Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Ottubru 2019 (1)

Kawża C-211/18

Idealmed III – Serviços de Saúde SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112 – Artikolu 132(1)(b) – Eżenzjonijiet – Sptar u kura medika – Servizzi mogħtija taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku – Artikoli 377 u 391 – Derogi – Dritt ta’ għażla għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni – Tibdil fil-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali






1.        It-taxxi huma xi ħaġa li kulħadd normalment jipprova jevita kemm jista’ jkun, anki jekk, skont dak li jingħad, dawn huma, flimkien mal-mewt, waħda miż-żewġ affarijiet li fil-ħajja, fl-aħħar mill-aħħar, ma tistax taħrab. B’sorpriża, madankollu, hemm sitwazzjonijiet li fihom it-taxxa hija kkunsidrata element pożittiv, u saħansitra mixtieq. Dan huwa l-każ, fost l-oħrajn, tal-persuni taxxabbli li jwettqu attività suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). Fil-fatt, sabiex tali attività tiġi ntaxxata, it-taxxa tibqa’ newtrali għall-persuna taxxabbli, sa fejn l-obbligu ekonomiku tagħha jgħaddi għall-istadji sussegwenti tal-kummerċ u b’mod definittiv jaqa’ fuq il-konsumaturi. Madankollu, fl-ipoteżi li t-tranżazzjonijiet imwettqa minn persuna taxxabbli jiġu eżentati mill-VAT, l-obbligu ekonomiku tat-taxxa tal-input, relattiv għall-istadji kummerċjali preċedenti, jiġi sostnut mill-persuna taxxabbli. Għaldaqstant, l-operaturi ekonomiċi ta’ spiss jippreferu jkunu suġġetti għat-taxxa, minflok ma jkunu eżentati minnha. Madankollu, fil-każ li din l-eżenzjoni tkun obbligatorja, tali possibbiltà ma teżistix: ma huwiex possibbli li wieħed jirrinunzja l-eżenzjoni u jissuġġetta ruħu volontarjament għat-taxxa. F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-opportunità tfakkar dan il-prinċipju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) jipprevedi s-segwenti:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

[…]”.

3.        Skont l-Artikolu 133(a) sa (c) tad-direttiva ċċitata:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l–għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

(a)      il-korpi in kwistjoni m’għandhomx jimmiraw sistemikament biex jagħmlu profitt, u kwalunkwe ammonti żejda li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti;

[…]

(ċ)      dawn il-korpi għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT;

[…]”.

4.        L-Artikolu 377 tal-istess direttiva jipprevedi d-deroga segwenti:

“Il-Portugall jista’ jkompli jeżenta t-transazzjonijiet elenkati fil-punti (2), (4), (7), (9), (10), u (13) ta’ l-Anness X, il-Parti B, skond il-kondizzjonijiet li japplikaw f’dak l-Istat Membru fl-1 ta’ Jannar 1989”.

5.        L-Artikolu 391 tal-imsemmija direttiva jipprevedi hekk:

“L-Istati Membri li jeżentaw it-transazzjonijiet imsemmija flArtikoli […] 377, […] jistgħu jagħtu lill-persuni taxxabbli d-dritt li jagħżlu li jintaxxaw dawk it-transazzjonijiet”.

6.        Fl-aħħar, il-punt 7 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112 jelenka t-“transazzjonijiet imwettqa minn sptarijiet li m’humiex koperti mill-punt (b) ta’ l-Artikolu 132(1)”.

 Id-dritt Portugiż

7.        L-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 ġiet trasposta fid-dritt Portugiż permezz tal-Artikolu 9(2) tal-Código do IVA (il-Kodiċi tal-VAT).

8.        L-Artikolu 12(1)(b), ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-31 ta’ Marzu 2016, kien jipprevedi li l-isptarijiet, kliniċi, ċentri mediċi u strutturi simili li ma humiex proprjetà ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew ta’ stabbilimenti privati integrati fis-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa setgħu jirrinunzjaw għall-eżenzjoni inkwistjoni. L-istess dispożizzjoni, fil-verżjoni fis-seħħ mill-31 ta’ Marzu 2016, tillimita d-dritt ta’ għażla tal-organi ta’ dritt privat li jirrinunzjaw għall-eżenzjoni għas-servizzi li ma jitwettqux fil-qafas tal-ftehimiet konklużi mal-Istat fil-kuntest tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

9.        Skont l-Artikolu 12(3), tal-istess kodiċi, l-għażla tas-sistema ta’ tassazzjoni ssir mill-persuna taxxabbli għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.      Idealmed III – Serviços de Saúde SA, kumpannija tad-dritt Portugiż (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Idealmed”) tmexxi ħames ċentri mediċi bi skop ta’ lukru.

