Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2018 (1)

Kawża C-249/17

Ryanair Ltd

vs

The Revenue Commissioners

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Kunċett tal-persuna taxxabbli – Spejjeż għal servizzi li ġew akkwistati mal-akkwist tal-azzjonijiet kollha ta’ impriża – Dritt għal tnaqqis – Akkwiżizzjoni ta’ kompetitur li ma rnexxietx”






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-qofol tat-tilwima ineżami mill-ġdid hemm l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” u d-determinazzjoni ta’ “attività ekonomika” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT (2). Il-kawża ser tagħti l-possibbiltà lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha dwar it-tnaqqis fir-rigward ta’ kumpanniji holding.

2.        Fl-2006, il-kumpannija tal-ajru Ryanair kienet ipprovat takkwista l-kumpannija tal-ajru Irlandiża Aer Lingus. Għalkemm l-akkwiżizzjoni ma rnexxietx minħabba raġunijiet ta’ kompetizzjoni, Ryanair kienet diġà ġarrbet spejjeż estensivi għal konsulenzi u servizzi oħra b’rabta mal-akkwiżizzjoni ppjanata. Għaldaqstant Ryanair naqqset it-taxxa tal-input imħallsa, iżda dan it-tnaqqis ġie miċħud mill-amministrazzjoni tat-taxxa Irlandiża.

3.        Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li tnaqqis jista’ jsir anki f’każ ta’ investimenti li sfaxxaw. Madankollu, it-tilwima hawnhekk tirriżulta minħabba l-fatt li, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi akkwist u ż-żamma ta’ azzjonijiet ma jikkostitwixxux attività ekonomika fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-VAT. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kumpannija holding, li l-uniku skop tagħha huwa li takkwista parteċipazzjonijiet, ma għandhiex dritt għal tnaqqis (3).

4.        Madankollu, bil-kontra ta’ sitwazzjoni li tinvolvi kumpannija holding tradizzjonali, f’dan il-każ impriża operazzjonali (u għalhekk persuna taxxabbli) riedet tirrealizza l-hekk imsejħa akkwiżizzjoni strateġika ta’ impriża kompetitriċi. Konsegwentement tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni tat-tnaqqis li tirriżulta mill-hekk imsejħa ġurisprudenza dwar il-kumpanniji holding (4) għandhiex qabelxejn tapplika għal dan il-każ. Infatti, id-dimensjoni ekonomika tal-każ hija koperta biss jekk fil-kuntest tal-aspetti funzjonali wieħed jieħu inkunsiderazzjoni s-sinjifikat tal-akkwist tal-azzjonijiet għall-attività ekonomika li diġà teżisti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        Id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) (5) applikabbli għall-perijodu ta’ tassazzjoni inkwistjoni jistabbilixxu l-kuntest ġuridiku tal-Unjoni għal dan il-każ. Fir-rigward tal-kontenut tagħhom dawn jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet rispettivi tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) (6).

6.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT (preċedentement l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva) jipprevedi:

“1.      ‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika. […]”

7.        Skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva tal-VAT, id-dritt għal tnaqqis jidħol fis-seħħ meta t-taxxa li tista’ titnaqqas tiġi imposta. Skont l-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva (qabel irregolati flimkien fl-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva) jgħodd dan li ġej:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra; […]”

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Ryanair Ltd. (iktar ’il quddiem “Ryanair”), hija kumpannija tal-ajru privata b’sede fl-Irlanda. Fit-23 ta’ Ottubru 2006, Ryanair ippreżentat offerta formali ta’ akkwiżizzjoni tal-azzjonijiet kollha tal-impriża Aer Lingus. Aer Lingus hija kumpannija tal-ajru Irlandiża li preċedentement kienet statali, u li l-azzjonijiet tagħha ddaħħlu fil-borża fit-2 ta’ Ottubru 2006 wara li kienet saret il-privatizzazzjoni tagħha fl-2006.

9.        B’deciżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni (7). Minħabba din ir-raġuni, Ryanair setgħet takkwista biss madwar 29 % tal-azzjonijiet tal-impriża Aer Lingus.

