Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2019(1)

Kawżi Magħquda C-13/18 u C-126/18

Sole-Mizo Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija))

u

Dalmandi Mezőgazdasági Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szekszárd, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu — Responsabbiltà tal-Istati Membri — Dritt għal kumpens sħiħ jew dritt għal kumpens adegwat — Kalkolu tal-interessi dovuti bħala kumpens għad-dannu kkawżat — Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza — Kamp ta’ applikazzjoni”






1.        Dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, li tressqu mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija), u mill-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szekszárd, l-Ungerija) jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt li jiġi kkumpensat għan-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni.

2.        It-talbiet tressqu fi proċeduri bejn Sole-Mizo Zrt u Sole-Mizo Zrt. (C-13/18) u Dalmandi Mezőgazdasági Zrt. (C-126/18) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Diviżjoni tal-Appelli tal-Awtorità Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija ). Dawn jirrigwardaw il-legalità ta’ prassi nazzjonali stabbilita mill-Gvern Ungeriż biex jikkumpensa lil persuni taxxabbli għall-VAT għall-applikazzjoni ta’ kundizzjoni stabbilita minn liġi nazzjonali li sussegwentement ġiet iddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja li tikser id-dritt tal-Unjoni. Kif ser nipproponi li nispjega, din il-prassi nazzjonali tidher li f’xi aspetti tmur lil hinn minn dak meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li f’aspetti oħra, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

3.        Qabel ma jiġu eżaminati d-domandi magħmula, huwa, madankollu, neċessarju li l-ewwel nett jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali.

I.      Id-dritt tal-Unjoni

A.      Id-Direttiva 2006/112

4.        L-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) jipprevedi:

“Fejn, għal perijodu partikolari ta’ taxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw, jew jagħmlu rifużjoni jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu rifużjoni jew li jmexxu “’l quddiem jekk l-ammont ta’ l-eċċess hu insinifikanti.”

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Regoli li jirregolaw il-proċedura tal-irkupru tal-VAT

5.        L-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény jogharmonizációs célú módosításáról és az adó-visszaigénylés különös eljárás szabályairól szóló 2011. évi CXXIII. törvény (il-Liġi CXXIII tal-2011 li temenda bl-għan ta’ armonizzazzjoni l-Liġi CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u li tistabbilixxi Regoli tal-Proċedura Speċjali għal Talbiet ta’ Rimbors tat-Taxxa, iktar ’il quddiem il-“Liġi li temenda”) tinkludi d-dispożizzjonijiet sussegwenti:

“Paragrafu 1

(1)      L-ammonti li fir-rigward tagħhom il-persuna taxxabbli ma kinitx f’pożizzjoni li titlob, fl-aħħar dikjarazzjoni tal-VAT li kellha tippreżenta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi ([...] iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni”), id-dritt tagħha għal irkupru skont il-Paragrafu 186(2) sa (4) tal-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény [(il-Liġi CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (l-Att dwar il-VAT)], imħassar minn din il-Liġi ‐ biss għall-ammont li l-persuna taxxabbli niżżlet bħala taxxa fuq l-akkwisti mhux imħallsa ‐ jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal irkupru mressqa quddiem l-awtoritajiet fiskali mill-persuna taxxabbli sal-20 ta’ Ottubru 2011, bl-użu tal-formola pprovduta għal dan l-għan; irrispettivament minn dan il-perijodu, il-persuna taxxabbli tista’, fid-dikjarazzjoni korrispondenti għall-iskema li hija suġġetta għaliha, tgħodd l-ammonti ta’ hawn fuq bħala punt li jnaqqas l-ammont ta’ taxxa li għaliha hija responsabbli, jew teżerċita d-dritt tagħha għal rimbors fid-dikjarazzjoni tagħha. Din it-talba hija meqjusa dikjarazzjoni għall-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tal-adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény [(il-Liġi XCII tal-2003, li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali)]. It-terminu biex titressaq din it-talba ma jistax jiġi estiż.

(2)      Fir-rikors tagħha ppreżentat sal-20 ta’ Ottubru 2011, il-persuna taxxabbli tista’ titlob biss li l-awtoritajiet fiskali jwettqu awditu mill-ġdid ta’ dikjarazzjoni għal perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi bl-għan li jiġu riveduti l-konsegwenzi legali stabbiliti preċedentement biss meta jkunu ġew imposti fuqha, b’deċiżjoni li tkun saret finali wara l-awditu preċedenti, multa fiskali jew interessi moratorji fuq il-bażi tal-Paragrafu 186(2) sa (4) tal-[Att dwar il-VAT], imħassar b’dan l-Att, jew il-Paragrafu 48(7) tal-általános forgalmi adóról szóló 1992. évi LXXIV. törvény [(il-Liġi LXXIV tal-1992 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud); (l-Att dwar il-VAT preċedenti)]. Il-persuna taxxabbli tista’ tressaq tali talba anki meta hija ma tagħmilx użu mid-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu 1 hawn fuq. It-terminu sabiex titressaq din it-talba huwa terminu ta’ dekadenza li l-persuna taxxabbli ma tistax tiġi meħlusa minnu.

[...]

Paragrafu 3

Il-Paragrafu 186(2) sa (4) tal-[Att dwar il-VAT], imħassar b’din il-liġi, u l-Paragrafu 48(7) tal-[Att dwar il-VAT preċedenti] ma humiex applikabbli għal każijiet pendenti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi jew għal dawk imressqa wara din id-data.”

2.      Il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali Ungeriż

6.        Il-Paragrafu 37(4) u (6) tal- adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi XCII tal-2003, li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, “il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”), fil-verżjoni inizjali tiegħu, li hija dik ikkwotata mill-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet tiegħu (2) u l-unika waħda ppreżentata quddiem il-qorti, jipprevedi s-segwenti

“(4).      Id-data li fiha jkun dovut il-ħlas ta’ sussidju baġitarju dovut lill-persuna taxxabbli għandha tiġi rregolata mill-Annessi ta’ din il-liġi jew liġi speċifika. L-għoti baġitarju jew il-VAT li r-rimbors tagħha huwa mitlub għandhom jitħallsu fi 30 jum mill-irċevuta tat-talba (dikjarazzjoni), iżda mhux qabel id-data li fiha tkun dovuta, u fejn l-ammont ta’ VAT li jista’ jiġi rkuprat jeċċedi HUF 500 000 dan il-perijodu jiġi estiż għal 45 jum. [...]

[...]

(6)      Fejn l-amministrazzjoni fiskali tagħmel ħlas tardiv, din għandha tħallas interessi b’rata ekwivalenti għal dik ta’ penali moratorja għal kull jum ta’ dewmien. [...]”

7.        Il-Paragrafu 124/C tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali fil-verżjoni kkwotata mill-qorti tar-rinviju (3), jipprevedi:

“(1)      Fejn l-Alkotmánybíróság [(il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija)], il-Kúria [(il-Qorti Suprema, l-Ungerija)] jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkonstataw, b’effett retroattiv, li regola ta’ dritt li tippreskrivi obbligu fiskali tikser il-Liġi Fundamentali jew att obbligatorju tal-Unjoni Ewropea jew, fil-każ ta’ regolament muniċipali, kwalunkwe regola oħra ta’ dritt, u li din id-deċiżjoni ġudizzjarja tagħti lok għal dritt ta’ rimbors għall-persuna taxxabbli skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità fiskali inizjali għandha tipproċedi bir-rimbors fuq it-talba tal-persuna taxxabbli ‐ u skont il-proċeduri stabbiliti fid-deċiżjoni kkonċernata.

(2)      Il-persuna taxxabbli tista’ tressaq it-talba tagħha bil-miktub lill-awtorità fiskali f’180 jum mill-pubblikazzjoni jew notifika tad-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság [(il-Qorti Kostituzzjonali)], tal-Kúria [(il-Qorti Suprema)] jew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; l-ebda talba għal ħelsien mid-dekadenza ma għandha tiġi aċċettata fi tmiem il-perijodu. L-awtorità fiskali għandha tiċħad it-talba f’każ li, fid-data tal-pubblikazzjoni jew notifika tad-deċiżjoni, id-dritt għal talba għal kumpens ikun skada.

[...]

(6)      Jekk id-dritt ta’ persuna taxxabbli għal rimbors huwa fondat sew, l-awtorità fiskali għandha tħallas ‐ fil-mument tar-rimbors ‐ l-interessi fuq it-taxxa li għandha tiġi rrimborsata, b’rata ekwivalenti għar-rata bażika tal-bank ċentrali u kkalkolata mid-data tal-ħlas tat-taxxa sal-jum li fih id-deċiżjoni tal-għoti tar-rimbors saret finali. Ir-rimbors huwa dovut fid-data li fiha d-deċiżjoni tal-għoti tiegħu saret finali u għandu jsir fi 30 jum mid-data li fiha sar dovut. Id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-ħlas ta’ sussidji baġitarji għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rimbors irregolat minn dan il-paragrafu, bl-eċċezzjoni tal-Paragrafu 37(6).”

8.        Il-Paragrafu 124/D(1) sa (3), tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali fil-verżjoni kkwotata mill-qorti tar-rinviju jaqra hekk:

“(1)      Sakemm mhux previst mod ieħor f’dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-Paragrafu 124/C għandhom japplikaw għal rikorsi ta’ rimbors ibbażati fuq id-dritt li titnaqqas il-VAT.

(2)      Il-persuna taxxabbli tista’ teżerċita d-dritt imsemmi fis-subparagrafu 1 hawn fuq permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni ‐ ippreżentata f’180 jum mill-pubblikazzjoni jew notifika tad-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság [(il-Qorti Kostituzzjonali)], tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ‐ tad-dikjarazzjoni jew dikjarazzjonijiet li jikkorrispondu għas-sena jew is-snin fiskali li fihom inħoloq id-dritt ta’ tnaqqis ikkonċernat. L-ebda talba għal dikjarazzjoni ta’ dekadenza ma għandha tiġi aċċettata fit-tmiem tat-terminu.

(3)      Jekk id-dikjarazzjoni, kif ikkorreġuta fid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni, turi li l-persuna taxxabbli hija intitolata għal rimbors minħabba t-tnaqqis fit-taxxa li hija għandha tħallas jew minħabba ż-żieda fl-ammont li jista’ jiġi rkuprat ‐ b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-kundizzjonijiet għal rimbors tat-taxxa li għandhom jiġu rreġistrati bħala negattiv previst mil-liġi dwar il-VAT fis-seħħ fid-data li fiha jirriżulta d-dritt għat-tnaqqis ‐, l-awtorità fiskali għandha tapplika għall-ammont li għandu jiġi rrimborsat rata ta’ interessi ekwivalenti għar-rata bażika tal-bank ċentrali, ikkalkolata għall-perijodu bejn id-data stabbilita għall-ħlas fid-dikjarazzjoni jew fid-dikjarazzjonijiet ikkonċernati mid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni, jew id-data dovuta ‐ jew id-data tal-ħlas tat-taxxa jekk din tkun iktar tard – u d-data li fiha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni. Ir-rimbors ‐ li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-ħlas ta’ sussidji baġitarji – għandu jiġi ppreżentat fi 30 jum mid-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni.”

9.        L-ewwel sentenza tal-Paragrafu 135(4) tal-istess kodiċi fil-verżjoni kkwotata mill-qorti tar-rinviju tistabbilixxi:

“Fejn deċiżjoni mogħtija mill-awtorità fiskali, jew l-istabbiliment minnha tat-taxxa fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija lilha, hija illegali u l-persuna taxxabbli hija għaldaqstant intitolata għal rimbors, l-awtorità fiskali għandha tħallas l-interessi fuq l-ammont li għandu jiġi rrimborsat bl-istess rata ta’ penali moratorja, sakemm l-iżball fl-istabbiliment tat-taxxa huwa attribwibbli għal kawża li seħħet fil-kamp ta’ responsabbiltà tal-persuna taxxabbli jew ta’ persuna suġġetta għal obbligu li tipprovdi data.”

10.      Il-Paragrafu 164(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali fil-verżjoni kkwotata mill-qorti tar-rinviju, jistabbilixxi:

“Id-dritt għall-evalwazzjoni tat-taxxa jiskadi  5 snin wara l-aħħar jum tas-sena kalendarja li fiha kellha ssir id-dikjarazzjoni jew in-notifika li tirrelata ma’ din it-taxxa, jew fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew notifika, li fiha t-taxxa kellha titħallas. Sakemm mhux previst mod ieħor bil-liġi, id-dritt biex jintalab sussidju baġitarju u d-dritt għar-rimbors ta’ ħlas indebitu jiskadi 5snin wara l-aħħar jum tas-sena kalendarja li fiha d-dritt biex jintalab is-sussidju jew ir-rimbors ikun beda. [...]”

11.      Il-Paragrafu 165(2) ta’ dak il-kodiċi fil-verżjoni kkwotata mill-qorti tar-rinviju, jipprevedi:

“Ir-rata tal-penali moratorja għal kull jum kalendarju hija ekwivalenti għal 1/365 tad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni tagħha. Penali għad-dewmien ma tistax minnha nnifisha tirriżulta fl-applikazzjoni ta’ penali moratorja. L-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa u tad-dwana ma tordnax il-ħlas tal-penali moratorji ta’ inqas minn HUF 2 000.”

II.    Il-kuntest tat-tilwima

12.      Il-paragrafu 48(7) tal-Att dwar il-VAT preċedenti li kien fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2007, u, sussegwentement, il-Paragrafu 186(2) tal-Att dwar il-VAT, li kien fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u s-26 ta’ Settembru 2011, għamel ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas (i.e., is-somma li tibqa’ wara li l-VAT dovuta titneħħa minn dik li tista’ titnaqqas) kundizzjonali fuq il-ħlas sħiħ tat-tranżazzjonijiet li ħolqu l-VAT li tista’ titnaqqas (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas”). Fl-assenza ta’ dan il-ħlas, dan l-eċċess kellu jiġi ttrasferit għall-perijodu tat-taxxa sussegwenti, li jfisser li tnaqqas mill-ammont ta’ VAT li għandha titħallas fil-perijodu sussegwenti.

13.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530), iddeċidiet li l-Paragrafu 186(2) tal-Att dwar il-VAT kiser l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT.

14.      Il-Liġi li temenda, li ġiet adottata mill-Parlament Ungeriż wara din is-sentenza, ħassret, b’effett mis-27 ta’ Settembru 2011, il-Paragrafu 186(2) sa (4) tal-Att dwar il-VAT. Hija issa tippermetti r-rimbors tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas mingħajr ħtieġa li jiġi mistenni l-ħlas tal-korrispettiv dovut minħabba t-tranżazzjoni li minnha tirriżulta l-VAT li tista’ titnaqqas. Dwar dan is-suġġett, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 iddikjarat li, skont din il-leġiżlazzjoni, persuni taxxabbli jistgħu:

–        japplikaw għal rimbors speċjali permezz ta’ talba għal ħlas tal-VAT miżmuma ppreżentata f’terminu ta’ dekadenza,

–        jitolbu dan il-ħlas fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom jew

–        jużaw il-VAT miżmuma fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom sabiex inaqqsu t-taxxa dovuta.