11.      Fid-dikjarazzjoni ta’ bidu ta’ attività ppreżentata fis-6 ta’ Jannar 2012, il-kumpannija msemmija talbet li tiġi suġġetta għas-sistema normali tal-VAT.

12.      Minn Settembru 2012, il-kumpannija Idealmed ikkonkludiet serje ta’ ftehimiet ma’ organi pubbliċi proprjetà ta’ diversi sottosistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa għat-twettiq tas-servizzi mediċi bi prezzijiet stabbiliti minn qabel.

13.      Wara awditu, l-awtoritajiet tat-taxxa aċċertaw li, fil-perijodu minn April 2014 sa Ġunju 2016, parti sinjifikattiva tal-attività tal-kumpannija Idealmed kienet qiegħda titwettaq fil-kuntest tal-ftehimiet imsemmija. Għaldaqstant, l-awtoritajiet iddikjaraw li l-attività ta’ din il-kumpannija kienet taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b), tad-Direttiva 2006/112, mingħajr il-possibbiltà ta’ rinunzja għall-eżenzjoni inkwistjoni. L-awtoritajiet tat-taxxa għalhekk ħadu d-deċiżjoni ta’ tibdil tal-istatus fiskali tal-kumpannija Idealment b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2012 u ordnaw ir-rimbors tal-VAT li ġiet imnaqqsa indebitament, għal ammont ta’ EUR 2 009 944.90, flimkien mal-interessi.

14.      Fis-27 ta’ Ġunju 2017 il-kumpannija Idealmed ressqet talba sabiex jiġi kkostitwit tribunal tal-arbitraġġ fiskali bl-għan li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni msemmija.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva [2006/112] jipprekludi sptar proprjetà ta’ kumpannija rregolata mid-dritt privat, li kkonkludiet ftehimiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza medika mal-Istat u ma’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, milli jitqies li beda jopera taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku, kif previst f’tali dispożizzjoni, meta l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti:

–        iktar minn 54.5 % tad-dħul, inkluż l-ammonti ffatturati lill-utenti benefiċjarji rilevanti, jiġi minn korpi tal-Istat u sottosistemi tas-saħħa pubblika, bi prezzijiet stipulati fil-ftehimiet konklużi magħhom;

–        iktar minn 69 % tal-utenti huma benefiċjarji ta’ sottosistemi tas-saħħa pubblika jew jirċievu servizzi pprovduti fil-qafas ta’ ftehimiet konklużi ma’ korpi tal-Istat;

–        iktar minn 71 % tas-servizzi mediċi jitwettqu fil-qafas tal-ftehimiet konklużi ma’ sottosistemi tas-saħħa pubblika u ma’ korpi tal-Istat; u

–        l-attività magħmula għandha importanza kbira mill-perspettiva tal-interess pubbliku ġenerali?

2)      Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 377 tad-Direttiva [2006/112], il-Portugall għażel li jkompli jeżenta mill-VAT it-tranżazzjonijiet magħmula mill-isptarijiet mhux imsemmija fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva u ta lil tali persuni taxxabbli d-dritt ta’ għażla għall-intaxxar tal-imsemmija tranżazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 391 tad-Direttiva, bil-kundizzjoni li jibqgħu jkunu suġġetti għal tali skema ta’ tassazzjoni għal perijodu minimu ta’ ħames snin u bil-possibbiltà li jerġgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ eżenzjoni biss jekk jagħmlu dikjarazzjoni espressa għal dak l-għan, l-imsemmi Artikolu 391 u/jew il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ newtralità u ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-utenti u tal-persuni taxxabbli li huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku, jipprekludu lill-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Amministrazzjoni Finanzjarja Portugiża, iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Finanzjarja Portugiża”) milli timponi l-iskema ta’ eżenzjoni qabel ma jiddekorri l-perijodu msemmi iktar ’il fuq, peress li tqis li l-persuna taxxabbli bdiet tipprovdi servizzi taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku?

