Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fl-1 ta’ Frar 2017 ( 1 )

Kawża C-26/16

Santogal M-Comércio e Reparação de Automóveis Lda

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (qorti tal-arbitraġġ kollettiv [ċentru tal-arbitraġġ amministrattiv], il-Portugall)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Eżenzjonijiet — Tranżazzjonijiet intra-Komunitarji — Kunsinna ta’ mezzi ta’ trasport ġodda — Kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni lill-bejjiegħ — Residenza tax-xerrej fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni — Reġistrazzjoni temporanja fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni — Riskju ta’ evażjoni tat-taxxa — Bona fide — Obbligu ta’ diliġenza tal-bejjiegħ”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 138(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) ( 2 ).

2.

Essenzjalment, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) [qorti tal-arbitraġġ kollettiv (ċentru tal-arbitraġġ amministrattiv), il-Portugall], jixtieq ikun jaf jekk fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ vettura ġdida, Stat Membru huwiex awtorizzat, fl-ewwel lok, li jissuġġetta l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), prevista fl-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, għall-kundizzjoni li x-xerrej ikun stabbilit jew iddomiċiljat fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-imsemmija vettura, fit-tieni lok, li jirrifjuta l-eżenzjoni mill-VAT meta l-vettura tkun suġġetta biss għal reġistrazzjoni turistika u temporanja fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u, fit-tielet lok, li jitlob il-ħlas tal-VAT lill-bejjiegħ tal-vettura f’ċirkustanzi li jistgħu jindikaw li x-xerrej jista’ jkun wettaq evażjoni tal-VAT, mingħajr madankollu ma jkun stabbilit li l-bejjiegħ ikkoopera max-xerrej sabiex jiġi evitat il-ħlas tal-VAT.

3.

Dawn il-mistoqsijiet qamu fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Santogal M-Comércio e Reparação de Automóveis Lta (iktar ’il quddiem “Santogal”), stabbilita fil-Portugall, u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (awtorità fiskali u doganali, il-Portugall) rigward ir-rifjut, minn din l-awtorità, li tagħti lil Santogal il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT, prevista mil-liġi Portugiża li tittrasponi l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, fir-rigward tal-kunsinna minn Santogal ta’ karozza ġdida ttrasportata fi Spanja mix-xerrej tagħha.

4.

B’mod iktar preċiż, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Santogal biegħet lil ċittadin Angolan, permezz ta’ fattura datata 26 ta’ Jannar 2010, vettura ġdida għas-somma ta’ EUR 447665, li hija kienet akkwistat preċedentement mingħand Mercedes-Benz Portugal u li d-dħul tagħha fit-territorju Portugiż kien ġie kkonstat permezz ta’ dikjarazzjoni doganali dwar il-vetturi datata 25 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni doganali”) ( 3 ).

5.

Waqt il-bejgħ, ix-xerrej informa lil Santogal bl-intenzjoni tiegħu li juża l-imsemmija vettura għall-użu personali tiegħu fi Spanja, fejn huwa kien diġà stabbilit, fejn se jipprovdi huwa stess it-trasport tagħha, fejn ser jissuġġettaha għal kontroll tekniku u fejn ser jirreġistraha. Huwa ppreżenta lil Santogal in-numru ta’ identità ta’ resident barrani (NIE) tiegħu fi Spanja, dokument maħruġ fit-2 ta’ Mejju 2008 mill-Ministério del Interior, Dirección General de la Policia y de la Guardia Civil – Comunidad Tui-Valencia (Ministeru tal-Intern, Dipartiment Ġenerali tal-Pulizija u tal-Gwardja Ċivili – Reġjun ta’ Tui-Valencia, Spanja) li jiċċertifika r-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru ċentrali tar-residenti barranin bl-imsemmi NIE, kif ukoll kopja tal-passaport Angolan tiegħu. Madankollu, l-indirizz tax-xerrej indikat minnu waqt il-bejgħ ma jaqbilx ma’ dan li jinsab fid-dokument maħruġ fit-2 ta’ Mejju 2008.

6.

Fid-dawl ta’ dawn id-dokumenti, Santogal ikkunsidrat li l-bejgħ tal-vettura kien eżentat mill-VAT b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(b) tar-Regime do IVA nas Transações Intracomunitárias (RITI) (Sistema tal-VAT dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji), intiż sabiex jittrasponi, fid-dritt Portugiż, l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

7.

Il-vettura kienet ittrasportata fi Spanja fuq trailer kompletament magħluq.

8.

Wara li l-vettura għaddiet mill-kontroll tekniku fi Spanja, ix-xerrej bagħat lil Santogal, fuq talba ta’ din tal-aħħar, żewġ dokumenti sabiex jingħalaq il-fajl tal-bejgħ. Dawn kienu, minn naħa, ċertifikat ta’ kontroll tekniku maħruġ fil-11 ta’ Frar 2010 u, min-naħa l-oħra, ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fi Spanja, maħruġ fit-18 ta’ Frar 2010. Dan l-aħħar ċertifikat, li fuqu kien hemm indirizz tax-xerrej li ma jaqbilx la mal-indirizz indikat minn dan tal-aħħar fil-mument tal-bejgħ u lanqas ma’ dak li jinsab fuq id-dokument tat-2 ta’ Mejju 2008, kien jirrigwarda reġistrazzjoni “turistika”, temporanja, li tiskadi fis-17 ta’ Frar 2011.

9.

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-għoti ta’ numru ta’ reġistrazzjoni turistika huwa rregolat, fi Spanja, mir-Real decreto 1571/1993 por el que se adapta la Reglamentación de la matrícula turística a las consecuencias de la armonización fiscal del mercado interior (Digriet Irjali 1571/1993, tal-10 ta’ Settembru 1993, dwar l-adattament fi Spanja tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni turistika għal konsegwenzi tal-armonizzazzjoni fiskali mar-regoli tal-Unjoni ( 4 ), u mir-Real decreto 2822/1998 por el que se aprueba el Reglamento General de Vehículos (Digriet Irjali 2822/1998, tat-23 ta’ Diċembru 1998, dwar l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-vetturi ( 5 ). Ir-reġistrazzjoni turistika hija provviżorja, bit-terminu normali ta’ użu ta’ 6 xhur għal perijodu ta’ tnax-il xahar li jista’ jkun estiż mill-awtoritajiet. Jistgħu jibbenefikaw minnha biss ir-residenti mhux abitwali fi Spanja.

10.

Wara l-informazzjoni mibgħuta minn Santogal fi Frar 2011, Mercedes-Benz Portugal ippreżentat dikjarazzjoni doganali addizzjonali dwar il-vettura (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni addizzjonali”) intiża sabiex tannulla d-dikjarazzjoni doganali tal-25 ta’ Ġunju 2009, minħabba l-ispedizzjoni tal-vettura lejn Spanja. Id-dikjarazzjoni doganali ġiet annullata mill-awtoritajiet kompetenti fit-3 ta’ Marzu 2011.

11.

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2013, mibgħuta lid-Direção de Finanças de Lisboa (Dipartiment tal-Finanzi ta’ Lisbona, il-Portugall), id-Direção de Serviços Antifraude Aduaneira (Dipartiment tas-Servizzi ta’ Kontra l-Evażjoni Doganali, il-Portugall) talab li tiġi ordnata l-likwidazzjoni tal-VAT dovuta fuq il-bejgħ tal-vettura inkwistjoni. Dan id-dipartiment irrileva b’mod partikolari li x-xerrej kien residenti fil-Portugall, li kien irreġistrat hemmhekk bħala direttur ta’ kumpannija u kellu għal iktar minn għaxar snin numru ta’ identità fiskali. Barra minn hekk, b’risposta għal talba għal informazzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ppreċiżaw li x-xerrej ilu ma jidher bħala resident fi Spanja mill-2010, u li qatt ma ppreżenta dikjarazzjoni tad-dħul u qatt ma kien suġġett għal VAT.

