Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fl-10 ta’ April 2019 (1)

Kawża C-291/18

Grup Servicii Petroliere SA

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell, Bukarest, ir-Rumanija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 148(a) u (ċ) – Eżenzjoni – Provvista ta’ pjattaforma għat-tħaffir offshore li kapaċi terfa’ lilha nnifisha – Bastiment – Definizzjoni – Kundizzjoni dwar in-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali”






1.        Pjattaforma għat-tħaffir offshore li kapaċi terfa’ lilha nnifisha hija “bastiment użat għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali”? Din hija d-domanda prinċipali li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa tirrispondi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell, Bukarest, ir-Rumanija).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri bejn Grup Servicii Petroliere SA (iktar ’il quddiem “GSP”), kumpannija bl-uffiċċju prinċipali tagħha fir-Rumanija, u l-awtoritajiet fiskali Rumeni f’każ li jikkonċerna l-provvista eżentata mill-VAT ta’ tliet pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom lil ċerti kumpanniji Maltin. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom ta’ dan it-tip humiex koperti mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 148(ċ) moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-VAT”).

3.        L-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li l-Istati Membri huma meħtieġa jeżentaw, b’mod partikolari, il-provvista ta’ bastimenti użati għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali u li jġorru passiġġieri bi ħlas jew użati għall-iskop ta’ attivitajiet kummerċjali, industrijali jew tas-sajd. Kif għadni kif innotajt, il-kwistjoni essenzjali għall-kunsiderazzjoni hija jekk dawn il-pjattaformi għat-tħaffir partikolari jaqgħux taħt din l-eżenzjoni. Qabel ma tiġi eżaminata din il-kwistjoni huwa l-ewwel neċessarju li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali pubbliku, tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt nazzjonali.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali pubbliku

4.        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, konkluża fil-Bajja ta’ Montego fl-10 ta’ Diċembru 1982 (Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3; iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Din il-konvenzjoni ġiet approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260, rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69).

5.        L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolat “L-istatus legali tal-baħar territorjali, ta’ l-ispazju ta’ l-ajru fuq il-baħar teritorjali u l-qiegħ u l-istrata ta’ l-art taħt dik tal-wiċċ”, jipprovdi:

“1.      Is-sovranità ta’ Stat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ilmijiet interni tiegħu u, fil-każ ta’ Stat arċipelagu, l-ilmijiet arċipelaġiċi tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritti bħala il-baħar territorjali.

2.      Din is-sovranità testendi għall-ispazju ta’ l-ajru ta’ fuq il-baħar territorjali kif ukoll għall-qiegħ u l-istrata ta’ l-art taħt dik tal-qiegħ tiegħu.”

6.        L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Il-wisa’ tal-baħar territorjali”, jipprovdi kif ġej:

“Kull Stat għandu d-dritt li jistabbilixxi l-wisa’ tal-baħar territorjali tiegħu sa limitu li ma jeċċedix 12-il mil nawtiku, imkejjel mil-linji bażiċi ddeterminati b’konformità ma din il-Konvenzjoni.”

7.        Il-Parti V ta’ din il-konvenzjoni, intitolata “Żona ekonomika esklussiva”, tinkludi l-Artikoli 55 sa 75.

8.        L-Artikolu 56, intitolat “Drittijiet, ġurisdizzjoni u d-doveri ta’ Stat kostali fiż-żona ekonomika esklussiva”, jipprovdi:

“1.      Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu:

(a)      id-drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin jew mhux ħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet l-oħrajn għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ekonomika taż-żona, bħal ma hija l-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-ilma, mill-kurrenti jew mill-irjieħ;

[...]

2.      Fl-eżerċitar tad-drittijiet tiegħu u fit-twettieq tad-doveri tiegħu permezz ta’ din il-Konvenzjoni fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu jagħti attenzjoni xierqa għad-drittijiet u d-doveri ta’ l-Istati l-oħrajn u għandu jaġixxi f’manjiera kompatibbli mad-disposizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

3.      Id-drittijiet stabbiliti b’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ qiegħ il-baħar u l-istrata ta’ taħt dak għandhom ikunu eżerċitati b’konformità mal-Parti VI.”

9.        Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 58 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolat “Id-drittijiet, il-ġurisdizzjoni u d-doveri ta’ l-Istati l-oħrajn fiż-żona ekonomika esklussiva”, huwa fformulat kif ġej:

“Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istati kollha, kemm jekk kostali jew li m’għandhom aċċess dirett għall-baħar, igawdu, suġġett għad-disposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni, il-libertajiet msemmija fl-Artikolu 87, tan-navigazzjoni u t-titjiriet u tat-tqegħid ta’ fili u pajpijiet sottomarini, u ta’ l-użu internazzjonali legali l-ieħor tal-baħar relatati ma dawk il-libertajiet, bħal dawk assoċjati ma l-operazzjoni ta’ vapuri, ajruplani u fili u pajpijiet sottomarini, u kompatibbli mad-disposizzjonijiet l-oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.”

10.      Il-Parti VI tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolata “Is-sikka [Il-blata] kontinentali”, tinkludi l-Artikolu 76 sa l-Artikolu 85.

11.      L-Artikolu 77 huwa intitolat “Id-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka [il-blata] kontinentali” u jistipula, fil-paragrafu 1:

“L-Istat kostali jeżerċita fuq is-sikka [il-blata] kontinentali drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni tagħha u ta’ l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha.”

12.      L-Artikolu 78 huwa intitolat “L-istatus legali ta’ l-ilmijiet supra-qarib u l-ispazju ta’ l-ajru u d-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-Istati l-oħrajn”. Dan jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-eżerċitar tad-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka kontinentali m’għandhomx jiksru jew li jirriżultaw f’interferenza mhux ġustifikabbli man-navigazzjoni u mad-drittijiet l-oħrajn u l-liberta ta’ l-Istati l-oħrajn kif hemm provvediment dwar dan f’din il-Konvenzjoni.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Is-Sitt Direttiva

13.      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) kienet tipprevedi, fl-Artikolu 15 tagħha:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż:

[...]

4.      il-provvista ta’ oġġetti għall-għoti tal-karburant u l-provedimenti għall-bastimenti:

(a)      użati fin-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa [f’ibħra internazzjonali] u jġorru passiġġieri għal ħlas u użati għall-iskop kummerċjali, industrijali jew għall-attivitajiet tas-sajd;

(b)      użati għas-salvataġġ u għajnuna fil-baħar, għas-sajd mal-kosta, ħlief bl-eċezzjoni, għal ta’ l-aħħar, għall-provvedimenti tal-vapuri;

[...]

5.      il-provvista, modifikazzjoni, tiswija, manteniment, nolleġġjar u kiri ta’ vapuri msemmija fil-paragrafu 4 (a) u (b) tal-provvista, kiri, tiswija u manteniment tat-tagħmir - inkluż it-tagħmir tas-sajd - inkorporat jew użat hemmhekk;

[...]”