3)      L-Artikolu 391 tad-Direttiva [2006/112] u/jew il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq jipprekludu liġi ġdida milli tirrikjedi l-applikazzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni għall-persuni taxxabbli li preċedentement għażlu l-iskema ta’ tassazzjoni, qabel ma jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin?

4)      L-Artikolu 391 tad-Direttiva [2006/112] u/jew il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprovdi li persuna taxxabbli li għażlet l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni, għaliex fiż-żmien meta għażlet dik l-iskema ma kinitx qiegħda tipprovdi servizzi ta’ kura tas-saħħa taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku, tista’ tkompli tkun suġġetta għal tali skema jekk tibda tipprovdi tali servizzi taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku?”.

16.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2018. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-kumpannija Idealmed, mill-Gvern Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2019.

 Analiżi

17.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi dwar l-eżenzjoni tal-VAT tas-servizzi mediċi pprovduti minn persuni privati, iżda taħt kundizzjonijiet paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jipprovdu servizzi simili. Fil-kuntest inkwistjoni jirriżulta li l-ewwel domanda hija ta’ importanza fundamentali, u ser nibda l-analiżi tiegħi tal-problemi ġuridiċi mqajma f’din il-kawża minnha. Id-domandi l-oħra jirrigwardaw aspetti iktar tekniċi dwar is-setgħa ta’ Stat Membru li jibdel l-istatus ta’ persuna taxxabbli u l-mument li fih dan it-tibdil jista’ jseħħ.

 L-ewwel domanda preliminari

18.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-problema taċ-ċirkustanzi li fihom is-servizzi tal-isptar u ta’ kura medika mwettqa minn organu privat għandhom jitqiesu bħala mwettqa “taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku” skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, u li għalhekk jaqgħu taħt l-eżenzjoni tal-VAT prevista mid-dispożizzjoni ċċitata.

19.      Din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna l-isptarijiet immexxija minn kumpannija ta’ dritt kummerċjali, li jipprovdu parti mis-servizzi mediċi fil-kuntest tal-ftehim konkluż mal-istabbilimenti tas-sistema pubblika tal-kura tas-saħħa. Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-perċentwali tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tas-sistema pubblika tal-kura tas-saħħa fir-rigward tat-totalità tas-servizzi pprovduti minn dan l-organu. Madankollu, ma naħsibx li tali perċentwali hija rilevanti għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija fid-dispożizzjoni ċċitata tad-Direttiva 2006/112.

20.      L-istruttura tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b), tad-Direttiva 2006/112 hija simili għal dik ta’ eżenzjonijiet oħra previsti mill-istess artikolu, jiġifieri, għandha karattru suġġettiv daqskemm huwa oġġettiv.

21.      L-ewwel nett, l-eżenzjoni msemmija tapplika għas-servizzi tal-isptar u ta’ kura medika (3) pprovduti minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku. Id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet li skonthom tali servizzi għandhom jiġu pprovduti, peress li huwa biżżejjed li jitwettqu minn korp irregolat mid-dritt pubbliku.

22.      It-tieni nett, taħt l-eżenzjoni jaqgħu wkoll is-servizzi tal-isptar u ta’ kura medika pprovduti minn organi differenti minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku “taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-korpi rregolati mid-dritt pubbliku”. Jeħtieġ li jiġi nnotat li r-rekwiżit ta’ kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku jirrigwarda s-servizzi li jistgħu jiġu eżentati u mhux l-attività b’mod ġenerali tal-organu inkwistjoni. Għaldaqstant, l-eżenzjoni inkwistjoni għandha, fil-każ ta’ organi differenti minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku, natura oġġettiva, jiġifieri, taħtha jaqgħu biss is-servizzi mwettqa taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku, filwaqt li servizzi oħra mwettqa mill-istess organu huma ntaxxati fuq il-bażi tas-sistema normali.