12.

Sussegwentement, Santogal kienet suġġetta għal stħarriġ intern parzjali dwar il-VAT tax-xahar ta’ Jannar 2010. F’dan il-kuntest, l-awtorità fiskali u doganali ħejjiet rapport li jikkonkludi li l-bejgħ ta’ vettura ma jaqax taħt l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikoli 14 tar-RITI għar-raġuni li, fir-rigward tal-eżenzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni taħt (b), ix-xerrej ma jirrisjedix fi Spanja u lanqas jeżerċita attività hemm. Barra minn hekk hija rrilevat li, skont id-databases tagħha, ix-xerrej għandu numru ta’ persuna taxxabbli Portugiż mogħti qabel l-2001 u li l-pajjiż ta’ residenza tiegħu kien il-Portugall.

13.

Fl-14 ta’ Ottubru 2014, l-awtorità fiskali u doganali ħarġet likwidazzjoni addizzjonali ta’ VAT fis-somma ta’ EUR 89533, kif ukoll likwidazzjoni ta’ interessi kumpensatorji marbuta mal-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Marzu 2010 u l-20 ta’ Awwissu 2014, fis-somma ta’ EUR 15914.80. Santogal ħallset dawn l-ammonti f’Diċembru 2014.

14.

Santogal ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba għall-annullament ta’ dawn il-likwidazzjonijiet kif ukoll talba għad-danni u l-interessi. Quddiem l-imsemmija qorti, hija għamlet b’mod partikolari l-argument tal-interpretazzjoni kontradittorja tal-Artikolu 14(b) tar-RITI mogħtija mill-awtorità fiskali u doganali mal-Artikolu 138(2) tad-Direttiva tal-VAT, li għandha effett dirett. Hija argumentat ukoll li l-eventwali evażjoni tas-sistema tal-VAT imwettqa mix-xerrej ma hijiex attribwibbli lilha.

15.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tesprimi, qabel kollox, dubji dwar il-post ta’ residenza tax-xerrej fil-mument tal-bejgħ tal-vettura. B’mod partikolari, din il-qorti tirrileva li r-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar ma kinitx fi Spanja. Barra minn hekk, ma setax jiġi stabbilit li fil-mument tal-imsemmi bejgħ, huwa kien residenti fil-Portugall. Barra minn hekk, il-fajl li għandha quddiemha ma jinkludix informazzjoni la dwar il-ħlas tal-VAT marbuta mal-vettura fi Spanja u lanqas dwar x’sar mill-vettura wara li ngħatat ir-reġistrazzjoni turistika. Lanqas ma huwa stabbilit li l-benefiċċju mis-sistema tar-reġistrazzjoni turistika ġiet itterminata skont il-modalitajiet previsti mid-dritt Spanjol.

16.

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tosserva li ma huwiex ipprovat li Santogal ikkollaborat max-xerrej sabiex jevita l-ħlas tal-VAT fuq il-bejgħ tal-vettura. Għall-kuntrarju, hija tikkunsidra li mill-provi ppreżentati quddiemha jirriżulta li Santogal żgurat l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni tal-VAT. Hija tinnota li la l-kummissarji tad-dwana u lanqas is-servizzi doganali ma qajmu dubju dwar is-suffiċjenza tad-dokumenti sabiex tipproċedi għall-annullament tad-dikjarazzjoni doganali u li l-ittra tad-dipartimenti tas-servizzi ta’ kontra l-evażjoni doganali kienet ibbażata fuq informazzjoni addizzjonali li Santogal ma kellhiex aċċess għaliha.

17.

Finalment, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, R. (C-285/09, EU:C:2010:742, punti 40 sa 46), ma jissodisfawx il-kwistjonijiet imqajma fil-kawża li hija għandha quddiemha.

18.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 138(2)(b) tad-[Direttiva tal-VAT], jipprekludi li regoli tad-dritt nazzjonali [bħal dawk li jinsabu fl-]Artikoli 1(e) [,] 14(b) [tar-RITI] jirrikjedu, sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżenzjoni tal-VAT fir-rigward tal-kunsinna ta’ mezzi ta’ trasport ġodda mwettqa b’korrispettiv ta’ ħlas u ttrasportati mix-xerrej mit-territorju nazzjonali lejn Stat Membru ieħor, li x-xerrej ikun stabbilit jew residenti f’dan l-Istat Membru?

(2)

L-Artikolu 138(2)(b) tad-[Direttiva tal-VAT] jipprekludi li tiġi rrifjutata l-eżenzjoni fl-Istat Membru ta’ tluq tal-kunsinna f’sitwazzjoni fejn il-mezz ta’ trasport akkwistat ikun ġie ttrasportat minn Spanja fejn kien suġġett għal reġistrazzjoni turistika, ta’ natura provviżorja u taħt ir-reġim fiskali […] Spanjol […]?

(3)

L-Artikolu 138(2)(b) tad-[Direttiva tal-VAT], jipprekludi li jiġi rikjest il-ħlas tal-VAT lill-fornitur tal-mezz ta’ trasport ġdid, f’sitwazzjoni fejn la ġie kkonstatat jekk waqfux japplikaw ir-regoli ta’ reġistrazzjoni turistika għal waħda mir-raġunijiet [previsti mid-dritt Spanjol], u lanqas jekk tħallasx jew għandux jitħallas il-VAT fil-każ li dawn ir-regoli jkunu waqfu japplikaw?

(4)

L-Artikolu 138(2)(b) tad-[Direttiva tal-VAT] u l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi [leġittimi], jipprekludu li jiġi rikjest il-ħlas tal-VAT mill-fornitur tal-mezz ta’ trasport ġdid mibgħut minn Stat Membru ieħor f’sitwazzjoni fejn:

ix-xerrej, qabel l-ispedizzjoni, qal lill-fornitur li jirrisjedi fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-kunsinna u werielu dokument li juri li ġie attribwit lilu numru ta’ identità ta’ resident barrani [NIE] f’dan l-Istat Membru, li fiha kienet indikata residenza f’dan l-aħħar Stat Membru li kienet differenti minn dik li qal li kellu;

ix-xerrej sussegwentement wera lill-fornitur dokumenti li juru li l-mezz ta’ trasport akkwistat kien ġie ssuġġettat għal inspezzjoni teknika fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u hemmhekk kienet ġiet attribwita reġistrazzjoni turistika lill-mezz ta’ trasport;

ma ġiex ipprovat li l-fornitur kien ikkollabora max-xerrej fis-sens tal-evitar tal-ħlas tal-VAT;

id-dipartimenti doganali ma qajmu ebda ostakolu għall-annullament tad-dikjarazzjoni doganali tal-vettura abbażi tad-dokumenti li l-fornitur kellu fil-pussess tiegħu?”

19.

Dawn il-kwistjonijiet kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa ta’ Santogal, tal-Gvern Portugiż kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ruħha informata biżżejjed u ddeċidiet li ma żżommx seduta plenarja, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

II – Analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà

20.

