Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fi 7 ta’ Novembru 2019(1)

Kawża C-488/18

Finanzamt Kaufbeuren mit Außenstelle Füssen

vs

Golfclub Schloss Igling e. V.

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjonijiet — Artikolu 132(1)(m) — Provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport — Effett dirett — Il-livell ta’ marġni diskrezzjonali tal-Istati Membri — Prinċipju ta’ newtralità fiskali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament —Kunċett ta’ organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt)






1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-proċeduri bejn Finanzamt Kaufbeuren mit Außenstelle Füssen (l-Uffiċċju tat-Taxxa, Kaufbeuren, Füssen Branch, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tat-Taxxa”) u Golfclub Schloss Igling e.V. (iktar ’il quddiem il-“Golfclub”), dwar ir-rifjut tal-Uffiċċju tat-Taxxa li jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), ċerti servizzi marbuta mill-qrib mal-prattika tal-golf ipprovduta minn Golfclub.

3.        Il-kwistjoni prinċipali mqajma f’din il-kawża hija dwar jekk, minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 tirreferi sempliċement għal “ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport”, din id-dispożizzjoni tistax xorta waħda titqiesli hija suffiċentement preċiża u inkundizzjonata u, għaldaqstant, li għandha effett dirett.

I.      Id-dritt tal-Unjoni

A.      Id-Direttiva 2006/112

4.        L-Artikoli 132 tad-Direttiva 2006/112 tipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

...

(m) il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika;

(n) il-provvista ta’ ċertu servizzi kulturali, u l-provvista ta’ merkanzija marbuta mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi kulturali oħrajn irrikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat [.]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

5.        Skont l-Artikolu 4(22) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq Fatturat, iktar ’il quddiem il-“UStG”), fil-verżjoni ppubblikata fil-21 ta’ Frar 2005, (BGB1. 2005 I, p. 386), it-transazzjonijiet li ġejjin huma eżentati mit-taxxa:

“(a) konferenzi, korsijiet u avvenimenti oħra ta’ natura xjentifika jew edukattiva organizzati minn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, skejjel superjuri ta’ amministrazzjoni u ekonomija, Volkshochschulen jew korpi li jsegwu għanijiet ta’ utilità pubblika jew dawk ta’ organizzazzjoni professjonali, jekk il-parti l-kbira tad-dħul jintuża biex jiġu koperti l-ispejjeż

(b) avvenimenti kulturali u sportivi oħra organizzati mill-operaturi msemmija f’(a), fejn il-miżata tkun tikkonsisti f’miżati ta’ parteċipazzjoni.”

6.        It-Taqsimiet 51, 52, 55, 58, 59, 60 u 61 tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi Fiskali, iktar ’il quddiem l-“AO”), jipprovdu:

“Taqsima 51

Ġenerali

(1) Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fejn il-Kodiċi jagħti privileġġi fiskali lil korporazzjoni minħabba li sservi direttament u esklużivament skopijiet ta’ benefiċċju pubbliku, ta’ karita’ jew reliġjużi (skopijiet ta’ privileġġ fiskali). Korporazzjoni għandha tinftiehem li tfisser korporazzjoni, assoċjazzjoni jew grupp ta’ assi kif definit fl-Att dwar it-Taxxa fuq il-Korporazzjonijiet. Is-subdiviżjonijiet funzjonali (dipartimenti) ta’ korporazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati bħala entitajiet taxxabbli indipendenti.

...

Taqsima 52

Skopijiet ta’ benefiċċju pubbliku

(1) Korporazzjoni tkun isservi skopijiet ta’ benefiċċju pubbliku jekk l-attività tagħha tkun iddedikata għall-avvanzament altruwista tal-pubbliku ġenerali mill-aspetti materjali, spiritwali jew morali. Ma għandux jitqies bħala avvanz tal-pubbliku ġenerali jekk il-grupp ta’ persuni li qegħdin jibbenefikaw minn tali avvanz huwa ċirkoskritt, pereżempju, permezz ta’ sħubija ta’ familja jew tal-forza tax-xogħol ta’ impriża, jew ma jista’ ikun qatt ħlief żgħir bħala riżultat tad-definizzjoni tiegħu, speċjalment f’termini ta’ attributi ġeografiċi jew professjonali. L-avvanz tal-pubbliku ma jistax jiġi sostnut sempliċement minħabba l-fatt li korporazzjoni talloka l-fondi tagħha lil entità tad-dritt pubbliku.