23.      Dan ifisser li l-perċentwali tas-servizzi pprovduti taħt kundizzjonijiet paragunabbli fir-rigward tat-totalità tas-servizzi pprovduti mill-organu kkonċernat, irrispettivament mill-modalità tal-kalkolu, huwa irrilevanti għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li dan jirrigwarda s-servizzi weħidhom u mhux l-attività tal-persuna bħala tali.

24.      Dan ovvjament jimplika wkoll li organu differenti minn korp irregolat mid-dritt pubbliku, li jipprovdi s-servizzi mediċi, kemm taħt sitwazzjonijiet paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll taħt kundizzjonijiet differenti, isir persuna taxxabbli mħallta, jiġifieri korp li jwettaq kemm tranżazzjonijiet taxxabbli, kif ukoll tranżazzjonijiet eżenti. Dan iġib miegħu obbligi amministrattivi oħra neċessarji sabiex il-VAT kemm tal-input u kemm tal-output, tittieħed inkunsiderazzjoni (4). Madankollu, din hija konsegwenza inevitabbli tal-eżerċizzju ta’ attività eżenti mill-VAT.

25.      Il-partijiet tal-kawża prinċipali jidher li ma jaqblux dwar il-fatt li s-servizzi tal-kumpannija Idealmed jitwettqu taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku, skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112. B’mod partikolari, il-kumpannija ssostni li s-servizzi pprovduti minnha fil-kuntest tal-ftehimiet konklużi mal-korpi pubbliċi ma jaqgħux fil-portata tas-sistema ġenerali pubblika tal-kura tas-saħħa fil-Portugall. Dawn huma mmirati għal grupp speċifiku ta’ assigurati (jiġifieri, l-uffiċjali) u pjuttost għandhom jiġu pparagunati ma’ sistema privata ta’ assigurazzjoni għall-mard.

26.      Din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kif ukoll l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ fatt u taqa’ b’mod sħiħ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha, anki jekk l-applikazzjoni tagħhom teħtieġ riferiment għall-ordinament ġuridiku nazzjonali. Inqis għaldaqstant li, jekk organu jipprovdi servizzi mediċi fil-portata tal-assigurazzjoni obbligatorja għall-mard jew ta’ assigurazzjoni li tikkostitwixxi waħda mis-sistemi alternattivi, li minnhom għandu jagħżel l-assigurat, u li hija intiża li tissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali fl-ambitu tal-għajnuna tal-kura tas-saħħa, huwa probabbli ħafna li dawn is-servizzi għandhom jitqiesu bħala pprovduti taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

27.      Fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża, il-Kummissjoni sostniet anki l-kwistjoni ta’ kundizzjoni supplimentari inkluża fid-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri li l-fornitur tas-servizzi li jistgħu jiġu eżentati għandu jkun “debitament rikonoxxut”. Madankollu, jidher li dan ir-rekwiżit jirrigwarda “stabbilimenti oħrajn”, filwaqt li l-kumpannija Idealmed taħdem fil-forma ta’ stabbiliment ta’ sptar. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tiddikjara li r-rekwiżit inkwistjoni ma jimplika l-ebda proċedura formali ta’ rikonoxximent tal-istabbiliment bħala li jaqa’ taħt l-eżenzjoni prevista mid-dispożizzjoni ċċitata (5). Iċ-ċirkustanza li fiha organu jiġi awtorizzat iwettaq servizzi mediċi, u li fiha dawn jitwettqu fil-kuntest tal-ftehimiet konklużi mas-sottosistemi pubbliċi tal-kura tas-saħħa, tidher għalkollox suffiċjenti sabiex turi li l-organu inkwistjoni huwa “debitament rikonoxxut” skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

28.      L-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 jippermetti lill-Istati Membri jissubordinaw l-eżenzjonijiet previsti, fost l-oħrajn, mill-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, għall-osservanza min-naħa tal-persuna taxxabbli ta’ kundizzjonijiet iddeterminati, b’mod partikolari l-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli ma jkollhiex bħala għan it-tiftix sistematiku tal-profitt. Madankollu, kif jirriżulta mill-fajl ta’ din il-kawża, id-dritt Portugiż ma jipprevedix kundizzjoni bħal din. Dan ir-rekwiżit ma jirriżultax ikkontemplat lanqas fl-istess Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, b’differenza minn ċerti dispożizzjonijiet oħra tad-direttiva msemmija li jintroduċu eżenzjonijiet mill-VAT. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ tali kundizzjoni, kemm fid-direttiva, kif ukoll fid-dritt nazzjonali, il-fatt sempliċi li tiġi eżerċitata attività b’għan ta’ lukru ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b) tad-direttiva inkwistjoni (6).