15.      F’digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, fil-kawża Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó (C-654/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2127, iktar ’il quddiem id-“Digriet Delphi”, punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandhom jiġu interpretati li jipprekludu l-leġiżlazzjoni u l-prassi ta’ Stat Membru li jeskludu l-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont ta’ eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li ma jistax jiġi rkuprat f’perijodu raġonevoli ta’ żmien minħabba dispożizzjoni nazzjonali kkunsidrata li tikser id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, madankollu, li fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan is-settur, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina, f’konformità mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-modalitajiet għall-ħlas ta’ tali interessi.

16.      Bħala riżultat tad-digriet Delphi, l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża żviluppat prassi amministrattiva, li l-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet fid-deċiżjoni Nru Kfv.I.35.472/2016/5 tal-24 ta’ Novembru 2016, li mbagħad intużat bħala bażi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ prinċipju (Nru EBH2017.K18) intitolata Eżami (fir-rigward tar-rata u terminu ta’ dekadenza) tal-kwistjoni ta’ interess fuq il-VAT neċessarjament akkumulata minħabba l-kundizzjoni ta’ ħlas” (“deċiżjoni tal-prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017”). tad-deċiżjoni tal-prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017

17.      Skont id-deċiżjoni fil-prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017 tad-deċiżjoni tal-prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017, għall-għan tal-kalkolu tal-interessi moratorji fuq l-ammont ta’ VAT li ma kienx irkuprat sewwa minħabba l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas preċedenti, żewġ perijodi għandhom jiġu identifikati:

–        Għall-perijodu bejn il-jum ta’ wara l-aħħar jum tat-terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT u d-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni sussegwenti, il-Paragrafi 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li jirregolaw is-sitwazzjoni fejn l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) jew il-Kúria (il-Qorti Suprema) tikkonstata li regola tikser regola nazzjonali ogħla huma applikabbli b’analoġija. Fil-fatt, fiż-żewġ sitwazzjonijiet, l-awtorità fiskali, skont dik id-deċiżjoni, ma wettqitx ksur tal-liġi, iżda applikat ir-regoli tad-dritt nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien. Skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ir-rata tal-interessi applikabbli għaldaqstant hija s-sempliċi rata bażika tal-bank ċentrali.

–        Għall-perijodu li jibda mid-data li fiha l-interessi saru dovuti mill-awtorità fiskali, u li jispiċċa fid-data li fiha l-awtorità fiskali kompetenti ħallset effettivament l-interessi, għandu japplika l-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali: Għaldaqstant, ir-rata tal-interessi hija ekwivalenti għal dik ta’ penali moratorja għal kull jum ta’ dewmien, jiġfieri d-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali. Dawn l-interessi huma kkalkolati mid-data tal-irċevuta mill-awtorità fiskali tat-talba għal rimbors speċjali jew tad-dikjarazzjoni tat-taxxa li tinkludi t-talba għal rimbors.

III. Il-fatti u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari

A.      Kawża C-13/18

18.      Fit-30 ta’ Diċembru 2016 Sole-Mizo ressqet quddiem l-awtorità fiskali fuq il-bażi tad-Digriet Delphi talba għal ħlas ta’ interessi fuq l-ammonti ta’ eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li ma ġewx irrimborsati fil-ħin minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas. Din it-talba kienet fir-rigward ta’ diversi perijodi kkunsidrati minn Diċembru 2005 sa Ġunju 2011. L-interessi komposti minħabba l-ħlas tardiv ta’ dawn l-interessi wkoll ġew mitluba.

19.      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2017, l-awtorità fiskali tal-ewwel istanza laqgħet parzjalment it-talba ta’ Sole-Mizo u ordnat il-ħlas tal-interessi fl-ammont ta’ 99 630 000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 321 501), filwaqt li ċaħdet it-talba tal-kumpannija għal interessi komposti minħabba l-ħlas tardiv ta’ dawn l-interessi.

20.      F’deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2017 adottata wara lment ippreżentat minn Sole-Mizo, l-awtorità fiskali tat-tieni istanza emendat l-ewwel deċiżjoni billi ddeċidiet favur Sole-Mizo u ordnat il-ħlas ta’ HUF 104 165 000 (madwar EUR 338 891) bħala interessi. Dan sar bl-applikazzjoni ta’ rata li tikkorrispondi għas-sempliċi rata bażika tal-bank ċentrali. Rigward il-parti tal-ewwel deċiżjoni li ċaħdet it-talba għal ħlas tal-interessi komposti, l-awtorità fiskali tat-tieni istanza annullatha u rreferiet il-kalkolu ta’ dawn l-interessi lura lill-awtorità fiskali inizjali.

21.      Sole-Mizo ppreżentat rikors quddiem il-qorti nazzjonali kontra d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2017 tal-awtorità fiskali superjuri, fejn argumentat li l-interessi dovuti sabiex jikkumpensaw id-dannu sostnut minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-korrispettiv imħallas, għandhom ukoll jiġu ddeterminati b’rata li tikkorrispondi għad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali, skont il-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

22.      Il-qorti nazzjonali għaldaqstant tistaqsi jekk l-interessi dovuti għandhomx jiġu kkalkolati bl-applikazzjoni ta’ rata li tikkorrispondi għas-sempliċi rata bażika tal-bank ċentrali jew bl-applikazzjoni ta’ rata li tikkorrispondi għad-doppju ta’ din ir-rata. B’mod partikolari, il-qorti tesprimi dubji dwar il-konformità mal-prinċipju tal-ekwivalenza, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, tad-deċiżjoni tal-prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017 tad-deċiżjoni tal-prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017 li skontha l-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali ma huwiex applikabbli b’analoġija mal-“ewwel perijodu” minħabba li l-amministrazzjoni fiskali ma wettqet l-ebda ksur ladarba hija sempliċement applikat id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien. Skont il-qorti nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali raġunar.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi sussegwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      Ir-regoli tad-dritt [tal-Unjoni], id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva dwar il-VAT] (fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 183 tagħha), u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ effett dirett u ta’ ekwivalenza jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-qasam ta’ interessi [...], li bis-saħħa tagħha l-awtorità fiskali nazzjonali ma wettqitx ksur (nuqqas), jiġifieri li ma kienx hemm min-naħa tagħha dewmien ta’ ħlas fir-rigward tal-parti li ma tistax tinġabar tal-VAT fuq l-akkwisti mhux irregolati tal-persuni taxxabbli, għaliex, fiż-żmien fejn l-awtorità fiskali nazzjonali ħadet deċiżjoni, il-kundizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni] kienet regola fis-seħħ u l-inkompatibbiltà ta’ din il-kundizzjoni mad-dritt [tal-Unjoni] ġiet ikkonstatata biss iktar tard mill-Qorti tal-Ġustizzja?

2)      Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva VAT (fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 183 tagħha), il-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li, fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-qasam ta’ interessi [...], jagħmel distinzjoni li tipprovdi li n-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa mill-awtorità fiskali jseħħ fl-osservanza tar-regoli tad-dritt nazzjonali fis-seħħ li jirriżultaw li jkunu kuntrarji għad-dritt [tal-Unjoni] jew li jiksruh, billi jidentifika, fir-rigward tar-rata ta’ interessi fuq il-VAT li ma tistax tinġabar f’terminu raġonevoli minħabba kundizzjoni ta’ dritt nazzjonali ġġudikata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ perijodi distinti kkaratterizzati minn dan li

–        għall-ewwel perijodu – peress li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni] kienet għadha fis-seħħ fiż-żmien u li, għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi ma wettqux ksur billi ma awtorizzawx ir-rimbors f’terminu raġonevoli tal-VAT imsemmija fil-fatturi –, il-persuni taxxabbli setgħu jitolbu biss, abbażi ta’ interessi [...], interessi bir-rata bażika tal-Bank Ċentrali, filwaqt li,

–        għat-tieni perijodu, hemm lok li jitħallsu interessi bid-doppju tar-rata bażika tal-Bank Ċentrali meħuda bħala riferiment mid-dritt Ungeriż f’każ ta’ dewmien, iżda biss għall-ħlas tard tal-interessi [...] kif huma kkalkolati għall-ewwel perijodu?

3)      L-Artikolu 183 tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprekludi prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha n-nuqqas tar-rimbors tal-VAT jagħti lok għal ħlas ta’ interessi mill-awtorità fiskali bis-sempliċi rata bażika tal-Bank Ċentrali f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda bid-doppju ta’ dik ir-rata f’każ ta’ ksur tad-dritt intern?”

B.      Kawża C-126/18

24.      Fit-30 ta’ Diċembru 2016, Dalmandi ppreżentat lill-awtorità fiskali tal-ewwel istanza talba għal ħlas tal-interessi fuq l-ammonti tal-VAT li ma ġewx irrimborsati fil-ħin bejn l-2005 u l-2011 minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas. Is-somma mitluba ammontat għal HUF 74 518 800 (madwar EUR 240 515). Għall-kalkolu tal-interessi fir-rigward ta’ kumpens għad-dannu sostnut direttament, it-talba ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu sħiħ bejn id-data dovuta tal-ħlas għall-perijodu ta’ rrapurtar ikkunsidrat u d-data dovuta tar-rimbors għall-perijodu ta’ rrapurtar li matulu ġiet adottata l-Liġi li temenda, speċifikament, il-5 ta’ Diċembru 2011. Hija applikat ukoll, għall-għanijiet ta’ dan il-kalkolu, rata d-doppju ta’ dik bażika tal-bank ċentrali, skont il-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali. Iktar minn hekk, Dalmandi talbet ħlas tal-interessi addizzjonali għall-perijodu mill-5 ta’ Diċembru 2011 sad-data effettiva tal-ħlas, bl-applikazzjoni wkoll tar-rata li għaliha jirreferi l-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

25.      B’deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2017, l-awtorità fiskali tal-ewwel istanza parzjalment laqgħet it-talba ta’ Dalmandi, billi ordnat l-interessi ta’ HUF 34 673 000 (madwar EUR 111 035) fir-rigward tal-ammonti tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas miżmuma illegalment għall-perijodu ta’ bejn ir-raba’ kwart tal-2005 u Settembru (it-tielet kwart) tal-2011 filwaqt li ċaħdet it-talba għall-bqija.

26.      Id-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq il-prinċipji stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017. L-ewwel nett, rigward it-talba għall-interessi, hija applikat il-Paragrafi 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali. Fit-tieni lok, hija ddeċidiet li t-talba ta’Dalmandi għall-ħlas tal-interessi komposti kienet infondata, minħabba li hija ma ppreżentatx talba għal rimbors speċjali u lanqas dikjarazzjoni tat-taxxa li inkludiet it-talba għal rimbors. Fit-tielet lok, rigward is-sena 2005, hija ċaħdet it-talba ta’Dalmandi għal interessi filwaqt li stabbilixxiet li l-ewwel tliet kwarti ta’ din is-sena kienu preskritti.

27.      B’deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2017, l-awtorità fiskali tat-tieni istanza, li quddiemha d-Dalmandi ressqet talba, irriduċiet l-ammont ta’ interessi miksuba favur Dalmandi għal HUF 34 259 000 (madwar EUR 103 840) u laqgħet id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tal-ewwel istanza rigward il-bqija tat-talba.

28.      Dalmandi ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Bħala punt prinċipali, hija sostniet it-talbiet preċedenti tagħha mressqa quddiem l-awtoritajiet fiskali. B’mod partikolari, hija sostniet li d-deċiżjoni bħala prinċipju tad-deċiżjoni tal-prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017, li fuqha l-awtorità fiskali tat-tieni istanza kienet ibbażat ruħha fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2017, tikser il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni meta, (i), hija ddeċidiet li l-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali huwa inapplikabbli minħabba li l-awtorità fiskali ma wettqet l-ebda ksur meta applikat il-liġi nazzjonali li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, (ii) hija teskludi li nuqqas ta’ azzjoni jista’ jiġi invokat kontra l-awtorità fiskali jekk ma tkunx saret talba għal rifużjoni speċjali, (iii) hija tistabbilixxi bħala d-data li minnha għandu jiġi kkalkolat it-terminu ta’ dekadenza, id-data li tippreċedi dik li fiha saret dovuta t-talba għall-interessi.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szekszárd) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi sussegwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni], id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva dwar il-VAT] (b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tagħha), u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ effett dirett u ta’ ekwivalenza jipprekludu prassi ġudizzjarja interna ta’ Stat Membru li skontha l-punt tat-tluq, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-interessi [...], hija l-premessa li l-awtorità fiskali nazzjonali ma wettqet ebda ksur (omissjoni), jiġifieri li ma kienet responsabbli għal ebda dewmien fil-ħlas inkonnessjoni mal-parti mhux rekuperabbli tal-VAT fuq l-akkwisti mhux imħallsa tal-persuni taxxabbli, peress li, fil-mument li fih l-imsemmija awtorità tat id-deċiżjoni tagħha, il-liġi nazzjonali li kienet tikser id-dritt [tal-Unjoni] kienet fis-seħħ u li kien biss iktar tard li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà tar-rekwiżit inkluż fiha mad-dritt [tal-Unjoni]? B’dan il-mod, il-prassi nazzjonali aċċettat bħala kważi-konformi mad-dritt l-applikazzjoni ta’ tali rekwiżit stabbilit fil-liġi nazzjonali li kienet tikser id-dritt tal-Unjoni sa ma din ġiet formalment imħassra mil-leġiżlatur nazzjonali.

2)      Id-dritt [tal-Unjoni], partikolarment id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT (b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tagħha), il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jipprekludi l-leġiżlazzjoni u l-prassi ta’ Stat Membru li skonthom, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-interessi [...], għandha ssir distinzjoni skont jekk in-nuqqas ta’ rkupru tat-taxxa mill-awtorità fiskali sarx b’osservanza tad-dispożizzjoniijiet nazzjonali fis-seħħ — li rriżultaw li kienu jiksru d-dritt [tal-Unjoni] — jew jekk sarx bi ksur ta’ dan tal-aħħar, u li fir-rigward tar-rata tal-interessi fuq il-VAT mhux irkuprata f’terminu raġjonevoli minħabba rekwiżit tad-dritt nazzjonali li ġie ddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jindikaw żewġ perijodi separati b’tali mod li,

–        għall-ewwel perijodu – peress li dakinhar il-leġiżlazzjoni Ungeriża kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni] kienet għadha fis-seħħ u li, għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi ma wettqu l-ebda ksur billi ma awtorizzawx ir-rimbors f’terminu raġjonevoli tal-VAT imsemmija fil-fatturi–, il-persuni taxxabbli jistgħu jitolbu biss, bħala interessi [...], dawk l-interessi skont ir-rata bażika tal-bank ċentrali, filwaqt li,

–        għat-tieni perijodu, hemm lok li jitħallsu interessi ekwivalenti għad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali meħuda bħala riferiment mid-dritt Ungeriż f’każ ta’ dewmien, iżda unikament għall-ħlas tardiv tal-interessi [...] kif ikkalkulati għall-ewwel perijodu?