Minkejja li ma hemmx dubju li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal Arbitral Tributário, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, minkejja l-isem tiegħu dan l-organu għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jikkwalifika bħala “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 6 ), il-Gvern Portugiż eċċepixxa l-inammissibbiltà tar-rinviju preliminari għal tliet motivi, li jidhirli li kollha għandhom jiġu miċħuda, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

21.

L-ewwel nett, huwa fil-fehma tiegħi, eċċessivament formalist u kuntrarju għall-ispirtu tal-kooperazzjoni li hemm wara l-proċedura implementata mill-Artikolu 267 TFUE, li huwa intiż sabiex jagħti risposta utli lill-qrati nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi pendenti quddiemhom, li tintlaqa’ l-oġġezzjoni tal-Gvern Portugiż li tgħid li d-deċiżjoni tar-rinviju preliminari hija inammissibbli peress li ma tirreferix għall-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT iżda għas-subparagrafu (b) tal-istess dispożizzjoni. Fil-fatt, huwa evidenti li, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll tal-formulazzjoni tad-domandi magħmula, li jqajmu biss il-kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezz ta’ trasport ġdid, li hija speċifikatament irregolata mill-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, ir-riferiment għall-Artikolu 138(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT jikkostitwixxi sempliċi żball proċedurali, mingħajr konsegwenza fir-rigward tal-ftehim u l-għan tat-talbiet għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk dan l-iżball kien ikkoreġut f’posta elettronika ta’ wieħed mill-arbitri tal-qorti tar-rinviju li kienet annessa mad-deċiżjoni tar-rinviju u li għalhekk tifforma parti mill-fajl tal-kawża prinċipali, li ħadu nota tagħha l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fatt li tali rettifika informali tista’ eventwalment tikser ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura ċivili, kif jissuġġerixxi l-Gvern Portugiż, ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tad-deċiżjoni tar-rinviju preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li fil-prinċipju hija ma tistax tivverifika jekk tali deċiżjoni ttiħditx b’konformità mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ( 7 ). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, xejn ma jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirriformula d-domandi magħmula fis-sens li dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT ( 8 ).

22.

It-tieni nett, minkejja li huwa minnu li, bħalma jargumenta l-Gvern Portugiż, id-deċiżjoni tar-rinviju ma hijiex mudell ta’ kjarezza fir-rigward tal-espożizzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali u tinkludi anki ċerti impreċiżjonijiet jew inkoerenzi, dawn il-lakuni ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ma jipprekludux lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondihom ( 9 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-opinjoni tiegħi, elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li saru lilha f’din il-kawża. Fl-aħħar mill-aħħar, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, inkluż b’mod sussidjarju, il-Gvern Portugiż, kollha setgħu jieħdu pożizzjoni dwar il-kontenut tad-domandi magħmula, fid-dawl tal-kuntest legali u fattwali espost fid-deċiżjoni tar-rinviju.

23.

Finalment, it-tielet nett, fl-opinjoni tiegħi lanqas jista’ jkun milqugħ il-motiv ta’ inammissibbiltà espost mill-Gvern Portugiż li jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għal domandi ta’ natura ipotetika għar-raġuni li fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha l-qorti tar-rinviju kienet diġà kkonstatat difett fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali u doganali li tirrikjedi l-likwidazzjoni tal-VAT li għandu jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr kunsiderazzjoni għar-risposta li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

24.

Huwa minnu li, skont il-missjoni mogħtija lilha fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE li tikkontribwixxi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ipotetiċi ( 10 ). Fil-fatt, f’tali każijiet, it-talba għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ppreżentata mill-qorti nazzjonali ma tissodisfax il-bżonn oġġettiv li tagħti d-deċiżjoni tagħha u tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha. Huwa b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddikjarat bħala inammissibbli rinviju preliminari, magħmul minn qorti nazzjonali tal-ewwel istanza, għall-interpretazzjoni tad-dritt doganali tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni tal-irkupru ta’ dejn doganali, li kienet ikkontestata quddiem din il-qorti, kienet intrinsikament dipendenti fuq id-deċiżjoni preliminari ta’ konstatazzjoni tal-imsemmi dejn, li l-annullament tagħha kien deċiż mill-qorti tal-aħħar istanza tal-Istat Membru inkwistjoni ( 11 ). Fil-fatt, sa fejn il-qorti tar-rinviju kienet imsejħa biss sabiex tislet il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha, din ma kinitx għadha f’pożizzjoni, sabiex issolvi din il-kawża, li tadotta deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li kienu saru lilha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tipprovdi opinjoni konsultattiva dwar domandi ta’ natura ipotetika.

25.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

26.

Minn naħa, imkien mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżulta li d-diffett ta’ motivazzjoni kkonstatat mill-qorti tar-rinviju għandu jwassal għall-annullament totali tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali u doganali, irrispettivament mir-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li ġew indirizzati lilha. Pjuttost, id-deċiżjoni tar-rinviju hija intiża sabiex issostni l-idea kuntrarja. Fil-fatt, wara l-konstatazzjoni dwar dan id-difett ta’ motivazzjoni, il-qorti tar-rinviju ddedikat diversi argumenti għad-dritt tal-Unjoni u eżaminat u ċaħdet ilmenti oħra esposti minn Santogal li jikkritikaw ukoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali u doganali, billi esponiet ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ ċerti provi ppreżentati minn Santogal intiżi biex juru li x-xerrej tal-vettura ġdida kien jissodisfa r-rekwiżit ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-imsemmija vettura, meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tar-RITI. Dawn l-argumenti kienu jkunu superfluwi kieku d-difett ta’ motivazzjoni kkonstatat preliminarjament mill-qorti tar-rinviju seta’ jwassal, waħdu, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali u doganali kollha.

27.

Min-naħa l-oħra, u b’mod iktar fundamentali, id-domandi preliminari jirrigwardaw direttament u indirettament il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit impost mid-dispożizzjonijiet tar-RITI li jgħidu li l-għoti tal-eżenzjoni tal-VAT hija suġġetta għall-kundizzjoni li x-xerrej tal-vettura ġdida jirresjedi fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-imsemmija vettura. Għalhekk huwa evidenti li r-risposta għal dawn id-domandi tibqa’ rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija tikkundizzjona l-legalità kemm tal-obbligu li għandu l-fornitur li jippreżenta l-prova tas-sodisfazzjon tar-rekwiżit ta’ residenza impost mir-RITI kif ukoll dak tal-awtorità fiskali u doganali li tivverifika dawn il-provi u li timmotiva b’mod korrett id-deċiżjonijiet li jeskludu, jekk ikun il-każ, in-natura rilevanti jew suffiċjenti tal-provi rrapportati lilha.

28.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.

B – Fuq il-mertu

29.

Kif indikajt fir-rimarki introduttivi tiegħi u skont ir-riformulazzjoni tad-domandi preliminari li pproponejt fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ vettura ġdida, Stat Membru huwiex awtorizzat: a) jissuġġetta l-eżenzjoni tal-VAT, prevista fl-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, għall-kundizzjoni li x-xerrej jirresjedi fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-imsemmija vettura (l-ewwel domanda); b) jirrifjuta l-eżenzjoni tal-VAT meta l-vettura kienet suġġetta biss għal reġistrazzjoni turistika u provviżorja fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (it-tieni domanda) u ċ) jitlob il-ħlas tal-VAT lill-bejjiegħ tal-vettura f’ċirkustanzi li jistgħu jindikaw li x-xerrej seta’ evada l-VAT, mingħajr madankollu ma jkun stabbilit li l-bejjiegħ ikkoopera max-xerrej sabiex jevita l-ħlas tal-VAT (it-tielet u r-raba’ domanda).

