Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-2 ta’ Mejju 2019 (1)

Kawża C-42/18

Finanzamt Trier

vs

Cardpoint GmbH, aventi kawża ta’ Moneybox Deutschland GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE – Eżenzjonijiet – Punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) – Pagamenti – Tranżazzjonijiet li jinvolvu l-pagamenti – Kunċetti – Ġbid ta’ flus minn distributur awtomatiku ta’ flus – Servizz ipprovdut minn kumpannija lil bank fil-kuntest tal-esternalizzazzjoni tal-operat ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus”






I.      Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li jirriżulta mir-rifjut tal-Finanzamt Trier (iċ-Ċentru tat-Taxxa ta’ Trier, il-Ġermanja) (2) li jagħti lil Cardpoint GmbH (3) eżenzjoni fiskali għall-provvista ta’ servizzi mogħtija lil bank fil-kuntest tal-operat ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus, jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (4).

2.        Skont din id-dispożizzjoni, it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari l-pagamenti u t-trasferimenti huma eżentati mill-VAT.

3.        Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tinterpreta l-imsemmija dispożizzjoni, hija hawnhekk mistiedna tagħmel dan f’kuntest speċifiku. Fil-fatt, hija għandha tistabbilixxi jekk il-provvista ta’ servizzi relatata mal-operat ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus mogħtija lill-banek li joperaw dawn id-distributuri awtomatiċi ta’ flus tistax tiġi eżentata mill-VAT bħala tranżazzjoni li tikkonċerna l-pagamenti. F’kuntest ta’ esternalizzazzjoni dejjem tikber mill-banek tal-operat tad-distributuri awtomatiċi ta’ flus, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha riperkussjonijiet sinjifikattivi għall-fornituri ta’ tali servizzi.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena nqis li, fil-kuntest tal-esternalizzazzjoni minn bank lil impriża terza, l-attivitajiet relatati mal-operat ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus imwettqa mill-impriża terza, li jikkonsistu f’li jsiru u jinżammu operazzjonali d-distributuri awtomatiċi ta’ flus, il-provvista tal-flus fihom, l-installazzjoni ta’ ħardwer u softwer informatiku sabiex jaqra d-data tal-karti bankarji, it-trażmissjoni ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ ġbid ta’ flus lill-bank li ħareġ il-karta bankarja użata u r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ġbid ta’ flus, ma jaqgħux fl-eżenzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Is-Sitt Direttiva

5.        Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

6.        It-Titolu X ta’ din id-direttiva jipprevedi eżenzjonijiet mill-VAT li għandhom jingħataw mill-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 13(B)(d) tal-imsemmija direttiva huma redatti kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

[...]

(d)      it-transazzjonijet li ġejjin:

[...]

3.      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

4.      transazzjoniet, inklużi negozjar, li jikkonċerna l-munita, karti tal-flus u muniti użati bħala valuti legali, ħlief bl-eċċezzjoni ta’ affarijiet tal-kollezzjoni; ‘affarijiet tal-kollezzjoni’ għandhom ifissru deheb, fidda u muniti tal-metall oħrajn jew karti tal-flus li normalment m’humiex użati bħala valuti legali jew muniti b’interess numismatiku.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

7.        Skont l-Artikolu 4(8)(d) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), huma eżentati mill-VAT, “it-tranżazzjonijiet, u n-negozjar tat-tranżazzjonijiet, li jikkonċernaw id-depożiti tal-flus, il-kontijiet kurrenti, il-pagamenti u t-trasferimenti, u l-ġbir ta’ strumenti negozjabbli”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8.        Skont l-obbligi kuntrattwali tagħha ma’ bank, Cardpoint kienet tipprovdi servizzi għall-operat ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus. B’mod iktar preċiż, Cardpoint kienet tinstalla fil-postijiet miftiehma distributuri awtomatiċi ta’ flus operazzjonali, mgħammra b’ħardwer u softwer informatiku, bil-logo tal-bank li jopera dawn id-distributuri u kienet responsabbli għall-funzjonament tajjeb tagħhom. Biex tagħmel dan, qabelxejn, hija kienet inkarigata mit-trasport tal-flus, impoġġija għad-dispożizzjoni minn dan il-bank, u mill-provvista tal-flus fid-distributuri. Sussegwentement, kienet responsabbli mill-installazzjoni tal-ħardwer fid-distributuri kkonċernati kif ukoll ta’ ċertu softwer neċessarju għall-funzjonament tajjeb tagħhom. Finalment, hija kienet tagħti pariri dwar il-funzjonament ta’ kuljum tad-distributuri.