3)      Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tistabbilixxi, bħala d-data tal-bidu tal-kalkolu tal-[interessi komposti] pagabbli, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fuq l-ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi moratorji (interessi fuq il-VAT) dovuti minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, mhux id-data ta’ eżiġibbiltà inizjali tal-interessi fuq il-VAT (prinċipali), iżda data suċċessiva, b’kont meħud b’mod partikolari tal-fatt li d-dritt li jintalab ħlas tal-interessi fuq it-taxxi miġbura jew mhux rimborsati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa dritt suġġettiv li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni stess?

4)      Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tobbliga lill-persuna taxxabbli tippreżenta talba speċjali meta hija titlob interessi minħabba ksur li jikkonsisti f’dewmien tal-awtorità fiskali, filwaqt li tali talba speċjali għall-ħlas ta’ interessi moratorji ma hijiex neċessarja f’każijiet oħra, meta dawn tal-aħħar għandhom jingħataw ex officio?

5)      F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li skontha interessi komposti (interessi fuq l-interessi), dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ ammont prinċipali konsistenti fl-interessi (interessi fuq il-VAT) dovuti fuq taxxa li l-ġbir tagħha ġie sussegwentement iddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jingħataw biss jekk il-persuna taxxabbli tressaq talba eċċezzjonali li l-kontenut tagħha ma jkunx jikkonċerna konkretament l-interessi iżda l-irkupru – fid-data tat-tħassir fid-dritt intern tad-dispożizzjoni li tipprevedi, bi ksur tad-dritt Komunitarju, il-ġbir tal-VAT minħabba nuqqas ta’ ħlas –tal-VAT relattiva, speċifikament, għall-akkwisti mhux imħallsa, peress li l-interessi fuq il-VAT li jikkostitwixxu l-bażi għall-interessi komposti mitluba – li la ġew imħallsa f’dak il-mument u lanqas wara – kienu diġà eżiġibbli għall-perijodi ta’ dikjarazzjoni preċedenti ta’ qabel it-talba eċċezzjonali?

6)      F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tipprevedi d-dekadenza ta’ dritt għall-interessi (interessi komposti), dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi (interessi fuq il-VAT) dovuti fuq taxxa li l-ġbir tagħha ġie sussegwentement iddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ djun ta’ interessi fuq il-VAT li ma kinux suġġetti għall-perijodu ta’ dikjarazzjoni tal-VAT affettwat mit-terminu ta’ preskrizzjoni previst għall-preżentata ta’ talba eċċezzjonali peress li dawn kienu eżiġibbli qabel?

7)      Id-dritt [tal-Unjoni], u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività kif ukoll tan-natura suġġettiva tad-dritt li jintalbu l-interessi fuq it-taxxi illegalment mhux irrimborsati jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li ċċaħħad b’mod definittiv lill-persuna taxxabbli mill-possibbiltà li jitlob interessi fuq taxxa, li nġabret abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-irkupru tal-VAT f’każ ta’ akkwisti mhux imħallsa u li sussegwentement ġiet iddikjarata kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni], u dan

–        billi tali prassi ma tqisx it-talba għall-interessi bħala fondata minħabba l-fatt li d-dispożizzjoni sussegwentement iddikjarata kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni] kienet fis-seħħ fil-mument meta t-taxxa kienet eżiġibbli (peress li ma kienx hemm dewmien u li l-awtorità tat-taxxa sempliċement aplikat il-liġi li kienet fis-seħħ),

–        u iktar tard – wara li tħassret id-dispożizzjoni li tirrestrinġi id-dritt għall-irkupru ddikjarata kuntrarju għad-dritt [tal-Unjoni] –

b’effett tal-preskrizzjoni?

8)      Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru, li b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali interna sussegwentement iddikjarata kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni], tirrendi l-possibbiltà li jintablu, għall-perijodu kollu 2005-2011, interessi [...] fuq l-ammont prinċipali, li jikkonsisti fl-interessi li l-persuna taxxabbli għandha dritt għalihom fuq it-taxxa mhux rimborsata fid-data ta’ eżiġibbiltà inizjali, dipendenti fuq il-punt dwar jekk il-persuna taxxabbli hijiex f’pożizzjoni li titlob l-irkupru tat-taxxa fid-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT għall-perijodu (jiġifieri ix-xahar ta’ Settembru 2011) li matulu tħassret id-dispożizzjoni kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni] inkwistjoni, minkejja li l-ħlas tal-ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi fuq il-VAT la sar f’dan il-mument u lanqas iktar tard, jiġifieri fid-data li fiha l-qorti nazzjonali ġiet adita bit-talba għall-interessi?”

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà taż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari

30.      Il-Gvern Ungeriż sostna li d-domandi ppreżentati magħmula huma inammissibbli, minħabba li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda pjuttost il-qorti nazzjonali, li għandha teżamina l-kwistjoni mqajma fil-kawża prinċipali dwar il-ħlas tal-interessi. Filwaqt li d-dritt għall-interessi jirriżulta, f’każijiet bħal dawn, mid-dritt tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-metodu tal-kalkolu u l-ħlas ta’ tali interessi. X’aktarx, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri f’dan ir-rigward huwa rregolat mill-bżonn li tiġi żgurata konformità mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, iżda l-verifika ta’ konformità ma’ dawn il-prinċipji hija, fl-ewwel istanza, mill-inqas, esklużivament f’idejn il-qrati nazzjonali.

31.      Mill-bidu, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-Gvern Ungeriż jirreferi għall-inammissibbiltà tad-domandi preliminari, l-argumenti tiegħu jirrelataw fil-fatt mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar dawn id-domandi fuq il-bażi, essenzjalment, li huma l-qrati nazzjonali biss li għandhom jiddeċiedu dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

32.      F’dan ir-rigward, huwa veru li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku, iżda sempliċement li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (4). Jista’ jiġi osservat, madankollu, li d-domandi magħmula ma jikkonċernawx l-applikazzjoni konkreta tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali, jew id-determinazzjoni preċiża tal-ammont ta’ kumpens dovut lir-rikorrenti, iżda pjuttost l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil ċerti dispożizzjonijiet jew prinċipji ta’ dritt tal-Unjoni f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’dawn il-proċeduri. B’mod partikolari, id-domanda dwar jekk u sa liema portata l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni biex jistabbilixxu metodu ta’ kalkolu tal-kumpens li għandu jingħata minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tiġi ddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni hija nnifisha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan kollu jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sħiħa biex tindirizza din il-kwistjoni.

33.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi preliminari u ma għandhiex tiddeċiedi li d-domandi magħmula huma inammissibbli.

B.      Osservazzjonijiet preliminari

34.      Qabel ma jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet varji li tqajmu minn dawn iż-żewġ kawżi, huwa neċessarju li jsiru xi rimarki preliminari dwar il-kuntest li saru fih.

35.      Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li bl-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas għal talbiet magħmula għal rimbors ta’ VAT tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas, l-Ungerija kisret l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. F’dan ir-rigward ma nipproponix li mmorru lura għar-raġunijiet li wasslu għal din is-sentenza. Madankollu, huwa importanti li jiġi indikat li, bis-saħħa tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, din il-konstatazzjoni rriżultat f’obbligu għall-Ungerija biex tagħmel il-konklużjonijiet neċessarji minn din is-sentenza.

36.      Dawn l-obbligi jinkludu t-tħassir tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas minn dan l-Istat Membru (5), ir-rimbors tal-eċċessi tal-VAT li tista’ titnaqqas li kienu għadhom jeżistu fid-data tas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530) (6) u l-kumpens ta’ persuni taxxabbli fir-rigward ta’ telf sostnut minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni (7). Dawn il-kawżi jirrelataw biss ma’ dan l-aħħar obbligu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li Stat Membru kiser id-dritt tal-Unjoni ma huwiex minnu nnifsu suffiċjenti biex jinżamm responsabbli għad-dannu kkawżat. It-tliet kundizzjonijiet elaborati fis-sentenza Francovich (8) (“il-kundizzjonijiet Francovich”) għandhom jiġu ssodisfatti biex Stat Membru jkun responsabbli: (i) ir-regola ta’ dritt tal-Unjoni miksura għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, (ii) il-ksur ta’ din ir-regola għandu jkun suffiċjentement serju, u (iii) għandha tirriżulta rabta kawżali bejn il-ksur u t-telf jew dannu sostnut mill-individwi (9). Iktar minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita dwar ir-responsabbiltà ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, li, fl-opinjoni tiegħi, hija applikabbli b’analoġija fil-każ ta’ responsabbiltà ta’ Stati Membri individwali (10), id-dannu sostnut għandu jkun reali u ċert (11). Minħabba li fil-kawża prinċipali l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas seta’ jintuża mill-ġdid fid-dikjarazzjoni tat-taxxa sussegwenti sabiex jiġu kkumpensati xi ammonti ta’ VAT dovuti, wieħed seta’ jistaqsi jekk id-dannu li għalih huwa mfittex il-kumpens huwa reali u ċert (12)

37.      Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li fid-Digriet Delphi l-Qorti tal-Ġustizzja kienet espliċita ħafna: “persuni taxxabbli li kisbu rimbors tal-eċċess tal-VAT [li tista’ titnaqqas] wara perijodu raġonevoli ta’ żmien [...] għandhom dritt għall-interessi għal ħlas tardiv skont id-dritt tal-Unjoni (13).” Fid-dawl ta’ dan id-digriet, huwa evidenti li l-Ungerija għandha l-obbligu li tagħmel ħlasijiet ta’ interessi xierqa sabiex tikkumpensa lill-persuni taxxabbli li sostnew telf finanzjarju riżultat tal-impożizzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas.

38.      Għaldaqstant, l-unika domandi li fadlilhom jiġu deċiżi huma dawk dwar il-portata tal-kumpens li għandu jingħata u r-rimedji li l-Ungerija għandha tipprovdi sabiex tippermetti lill-persuni taxxabbli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu kkumpensati u li jirriżultalhom mid-dritt tal-Unjoni. Dawn huma preċiżament iż-żewġ kwistjonijiet li huma indirizzati issa f’dawn il-kawżi magħquda. Għaldaqstant, dawn il-kawżi għandhom jiġu kkunsidrati skont dak li fil-fatt huma, jiġifieri, żewġ kawżi li jirrelataw mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-Istati Membri li jħallsu għad-dannu li kkawżaw b’riżultat tan-nuqqas tagħhom li japplikaw id-dritt tal-Unjoni b’mod xieraq. Rigward l-ewwel kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li meta l-kundizzjonijiet tas-sentenza Francovich jiġu ssodisfatti, l-Istati Membri jistgħu jevitaw ir-responsabbiltà fi tliet ċirkustanzi speċifiċi biss.

39.      L-ewwel nett, l-obbligu li jħallsu kumpens seta’ jiġi preskritt skont id-dritt nazzjonali. Issa nipproponi li tiġi eżaminata din il-kwistjoni fil-kuntest tas-seba’ domanda.

40.      Fit-tieni lok, il-vittma setgħet ikkontribwixxiet għad-dannu tagħha stess (14). Din l-eċċezzjoni, naturalment, ma tapplikax fil-kawża prinċipali.

41.      It-tielet eċċezzjoni tista’ possibbilment tirriżulta meta l-ammont ta’ kumpens inkwistjoni jista’ jkollu spejjeż tant kbar għall-Istat inkwistjoni li jqiegħed f’dubju l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Madankollu, ħlief, possibbilment, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna (15), hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li għandha tillimita jew tissospendi l-effett tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (16). Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw il-bona fide tagħhom jew l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, bħalma hu riskju ta’ ħsara għall-istabbilità tal-finanzi pubbliċi quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom sabiex jitolbu riduzzjoni tal-kumpens li mill-bqija jkun dovut – bl-assunzjoni, naturalment, li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Francovich jiġu ssodisfatti (17). Minħabba li, f’din il-kawża, l-Ungerija ma ressqitx dawn il-kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u minħabba li ma jidhirx li hemm tali ċirkustanzi eċċezzjonali - bħal dawk li għalihom tirreferi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ‐ din l-eċċezzjoni hija irrilevanti għal dawn l-għanijiet.

42.      Ladarba l-aħħar żewġ eċċezzjonijiet ma japplikawx hawn u l-Istat Membru nstab responsabbli għad-danni, id-domanda li tirriżulta tikkonċerna biss il-portata tal-kumpens li għandu jingħata.

43.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li, skont ċerti sentenzi, individwi huma intitolati għal kumpens sħiħ fir-rigward tad-dannu sostnut (18), filwaqt li skont ċerti sentenzi oħra, b’mod partikolari fi kwistjonijiet fiskali fejn kienu involuti ammonti sostanzjali, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li sempliċement jiżguraw kumpens xieraq għad-dannu sostnut (19).

44.      Ngħid għalija, nikkunsidra li dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza ma humiex fil-fatt kuntrarji għal xulxin. Fil-fehma tiegħi, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tenfasizza bl-użu tal-kelma “xieraq” huwa li, f’xi sitwazzjonijiet partikolari, l-obbligu prima facie li jingħata kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat bil-ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun li jkollu jiġi kkwalifikat f’xi istanzi b’kunsiderazzjonijiet ta’ prattiċità u jekk, b’mod ġenerali, huwiex opportun. Fi kliem ieħor, anki fejn il-kundizzjonijiet tas-sentenza Francovich jiġu ssodisfatti, id-dritt li jirriżulta għall-individwi mid-dritt tal-Unjoni li jiġu kkumpensati bis-sħiħ għal kwalunkwe ksur ta’ dan id-dritt ma huwiex assolut. Jiena ta’ din il-fehma għar-raġunijiet sussegwenti.

45.      L-ewwel nett, f’ċerti istanzi, id-dritt tal-Unjoni nnifsu jipprevedi regola speċifika għall-kalkolu tal-kumpens li għandu jingħata. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, la d-Direttiva dwar il-VAT u lanqas kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni ma jipprevedu metodu ta’ kalkolu tal-interessi dovuti fil-każ ta’ rimbors tardiv tal-eċċess tal-VAT. Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni ma tapplikax hawnhekk.

