Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C-26/18

Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung

vs

Hauptzollamt Frankfurt am Main

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dejn doganali — Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ importazzjoni — Rekwiżit ta’ dħul ta’ merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni — Preżunzjoni”






1.        Fis-sentenzi Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig (2) u Wallenborn Transports (3), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet id-domandi preliminari, magħmula mill-Finanzgericht Hamburg u l-Hessisches Finanzgericht (il-Qrati tal-Finanzi ta’ Hamburg u ta’ Hesse, il-Ġermanja), dwar il-possibbiltà li, b’mod simultanju, isir kemm il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, kif ukoll tad-dejn doganali, meta fit-tranżazzjoni ntaxxata ma jkunux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tad-dwana.

2.        Fil-konklużjonijiet fl-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kawżi (4), enfasizzajt li din il-possibbiltà ma hijiex awtomatika kif jista’ jiġi dedott minn qari inizjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 2014, X (5). Sostnejt li t-tnissil ta’ dejn doganali ma għandux għalfejn jimplika, b’mod inevitabbli, il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-teorija fiż-żewġ sentenzi msemmija iktar 'il fuq.

3.        Il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse) tagħmel domanda preliminari ġdida dwar l-impożizzjoni doppja. B’mod partikolari, temmen li fl-aħħar żewġ sentenzi hemm ċerta kontradizzjoni, fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ċċarat jekk merkanzija tkunx ġiet inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Definittivament, dan huwa l-fattur ewlieni li jippermetti li jiġi deċiż jekk dan id-dejn doganali għandux jiġi akkumulat mad-dejn tal-VAT.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (6)

4.        Skont l-Artikolu 202:

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

(b)      l-introduzzjoni kontra l-liġi f’parti oħra ta’ dak it-territorju ta’ dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f’żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

[...]”

5.        L-Artikolu 203 jispeċifika li:

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

–      tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

[...]”

6.        L-Artikolu 204 jipprovdi li:

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a)      tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew

(b)      tan-nuqqas ta’ konformità ma’ kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji,

f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.

2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.

[...]”

2.      Id-Direttiva 2006/112/KE (7)

7.        Konformement mal-Artikolu 2(1)(d), “l-importazzjoni ta’ merkanzija” tiġi suġġetta għall-VAT.

8.        L-Artikolu 30 jindika li:

“‘Importazzjoni ta’ merkanzija’ għandha tfisser id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fit-tifsira ta’ l-Artikolu 24 tat-Trattat.

Minbarra t-transazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li tinsab f’ċirkolazzjoni ħielsa, li ġejja minn territorju terz li jifforma parti mit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jitqies bħala l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

9.        Skont l-Artikolu 60 tad-Direttiva 2006/112:

“Il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol fil-Komunità.”

10.      L-Artikolu 61 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li:

“Bħala deroga mill-Artikolu 60, fejn, malli tidħol fil-Komunità, merkanzija li mhijiex f’ċirkolazzjoni ħielsa titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 156, jew taħt arranġamenti għal importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali minn dazju ta’ importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ transitu esterni, il-post ta’ importazzjoni ta’ tali merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax koperta minn dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

B’mod simili, meta, mad-dħul fil-Komunità, merkanzija li hija f’ċirkolazzjoni ħielsa titpoġġa taħt waħda mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 276 u 277, il-post ta’ l-importazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax koperta minn dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.”

11.      Skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva 2006/112:

“1.      Meta, mad-dħul fil-Komunità, il-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 156, 276 u 277, jew taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, jew għal imposti agrikoli jew għal xi piżijiet li għandhom effett ekwivalenti li ġew stabbiliti skond politika komuni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta' dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti.

2.      Meta merkanzija impurtata ma tkunx soġġetta għall-ebda mid-dazji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, rigward l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-mument meta l-VAT issir dovuta, japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji doganali.”

12.      Konformement mal-Artikolu 156(1)(a), l-Istati Membri jistgħu jeskludu, fost tranżazzjonijiet oħrajn, “il-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba li tiġi ppreżentata lid-dwana u, fejn applikabbli, poġġuta f’ħżin temporanju”.

B.      Id-dritt nazzjonali. L-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) (8)

13.      Skont l-Artikolu 1:

“(1) It-tranżazzjonijiet li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa:

1.      il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas ġewwa t-territorju Ġermaniż minn impriża fil-kuntest tal-attività tagħha.