9.        Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ ġbid ta’ flus, meta d-distributuri jintużaw għal dan il-għan, softwer partikolari kien jaqra d-data partikolari tal-karta bankarja malli din tiddaħħal fid-distributur. Qabelxejn, Cardpoint kienet tivverifika din id-data u tittrażmetti b’mod elettroniku, lil Bank-Verlag GmbH (5), talba għal awtorizzazzjoni tat-tranżazzjoni mixtieqa mid-detentur tal-karta bankarja. Sussegwentement, Bank-Verlag kien jibgħat it-talba lin-netwerk interbankarju, li min-naħa tiegħu, kien jittrażmettiha lill-bank li jkun ħareġ il-karta bankarja kkonċernata. Dan tal-aħħar kien jivverifika jekk id-detentur kellux biżżejjed fondi fil-kont bankarju u jibgħat, permezz tal-istess katina ta’ trażmissjoni, l-approvazzjoni jew ir-rifjut tal-ġbid mixtieq. Xħin tasal ir-risposta, Cardpoint kienet tiġġenera fajl tad-data dwar il-ġbid tal-flus, u f’każ ta’ approvazzjoni, teżegwixxi t-tranżazzjoni mixtieqa u tiġġenera fajl tad-data dwar il-ġbid. Finalment, dan il-fajl tad-data kien jintbagħat bħala ordni għal ħlas lill-kontroparti kuntrattwali tagħha, jiġifieri l-bank li kien jopera d-distributur inkwistjoni. Dan tal-aħħar kien idaħħal il-fajls tad-data mingħajr ma jbiddel xejn fis-sistema tad-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali Ġermaniż) (6). Cardpoint kienet tiġġenera wkoll lista li ma tistax tinbidel tat-tranżazzjonijiet kollha li jsiru f’ġurnata partikolari, li kienet tintbagħat ukoll lill-BBK.

10.      Peress li l-banek biss jista’ jkollhom kontijiet tal-ħlas mal-BBK, kienu huma li effettivament kienu jibagħtu l-fajls tad-data fis-sistema ta’ dan tal-aħħar. Dan it-trasferiment ta’ data kien jagħti bażi legali lil bank li jopera d-distributur inkwistjoni sabiex jikseb ir-rimbors mill-bank tad-detentur tal-kont bankarju kkonċernat involut fit-tranżazzjoni, kif ukoll l-ispejjeż relatati. Barra minn hekk, mat-trasferiment tad-data, kien ikun hemm l-inklużjoni immedjata tal-ammont imħallas flimkien mal-ispejjeż għall-użu tad-distributur fil-kontijiet bejn il-bank li jopera d-distributur u l-bank li ħareġ il-karta bankarja tal-klijent.

11.      Fis-7 ta’ Frar 2007, peress li qieset li s-servizzi pprovduti għandhom ikunu eżentati mill-VAT, Cardpoint ippreżentat dikjarazzjoni emendata tal-VAT għas-sena 2005 u talbet li l-avviż tat-taxxa eżistenti jiġi emendat.

12.      Din it-talba ġiet miċħuda mill-awtoritajiet tat-taxxa, iżda l-Finanzgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors ta’ Cardpoint kontra din iċ-ċaħda.

13.      L-awtoritajiet tat-taxxa introduċew rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ Reviżjoni, iżda din ġiet sospiża sal-għoti tas-sentenza Bookit.

14.      Peress li nnutat, skont din is-sentenza, li l-eżenzjoni għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pagamenti u t-trasferimenti ma tapplikax għal servizz imsejjaħ “ipproċessar tal-ħlas bil-karta ta’ debitu jew bil-karta ta’ kreditu” mogħti minn persuna taxxabbli, fornitur ta’ dan is-servizz, meta persuna tixtri, permezz ta’ dan il-fornitur, biljett taċ-ċinema li jbigħ f’isem u għan-nom ta’ entità oħra, li din il-persuna tħallas permezz ta’ karta ta’ debitu jew karta ta’ kreditu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hux l-istess japplika għas-servizzi pprovduti minn Cardpoint.