30.

Ser nindirizza waħda wara l-oħra dawn it-tliet aspetti tad-domandi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju.

1. Fuq id-dritt li l-eżenzjoni tal-VAT ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezz ta’ trasport ġdid tiġi ssuġġettata għall-kundizzjoni li x-xerrej jirresjedi fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (l-ewwel domanda)

31.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà weriet f’diversi okkażjonijiet, is-sistema implementata sa mill-1 ta’ Jannar 1993, li tipprevedi l-abolizzjoni tal-fruntieri fiskali fi ħdan il-Komunità, hija bbażata fuq l-istabbiliment ta’ fatt ġdid li jiġġenera l-VAT, jiġifieri l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti, li jippermetti t-trasferiment tad-dħul fiskali għall-Istat Membru fejn iseħħ il-konsum finali tal-oġġetti kkunsinnati ( 12 ).

32.

B’hekk, skont l-Artikolu 2(1)(b)(ii) tad-Direttiva tal-VAT, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ mezz ta’ trasport ġdid minn persuna mhux suġġetta għal VAT huwa taxxabbli fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, filwaqt li, skont l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, il-kunsinna intra-Komunitarja ta’ dan l-istess mezz ta’ trasport ġdid hija eżentata fl-Istat Membru tat-tluq tal-ispedizzjoni jew ta’ trasport.

33.

Il-mekkaniżmu implementat jikkonsisti fit-trasferiment tad-dħul fiskali lill-Istat Membru fejn iseħħ il-konsum finali tal-oġġetti kkunsinnati u jiżgura t-tqassim ċar tal-kompetenzi fiskali.

34.

L-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja korrelattiva għal akkwist intra-Komunitarju tippermetti għalhekk li tiġi evitata tassazzjoni doppja u għalhekk, il-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT ( 13 ), filwaqt li r-regoli dwar it-tassazzjoni tal-akkwisti ta’ mezzi ta’ trasport ġodda huma intiżi wkoll sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ rati differenti ( 14 ).

35.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-VAT, l-akkwist intra-Komunitarju għandu jfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata mill-bejjiegħ, mill-persuna li qed takkwista, jew minn terza persuna f’isimhom, lejn id-destinazzjoni tal-persuna li qed takkwista fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li minnu ntbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija.

36.

L-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kunsinni ta’ mezzi ta’ trasport ġodda mibgħuta jew ittrasportati ’l barra mit-territorju rispettiv tagħhom, iżda fl-Unjoni, lejn ix-xerrej.

37.

Minħabba l-korrelazzjoni neċessarja bejn il-kunsinna u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġett, inkluż mezz ta’ trasport ġdid, peress li dawn jikkostitwixxu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verità, tranżazzjoni ekonomika waħda u unika, diġà ġie deċiż li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 138(1) ta’ din l-istess direttiva għandhom jingħataw interpretazzjoni li tagħtihom tifsira u portata identika ( 15 ).

38.

Dan l-approċċ għandu japplika wkoll għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 u l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward ta’ mezzi ta’ trasport ġodda, kif b’mod partikolari qablet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 16 ).

39.

Skont il-ġurisprudenza, minn dan jirriżulta li l-eżenzjoni tal-kunsinna intra-Komunitarja, li tippreċedi l-akkwist intra-Komunitarju, issir applikabbli jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri meta s-setgħa li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala proprjetarju jkun ġie ttrasferit lix-xerrej, meta l-fornitur jistabbilixxi li dan l-oġġett ikun intbagħat jew ġie ttrasportat fi Stat Membru ieħor u meta, wara din l-ispedizzjoni jew trasport, l-oġġett ikun telaq fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-kunsinna ( 17 ).

40.

Fil-kawża prinċipali huwa stabbilit li l-vettura ġdida kienet ġiet mibjugħa fil-Portugall minn Santogal u ffatturata lix-xerrej, li l-oġġett kien ittrasportat lejn Spanja mix-xerrej stess u li kien irreġistrat f’dan l-Istat Membru. Għalhekk, dawn it-tliet kundizzjonijiet jidhru li huma ssodisfatti.

41.

Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mis-sodisfazzjon ta’ dawn il-kundizzjonijiet kollha fil-kawża prinċipali ( 18 ), huwa ċar li l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT bl-ebda mod ma jissuġġetta d-dritt tal-eżenzjoni tal-kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezz ta’ trasport ġdid għar-rekwiżit li x-xerrej ta’ dan il-mezz ta’ trasport għandu jkollu residenza fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni ( 19 ).

42.

Kif jammetti l-Gvern Portugiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ mezz ta’ trasport ġdid, għandu jiġi ddeterminat f’liema Stat Membru jseħħ l-użu finali u fit-tul tal-mezz ta’ trasport inkwistjoni ( 20 ).

43.

Għalhekk, ir-rekwiżit addizzjonali, impost mid-dispożizzjonijiet tar-RITI, li jikkonsisti fl-issuġġettar tal-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja għall-fatt li x-xerrej ikun residenti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, jawtorizza lill-awtoritajiet fiskali Portugiżi jirrifjutaw din l-eżenzjoni, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, b’mod partikolari, mingħajr ma jistaqsu dwar jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti. Il-fatt li x-xerrej ta’ mezz ta’ trasport ġdid ma jirrisjedix fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma jistax madankollu awtomatikament ifisser li l-użu finali u fit-tul ta’ dan il-mezz ta’ trasport ma jseħħx f’dan l-Istat Membru u li ma kienx hemm kunsinna intra-Komunitarja segwita minn akkwist intra-Komunitarju.

44.

Għalkemm huwa minnu li skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva tal-VAT, l-eżenzjonijiet tal-VAT japplikaw fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-imsemmija eżenzjonijiet u sabiex jevitaw kull evażjoni, evitar jew abbuż possibbli, dawn il-kundizzjonijiet ma jistax ikollhom l-effett la li jikkontestaw it-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri u lanqas in-newtralità tal-VAT, li kif fakkret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT ( 21 ).

45.

Il-kundizzjoni addizzjonali, meħtieġa mir-RITI, li tissuġġetta l-eżenzjoni tal-kunsinna intra-Komunitarja għar-residenza tax-xerrej fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, twassal għal tali effett. Din tawtorizza lill-Portugall, irrispettivament minn jekk it-tliet kundizzjonijiet elenkati fil-punt 39 ta’ dawn il-Konklużjonijiet ikunux sodisfatti, jintaxxa l-kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezz ta’ trasport ġdid li l-akkwist tiegħu huwa suġġett għall-ħlas tal-VAT fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Għalhekk, dan ir-rekwiżit imur kontra l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, it-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

46.

Huwa evidenti li din il-pożizzjoni ma tfissirx li l-post tad-domiċilju tax-xerrej ma huwiex ta’ interess fid-dimostrazzjoni tas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti sostanzjali tad-Direttiva tal-VAT applikabbli għall-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-oġġett akkwistat telaqx effettivament mit-territorju tal-Istat Membru tal-kunsinna u, fl-affermattiv, fuq it-territorju ta’ liema Stat Membru għandu jseħħ il-konsum finali tiegħu, huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni globali tal-elementi kollha ta’ fatt oġġettivi, li fosthom il-post tad-domiċilju tax-xerrej jista’ jkun importanti ( 22 ).