29.      Konsegwentament, il-fatt li l-kumpannija Idealmed tipprovdi s-servizzi mediċi bl-għan li tagħmel profitt ma jippreġudikax l-applikazzjoni fil-konfront tagħha tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

30.      Nipproponi għaldaqstant li l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta billi jiġi ddikjarat li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ sptar u ta’ kura medika mwettqa minn organu differenti minn korp irregolat mid-dritt pubbliku, taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-istabbilimenti tad-dritt pubbliku, jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista mid-dispożizzjoni ċċitata, irrispettivament mill-perċentwali tas-servizzi msemmija fir-rigward tat-totalità tas-servizzi pprovduti mill-persuna inkwistjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk is-servizzi jirriżultawx imwettqa taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-istabbilimenti tad-dritt pubbliku. Fl-evalwazzjoni tagħha, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li s-servizzi inkwistjoni jiġu pprovduti fil-portata tal-assigurazzjoni obbligatorja għall-mard jew ta’ assigurazzjoni li tikkostitwixxi waħda mis-sistemi alternattivi, li minnhom għandu jagħżel l-assigurat, li timmira li tissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali fl-ambitu tal-għajnuna tal-kura tas-saħħa.

 It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

31.      It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 377 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 391 tal-istess direttiva, kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi, tal-ugwaljanza, tan-nondiskriminazzjoni, ta’ newtralità u ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jipprekludux li persuna, li, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 391 ta’ din id-direttiva, tkun għażlet l-intaxxar tal-attività tagħha fuq il-bażi tas-sistema normali, tiġi imposta fuqha l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, qabel ma jiskadi l-perijodu li fih hija kellha tibqa’ suġġetta għas-sistema magħżula minnha. Dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

32.      Infakkar li, skont l-Artikolu 377 tad-Direttiva 2006/112, il-Portugall jista’, b’deroga mill-prinċipji ġenerali ta’ din id-direttiva, ikompli jeżenta, fost l-oħrajn, is-servizzi mediċi li ma jaqgħux taħt l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 391 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi li, f’din l-ipoteżi, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-persuni taxxabbli d-dritt ta’ għażla għall-intaxxar tat-tranżazzjonijiet eżenti. Id-dritt Portugiż jipprevedi tali possibbiltà: l-organi li jipprovdu s-servizzi mediċi jistgħu jagħżlu bejn l-eżenzjoni jew l-intaxxar fuq il-bażi tas-sistema normali, sakemm din l-għażla titħaddem, fil-prinċipju, għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin. Il-kumpannija Idealmed invokat id-dritt ta’ għażla inkwistjoni, u għażlet l-intaxxar fuq il-bażi tas-sistema normali. Madankollu, skont l-amministrazzjoni finanzjarja rriżulta li parti mis-servizzi mwettqa minn din il-kumpannija ġiet ipprovduta taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-istabbilimenti tad-dritt pubbliku, skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, ċirkustanza li timplika l-eżenzjoni tagħhom, indipendentement mill-għażla tas-sistema ta’ ntaxxar magħmula mill-kumpannija kkonċernata. Dawn il-kontestazzjonijiet wasslu għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju.

33.      Għal dak li jirrigwarda d-domandi msemmija, jeħtieġ qabel kollox li jiġi osservat li d-dritt ta’ għażla għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni previst mill-Artikolu 391 tad-Direttiva 2006/112 jirrigwarda biss l-eżenzjonijiet li l-Istati Membri japplikaw fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi fl-Artikoli 370 sa 390c tad-direttiva ċċitata u li jidderogaw mill-prinċipji ġenerali tagħha. L-għan huwa għalhekk dak li jeżenta t-tranżazzjonijiet li ma humiex eżenti fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-direttiva inkwistjoni, pereżempju skont l-Artikolu 132(1)(b) tagħha.