46.      Fit-tieni lok, fejn id-determinazzjoni preċiża tad-dannu sostnut tkun eċċessivament diffiċli, il-kumpens dovut jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ metodu li, mingħajr ma neċessarjament ikun eżatt, ikun intenzjonat sa fejn ikun possibbli li jipprovdi kumpens sħiħ għad-dannu sostnut (20).

47.      Fit-tielet lok, jekk ir-regoli tal-kumpens stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jimmiraw li jipprovdu almenu xi ħaġa viċin il-kumpens sħiħ għad-dannu sostnut riżultat tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-arranġamenti prattiċi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma neċessarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, ladarba tali għan jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti varjabbli konġunturali nazzjonali. L-Istati Membri huma għaldaqstant intitolati li jiddeterminaw, fid-dawl tal-indikaturi ekonomiċi eżistenti, liema indikaturi jew rati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Huma ma jistgħux, naturalment, jagħżlu rata li, mill-inqas, l-applikazzjoni tagħha ma timmirax għal kumpens sħiħ għat-telf jew id-dannu reali u ċert li jkun ġie sostnut.

48.      Għaldaqstant, nemmen li meta, fid-digriet tagħha tas-17 ta’ Lulju 2014, Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó (C-654/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2127), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C-591/10, EU:C:2012:478), fejn ġie deċiż fil-punt 27 li huwa “l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprovdi għall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitħallsu tali interessi, b’mod partikolari r-rata u l-metodu tal-kalkolu ta’ dawn l-interessi (interessi sempliċi u komposti)”, l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx li titbiegħed mill-prinċipju ta’ kumpens sħiħ, iżda pjuttost li tirreferi għall-fatt li r-rata preċiża li għandha tiġi applikata – dik li tammonta għal kumpens sħiħ – tiddependi fuq is-sitwazzjoni attwalment prevalenti f’kull Stat Membru (21).

49.      Apparti dawn is-sitwazzjonijiet, ladarba t-tliet kundizzjonijiet elaborati fis-sentenza Francovich sabiex Stat Membru jkun responsabbli jiġu ssodisfatti, kwalunkwe individwu li jsostni dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa intitolat għal kumpens sħiħ. Fil-fatt, l-għotja ta’ xi ħaġa għall-inqas viċin il-kumpens sħiħ hija neċessarja biex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni kif meħtieġ mill-prinċipju tas-supremazija ta’ dan id-dritt (22) u fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

50.      Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali l-persuni taxxabbli kkonċernati li sostnew telf finanzjarju minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas huma fil-prinċipju intitolati għal somma ta’ flus li tammonta għal kumpens sħiħ. B’mod partikolari, ladarba l-Gvern Ungeriż ma ressaqx, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta l-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija kienet pendenti, l-argument li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni, huwa ma jistax jerġa’ jagħmel dan l-argument.  Fi kwalunkwe każ, is-somom inkwistjoni, minkejja li sinjifikattivi, ma humiex ta’ importanza li tista’ tipperikola l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru.

51.      Iktar minn hekk, sa fejn, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni, id-dannu li jkun sar jieħu l-forma ta’ ċaħda tal-benefiċċju ta’ ċerta somma ta’ flus għal perijodu limitat ta’ żmien, tali dannu għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għall-prezz li wieħed ikollu jħallas sabiex jissellef l-istess somma ta’ flus minn stabbiliment ta’ kreditu. Dan il-kumpens għaldaqstant għandu jieħu l-forma ta’ interessi. Madankollu, dawn ma humiex, strettament, interessi moratorji fis-sens normali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

52.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li t-tipi differenti ta’ interessi u l-ismijiet tagħhom ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux dejjem kienet konsistenti fl-użu ta’ ċerti termini. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “interessi moratorji” jidher li ġieli ntuża fis-sens tal-kunċett Franċiż ta’ “Intérêt moratoire” (23), li jeħtieġ l-eżistenza ta’ dejn irrikonoxxut, u drabi oħra ntuża f’sens iktar ġenerali, b’mod li jidentifika kwalunkwe tipi differenti ta’ interessi relatati ma’ ħlas tardiv, kemm jekk punittivi jew kumpensatorji (24). Nipproponi, għaldaqstant, li niffoka fuq l-għan tat-tip ta’ interessi involuti, minflok fuq l-ismijiet jew id-deskrizzjonijiet tagħhom li jistgħu jvarjaw skont id-dritt u l-prassi nazzjonali.

53.      Rigward it-tieni kwistjoni, jiġifieri, il-metodu li bih il-kumpens għandu jitħallas mill-Istati Membri, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn il-kundizzjonijiet jaqgħu fl-awtonomija proċedurali ta’ kull Stat Membru (25). Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku domestiku ta’ kull Stat Membru biex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ‐ u mhux l-ammont tagħhom ‐ li skonthom għandhom jitħallsu l-interessi (26). Dawn il-kundizzjonijiet madankollu għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u tal-effettività tar-rimedji (27).

54.      Il-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ rimedji u proċeduri legali, li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (28). Għaldaqstant, ir-regoli proċedurali li jirregolaw dawn ir-rimedji ma jistgħux ikunu mfassla b’mod li jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi bl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli (29). B’mod aktar wiesa’, dan il-prinċipju jirrikjedi li d-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni jiġu applikati b’mod effettiv. (30)

55.      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għal rikorsi bbażati fuq ksur ta’ dritt tal-Unjoni u dawk ibbażati fuq ksur ta’ dritt nazzjonali li jkollhom għan u kawża simili, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-għan u l-karatteristiċi essenzjali ta’ rikorsi allegatament simili ta’ natura interna (31). Sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat fil-kawża prinċipali, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk teżistix, minbarra regola ta’ preskrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikabbli għar-rikorsi intiżi li jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni, regola ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikorsi ta’ natura domestika u jekk, fir-rigward tas-suġġett u tal-elementi essenzjali tagħhom, iż-żewġ regoli ta’ preskrizzjoni jistgħux jiġu kkunsidrati li huma simili (32).

56.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari.

57.      Finalment, ladarba l-persuni taxxabbli huma intitolati fil-prinċipju li jirċievu mill-inqas xi ħaġa li tammonta għal kumpens sħiħ għad-dannu sostnut, nipproponi li jiġu eżaminati d-domandi differenti relatati mal-kompatibbiltà tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont ta’ kumpens użat mill-prassi nazzjonali inkwistjoni flimkien mad-dritt tal-Unjoni.

C.      Fuq it-tliet domandi fil-Kawża C-13/18 u l-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C-126/18

58.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-13/18 permezz tat-tliet domandi tagħha, u l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, qegħdin jistaqsu jekk l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tar-rimedji, u dawk ta’ effett dirett u ta’ proporzjonalità, għandhomx jiġu interpretati, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprekludu prassi nazzjonali ta’ kalkolu ta’ interessi dovuti minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas, b’riferiment għar-rata li tikkorrispondi għal dik tal-bank ċentrali u mhux għad-doppju ta’ din ir-rata, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata fil-każ ta’ ħlas tardiv mill-amministrazzjoni ta’ dejn dovut.

59.      Ladarba d-dritt għal xi ħaġa li tammonta għal kumpens sħiħ jew xi ħaġa viċin tiegħu jirriżulta mill-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, huwa f’dan il-kuntest li nipproponi li jiġu eżaminati t-tliet domandi fil-Kawża C-13/18, kif ukoll l-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C-126/18.

1.      Il-kompatibbiltà tal-prassi nazzjonali mad-dritt għal kumpens sħiħ

60.      Kif diġà indikajt, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, fil-prinċipju, kumpens sħiħ għad-dannu, bl-assunzjoni, naturalment, li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Francovich ikunu ġew issodisfatti. Sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-prassi nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, id-dannu kkawżat bl-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas u, fit-tieni lok, jekk il-kumpens previst mill-prassi nazzjonali jimmirax li jkopri b’mod sħiħ it-telf u d-dannu sostnuti.

61.      Kif spjegajt qabel, id-dannu kkawżat fil-kawża prinċipali jikkonsisti mid-deprivazzjoni indebita tad-dritt li jinkiseb ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (33). Ladarba l-persuni taxxabbli kienu madankollu intitolati jużaw dan l-eċċess fid-dikjarazzjoni tal-VAT sussegwenti biex jikkumpensaw dejn tal-VAT, tali dannu jista’ jitqies prattikament bħala l-ekwivalenti ta’ ħlas tardiv (34). Għaldaqstant, bħal fil-każ ta’ ħlas tardiv, huwa neċessarju (i) li jiġi stabbilit il-perijodu li matulu l-persuna taxxabbli kienet imċaħħda mid-drittijiet tagħha (iktar ’il quddiem it-“terminu ta’ referenza”) u (ii) li jiġi applikat mal-ammont tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li għalih il-persuna kkonċernata ma kinitx kapaċi tikseb rimbors, rata ta’ interessi li tirrifletti l-konsegwenzi ta’ din iċ-ċaħda sabiex jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ kumpens dovut.

62.      Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-punt tat-tluq għat-terminu ta’ referenza jikkorrispondi għad-data li fiha l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas kellu jkun irrimborsat lill-persuna taxxabbli li kieku l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas ma ġietx applikata.

63.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu d-data li fiha r-rimbors għandu jsir, bil-kundizzjoni li din id-data tkun f’perijodu raġonevoli wara li l-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT tkun ġiet ippreżentata (iktar ’il quddiem il-“perijodu raġonevoli ta’ rimbors”) (35).

64.      Rigward id-data tat-tmiem ta’ dan it-terminu ta’ rimors raġonevoli, fid-dawl tad-dannu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iż-żewġ ipoteżijiet għandhom jiġu distinti skont jekk il-persuna kkonċernata tkunx finalment issodisfat il-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas jew jekk il-persuna kkonċernata ma kellhiex għażla apparti li tittrasferixxi l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas għad-dikjarazzjoni sussegwenti.

65.      Fl-ewwel sitwazzjoni, ladarba d-dannu sostnut waqaf fid-data li fiha l-VAT finalment ġiet irrimborsata, din id-data tikkostitwixxi d-data tat-tmiem tat-terminu ta’ rimbors raġonevoli.

66.      Fit-tieni sitwazzjoni, id-data tat-tmiem tat-terminu ta’ rimbors raġonevoli tiddependi fuq jekk l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas ittrasferit ġiex użat bis-sħiħ fid-dikjarazzjoni sussegwenti sabiex jikkumpensa kwalunkwe dejn tal-VAT jew le. Jekk dan kien il-każ, id-dannu spiċċa fil-jum li fih il-persuna taxxabbli kien ikollha tħallas dan id-dejn tal-VAT, jekk l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas ma ġiex ikkumpensat mad-dejn tal-VAT. Fis-sitwazzjoni fejn l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas ma ntużax bis-sħiħ minħabba l-assenza ta’ dejn tal-VAT suffiċjenti, l-effetti tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas jestendu għad-dikjarazzjoni tal-VAT sussegwenti. Isegwi li, fil-prinċipju, għal kull wieħed minn dawn il-perijodi ta’ taxxa sussegwenti, trid issir distinzjoni bejn il-parti tal-eċċess tal-VAT li tista’ titħallas li hija ġdida u dik li ġiet ittrasferita mid-dikjarazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, għall-parti li tikkorrispondi għal dak li ġie ttrasferit minn eċċess preċedenti, l-ebda perijodu raġonevoli ta’ rimbors ma għandu jiġi applikat, minħabba li jekk il-persuna taxxabbli kienet kisbet ir-rimbors tal-eċċess, hija tkun gawdiet l-ammont korrispondenti mingħajr interruzzjoni.

67.      Dan kollu huwa suffiċjenti biex juri li l-kwantifikazzjoni eżatta tad-dannu sostnut f’dawn il-proċeduri hija waħda relattivament kumplessa.

68.      F’dan il-kuntest, il-prassi nazzjonali inkwistjoni tista’ titqies li tissimplifika l-kalkolu meħtieġ li jsir. Fil-fatt, jidher mill-fajl li l-Ungerija żżomm il-jum sussegwenti għat-terminu għall-preżentata tad-dikjarazzjoni tal-VAT, bħala l-punt tat-tluq tat-terminu ta’ referenza użat għall-kalkolu tad-dannu,. Dan ifisser li l-kumpens huwa kkalkolat billi tittieħed, bħala l-punt tat-tluq, mhux id-data li fiha r-rimbors kellu jsir, iżda minflok il-jum sussegwenti għat-terminu għall-preżentata tal-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT li fiha l-persuna taxxabbli tkun indikat ammont ta’ VAT negattiv.

69.      Dwar id-data tat-tmiem tal-perijodu użat sabiex jiġi kkalkolat id-dannu, il-prassi nazzjonali tikkunsidra t-terminu għall-preżentata tad-dikjarazzjoni sussegwenti. Għaldaqstant, għal kull perijodu ta’ rrapurtar tal-VAT, ammont ta’ dannu ġdid jiġi kkalkolat, abbażi tal-premessa li d-dannu subit akkumula fl-aħħar jum tat-terminu għall-preżentata tal-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT li fiha l-persuna taxxabbli tkun indikat ammont ta’ VAT negattiv.

70.      Minkejja li dan il-metodu huwa differenti minn dak li jista’ jintuża għall-kalkolu tad-dannu sostnut bi preċiżjoni ta’ kontabbiltà eżatta, huwa għandu l-vantaġġ li jissimplifika dan il-kalkolu minħabba li ma jiddistingwix, għall-perijodi tat-taxxa sussegwenti, bejn il-parti tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li huwa attribwibbli għal eċċess preċedenti li ġie ttrasferit minn dak ġdid. Fil-fatt, minħabba li l-ebda perijodu ta’ rimbors ma huwa applikat, ir-raison d’être tal-eċċess sussegwenti tal-VAT li tista’ titnaqqas ma jagħmel l-ebda differenza. Għal din ir-raġuni, dan il-metodu huwa saħansitra iktar vantaġġjuż għal persuni taxxabbli minn dak li jippermetti kumpens sħiħ, minħabba li l-ebda perijodu li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ rimbors normalment applikabbli ma huwa applikat.

71.      Kif indikajt qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li, fejn id-determinazzjoni eżatta tad-dannu sostnut hija diffiċli, jista’ jintuża metodu li jiddependi fuq livell raġonevoli ta’ approssimazzjoni sakemm l-ammont tal-kumpens ma jiġix affettwat b’mod eċċessiv. Minħabba li hawn id-determinazzjoni eżatta tad-dannu sostnut hija pjuttost diffiċli biex tiġi kkalkolata preċiżament, nikkunsidra li l-Ungerija kienet fil-prinċipju intitolata tissimplifika dan il-kalkolu.