14.      Is-Sitt Direttiva tħassret bid-Direttiva dwar il-VAT, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

2.      Id-Direttiva dwar il-VAT

15.      Il-premessa 3 tad-Direttiva dwar il-VAT tipprovdi:

“Biex ikun żgurat li d-disposizzjonijiet jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali, b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar, huwa xieraq li l-istruttura u l-formulazzjoni tad-Direttiva jitfasslu mill-ġdid għalkemm fil-prinċipju dan mhux ser iġib tibdil fil-leġislazzjoni eżistenti. Numru żgħir ta’ emendi sostantivi huma madankollu inerenti għall-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid u għandhom madankollu jsiru. Fejn isiru tali tibdiliet, dawn huma elenkati b’mod eżawrjenti fid-disposizzjonijiet li jirregolaw it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ.”

16.      L-Artikolu 146(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 6 intitolat “Eżenzjonijiet fuq l-esportazzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata għal destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom tal-bejjiegħ;

(b)      il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom ta’ konsumatur li mhux stabbilit fit-territorju tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ merkanzija ttrasportata mill-konsumatur innifsu għall-armar, l-għoti tal-karburant u l-provviżjoni tad-dgħajjes tad-divertiment u t’ajruplani privati jew kwalunkwe mezz tat-trasport ieħor għall-użu privat;

[...]

(d)      il-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu f’xogħol fuq proprjetà mobbli akkwistata jew importata bil-ħsieb li jsir tali xogħol fuqha fit-territorju tal-Komunità, u mibgħuta jew ittrasportata ’l barra mill-Komunità mill-fornitur, mill-konsumatur jekk dan mhux stabbilit fit-territorju rispettiv tagħhom jew għan-nom ta’ wieħed jew l-ieħor;

(e)      il-provvista ta’ servizzi, inkluż trasport u transazzjonijiet anċillari, iżda eskluża l-provvista ta’ servizzi eżentati skond l-Artikoli 132 u 135, fejn dawn huma direttament konnessi ma’ l-esportazzjoni jew l-importazzjoni ta’ merkanzija koperta mill-Artikolu 61 u l-Artikolu 157(1)(a).”

17.      L-Artikolu 148 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 7, intitolat “Eżenzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali”, tat-Titolu IX, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija għall-għoti tal-karburant u l-provvedimenti għal bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali] u li jġorru passiġġieri għal ħlas jew użati għall-iskop ta’ attivitajiet kummerċjali, industrijali jew tas-sajd, jew għas-salvataġġ jew l-assistenza fil-baħar, jew għas-sajd mal-kosta, bl-eċċezzjoni, fil-każ ta’ bastimenti użati għas-sajd mal-kosta, ta’ provvedimenti tal-bastimenti;

[...]

(ċ)      il–provvista, modifikazzjoni, tiswija, manutenzjoni, noliġġ u kiri ta’ vapuri [bastimenti] msemmija fil-punt (a), u l-provvista, kiri, tiswija u manutenzjoni tat-tagħmir, inkluż it-tagħmir tas-sajd, inkorporat jew użat hemmhekk;

[...]”

18.      L-Artikolu 156 ta’ din id-direttiva jinsab fil-Kapitolu 10 tagħha, li huwa intitolat “Eżenzjonijiet għal transazzjonijiet li jirrigwardaw il-kummerċ internazzjonali”. Dan jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba li tiġi ppreżentata lid-dwana u, fejn applikabbli, poġġuta f’ħżin temporanju;

(b)      il-provvista ta’ merkanzija li hi maħsuba li titpoġġa f’żona ħielsa jew f’maħżen hieles;

(ċ)      il-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba li titpoġġa skond arranġamenti tal-ħażna doganali jew skond sistema ta’ perfezzjonament attiv (inward processing arrangements);

(d)      il-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba li tiġi mdaħħla fl-ilmijiet territorjali sabiex tiġi inkorporata fi pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni, għall-għanijiet tal-kostruzzjoni, tiswija, manutenzjoni, tibdil jew immontar ta’ dawn il-pjattaformi, jew biex jorbtu dawn il-pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni ma’ l-art kontinentali;

(e)      il-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba li tiġi mdaħħla fl-ilmijiet territorjali biex jingħata l-karburant u tingħata provvista lill-pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni.

2.      Il-postijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk definiti bħala tali mid-dispożizzjonijiet doganali Komunitarji fis-seħħ.”

3.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011

19.      L-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2011, L 77, p. 1), jipprovdi:

“1.      ‘Mezzi ta’ trasport’ kif imsemmi fl-Artikolu 56 u punt (g) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59 tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jinkludi vetturi, kemm jekk bil-mutur kif ukoll jekk le, u tagħmir ieħor u apparat iddisinjat biex jittrasporta persuni jew oġġetti minn post għal ieħor, li jista’ jinġibed, jiġi rmunkat jew imbuttat minn vetturi li huma normalment iddisinjati u jistgħu fil-prattika jintużaw għat-trasport.

2.      Il-mezzi ta’ trasport imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, b’mod partikolari, il-vetturi li ġejjin:

[...]

(d)      bastimenti;

[...]”

C.      Id-dritt nazzjonali

20.      L-Artikolu 143 tal-Legea Nru 571/2003 privind Codul fiskali (il-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa), intitolat “Eżenzjonijiet għall-esportazzjonijiet jew tranżazzjonijiet oħra simili, għal provvisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u għat-trasport internazzjonali u intra-Komunitarju”, jipprovdi, fil-verżjoni fis-seħħ f’Mejju 2008:

“(1)      Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mit-taxxa: [...]

(h)      fil-każ ta’ bastimenti użati għan-navigazzjoni fuq il-baħar, it-trasport internazzjonali ta’ persuni u/jew merkanzija, għall-iskop ta’ sajd jew għal kwalunkwe attività ekonomika oħra jew għas-salvataġġ jew assistenza fuq il-baħar:

1.      il-provvista, modifika, tiswija, manutenzjoni, nolleġġ, leasing u kiri ta’ bastimenti, u l-provvista, leasing, kiri, tiswija u manutenzjoni ta’ tagħmir, inkluż tagħmir tas-sajd, inkorporat jew użat fih; […]”

21.      L-Artikolu 144 tal-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa, intitolat “Eżenzjonijiet speċjali marbuta mat-traffiku internazzjonali tal-merkanzija”, jispeċifika:

“(1)      Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżenti mit-taxxa:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija maħsuba sabiex tkun: [...]

7.      ammessa fl-ibħra territorjali

–        sabiex tkun inkorporata fil-pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni, għall-finijiet tal-kostruzzjoni, tiswija, manutenzjoni, alterazzjoni jew żvilupp ta’ tali pjattaformi, jew sabiex tali pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni jingħaqdu mal-kontinent,

–        għall-għoti ta’ karburant u ta’ provvisti lill-pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni.”