(2) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subtaqsima (1) hawn fuq, dan li ġej għandu jiġi rrikonoxxut bħala avvanz tal-pubbliku ġenerali:

...

21. l-avvanz tal-isport (iċ-ċess għandu jitqies bħala sport);

...

Taqsima 55

Attività altruwistika

(1) L-avvanz jew l-appoġġ għandu jiġi pprovdut b’mod altruwistiku jekk ma jaqdix primarjament l-iskopijiet ekonomiċi tal-korporazzjoni, pereżempju finijiet kummerċjali jew finijiet oħrajn ta’ qligħ, u r-rekwiżiti li ġejjin jiġu ssodisfatti:

1. Il-fondi tal-korporazzjoni jistgħu jintużaw biss għall-finijiet stabbiliti fl-istatuti. Membri jew imsieħba (membri għall-finijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet) ma jistgħux jirċievu la ishma ta’ profitti u lanqas fil-kapaċità tagħhom ta’ membri, xi allokazzjonijiet oħra mill-fondi tal-korporazzjoni. Il-korporazzjoni la tista’ tuża l-fondi tagħha għall-avvanz dirett u lanqas għal dak indirett jew għall-appoġġ tal-partiti politiċi.

2. Mat-tmiem tas-sħubija tagħhom jew max-xoljiment jew likwidazzjoni tal-korporazzjoni, il-membri ma jistgħux jirċievu iktar mill-ishma tal-kapital imħallas tagħhom u l-valur ġust tas-suq tal-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji tagħhom.

3. Il-korporazzjoni ma tistax tipprovvdi benefiċċju għal kwalunkwe persuna permezz ta’ nfiq mhux relatat mal-iskop tal-korporazzjoni jew b’remunerazzjoni sproporzjonalment għolja.

4. Meta l-korporazzjoni tiġi xolta jew illikwidata jew fejn l-iskop preċedenti tagħha ma jibqax japplika, l-assi tal-korporazzjoni li jeċċedu l-ishma kapitali mħallsa mill-membri u l-valur ġust tas-suq tal-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji tagħhom jistgħu jintużaw biss għal skopijiet ta’ privileġġi fiskali (il-prinċipju ta’ dedikazzjoni tal-assi). Dan ir-rekwiżit għandu jkun issodisfatt ukoll jekk l-assi għandhom jiġu assenjati lil korporazzjoni fiskalment privileġġata oħra jew lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku għal skopijiet ta’ privileġġ fiskali.

5. Bla ħsara għat-Taqsima 62, il-korporazzjoni għandha fil-prinċipju tuża l-fondi tagħha fil-pront għall-għanijiet ta’ privileġġi fiskali stabbiliti fl-istatuti tagħha. L-użu ta’ fondi għall-akkwist jew il-ħolqien ta’ assi li jservu l-iskopijiet stabbiliti fl-istatuti għandu jikkostitwixxi wkoll użu xieraq. Il-fondi għandhom jiġu meqjusa li ntużaw fil-pront meta jintużaw għall-finijiet tal-privileġġi fiskali stabbiliti fl-istatuti mhux aktar tard minn sentejn kalendarji jew finanzjarji wara li l-akkumulazzjoni tagħhom.

...

Taqsima 58

Attivitajiet li ma għandhomx effett detrimentali fuq il-privileġġ fiskali

L-istatus ta’ privileġġ fiskali ma għandux jiġi eskluż fil-każ li

...

8. korporazzjoni torganizza avvenimenti soċjali li huma ta’ sinifikanza sekondarja meta mqabbla mal-attivitajiet fiskali privileġġati tagħha,

9. assoċjazzjoni sportiva tippromwovi attivitajiet sportivi mħallsa minbarra dawk mhux imħallsa.

...