15.      Skont il-qorti tar-rinviju, is-servizzi pprovduti minn Cardpoint huma servizzi tekniċi u amministrattivi li jippermettu l-ġbid ta’ flus minn distributuri awtomatiċi ta’ flus, peress li jikkostitwixxu servizzi ta’ assistenza simili għal dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bookit u li Cardpoint sempliċement tapplika b’mod tekniku l-istruzzjonijiet li jinsabu f’kodiċi ta’ awtorizzazzjoni.

16.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza x-xebh bejn is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u dik li wasslet għas-sentenza Bookit. B’hekk, Cardpoint tikseb id-data mill-karta bankarja tad-detentur tal-kont ikkonċernat u tibgħat din id-data lill-bank li ħareġ il-karta bankarja. Barra minn hekk, Cardpoint ma hijiex responsabbli li tivverifika u tapprova ordnijiet individwali, peress li hija ma twettaqx it-tranżazzjoni ta’ ġbid ta’ flus ħlief wara li tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni biex tagħmel dan mill-bank li ħareġ il-karta bankarja.

17.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li s-sentenza Bookit kienet tirrigwarda tranżazzjonijiet ta’ xiri u bejgħ, filwaqt li dan il-każ kien jirrigwarda servizzi relatati ma’ ġbid ta’ flus kontanti minn distributuri awtomatiċi ta’ flus, u tali differenza ma tiġġustifikax trattament differenti tal-VAT għas-servizzi pprovduti minn Cardpoint, għaliex, fiż-żewġ każijiet, is-servizz kien jikkonsisti, essenzjalment, fi skambju ta’ informazzjoni u assistenza ta’ natura teknika u amministrattiva.

18.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar l-importanza tal-fatt li, fis-sentenza Bookit, kien hemm involut ftehim separat ta’ bejgħ ta’ biljetti taċ-ċinema, li ma kienx preżenti f’dan il-każ.

19.      Finalment, il-qorti tar-rinviju ssemmi żewġ ċirkustanzi li, fl-opinjoni tagħha, jimmilitaw kontra eżenzjoni. B’hekk, bħal fis-sentenza Bookit, il-korrispettiv tas-servizz huwa faċli li jiġi stabbilit. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ Cardpoint jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ assistenza ta’ natura teknika, peress li l-attivitajiet ta’ Cardpoint jinvolvu sempliċement skambju ta’ informazzjoni flimkien mal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni adottata mill-bank. Fil-fatt, Cardpoint sempliċement tiġġenera fajls tad-data li hija tittrażmetti fis-sistema bankarja bħala struzzjoni bankarja.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Is-servizzi tekniċi u amministrattivi li fornitur ta’ servizzi jipprovdi għal bank bl-użu ta’ distributur awtomatiku ta’ biljetti u għall-ħlasijiet fi flus kontanti minn dan il-bank permezz tad-distributur awtomatiku huma eżentati [mill-VAT] skont il-punt 3 tal-Artikolu 13B(d) [tas-Sitt Direttiva] minkejja li, skont is-sentenza [Bookit], skont id-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija, is-servizzi tekniċi u amministrattivi simili li fornitur ta’ servizzi jipprovdi għall-ħlasijiet b’karta bankarja fil-kuntest tal-bejgħ ta’ biljetti taċ-ċinema ma humiex?”

IV.    L-analiżi tiegħi

21.      Il-qorti tar-rinviju tistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ta’ Cardpoint, li jikkonsistu f’li jsiru u jinżammu operazzjonali d-distributuri awtomatiċi ta’ flus, il-provvista tal-flus fihom, l-installazzjoni ta’ ħardwer u softwer informatiku fihom, it-trażmissjoni ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ ġbid ta’ flus lill-bank li ħareġ il-karta bankarja użata, il-proċess tal-għoti tal-flus u r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ġbid ta’ flus, jaqgħux fil-kunċett ta’ “tranżazzjoni li tikkonċerna l-pagamenti” eżentata mill-VAT skont il-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva.