47.

Fl-aħħar mill-aħħar, fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ jikkorrobora l-interpretazzjoni li tipprovdi li r-residenza tax-xerrej tal-oġġett fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi kundizzjoni għall-għoti tal-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja. Bl-istess mod, dan jikkonferma li n-nuqqas ta’ residenza tax-xerrej f’dan l-Istat Membru ma jistax jikkostitwixxi prova inkonfutabbli li l-oġġett ma telaqx fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-kunsinna sabiex ikun użat fit-tul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni ( 23 ).

48.

Għalhekk, bħal Santogal u l-Kummissjoni, inqis li l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT jipprekludi li Stat Membru jissuġġetta l-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezz ta’ trasport ġdid għall-kundizzjoni li x-xerrej ta’ dan il-mezz ta’ trasport jirresjedi fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-tranżazzjoni.

2. Fuq id-dritt li l-eżenzjoni tal-VAT tiġi rrifjutata meta l-mezz ta’ trasport ġdid kien biss is-suġġett ta’ reġistrazzjoni turistika u temporanja fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (it-tieni domanda)

49.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li x-xerrej ta’ vettura ġdida jiġi rrifjutat l-eżenzjoni tal-VAT meta juri li din il-vettura kienet biss is-suġġett ta’ reġistrazzjoni turistika u temporanja fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

50.

Kif turi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, din il-kwistjoni taqa’ fil-verifika tal-fondatezza tad-dimostrazzjoni mill-awtorità fiskali u doganali li tgħid li x-xerrej ma jirresjedix fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt Spanjol rilevanti msemmi mill-awtorità fiskali u doganali, ir-reġistrazzjoni turistika ta’ vettura tingħata biss lil persuni li ma jirrisjedux fi Spanja.

51.

Fi kliem ieħor, il-kriterju tar-reġistrazzjoni temporanja tal-vettura fi Spanja kien użat mill-awtorità fiskali u doganali sabiex juri li x-xerrej ma jirrisjedix f’dan l-Istat Membru u ma jissodisfax għalhekk ir-rekwiżit ta’ residenza previst mid-dispożizzjonijiet tar-RITI li jikkundizzjona d-dritt tal-bejjiegħ li jikseb l-eżenzjoni tal-VAT.

52.

Madankollu, kif argumentajt fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari, dan ir-rekwiżit meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tar-RITI jmur kontra l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi aċċettat li l-kriterju tar-reġistrazzjoni temporanja tal-vettura fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jkun il-bażi tar-rifjut tal-eżenzjoni tal-VAT fir-rigward tal-bejjiegħ tal-imsemmi mezz ta’ trasport ġdid, dan iwassal, indirettament, għall-validità tal-kundizzjoni, prevista mid-dispożizzjonijiet tar-RITI, li tissuġġetta din l-eżenzjoni għar-residenza tax-xerrej fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

54.

B’hekk, fl-evalwazzjoni globali tal-elementi ta’ fatt oġġettivi li jippermettu l-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala “kunsinna intra-Komunitarja”, in-natura temporanja tar-reġistrazzjoni maħruġa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’ madankollu tkun ta’ importanza fir-rigward tas-sodisfazzjon jew le tal-kundizzjoni, enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 50), li tirrigwarda l-post tal-użu finali u fit-tul tal-mezz ta’ trasport ġdid.

55.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-awtorizzazzjoni lill-Istat Membru tal-kunsinna ta’ dan il-mezz ta’ trasport ġdid, abbażi ta’ dan l-element biss, sabiex jitlob il-ħlas tal-VAT lill-bejjiegħ tmur kontra t-tqassim tal-kompetenzi fiskali u tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT. Kif turi l-kawża prinċipali abbażi ta’ informazzjoni kkomunikata fid-deċiżjoni tar-rinviju, reġistrazzjoni temporanja bħal dik maħruġa minn Spanja tista’ tingħata għal perijodu ta’ żmien konsegwenti ta’ tnax-il xahar, li mhux biss jidher li jista’ jkun estiż iżda wkoll jista’ jiskadi meta l-vettura tingħata reġistrazzjoni ordinarja fi Spanja wara l-ħlas tat-taxxi rilevanti. B’hekk, is-sempliċi fatt li vettura ġdida kienet l-oġġett ta’ reġistrazzjoni temporanja fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma jfissirx ipso jure li l-post tal-użu finali u fit-tul tal-imsemmija vettura ma huwiex ser ikun, ladarba jiskadi l-perijodu ta’ reġistrazzjoni temporanja, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li hemm lok li jiġi konkluż li din il-vettura ma tistax tkun l-oġġett ta’ kunsinna intra-Komunitarja.

56.

Għalhekk inqis li, irrispettivament miċ-ċirkustanzi proprji ta’ kawża partikolari, Stat Membru ma jistax jirrifjuta l-eżenzjoni tal-VAT lill-bejjiegħ ta’ vettura ġdida, ittrasportata lejn Stat Membru ieħor mill-proprjetarju tagħha, għas-sempliċi raġuni li din il-vettura kienet irreġistrata b’mod provviżorju f’dan l-aħħar Stat Membru.

3. Fuq id-dritt li jitlob il-ħlas tal-VAT lill-bejjiegħ ta’ mezz ta’ trasport ġdid f’ċirkustanzi li jistgħu jindikaw li x-xerrej seta’ wettaq evażjoni tal-VAT, mingħajr madankollu ma jiġi stabbilit li l-bejjiegħ ikkoopera max-xerrej sabiex jevita l-ħlas tal-VAT (it-tielet u r-raba’ domanda)

57.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eżenzjoni tal-VAT tistax tkun irrifjutata lill-bejjiegħ jekk ma jkunx hemm ċertezza dwar jekk il-benefiċċju mis-sistema ta’ reġistrazzjoni provviżorja spiċċax jew le għal xi waħda mir-raġunijiet previsti mid-dritt tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, u lanqas jekk il-VAT kinitx jew hijiex ser titħallas fl-aħħar tal-benefiċċju minn din is-sistema. Hija tesponi wkoll, fir-raba’ domanda tagħha, ċertu numru ta’ ċirkustanzi oħra li jħallu inċertezza dwar il-post tal-konsum finali tal-vettura ġdida mibjugħa minn Santogal, li jistgħu jindikaw li x-xerrej seta’ wettaq evażjoni tal-VAT, filwaqt li tirrileva li Santogal ħadet ċerti miżuri quddiem ix-xerrej u quddiem l-awtoritajiet Portugiżi wara l-bejgħ tal-imsemmija vettura u mingħajr ma jiġi stabbilit li din il-kumpannija kkooperat max-xerrej sabiex jevadi l-ħlas tal-VAT.

58.

Dawn il-kwistjonijiet, li jistgħu jiġu evalwati flimkien, jirrigwardaw essenzjalment, kemm l-oneru tal-prova kif ukoll l-elementi probatorji li jirrigwardaw l-użu finali u fit-tul tal-mezz ta’ trasport ġdid fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni li l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-kunsinna jistgħu jeħtieġu mill-bejjiegħ sabiex dan tal-aħħar jibbenefika mill-eżenzjoni tal-VAT applikabbli għall-kunsinna intra-Komunitarja ta’ tali mezz ta’ trasport.

59.