Taqsima 59

Prekondizzjonijiet għal privileġġi fiskali

Il-privileġġi fiskali għandhom jingħataw jekk ikun iddikjarat fl-istatuti, l-att ta’ fondazzjoni jew statuti ta’ assoċjazzjoni oħra (statuti għall-finijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet) li jiddeskrivu l-għan li l-korporazzjoni ssegwi li dan l-għan jissodisfa r-rekwiżiti tat-Taqsimiet 52 sa 55 u li tiġi segwita esklużivament u direttament; l-attività ta’ ġestjoni attwali għandha tikkonforma ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-istatut.

Taqsima 60

Rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfatti mill-istatuti

(1) L-għanijiet stabbiliti fl-istatuti u l-mezzi li bihom dawn għandhom jinkisbu għandhom ikunu ddefiniti preċiżament b’tali mod li jkun jista’ jiġi aċċertat fuq il-bażi tal-istatuti jekk il-prekondizzjonijiet għall-privileġġi fiskali jkunux ġew issodisfatti. L-istatuti għandhom jinkludu l-kriterji msemmija fl-Anness 1.

(2) L-istatuti għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti preskritti, fir-rigward tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet u t-taxxa fuq il-kummerċ, matul il-perijodu kollu ta’ evalwazzjoni, u, fir-rigward ta’ taxxi oħra, fiż-żmien li tinħoloq l-obbligazzjoni fiskali.

Taqsima 61

Allokazzjoni ta’ assi fl-istatuti

(1) Għandha titqies li teżisti allokazzjoni suffiċjenti ta’ assi għal finijiet fiskali (Taqsima 55 (1) numru 4) jekk il-fini li għalih l-assi jkunu sejrin jintużaw jekk il-kumpannija tiġi xolta jew illikwidata jew jekk l-iskop preċedenti tagħha ma jibqax japplika, hija ddefinita preċiżament fl-istatuti sabiex jista’ jiġi aċċertat fuq il-bażi tal-istatuti dwar jekk tali skop huwiex fiskalment ipprivileġġat.

(2) (imħassar)

(3) Jekk id-dispożizzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ assi tiġi sussegwentement emendata sabiex ma tibqax konformi mar-rekwiżiti tat-Taqsima 55 (1) numru 4 għandha titqies mill-bidu nett li ma kinitx suffiċjenti għal finijiet fiskali. It-Taqsima 175 (1), l-ewwel sentenza, numru 2 għandha tapplika mad-dispożizzjoni li l-avviżi ta’ stima tat-taxxa jistgħu jiġu maħruġa, ikkanċellati jew emendati sakemm ikunu relatati ma’ taxxi li jkunu rriżultaw matul l-għaxar snin kalendarji li jippreċedu l-emenda tad-dispożizzjoni dwar l-allokazzjoni tal-assi.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.        Golfclub hija assoċjazzjoni rreġistrata, li ma ġietx irrikonoxxuta bħala tal-karità fis-sens tat-Taqsima 51 et seq. tal-AO fis-sena inkwistjoni (2011). Skont l-artikoli tal-assoċjazzjoni tagħha, l-iskop tagħha huwa li trawwem u tippromwovi l-isport tal-golf. Għal dan il-għan, hija tamministra korsa tal-golf u l-faċilitajiet assoċjati magħha, li hija tikri lil Golfz-Y-Betriebs-GmbH (iktar ’il quddiem “Golfplatz”). Skont l-Artikolu 13(3) tal-istatuti tal-assoċjazzjoni, fil-każ ta’ xoljiment volontarju jew sfurzat, l-assi tagħha jiġu ttrasferiti lil persuna jew istituzzjoni maħtura mil-laqgħa ġenerali.

8.        Fit-25 ta’ Jannar 2011, Golfplatz ġiet akkwistata minn Golfclub għal EUR 380 000. Sabiex tiffinanzja din l-operazzjoni, Golfclub ikkuntrattat self mingħand il-membri tagħha b’rata tal-imgħax annwali ta’ 4 % u mħallsa lura b’rata ta’ 5 % fis-sena.

9.        Matul l-istess sena, Golfclub ġabret dħul li jammonta għat-total ta’ EUR 78 615.02 mill-attivitajiet segwenti:

(i) l-użu tal-korsa tal-golf;

(ii) il-kiri ta’ blalen tal-golf;

(iii) il-kiri ta’ caddies;

(iv) il-bejgħ ta’ stikek tal-golf;

(v) l-organizzazzjoni u ż-żamma ta’ tornej tal-golf u avvenimenti li għalihom Golfclub irċeviet miżati ta’ dħul għall-parteċipazzjoni.

