwa paradossali li minn benefiċċju taxxabbli iżda eżentat mit-taxxa fil-Ġermanja jitnaqqas ammont ekwivalenti għat-taxxa fuq is-salarji fis-seħħ fil-Ġermanja (fil-fatt, l-iskala tal-paga biss mingħajr l-eventwali tnaqqis dovut għas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli) filwaqt li kieku kien hemm salarju dan kien ikun taxxabbli fi Franza !


15 – Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C-20/12, EU:C:2013:411, punt 35), u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken (C-514/12, EU:C:2013:799, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken (C-514/12, EU:C:2013:799, punti 25 u 26).


17 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012 Erny (C-172/11, EU:C:2012:399, punt 41).


18 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, EU:C:2004:537).


19 – Fil-punt 29 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Visciano (C-69/08, EU:C:2009:468), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddefinixxi n-natura ġuridika tad-djun bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


20 – Jiġifieri f’dan il-każ, fil-Ġermanja.


21 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Andersson (C-30/10, EU:C:2011:66, punt 22).


22 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Visciano (C-69/08, EU:C:2009:468, punt 44).


23 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol 1, p. 217.


24 – Fil-fatt, fil-punt 20 tas-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Andersson (C-30/10, EU:C:2011:66) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/94 tikkostitwixxi l-kodifikazzjoni tad-Direttiva 80/987 u tinkludi, essenzjalment, l-istess dispożizzjonijiet bħal din tal-aħħar.


25 – Il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/94 tipprovdi li “[j]eħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat fil-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati”.


26 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et (C-309/12, EU:C:2013:774, punt 22).


27 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, Regeling (C-125/97, EU:C:1998:358, punt 20).


28 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Barsotti et (C-19/01, C-50/01 u C-84/01, EU:C:2004:119, punt 36). Għalhekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94 għandu jkun interpretat b’mod ristrettiv u konformi mal-għan soċjali tad-direttiva, li huwa li tiżgura minimu ta’ protezzjoni lill-impjegati kollha. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, Regeling (C-125/97, EU:C:1998:358, punt 20).


29 – Ara b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, EU:C:2004:537, punt 28).


30 – Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa abbużiv li jiġi applikat tnaqqis li ma kienx jiġi applikat fin-nuqqas tal-insolvenza tal-persuna li timpjega.


31 – Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra għall-kuntrarju li l-ħaddiema transkonfinali u l-ħaddiema residenti fil-Ġermanja jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.


32 – Ara b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C-336/96, EU:C:1998:221, punti 47 sa 50).


33 – F’dan ir-rigward nirrileva li, peress li l-benefiċċju għal insolvenza mħallas mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil ħaddiem huwa intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid ir-remunerazzjoni netta tiegħu qabel l-insolvenza tal-persuna li timpjega, dan l-Istat Membru għandu d-dritt, fil-mument tal-istabbiliment tiegħu, li jnaqqas mir-remunerazzjoni gross tal-ħaddiem transkonfinali, l-ammont tat-taxxi mħallas qabel minn dan tal-aħħar. Għalhekk, nikkunsidra li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha d-dritt tnaqqas mir-remunerazzjoni gross ta’ A. Eschenbrenner l-ammont tat-taxxi li dan tal-aħħar kien iħallas fi Franza fuq l-istess remunerazzjoni qabel id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah.


34 – Ara b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C-172/11, EU:C:2012:399, punt 45).


35 – Għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju ma tirreferi għall-ebda ġustifikazzjoni għal din id-diskriminazzjoni. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li “obbligu, anki indirett, li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet fiskali ta’ Stati Membri oħra jista’ jwassal għal deċiżjonijiet ta’ rifjut, kif ukoll għaż-żieda, b’mod sproporzjonat tal-ispejjeż amministrattivi”. Nikkunsidra li hemm lok li dawn l-oġġezzjonijiet jiġu miċħuda. Fil-fatt, fil-punt 30 tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, EU:C:2004:537), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “motivazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux, f’kull każ, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ rispett mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat [FUE]”. Ara wkoll, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C-172/11, EU:C:2012:399, punt 48), u b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C-501/12 sa C-506/12, C-540/12 u C-541/12, EU:C:2014:2005, punt 77).


36 – Huwa iktar ferm minnu jekk l-għan tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li ma tintaxxax il-benefiċċju għal insolvenza huwa li tiżgura li dan il-benefiċċju ma jaqbiżx dak li l-benefiċjarji kienu jirċievu bħala salarju. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dak jikkonferma l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tnaqqas b’mod fittizju t-taxxa li l-persuna kkonċernata kienet tħallas fi Franza. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37 – Nirrileva li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li awli tal-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax-Xogħol, il-Ġermanja) jaqblu dwar il-kwistjoni jekk ħaddiem transkonfinali jżommx effettivament kreditu f’dan ir-rigward kontra l-persuna li timpjegah.