10.      B’rabta mal-offerta ta’ akkwiżizzjoni, Ryanair għamlet użu minn servizzi suġġetti għall-VAT. Din il-VAT tnaqqset minn Ryanair bħala taxxa tal-input. Madankollu, dan it-tnaqqis ġie miċħud mill-amministrazzjoni tat-taxxa Irlandiża (The Revenue Commissioners, il-konvenuti fil-kawża prinċipali).

11.      Ryanair l-ewwel ippreżentat appell quddiem it-Tax Appeals Commission (il-Kummissjoni Irlandiża għal Appelli fi Kwistjonijiet ta’ Taxxa) kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda u sussegwentement ilment quddiem is-Circuit Court (il-Qorti taċ-Ċirkwit, l-Irlanda). Din wettqet analiżi tal-fatti li torbot u, fi speċi ta’ proċedura nazzjonali għal deċiżjoni preliminari, ippreżentat lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) id-domanda ġuridika dwar jekk fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jeżistix id-dritt għal tnaqqis. Din ukoll waslet għall-konklużjoni li Ryanair ma hijiex intitolata għal tnaqqis.

12.      Ryanair ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda). B’deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2017, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2017, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) issospendiet il-proċeduri quddiemha u rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi għal deċiżjoni preliminari segwenti:

1)      L-intenzjoni futura li jipprovdi servizzi ta’ ġestjoni lil kumpannija fil-mira ta’ akkwist, f’każ li l-akkwist iseħħ, hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-akkwirent potenzjali jiġġestixxi attività ekonomika għall-finijiet tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-VAT biex b’hekk il-VAT imposta fuq l-akkwirent potenzjali fuq oġġetti jew servizzi pprovduti bil-għan li javvanza l-akkwist rilevanti tkun tista’ potenzjalment tiġi kkunsidrata bħala VAT tal-input fuq l-attività ekonomika intenzjonata għall-provvista ta’ tali servizzi ta’ ġestjoni; u

2)      Jista’ jkun hemm “rabta diretta u immedjata” suffiċjenti, kif identifikata bħala rekwiżit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Cibo, bejn is-servizzi professjonali pprovduti fil-kuntest ta’ tali akkwist potenzjali u output, li jikkonsisti fil-provvista potenzjali ta’ ġestjoni tal-mira ta’ akkwist fil-każ li l-akkwist iseħħ, biex b’hekk ikun permess tnaqqis fir-rigward tal-VAT dovuta fuq dawk is-servizzi professjonali?

13.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn Ryanair, l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tal-14 ta’ Marzu kienu rrappreżentati l-partijiet kollha.

IV.    L-analiżi ġuridika

14.      Iż-żewġ domandi preliminari jirrigwardaw id-dritt għal tnaqqis f’każ ta’ nefqa li tkun saret b’rabta mal-akkwist ippjanat, iżda li fl-aħħar mill-aħħar ma rnexxiex, tal-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija bil-għan tal-akkwiżizzjoni. Għaldaqstant, għandhom jiġu ttrattati flimkien.

15.      Bl-ewwel domanda s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-intenzjoni tal-kumpannija akkwirenti li, fil-każ tal-akkwiżizzjoni b’suċċess, tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni lis-sussidjarja, hijiex biżżejjed sabiex tal-ewwel tikkwalifika bħala persuna taxxabbli fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-VAT.

16.      B’hekk, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) qiegħda tistaqsi jekk huwiex possibbli li jiġu kkombinati żewġ linji ta’ ġurisprudenza. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal tnaqqis jeżisti wkoll għal investimenti li sfaxxaw: fil-każ ta’ spejjeż akkumulati fi preparazzjoni għal attività ekonomika, it-tnaqqis jista’ jiġi invokat anki jekk il-bidu tal-attività ekonomika jisfaxxa u ma jitwettqux it-tranżazzjonijiet taxxabbli intenzjonati (8). Hija rilevanti biss l-intenzjoni, ikkonfermata minn elementi oġġettivi, li l-persuna taxxabbli teżerċita attività ekonomika (9). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tipprovdi li l-attività ekonomika ta’ kumpannija holding meħtieġa għat-tnaqqis tista’ partikolarment tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni lill-kumpannija li tkun akkwistat parteċipazzjoni fiha (10).

17.      Sussegwentament, bit-tieni domanda, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tixtieq issir taf jekk teżistix ir-rabta diretta u immedjata meħtieġa għat-tnaqqis bejn in-nefqa li saret b’rabta mal-akkwist tal-azzjonijiet tal-impriża u s-servizzi ta’ ġestjoni intenzjonati.