[...]

4.      L-importazzjonijiet ta’ merkanzija fil-Ġermanja [...] (taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni);

[...]”

14.      Skont l-Artikolu 13, l-Artikolu 21(2) tal-UStG japplika għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni.

15.      L-Artikolu 21(2) tal-UstG jistabbilixxi li:

“[i]r-regoli doganali japplikaw b’analoġija għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni [...]”.

II.    Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2008, l-Uffiċċju tad-Dwana tal-ajruport ta’ Ateni informa lill-Hauptzollamt Frankfurt am Main (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Frankfurt am Main; iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tad-Dwana”) li, f’Jannar 2008, kien hemm xi irregolaritajiet fl-iskema ta’ tranżitu Komunitarju bl-ajru fir-rigward ta’ 18-il kunsinna li saru mill-Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung (iktar ’il quddiem “FedEx”). L-investigazzjonijiet indikaw li kien hemm involuta merkanzija li kienet ġejja minn Iżrael, il-Messiku u l-Istati Uniti, b’destinazzjoni fil-Greċja.

17.      L-Uffiċċju tad-Dwana bagħat lil FedEx, fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2010, total ta’ ħames notifiki, fejn talab lura, b’mod partikolari, il-VAT fuq l-importazzjoni tal-imsemmija kunsinni.

18.      Skont l-Uffiċċju tad-Dwana,

–      f’14 minn dawn il-kunsinni, il-merkanzija ma kkonformatx mal-Artikolu 40 tal-KDK (preżentazzjoni lid-dwana) u, għaldaqstant, ġiet importata irregolarment fit-territorju doganali tal-Unjoni, li rriżulta f’dejn doganali (Artikolu 202 tal-KDK). Fir-rigward tal-VAT fuq l-importazzjoni, l-Uffiċċju tad-Dwana invoka l-Artikolu 21(2) tal-UStG;

–      l-4 kunsinni l-oħrajn ġew irtirati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-depożitu, li wassal għal dejn doganali konformement mal-Artikolu 203 tal-KDK.

19.      FedEx ħallset il-VAT fuq l-importazzjoni li tirriżulta mill-avviżi ta’ impożizzjoni rċevuti. Madankollu, f’Novembru 2011, hija talbet ir-rimbors ta’ din il-VAT, fejn allegat, b’mod partikolari, li t-taxxa doppja applikata kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

20.      L-Uffiċċju tad-Dwana rrifjuta t-talba għal rimbors tal-VAT. Il-maġġoranza tal-ilmenti ta’ FedEx lanqas ma rnexxew, u din ippreżentat rikors quddiem il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse).

21.      Skont din il-qorti, it-tilwima tirrigwarda l-merkanzija li waslet fl-Unjoni, li l-ewwel daħlet fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-ajru sabiex, sussegwentement, tiġi ttrasportata, minn dan l-istess ajruport, f’ajruplan ieħor għall-Greċja. Għandu jiġi ċċarat jekk il-VAT fuq l-importazzjoni fil-Ġermanja saritx dovuta meta l-introduzzjoni ta’ din il-merkanzija fl-Unjoni kisret id-dispożizzjonijiet doganali jew meta, ladarba ma twettaqx tali ksur, it-trasport ulterjuri tagħha lejn il-Greċja sar mingħajr ma ġie suġġett għall-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern.

22.      F’dan il-kuntest, il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse) tagħmel dawn id-domandi preliminari:

“1)      Importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/112 [...] tippreżupponi li l-merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jew huwa suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema?

Fil-każ fejn importazzjoni tippreżupponi d-dħul tal-merkanzija fis-sistema ekonomika tal-Unjoni:

2)      Merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol awtomatikament fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fil-każ fejn, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, din ma titqiegħed taħt l-ebda skema fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tad-Direttiva 2006/112 jew, għalkemm tkun ċertament inizjalment tqiegħdet taħt tali skema, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, sussegwentement ma tibqax suġġetta għal din l-iskema, jew, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, id-dħul fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li jista’ jiġi preżunt li, minħabba dan il-ksur, il-merkanzija tkun daħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fit-territorju fiskali tal-Istat Membru li fih twettaq il-ksur u setgħet kienet is-suġġett ta’ konsum jew ta’ użu?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2018.