72.      Fir-rigward tar-rata tal-interessi li għandha tapplika sabiex jiġi żgurat kumpens sħiħ, din ir-rata għandha tikkorrispondi għal dik li persuna taxxabbli tkun ħallset sabiex tikseb minn stabbiliment ta’ kreditu l-ammont li jikkorrispondi għall-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas. Għaldaqstant, ir-rata tal-interessi applikabbli tista’ tiġi preżunta li tkun ekwivalenti għar-rata applikata mill-bank ċentrali kompetenti għal self għal żmien qasir, bil-kundizzjoni li din ir-rata tiżdied sabiex tirrifletti l-marġni normalment applikat minn stabbilimenti ta’ kreditu (36). Fil-fatt, li kieku persuna taxxabbli kellha tissellef somma ta’ flus sabiex issolvi problema ta’ flussi ta’ likwidità kkawżata mill-fatt li hija ma kisbitx ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas, din il-persuna jkollha tħallas iktar mir-rata applikata mill-bank ċentrali kompetenti, liema rata tkun disponibbli biss għal stabbilimenti ta’ kreditu.

73.      Mad-daqqa t’għajn, jista’ jidher li l-metodu użat fil-kawża prinċipali huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Unjoni. Taħt eżami mill-viċin, madankollu, il-metodu tal-kalkolu użat mill-prassi nazzjonali inkwistjoni jista’ jitqies li jinkludi żewġ elementi li, fil-fehma tiegħi, ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ kumpens sħiħ.

74.      L-ewwel wieħed jikkonċerna r-rata applikata. Fil-fatt, din ir-rata prevista mill-prassi nazzjonali hija dik applikata mill-bank ċentrali, bl-ebda żieda li tirrifletti l-marġni normalment applikat minn stabbilimenti ta’ kreditu. Anki li kieku huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu r-rata tal-interessi applikabbli b’riferiment għas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom (37), jibqa’ l-fatt li, sabiex tammonta għal kumpens sħiħ (jew, mill-inqas, xi ħaġa viċin din is-somma), ir-rata magħżula ma tistax tkun limitata għar-rata bażika applikata mill-bank ċentrali.

75.      It-tieni element, iktar sinjifikattiv, huwa relatat ma’ “erożjoni monetarja” li hija kkawżati mill-“mogħdija taż-żmien”. Tabilħaqq, il-kunċett ta’ kumpens sħiħ jimplika li meta, bħal fil-kawża prinċipali, d-dannu jiġi kkalkolat fid-data tal-akkumulu definittiv tiegħu, milli meta ġie stabbilit mill-awtorità tat-taxxa jew minn qorti nazzjonali – għandhom jiżdiedu mal-kumpens imħallas interessi oħra li jirrappreżentaw l-erożjoni monetarja li tkun seħħet minn meta d-dannu akkumula b’mod definittiv (38).

76.      Huwa, fil-fehma tiegħi, il-ħlas ta’ dawn l-interessi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha f’moħħha fil-punt 34 tad-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó (C-654/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2127), meta ddeċidiet li “persuni taxxabbli li kisbu rimbors tal-eċċess tal-VAT wara perijodu raġonevoli ta’ żmien, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, għandhom dritt għall-interessi moratorji skont id-dritt tal-Unjoni (39)”.

77.      F’dan ir-rigward, għandi wkoll nindika, li dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati mhux fuq il-bażi tar-rata pprattikata minn stabbilimenti ta’ kreditu (jew mill-bank ċentrali), iżda minflok b’riferiment għar-rata tal-inflazzjoni, minħabba li din il-kawża hija fil-qalba tagħha waħda li tikkonċerna l-erożjoni tal-valur monetarju tad-dannu sostnut mill-punt fiż-żmien meta d-dannu jkun akkumula b’mod definittiv.

78.      F’din il-kawża, jidher mill-informazzjoni pprovduta mill-qrati tar-rinviju, li ġiet ikkonfermata mill-partijiet f’risposta għal domanda miktuba, li l-prassi nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedix għall-ħlas ta’ interessi komposti, iżda li dawn l-interessi jibdew jiddekorru mill-jum wara t-tmiem tal-perijodu ta’ rifużjoni ta’ 45 jum għad-dikjarazzjoni tal-VAT ta’ Settembru 2011 (40) li, inkunsiderazzjoni tal-jiem mhux tax-xogħol kienet is-6 ta’ Diċembru 2011.

79.      Madankollu, id-dannu sostnut mill-persuna taxxabbli seta’ jseħħ u spiċċa ħafna qabel din id-data, minħabba li, kif imsemmi preċedentement, il-persuni taxxabbli setgħu jissodisfaw il-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas qabel ma kellhom jippreżentaw id-dikjarazzjoni tal-VAT sussegwenti tagħhom jew setgħu użaw l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas biex jikkumpensaw dejn tal-VAT fil-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT sussegwenti tagħhom (41).

80.      Fil-fatt, jidher li l-interessi komposti previsti mill-prassi nazzjonali huma ta’ natura differenti minħabba li tali interessi huma dovuti minħabba l-ħlas tardiv tal-kumpens mill-amministrazzjoni ladarba talba għal ħlas ġiet introdotta, u mhux minħabba d-dannu sostnut minn persuni taxxabbli riżultat tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas.

81.      Għaldaqstant, ninnota li, fil-kawża prinċipali, il-prassi nazzjonali inkwistjoni sempliċiment ma tipprevedix għall-ħlas ta’ interessi li jimmiraw li jikkumpensaw l-erożjoni monetarja bejn id-data tal-akkumulu definittiv tad-dannu, li hija d-data li fiha l-ammont tal-kumpens huwa kkalkolat – hawnhekk, id-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tad-dikjarazzjoni sussegwenti – u d-data li fiha l-ammont tal-kumpens huwa rrikonoxxut mill-amministrazzjoni jew minn qorti u jsir dejn eżekuttiv (42).

82.      Minħabba li għal din ir-raġuni l-prassi nazzjonali ma tiżgurax, fil-fehma tiegħi, kumpens adegwat għad-dannu sostnut mill-persuni taxxabbli inkwistjoni, għandha tiġi ddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

2.      Soluzzjoni alternattiva

83.      Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kumpens meħtieġ ma għandux għalfejn joqrob xi ħaġa li tammonta għal kumpens sħiħ jew inkella ma taqbilx mal-analiżi preċedenti, nipproponi issa li tiġi stabbilita soluzzjoni alternattiva għall-kwistjonijiet imressqa. Nikkunsidraha ċara li, b’xi mod jew ieħor, il-marġni biex l-Istati Membri jiddeċiedu l-metodu applikabbli ta’ kalkolu huwa madankollu limitat mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Il-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet jipproċedu fuq din l-assunzjoni.

84.      Il-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li r-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali jippermettu lill-individwi jasserixxu d-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni b’mod li jagħmel sens – u li ma huwiex sempliċement teoretiku. Għaldaqstant, dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ li r-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali jiggarantixxu lill-individwi d-dritt li jfittxu kumpens għad-dannu li sostnew bħala riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, dejjem bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Francovich jiġu ssodisfatti indipendentement.

85.      Anki jekk il-kumpens li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu skont is-sentenza Francovich ma għandux jammonta għal kumpens sħiħ, jien madankollu nemmen li l-Istati Membri għandhom jikkumpensaw lill-individwi għall-erożjoni monetarja fir-rigward tal-valur tal-kumpens meta dan tal-aħħar ġie kkalkolat b’riferiment għal avveniment tal-passat, bħal fil-kawża prinċipali, jiġifieri d-data tal-akkumulu definittiv tad-dannu. (43).

86.      Għaldaqstant, nemmen li, fil-kawża prinċipali, anki jekk il-livell ta’ kumpens li l-Istati Membri għandhom jipprovdu ma għandux għalfejn joqrob kumpens sħiħ, il-prassi nazzjonali inkwistjoni għandha titqies li ma tiżgurax kumpens adegwat.

87.      Rigward il-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif indikajt diġà, dan il-prinċipju jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għal rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni, minn naħa, għal rikorsi li jallegaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, għal rikorsi simili li jallegaw ksur tad-dritt nazzjonali (44). Madankollu, huwa ċar li dan il-prinċipju ma jobbligax Stat Membru biex jestendi l-iktar regoli favorevoli tiegħu li jirregolaw l-irkupru skont id-dritt nazzjonali għal kull rikors għal rimbors ta’ tariffi jew ħlasijiet miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (45).

88.      Il-prassi tal-kumpens nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-applikazzjoni mhux tal-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali ‐ li jinvolvi l-applikazzjoni ta’ rata tal-interessi ekwivalenti għad-doppju tar-rata tal-Bank Ċentrali Ungeriż ‐ iżda tal-Paragrafi 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali li jpprevedu l-applikazzjoni ta’ rata ekwivalenti għar-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ungeriż.

89.      Huwa, madankollu, ċar mill-formulazzjoni tal-Paragrafi 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali li dawn japplikaw mhux biss f’każ li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li liġi nazzjonali, bħal dik applikata fl-Ungerija, hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll f’każ li l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) jew il-Kúria (il-Qorti Suprema) jikkonstataw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kuntrarja għal-Liġi Fundamentali Ungeriża jew, f’każ ta’ regolament muniċipali, għal kwalunkwe regola oħra ta’ dritt.

90.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher – minkejja li hija l-qorti nazzjonali li għandha taċċerta dan – li l-Paragrafi 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jikkostitwixxu lex specialis intiża speċjalment sabiex tirregola l-konsegwenzi ta’ sentenza li permezz tagħha qorti superjuri tikkonstata li regola nazzjonali hija kuntrarja għal regola superjuri li applikat ugwalment għal rikorsi bbażati fuq dritt tal-Unjoni u dawk ibbażati esklużivament fuq dritt nazzjonali.

91.      X’aktarx, ir-raġuni mogħtija mill-Kúria (il-Qorti Suprema) sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Paragrafi 124/C u 124/D minflok il-Paragrafu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali tista’ titqies, minn naħa, bħala pjuttost sorprendenti. Fil-fatt, skont din il-qorti, l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ paragrafi hija spjegata mill-fatt li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet fiskali ma wettqux ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ meta applikaw il-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas, minħabba li din il-kundizzjoni kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Ifformulata b’dan il-mod, din l-ispjegazzjoni jidher li tammonta għal ċaħda li l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas preċedenti kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni ab initio.

92.      Filwaqt li l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kúria (il-Qorti Suprema) tista’ titqies pjuttost sorprendenti, din ma taffettwax minna nnifisha l-kompatibbiltà tal-prassi nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Qiegħed nasal għal din il-fehma minħabba li ladarba r-rimedji magħmula disponibbli għall-individwi mill-Istati Membri huma konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li r-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom huma żbaljati ma jagħmilhomx kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, minħabba li l-Paragrafi 124/C u 124/D japplikaw mingħajr distinzjoni għaż-żewġ rimedji bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni minn naħa waħda u għad-dritt nazzjonali min-naħa l-oħra, l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jista’ jiġi kkonstatat (46).

93.      Fid-dawl tal-motivazzjoni stabbilita preċedentement, nipproponi li nirrispondi t-tliet domandi magħmula fil-Kawża C-13/18 u l-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C-126/18 b’dan il-mod: Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta minn dawn il-qrati tar-rinviju, fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li tikkalkola l-interessi dovuti sabiex jiġi kkumpensat id-dannu kkawżat mill-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas fuq il-bażi ta’ rata li tikkorrispondi għal dik applikata mill-bank ċentrali kompetenti għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, mingħajr ma żżid din ir-rata sabiex tirrifletti r-rata li persuna taxxabbli li ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu setgħet tikseb sabiex tissellef l-istess ammont, u mingħajr ma tipprovdi xi interessi sabiex tikkumpensa l-erożjoni monetarja fir-rigward tal-valur tal-kumpens dovut, meta dan tal-aħħar ikun ġie kkalkolat fid-data ta’ akkumulu definittiv ta’ dan id-dannu.

D.      Fuq l-aħħar sitt domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-126/18

94.      Qabel neżamina l-aħħar sitt domandi magħmula mill-qorti nazzjonali fil-Kawża C-126/18, nixtieq nagħmel diversi osservazzjonijiet preliminari.

95.      L-ewwel nett, qiegħed ninnota li fid-domandi tagħha l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 issemmi l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, li hija d-dispożizzjoni li l-Ungerija ma ssodisfatx fir-rigward tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas preċedenti. Madankollu, minħabba li dan l-artikolu ma jsemmi l-ebda regoli proċedurali, din id-dispożizzjoni ma jidhirx li hija rilevanti. Iktar minn hekk, minkejja li l-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-prinċipju ta’ effettività fid-domandi tagħha, jidhirli li huwa neċessarju wkoll li jiġu eżaminati d-domandi magħmula mill-perspettiva tal-prinċipju tal-ekwivalenza, minħabba li dawn iż-żewġ prinċipji jistabbilixxu limiti għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fl-organizzazzjoni tar-rimedji kumpensatorji tagħhom.

96.      Fit-tieni lok, minħabba li l-prassi nazzjonali inkwistjoni tipprevedi biss il-ħlas ta’ interessi komposti f’każ ta’ ħlas tardiv tal-interessi li huma diretti li jikkumpensaw l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas, nemmen li meta dawn id-domandi jirreferu għal interessi komposti dawn id-domandi fil-fatt huma intiżi li jirreferu għall-interessi moratorji, dovuti fir-rigward tal-ħlas tardiv tal-kumpens - hawn, ikkalkolat mid-data li fiha ġew stabbiliti d-danni(47). Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tat-tweġiba tiegħi fil-punti 78 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dak li jibqa’ sabiex jiġi eżaminat huma l-kundizzjonijiet li skonthom tali interessi moratorji għandhom jitħallsu.

97.      Fit-tielet lok, l-aħħar sitt domandi magħmula fil-Kawża C-126/18 jistgħu jissuġġerixxu li l-kundizzjonijiet sabiex jinkisbu l-interessi huma restrittivi ħafna. Madankollu, id-deskrizzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-prassi nazzjonali inkwistjoni ma hijiex daqshekk restrittiva daqskemm dawn id-domandi jidhru li jimplikaw. Fil-fatt, jidher li l-persuni taxxabbli li sofrew mill-applikazzjoni tal-hekk imsejħa kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas kienu madankollu intitolati li jiksbu interessi moratorji, anki jekk ma ressqu l-ebda talba speċjali, jekk, ladarba t-talba tagħhom ġiet imressqa, l-amministrazzjoni fiskali ma ħallsitx il-kumpens dovut fit-terminu previst mill-Paragrafu 37(4) tal-Kodiċi Ungeriż ta’ Proċedura Fiskali (48).