22.      Mill-kliem tad-domanda preliminari u tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti adita mill-kawża prinċipali tistaqsi dwar l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bookit, li fiha hija qieset li l-eżenzjoni għat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-pagamenti u t-trasferimenti ma tapplikax għal servizz imsejjaħ “proċessar tal-ħlas bil-karta ta’ debitu jew bil-karta ta’ kreditu”, mogħti minn persuna taxxabbli, fornitur ta’ dan is-servizz, meta persuna tixtri, permezz ta’ dan il-fornitur, biljett taċ-ċinema li jbigħ għan-nom u f’isem entità oħra, li din il-persuna tħallas permezz ta’ karta ta’ debitu jew permezz ta’ karta ta’ kreditu.

23.      Qabel ma jiġi stabbilit jekk is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Bookit hijiex transponibbli għall-provvista ta’ servizzi mogħtija minn Cardpoint lill-banek li joperaw distributuri awtomatiċi ta’ flus, għandhom isiru diversi kunsiderazzjonijiet preliminari.

24.      L-ewwel nett, nenfasizza li s-servizzi li jippermettu l-ġbid ta’ flus minn kont bankarju huma servizzi ta’ pagament fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (7) u li għalhekk, ġbid ta’ flus minn distributur awtomatiku ta’ flus huwa pagament.

25.      It-tieni nett, infakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet applikabbli għall-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferimenti” huma applikabbli wkoll għall-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-pagamenti” (8), b’tali mod li huma ttrattati bl-istess mod għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva (9).

26.      It-tielet nett, nirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, l-eżenzjonijiet mill-VAT previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (10) u li t-termini użati sabiex jiġu spjegati dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eżenzjonijiet mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq kull servizz mogħti bi ħlas minn persuna taxxabbli (11).

27.      Fir-rigward tat-transponibbiltà tad-deċiżjoni mogħtija fis-sentenza Bookit għall-attivitajiet ta’ Cardpoint inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat il-kriterju applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza sabiex issir distinzjoni bejn is-servizzi eżentati mill-VAT u s-servizzi mhux eżentati.

28.      F’dan ir-rigward, inqis, bħal Cardpoint, li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma warrbitx il-ġurisprudenza preċedenti tagħha.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-servizz ta’ pproċessar tal-pagament bil-karta bankarja inkwistjoni f’din il-kawża ma setax jiġi eżentat, peress li s-servizzi mogħtija ma setgħux, meħuda waħidhom jew flimkien, jitqiesu bħala li jwettqu funzjoni speċifika u essenzjali ta’ tranżazzjoni ta’ pagament jew ta’ trasferiment fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (12).

30.      Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, irrilevat li l-fornitur ta’ dan is-servizz, la jiddebita u lanqas jikkredita huwa stess direttament il-kontijiet ikkonċernati, lanqas ma jintervjeni f’dawn il-kontijiet billi jidħol fihom, u lanqas ma jordna tali debitu jew kreditu. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-fornitur ta’ dan is-servizz ma kienx assuma responsabbiltajiet fir-rigward tat-twettiq tal-bidliet legali u finanzjarji li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ tranżazzjoni ta’ trasferiment jew ta’ ħlas eżentata (13).

31.      Ninnota wkoll li, fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ.

32.      Fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-aspetti funzjonali huma deċiżivi sabiex jiġi stabbilit jekk tranżazzjoni taqax fl-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferimenti jew il-pagamenti. B’hekk, provvista ta’ servizzi tista’ tiġi kklassifikata bħala “tranżazzjoni li tikkonċerna t-trasferimenti” jew bħala “tranżazzjoni li tikkonċerna l-pagamenti” biss jekk tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tali trasferimenti jew pagamenti inkwantu jkollha l-effett li tittrasferixxi fondi u li tagħti lok għal bidliet legali u finanzjarji li jimmaterjalizzaw dan it-trasferiment. Konsegwentement, sabiex tkun eżentata, provvista ta’ servizzi għandu jkollha l-effett li twettaq bidliet legali u finanzjarji li jikkaratterizzaw it-trasferiment ta’ somma flus (14).

33.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex issir distinzjoni bejn is-servizzi eżentati fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT u l-provvista ta’ sempliċi servizzi materjali, tekniċi jew amministrattivi, hemm lok li tiġi eżaminata, b’mod partikolari, il-portata tar-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi inkwistjoni u, b’mod partikolari, jekk din ir-responsabbiltà hijiex limitata għall-aspetti tekniċi jew jekk testendix għall-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali li jikkaratterizzaw it-tranżazzjonijiet (15).