A.      L-isfond tad-distinzjoni bejn kumpannija holding finanzjarja u impriża operattiva

18.      L-hekk imsejħa ġurisprudenza dwar il-kumpanniji holding, li għaliha tirreferi s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) bl-ewwel domanda tagħha, ġiet stabbilita fuq l-eżempju ta’ kumpanniji finanzjarji purament għaż-żamma ta’ azzjonijiet li l-uniku skop tagħhom huwa l-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet f’impriżi oħra u li ma għandhomx attivitajiet operattivi proprji. L-uniku dħul tagħhom ġej minn dividendi, li ma jikkostitwixxux remunerazzjoni għall-użu ekonomiku ta’ oġġett, iżda li huma riżultat tas-sempliċi sjieda ta’ azzjoni (11).

19.      Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kumpanniji finanzjarji purament għaż-żamma ta’ azzjonijiet – mingħajr iż-żieda ta’ pereżempju servizzi ta’ ġestjoni bi ħlas – ma għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT (12), peress li ma jeżerċitawx attività ekonomika. B’hekk dawn lanqas ma jistgħu jinvokaw dritt għal tnaqqis skont l-Artikolu 168 tad-direttiva.

20.      F’dan il-kuntest is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tħallix impatt ukoll fuq dan il-każ, peress li Ryanair fl-aħħar mill-aħħar riedet takkwista azzjonijiet u fil-fatt akkwistat azzjonijiet, anki jekk f’portata iżgħar milli ppjanat.

21.      Huwa minnu li ma huwiex ikkontestat li b’ħarsa lejn it-tranżazzjonijiet min-negozju tat-titjir Ryanair għandha fl-intier tagħha titqies bħala persuna taxxabbli fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-VAT. L-għan intraprenditorjali tal-akkwist tal-azzjonijiet wkoll jista’ jiġi dedott direttament: permezz tal-akkwiżizzjoni ta’ kompetitur, Ryanair riedet iżżid il-fatturat tagħha u x’aktarx riedet tilħaq ukoll effetti ta’ sinerġija u ta’ netwerk.

22.      Madankollu, jekk tiġi applikata l-hekk imsejħa ġurisprudenza dwar il-kumpanniji holding, ir-rikonoxximent ta’ attività ekonomika u konsegwentement tat-tnaqqis primarjament ikun jiddependi minn jekk Ryanair kellhiex l-intenzjoni li tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni lil Aer Lingus (ara Taqsima B). Iżda għal din is-soluzzjoni jkun kompletament irrilevanti f’liema portata ġew ipprovduti servizzi ta’ ġestjoni. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis fir-rigward tal-ispejjeż għall-akkwist tal-azzjonijiet kellux jinqasam (ara Taqsima C). Dan għaliex, taħt ċerti ċirkustanzi, minbarra t-tranżazzjonijiet minn servizzi ta’ ġestjoni jkun hemm ukoll dħul sostanzjalment ogħla mid-dividendi, li fih innifsu ma jġibx miegħu d-dritt għal tnaqqis.

23.      Madankollu, la d-“diverżjoni” permezz ta’ servizzi ta’ ġestjoni bi ħlas u lanqas il-problemi ta’ tqassim li jirriżultaw f’każ li tiġi applikata din is-soluzzjoni ma huma neċessarji jekk jiġi bbażat fuq rabta funzjonali bejn l-akkwist tal-azzjonijiet u n-negozju prinċipali operattiv (ara Taqsima D). Jekk wieħed iqis il-funzjoni tal-akkwiżizzjoni ppjanata għall-attivitajiet operattivi, l-ispejjeż iridu jiġu kkunsidrati f’relazzjoni mat-tranżazzjonijiet mill-attivitajiet operattivi. Konsegwentement hija rilevanti biss ir-rabta diretta u immedjata bejn dawn it-tranżazzjonijiet (ara Taqsima E).

24.      Madankollu, peress li s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) assumiet l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar il-kumpanniji holding għall-proċess kontenzjuż, l-ewwel nett ser neżamina jekk Ryanair kinitx intitolata għal tnaqqis.