98      Minħabba li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 li għandha tivverifika li l-ipoteżijiet maħsuba fid-domandi jikkorrispondu għaċ-ċirkustanzi reali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

1.      Fuq it-tielet domanda

98.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti nazzjonali fil-Kawża C-126/18 tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati li jipprekludu prassi nazzjonali li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, bħala d-data ta’ tluq għall-kalkolu tal-interessi moratorji dovuti għall-ħlas tardiv ta’ kumpens la tieħu d-data li fiha seħħ id-dannu u lanqas dik li fiha l-interessi mħallsa bħala kumpens għad-dannu prinċipali saru dovuti għall-ewwel darba, iżda minflok data iktar tard.

99.      F’dan ir-rigward, nixtieq nindika li, fil-fehma tiegħi, l-obbligu sabiex jingħata dak li joqrob essenzjalment għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat bil-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jirriżultax, bħala tali, f’obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jħallas l-interessi moratorji f’każ ta’ ħlas tardiv tal-kumpens. Fil-fatt, il-ħlas ta’ tali interessi ma joriġinax direttament mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Membru kkonċernat, iżda miċ-ċirkustanza oġġettiva li l-Istat inkwistjoni kien tardiv fil-ħlas ta’ dejn dovut.

100. F’dan ir-rigward, nemmen li l-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ l-Istati Membri li jipprovdu fil-leġiżlazzjoni tagħhom għall-ħlas tal-interessi moratorji f’każ ta’ ħlas tardiv ta’ kumpens dovut fir-rigward ta’ ksur minn dan l-Istat tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas, l-Istati Membri ma jkollhom l-ebda inċentiv sabiex iħallsu l-kumpens lill-individwi li sostnew l-effetti ta’ ksur ta’ dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li kieku tirriżulta f’ċaħda ta’ kwalunkwe effettività tad-dritt tagħhom għal kumpens sħiħ (49).

101. Fil-kawża prinċipali, jidher li Dalmandi tikkunsidra li l-interessi moratorji kellhom jibdew japplikaw mid-data li fiha l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas ġiet imħassra jew, saħansitra, mid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530), għaliex l-awtorità fiskali kellha awtomatikament tikkumpensaha għall-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni.

102. X’aktarx, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li bl-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali Stat Membru naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li dan l-Istat Membru jkollu immedjatament jieħu l-azzjoni neċessarja sabiex iħassar din il-leġiżlazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu għandhom immedjatament jieqfu japplikawha (50).

103. Madankollu, la l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u lanqas dak ta’ effettività tar-rimedji ma jeħtieġu li l-Istati Membri għandhom spontanjament jipprevedu kumpens fir-rigward tad-dannu li huma kkawżaw minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni jew jinterrompu t-termini ta’ dekadenza billi jorganizzaw, kif għamlet l-Ungerija, proċedura amministrattiva ta’ kumpens.

104. Huwa veru li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li miżura leġiżlattiva jew amministrattiva adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, dan l-Istat huwa obbligat iħassar il-miżura inkwistjoni u, suġġett għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-sentenza Francovich, jikkumpensa għal kwalunkwe konsegwenzi illegali tagħha (51).

105. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament indikat, ir-regoli proċedurali li jirregolaw il-ħlas tal-kumpens dovut għal ksur ta’ dritt tal-Unjoni jiddependu fuq id-dritt nazzjonali, li jista’ jeħtieġ li titressaq talba sabiex jitħallas il-kumpens (52). Għalhekk, is-sempliċi fatt li, immedjatament wara l-għoti tas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530), jew anki wara l-adozzjoni tal-Liġi li temenda, l-Ungerija ma ħallset l-ebda kumpens spontanjament lill-persuni taxxabbli li sofrew mill-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas ma jiskattax awtomatikament l-applikazzjoni tal-interessi moratorji fir-rigward ta’ dan il-kumpens. Huwa biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, meta xi leġiżlazzjoni nazzjonali tkun ġiet irrikonoxxuta minn qorti bħala ksur ta’ regola superjuri ta’ dritt, li tali interessi jiddekorru, ipso jure, mill-għoti tas-sentenza, li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-Istat Membru kkonċernat huwa meħtieġ japplika l-interessi moratorji spontanjament.

106. Minħabba li l-Istati Membri ma humiex għaldaqstant obbligati sabiex spontanjament jipprovdu kumpens fir-rigward tad-dannu li jkunu kkawżaw minħabba ksur ta’ dritt tal-Unjoni, , isegwi minn dan li Stat Membru jista’ fil-prinċipju jipprevedi li l-interessi moratorji ma jiskattax mid-data li fiha seħħ id-dannu.

107. Bl-istess mod, l-Istati Membri ma humiex obbligati jipprovdu li dawn l-interessi għandhom jitħallsu immedjatament wara li l-awtorità jew il-qorti kkonċernati jkunu stabbilixxew li dan id-dannu għandu jiġi kkumpensat.

108. Huwa minnu li f’każ ta’ ħlas tardiv ta’ kumpens dovut skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għall-ħlas ta’ tali interessi. Madankollu, wieħed ma jistax jistenna li l-amministrazzjoni tħallas dan il-kumpens b’mod istantanju ladarba d-dannu jiġi rrikonoxxut (53). Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ effettività ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jipprevedu li d-data tal-bidu għall-kalkolu tal-interessi moratorji għandha tkun dik fejn id-dannu seħħ jew li fiha l-interessi mħallsa bħala kumpens għad-dannu prinċipali saru dovuti għall-ewwel darba, iżda li din id-data tal-bidu tkun tinsab fi żmien raġonevoli wara li d-dannu jiġi rrikonoxxut jew mill-organu amministrattiv ikkonċernat jew minn qorti.

109. Fil-kawża prinċipali, kif qiegħed nifhem il-prassi nazzjonali, din tipprevedi l-ħlas ta’ tali interessi fejn l-amministrazzjoni tkun naqset milli tħallas interessi sabiex tikkumpensa għad-dannu fi żmien 30 jum (45 jum f’ċerti każijiet) minn meta tiġi mressqa talba għal kumpens, li jidher li huwa żmien raġonevoli sabiex l-amministrazzjoni tikkunsidra l-merti tat-talba. Tali perijodu ma jistax għaldaqstant jitqies kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività.

110. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, minħabba li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 hija l-unika waħda li taf kif dawn it-tip ta’ interessi jiġu applikati f’ċirkustanzi oħra, hija din il-qorti li għandha tivverifika, li fil-każ inkwistjoni l-ebda termini ta’ żmien iqsar ma ġew applikati, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikollu jħallas kumpens għal motiv ibbażat esklużivament fuq id-dritt fiskali nazzjonali.

111. F’dan il-kuntest, nipproponi li t-tielet domanda tingħata risposta billi jingħad li l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tar-rimedji għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi nazzjonali li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tieħu bħala d-data tal-bidu għall-kalkolu tal-interessi moratorji, dovuti għal ħlas tardiv ta’ kumpens mhux id-data li fiha l-interessi bħala kumpens għad-dannu prinċipali jkunu saru dovuti għall-ewwel darba, iżda data iktar tard, sakemm, minn naħa, din id-data ma tiġix posposta lil hinn minn terminu raġonevoli wara li jiġi rrikonoxxut l-obbligu ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens u li, min-naħa l-oħra, din l-istess data tiġi applikata fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ kumpens ibbażat esklużivament fuq id-dritt nazzjonali.

2.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari

112. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti nazzjonali fil-Kawża C-126/18 tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandux jiġi interpretat li jipprekludi prassi nazzjonali li teħtieġ li persuni taxxabbli, sabiex jiksbu l-interessi moratorji, iressqu talba partikolari, filwaqt li f’każijiet oħra fejn l-interessi moratorji jkunu wkoll dovuti tali talba ma tkunx meħtieġa, minħabba li dawn it-tip ta’ interessi jingħataw awtomatikament.

113. F’dan ir-rigward nemmen li, ir-rekwiżit li persuni taxxabbli jressqu tip speċjali ta’ talba ma huwiex, bħala tali, kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, tali rekwiżit ma għandux l-effett, skont l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (54). Madankollu, li kieku dan ir-rekwiżit kellu jiġi applikat retroattivament għal persuni taxxabbli li ressqu t-talbiet tagħhom qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas mad-dritt tal-Unjoni, dan ir-rekwiżit ikun iċaħħad (jew, mill-inqas, jista’ jċaħħad) dawn ir-rikorsi minn kwalunkwe effett utli (55) u, għaldaqstant, għandu jitqies kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività.

114. Rigward il-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif ifformulat, id-domanda magħmula timplika ksur ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, kif ġie spjegat preċedentement, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li l-istess regoli proċedurali japplikaw għal rikorsi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u għal rikorsi simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali (56).

115. Madankollu, fil-proċeduri prinċipali, ċerti elementi inklużi fil-fajls tal-proċedura jistgħu jissuġġerixxu li, kuntrarjament għall-premessa li fuqha hija bbażata r-raba’ domanda kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, it-tressiq ta’ talba speċjali mhux biss huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni (jiġifieri ksur ta’ dritt tal-Unjoni), iżda wkoll f’ċerti sitwazzjonijiet oħra li jaqgħu esklużivament taħt id-dritt nazzjonali.

116. Konsegwentement, nipproponi li r-raba’ domanda tiġi fformulata mill-ġdid u tingħata risposta li l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati, li ma jipprekludux prassi nazzjonali li teħtieġ lil persuni taxxabbli jressqu talba speċjali meta jitolbu l-interessi moratorji, jekk dan ir-rekwiżit japplika b’mod ugwali irrispettivament minn jekk id-dannu fis-sors tad-dejn li tħallas b’mod tardiv irriżultax minn ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali.

3.      Il-ħames u t-tmien domandi

117. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati bħala li jipprekludu prassi nazzjonali li skontha l-interessi moratorji jistgħu jingħataw biss jekk il-persuna taxxabbli tkun ressqet talba li permezz tagħha l-interessi ma humiex mitluba speċifikament, iżda minflok jintalab ir-rimbors għall-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li jkun għadu jeżisti fid-data li fiha l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas tkun ġiet imħassra.

118. Din id-domanda hija simili għat-tmien waħda li fiha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jipprekludux prassi nazzjonali li skontha l-interessi moratorji jistgħu jintalbu biss jekk il-persuna taxxabbli tkun f’pożizzjoni li titlob ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas għall-perijodu tad-dikjarazzjoni tat-taxxa li fih id-dispożizzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun ġiet imħassra.

119. Ser għalhekk neżamina dawn iż-żewġ domandi flimkien, anki jekk, sa fejn qiegħed nifhimhom jien, hemm differenza żgħira bejniethom: il-ħames domanda hija dwar rekwiżit formali, speċifikament, rekwiżit li l-persuna taxxabbli għandha tressaq talba li ma hijiex relatata mad-dejn li l-ħlas tiegħu huwa tardiv, filwaqt li t-tmien domanda tikkonċerna kundizzjoni sostantiva, speċifikament, li l-persuna taxxabbli hija f’pożizzjoni li titlob ir-rimbors ta’ eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas għall-perijodu tad-dikjarazzjoni tat-taxxa li fih id-dispożizzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun ġiet imħassra.

120. Fir-rigward ta’ dan, jiena marbut nammetti li prassi li teħtieġ persuna taxxabbli tressaq tip ta’ talba partikolari fir-rigward ta’ interessi moratorji, minkejja li mhix komuni, ma għandhiex l-effett, bħala tali, li tagħmel virtwalment impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali kundizzjoni mhix kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività, bil-kundizzjoni li ż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jiġu ssodisfatti.

121. L-ewwel nett, jeħtieġ li l-persuna taxxabbli tkun ġiet informata b’mod relattivament ċar u fil-ħin bil-bżonn li tressaq din it-tip ta’ talba sabiex tikseb l-interessi moratorji.

122. Fit-tieni lok, dan ir-rekwiżit ma jistax jaħbi xi kundizzjoni sostantiva. B’mod partikolari, dan ir-rekwiżit ma jistax ikollu l-effett li jillimita l-ħlas tal-interessi moratorji lil persuni taxxabbli li għad għandhom eċċess ta’ VAT li jista’ jitnaqqas meta l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas tkun ġiet imħassra. Fil-fatt, id-dannu fis-sors tad-dejn jista’ jkun li seħħ ħafna qabel il-perijodu taxxabbli li jippreċedi dak li fih il-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas ġiet imħassra. F’din is-sitwazzjoni, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata titlob l-interessi moratorji fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-kumpens għal dan id-dannu – jekk mhux preskritt – anki jekk hija ma għadx għandha eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas.

123. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-prinċipju tal-effettività jipprekludi l-Istati Membri milli jillimitaw il-ħlas ta’ interessi moratorji lil persuni taxxabbli li għad għandhom eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas meta l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas tkun ġiet imħassra.

124. Dwar il-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan il-prinċipju jista’ jinkiser jekk ir-rekwiżiti li jirreferu għalihom id-domandi ħamsa u tmienja jiġu applikati biss fil-każ ta’ ħlas ta’ kumpens għal ksur tad-dritt tal-Unjoni u mhux fil-każ ta’ ksur ta’ regola tad-dritt nazzjonali. Hemm, madankollu, informazzjoni insuffiċjenti sabiex jiġi żgurat jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali (57).

125. Naturalment, dan ikun pjuttost differenti fir-rigward, tar-rekwiżit li jkun f’pożizzjoni li jitlob ir-rimbors ta’ eċċess ta’ VAT deduċibbli għall-perijodu ta’ dikjrazzjoni tat-taxxa li matulu d-dispożizzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun tħassret, jekk din tal-aħħar tapplika biss għal talbiet għal interessi moratorji għal ħlas tardiv ta’ kumpens dovut fir-rigward tal-perijodu ta’ żmien speċifiku ħafna meta eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas ġie msemmi fid-dikjarazzjoni tal-VAT li tippreċedi l-adozzjoni tal-Liġi li temenda.

126. F’tali każ, minħabba li r-rekwiżit inkwistjoni ma jostakolax il-ħlas ta’ interessi għal ħlas tardiv ta’ kumpens dovut għal danni li kienu seħħew qabel dak il-perijodu lil persuna taxxabbli li ma kellhiex iktar eċċess ta’ VAT deduċibbli meta l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas tħassret ma jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit ikun sempliċement ekwivalenti għal verifika tal-eżistenza ta’ dannu reali billi l-persuni kkonċernati jiġu mitluba jindikaw jekk għandhomx eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas għal dan il-perijodu taxxabbli attwali.

127. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, nipproponi li tingħata risposta għall-ħames u għat-tmien domandi billi jingħad li, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi nazzjonali li tipprovdi li l-interessi moratorji jistgħu jingħataw biss jekk persuna taxxabbli tkun ressqet talba li l-kontenut tagħha ma jirrigwardax il-ħlas tal-kumpens dovut għad-danni kollha kkawżati minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas, iżda l-irkupru, fid-data tat-tħassir ta’ din il-kundizzjoni, tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas eżistenti f’din id-data, jekk, sabiex tiġi mressqa tali talba, il-persuna taxxabbli ma jkollhiex għalfejn jibqa’ jkollha, f’din id-data, eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas u li tali rekwiżit japplika wkoll fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ kumpens għal ksur tad-dritt nazzjonali.