22.      L-Artikolu 23 tal-Ordonan Orda Guvernului Nru 42/1997 privind transportul maritim și pe căile navigabile interioare (id-Digriet tal-Gvern Nru 42/1997 dwar it-Trasport Marittimu u fuq l-Ilmijiet Interni), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, dawn li ġejjin huma bastimenti:

(a)      bastimenti tal-baħar u ta’ navigazzjoni interna ta’ kull tip, bi jew mingħajr propulsjoni, li jinnavigaw fuq il-wiċċ jew bl-immersjoni, iddisinjati sabiex iġorru merkanzija u/jew persuni, sabiex jistadu, sabiex jirmunkaw jew sabiex jimbuttaw;

(b)      installazzjonijiet li jżommu f’wiċċ l-ilma, bħal gangmi, elevaturi li jżommu f’wiċċ l-ilma, krejnijiet li jżommu f’wiċċ l-ilma, bramel tal-clamshell li jżommu f’wiċċ l-ilma, eċċ., bi propulsjoni jew mingħajrha;

(c)      strutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma li normalment ma humiex maħsuba għall-moviment, bħal baċiri li jżommu f’wiċċ l-ilma, mollijiet li jżommu f’wiċċ l-ilma, puntuni, barrakki ta’ dgħajjes li jżommu f’wiċċ l-ilma, pjattaformi tat-tħaffir u oħrajn, fanali li jżommu fil-wiċċ;

(d)      inġenji tal-baħar użati għad-divertiment.”

23.      Il-punt 1 tad-Decizia Nru 3/2015 a Comisiei fiscale centrale (id-Deċiżjoni Nru 3/2015 tal-Kummissjoni Fiskali Ċentrali) isemmi:

“Mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013: fil-każ ta’ bastimenti maħsuba għan-navigazzjoni fuq il-baħar, użati għat-trasport internazzjonali ta’ persuni u/jew oġġetti, għas-sajd jew għal kwalunkwe attività ekonomika oħra fuq il-baħar, l-eżenzjonijiet mill-VAT previsti fl-Artikolu 143(1)(h), [...] tal-Kodiċi tat-Taxxa [...] għandhom japplikaw jekk il-bastiment jintuża b’mod effettiv u fil-biċċa l-kbira għan-navigazzjoni fuq il-baħar. Fid-determinazzjoni ta’ jekk bastiment huwiex użat b’mod effettiv u fil-biċċa l-kbira fuq il-baħar, ma jistgħux jitqiesu kriterji oġġettivi biss, bħat-tul jew it-tunnellaġġ tal-bastiment, iżda dawn il-kriterji jistgħu jintużaw sabiex jeskludu mill-iskop tal-eżenzjonijiet bastimenti li, fi kwalunkwe każ, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa, jiġifieri dawk li ma humiex adattati għan-navigazzjoni fuq il-baħar. […] Il-kunċett ta’ navigazzjoni ‘fuq il-baħar’, fit-tifsira tad-[Direttiva dwar il-VAT] u tal-Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa, ikopri kwalunkwe parti tal-baħar barra l-ibħra territorjali ta’ kwalunkwe Stat li hija lil hinn mit-12-il mil nawtiku mkejjel mil-linji bażiċi stabbiliti skont id-dritt internazzjonali tal-baħar (il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, konkluża fil-Bajja ta’ Montego fl-10 ta’ Diċembru 1982).”

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24.      F’Mejju 2008, GSP biegħet tliet pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom, li joperaw fil-Baħar l-Iswed (b’mod iktar preċiż, skont l-informazzjoni li hemm fit-talba tal-qorti tar-rinviju, f’ilmijiet territorjali Rumeni) lil ċerti xerrejja Maltin bil-għan li jwettqu attivitajiet ta’ tħaffir. Pjattaformi li jerfgħu lilhom infushom, jew unitajiet li jgħollu lilhom infushom, huma pjattaformi mobbli li jikkonsistu minn buq li jżomm f’wiċċ l-ilma li ġie mgħammar b’diversi saqajn li jiċċaqalqu. L-eżistenza tal-buq tippermetti li l-unità tat-tħaffir u l-makkinarju kollu mwaħħal jiġu ttrasportati lejn is-sit tat-tħaffir propost bis-saqajn tagħha merfugħa u l-buq li jżomm f’wiċċ l-ilma. Meta l-pjattaforma tasal fil-post, is-saqajn imbagħad jiġu estiżi (“iġġakkjati”) fl-ilma. Is-saqajn għalhekk jankraw il-pjattaforma f’qiegħ il-baħar u l-pjattaforma tal-buq hija mbagħad elevata sew ’il fuq mill-wiċċ tal-baħar. Meta l-armar ikun f’din il-pożizzjoni estiża (jew “iġġakkjat ’il fuq”), huwa jifforma pjattaforma statika. Huwa biss meta s-saqajn jiġu rtirati fl-aħħar tal-operazzjoni tat-tħaffir li l-buq jista’ jerġa’ jżomm fil-wiċċ.

25.      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li t-tliet pjattaformi inkwistjoni ma għandhomx sistema ta’ propulsjoni iżda huma mmanuvrati bl-irmunkar. Dan ġie kkonfermat waqt is-seduta. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet informata wkoll, waqt is-seduta, li l-pjattaforma tappoġġja ekwipaġġ, li hemm ġurnal ta’ abbord u li l-pjattaforma tista’ tiġi mmanuvrata mill-magni tagħha sabiex tilqa’ għall-kurrenti tal-oċean u sabiex tevita affarijiet li jkunu qegħdin jinġarru mill-baħar, jidher – għalkemm dawn huma fatti li fl-aħħar mill-aħħar għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju – li anki meta tkun qiegħda żżomm fil-wiċċ, il-pjattaforma tiġi ttrasportata minn post għall-ieħor minn lanċa tal-irmonk.

26.      Fil-kuntest ta’ dan il-bejgħ, GSP ħarġet fatturi, fejn applikat l-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT ipprovduta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa) li tittrasponi l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT fir-rigward tal-provvista ta’ dawn il-pjattaformi. Wara l-bejgħ, GSP kompliet topera dawn il-pjattaformi fil-Baħar l-Iswed skont it-termini ta’ nolleġġ bareboat.

27.      Fit-23 ta’ Mejju 2016, wara l-adozzjoni ta’ rapport ta’ spezzjoni tat-taxxa, l-amministrazzjoni fiskali Rumena ħarġet avviż ta’ aġġustament tal-VAT fuq il-bażi li, għalkemm il-pjattaformi tat-tħaffir jistgħu jiġu kkunsidrati bħala bastimenti fit-tifsira tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u huma adattati għal użu illimitat fuq il-baħar, huma ma jinnavigawx matul l-attività tat-tħaffir iżda huma pjuttost f’pożizzjoni pparkjata: il-kolonni tagħhom huma f’pożizzjoni baxxa u jistrieħu fuq qiegħ il-baħar sabiex itellgħu l-puntun (il-parti li żżomm f’wiċċ l-ilma) fuq il-baħar, f’għoli ta’ madwar 60 sa 70 metru. Sabiex il-provvista ta’ pjattaformi taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa, kien neċessarju li jiġi stabbilit li l-bastiment ikkonċernat qiegħed jinnaviga b’mod effettiv u predominanti f’ibħra internazzjonali. Madankollu, l-amministrazzjoni fiskali Rumena kkunsidrat li l-evidenza wriet li l-użu attwali u predominanti tal-pjattaformi jseħħ meta jkunu f’pożizzjoni pparkjata għall-iskop ta’ attività ta’ tħaffir, u mhux meta jkunu qegħdin jinnavigaw, li hija biss attività sussidjarja għall-attività tat-tħaffir.