B.      Tnaqqis sħiħ skont il-ġurisprudenza dwar il-kumpanniji holding

25.      Kif spjegajt iktar ’il fuq (punt 18), iż-żamma ta’ parteċipazzjoni waħedha ma twassalx biex tiġi preżunta attività ekonomika. Min-naħa l-oħra, f’ġurisprudenza stabbilita l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-akkwist u ż-żamma ta’ parteċipazzjoni minn kumpannija holding jikkostitwixxu attività ekonomika fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT jekk il-parteċipazzjoni tkun tinvolvi interventi diretti jew indiretti fl-amministrazzjoni tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta (13). Tali intervent jista’ jeżisti pereżempju fil-każ tal-provvista ta’ servizzi amministrattivi, finanzjarji jew kummerċjali lill-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta (14). Madankollu, dan il-kriterju huwa sempliċement dovut għall-fatt li sabiex kumpannija purament azzjonarja tiġi rrikonoxxuta bħala persuna taxxabbli jridu jiżdiedu tali attivitajiet li huma suġġetti għall-VAT skont l-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva (15).

26.      Dan ir-riżultat japplika wkoll f’każ bħal dak ineżami – u dwar din il-kwistjoni tistaqsi espliċitament is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) – jekk tassew ma jiġux ipprovduti s-servizzi ta’ ġestjoni intenzjonati. Sabiex tiġi ggarantita n-newtralità komprensiva tas-sistema tal-VAT fil-konfront tal-persuna taxxabbli, id-dritt għal tnaqqis irid ikun jeżisti wkoll għal nefqa li tkun saret fi preparazzjoni għal attività ekonomika (16). Hija deċiżiva sempliċement l-intenzjoni, ikkonfermata minn elementi oġġettivi, li tiġi eżerċitata attività ekonomika (17). Dan japplika saħansitra wkoll jekk fil-mument tal-iffissar inizjali tat-taxxa diġà jkun magħruf li l-attività ekonomika intenzjonata, li kellha twassal għal tranżazzjonijiet taxxabbli, ma hijiex ser tiġi eżerċitata (18).

27.      Konsegwentement, jekk jiġu kkombinati flimkien iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza indirizzati mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema), ir-rikonoxximent ta’ Ryanair bħala persuna taxxabbli jkun jiddependi minn jekk fid-data li għamlet użu mis-servizzi inkwistjoni kellhiex l-intenzjoni li tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni taxxabbli lil Aer Lingus fil-każ li l-akkwiżizzjoni tirnexxi. Is-Circuit Court (il-Qorti taċ-Ċirkwit) stabbilixxiet din l-intenzjoni b’effett vinkolanti għall-kawża prinċipali. Kif enfasizzat il-Kummissjoni fis-seduta, iċ-ċirkustanza li l-offerta ta’ akkwiżizzjoni attwalment sfaxxat, u b’hekk ma kienx u ma huwiex possibbli li jsir intervent fl-amministrazzjoni ta’ Aer Lingus, ma tistax twassal għal esklużjoni sussegwenti tad-dritt għal tnaqqis.

C.      Limitazzjoni tat-tnaqqis minħabba remunerazzjoni baxxa għall-ġestjoni?

28.      Iżda li jiġi bbażat biss fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni bi ħlas fil-prattika jwassal għal skemi li jidhru artifiċjali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun jeżisti d-dritt għal tnaqqis sħiħ huwa kompletament irrilevanti f’liema portata jkunu ġew ipprovduti dawn is-servizzi ta’ ġestjoni bi ħlas (19). Għalhekk ta’ spiss ikun hemm eċċessi kbar tat-taxxa tal-input, jiġifieri differenza qawwija bejn it-tranżazzjonijiet tal-output miksuba permezz tas-servizzi ta’ ġestjoni u t-tnaqqis invokat fuq it-tranżazzjonijiet tal-input.

29.      B’hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tagħmilha possibbli għall-kumpanniji holding li jinvokaw tnaqqis estensiv meta jakkwistaw parteċipazzjonijiet, sakemm jiġu pprovduti servizzi ta’ ġestjoni bi ħlas biss lil din il-kumpannija, ikun xi jkun l-ammont. Minħabba din ir-raġuni, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-Kummissjoni espliċitament ipproponiet li fil-każ tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni t-tnaqqis ikun awtorizzat biss f’relazzjoni xierqa għat-tranżazzjonijiet tal-output iġġenerati minn servizzi ta’ ġestjoni.