4.      Fuq is-sitt domanda

128. Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati li jipprekludu l-prassi ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-interessi moratorji japplikaw biss fir-rigward tal-ammont ta’ telf finanzjarju li jkun seħħ fil-perijodu kkunsidrat tal-VAT qabel ma titressaq it-talba.

129. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jitfakkar li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-dannu seħħ meta, wara ġie ddikjarat eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqasfid-dikjarazzjoni tat-taxxa, l-awtorità fiskali ma rrimborsatux fil-perijodu previst mid-dritt nazzjonali.

130. Għaldaqstant, billi tipprevedi dawn l-interessi moratorji applikati biss fuq l-ammont ta’ dannu li seħħ waqt il-perijodu kkunsidrat tal-VAT qabel ma titressaq it-talba, prassi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa waħda, teħtieġ li titressaq it-talba għal kull perijodu taxxabbli u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi terminu ta’ dekadenza. Dan it-terminu ta’ dekadenza jikkorrispondi għat-tul ta’ żmien li jifdal tal-perijodu taxxabbli li fih twettaq it-telf finanzjarju, b’żieda tat-tul taż-żmien tal-eżerċizzju segwenti. Issa nipproponi li jiġu eżaminati separatament dawn iż-żewġ effetti fuq il-prassi nazzjonali.

131. Sa fejn il-prassi nazzjonali għandha l-effett li tobbliga persuni taxxabbli jressqu talba fil-każ speċifiku fejn jiddikjaraw li sostnew telf u dannu, ma jidhirx li din il-prassi hija kuntrarja għall-prinċipji ta’ effettività jew ta’ ekwivalenza, bil-kundizzjoni li l-istess kundizzjoni tapplika wkoll f’każ ta’ ħlas tardiv ta’ dejn li jirriżulta minn ksur ta’ regola ta’ dritt nazzjonali (58)

132. Sa fejn din il-prassi nazzjonali għandha l-effett li toħloq terminu ta’ dekadenza, hija tista’ tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività jekk dan il-perijodu ta’ dekadenza huwa qasir wisq biex jippermetti persuna reġonevolment prudenti u informata tressaq talba għal interessi moratorji, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-portata tar-rekwiżiti formali meħtieġa f’dan ir-rigward u l-portata tal-informazzjoni rilevanti miġjuba għall-attenzjoni ta’ din il-persuna.

133. Dan ikun ukoll il-każ li kieku l-prattika nazzjonali kienet applikata retroattivament - jiġifieri għal perijodi qabel l-adozzjoni tagħha - u, meta għamlet hekk, ostakolat kwalunkwe ħlas ta’ interessi moratorji għal ħlas tardiv ta’ danni b'relazzjoni ma’ kwalunkwe perijodu preċedenti għall-introduzzjoni tat-talba. F’sitwazzjoni bħal din, il-persuni taxxabbli jistgħu ovvjament ma jissodisfawx dan it-terminu ta’ dekadenza, peress li ma setgħux jipprevedu li dan ikun adottat. Madankollu, dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma kwistjonijiet għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju.

134. Rigward il-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, mill-inqas f’sitwazzjoni waħda paragunabbli, perijodu ta’ żmien simili huwiex applikat għal dejn ibbażat esklużivament fuq dritt nazzjonali.

135. Għaldaqstant, nipproponi li s-sitt domanda tingħata risposta fis-sens li l-prinċipju ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prassi nazzjonali li permezz tagħha, fejn jiġu applikati interessi moratorji biss fir-rigward tal-ammont ta’ telf finanzjarju li seħħ matul il-perijodu ta’ rrapurtar tal-VAT qabel it-tressiq tat-talba , jekk dan it-terminu ta’ dekadenza hekk stabbilit mill-prassi nazzjonali, ma jkunx qasir wisq li ma jippermettix individwu raġonevolment prudenti u informat iressaq talba għall-interessi moratorji jekk tali kundizzjoni ma tiġix applikata retroattivament u jekk tapplika wkoll fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ dejn li jirriżulta minn ksur ta’ regola ta’ dritt nazzjonali.

5.      Fuq is-seba’ domanda

136. Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment jekk il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati li jipprekludu prassi nazzjonali li b’mod definittiv iċċaħħad lill-persuna taxxabbli mill-possibbiltà li titlob l-interessi moratorji fuq il-bażi li, minn naħa waħda, il-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas kienet fis-seħħ fiż-żmien meta ġiet applikata u, min-naħa l-oħra, il-perijodu ta’ dekadenza sabiex titressaq tali talba jkun skada.

137. Rigward l-ewwel parti tad-domanda, għandu jitfakkar għal darba oħra li l-ħlas tal-interessi moratorji huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt ta’ kwalunkwe individwu li jiġi kkumpensat bis-sħiħ għal kull dannu kkawżat minn ksur, minn Stat Membru, tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, nemmen li l-fatt li d-dispożizzjoni, li sussegwentement ġiet iddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, kienet fis-seħħ fiż-żmien li fih din id-dispożizzjoni ġiet applikata, x’aktarx li ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-interessi moratorji (59).

138. Rigward it-tieni parti tad-domanda, jiena ser nindika li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li jiġu stabbiliti termini ta’ dekadenza raġonevoli sabiex jitressqu proċeduri (60), anki jekk l-iskadenza ta’ dawn il-perijodi neċessarjament tirriżulta f’ċaħda, totali jew parzjali, tar-rikors ippreżentat (61). Madankollu, sabiex ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, it-termini ta’ dekadenza applikati għal rikorsi għal danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

139. Fil-kawża prinċipali, il-prassi nazzjonali tipprevedi terminu ta’ dekadenza doppju (62).

140. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-perijodu tad-dikjarazzjoni tat-taxxa li għalih jista’ jintalab kumpens. Skont l-informazzjoni inkluża fil-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-prassi nazzjonali tipprevedi abbażi tal-Paragrafu 164(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li huwa biss dannu li seħħ mill-aħħar perijodu kkunsidrat fl-2005 li jista’ jiġi kkumpensat.

141. Tali terminu ta’ dekadenza ma jidhirx li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività, minħabba li ma jagħmilhiex impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (63). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ termini ta’ dekadenza ta’ tliet (64) snin jew anki ta’ sentejn (65). Iktar minn hekk, dan il-perijodu ma jidhirx li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ekwivalenza, minħabba li l-istess terminu ta’ dekadenza ta’ 5 snin jidher li japplika għal rimedji kumpensatorji bbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt.

142. It-tieni terminu ta’ dekadenza jikkonċerna t-terminu li fih persuni taxxabbli kellhom iressqu t-talba tagħhom għal kumpens.

143. Dwar dan il-punt, jista’ jiġi dedott mid-deskrizzjoni tal-fatti inkwistjoni fil-Kawża C-126/18, li wkoll issemmew waqt is-seduta mill-Gvern Ungeriż, li, anki jekk il-persuni taxxabbli ma ressqux talba speċjali, huma kellhom ħames snin mit-tħassir tal-kundizzjoni tal-korrispettiv imħallas sabiex iressqu talba għal kumpens.

144. Minħabba li t-terminu ta’ dekadenza ma jiddekorrix mill-materjalizzazzjoni tad-dannu, il-prassi nazzjonali jidher li rriżultat fl-estensjoni tat-terminu ta’ dekadenza inizjali previst mill-Paragrafu 164(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali (66). Jekk dan huwa korrett, l-Ungerija marret ferm lil hinn minn dak meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, li tipprovdi terminu ta’ dekadenza suffiċjenti sabiex individwi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma nistax nara kif, f’tali kuntest, il-prinċipju ta’ effettività jista’ jinkiser.

145. Rigward il-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-fajl ma jidhirx li terminu ta’ dekadenza iktar vantaġġjuż huwa applikabbli meta l-Kúria (il-Qorti Suprema) tikkonstata li dispożizzjoni hija kuntrarja għal standard nazzjonali ogħla.

146. Jien għaldaqstant nipproponi li s-seba’ domanda tingħata risposta, fis-sens li l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li b’mod definittiv iċċaħħad lill-persuna taxxabbli mill-possibbiltà li titlob l-interessi moratorji minħabba li l-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas kienet fis-seħħ fiż-żmien li fih ġiet applikata. Dawn il-prinċipji ma jipprekludux, madankollu, prassi nazzjonali li b’mod definittiv iċċaħħad lill-persuna taxxabbli mill-possibbiltà li titlob l-interessi moratorji għaliex it-terminu ta’ dekadenza sabiex tiġi mressqa tali talba jkun skada jekk dan it-terminu ta’ dekadenza (i) ma huwiex irraġonevolment qasir u (ii) japplika wkoll għal ħlasijiet tardivi ta’ djun relatati mad-dannu kkawżat minn dispożizzjoni li tikser dritt nazzjonali. Sabiex jiġi evitat kull dubju possibbli, jien tal-fehma li huwa ċar li t-terminu ta’ dekadenza applikabbli ta’ 5 snin f’din il-kawża ma jistax minnu nnifsu jitqies bħala irraġonevolment qasir.

V.      Konklużjoni

147. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) u s-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szekszárd, l-Ungerija) bil-mod segwenti:

(1)      Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta minn dawn il-qrati, fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali milli tikkalkola l-interessi dovuti sabiex jiġi kkumpensat id-dannu kkawżat mill-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas, fuq il-bażi ta’ rata li tikkorrispondi għal dik applikata mill-bank ċentrali kompetenti għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, mingħajr ma żżid din ir-rata sabiex tirrifletti r-rata li persuna taxxabbli li ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu setgħet tikseb sabiex tissellef l-istess ammont, u mingħajr ma tipprovdi xi interessi sabiex tikkumpensa l-erożjoni monetarja fir-rigward tal-valur tal-kumpens dovut, meta din tal-aħħar tkun ġiet ikkalkolata fid-data tal-akkumulu definittiv’ tad-dannu.

(2)      Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tar-rimedji għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi nazzjonali li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tieħu bħala d-data tal-bidu għall-kalkolu tal-interessi moratorji, dovuti għall-ħlas tardiv tal-kumpens mhux id-data li fiha l-interessi bħala kumpens għad-dannu prinċipali jkunu saru dovuti għall-ewwel darba, iżda data iktar tard, sakemm, minn naħa, din id-data ma tiġix posposta lil hinn minn terminu raġonevoli wara li jiġi rrikonoxxut l-obbligu ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens u li, min-naħa l-oħra, din l-istess data tiġi applikata fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ kumpens ibbażat esklużivament fuq id-dritt nazzjonali.

(3)      Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati, li ma jipprekludux prassi nazzjonali li teħtieġ lil persuni taxxabbli jressqu talba speċjali meta jitolbu interessi moratorji, jekk dan ir-rekwiżit japplika b’mod ugwali, irrispettivament minn jekk id-dannu fis-sors tad-dejn li tħallas b’mod tardiv irriżultax minn ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali.

(4)      Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati, fis-sens li ma jipprekludux prassi nazzjonali li tipprovdi li l-interessi moratorji jistgħu jingħataw biss jekk persuna taxxabbli tkun ressqet talba li l-kontenut tagħha ma jirrigwardax il-ħlas tal-kumpens dovut għad-danni kollha kkawżati minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas, iżda l-irkupru, fid-data tat-tħassir ta’ din il-kundizzjoni, tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas eżistenti f’din id-data, jekk, sabiex tiġi mressqa tali talba, il-persuna taxxabbli ma jkollhiex iktar għalfejn ikollha, f’din id-data, eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas u li tali rekwiżit japplika wkoll fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ kumpens għal ksur tad-dritt nazzjonali.

(5)      Il-prinċipju ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prassi nazzjonali li permezz tagħha, l-interessi moratorji jiġu applikati fir-rigward tal-ammont ta’ telf finanzjarju li seħħ matul il-perijodu ta’ rrapurtar tal-VAT qabel it-tressiq tat-talba, jekk dan it-terminu ta’ dekadenza hekk stabbilit mill-prassi nazzjonali, ma jkunx qasir wisq li ma jippermettix lil individwu raġonevolment prudenti u informat iressaq talba għall-interessi moratorji jekk tali kundizzjoni ma tiġix applikata retroattivament u jekk din tapplika wkoll fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ dejn li jirriżulta minn ksur ta’ regola tad-dritt nazzjonali.

(6)      Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li b’mod definittiv iċċaħħad lill-persuni taxxabbli mill-possibbiltà li jitolbu l-interessi moratorji minħabba li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet fis-seħħ fiż-żmien li fih ġiet applikata. Dawn il-prinċipji ma jipprekludux, madankollu, prassi nazzjonali li b’mod definittiv iċċaħħad lill-persuna taxxabbli mill-possibbiltà li titlob l-interessi moratorji għaliex it-terminu ta’ dekadenza sabiex tiġi mressqa tali talba jkun skada jekk dan it-terminu ta’ dekadenza (i) ma huwiex irraġonevolment qasir u (ii) japplika wkoll għal ħlasijiet tardivi ta’ djun relatati mad-dannu kkawżat minn dispożizzjoni li tikser id-dritt nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Jidher li, minkejja diversi emendi, il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni baqa’ essenzjalment l-istess, bl-eċċezzjoni li l-perijodu ta’ 45 jum issa japplika jekk it-talba għal rimbors taqbeż is-somma ta’ [(HUF)] 1 000,000 forint.


3      Jidher li, fil-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2011, ma sarx riferiment għall-Kúria fost il-qrati msemmija.


4      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C-83/14, EU:C:2015:480), punt 71.


5      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-qrati nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi fejn ikun hemm bżonn ma japplikawx, taħt l-awtorità tagħhom stess, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, mingħajr ma jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra”. Is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C-378/17, EU:C:2018:979), punt 35.


6      Dwar din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċara ħafna: persuni taxxabbli għandhom, fil-prinċipju, jiġu rrimborsati bis-sħiħ bħala konsegwenza u estensjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi, tariffi jew dazji. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera (C-387/16, EU:C:2018:121) punt 24. Is-sitwazzjoni hija differenti, madankollu, jekk jiġi kkonstatat li l-persuna responsabbli li tħallas taxxi jew tariffi tkun ttrasferixxiethom fuq individwi oħra mingħajr ma l-ishma u l-profitti tas-suq tagħha jiġu affettwati. Ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et (C-398/09, EU:C:2011:540), punti 17 u 18.