28.      GSP ressqet ilment kontra dan l-avviż li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali Rumena fl-24 ta’ Novembru 2016.

29.      Ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-avviż ta’ stima tat-taxxa, ir-rapport ta’ spezzjoni fiskali u d-deċiżjoni dwar l-ilment.

III. Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa neċessarju li jiġi ċċarat, l-ewwel nett, jekk l-eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 148(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, tapplikax għall-provvista ta’ pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom, jiġifieri, jekk tali pjattaforma taqax fil-kunċett ta’ “bastiment” kif iddefinit f’din id-dispożizzjoni. It-tieni nett, u jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 148(ċ) moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-attività tan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali tkun predominanti meta mqabbla ma’ dik tat-tħaffir.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell, Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 148[(ċ)], moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) tad-[Direttiva dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tapplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-bejgħ ta’ pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom, u tali pjattaforma taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘vapur’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, safejn din id-dispożizzjoni tirregola, skont il-Kapitolu 7 tad-direttiva, l-‘[e]żenzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali’[?]

(2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 148(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) tad-[Direttiva dwar il-VAT], għandu jiġi interpretat fis-sens li kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud hija li waqt l-użu tagħha (bħala attività kummerċjali/industrijali), il-pjattaforma għat-tħaffir offshore li kapaċi terfa’ lilha nnifisha, li tkun waslet fl-ibħra internazzjonali, tibqa’ effettivament fi stat ta’ moviment, iżżomm f’wiċċ l-ilma, filwaqt li tispostja ruħha minn post għal ieħor, għal perijodu li jkun itwal minn dak li fih din tkun wieqfa jew immobbli, minħabba l-attività ta’ tħaffir fil-baħar, jiġifieri jekk l-attività ta’ navigazzjoni għandhiex tkun effettivament prevalenti meta mqabbla mal-attività ta’ tħaffir?”

32.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Grup Servicii Petroliere, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Italja u tar-Rumanija u mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, Grup Servicii Petroliere, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjoni preliminarja

33.      L-ewwel nett, jista’ jiġi osservat li l-premessa 3 tad-Direttiva dwar il-VAT tispeċifika li l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, bħala prinċipju, ma ġabet l-ebda bidla materjali fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-sistema komuni tal-VAT bl-eċċezzjoni ta’ numru żgħir ta’ emendi sostantivi elenkati b’mod eżawrjenti fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Għaldaqstant, din id-Direttiva tista’ titqies essenzjalment li għandha n-natura ta’ miżura leġiżlattiva ta’ konsolidazzjoni.

34.      Billi ebda waħda mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsabu fl-Artikoli 411 sa 414 ta’ din id-direttiva, ma tirreferi għall-Artikolu 148(a) jew (ċ), dan tal-aħħar għandu jitqies li għandu l-istess tifsira bħall-Artikolu 15(4) tas-Sitt Direttiva, li kien ifformulat b’mod simili (2). Jirriżulta, għaldaqstant, li l-ġurisprudenza eżistenti relatata mal-Artikolu 15(4) tas-Sitt Direttiva għandha titqies sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT (3).

35.      Rigward l-Artikolu 15(4) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tranżazzjonijiet koperti minn din id-dispożizzjoni huma eżentati minħabba li huma “simili għall-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni” (4). Fi kliem ieħor, dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħallikieku seħħew barra t-territorju tal-Unjoni (5).

36.      Fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda (C-526/13, EU:C:2015:536, punt 26), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li tranżazzjoni koperta mill-Artikolu 148(a) u (ċ) hija eżentata minħabba li tranżazzjoni bħal din hija ekwivalenti għal esportazzjoni.

37.      Huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li ż-żewġ domandi mqajma jistgħu għalhekk jiġu eżaminati.

B.      Fuq iż-żewġ domandi

38.      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni stabbilita f’din l-ewwel dispożizzjoni hijiex applikabbli għal pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom.

39.      Bħala punt ta’ tluq, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-provvista ta’ bastimenti msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-artikolu hija eżentata mill-VAT. Sabiex, għalhekk, jiġi ddeterminat jekk il-provvista ta’ pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom hijiex koperta b’din l-eżenzjoni, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, l-ewwel, xi jfisser l-użu tal-kelma “bastiment” fl-Artikolu 148(ċ) u, it-tieni, liema karatteristiċi għandu jkollu bastiment sabiex jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT u sabiex b’hekk il-provvista tiegħu tkun tista’ tiġi eżentata.

1.      It-tifsira komuni tat-termini “bastiment” u “navigazzjoni”

40.      Rigward il-kunċett ta’ x’jikkostitwixxi bastiment, ħafna, ovvjament, jiddependi fuq il-kuntest speċifiku tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

41.      Huwa minnu li taħt id-dritt internazzjonali, ma hijiex sorpriża, forsi, li pereżempju l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (1973) (MARPOL) (kif emendata bil-Protokoll tal-1978) (Londra) iddefinixxiet vapur bħala “bastiment ta’ kwalunkwe tip li jopera fl-ambjent tal-baħar u jinkludi dgħajjes idrofiliċi, vetturi kuxxinett tal-arja, inġenji sommerġibbli, inġenji li jżommu f’wiċċ l-ilma u pjattaformi fissi jew li jżommu f’wiċċ l-ilma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (6). Madankollu, peress li l-għan ta’ din il-konvenzjoni huwa l-prevenzjoni tat-tniġġis, hija naturalment iddefinixxiet il-kunċett ta’ bastiment b’mod wiesa’ ħafna. Fid-dawl ta’ dan l-għan, huwa essenzjalment irrilevanti jekk dan it-tniġġis kienx ġej minn pjattaforma fissa li ssostni pjattaforma tat-tħaffir jew minn bastiment nawtiku konvenzjonali bħal vapur jew dgħajsa. Huwa għalhekk li, essenzjalment, il-Konvenzjoni MARPOL tinkludi fid-definizzjoni tat-terminu “vapur” pjattaformi fissi jew li jżommu f’wiċċ l-ilma ta’ dan it-tip.

42.      Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 148(a) u (ċ) attwali tad-Direttiva dwar il-VAT huwa ta’ importanza partikolari. Wara kollox, l-eżenzjoni ma hijiex sempliċement fir-rigward ta’ “bastimenti” simpliciter, iżda pjuttost fir-rigward ta’ “bastimenti użati għan-navigazzjoni f’ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali].” F’dan ir-rigward id-Direttiva tuża l-istess lingwa venerabbli ta’ elementi notevoli ta’ leġiżlazzjoni marittima li jinsabu fir-reġistru tal-istatuti ta’ xi Stati Membri (7). Il-frażi “[…] użati għan-navigazzjoni f’ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali] […]” hija madankollu importanti u, fil-fehma tiegħi, kwalifika deċiżiva tal-kelma “bastiment”.