30.      Madankollu, fil-pass li jmiss tqum il-kwistjoni dwar kif għandha tiġi kkalkolata r-relazzjoni xierqa. Sempliċi tqabbil f’termini ta’ valur tat-tranżazzjonijiet idderivati mis-servizzi ta’ ġestjoni u d-dividendi jinjora l-fatt li ż-żamma tal-azzjonijiet ma tikkawżax spejjeż b’mod perijodiku. Barra minn hekk, l-eċċess tat-taxxa tal-input deskritt hawn fuq jeżisti biss fil-perijodu ta’ tassazzjoni li fih ikun sar l-akkwist tal-azzjonijiet tal-impriża. Din il-kunsiderazzjoni tinbidel jekk is-servizzi ta’ ġestjoni jkunu ġew ipprovduti bi ħlas għal diversi snin. Barra minn hekk, f’każ bħal dak ineżami, il-problemi marbuta mal-kalkolu jintensifikaw billi huwa sempliċement ikkonċernat akkwist ippjanat. Fil-każ ineżami, id-dħul potenzjali mid-dividendi l-iktar l-iktar jista’ jiġi stmat bejn wieħed u ieħor.

31.      Barra minn hekk, mhux kull żamma tal-azzjonijiet tista’ bilfors twassal għal attività mhux ekonomika tal-persuna taxxabbli flimkien mal-attivitajiet operattivi tagħha. Dan fil-fatt ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT (20). Skont l-approċċ issuġġerit mill-Kummissjoni, kull persuna taxxabbli li żżomm ukoll azzjonijiet tkun tista’ sempliċement tinvoka tnaqqis proporzjonali fir-rigward tal-ispejjeż ġenerali marbuta mat-tmexxija ta’ kumpannija, anki jekk ma jkunx ikkontestat li dawn l-ispejjeż inħolqu b’rabta mal-attività ekonomika (21). Iż-żamma ta’ azzjoni bħala tali l-iktar l-iktar tikkawża spejjeż baxxi u l-ammont tad-dħul mid-dividendi wkoll ma jiddependix mill-ispejjeż ġenerali l-oħra.

32.      Għaldaqstant, il-fehma tal-Kummissjoni ma hijiex konvinċenti.

D.      It-tnaqqis sħiħ f’każ ta’ kunsiderazzjoni funzjonali tal-akkwist tal-azzjonijiet

33.      Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ kunsiderazzjoni funzjonali, li tieħu kont tan-negozju prinċipali operattiv tal-persuna taxxabbli u li tibbaża fuq ir-rabta tal-akkwist tal-azzjonijiet ma’ din l-attività ekonomika, il-problemi li għadni kemm indirizzajt ma jinħolqux. F’dan ir-rigward b’mod partikolari jitpoġġew maġenb xulxin l-ispejjeż għall-akkwiżizzjoni u t-tranżazzjonijiet mill-attivitajiet operattivi. Jiena saħansitra nemmen li tali approċċ funzjonali f’każijiet bħal dak ineżami diġà jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34.      Fil-fatt, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali ma hijiex mogħtija s-sitwazzjoni tipika għal kumpanniji purament għaż-żamma ta’ azzjonijiet, fejn il-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni taxxabbli hija effettivament prerekwiżit sabiex tiġi preżunta attività ekonomika. Kif diġà nnotajt, Ryanair diġà teżerċita attività fis-suq tat-trasport bl-ajru u twettaq tranżazzjonijiet korrispondenti. F’dan il-kuntest jidher artifiċjali li jiġi bbażat fuq il-provvista futura ta’ servizzi ta’ ġestjoni bi ħlas.

35.      Kunsiderazzjoni funzjonali tissodisfa aħjar id-dimensjoni ekonomika tal-każ: għalkemm l-akkwiżizzjoni ta’ kompetitur f’dan il-każ kellha titwettaq bl-akkwist ta’ azzjonijiet tal-impriża, dan il-każ jirrappreżenta rabta ħafna iktar mill-qrib mas-sitwazzjoni fejn impriża tippjana li tixtri t-tagħmir fiżiku tax-xogħol u l-faċilitajiet kollha ta’ kompetitur, milli mas-sitwazzjoni fejn impriża tixtieq tixtri azzjonijiet għas-sempliċi raġuni li tirċievi dividendi.