Fir-rigward tal-oneru tal-prova, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża, fil-kuntest tad-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva li l-kontenut tagħha huwa riprodott fl-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT, li huwa l-fornitur tal-oġġetti li għandu jipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż dawk imposti mill-Istat Membru sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-imsemmija eżenzjonijiet u ta’ prevenzjoni tal-evażjoni, evitar jew abbuż possibbli, huma ssodisfatti ( 24 ). Jidhirli li din il-ġurisprudenza hija perfettament trasponibbli għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

60.

Din il-ġurisprudenza teħtieġ ukoll li l-fornitur jaġixxi f’bona fide u li jieħu l-miżuri kollha li setgħu raġonevolment ikunu rikjesti minnu sabiex jiżgura li t-tranżazzjoni li jwettaq ma twasslux biex jipparteċipa f’evażjoni ta’ taxxa ( 25 ).

61.

Fil-kuntest tal-bejgħ ta’ vettura ġdida, li kif diġà ġie indikat jeħtieġ evalwazzjoni tal-elementi fattwali oġġettivi kollha sabiex tranżazzjoni tiġi kklassifikata bħala kunsinna jew akkwist intra-Komunitarju, il-fornitur għandu, b’mod li tiġi evitata kull parteċipazzjoni f’evażjoni fiskali, jiġbor l-elementi ta’ provi kollha li huwa f’pożizzjoni li jikseb b’mod raġonevoli sabiex jiżgura li l-kundizzjonijiet marbuta mal-kunsinna intra-Komunitarja ta’ din il-vettura, fosthom b’mod partikolari dik dwar il-konsum finali u fit-tul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, ikunu ssodisfatti.

62.

Il-viġilanza tal-fornitur ta’ mezz ta’ trasport ġdid hija barra minn hekk neċessarja fid-dawl tan-“natura partikolari” tat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji li jirrigwardaw tali oġġett ( 26 ). Fil-fatt, minn naħa, il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni hija iktar kumplessa għaliex il-VAT fir-rigward tagħha għandha titħallas ukoll minn individwu mhux taxxabbli, li għalih l-obbligi relattivi għad-dikjarazzjoni u l-kontabbiltà ma japplikawx, b’tali mod li verifika ulterjuri fir-rigward tiegħu ma hijiex possibbli. Min-naħa l-oħra, bħala konsumatur finali, l-individwu ma jistax jippretendi li għandu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT anki fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ vettura akkwistata u minħabba dan il-fatt, għandu iktar interess jevita t-taxxa minn operatur ekonomiku ( 27 ).

63.

Dan għaliex, għalkemm huwa minnu li fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, il-fornitur jista’ b’mod validu jibbaża ruħu fuq l-intenzjonijiet tax-xerrej fil-mument tal-akkwist, dawn għandhom ikunu sostnuti minn elementi oġġettivi ( 28 ), anki jekk jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ tal-awtoritajiet fiskali u, jekk ikun il-każ, tal-qrati tal-Istat Membru tal-kunsinna.

64.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju bir-raġun tfakkar li l-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jimponu fuq il-fornitur tal-oġġetti sabiex jipprevjenu kull evażjoni, evitar u abbuż eventwali, għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità ( 29 ), u barra minn hekk, ma għandhomx jikkontestaw in-newtralità tal-VAT ( 30 ).

65.

Għalhekk jinftiehem u huwa ġġustifikat li t-telf tad-dritt tal-eżenzjoni tal-VAT jista’ jseħħ biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jiġifieri meta l-bejjiegħ twassal sabiex jipparteċipa f’evażjoni fiskali tal-VAT jew meta l-ksur ta’ wieħed jew iktar mir-rekwiżiti formali jkollu l-effett li jipprekludi li tinġieb prova ċerta li r-rekwiżiti essenzjali li jirregolaw l-għoti ta’ din l-eżenzjoni jkunu ġew issodisfatti ( 31 ).

66.

Huwa b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza li, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti u tad-determinazzjoni tal-kwalità bħala persuna taxxabbli tax-xerrej, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax ikun impost fuq il-fornitur, li jkun ħa l-miżuri kollha li jistgħu raġonevolment ikunu meħtieġa minnu u mingħajr indizji ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tal-VAT, li jipprovdi l-provi dwar it-tassazzjoni tal-akkwist intra-Komunitarju tal-oġġetti inkwistjoni sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT ( 32 ).

67.

F’din li-kawża, fejn ir-rekwiżit essenzjali kkontestat jirrigwarda l-post tal-konsum finali u fit-tul tal-mezz ta’ trasport ġdid u fejn il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma ġiex ipprovat li l-bejjiegħ ikkollabora max-xerrej sabiex jevita l-ħlas tal-VAT, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk il-bejjiegħ, li aġixxa f’bona fide, ħax il-miżuri kollha li setgħu raġonevolment ikunu meħtieġa minnu sabiex juri li t-tranżazzjoni li huwa kkonkluda kienet tikkonsisti f’kunsinna intra-Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, li tiġġustifika d-dritt għall-eżenzjoni tiegħu.

68.

Fil-fatt, l-għan tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali għandu jfisser li l-fornituri ta’ mezzi ta’ trasport ġodda jistgħu jkunu suġġetti għal rekwiżiti għolja fir-rigward tas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet marbuta mal-kunsinna intra-Komunitarja ta’ dan it-tip ta’ oġġetti fid-dawl tan-natura partikolari ta’ din it-tranżazzjoni u tar-riskji marbuta magħha ( 33 ).

69.

In-nuqqas ta’ kollaborazzjoni attiva (jew intenzjonali) tal-fornitur max-xerrej sabiex jevita l-ħlas tal-VAT ma jeżentax lill-fornitur mill-obbligu tiegħu, bħala prevenzjoni, li jaġixxi f’bona fide u jieħu l-miżuri raġonevoli meħtieġa sabiex jiżgura li ma titwettaqx evażjoni mix-xerrej.

70.

Jekk jirriżulta li dan l-obbligu ma kienx issodisfatt, inqis li jista’ jkun iġġustifikat li l-fornitur ikun obbligat iħallas il-VAT a posteriori.

71.

Din l-orjentazzjoni ma hijiex kuntrarja għas-sistema applikabbli għall-iskambji intra-Komunitarji li hija intiża sabiex tqassam ir-riskju tan-nuqqas tal-ħlas tal-VAT bejn il-fornitur u x-xerrej ( 34 ). Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, dan ma jirrigwardax li r-responsabbiltà tal-ħlas tal-VAT a posteriori titqiegħed esklużivament fuq il-fornitur tal-mezzi ta’ trasport ġodda, peress li l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-kunsinna jistgħu, ovvjament u bi prijorità, jitolbu dan il-ħlas lix-xerrej jekk dan ikun wettaq il-ksur tar-rekwiżiti essenzjali ta’ akkwist jew kunsinna intra-Komunitarja ta’ tali merkanzija ( 35 ).

72.

Fil-kuntest ta’ dawn il-kunsinni, li jimplikaw it-trasferiment tal-kompetenza fiskali favur l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, din hija sempliċement inkoraġġiment lill-fornituri sabiex ikunu partikolarment diliġenti fir-rigward tar-riskju li t-tranżazzjoni tista’ tevita kull tassazzjoni u jevitaw li, billi jiffavorixxu n-natura lukrativa ta’ tranżazzjoni ( 36 ), huma jaslu sabiex “jagħlqu għajnejhom” jew jadottaw aġir eċċessivament kompjaċenti fir-rigward tal-ko-kontraenti tagħhom.

73.

Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk Santogal, billi aġixxiet f’bona fide, ħaditx il-miżuri kollha raġonevoli fis-setgħa tagħha sabiex tiżgura li l-kunsinna tal-vettura ġdida lix-xerrej ma twassalx għal ksur tal-kundizzjonijiet essenzjali sabiex tikklassifika din it-tranżazzjoni bħala kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezz ta’ trasport ġdid.

74.

Din ir-risposta tista’ tkun suffiċjenti għall-finijiet tal-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, bil-għan li tingħata lil din il-qorti risposta li tkun utli għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha, inqis li jkun opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħtiha ċerti preċiżjonijiet dwar il-provi li jistgħu jew ma jistgħux ikunu meħtieġa mill-fornitur, b’osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ).

75.

Qabel kollox, sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni tal-VAT fl-Istat Membru tal-kunsinna, ma jistax ikun meħtieġ mill-bejjiegħ ta’ mezz ta’ trasport ġdid, kif donnha tipprevedi l-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda preliminari tagħha, li jġib prova ċerta li l-VAT effettivament tħallset fuq l-akkwist ta’ din il-merkanzija fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Tali rekwiżit jikser numru ta’ prinċipji, fosthom ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali u ma jistax jitqies bħala miżura raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tista’ tkun meħtieġa mill-bejjiegħ matul it-tranżazzjoni, iktar u iktar meta, bħal fil-kawża prinċipali, jidher li l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-kunsinna ma humiex, anki wara investigazzjoni abbażi ta’ informazzjoni li għaliha l-bejjiegħ ma setax ikollu aċċess, f’pożizzjoni li jillokalizzaw b’mod ċar lix-xerrej u jkunu jafu x’inhu d-destin irriżervat għall-vettura.

76.

Dan ma jfissirx li l-bejjiegħ ikun eżentat milli jieħu miżuri sabiex jinvestiga mingħand ix-xerrej dwar il-futur tal-mezz ta’ trasport ġdid li kien ikkonsenjat u, konsegwentement, dwar il-ħlas tal-VAT fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan huwa obbligu tal-mezz iktar milli tar-riżultat. Fil-fatt, il-bejjiegħ jiddependi prinċipalment fuq il-kollaborazzjoni tax-xerrej u tal-provi li dan tal-aħħar jaċċetta li jagħti. Għalhekk, ikun eċċessiv li l-Istat Membru tal-kunsinna jissuġġetta l-eżenzjoni tal-kunsinna intra-Komunitarja għall-fatt li l-bejjiegħ iġib il-prova li x-xerrej ħallas il-VAT fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li l-bejjiegħ juri li, b’kull bona fide, huwa adotta l-miżuri li setgħu raġonevolment ikunu meħtieġa minnu sabiex jiżgura, mingħand ix-xerrej, li l-mezz ta’ trasport ġdid li kien ikkonsenjat ser jintuża b’mod finali u fit-tul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

77.

Għalhekk, jidhirli li huwa eskluż li l-bejjiegħ huwa rikjest, b’mod ġenerali, li jwettaq eżami dettaljat tal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tal-mezz ta’ trasport ġdid fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Anki meta l-bejjiegħ ikun, bħal fil-kawża prinċipali, professjonist tal-kummerċ tal-vetturi, tali rekwiżit ikun eċċessiv għaliex jippreżumi li l-persuna suġġetta għall-VAT fi Stat Membru tkun taf il-kompetenzi fid-dritt jew fil-prattika ta’ Stati Membri oħra.

78.

Min-naħa l-oħra, irrispettivament mill-konoxxenza tad-dritt tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni mill-bejjiegħ, l-indikazzjoni ċara u kostanti li tgħid li reġistrazzjoni tingħata b’mod temporanju fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandha tinkoraġġixxi lil professjonist fil-kummerċ tal-vetturi, kif tipproponi l-Kummissjoni, sabiex jistaqsi dwar jekk il-vettura, ladarba l-perijodu ta’ reġistrazzjoni provviżorja jiskadi, hijiex ser tkun użata b’mod finali u fit-tul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u għalhekk hijiex suġġetta għall-ħlas tal-VAT f’dak l-Istat Membru. Fil-fehma tiegħi, tali professjonist għandu għalhekk jieħu l-miżuri kollha raġonevoli fis-setgħa tiegħu sabiex jiżgura mingħand ix-xerrej li dan għandu l-intenzjoni li josserva din il-kundizzjoni, liema intenzjoni għandha tkun sostnuta minn elementi oġġettivi, skont il-ġurisprudenza ( 38 ).

79.

F’dan il-każ, jidher, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u l-elementi esposti mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li Santogal, ladarba kellha l-informazzjoni fil-pussess tagħha, ftit jiem wara l-bejgħ, li tgħid li r-reġistrazzjoni tal-vettura fi Spanja kienet mogħtija biss b’mod temporanju għal sena, naqset milli tistaqsi lix-xerrej dwar l-intenzjoni tiegħu li juża l-vettura fi Spanja wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni provviżorja kif ukoll milli titolbu jipprovdi kull provi utli sabiex jiddikjara l-intenzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda miżura li ttieħdet minn Santogal fir-rigward tax-xerrej matul dan il-perijodu ta’ sena, li tippermettilha tiddetermina jekk il-vettura kinitx ser tibqa’ fi Spanja u tintuża b’mod finali u fit-tul f’dak l-Istat Membru.

80.

Barra minn hekk, kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda informazzjoni dwar il-kontenut tad-dokumenti mibgħuta minn Santogal lill-awtorità fiskali u doganali Portugiża, ftit jiem qabel l-iskadenza tar-reġistrazzjoni provviżorja tal-vettura, insostenn tat-talba tagħha sabiex tannulla d-dikjarazzjoni doganali u tiddikjara l-ispedizzjoni fi Spanja. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda element li jippermetti li jkun magħruf jekk dawn id-dokumenti kinux isemmu dokumenti li jiġġustifikaw l-użu finali u fit-tul tal-vettura fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

81.

Madankollu, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, tali informazzjoni tirriżulta essenzjali. Fil-fatt imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li Stat Membru, li l-ewwel aċċetta d-dokumenti ppreżentati minn fornitur bħala provi ġustifikattivi tad-dritt għall-eżenzjoni mill-VAT, jista’ mbagħad jobbliga lil dan il-fornitur iħallas il-VAT marbuta mal-kunsinna, meta dan il-fornitur ikun aġixxa f’bona fide billi ħa l-miżura raġonevoli kollha fis-setgħa tiegħu sabiex it-tranżazzjoni li huwa kkonkluda tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali kollha ta’ kunsinna intra-Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

82.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’bona fide, Santogal ħaditx il-miżuri fir-rigward tax-xerrej sabiex tiżgura li dan tal-aħħar kellu l-intenzjoni, li ladarba r-reġistrazzjoni provviżorja tal-vettura ġdida tiskadi fi Spanja, huwa jkompli juża b’mod finali u fit-tul din il-vettura fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, liema intenzjoni għandha tkun sostnuta minn elementi oġġettivi, fosthom, b’mod partikolari, id-dokumenti pprovduti minn Santogal lill-awtorità fiskali u doganali Portugiża, insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-dikjarazzjoni doganali. Jekk dan huwa l-każ, id-dritt għall-eżenzjoni mill-VAT ma jistax jiġi miċħud, anki jekk Santogal ma rratifikatx, fi żmien utli, il-fattura inizjalment maħruġa u ma pprovatx tiġbor il-VAT mingħand ix-xerrej. Fil-każ invers, inqis li, sakemm l-Istat Membru tal-kunsinna ma jkunx f’pożizzjoni li jitlob mix-xerrej il-ħlas tal-VAT a posteriori, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, ikun iġġustifikat li dan l-Istat Membru jeħtieġ li Santogal tħallas hi l-VAT a posteriori, sabiex jevita li t-tranżazzjoni tevita kull tassazzjoni.