10.      L-Uffiċċju tat-Taxxa jirrifjuta li jeżenta dawn l-attivitajiet mill-VAT għar-raġuni li skont it-Taqsima 4 (22) tal-UStG, huma biss il-miżati ta’ parteċipazzjoni li huma eżenti u li, anki għall-organizzazzjoni u ż-żamma ta’ tornej tal-golf, din l-eżenzjoni ma tistax tiġi applikata, peress li Golfclub ma tistax tikkwalifika bħala organizzazzjoni tal-karità fis-sens tat-Taqsima 51 et seq. tal-AO. Fil-fatt, l-artikoli tal-assoċjazzjoni tagħha ma kinux jipprovdu regoli preċiżi biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni statutorja tal-assi tagħha fil-każ ta’ xoljiment, u l-akkwist ta’ Golfplatz juri li hi ma ssegwix esklużivament għan ta’ mingħajr skop ta’ qligħ.

11.      Id-deċiżjoni adottata mill-Uffiċċju tat-Taxxa fir-rigward ta’ Golfclub ġiet annullata mill-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja) peress li Golfclub hija organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 u li din id-dispożizzjoni, li għandha effett dirett, teħtieġ li l-Istati Membri jeżentaw l-attivitajiet kollha marbuta mill-qrib mal-prattika ta’ sport minn organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt.

III. Il-fatti u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari

12.      L-Uffiċċju tat-Taxxa ppreżenta rikors għal appell kontra s-sentenza tal-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi, München) quddiem il-Qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tqis li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi, minn naħa waħda, fuq jekk l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 għandux effett dirett u, għaldaqstant, li l-organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt jistgħu jinvokaw direttament din id-dispożizzjoni fil-każ ta’ traspożizzjoni mhux korretta tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, il-kawża tiddependi fuq it-tifsira tal-kunċett ta’ “organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt” użat minn dik l-istess dispożizzjoni.

13.      Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, il-qorti nazzjonali tispjega li għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 132(1)(m) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (“Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill”) għandux effett dirett peress li, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C-592/15, EU:C:2017:117, punti 23 u 24), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill ma għandux effett dirett. Tabilħaqq, sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, il-Qorti bbażat b’mod partikolari fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni kienet tirreferi, bħalma jagħmel l-Artikolu 132(1)(m), għal “ċertu servizzi” u, għalhekk, tat diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jiddeċiedu liema benefiċċji jeżentaw. Dan wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonkludi li din id-dispożizzjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu li tkun direttament effettiva quddiem il-qrati nazzjonali.

14.      Fir-rigward it-tieni kwistjoni, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “[organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt]” użat fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, jekk dan ikun il-każ, jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat bħala li jeżiġi, sabiex organizzazzjoni tkun tista’ tiġi kkwalifikata hekk, li l-artikoli tal-assoċjazzjoni tagħha jindikaw li f’każ ta’ trasferiment lejn organizzazzjoni oħra, din tal-aħħar għandha wkoll issegwi għan ta’ mingħajr skop ta’ qligħ.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1. L-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), li jgħid li “[l]-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt [organi mingħajr skop ta’ lukru] lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl- edukazzjoni fiżika”, għandu effett dirett, sabiex fl-assenza ta’ traspożizzjoni organi mingħajr skop ta’ lukru jkunu jistgħu jinvokawh direttament?

2. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: “organu mingħajr skop ta’ lukru” fis-sens tal-Artikolu 132(1) (m) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud jirreferi

–        għal kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni jew

–        l-Istati Membri għandhom id-dritt jissuġġettaw l-eżistenza ta’ tali organu għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 52, flimkien mal-Artikolu 55, tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa) (jew l-Artikoli 51 et seq. tal-Kodiċi tat-Taxxa fl-intier tagħhom)?

3. Fil-każ ta’ kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni: organu mingħajr skop ta’ lukru fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is- sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud huwa meħtieġ li jadotta dispożizzjonijiet li jobbligawh, fil-każ ta’ xoljiment, jittrasferixxi l-assi disponibbli għalih lil organu ieħor mingħajr skop ta’ lukru li jippromwovi l-isport u l-edukazzjoni fiżika?”