7      Id-dritt li jirriżulta lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu kkumpensati għal kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn Stat Membru huwa l-konsegwenza tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, EU:C:2001:134), punti 84 u 106 u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, EU:C:2007:161, punt 125). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt huwa “inerenti għas-sistema tat-trattati li [hija] bbażat[a] fuqhom [l-Unjoni Ewropea]”. Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C-501/12 sa C-506/12 u C-541/12, EU:C:2014:2005, punt 98).


8      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428, punt 40).


9      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C-118/08, EU:C:2010:39, punt 30).


10      Minħabba l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi jew ir-regola ta’ nemo potest venire contra factum proprium stabbilita fid-dritt tal-Unjoni – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-385/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2350, punt 67), li jikkorrispondu għall-prinċipju tad-dritt komuni ta’ estoppel, nemmen li l-ġurisprudenza li tirrelata ma’ rikors għad-danni kontra istituzzjonijiet tal-Unjoni hija trasponibbli għar-rikorsi għad-danni kontra Stati Membri.


11      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il-Kummissjoni (C-611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 36).


12      Tabilħaqq, jekk dawk li jħallsu t-taxxa ressqu talba wara li rrifjutaw li jirrimborsaw l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas , jista’ jiġi preżunt li riedu jiksbu dak ir-rimbors minflok jipproduċuha u jibbażaw ruħhom fuqha fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom li jkun imiss. B’kuntrast, u salv prova bil-kontra, għal dawk li jħallsu t-taxxa li ressqu t-talba tagħhom wara l-għoti tas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (C-274/10, EU: C: 2011:530), ma jistax ikun preżunt li xtaqu li jiksbu dan ir-rimborsi.


13      Digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó (C-654/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2127, punt 34). Malli persuna tiġi mċaħħda minn somma ta’ flus anki għal perijodu qasir ta’ żmien, hija għandha titqies li sofriet dannu. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera (C-387/16, EU:C:2018:121, punt 32).


14      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 1994, Grifoni vs Il-Kummissjoni (C-308/87, EU:C:1994:38), punt 16.


15      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C-411/17, EU:C:2018:972, punti 201 sa 205) u s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, EU:C:2010:503, punt 67) u tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre Wallonne (C-41/11, EU:C:2012:103, punt 63) u tas-27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et (C-597/17, EU:C:2019:544, punt 61.


16      Ara f’dak is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C-262/88, EU:C:1990:209, punt 41); tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, EU:C:2010:503, punt 67); u tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C-379/15, EU:C:2016:603, punt 33).


17      Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, huwa meħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji. Ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C-276/14, EU:C:2015:635, punt 45). Hija ġurisprudenza stabbilita li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma jiġġustifikawx, minnhom innifishom, il-limitazzjoni ratione temporis ta’ din is-sentenza. Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Brouwer (C-577/08, EU:C:2010:449, punt 34).


18      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C-271/91, EU:C:1993:335, punt 26) u tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, EU:C:2001:134, punt 95).


19      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C-591/10, EU:C:2012:478, punt 29).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, EU:C:2000:38, punt 63). Il-ġurisprudenza dwar it-telf ta’ opportunità tipprovdi illustrazzjoni tajba ta’ din l-eċċezzjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Marzu 2013, AK vs Il-Kummissjoni (F-91/10, EU:F:2013:34, punt 92).Fil-fehma tiegħi, dan huwa dak li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, meta ġieli għamlet riferiment għall-kunċett ta’ “kumpens xieraq” jew iddeċidiet li “l-kumpens fil-forma ta’ interessi jista’ jkun, skont il-każ, iktar jew inqas mit-telf reali” “sabiex ikun żgurat kumpens permezz ta’ regoli ġestiti u kkontrollati faċilment mill-amministrazzjoni fiskali”. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera (C-387/16 EU:C:2018:121, punt 36). Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li f’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 37, li l-persuna taxxabbli għandha tkun tista’ “tirkupra [...] il-kreditu kollu li jirriżulta mill-eċċess tal-VAT mingħajr ebda riskju finanzjarju”. -Enfasi miżjuda minni - li jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tixtieqx titbiegħed mill-prinċipju ta’ dritt għal kumpens sħiħ.


21      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet qabel, jekk “huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà li l-Istat għandu jikkumpensa għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat” dan “bla ħsara għad-dritt għal kumpens għad-danni li huwa mfassal direttament fuq id-dritt [tal-Unjoni] peress li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati”. Ara, pereżempju, id-digriet tat-23 ta’ April 2008, The Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation (C-201/05, EU:C:2008:239, punt 126).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, The Minister for Justice and Equality u The Commissioner of the Garda Síochána (C-378/17, EU:C:2018:979, punt 39).


23      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs IPK International (C-336/13 P, EU:C:2015:83, punt 30).


24      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera (C-387/16, EU:C:2018:121, punti 28 u 29). Fil-prinċipju, l-interessi li jimmiraw li jikkumpensaw il-mogħdija taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-danni, irrispettivament minn kwalunkwe dewmien imputabbli lid-debitur jissejħu “interessi kumpensatorji” u huma parti mill-kumpens mogħti. Ara, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T-577/14, EU:T:2017:1, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel (C-291/03, EU:C:2005:591, punt 17).


26      Ara, pereżempju, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2015, Kovozber (C-120/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:730, punt 30).


27      Meta tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dawn il-każijiet fejn iqumu dawn il-kwestjonijiet għandhom jiġu analizzati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u d-dettalji ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 36).


28      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, EU:C:2007:163, punt 43).


29      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Test Claimants in the Franket Investment Income Group Litigation (C-362/12, EU:C:2013:834, punti 31 u 32).


30      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20  ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services  (C-500/16, EU:C:2017:996, punt 41).


31      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C-591/10, EU:C:2012:478, punt 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


32      Sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth (C-542/08, EU:C:2010:193, punt 20).


33      Kuntrarjament għall-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni matul l-aħħar seduta, nikkunsidra li l-persuni taxxabbli kkonċernati sostnew dannu li huwa relatat mhux ma’ lucrum cessans, iżda ma’ riduzzjoni tal-flussi ta’ likwidità. Fi kwalunkwe każ, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li lucrum cessans għandu jiġi kkumpensat. Ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, EU:C:2001:134, punt 91).


34      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary (C-254/16, EU:C:2017:522, punt 22).


35      Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 24), tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary (C-254/16, EU:C:2017:522, punt 20) u tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera (C-387/16, EU:C:2018:121, punt 25), u. F’din il-kawża, il-qrati nazzjonali ma speċifikawx it-terminu li fih l-amministrazzjoni Ungeriża rrimborsat l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas meta l-kundizzjoni għall-akkwisti stabbiliti ġiet issodisfatta ab initio. Madankollu Sole-Mizo indikat li dan il-perijodu huwa ta’ 45 jum.


36      Għal paragun, ara l-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36) jew l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).


37      Ara iktar ’il, fil-punt 48.


38      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, EU:C:2000:38, punt 51).


39      Traduzzjoni mhux uffiċjali. Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 23). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jiġi żgurat kumpens sħiħ, l-interessi li jikkumpensaw għall-erożjoni monetarja għandhom ikomplu jiddekorru sakemm isir il-ħlas reali tal-kumpens.


40      Id-dikjarazzjoni tal-VAT ta’ Settembru 2011 hija dik li tkopri l-perijodu ta’ żmien meta ġiet adottata l-Liġi li temenda.


41      Minn perspettiva loġika, minħabba li l-metodu tal-kalkolu użat mill-prassi nazzjonali li jikkonsisti f’li kull perijodu ta’ rrapurtar indipendentement mill-ieħor, u għaldaqstant f’li d-dannu riżultanti mill-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas jitqies akkumulat b’mod definittiv fit-tmiem ta’ kull perijodu ta’ taxxa, l-interessi kellhom jiġu applikati sabiex jikkumpensaw l-erożjoni monetarja riżultanti mit-tmiem ta’ kull perijodu ta’ taxxa.


42      Huwa probabbli ħafna li r-raġuni għal dan hija li l-Artikolu 165(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jipprevedi li “penali għad-dewmien ma tistax fiha nnifisha tirriżulta fl-applikazzjoni ta’ penali għal dewmien”. Jekk, madankollu, din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tipprekludi li l-interessi jikkumpensaw għall-erożjoni monetarja, nikkunsidra li din id-dispożizzjoni għandha tiġi ddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.


43      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C-271/91, EU:C:1993:335, punt 31) u tal-4 ta’ Diċembru 2003, Evans (C-63/01, EU:C:2003:650, punt 68).


44      Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob (C-417/13, EU:C:2015:38, punt 71).


45      Sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C-228/96, EU:C:1998:544, punt 20).


46      Ara b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services (C-500/16, EU:C:2017:996, punt 40). Qiegħed ninnota wkoll li, fil-kuntest ta’ rikorsi diretti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fejn il-motivi ta’ sentenza juru ksur ta’ dritt tal-Unjoni filwaqt li d-dispożittiv tagħha tas-sentenza jidher manifestament fondat minħabba motivi ta’ dritt oħrajn, l-appell għandu jiġi miċħud. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Ori Martin vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-463/17 P, EU:C:2018:411, punt 24).


47      Fid-dawl tat-tipoloġija tal-interessi eżistenti fid-dritt tal-Unjoni, kif ġie identifikat mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu f’Il-Kummissjoni vs IPK International (C-336/13 P, EU:C:2014:2170), nikkunsidra li l-interessi dovuti sabiex jikkumpensaw għad-dannu riżultanti mill-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas, kif ukoll għall-interessi li kellhom jiġu pprovduti sabiex jikkumpensaw għall-erożjoni monetarja jidħlu fil-kunċett ta’ interessi kumpensatorji u li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ interessi moratorji għandu jintuża sabiex jirreferi għall-interessi moratorji dovuti f’każ ta’ ħlas tardiv tal-interessi kumpensatorji.


48      Apparti minn hekk, jidher li Dalmandi rċeviet interessi moratorji minħabba d-dewmien fil-ħlas tal-kumpens li għalih kienet intitolata l-kumpannija, wara li ressqet talba f’dan is-sens.


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Ciup (C-288/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:495, punt 46). Minħabba li l-obbligu għall-ħlas tal-interessi moratorji jirriżulta mill-prinċipju ta’ effettività u mid-dritt għal kumpens sħiħ, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu r-rata ta’ dawn l-interessi moratorji, bil-kundizzjoni li din ir-rata toħloq inċentiv għall-amministrazzjoni sabiex tħallas tempestivament id-danni.


50      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1972, Il-Kummissjoni vs L-Italja (48/71, EU:C:1972:65, punt 7). Fil-kawża prinċipali, dan ifisser li l-Ungerija kienet obbligata biss li, fuq l-inizjattiva tagħha, tieqaf tapplika l-kundizzjoni għall-akkwist imħallas u li tirrimborsa l-eċċessi tal-VAT li tista’ titnaqqas li baqgħu jeżistu fil-jum tas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530).


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan (6/60-IMM, EU:C:1960:48, p. 569).


52      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C-571/16, EU:C:2018:807, punt 123). Din is-soluzzjoni hija pjuttost loġika fis-sens li kumpens preċiż għad-dannu sostnut jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu, ċerti parametri fattwali li huma l-persuni kkonċernati biss jinsabu f’pożizzjoni li jkunu jafuhom.


53      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C-256/16, EU:C:2018:187, punt 20).


54      Sentenza tal-11 ta’ April 2019, PORR Építési Kft. (C-691/17, EU:C:2019:327, punt 39).


55      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma liberi li japplikaw regoli ġodda għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jirriżultaw taħt leġiżlazzjoni preċedenti. Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (C-60/98, EU:C:1999:333), punt 25. Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi li emenda leġiżlattiva ċċaħħad lil persuna taxxabbli b’effett retroattiv mid-dritt miksub minn din il-persuna abbażi tal-leġiżlazzjoni preċedenti. Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, (C-107/10, EU:C:2011:298, punt 39).


56      Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob (C-417/13, EU:C:1998:38, punt 71). Madankollu, dan il-prinċipju ma jiġix miksur jekk ikun meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li titressaq talba speċjali għall-kisba tal-ħlas tal-interessi moratorji, filwaqt li tali rekwiżit ma jeżistix għal tipi oħra ta’ interessi. Fil-fatt, minħabba li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ biss li l-istess regoli proċedurali japplikaw għal rikorsi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u għal rikorsi simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali, dan ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali differenti għal tipi ta’ interessi mhux simili.


57      B’mod partikolari, minħabba li tali rekwiżit ikun jammonta għall-introduzzjoni ta’ terminu speċifiku għall-kisba tal-interessi moratorji, jeħtieġ għalhekk li jiġi vverifikat jekk tali rekwiżit japplikax ukoll f’sitwazzjonijiet simili bbażati esklużivament fuq id-dritt nazzjonali.


58      Ara l-punti 114 u 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq għal analiżi iktar iddettaljata.


59      Fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, madankollu, din il-bażi tressqet mhux biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi moratorji, iżda rata ta’ interessi ekwivalenti għad-doppju tar-rata tal-bank ċentrali nazzjonali għall-kalkolu tal-kumpens dovut għall-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-korrispettiv imħallas.


60      Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C-501/12 sa C-506/12, C-540/12 u C-541/12, EU:C:2014:2005, punt 115).


61      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services (C-500/16, EU:C:2017:996, punt 42).


62      Dan il-limitu doppju jammonta għal kunsiderazzjoni li l-adozzjoni tal-Liġi ta’ Emenda interrompiet il-perijodi tat-termini ta’ dekadenza.


63      Għaldaqstant, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li leġiżlazzjoni nazzjonali hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri kkonċernati ma humiex obbligati jirrevedu sitwazzjonijiet li jkunu saru finali wara l-eżawriment tar-rimedji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini ta’ dekadenza stabbiliti għal tali rimedji. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 1988, Brown vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (125/87, EU:C:1988:136, punt 14) u b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, punt 38), tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C-234/04, EU:C:2006:178, punt 20) u tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 58).


64      Sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth, (C-542/08, EU:C:2010:193 punt 28).


65      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Banca Antoniana Popolare Veneta (C-427/10, EU:C:2011:844, punt 25). Fil-każ ta’ taxxa Komunitarja mħallsa minn uffiċjali u aġenti tal-istituzzjonijiet, il-perijodu għal appell huwa l-perijodu previst mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, it-terminu huwa ta’ tliet xhur mir-rendikont tar-remunerazzjoni li tirrifletti, b’mod ċar u għall-ewwel darba, deċiżjoni ta’ natura pekunjarja. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, Campo et vs SEAE (T-577/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:909, punti 34 sa 36).


66      Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-Ungerija setgħet tirrifjuta li tirrispondi għat-talbiet relatati mad-dannu li seħħ iktar minn 5 snin wara l-aħħar jum tas-sena kalendarja li fiha d-dikjarazzjoni jew notifika relatata ma’ din it-taxxa kellha ssir jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew notifika, f’dik li fiha kellha titħallas it-taxxa.