34.      B’mod konkret, sabiex is-servizzi eżentati mill-VAT jiġu kklassifikati bħala tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferimenti jew il-pagamenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, qabel kull ħaġa oħra, għan-natura tas-servizz ipprovdut, fis-sens li servizz għandu jaqa’ fis-settur ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji sabiex jiġi eżentat (16). B’hekk, is-servizz għandu jiġi evalwat skont kriterju funzjonali sabiex jiġi stabbilit jekk jissodisfax il-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tali trasferimenti jew pagamenti, inkwantu għandu l-effett li jittrasferixxi fondi u jwassal għal bidliet legali u finanzjarji li jikkaratterizzaw dan it-trasferiment. Fost l-elementi l-oħra kkunsidrati, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina wkoll il-portata tar-responsabbiltà li għandu l-fornitur tas-servizzi.

35.      Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti, inqis li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twarrab l-approċċ użat fis-sentenza Bookit fir-rigward tas-servizzi mogħtija minn Cardpoint (17).

36.      Fir-rigward tal-kriterju funzjonali, qabelxejn nirrileva li Cardpoint stess irrikonoxxiet fl-osservazzjonijiet tagħha li, b’mod konformi mas-sentenza Bookit, il-ġbir tad-data tal-karta bankarja tal-utenti tad-distributur awtomatiku ta’ flus, it-trażmissjoni u l-verifika tagħha u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni mitluba mid-detentur tal-karta bankarja wara li tasal l-awtorizzazzjoni mill-bank li ħareġ il-karta bankarja ma jistgħux jaqgħu fil-portata tal-eżenzjoni.

37.      Jiena naqbel ma’ din il-perspettiva. Fil-fatt, bħat-trasport tal-flus, l-attivitajiet ta’ provvista tal-flus fid-distributur awtomatiku ta’ flus, l-installazzjoni u l-manutenzjoni tas-softwer neċessarju għad-distributuri u l-pariri mogħtija minn Cardpoint fir-rigward tal-operat ta’ dawn id-distributuri ma għandhomx l-effett li jittrasferixxu somma ta’ flus u jwasslu għal bidliet legali u finanzjarji li jikkostitwixxu jew jikkaratterizzaw dan it-trasferiment.

38.      B’mod iktar wiesa’, inqis li tali analiżi tapplika fir-rigward tal-attivitajiet kollha ta’ Cardpoint, meħuda waħidhom jew flimkien, fil-kuntest tal-operat ta’ distributur awtomatiku ta’ flus, peress li għandhom jiġu kklassifikati bħala “servizzi materjali, tekniċi jew amministrattivi”.

39.      B’hekk, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju mfakkra fil-punti 8 sa 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, is-servizz ipprovdut minn Cardpoint ma jinkludix b’mod dirett att li bih hija stess tiddebita jew tikkredita kont, jew inkella li tintervjeni fil-kontijiet tad-detentur tal-karta bankarja użata biex jinġibdu l-flus billi tidħol fihom (18). Fil-fatt, Cardpoint tittrażmetti d-data tal-karta bankarja tal-utent u t-talba għal awtorizzazzjoni tal-ġbid mixtieq minnu, iżda teżegwixxi t-tranżazzjoni, fis-sens li fiżikament tipproċedi bir-rilaxx fiżiku tal-flus, biss f’każ li t-talba tiġi approvata.

40.      Barra minn hekk, huwa biss il-bank li jopera d-distributur awtomatiku ta’ flus li jittrażmetti l-fajls tad-data lis-sistema tal-BBK. Il-fajl tad-data ta’ kuljum, li ma jistax jinbidel u li jinkludi fih it-tranżazzjonijiet kollha ġġenerati f’dak il-jum minn Cardpoint u li jintbagħat lill-BKK, għandu l-għan li jinforma lill-BBK bit-tranżazzjonijiet awtorizzati mwettqa u, għalhekk, ma jistax jitqies li jissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ pagament.