43.      Fil-lingwa ordinarja l-kelma “bastiment” tfisser inġenju ta’ xi tip li kapaċi jagħmel xi ħaġa fuq l-ilma li tinvolvi l-ġarr ta’ persuni jew ta’ oġġetti, irrispettivament jekk dan isirx bi ħlas jew b’xi mod ieħor jew sempliċement għal skopijiet ta’ rikreazzjoni (8). Għalhekk, niddubita kemm pjattaforma ta’ dan it-tip tistax tiġi deskritta sewwa bħala “bastiment” f’dan is-sens, peress li la ġġorr persuni jew oġġetti fuq l-ilma: hija iktar fin-natura ta’ struttura ta’ magna magħmula mill-bniedem fuq skala kbira li, wara li tiċċaqlaq, titwaħħal mal-qiegħ tal-baħar għal skopijiet ta’ tħaffir. Filwaqt li huwa veru li, kif ġiet informata l-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, ikun hemm ekwipaġġ abbord il-pjattaforma u jinżamm ġurnal ta’ abbord, wieħed jista’ madankollu josserva li pjattaforma għat-tħaffir li kapaċi terfa’ lilha nnifisha tidher li ma għandhiex ħafna mill-karatteristiċi standard ta’ bastiment li jbaħħar, bħalma huma pruwa jew ankri jew tmun, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qrati nazzjonali f’kull każ partikolari. Lanqas ma jidher li għandhom xi mekkaniżmu konvenzjonali ta’ tmexxija: jidher, pereżempju, li ma hemmx kamra tat-tmunier, għalkemm għal darba oħra dawn id-dettalji huma kwistjonijiet li għandhom jiġu vverifikati mill-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata waqt is-seduta, il-pjattaformi inkwistjoni fil-kawża preżenti għandhom barra minn hekk in-natura ta’ pjattaformi li ma għandhom l-ebda kapaċità ta’ propulsjoni awtonoma.

44.      Madankollu, anki jekk jien żbaljat fuq dan il-punt u pjattaforma għat-tħaffir li kapaċi terfa’ lilha nnifisha tista’ madankollu titqies bħala “bastiment”, il-fatt li tali pjattaforma tista’ (għall-kuntrarju tal-opinjoni tiegħi stess) tikkwalifika bħala “bastiment” simpliciter ma jfissirx li hija wkoll bastiment “użat għan-navigazzjoni f’ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali]”, kif meħtieġ mill-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

45.      Huwa veru li f’xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu, l-Artikolu 148(a) ma jsemmix espressament tar-rekwiżit ta’ “użu għan-navigazzjoni”. Pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża sempliċement tiddikjara li l-bastiment huwa meħtieġ li jintuża f’ibħra internazzjonali (9). Billi, madankollu, l-għan tal-Artikolu 148 huwa li jeżenta l-provvista ta’ bastimenti li sseħħ fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tad-Direttiva dwar il-VAT, imma li huma maħsuba sabiex iwettqu attivitajiet ekonomiċi barra minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal bastiment teħtieġ, b’mod impliċitu, imma neċessarjament, li l-bastiment huwa għall-inqas innavigat sabiex jitlaq mill-ibħra tal-Unjoni.

46.      Jirriżulta, għalhekk, li, anki jekk pjattaforma għat-tħaffir li kapaċi terfa’ lilha nnifisha jkollha titqies li hija “bastiment”, sabiex taqa’ fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 148(a), hija għandha xorta waħda tintuża għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali. In-navigazzjoni hija essenzjalment l-arti nawtika tat-tbaħħir. Dan jimplika li l-post tal-bastiment jista’ jiġi ddeterminat u l-kors futur tal-bastiment ppjanat min-navigatur tiegħu.

47.       Sa fejn għandu x’jaqsam it-terminu “ibħra internazzjonali”, mill-Artikolu 86 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar jirriżulta b’mod ċar li d-dritt internazzjonali jqis l-ibħra internazzjonali bħala l-“partijiet kollha li ma humiex inklużi fiż-żona ekonomika esklussiva, fil-baħar territorjali jew fl-ilmijiet interni ta’ Stat, jew fl-ibħra arċipelaġiċi jew ta’ Stat arċipelagu”.

48.      Konsegwentement, il-kuntest tal-Artikolu 148(a) u (ċ) neċessarjament jassumi li l-bastiment inkwistjoni għandu tal-inqas ikun kapaċi li jbaħħar ’il bogħod mill-kosta. Dan imbagħad jimplika li d-direzzjoni tal-bastiment tista’ tiġi ppjanata min-navigatur u li l-bastiment ikollu għalhekk kapaċità ta’ propulsjoni awtonoma. U irrispettivament mill-kwalitajiet nawtiċi tal-pjattaformi għat-tħaffir inkwistjoni, huwa perfettament ċar li dawn il-pjattaformi ma jintużawx għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali, preċiżament minħabba li ma għandhom l-ebda kapaċità ta’ propulsjoni awtonoma.

49.      Ċertament, huwa veru li dawn il-pjattaformi huma ddisinjati sabiex jifilħu għal kundizzjonijiet ta’ temp aħrax u, kif ġie kkonfermat barra minn hekk waqt is-seduta, huma jistgħu jiġu ttrasportati f’ibħra internazzjonali u regolarment joperaw f’din il-kapaċità fl-ibħra internazzjonali. Dan, madankollu, ma huwiex l-istess ħaġa daqslikieku jingħad li dawn il-pjattaformi għat-tħaffir “jintużaw għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali”. Kwalunkwe konklużjoni oħra, fil-fehma tiegħi, tammonta għal distorsjoni tal-lingwa u ġustament titqies b’ċertu xettiċiżmu mill-komunità tat-tbaħħir. Ma naħsibx li, b’xi mod realistiku, din il-pjattaforma tista’ tiġi deskritta bħala “bastiment li jbaħħar”.

50.      Barra minn hekk, wieħed jista’ josserva bl-istess mod li kwalunkwe eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għandha tiġi interpretata b’mod strett (10), u l-każ sabiex pjattaformi għat-tħaffir li kapaċi jerfgħu lilhom infushom ta’ dan it-tip jiddaħħlu fl-ambitu tal-eżenzjoni tal-Artikolu 148(ċ) ma ġiex stabbilit b’mod ċar.

51.      Għaldaqstant, għal dawn ir-raġunijiet jirriżulta li l-eżenzjoni tal-Artikolu 148(ċ) ma tapplikax għal pjattaformi għat-tħaffir ta’ dan it-tip.

2.      Approċċ alternattiv

52.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk it-tifsira aċċettata komunement tat-termini “bastiment” u “navigazzjoni” tiġi mwarrba, jiena xorta waħda nqis li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-istess konklużjoni, jiġifieri li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT ma tapplikax, tista’ tintlaħaq b’mod differenti.

53.       Huwa veru li jekk jitqies biss l-għan imfittex mill-Artikolu 148(a) u (ċ) – li huwa li jiġu eżentati ċerti tranżazzjonijiet minħabba li huma “ekwivalenti għall-esportazzjonijiet” jew, iktar preċiżament, minħabba li huma relatati mal-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi maħsuba għall-użu barra mit-territorju tal-Unjoni – għandu jiġi ammess li tali għan jimplika li l-kelma “bastiment” għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għal inġenju li jista’ jiġi mċaqlaq barra mill-ibħra tal-Unjoni, għalkemm neċessarjament waħdu (11). Minn din il-perspettiva, il-kelma “navigazzjoni” tista’ tinqara fis-sens li tirreferi għall-moviment li bastiment jeħtieġ jagħmel sabiex joħroġ mill-ilmijiet tal-Unjoni sabiex iwettaq l-attivitajiet tiegħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT.