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn FedEx, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, kif ukoll ir-rappreżentant tal-Uffiċċju tad-Dwana, kienu preżenti fis-seduta pubblika li saret fil-5 ta’ Diċembru 2018.

25.      FedEx issostni li, wara l-wasla tagħha f’Ateni, il-merkanzija ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera u għall-konsum, wara li ġiet suġġetta għall-VAT fuq l-importazzjoni tal-Greċja. Fl-opinjoni tagħha, mis-sentenza Wallenborn Transports jirriżulta li, sabiex mad-dejn doganali jiżdied dejn tal-VAT, ma huwiex suffiċjenti s-sempliċi riskju li, riżultat tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li wassal għal dejn doganali, il-merkanzija setgħet tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, minħabba li hija l-ġurisdizzjoni nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan id-dħul sarx.

26.      Skont FedEx, għalkemm tnissel dejn doganali skont l-Artikolu 202(1) jew l-Artikolu 203(1) tal-KDK, xorta għandu jiġi eżaminat jekk saritx importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112. Ma huwiex suffiċjenti li l-merkanzija tkun ġiet introdotta fl-Unjoni, minħabba li għandha tkun f’ċirkulazzjoni libera jew tkun irriżultat minn wieħed mill-arranġamenti previsti fl-Artikolu 61 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(1) ta’ din id-direttiva.

27.      Konsegwentement, skont FedEx, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li importazzjoni tippreżupponi li l-merkanzija li tasal fit-territorju tal-Unjoni tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tagħha u li, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, jista’ jiġi preżunt li l-merkanzija ġiet introdotta f’dan iċ-ċirkwit mit-territorju fiskali tal-Istat Membru fejn ikun twettaq il-ksur.

28.      L-Uffiċċju tad-Dwana jsostni li l-introduzzjoni tal-merkanzija fis-sistema ekonomika tal-Unjoni kienet saret fil-Ġermanja, minħabba li huwa f’dan l-Istat Membru li sar il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali. Għaldaqstant, il-VAT għandha titħallas fil-Ġermanja u mhux fil-Greċja.

29.      Il-Gvern Grieg jipproponi risposta għall-ewwel domanda preliminari, fis-sens li importazzjoni mhux biss isseħħ bl-introduzzjoni tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, iżda anki meta jkun jeżisti r-riskju li ssir din l-introduzzjoni. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda.

30.      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-merkanzija li hija s-suġġett tal-kawża ġiet introdotta fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni probabbilment fil-Greċja, u dan jimplika t-tnissil ta’ dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni. L-uniku dubju huwa fejn u meta tnissel dan id-dejn.

31.      Il-Kummissjoni żżid li anki fil-Ġermanja tnissel dejn doganali, jew minħabba li hawnhekk il-merkanzija kisbet aċċess irregolarment, jew minħabba li f’dan l-Istat Membru tneħħiet minn taħt is-sorveljanza doganali kontra l-liġi. Kwalunkwe waħda minn dawn iż-żewġ ċirkustanzi twassal għall-VAT fuq l-importazzjoni, għalkemm dan huwa possibbli biss jekk ikun jista’ jiġi rrikonoxxut li l-merkanzija tkun daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, b’tali mod li, għal dan il-għan, is-sempliċi riskju li jkun twettaq dan id-dħul ma huwiex suffiċjenti.

32.      Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Kummissjoni tindika li l-qorti tar-rinviju għandha tanalizza jekk hijiex iġġustifikata l-preżunzjoni li l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali ġġenera, barra mid-dejn doganali, dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni, minħabba l-wasla tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

33.      Skont il-Kummissjoni, minħabba li l-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-merkanzija telqet mill-Ġermanja f’direzzjoni lejn Stat Membru ieħor, fejn tqassmet lid-destinatarji tagħha, għandu jiġi rrikonoxxut li daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Jekk dan id-dħul sar fil-Ġermanja bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, id-dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni kien tnissel f’dan l-Istat Membru. Skont il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza ma tibdilx il-fatt li l-VAT għandha titħallas darba biss u li għandha tkun sostnuta mill-konsumatur finali, b’dan jiġi kkonfermat fit-teoriji differenti li din tifformula dwar dan is-suġġett.