41.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, naħseb illi s-servizz ipprovdut minn Cardpoint ma jikkostitwixxix tranżazzjoni li għandha l-effett li tittrasferixxi fondi u li twassal għal bidliet legali u finanzjarji, iżda huwa servizz materjali, tekniku u amministrattiv, peress li dan is-servizz ma għandux l-effett li jittrasferixxi, b’mod effettiv jew potenzjali, il-proprjetà tal-fondi inkwistjoni, jew jissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tali trasferiment.

42.      L-argumenti bbażati fuq il-partikolarità tal-attivitajiet ta’ Cardpoint ma jikkontestawx din l-evalwazzjoni.

43.      L-istess japplika għall-argument ibbażat fuq il-fatt li Cardpoint effettivament tqassam fiżikament il-flus u tpoġġihom għad-dispożizzjoni tal-utent tad-distributur awtomatiku.

44.      Fil-fatt, kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż, il-proprjetà tal-flus tiġi ttrasferita mill-bank, u mhux minn Cardpoint, lill-utent tad-distributur awtomatiku ta’ flus.

45.      Bħall-Gvern Ġermaniż, jiena tal-opinjoni li għandha tiġi kkunsidrata biss il-proprjetà legali, u mhux dik fiżika, tal-flus. Filwaqt li ma jistax jiġi kkontestat li s-servizz ipprovdut minn Cardpoint għandu l-effett li jittrasferixxi fiżikament il-flus, it-trasferiment tal-proprjetà legali tal-flus huwa, madankollu, suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-bank li joħroġ il-karta bankarja, imbagħad għad-dħul ta’ din it-tranżazzjoni fil-kont. Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li s-servizz ta’ Cardpoint huwa limitat għat-trażmissjoni tat-talba tal-klijent għat-trasferiment tal-flus u l-implimentazzjoni teknika tal-pagament.

46.      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-attivitajiet ta’ Cardpoint fil-kuntest tal-operat, għan-nom tal-banek, tad-distributuri awtomatiċi ta’ flus jiġux ikkunsidrati flimkien. Huwa veru li l-banek li joperaw id-distributuri awtomatiċi ta’ flus wettqu esternalizzazzjoni sinjifikattiva u li Cardpoint tagħti servizz wiesa’ ħafna.

47.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ir-ratio legis tal-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva ma jitlobx approċċ kwantitattiv, iżda approċċ funzjonali u kwalitattiv, ibbażat fuq in-natura tas-servizzi. Fi kliem ieħor, il-fatt li Cardpoint toffri s-servizzi tagħha fil-forma ta’ pakkett ma huwiex rilevanti jekk l-ebda attività mogħtija f’dan il-pakkett ma għandha l-effett li tittrasferixxi l-flus u li twassal għal bidliet legali u finanzjarji li jikkostitwixxu jew jikkaratterizzaw dan it-trasferiment.

48.      F’dan ir-rigward, filwaqt li naqbel ma’ Cardpoint li wħud mis-servizzi tagħha huma indispensabbli għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament inkwistjoni fil-kawża prinċipali (19), din il-karatteristika ma hijiex biżżejjed sabiex is-servizz li hija tipprovdi jkun eżentat mill-VAT.

49.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tispjega li, fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta tal-eżenzjonijiet mill-VAT, il-fatt waħdu li servizz ikun indispensabbli sabiex titwettaq tranżazzjoni eżentata ma jippermettix li jiġi konkluż li dan għandu jkun eżentat (20).

50.      Barra minn hekk, il-fatt li Cardpoint topera fil-kuntest tal-esternalizzazzjoni, minn bank, tal-operat ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’analoġija mal-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 148 tad-Direttiva dwar il-VAT, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur il-possibbiltà li tapplika l-eżenzjoni prevista f’dan l-artikolu għas-servizzi pprovduti permezz ta’ intermedjarji li jaġixxu għan-nom tagħhom jew minn subappaltaturi (21).

51.      Fil-fatt, il-karatteristiċi partikolari u l-għanijiet ta’ kull eżenzjoni mill-VAT, fl-opinjoni tiegħi, ma jippermettux analoġija bbażata biss fuq il-fatt li Cardpoint tipprovdi servizz fil-kuntest tal-esternalizzazzjoni tal-operat ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus.