54.      Madankollu, ta’ min ifakkar ukoll li, sabiex il-provvista ta’ vapuri tkun tista’ tiġi eżentata, l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jeħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet oħra, minbarra l-kundizzjoni li dan ikun bastiment użat għan-navigazzjoni. L-ewwel nett, il-bastiment għandu jkun intiż li jiġi assenjat għal waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva. It-tieni nett, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kuntest kemm tas-Sitt Direttiva (12) kif ukoll tad-Direttiva dwar il-VAT (13) li, kemm fil-każ ta’ bastimenti li jġorru passiġġieri bi ħlas u kemm fil-każ ta’ bastimenti użati għal attivitajiet kummerċjali jew industrijali, din l-eżenzjoni ma tapplikax sakemm dawn l-attivitajiet ma jseħħux f’ibħra internazzjonali.

55.      Rigward l-attivitajiet li bastiment għandu jwettaq sabiex il-provvista tiegħu tkun eżentata, il-qorti tar-rinviju enfasizzat fl-ewwel domanda tagħha li l-Artikolu 148 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa msemmi fil-Kapitolu 7 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Eżenzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali”.

56.      Madankollu, billi t-titolu ta’ kapitolu jintgħażel fid-dawl tal-komponenti tad-dispożizzjonijiet prinċipali stabbiliti fih, mhux id-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu f’kapitolu jkollhom neċessarjament kamp ta’ applikazzjoni limitat għas-suġġett imsemmi fit-titolu ta’ dan il-kapitolu (14). Fil-każ tal-Artikolu 148(a), mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni nnifisha jirriżulta li l-attivitajiet koperti ma humiex limitati biss għat-trasport, iżda jinkludu kwalunkwe attività kummerċjali, tas-sajd jew industrijali (15).

57.      Naturalment, ma hemm l-ebda dubju li t-twettiq ta’ tħaffir offshore permezz ta’ pjattaforma għat-tħaffir huwa wieħed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 148(a), billi l-attivitajiet industrijali jinkludu t-tħaffir.

58.      Dwar il-kundizzjoni marbuta mal-ibħra internazzjonali, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni jiddikjaraw li din il-kundizzjoni timplika li l-bastiment għandu jintuża fuq dawn l-ibħra filwaqt li l-Gvernijiet tal-Belġju u tal-Italja jargumentaw li bastiment jeħtieġ biss li jkun adattat sabiex jinnaviga f’dawn l-ibħra, irrispettivament mill-ħin li jagħmel f’ibħra internazzjonali. Fl-opinjoni tagħhom, bastiment li jwettaq l-attivitajiet tiegħu fl-ibħra territorjali ta’ wieħed mill-Istati Membri jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mnaqqxa fl-Artikolu 148(ċ) mingħajr ma jintuża f’ibħra internazzjonali, sakemm ikun jista’ jiġi mċaqlaq hemmhekk.

59.       Madankollu, kif diġà indikajt, tranżazzjonijiet koperti mill-Artikolu 148(a) u (ċ) huma eżentati minħabba li huma relatati ma’ oġġetti jew servizzi mixtrija fit-territorji tal-Unjoni iżda li huwa mistenni li jintużaw barra minn dawn it-territorji. Dan ifisser, fi kliem ieħor, li l-bastiment ikkonċernat għandu jimxi minn post li jinsab fl-ilmijiet tal-Unjoni għal post barra minnhom, fejn ser jitwettqu l-attivitajiet inkwistjoni. Huwa preċiżament għal dawn ir-raġunijiet li nikkunsidra, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-Gvernijiet tal-Belġju u tal-Italja, li ma huwiex biżżejjed li bastiment ikun adattat sabiex jintuża f’ibħra internazzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, il-bastiment għandu jkun prinċipalment u effettivament involut f’attività mwettqa f’ibħra internazzjonali.

3.      Il-kunċett ta’ baħar internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT

60.      Finalment huwa neċessarju li jiġi eżaminat xi jfisser il-kunċett ta’ “ibħra internazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

61.      Peress li l-għan imfittex minn dan l-artikolu huwa li jiġu eżentati t-tranżazzjonijiet ekwivalenti għall-esportazzjonijiet, jiena nikkunsidra li l-kunċett ta’ ibħra internazzjonali għandu jinftiehem bħala li jindika l-ibħra barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva dwar il-VAT.

62.      Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din id-direttiva huwa ddeterminat fl-Artikolu 5. Skont din id-dispożizzjoni, id-Direttiva dwar il-VAT tapplika għal tranżazzjonijiet li jseħħu f’parti mit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri “li għalih hu applikabbli, skond [l-Artikolu 52 TUE u l-Artikoli 349 TFUE u 355 TFUE], it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea [li sadanittant ġie ssostitwit bit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea], bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe territorju msemmi fl-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva”.

63.      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ territorju fit-Trattat, din id-definizzjoni għandha tkun iddeterminata skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali pubbliku.

64.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni argumentaw waqt is-seduta li, meta ġiet adottata s-Sitt Direttiva dwar il-VAT, li diġà kienet tinkludi l-eżenzjoni li issa hija prevista fl-Artikolu 148(a), kienet fis-seħħ biss il-Konvenzjoni dwar l-Ibħra Territorjali u Żona Kontigwa, iffirmata f’Genève fid-29 ta’ April 1958 (Serje tat-Trattat tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 516, p. 205) u li, għalhekk, il-kunċetti ta’ “territorji” u “ibħra internazzjonali” għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni.

65.      Madankollu, wieħed irid jiftakar li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq l-istrumenti tad-dritt sekondarju tfisser li dawn l-istrumenti għandhom jiġu interpretati, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-ftehimiet, b’mod li jkun konsistenti magħhom (16). Konsegwentement, sa fejn id-Deċiżjoni 98/392 daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju 1998, qabel ma nxtraw il-pjattaformi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-territorju tal-Istati Membri kellu jiġi evalwat fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (17).

66.       Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, is-sovranità tal-Istat kostali testendi għall-baħar territorjali kif ukoll għall-qiegħ u għall-istrata tal-art taħt dik tal-qiegħ tiegħu.

67.      Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, kull Stat għandu d-dritt li jistabbilixxi l-wisa’ tal-baħar territorjali tiegħu sa limitu li ma jaqbiżx it-12-il mil nawtiku, imkejjel mil-linji bażiċi ddeterminati skont din il-konvenzjoni.

68.      Lil hinn minn dan il-limitu, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tipprovdi li kull Stat kostali għandu drittijiet sovrani fuq iż-żona ekonomika esklużiva u l-blata kontinentali. Dawn id-drittijiet huma, madankollu, limitati għall-attivitajiet stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 56 u 77 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

69.      Għaldaqstant, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C-111/05, EU:C:2007:195, punti 59 u 60), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “is-sovranità ta’ l-Istat kostali fuq iż-żona ekonomika esklużiva kif ukoll fuq il-blata kontinentali hija biss funzjonali u, bħala tali, hija limitata għad-dritt li jiġu eżerċitati l-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ sfruttament previsti fl-Artikoli 56 u 77 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”.