34.      Għalhekk, bħala risposta għat-tieni domanda, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li d-dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni jista’ jkun sar fil-post u fil-mument fejn il-merkanzija ma kienet jew ma baqgħet koperta minn ebda skema doganali.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Fuq l-ammissibbiltà (parzjali)

35.      Il-qorti tar-rinviju tiffoka fuq interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112, li skontha jkun hemm “importazzjoni ta’ merkanzija” suġġetta għall-VAT meta merkanzija tkun ġiet introdotta fit-territorju tal-Unjoni mingħajr ma tkun koperta minn ebda arranġament jew sitwazzjoni li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 61(1) ta’ din id-direttiva, jew meta inizjalment tkun, iżda iktar tard ma tibqax, koperta.

36.      Madankollu, iżżid li wara li jiġu kkunsidrati l-iskop tal-VAT u, fuq kollox, ċerti kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenzi reċenti (9), jista’ jkun hemm dubju dwar jekk is-sempliċi introduzzjoni ta’ merkanzija f’dawn iċ-ċirkustanzi tistax titqies bħala “importazzjoni”. Għaldaqstant, jista’ jitqies meħtieġ li l-merkanzija tkun daħlet effettivament fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, mingħajr ma jkun suffiċjenti s-sempliċi riskju ta’ dan id-dħul.

37.      Skont l-informazzjoni pprovduta fid-digriet tar-rinviju, dak li huwa diskuss fil-proċedura tar-rinviju huwa jekk il-merkanzija li waslet fl-Unjoni, li daħlet bl-ajru fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex sussegwentement, mingħajr ma toħroġ mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main, tiġi ttrasportata, bl-istess mod, lejn il-Greċja, hijiex suġġetta għall-VAT fuq l-importazzjoni f’dawn iż-żewġ ċirkustanzi:

–      ġew miksura d-dispożizzjonijiet doganali fil-Ġermanja; jew

–      ġiet ittrasportata lejn il-Greċja mingħajr ma ġiet suġġetta għall-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern prevista mil-leġiżlazzjoni doganali (10).

38.      Fid-dawl ta’ dan l-approċċ, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf: a) jekk il-mument meta u l-post fejn il-VAT fuq l-importazzjoni saret dovuta fuq l-importazzjoni jiddependux fuq id-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, u b) jekk ir-riskju li jkun twettaq dan id-dħul huwiex suffiċjenti.

39.      Madankollu, fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse) tikkonkludi li l-merkanzija fl-ebda mument ma daħlet fit-territorju fiskali Ġermaniż, iżda kompliet sejra lejn Ateni, fejn ġiet inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni (11).

40.      Jekk il-fatti ġraw b’dan il-mod, l-ewwel domanda preliminari tista’ tiġi kklassifikata bħala ipotetika u, għaldaqstant, bħala inammissibbli (12). Fil-fatt, ladarba jiġi pprovat u rrikonoxxut mill-qorti tar-rinviju li l-merkanzija ma daħlitx fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fil-Ġermanja, iżda fil-Greċja, fejn kienet iddestinata għall-konsum, ma jibqax jagħmel sens li jiġi mistoqsi jekk “huw[iex] suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija [introdotta fit-territorju tal-Unjoni] tidħol [f]is-sistema [ta’ din tal-aħħar]”.

41.      Nirrepeti li, fiċ-ċirkustanza deskritta fid-digriet tar-rinviju, ma kienx hemm riskju li l-merkanzija tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni mill-Ġermanja. Barra minn hekk, jiġi żgurat b’mod kategoriku li kien fil-Greċja fejn sar dan id-dħul u fejn il-merkanzija kienet iddestinata għall-konsum. Jekk dan huwa l-każ, ma naħsibx li huwa meħtieġ li nirrikorri għal preżunzjoni, ladarba l-fatt diġà ġie pprovat, u lanqas ma huwa meħtieġ li wieħed jeżamina r-riskju li jista’ jseħħ.