34.      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-servizzi mediċi, l-eżenzjoni li l-Portugall iżomm fis-seħħ permezz tal-awtorizzazzjoni inkluża fl-Artikolu 377 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mad-dritt ta’ għażla tal-persuna taxxabbli, li jirriżulta mill-Artikolu 391 tal-istess direttiva, għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni, tista’ tiġi applikata biss għas-servizzi pprovduti minn organi differenti mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku u taħt kundizzjonijiet soċjali li ma humiex paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-istabbilimenti tad-dritt pubbliku. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-punt 7 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112. Għalhekk, b’riferiment għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, din id-dispożizzjoni tipprevedi eżenzjoni obbligatorja fl-interess pubbliku, u la l-Portugall, bħala Stat Membru, u lanqas il-persuni taxxabbli ma jistgħu jirrinunzjaw għall-eżenzjoni msemmija.

35.      Infakkar ukoll li l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(b), tad-Direttiva 2006/112 tapplika għal tranżazzjonijiet konkreti u mhux għall-attività tal-persuna bħala tali. L-organu kkonċernat jista’ għaldaqstant ikompli jissuġġetta għall-intaxxar it-tranżazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-eżenzjoni msemmija.

36.      Għal dan l-għan, l-Artikolu 377 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 391 tal-istess direttiva, ma jipprekludix li persuna, li, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 391 ta’ din id-direttiva, tkun għażlet l-intaxxar tal-attività tagħha fuq il-bażi tas-sistema normali, tiġi imposta fuqha l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b) tad-direttiva ċċitata, qabel ma jiskadi l-perijodu li fih hija kellha tibqa’ suġġetta għas-sistema magħżula minnha, sa fejn is-servizzi mwettqa fuq il-bażi tan-normi stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/112 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 377 u 391 tagħha.

37.      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-prinċipji ġenerali ċċitati fid-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

38.      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-kumpannija Idealmed issostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż, li konformement magħhom hija għandha tibqa’ fl-iskema ta’ tassazzjoni magħżula minnha għal mill-inqas ħames snin, inisslu fiha aspettattiva leġittima dwar il-fatt li din is-sistema ma għandhiex tiġi mibdula lanqas permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni finanzjarja.

39.      Madankollu, tali aspettattiva hija ġġustifikata biss sa fejn it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-kumpannija msemmija jkunu suġġetti għas-sistema ġuridika li tirriżulta mill-Artikolu 377 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 391 tal-istess direttiva. Fil-fatt huwa biss f’din is-sistema li l-persuna taxxabbli għandha d-dritt ta’ għażla tal-metodu ta’ ntaxxar tat-tranżazzjonijiet tagħha. Għall-kuntrarju, jekk il-persuna taxxabbli inkwistjoni teżerċita attività li taqa’ taħt l-eżenzjoni obbligatorja prevista mill-Artikolu 132(1)(b) tal-istess direttiva, hija ma jistax ikollha aspettattiva leġittima dwar il-fatt li tista’ dejjem tinvoka d-dritt ta’ għażla għall-iskema ta’ tassazzjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jipprevedux tali dritt ta’ għażla. L-applikazzjoni tal-eżenzjoni fil-konfront tagħha, anki qabel ma jiskadi l-perijodu li fih hija kienet obbligata tibqa’ fis-sistema ta’ impożizzjoni magħżula, ma jiksirx għalhekk il-prinċipju msemmi.

40.      L-istess jgħodd għall-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni li, fir-rigward tas-sistema komuni tal-VAT, jikkonkretizzaw ruħhom fil-prinċipju ta’ newtralità fiskali (7). Dan l-aħħar prinċipju saħansitra jikkorrabora d-deduzzjonijiet inklużi f’dawn il-konklużjonijiet. Konformement ma’ dan il-prinċipju, merkanzija jew servizzi simili mill-perspettiva tal-konsumatur medju, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti għall-għanijiet tal-VAT (8). Mill-mument għalhekk li d-Direttiva 2006/112 tipprevedi l-eżenzjoni obbligatorja ta’ servizzi ddeterminati, taħtha għandhom jaqgħu t-tranżazzjonijiet kollha suġġetti għal din l-eżenzjoni, irrispettivament mill-għażla tal-iskema ta’ tassazzjoni applikata b’mod preventiv mill-persuna taxxabbli.