IV.    Analiżi

16.      Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet għall-ewwel domanda.

17.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 għandux effett dirett u, għaldaqstant, jistax jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali minn individwi.

18.      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li dispożizzjoni tista’ tiġi invokata quddiem il-qrati nazzjonali minn individwi kontra Stat Membru, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar ikun naqas milli jimplimenta d-direttiva fid-dritt nazzjonali sa tmiem il-perijodu stabbilit jew meta dan ikun naqas milli jimplimenta din id-direttiva b’mod korrett, jekk din id-dispożizzjoni tkun inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża (2).

19.      Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija kkunsidrata bħala inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni, jew suġġett, fl-implimentazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għat-teħid ta’ xi miżura mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri (3). Sabiex titqies li hija suffiċjentement preċiża, dispożizzjoni għandha tiddeskrivi l-obbligu stabbilit minnha b’mod inekwivoku u inkundizzjonali (4).

20.      Fil-każ tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112, il-ġurisprudenza eżistenti diġà tipprovdi gwida dwar kif għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

A.      Analiżi fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Il-ġurisprudenza bikrija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 ‐ bħas-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club u Canterbury Ladies Hockey Club (C-253/07, EU:C:2008:571), tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95), u s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, The Bridport and West Dorset Golf Club (C-495/12, EU:C:2013:861) ‐ mal-ewwel daqqa ta’ għajn jagħtu l-impressjoni li l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw kwalunkwe servizz marbut mill-qrib mal-prattika tal-isport ipprovdut minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt. Madankollu, jien inqis li analiżi iktar dettaljata ta’ dawn is-sentenzi turi li dan ma huwiex il-każ.

22.      Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club u Canterbury Ladies Hockey Club (C-253/07, EU:C:2008:571, punt 27), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva m’huwiex intiż li jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ċerti tipi ta’ sport biss, iżda jkopri l-prattika tal-isport b’mod ġenerali [...]”. F’dan il-każ, il-kwistjoni ċentrali kienet dwar jekk il-miżati ta’ affiljazzjoni mħallsa mill-klabbs tal-hockey lil England Hockey bħala korrispettiv għas-servizzi pprovduti minn din l-organizzazzjoni kinux suġġetti għall-VAT.

23.      Fir-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel iddeċidiet li l-provvista ta’ servizzi għall-finijiet ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2016/112 tkopri servizzi pprovduti, minn perspettiva formali, mhux lil persuni fiżiċi biss, iżda wkoll lil kumpanniji u lil assoċjazzjonijiet mhux fil-forma ta’ kumpnannija, dment li, b’mod partikolari, il-benefiċċjarji veri tagħhom huma persuni li jipparteċipaw fl-isport. Kieku kien mod ieħor, ikun ifisser li “l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkun tiddependi mill-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika bejn min jipprovdi s-servizzi u l-persuni li jieħdu parti fl-isport fi ħdan din l-istruttura.” Tali konklużjoni kieku tmur kontra l-għan kollu ta’ din l-eżenzjoni.

24.      Il-Qorti mbagħad kompliet biex tindirizza t-tieni domanda, jiġifieri, jekk l-Istati Membri humiex intitolati li jillimitaw l-iskema ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2016/112 biss għal servizzi pprovduti lil individwi li jkunu qegħdin jieħdu parti fl-isport. Fil-punt 39, hi ddeċidiet li din id-Direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri “jeskludu xi grupp ta’ destinatarji ta’ dawn is-servizzi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni inkwistjoni”, peress li l-Istati Membri ma kellhomx tali diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

25.      B’mod simili, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 21, li l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2016/112 “ma [huwiex intiż li jagħti] l-benefiċċju previst [fih] lil ċerti tipi ta’ sport biss”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, fil-punt 25, li “attivitajiet sportivi mhux organizzati, li ma humiex sistematiċi u li ma għandhomx bħala għan il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet sportivi, jistgħu jiġu kklassifikati bħala prattika tal-isport fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni” (5). Fi kwalunkwe każ, il-lingwa permissiva (“jistgħu’”) użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-paragrafu fiha nnifisha tissuġġerixxi li l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali f’din il-kwistjoni. Kieku d-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet meqjusa waħda mingħajr kundizzjonijiet, wieħed seta’ jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tgħid hekk billi tuża kliem imperattiv bħal “għandu”.