42.      Għalhekk, ma għandhiex tiġi aċċettata domanda, b’mod astratt, dwar “sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema [ekonomika tal-Unjoni]” meta, fil-kuntest tal-kawża prinċipali u fid-dawl tal-fatti li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra stabbiliti, nirrepeti li ma hemmx problema ta’ riskju, iżda biss il-konstatazzjoni tal-aċċess tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

43.      Għaldaqstant, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda interess għajr dak purament ipotetiku.

44.      Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-istess opinjoni, ser nittratta l-mertu ta’ din l-ewwel domanda billi nanalizza, bħala risposta għat-tieni waħda, sa fejn jew taħt liema kundizzjonijiet, is-sempliċi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jista’ jwassal għall-preżunzjoni li tkun daħlet merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

B.      Fuq il-mertu

45.      Kif indikajt fil-konklużjonijiet tal-kawża Wallenborn Transports (13), “[i]l-fattur determinanti għall-impożizjoni tal-VAT fuq l-importazzjoni huwa li l-merkanzija li tkun imposta fuqha tista’ tiġi integrata fl-ekonomija tal-Unjoni u, għalhekk, tkun suġġetta għal konsum ulterjuri”.

46.      Kont fakkart li dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eurogate Distribution, fejn jitqies li mad-dejn doganali ġġenerat bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali “jista’ jiżdied [i]d-dejn [tal-VAT] jekk l-aġir illegali uniku li ġġenera dan id-dejn jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata ddaħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni u, għalhekk, setgħet ġiet suġġetta għal konsum, jiġifieri, att li jagħti lok għall-ġbir tal-VAT” (14).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess prinċipju meta ddeċidiet il-kawża Wallenborn Transports (15).

48.      Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, ġustament “[fuq il-bażi ta]l-aġir illegali uniku li [kien i]ġġenera dan id-dejn [doganali]” — jiġifieri, fuq il-bażi tal-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali diskuss fil-proċeduri rispettivi u tal-kuntest tiegħu — ma jistax jiġi aċċettat li l-merkanzija inkwistjoni kienet daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni:

–      fil-kawża Eurogate Distribution, minħabba li, minkejja n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li wieħed jirreġistra kif xieraq, fir-reġistri tal-ħażna, il-ħruġ tal-merkanzija mill-iskema ta’ depożitu doganali, ġie pprovat li l-merkanzija kienet koperta mill-iskema ta’ depożitu doganali sal-esportazzjoni mill-ġdid tagħha, “u ma huwiex ikkontestat li ma kien jeżisti ebda riskju li din tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni” (16).

–      fil-kawża Wallenborn Transports, minħabba li, minkejja li l-merkanzija tneħħiet kontra l-liġi minn taħt is-sorveljanza doganali f’żona libera u ma kinitx għadha f’din iż-żona, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat bħala pprovat li, qabel ma l-merkanzija ħarġet miż-żona ħielsa b’destinazzjoni finali fi Stat terz “ma [kinitx ġiet] imdaħħla fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istat Membru li ż-żona ħielsa taqa’ fit-territorju tiegħu, peress li, wara li tneħħiet mis-sorveljanza doganali, il-merkanzija inizjalment baqgħet fiż-żona ħielsa u minn hemm la ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera u lanqas ġiet ikkonsmata jew użata” (17).

49.      Ċertament, fil-kawża Eurogate Distribution, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għar-riskju li l-merkanzija inkwistjoni kienet daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni (18).

50.      Jidher li l-qorti tar-rinviju tinterpreta dan ir-riferiment bħallikieku l-fattur determinanti, sabiex jiġi stabbilit jekk saritx importazzjoni, kien li tiġi vverifikata l-preżenza ta’ dan ir-riskju. Peress li fil-kawża Wallenborn Transports ġie konkluż li l-fattur determinanti kien li jiġi vverifikat li l-merkanzija ma kinitx daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku (19), il-qorti tar-rinviju tinnota ċerta kontradizzjoni, li wasslitha sabiex tistaqsi jekk huwiex suffiċjenti, jew le, is-sempliċi riskju ta’ dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni sabiex tkun dovuta l-VAT fuq l-importazzjoni.

51.      Qari fid-dettall tas-sentenzi msemmija jippermetti li jiġi eskluż kwalunkwe ħjiel ta’ kontradizzjoni bejniethom.

52.      Fil-prinċipju, l-idea dejjem kienet li l-VAT fuq l-importazzjoni ssir dovuta bid-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-risposta għall-ewwel waħda mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tħalli l-ebda dubju: “Importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva [tal-VAT] tippreżupponi li l-merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni” mingħajr ma “[jkun] suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema”.