70.      Peress li l-attività inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Aktiebolaget NN kienet il-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil taħt il-baħar, li ma kinitx inkluża fl-attivitajiet elenkati fl-Artikoli 56 u 77 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-attività ma taqax taħt is-sovranità tal-Istat Membru kostali u, għalhekk, ma tistax titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema komuni tal-VAT (18).

71.      Fil-każ preżenti, għalkemm pjattaformi jgawdu mil-libertà tan-navigazzjoni msemmija fl-Artikoli 58(1), 78 u 87 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, jibqa’ l-każ li l-attività li huma jwettqu hija dik tal-esplorazzjoni u tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-istrata tal-art taħt dik tal-qiegħ tal-baħar. Din l-attività, madankollu, hija waħda mill-attivitajiet li għalihom jirreferu l-Artikoli 56 u 77 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar bħala attivitajiet li huma suġġetti għad-drittijiet sovrani tal-Istat kostali.

72.      Għaldaqstant, b’kuntrast mal-attività inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Aktiebolaget NN, meta inġenju jkun qiegħed iwettaq attivitajiet ta’ tħaffir fiż-żona ekonomika esklużiva jew fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru, dawn l-attivitajiet jitwettqu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva dwar il-VAT. Konsegwentement, sabiex il-provvista tagħha tkun eżentata skont l-Artikolu 148(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva, pjattaforma ma tistax twettaq l-attivitajiet tagħha la fil-baħar territorjali, jew fiż-żona ekonomika esklużiva, u lanqas fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru tal-Unjoni.

73.       Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju indikat li l-pjattaformi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu, meta nxtraw, qed iwettqu attività ta’ tħaffir fl-ibħra territorjali Rumeni fil-Baħar l-Iswed u li komplew iwettqu dawn l-attivitajiet wara l-mument li fih inxtraw.

74.      Kif qablu l-partijiet kollha matul is-seduta, il-Baħar l-Iswed jaqa’ kompletament taħt xi waħda jew oħra miż-żoni ekonomiċi esklużivi tad-diversi Stati kostali tiegħu. Għaldaqstant, l-ebda parti mill-Baħar l-Iswed ma tista’ titqies bħala parti mill-ibħra internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT (19). Jirriżulta, għalhekk, li anki jekk (kuntrarjament għall-opinjoni tiegħi) dawn il-pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala “bastimenti” li kienu “użati għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali”, il-provvista tagħhom xorta waħda ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 148(ċ), preċiżament minħabba l-post fejn huma wettqu l-attivitajiet tagħhom immedjatament wara l-provvista tagħhom.

75.       Għall-kuntrarju tal-argument imressaq minn Grup servicii Petroliere, din il-konklużjoni la hija kontradetta mill-fatt li dawn il-pjattaformi jistgħu jiġu mċaqalqa fil-futur għall-Baħar Mediterran jew għall-Baħar tat-Tramuntana, u lanqas mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali, mifhum hawn fis-sens ta’ trattament ugwali (20).

76.      Tabilħaqq, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-użu li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat sabiex jiġu ddeterminati r-regoli tal-VAT applikabbli, huwa dak li ser jitwettaq direttament wara x-xiri tal-oġġetti jew wara l-provvista tas-servizzi inkwistjoni u mhux dak li jista’ ipotetikament jitwettaq f’xi punt jew ieħor fil-futur (21).

77.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi oġġetti jew servizzi simili li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin milli jiġu ttrattati b’mod differenti għall-finijiet tal-VAT (22), għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat biss kontra dispożizzjonijiet nazzjonali (23).

78.       Huwa veru li, skont linja ta’ ġurisprudenza partikolari, il-prinċipju ta’ newtralità huwa t-traduzzjoni fil-qasam tal-VAT tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (24), li jimplika li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti minn xulxin sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (25). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-kwistjoni dwar jekk sitwazzjonijiet humiex komparabbli jew le għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tas-suġġett tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u tal-għan imfittex minnhom, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-iskop il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam ikkonċernat (26).

79.      Peress li l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jeżenta ċerti tranżazzjonijiet minħabba li huma “ekwivalenti għal esportazzjonijiet”, bastimenti ikkunsinnati fit-territorju tal-Unjoni bil-ħsieb li jwettqu l-attivitajiet tagħhom barra minn dan it-territorju qabel jirritornaw lura lejn il-pożizzjoni tagħhom tal-bidu biss jistgħu jiġu kkunsidrati li huma f’sitwazzjoni komparabbli fid-dawl ta’ dan l-għan. Għalhekk, il-leġiżlatur jista’ jittratta pjattaformi b’mod differenti mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali skont jekk iwettqux l-attivitajiet tagħhom f’ibħra internazzjonali jew le (27).

80.      Bl-istess mod, nikkunsidra li s-soluzzjoni li wasalt għaliha ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 156(d) tad-Direttiva dwar il-VAT. Tabilħaqq, jiena nemmen li din id-dispożizzjoni ma hijiex relevanti fil-każ preżenti, inkluż fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Filwaqt li l-Artikolu 156(d) jiddikjara li l-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba sabiex tiddaħħal f’ibħra territorjali sabiex tkun inkorporata fil-pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni, għal skopijiet ta’ kostruzzjoni, tiswija, manutenzjoni, alterazzjoni jew tagħmir ta’ tali pjattaformi, jew sabiex tgħaqqad dawn il-pjattaformi tat-tħaffir jew tal-produzzjoni mal-kontinent jistgħu jkunu eżentati mill-VAT, il-kliem ta’ dan l-artikolu ma jsemmix fost it-tranżazzjonijiet koperti l-bejgħ mill-ġdid tal-pjattaformi tat-tħaffir.

V.      Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell, Bukarest, ir-Rumanija), fis-sens li l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni stabbilita f’din l-ewwel dispożizzjoni ma tapplikax għal pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Kreissparkasse Wiedenbrück (C-186/15, EU:C:2016:452, punt 40).


3      Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda (C-526/13, EU:C:2015:536, punt 25).


4      Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1990, Velker International Oil Company (C-185/89, EU:C:1990:262, punt 21), u tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka (C-181/04 sa C-183/04, EU:C:2006:563, punt 21).


5      Din id-dispożizzjoni sservi bħala miżura li trawwem il-kompetittività. Tabilħaqq, peress li l-attivitajiet imwettqa mill-bastiment imsemmi saru barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema komuni tal-VAT, jiġifieri, barra mill-ilmijiet tal-Unjoni, il-prodotti u s-servizzi meħtieġa sabiex jitwettqu dawn l-attivitajiet, inklużi l-bastimenti, setgħu jiġu pprovduti faċilment minn operaturi mhux tal-Unjoni. Barra minn hekk, rigward is-sitwazzjoni tal-merkanzija użata għall-għoti ta’ karburant u ta’ provvisti lil bastimenti, fin-nuqqas tal-Artikolu 148(a), il-fornituri tal-Unjoni jistgħu jitħajru jistennew li l-bastimenti jitilqu mill-ilmijiet tal-Unjoni sabiex ifornuhom, bil-għan li jiksbu l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT.