36.      Kif ammettiet ukoll il-Kummissjoni fil-fażi orali tal-proċedura, ma huwiex ikkontestat li tali approċċ ikollu l-konsegwenza li l-akkwirent essenzjalment ikollu jingħata tnaqqis sħiħ. Dan ir-riżultat ikun jirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet li possibbilment huma applikabbli dwar it-trasferiment integrali ta’ impriża (Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-VAT), kif ukoll mir-regoli normali. Lanqas fil-każ ta’ amalgamazzjoni sħiħa mal-kumpannija li qiegħda tiġi inkorporata ma jkun hemm dubju dwar it-tnaqqis fir-rigward tal-ispejjeż għall-akkwist. Ir-restrizzjoni tat-tnaqqis għal każijiet ta’ jedd ta’ proprjetà sħiħ “biss” tkun tippreġudika wkoll il-prinċipju ta’ newtralità tal-forma ġuridika.

37.      Għaldaqstant, l-intervent dirett fl-amministrazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ ġestjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma huwa l-uniku każ li fih iż-żamma ta’ azzjoni tista’ tikkostitwixxi attività ekonomika. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tikkonferma attività ekonomika jekk l-akkwist jew iż-żamma tal-azzjoni huma attribwiti karattru tipikament intraprenditorjali (22). Dan pereżempju japplika għal attività kummerċjali ta’ negozju ta’ titoli jew meta l-akkwist jew iż-żamma tal-azzjonijiet jikkostitwixxu estensjoni diretta, permanenti u neċessarja ta’ attività taxxabbli (23).

38.      L-akkwiżizzjoni strateġika ta’ impriża, li permezz tagħha l-kumpannija akkwirenti ssegwi l-għan li tespandi jew li tbiddel l-attivitajiet operattivi tagħha, għandha tiġi kkunsidrata bħala tali estensjoni diretta, permanenti u neċessarja ta’ attività taxxabbli. Għalkemm hija akkumpanjata mill-akkwist ta’ azzjonijiet tal-impriża, tali akkwiżizzjoni tirrappreżenta miżura li għandha l-għan ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli (avvanzati).

E.      Ir-rabta bejn l-akkwist tal-azzjonijiet u t-tranżazzjonijiet mill-attivitajiet operattivi

39.      Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar ir-rabta bejn l-ispejjeż imġarrba f’relazzjoni mal-akkwist tal-azzjonijiet u s-servizzi ta’ ġestjoni intenzjonati ma hemmx għalfejn tingħata risposta (24). Jekk wieħed jadotta approċċ funzjonali, pjuttost huwa iktar rilevanti l-kuntest tal-akkwist tal-azzjonijiet mat-tranżazzjonijiet (intenzjonati) min-negozju tat-titjir operattiv. Fir-rigward tal-imsemmija tranżazzjonijiet ma teżistix diskrepanza bejn il-valur tat-tnaqqis u t-tranżazzjonijiet tal-output, u għalhekk ma huwiex meħtieġ tqassim.

40.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali spejjeż huma marbuta direttament u immedjatament ma’ tranżazzjonijiet tal-output partikolari li jappartjenu għall-elementi li jikkostitwixxu l-ispejjeż (25). It-tnaqqis jista’ jiġi invokat ukoll għall-ispejjeż ġenerali ta’ impriża li jappartjenu għall-elementi li jikkostitwixxu l-prezz tal-prodotti kollha ta’ impriża (26).

41.      Ma huwiex ikkontestat li n-nefqa li twettqet b’rabta mal-akkwist tal-azzjonijiet tal-impriża ta’ Aer Lingus tirrappreżenta elementi li jikkostitwixxu l-ispejjeż għat-tranżazzjonijiet tal-output (intenzjonati) min-negozju tat-titjir wara l-akkwiżizzjoni ta’ Aer Lingus. Jekk Ryanair trid tagħmel profitt, dawn l-ispejjeż iridu b’xi mod jew ieħor jiġu inklużi wkoll fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru. Il-ksib tal-kontroll fuq Aer Lingus kien ikun il-prerekwiżit biex titjieb il-prestazzjoni sħiħa tal-impriża u konsegwentement it-tranżazzjonijiet tal-output intenzjonati jinkisbu bil-kumpannija omm u s-sussidjarja. Tali influwenza fuq il-ġestjoni tal-impriża ta’ kompetitur hija possibbli biss jekk il-kumpannija akkwirenti tkun fil-pussess tal-maġġoranza tal-azzjonijiet tal-impriża.