53.      Minkejja dan, id-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni jista’: a) jiġi kkonstatat bħala fatt li verament seħħ (dħul fiżiku), jew b) purament jiġi preżunt. Skont id-Direttiva 2006/112, dan tal-aħħar huwa l-każ fejn ikunu preżenti numru ta’ ċirkustanzi (pereżempju, iseħħ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali).

54.      Fil-verità, f’dan ir-rigward, hemm serje ta’ preżunzjonijiet ġuridiċi:

–      l-ewwel waħda hija li kwalunkwe merkanzija introdotta fit-territorju ta’ Stat Membru minn Stat terz tkun iddestinata għall-konsum u, għaldaqstant, hija intiża li tiġi inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata jekk il-merkanzija tkun koperta minn ċerti arranġamenti previsti fil-leġiżlazzjoni doganali, bħalma huma dawk tat-tranżitu estern jew tad-depożitu doganali.

–      it-tieni preżunzjoni tidher meta l-ewwel waħda tiġi kkonfutata. F’din l-ipoteżi, jiġi implikat (jiġi preżunt) li, minkejja li kienet tinsab fiżikament fit-territorju tal-Istat Membru, il-merkanzija ma daħlitx fl-Unjoni u, għaldaqstant. ma tistax tiġi inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tagħha.

–      l-effettività tat-tielet preżunzjoni tibda tapplika meta t-tieni waħda ma tibqax tapplika, minħabba li tkun kisret il-leġiżlazzjoni doganali li kienet tagħmilha possibbli. F’din iċ-ċirkustanza, jista’ jingħad li terġa’ ssir valida l-preżunzjoni inizjali (jiġifieri li l-merkanzija li tidħol fit-territorju tal-Unjoni hija maħsuba li tiġi inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni) u jingħalaq iċ-ċirku.

55.      Fi kliem ieħor, dan huwa dak li jippreżentaw is-sentenzi Wallenborn Transports u Eurogate Distribution: “[D]ejn tal-VAT jista’ jiżdied mad-dejn doganali jekk l-aġir illegali uniku li ġġenera dan id-dejn jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata daħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni u, għalhekk, setgħet ġiet suġġetta għal konsum, jiġifieri, att li jagħti lok għall-ġbir tal-VAT” (20).

56.      Kemm jekk l-ewwel preżunzjoni (l-inklużjoni fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni tal-merkanzija introdotta minn Stat terz), kif ukoll it-tieni waħda (in-nuqqas ta’ inklużjoni f’dan iċ-ċirkwit tal-merkanzija li hija suġġetta għal ċerta skema) jistgħu jiġu kkonfutati, dan jista’ jseħħ anki fir-rigward tat-tielet waħda (l-inklużjoni fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-merkanzija li kisret il-leġiżlazzjoni doganali li kienet tagħmel it-tieni preżunzjoni possibbli). L-ebda waħda mit-tliet preżunzjonijiet ma hija inkonfutabbli (iuris et de iure), iżda kollha jammettu provi kuntrarji (iuris tantum).

57.      Fil-kawżi Wallenborn Transports u Eurogate Distribution dan li ġej kien preċiżament dak li ġara: il-preżunzjoni li l-merkanzija kienet daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali (it-tielet preżunzjoni) ġiet ikkonfutata, minħabba li ma ġiex ipprovat li, minkejja dan il-ksur, il-merkanzija ma kinitx ġiet inkluża f’dan iċ-ċirkwit:

–      fil-kawża Eurogate Distribution minħabba li, minkejja n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu ta’ iskrizzjoni, seta’ jiġi pprovat li l-merkanzija kienet koperta mill-iskema ta’ depożitu doganali sal-esportazzjoni mill-ġdid tagħha (21).

–      fil-kawża Wallenborn Transports minħabba li, għalkemm il-merkanzija tneħħiet kontra l-liġi minn taħt is-sorveljanza doganali, ġie pprovat li baqgħet fiż-żona ħielsa u la ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni ħielsa, la kkonsmata u lanqas użata (22).