52.      Lanqas ma jien konvint mill-argument ta’ Cardpoint ibbażat fuq il-fatt li hija kienet responsabbli mill-istat operazzjonali tad-distributuri awtomatiċi u li, għalhekk, kienet responsabbli għal kwalunkwe problema li tinqala’, bħal pagamenti nieqsa jew żejda, ħsarat ikkawżati minn attivitajiet kriminali ta’ terzi, installazzjoni difettuża tad-distributuri jew struzzjonijiet ta’ pagament żbaljati.

53.      F’dan ir-rigward, infakkar li hemm lok li tiġi evalwata l-portata tar-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi u b’mod partikolari li jsir magħruf jekk din ir-responsabbiltà hijiex limitata għall-aspetti tekniċi jew jekk testendix għall-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali tat-tranżazzjonijiet (22).

54.      Issa, għalkemm l-informazzjoni pprovduta minn Cardpoint tikkonferma li hija responsabbli fil-konfront tal-bank li jopera d-distributur awtomatiku ta’ flus jekk ma jkunx jaħdem tajjeb, hija turi fuq kollox li Cardpoint ma tassumi l-ebda responsabbiltà marbuta mal-bidliet legali u finanzjarji involuti fi tranżazzjoni ta’ pagament.

55.      B’mod partikolari, peress li l-għoti tal-flus lill-utent minn tali distributur ma huwiex funzjoni essenzjali u speċifika ta’ pagament, il-fatt li Cardpoint hija responsabbli fil-konfront tal-bank li jopera l-imsemmi distributur f’każ ta’ trasferiment insuffiċjenti jew żejjed ma għandux ikollu l-effett li jestendi r-responsabbiltà tagħha għall-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali tat-tranżazzjoni ta’ pagament.

56.      Fi ftit kliem, peress li Cardpoint toffri sempliċement servizzi tekniċi u amministrattivi, dan is-servizz ma jistax jiġi eżentat mill-VAT skont il-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva.

57.      Finalment, nenfasizza l-punt li l-għanijiet tal-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri sabiex jiġu kkumpensati d-diffikultajiet marbuta mal-istabbiliment tal-valur taxxabbli kif ukoll mal-ammont tal-VAT deduċibbli u sabiex tevita żieda fl-ispejjeż tal-kreditu tal-konsum (23), ma jinvalidawx l-analiżi tiegħi.

58.      Peress li l-bażi taxxabbli tal-provvista ta’ servizzi pprovduti minn Cardpoint setgħet tiġi faċilment stabbilita fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatturazzjoni ta’ dan is-servizz, l-ewwel għan ma jistax jiġġustifika li din tiġi eżentata mill-VAT.

59.      Peress li t-tieni għan ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, lanqas dan ma jista’ jkun il-bażi ta’ eżenzjoni tal-provvista ta’ servizzi mogħtija minn Cardpoint. F’dan ir-rigward, din hija tal-opinjoni li, f’każ li detentur ta’ karta bankarja jiġbed flus żejda, dak il-ġbid immedjatament jiġġenera relazzjoni ta’ kreditu bejn dan tal-aħħar u l-bank li ħareġ il-karta bankarja, u dak il-kreditu tal-konsumatur ġustament ma jistax jiġi suġġett għall-VAT.

60.      Huwa veru li, fil-każ fejn bank jawtorizza ġbid minkejja n-nuqqas ta’ fondi suffiċjenti fil-kont bankarju kkonċernat, id-detentur ta’ dan il-kont ikollu, de facto, jagħti flus lill-bank. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma tikkostitwixxix kreditu għall-konsum iżda awtorizzazzjoni ta’ overdraft għal perijodu qasir (24).

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-eżenzjoni għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pagamenti u t-trasferimenti prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva ma tapplikax għall-provvista ta’ servizzi bħal dawk ipprovduti minn Cardpoint fil-kuntest tal-esternalizzazzjoni, mill-banek, tal-operat tad-distributuri awtomatiċi ta’ flus.