26.      F’dan l-istadju jista’ jiġi kkonċedut li f’dawn iż-żewġ kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li aġixxiet fuq is-suppożizzjoni taċita li l-Artikolu 132(1)(m) kien direttament effettiv. Madanakollu, għandu jiġi osservat ukoll li l-kwistjoni tal-effett dirett ma kinitx espliċitament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li l-Qorti tal-Ġustizzja f’kull każ ma kinitx obbligata li tindirizza dan il-punt.

27.      Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula fil-kawżi Canterbury Hockey Club u Canterbury Ladies Hockey Club (C-253/07, EU:C:2008:571) u Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95) la kienu jikkonċernaw espressament l-eżistenza ta’ ċerta diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema huma s-servizzi eżentati u lanqas in-natura inkundizzjonata tal-Artikolu 132(1)(m), jien inqis li ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni minn dawn is-sentenzi għal fini li tikkonċerna l-kwistjoni attwali tal-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa tiegħi, naħseb li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jinftiehmu bħala li ma jeskludux fuq bażi ex ante ċerti attivitajiet sportivi mill-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement minħabba li ma kinux jissodisfaw il-kriterju partikolari li kien inkwistjoni f’kull wieħed minn dawn il-każijiet rispettivi.

28.      Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2013, The Bridport and West Dorset Golf Club (C-495/12, EU:C:2013:861, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’risposta għall-ewwel ħames domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li “l-Artikolu 134(b) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jeskludix mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti, minn organu mingħajr skop ta’ lukru li jamministra korsa tal-golf u li jipproponi sistema ta’ sħubija, tad-dritt li wieħed jagħmel użu minn din il-korsa tal-golf lill-viżitaturi li ma humiex membri ta’ dan l-organu.” Pero id-dispożizzjoni inkwistjoni fi Bridport u West Dorset Golf Club ma kinitx l-Artikolu 132(1)(m), iżda l-Artikolu 134(b) tad-Direttiva 2006/112 (6). Peress li l-Artikolu 134(b) jillimita l-Istati Membri milli jeżentaw abbażi tal-Artikolu 132(1)(m) ċerti provvisti ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-edukazzjoni sportiva jew fiżika, il-qorti tal-Ġustizzja impliċitament iżda neċessarjament ibbażat ir-raġunament tagħha fuq il-premessa lil-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti.

29.      Għaldaqstant, għal darba oħra, ma jistax jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja effettivament indirizzat il-kwistjoni pjuttost separata dwar jekk l-Artikolu 132(1)(m) kienx direttament effettiv huwa stess. Għaldaqstant, minn dan isegwi li ma tista’ tiġi dedotta l-ebda konklużjoni lanqas minn din is-sentenza, tal-inqas inkonnessjoni mal-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża.

30.      Fi kwalunkwe każ, din l-analiżi tal-ġurisprudenza preċedenti issa ma tantx hija importanti peress li, minn dakinhar, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament adottat pożizzjoni f’mill-inqas żewġ sentenzi, jiġifieri s-sentenzi tal-13 ta’ Lulju 2017, London Borough of Ealing (C-633/15, EU:C:2017:544), u tal-15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C-592/15, EU:C:2017:117), li minnhom jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 132(1)(m) iħalli diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-limitu tas-setgħa tagħhom li jeżentaw ċerti servizzi marbuta mill-qrib mal-isport. L-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali fiha nnifisha tfisser li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(m) ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura inkundizzjonata. Peress li r-rekwiżit ta’ inkundizzjonalità huwa prerekwiżit għall-applikazzjoni tad-duttrina tal-effett dirett, minn dan isegwi li l-Artikolu 132(1)(m) ma jistax jitqies bħala direttament effettiv. Dan il-punt jista’ jiġi spjegat permezz ta’ kunsiderazzjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

31.      L-ewwel nett, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C-592/15, EU:C:2017:117), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13a(1)(n) tas-Sitt Direttiva — li ġie ssostitwit bid-dispożizzjonijiet identiċi tal-Artikolu 132(1)(n) tad-Direttiva 2006/112 ‐ “għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux effett dirett, b’tali mod li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata direttament minn korp tad-dritt pubbliku jew minn korp kulturali ieħor”.