58.      Effettivament, fis-sentenza Eurogate Distribution, ġie konkluż li “[l]-merkanzija kienet koperta mill-proċedura tad-depożitu doganali sakemm ġiet esportata mill-ġdid u ma huwiex ikkontestat li ma kien jeżisti ebda riskju li din tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni”(23). Kif indikajt iktar ’il fuq, jidher li din l-aħħar sentenza toħloq dubju lill-qorti tar-rinviju, li tinterpretaha fis-sens li hija biżżejjed l-invokazzjoni tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju sabiex jiġi kkunsidrat ċert id-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

59.      Fl-opinjoni tiegħi, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tgħid b’din is-sentenza huwa li, ladarba f’din il-kawża l-merkanzija kienet koperta mill-iskema ta’ depożitu doganali, il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali ma kienx jippermetti li jiġi dedott, fiċ-ċirkustanzi deskritti, li daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, fi kliem ieħor, wieħed seta’ jopponi b’suċċess il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, billi l-merkanzija ġiet esportata mill-ġdid u, konsegwentement, ma ġietx inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni (24).

60.      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi konkluż li s-sempliċi riskju ta’ dħul ta’ merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, marbut mal-ksur ta’ ċerti regoli doganali, jinvolvi, b’mod inevitabbli, il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

61.      Jekk wieħed jittrasponi dawn l-argumenti għall-kawża inkwistjoni, dejjem fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-fatti tad-digriet tar-rinviju, il-ksur tad-dispożizzjonijiet doganali fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, fejn il-merkanzija ġiet sempliċement ittrażbordata minn ajruplan għal ieħor lejn il-Greċja, isir irrilevanti fir-rigward tal-impożizzjoni, fil-Ġermanja, tal-VAT fuq l-importazzjoni (anki jekk ġie ġġenerat id-dejn doganali, li ma jiġi diskuss minn ħadd).

62.      Dan l-istess nuqqas tat-twettiq tal-obbligi formali ma ppermettiex il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, skont is-sentenza Wallenborn Transports, jekk il-merkanzija kienet iddestinata għall-esportazzjoni mill-ġdid, ippreċeduta mid-depożitu tagħha fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, minħabba li l-esportazzjoni mill-ġdid kienet timplika n-nuqqas ta’ dħul tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Ma narax għalfejn kellu jiġri l-kuntrarju meta d-destinazzjoni tal-merkanzija kienet, wara li sar it-tranżitu tagħha fl-ajruport fi Frankfurt am Main (25), il-Greċja, il-pajjiż fejn sar id-dħul ekonomiku (jiġifieri l-aċċess reali għaċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni) u r-rilaxx għall-konsum ulterjuri tagħha.

63.      Fi kliem ieħor, ladarba ġie pprovat li, fil-verità, il-merkanzija ma daħlitx fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fil-Ġermanja, iżda fil-Greċja, l-irregolarità formali li seħħet fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main ma tipprovdix, minnha nnifisha, bażi legali suffiċjenti sabiex tkun dovuta l-VAT fuq l-importazzjoni fil-Ġermanja.

64.      Għalhekk, naqbel mal-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju stess tagħmel tas-sentenza Eurogate Distribution, sabiex tapplikaha għall-kawża li għandha tiddeċiedi dwarha: “Skont dan il-kriterju, fil-każ inkwistjoni, l-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ [VAT] ma tikkorrispondix għall-importazzjoni Ġermaniża, minħabba li la l-introduzzjoni irregolari u lanqas l-irtirar tal-kontroll doganali ma wasslu sabiex il-merkanzija tidħol, mit-territorju fiskali Ġermaniż, fis-sistema ekonomika tal-Unjoni. Dan minħabba li ġie pprovat li baqgħet sejra lejn Ateni u kien hemmhekk [il-Greċja] li kienet iddestinata għall-konsum” (26).

65.      Għaldaqstant, tapplika r-regola tal-Artikolu 60 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri li l-importazzjoni tal-merkanzija (u, konsegwentement, l-impożizzjoni tal-VAT) “għand[ha] [t]kun [f]l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol fil-Komunità”.

66.      Kwistjoni differenti hija li, kif indikat il-Kummissjoni matul is-seduta, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex provi li, fil-verità, il-VAT tħallset fil-Greċja (27). Madankollu, dan ma huwiex każ fejn għandu jiġi ddeterminat x’inhu dak li verament ġara, iżda x’inhu dak li kellu jiġri fid-dawl ta’ dak previst mid-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ.