V.      Konklużjoni

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

Il-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud prevista fih għat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-pagamenti u t-trasferimenti ma tapplikax għall-provvisti ta’ servizzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fl-operazzjoni u l-manutenzjoni ta’ distributuri awtomatiċi ta’ flus, il-provvista tal-flus fihom, l-installazzjoni ta’ ħardwer u softwer informatiku fihom, it-trażmissjoni ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ ġbid ta’ flus lill-bank li ħareġ il-karta bankarja użata, il-proċess tal-għoti tal-flus u r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ġbid ta’ flus, mogħtija minn fornitur ta’ servizzi lil bank li jopera distributur awtomatiku ta’ flus.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet tat-taxxa”.


3      Bħala aventi kawża ta’ Moneybox Deutschland GmbH.


4      Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). Qabelxejn, nirrileva li l-punt 3 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva ġie ssostitwit permezz tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 347, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) li permezz tiegħu l-Istati Membri jeżentaw it-tranżazzjonijiet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu, kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozjabbli, imma bl-esklużjoni tal-kollezzjoni tad-debiti, u li l-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriproduċi, mingħajr ma jibdel il-kontenut, l-eżenzjonijiet li qabel kienu previsti fil-punti 1 sa 6 rispettivament tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-ġurisprudenza relatata ma’ din l-ewwel dispożizzjoni hija rilevanti sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet ekwivalenti tas-Sitt Direttiva (għall-approċċ bil-kontra, ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Bookit, C-607/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bookit”, EU:C:2016:355, punt 32, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A (C-33/16, EU:C:2016:929, punt 30)).


5      Bank-Verlag huwa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, intermedjarju bejn il-bank li jopera d-distributur awtomatiku ta’ flus u l-bank li joħroġ il-karta bankarja użata għall-ġbid tal-flus.


6      Iktar ’il quddiem il-“BBK”.


7      Skont id-definizzjonijiet mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Anness 1 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35). Ma nara l-ebda raġuni li tiġġustifika li l-kunċett ta’ “servizz ta’ pagament” għandu jinftiehem b’mod differenti fil-qasam tal-VAT u, probabbilment, il-Gvern Ġermaniż jaqbel ma’ din il-pożizzjoni għaliex iqis li t-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pagamenti “huma kkaratterizzati mit-trasferiment ta’ modi ta’ pagamenti”.


8      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, EU:C:1997:278, punt 50).


9      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 37).


10      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara s-sentenza Bookit (punt 46).


13      Ara s-sentenza Bookit (punti 44 sa 51).


14      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punti 33, 34 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma titlobx li s-servizzi jingħataw minn ċertu tip ta’ stabbilimenti jew persuni ġuridiċi.


17      Jiena nindika, f’dan l-istadju, li anki jekk, kif innotat il-qorti tar-rinviju, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bookit, kien hemm kuntratt separat ta’ bejgħ ta’ biljetti taċ-ċinema, il-fatt li ma kienx hemm tali kuntratt separat f’dan il-każ ma huwiex rilevanti, peress li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx dan il-fatt fl-evalwazzjoni tagħha.


18      Huwa veru li, fil-punt 42 tas-sentenza Bookit, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li tali fatt ma jistax jeskludi qabel kollox li jista’ jaqa’ taħt l-eżenzjoni inkwistjoni. Madankollu, minn dan il-punt tas-sentenza Bookit jirriżulta wkoll li l-fatt li l-fornitur tas-servizz ikkonċernat, direttament jiddebita u/jew jikkredita huwa stess kont, jew inkella jintervjeni permezz ta’ dħul fil-kontijiet tal-istess proprjetarju, jippermetti, bħala prinċipju, li jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta u li tiġi stabbilita n-natura ta’ eżenzjoni tas-servizz ikkunsidrat.


19      Il-ġbir u t-trażmissjoni tad-data minn Cardpoint, bħall-ħolqien tal-fajls tad-data, huma stadji preliminari u indispensabbli għas-servizz eżentat, għaliex iwasslu għal ġbid tal-flus minn kont ta’ pagament.


20      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda (C-526/13, EU:C:2015:536), u tal-4 ta’ Mejju 2017, A (C-33/16, EU:C:2017:339).


22      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenza Bookit (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      F’dan ir-rigward, nirrileva li, skont l-Artikolu 2(2)(e) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40 u ĠU 2011, L 234, p. 46), din id-direttiva ma tapplikax għal ftehim ta’ kreditu fil-forma tal-faċilità ta’ overdraft fejn il-kreditu jrid jintradd lura fi żmien xahar.