42.      Kif diġà spjegajt iktar ’il fuq (fil-punt 26), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li ċ-ċirkustanza li attwalment ma seħħietx l-akkwiżizzjoni ppjanata u t-tkomplija tal-operat ta’ Aer Lingus taħt il-kontroll assolut ta’ Ryanair, ma għandhiex influwenza fuq dan l-eżitu. Anki hawnhekk hija suffiċjenti l-intenzjoni, ipprovata minn ċirkustanzi oġġettivi, li tiġi eżerċitata attività ekonomika (27). Din l-intenzjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata sussegwentement abbażi tal-fatt li attwalment l-akkwiżizzjoni ta’ Aer Lingus ma rnexxietx (28).

V.      Konklużjoni

43.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

1)      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali (fil-kuntest ta’ hekk imsejħa akkwiżizzjoni strateġika), l-akkwist tal-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija bl-intenzjoni li l-attività taxxabbli tal-kumpannija akkwirenti tiġi estiża b’mod dirett, permanenti u neċessarju, jikkostitwixxi attività ekonomika fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (illum l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE).

2)      Spejjeż li ġġarrab il-kumpannija akkwirenti b’rabta mal-akkwist ta’ tali akkwiżizzjoni strateġika huma direttament u immedjatament marbuta mal-attività taxxabbli tagħha, b’tali mod li l-VAT imħallsa fuq din in-nefqa għandha titnaqqas skont din l-attività.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2007, L 335, p. 60).


3      Sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1991, Polysar Investments Netherlands (C-60/90, EU:C:1991:268, punt 17), tal-14 ta’ Novembru 2000, Floridienne u Berginvest (C-142/99, EU:C:2000:623, punt 17), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 20).


4      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 21), tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, EU:C:2009:665, punti 30 u 31), tas-6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom (C-496/11, EU:C:2012:557, punt 34), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 21).


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


6      Sabiex il-kwotazzjoni tkun eħfef ser inkun qiegħed nibbaża fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.


7      Deċiżjoni C(2007) 3104 tas-27 ta’ Ġunju 2007 (Każ COMP/M.4439). Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Ryanair kontra din id-deċiżjoni ma kellux suċċess quddiem il-Qorti Ġenerali, ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T-342/07, EU:T:2010:280).


8      Sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, EU:C:1985:74, punt 24), tad-29 ta’ Frar 1996, INZO (C-110/94, EU:C:1996:67, punt 17) u tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712, punt 20).


9      Ara s-sentenza reċenti tal-21 ta’ Settembru 2017, SMS group (C-441/16, EU:C:2017:712, punt 46).


10      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 21), tas-6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom (C-496/11, EU:C:2012:557, punt 34), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 21).


11      Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1993, Sofitam (C-333/91, EU:C:1993:261, punt 13), tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 19), u tas-6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom (C-496/11, EU:C:2012:557, punt 32).


12      Sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1991, Polysar Investments Netherlands (C-60/90, EU:C:1991:268, punt 17), tal-14 ta’ Novembru 2000, Floridienne u Berginvest (C-142/99, EU:C:2000:623, punt 17), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 20).


13      Sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1991, Polysar Investments Netherlands (C-60/90, EU:C:1991:268, punt 14), tal-14 ta’ Novembru 2000, Floridienne u Berginvest (C-142/99, EU:C:2000:623, punt 17), tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 19), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 20).


14      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 21), tas-6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom (C-496/11, EU:C:2012:557, punt 34), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 21).


15      Għalhekk ma huwiex biżżejjed li jsir intervent (“sempliċi”) mingħajr ħlas jekk apparti dan ma jkunux jeżistu tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli, ara d-digrieti tat-12 ta’ Lulju 2001, Welthgrove (C-102/00, EU:C:2001:416, punti 16 u 17) u tat-12 ta’ Jannar 2017, MVM (C-28/16, EU:C:2017:7, punt 34).