6      Enfasi miżjuda.


7      Notevolment, pereżempju, il-Merchant Shipping Act (l-Att tat-Tbaħħir Merkantili) tar-Renju Unit, 1894, li l-Artikolu 742 tiegħu ddefinixxa “bastiment” bħala li jinkludi “kwalunkwe bastiment jew dgħajsa jew kwalunkwe deskrizzjoni oħra ta’ bastiment użat fin-navigazzjoni”.


8      Jew, biex nikkwota l-kliem tas-Supreme Court of Ireland (il-Qorti Suprema tal-Irlanda) fis-sentenza The Von Rocks [1998] 3 Irish Reports 41, il-pjaċir li ħafna jisiltu billi sempliċement “jgħaddu l-ħin fuq dgħajjes” (“messing about in boats”). Il-kwotazzjoni hija meħuda minn The Wind in the Willows ta’ K. Grahame.


9      It-termini użati bil-Ġermaniż huma li l-bastiment “auf hoher See [...] eingesetzt sind”.


10      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Navicon (C-97/06, EU:C:2007:609, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011. Tabilħaqq, għalkemm dan tal-aħħar jinkludi l-bastimenti fil-kunċett “mezzi tat-trasport” li huma ddefiniti bħala kwalunkwe mezz iddisinjat sabiex jittrasporta persuni jew oġġetti minn post għall-ieħor, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni huwa limitat għall-kunċett ta “mezzi tat-trasport” imsemmi fl-Artikolu 56 u fil-punt (g) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59 tad-Direttiva dwar il-VAT.


12      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka (C-181/04 sa C-183/04, EU:C:2006:563, punt 14). Minbarra r-raġuni stabbilita f’din is-sentenza, nixtieq nenfasizza li interpretazzjoni tal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT bħala applikabbli biss għall-bastimenti li jġorru passiġġieri bi ħlas twassal sabiex din il-kundizzjoni ssir inutli peress li t-trasport tal-passiġġieri huwa wkoll attività kummerċjali li hija espressament eżentata minn dan l-artikolu.


13      Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:202, punt 22).


14      Ara, b’analoġija, dwar dispożizzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jmur lil hinn mis-suġġett tar-regolament li fih tissemma din id-dispożizzjoni, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Deutscher Naturschutzring (C-683/16, EU:C:2018:433, punti 43 et seq.).


15      Ta’ min jerġa’ jfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-tranżazzjonijiet koperti mill-Artikolu 148 huma eżentati minħabba li huma “simili għall-esportazzjoni”. Peress li, fil-każ ta’ bastiment, dan tal-aħħar għandu jinnaviga barra mill-kamp ta’ applikazzjoni sabiex ikun kopert minn din id-dispożizzjoni, nemmen li dan il-moviment jista’ jispjega għalfejn din id-dispożizzjoni tqiegħdet fil-Kapitolu 7, taħt it-titolu “Eżenzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali”.


16      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punti 28 sa 30).


17      F’dan ir-rigward, jista’ jingħad li d-Deċiżjoni 98/392/KE, li tapprova l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, ma ssemmix data ta’ dħul fis-seħħ. Madankollu, skont l-Artikolu 297 TFUE, att leġiżlattiv li ma jsemmi l-ebda data f’dan ir-rigward, jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Peress li d-Deċiżjoni 98/392/KE ġiet ippubblikata fit-23 ta’ Ġunju 1998, din tal-aħħar għandha titqies li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju 1998.


18      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din il-konstatazzjoni kienet ikkonfermata mill-Artikoli 58(1) u 79(1) tal-Konvenzjoni, li jippermettu, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, lil kwalunkwe Stat li jqiegħed kejbils taħt il-baħar f’dawn iż-żoni.


19      Fil-fatt, il-problema fil-kawża prinċipali tidher li għandha l-oriġini tagħha fil-fatt li r-Rumanija ma kinitx ittrasponiet korrettament l-Artikolu 148(ċ) fiż-żmien li seħħ il-bejgħ. Tabilħaqq, l-Artikolu 143(1)(h) tal-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa ma kienx jeħtieġ, bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni, li l-attivitajiet tal-bastimenti jikkonsistu fit-trasport ta’ passiġġieri bi ħlas jew huma użati għall-iskop ta’ attivitajiet kummerċjali, industrijali jew tas-sajd, fl-ibħra internazzjonali. Jidher li kien biss wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 3/2015 li din il-kundizzjoni ġiet introdotta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.


20      Il-kunċett ta’ newtralità fiskali jintuża f’żewġ modi differenti fil-qasam tal-VAT. Minn naħa, dan il-prinċipju jintuża sabiex jiġi kkaratterizzat l-għan imfittex mill-mekkaniżmu ta’ tnaqqis previst fis-Sitt Direttiva, jiġifieri sabiex jeħles lill-imprenditur kompletament mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu li huma stess huma suġġetti għall-VAT. Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett jintuża f’sens simili għal dak ta’ trattament ugwali. Ara, fuq dan is-suġġett, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C 2012:716, punt 48).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Gmina Ryjewo (C-140/17, EU:C:2018:595, punt 34). Billi l-pjattaformi huma oġġetti kapitali, kull bidla fl-użu tagħhom hija suġġetta għall-Artikolu 187 tad-Direttiva dwar il-VAT.


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, EU:C:2003:264, punt 25). Sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi diskrezzjoni wiesgħa sabiex jadotta miżuri fiskali, huwa jista’ jittratta b’mod differenti oġġetti jew servizzi f’kompetizzjoni hekk kif jippreżentaw karatteristika li tiddistingwixxihom fid-dawl tal-għan imfittex minnhom.


23      Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, EU:C:2009:669, punti 41 sa 43).


24      Skont xi sentenzi, il-prinċipju ta’ newtralità huwa t-“traduzzjoni” tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-VAT (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Grattan, C-310/11, EU:C:2012:822, punt 28, u tat-28 ta’ Novembru 2013, MDDP, C-319/12, EU:C:2013:778, punt 38), filwaqt li sentenzi oħra jqisu dan il-prinċipju bħala espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey Balgaria, C-549/11, EU:C:2012:832, punt 33, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Efir, C-19/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:148, punt 28) li ma jikkoinċidix ma’ tal-aħħar (sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-480/10, EU:C:2013:263, punti 17 u 18). Fis-sentenza reċenti tagħha tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C-390/15, EU:C:2017:174, punt 38), l-Awla Manja ħadet approċċ iktar rigoruż fejn ikkunsidrat li, fit-tieni interpretazzjoni tiegħu, il-kunċett ta’ newtralità fiskali huwa ugwali għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, iżda li, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżura tat-taxxa, trid tingħata diskrezzjoni wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni.


25      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51), u tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C-477/14, EU:C:2016:324, punt 35).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Hawnhekk, il-ksur tat-trattament ugwali allegat huwa l-konsegwenza tal-eżistenza ta’ żewġ dispożizzjonijiet separati tad-Direttiva dwar il-VAT. Billi dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kellhom għanijiet separati u billi l-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ sitwazzjonijiet humiex komparabbli għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minnhom, bħala prinċipju, l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jista’ jiġi invokat.