41.      Fil-kuntest tal-VAT, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jfisser ukoll li l-operaturi ekonomiċi ma jsostnux l-obbligu ta’ din it-taxxa, sa fejn din tiġi ttrasferita kollha kemm hi għal fuq il-konsumatur. Dan ir-riżultat jinkiseb permezz tas-sistema ta’ tnaqqis tat-taxxa tal-input relattiva għall-istadji kummerċjali preċedenti (9). Madankollu, dan il-mekkaniżmu jaħdem biss fl-ipoteżijiet li fihom l-istess operatur ekonomiku jwettaq tranżazzjonijiet taxxabbli. Għalhek, jekk huwa jwettaq tranżazzjonijiet eżenti, mill-punt tas-sistema tal-VAT huwa jsir l-aħħar rabta tal-iskambji u, b’mod paragunabbli għall-konsumatur, jitlef id-dritt li jnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa fl-istadji preċedenti, b’tali mod li hekk isostni l-obbligu ekonomiku tiegħu.

42.      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludix għalhekk li l-kumpannija Idealmed titlef id-dritt li tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa fl-istadji kummerċjali preċedenti fir-rigward tas-servizzi eżenti skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112. Madankollu, hija għandha d-dritt għar-rimbors tat-taxxa li hija ħallset fuq dawn is-servizzi, flimkien mal-interessi, sa fejn it-taxxa inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miġbura indebitament (10).

43.      Fid-dawl ta’ dan kollu espost sa issa, ir-risposta għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari għandha tkun li la l-Artikolu 377 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mal-Artiklu 391 tal-istess direttiva, u lanqas il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ newtralità u ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma jipprekludu li persuna, li, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 391 ta’ din id-direttiva, tkun għażlet l-intaxxar tal-attività tagħha fuq il-bażi tas-sistema normali, tiġi imposta fuqha l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, qabel ma jiskadi l-perijodu li fih hija kellha tibqa’ suġġetta għas-sistema magħżula minnha.

 Konklużjoni

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li d-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall) jingħataw ir-risposta segwenti:

1)      L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ sptar u ta’ kura medika pprovduti minn organu differenti minn korp irregolat mid-dritt pubbliku, taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-istabbilimenti tad-dritt pubbliku, jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista mid-dispożizzjoni ċċitata, irrispettivament mill-perċentwali tas-servizzi msemmija fir-rigward tat-totalità tas-servizzi pprovduti mill-persuna inkwistjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk is-servizzi jirriżultawx imwettqa taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-istabbilimenti tad-dritt pubbliku. Fl-evalwazzjoni tagħha, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li s-servizzi inkwistjoni jiġu pprovduti fl-ambitu tal-assigurazzjoni obbligatorja għall-mard jew ta’ assigurazzjoni li tikkostitwixxi waħda mis-sistemi alternattivi, li minnhom għandu jagħżel l-assigurat, li timmira li tissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali fl-ambitu tal-għajnuna tal-kura tas-saħħa.

2)      La l-Artikolu 377 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mal-Artiklu 391 tal-istess direttiva, u lanqas il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ newtralità u ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma jipprekludu li persuna, li, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 391 ta’ din id-direttiva, tkun għażlet l-intaxxar tal-attività tagħha fuq il-bażi tas-sistema normali, tiġi imposta fuqha l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, qabel ma jiskadi l-perijodu li fih hija kellha tibqa’ suġġetta għas-sistema magħżula minnha.


1      Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.


3      Kif ukoll it-tranżazzjonijiet strettament marbuta magħhom.


4      B’differenza mit-tranżazzjonijiet taxxabbli, il-persuna taxxabbli ma għandhiex dritt li tnaqqas it-taxxa tal-input fir-rigward tat-tranżazzjonijiet eżenti.


5      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C-45/01, EU:C:2003:595, punti 64 sa 67).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, EU:C:2005:322, punt 40).


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group (C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 61).


8      Ara, reċentament, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, Regards Photographiques (C-145/18, EU:C:2019:668, punt 36).


9      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 46).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, (C-591/10, EU:C:2012:478, punti minn 24 sa 26).