16      Sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, EU:C:1985:74, punt 23), tat-8 ta’ Ġunju 2000, Schloßstrasse (C-396/98, EU:C:2000:303, punt 39) u tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712, punt 20).


17      Sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, EU:C:1985:74, punt 24), tat-8 ta’ Ġunju 2000, Schloßstrasse (C-396/98, EU:C:2000:303, punt 40) u tal-21 ta’ Settembru 2017, SMS group (C-441/16, EU:C:2017:712, punt 46).


18      Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl (C-400/98, EU:C:2000:304, punti 34 et seq.).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 25) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Securenta (C-437/06, EU:C:2007:777, punti 30 et seq.).


20      Dwar dan il-prinċipju ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1993, Sofitam (C-333/91, EU:C:1993:261, punt 10), tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, EU:C:2005:320, punt 33), u tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, EU:C:2009:665, punt 55). Madankollu, kuntrarjament għal dan il-każ, fil-kawża MVM diġà kien hemm dubju dwar ir-rabta bejn l-inputs u l-attivitajiet operattivi, ara d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2017, MVM (C-28/16, EU:C:2017:7, punt 39).


21      Fil-kawża MVM il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li holding imħallta li ma tipprovdix servizzi ta’ ġestjoni taxxabbli fil-konfront tas-sussidjarji tagħha, u barra minn hekk tikseb tranżazzjonijiet oħra minn attivitajiet operattivi proprji (il-kiri ta’ netwerks tal-elettriku u tal-gass), tista’ biss tinvoka proporzjonalment it-tnaqqis fir-rigward tal-ispejjeż li ġarrbet għal servizzi ta’ konsulenza, jekk dawn jitqiesu bħala spejjeż ġenerali għall-fergħa operattiva tal-attivitajiet tagħha, ara d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2017, MVM (C-28/16, EU:C:2017:7, punti 46 u 47).


22      Rigward it-teħid inkunsiderazzjoni karatterizzanti tal-attività ekonomika fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Posnania Investment (C-36/16, EU:C:2017:134, punt 25).


23      Sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust (C-155/94, EU:C:1996:243, punt 35), tas-6 ta’ Frar 1997, Harnas & Helm (C-80/95, EU:C:1997:56, punt 16), tal-14 ta’ Novembru 2000, Floridienne u Berginvest (C-142/99, EU:C:2000:623, punt 29), tat-8 ta’ Frar 2007, Investrand (C-435/05, EU:C:2007:87, punti 32 sa 36), tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, EU:C:2009:665, punt 31) u tat-30 ta’ Mejju 2013, X (C-651/11, EU:C:2013:346, punt 52).


24      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà espliċitament ċaħdet rabta diretta u immedjata bejn dawn it-tranżazzjonijiet, ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 32). F’dan ir-rigward tista’ tinftiehem ħażin il-formulazzjoni fis-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, EU:C:2009:665, punt 64). Hija possibbli invokazzjoni bħala spejjeż ġenerali, ara s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom (C-496/11, EU:C:2012:557, punt 37), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 25).


25      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 31), tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, EU:C:2005:320, punt 35), tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, EU:C:2009:665, punt 57) u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et (C-566/11, C-567/11, C-580/11, C-591/11, C-620/11 u C-640/11, EU:C:2013:660, punt 28).


26      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 33), tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, EU:C:2005:320, punt 37), tas-6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom (C-496/11, EU:C:2012:557, punt 37) u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et (C-566/11, C-567/11, C-580/11, C-591/11, C-620/11 u C-640/11, EU:C:2013:660, punt 29).


27      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, EU:C:1985:74, punt 24), tad-29 ta’ Frar 1996, INZO (C-110/94, EU:C:1996:67, punt 17), tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712, punt 20) u tal-21 ta’ Settembru 2017, SMS group (C-441/16, EU:C:2017:712, punt 46).


28      F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju espliċitament tinnota wkoll li l-kwistjoni dwar jekk l-intenzjoni korrispondenti ta’ Ryanair hijiex ipprovata permezz ta’ ċirkustanzi oġġettivi, jew jekk l-istess fatti oġġettivi proprju jeskludux tali intenzjoni, hija ċċarata b’mod konklużiv fil-kawża prinċipali. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-partijiet kollha fis-seduta.