III – Konklużjoni

83.

Għall-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) [qorti tal-arbitraġġ kollettiv (ċentru tal-arbitraġġ amministrattiv), il-Portugall] għandha tkun kif ġej:

1.

L-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissuġġetta l-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezz ta’ trasport ġdid għall-kundizzjoni li x-xerrej ta’ dan il-mezz ta’ trasport jirresjedi fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-tranżazzjoni.

2.

Irrispettivament mill-fatti ta’ kawża partikolari, l-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud lill-bejjiegħ ta’ mezz ta’ trasport ġdid, ittrasportat lejn Stat Membru ieħor mill-proprjetarju tiegħu, għas-sempliċi raġuni li din il-vettura kienet irreġistrata b’mod temporanju f’dan l-aħħar Stat Membru.

3.

L-Artikolu 138(2)(a) tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jirrifjuta l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-bejjiegħ ta’ mezz ta’ trasport ġdid, meta dan il-bejjiegħ ma pparteċipax f’evażjoni fiskali, aġixxa f’bona fide u ħa l-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tiegħu sabiex jiżgura li t-tranżazzjoni konkluża minnu tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali kollha ta’ kunsinna intra-Komunitarja, fis-sens tal-imsemmi artikolu, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-konsum finali u fit-tul ta’ mezz ta’ trasport ġdid fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-bejjiegħ fil-kawża prinċipali kkonformax ruħu mar-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ diliġenza raġonevoli, b’mod partikolari fid-dawl tal-miżuri li huwa ħa fir-rigward tax-xerrej u tad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati minnu, li jippermettu verifika dwar jekk żgurax li l-mezz ta’ trasport ġdid huwiex ser jintuża b’mod finali u fit-tul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ reġistrazzjoni temporanja f’dak l-Istat Membru. Meta dan ikun il-każ, id-dritt għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ma jistax ikun miċħud lill-bejjiegħ. Fil-każ invers, sakemm l-Istat Membru tal-kunsinna ma jkunx f’pożizzjoni li jitlob mix-xerrej il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud a posteriori, ikun iġġustifikat li dak l-Istat Membru jeżiġi mill-bejjiegħ tal-mezz ta’ trasport ġdid il-ħlas a posteriori tat-taxxa fuq il-valur miżjud sabiex jevita li t-tranżazzjoni tevita kull tassazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2006, L 347, p. 1.

( 3 ) Skont il-fajl, din hija vettura lussuża, tat-tip sportiv, prodotta f’sensiela limitata, tal-mudell SLR McLaren.

( 4 ) BOE Nru 221, tal-15 ta’ Settembru 1993, p. 27037.

( 5 ) BOE Nru 22, tas-26 ta’ Jannar 1999, p. 3440.

( 6 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C-377/13, EU:C:2014:1754, punt 34). Sa minn dakinhar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet ukoll dwar il-mertu ta’ żewġ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari oħra indirizzati minn din il-qorti tal-arbitraġġ fil-qasam fiskali: ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Lisboagás GDL (C-256/14, EU:C:2015:387) u tal-15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06– Investimentos Imobiliários e Turísticos (C-516/14, EU:C:2016:690).

( 7 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Eurico Italia et (C-332/92, C-333/92 u C-335/92, EU:C:1994:79, punt 13) u tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C-550/09, EU:C:2010:382, punt 35).

( 8 ) Sabiex inkun eżawrjenti, inżid li jekk, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, l-istat tal-fajl li jintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja jawtorizzaha, il-fakultà li għandha din tal-aħħar li tirriformula d-domandi preliminari tippermetti wkoll li tiġi evitata repetizzjoni ferm probabbli tat-talba għal deċiżjoni preliminari u huwa bbażat ukoll, għalhekk, fuq raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Gysen (C-449/06, EU:C:2007:663, punt 43) u fil-Kawża de Lobkowicz (C-690/15, EU:C:2016:926, nota ta’ qiegħ il-paġna 14).

( 9 ) Infakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li mhux il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza li tista’ tiġi kkonfutata b’mod partikolari meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsiru lilha: ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport Italmoda Mariano Previti et (C-131/13, C-163/13 u C-164/13, EU:C:2014:2455, punti 31 u 36).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C-180/12, EU:C:2013:693, punti 38 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C-180/12, EU:C:2013:693, punti 39 sa 47).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, EMAG Handel Eder (C-245/04, EU:C:2006:232, punt 27), tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punti 21 u 22) u tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 22).

( 13 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punt 25).

( 14 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, EMAG Handel Eder (C-245/04, EU:C:2006:232, punti 31 u 40) u tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 24).

( 15 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Il-fatti li taw lok għas-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693), kienu jirrigwardaw, fl-aħħar mill-aħħar, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ mezz ta’ trasport (dgħajsa tal-qlugħ) ikklassifikata bħala “ġdida” mill-qorti nazzjonali.

( 17 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punt 42), tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 27), tas-7 ta’ Diċembru 2010, R. (C-285/09, EU:C:2010:742, punt 41) u tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona (C-273/11, EU:C:2012:547, punt 31).

( 18 ) Din il-kwistjoni hija eżaminata fil-punti 57 sa 82 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 19 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 54), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 28cA(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/80/KE, tat-12 ta’ Ottubru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 315), li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT.

( 20 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 50).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punt 46), tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 44) u fir-rigward tat-trasferiment intra-Komunitarju, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl (C-24/15, EU:C:2016:791, punt 36).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punti 44 u 45).

( 23 ) F’dan il-każ, il-fatt li x-xerrej, qabel u wara l-bejgħ tal-vettura ġdida, ikkomunika tliet indirizzi differenti fi Spanja huwa mingħajr effett fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-vettura kinitx użata (jew ikkonsmata) b’mod finali u fit-tul f’dan l-Istat Membru.

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 43).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Euro Tyre Holding (C-430/09, EU:C:2010:786, punt 38) u tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 52).

( 26 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 42).

( 27 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C 84/09, EU:C:2010:693, punt 43).

( 28 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 47).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 35) u tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona (C-273/11, EU:C:2012:547, punt 36).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 37) u tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 44).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 46).

( 32 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punti 52, 53 u 55).

( 33 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punt 58) li l-għan tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali jiġġustifika kultant rekwiżiti għolja fir-rigward tal-obbligi tal-fornituri. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa l-każ fis-sitwazzjoni partikolari tal-kunsinna intra-Komunitarja ta’ mezzi ta’ trasport ġodda destinati għall-konsumatur.

( 34 ) Dwar dan il-prinċipju tat-tqassim tar-responsabbiltà tal-ħlas tal-VAT, ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punt 57).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punt 67).

( 36 ) F’dan il-każ, infakkar li l-vettura ġejja minn serje limitata u nbiegħet għal kważi EUR 450000.

( 37 ) Peress li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva VAT ma telenka l-mezzi ta’ prova li l-persuni taxxabbli għandhom jipprovdu sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT, din il-kwistjoni taqa’, fil-prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri [ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 42) u tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl (C-24/15, EU:C:2016:791, punt 35)].

( 38 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X (C-84/09, EU:C:2010:693, punt 47).