67.      Dak li kellu jiġri, skont id-dritt tal-Unjoni, huwa li, ladarba l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-merkanzija ma kinitx daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni mill-Ġermanja, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma setgħux jeżiġu l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, iżda l-ħlas tad-dejn iġġenerat mill-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali biss.

V.      Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara bħala inammissibbli l-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse, il-Ġermanja) u tirrispondi t-tieni domanda kif ġej:

“L-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri fid-dawl tal-Artikoli 30 u 60 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–      l-importazzjoni ta’ merkanzija timplika d-dħul tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, b’tali mod li jiġi preżunt li dan id-dħul seħħ fl-Istat Membru fejn din il-merkanzija ma baqgħet koperta minn ebda wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2006/112;

–      f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra din il-preżunzjoni bħala kkonfutata, jekk jiġi stabbilit li, għalkemm seħħ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali li tirregola l-arranġamenti tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2006/112 — li wassal għall-ġenerazzjoni ta’ dejn doganali fl-Istat Membru fejn twettaq il-ksur — il-merkanzija ġiet introdotta fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fejn kienet iddestinata għall-konsum, b’tali mod li wassal għall-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT f’dan l-aħħar Stat Membru.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016 (C-226/14 u C-228/14, EU:C:2016:405); iktar ’il quddiem is-“sentenza Eurogate Distribution”.


3      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017 (C-571/15, EU:C:2017:417); iktar ’il quddiem is-“sentenza Wallenborn Transports”.


4      Kawżi C-226/14 u C-228/14, EU:C:2016:1.


5      Kawża C-480/12, EU:C:2014:329.


6      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307); iktar ’il quddiem il-“KDK”.


7      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).


8      Liġi tal-21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti, iktar ’il quddiem l-“UStG”.


9      B’mod partikolari, is-sentenzi Eurogate Distribution u Wallenborn Transports; dik tal-15 ta’ Mejju 2014, X (C-480/12, EU:C:2014:329); u tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C-154/16, EU:C:2017:392).


10      L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tad-digriet tar-rinviju.


11      It-tieni paragrafu tal-punt 2(b) tad-digriet tar-rinviju.


12      In-natura ipotetika tad-domanda tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet, flimkien mal-assenza ta’ effett tar-rinviju b’rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew l-insuffiċjenza tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tingħata risposta utli, li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi preliminari. Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), punti 24 u 25; tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C-477/14, EU:C:2016:324), punti 15 u 16; tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C-614/14, EU:C:2016:514), punt 19; tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C-268/15, EU:C:2016:874), punt 54; tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C-72/15, EU:C:2017:236), punti 50 u 155; u tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C-25/17, EU:C:2018:551), punt 31.


13      Kawża C-571/15, EU:C:2016:944, punt 67.


14      Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.


15      Sentenza Wallenborn Transports, punt 54.


16      Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.


17      Din is-sitwazzjoni hija riflessa fil-punt 56 tas-sentenza Wallenborn Transports.


18      Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.


19      Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, [...] l-oġġetti kkonċernati ma jkunux iddaħħlu fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni [...] l-ebda VAT fuq l-importazzjoni ma tkun dovuta” (sentenza Wallenborn Transports, punt 56).


20      Sentenza Wallenborn Transports, punt 54. Enfasi miżjuda minni.


21      Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.


22      Sentenza Wallenborn Transports, punt 56.


23      Sentenza Eurogate Distribution, punt 65. Enfasi miżjuda minni.


24      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fehmet li n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu doganali konkret (l-iskrizzjoni tal-merkanzija fir-reġistri tal-ħażna) ma kienx jippreżumi, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-merkanzija ġiet inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, minħabba li, kif ġie pprovat, finalment ġiet esportata mill-ġdid.


25      Skont id-digriet tar-rinviju, it-trasport tal-merkanzija lejn Ateni ġie ppreċedut, f’ċertu każ, minn skema ta’ tranżitu esterna fl-ajruport ta’ Pariġi, minn fejn intbagħtet lejn Frankfurt am Main.


26      Ir-raba’ paragrafu tal-inċiż cc) tal-Punt II(3)(b) tad-digriet tar-rinviju.


27      FedEx ma setgħetx tippreżenta l-provi dokumentali tal-ħlas tal-VAT Griega quddiem il-qorti tar-rinviju, konsegwenza tal-perijodu li għadda mindu ġiet ikkunsinnata l-merkanzija fil-Greċja (2007 u 2008).