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat partikolarment li l-espressjoni “ċertu servizzi kulturali”, użata f’dik id-dispożizzjoni, “ma [t]eħtieġx l-eżenzjoni tal-provvisti kollha ta’ servizzi kulturali, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw ‘ċertu’ servizzi filwaqt li jissuġġettaw lil oħrajn għall-VAT” (7). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ din il-fehma peress li, l-ewwel, “tali interpretazzjoni ma tikkorrispondix għas-sens abitwali tal-kelma “ċertu” użata fl-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva u ċċaħħad l-effett utli tal-użu ta’ din il-kelma f’din id-dispożizzjoni” (8). It-tieni, fir-rigward tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, il-leġiżlatura tal-Unjoni rrifjutat espressament il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, sabiex tispeċifika, b’mod armonizzat, is-servizzi kkonċernati (9). It-tielet, id-deċiżjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni li tħalli lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali biex jiddeterminaw liema servizzi għandhom ikunu eżentati tista’ tiġi spjegata bid-diversità kbira ta’ tradizzjonijiet kulturali u patrimonju kulturali reġjonali fi ħdan l-Unjoni, u ġieli fi ħdan l-istess Stat Membru (10).

33.      Madankollu, b’mod kritiku, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-eżistenza tad-diskrezzjoni li jiġu eżentati “ċerti” servizzi kulturali kienet tfisser li din id-dispożizzjoni ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tad-duttrina tal-effett dirett (11).

34.      It-tieni nett, fis-sentenza tagħha tal-13 ta’ Lulju 2017, London Borough of Ealing (C-633/15, EU:C:2017:544, punt 19), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li r-rekwiżit li l-Istati Membri jissuġġettaw [għall-VAT] il-provvisti kollha ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2016/112 kien direttament effettiv abbażi tal-fatt li dan “imur kontra l-kliem ta’ dan l-Artikolu 132(1)(m) [...] li jsemmi “ċerti” provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika”.

35.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha huma perfettament applikabbli fil-każ tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 peress li din id-dispożizzjoni tirreferi wkoll għas-setgħa li jiġu eżentati “ċerti” servizzi strettament marbuta mal-isport jew mal-edukazzjoni fiżika. Il-fatt li l-Istati Membri jingħataw diskrezzjoni fil-kwistjoni huwa inkonsistenti mar-rekwiżit ta’ inkundizzjonalità, li huwa nnifsu huwa prerekwiżit għall-applikazzjoni tad-duttrina tal-effett dirett. Għaldaqstant, jien inqis li, fid-dawl tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kemm fis-sentenza British Film Institute (C-592/15, EU:C:2017:117),kif ukoll fis-sentenza London Borough of Ealing (C-633/15, EU:C:2017:544), l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala preċiż u inkundizzjonat biżżejjed sabiex ikollu effett dirett.

B.      Analiżi fid-dawl tal-metodi ta’ interpretazzjoni komunement aċċettati

36.      Kwalunkwe analiżi tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2016/112 fid-dawl tal-metodi ta’ interpretazzjoni tradizzjonalment użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-formulazzjoni, tal-kuntest u tal-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni, twassal ukoll għall-istess konklużjoni.

1.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(m)

37.      L-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT “il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika”.

38.      Peress li din il-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw ċerti servizzi ‐ u mhux, jiġi nnotat, is-servizzi kollha — marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport, huwa ċar li l-Istati Membri jgawdu ċerta diskrezzjoni fil-kwistjoni. Huma jistgħu jiddeterminaw liema mis-servizzi relatati mal-prattika tal-isport jew l-edukazzjoni fiżika, ipprovduti minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt, jixtiequ jeżentaw.

39.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi isostni, madankollu, li t-terminu “ċerti” għandu jinftiehem mhux fis-sens ta’ “ftit iżda mhux kollha”, iżda minflok bħala enfasi li din l-eżenzjoni tapplika biss għal servizzi marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport ipprovduta minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt.

40.      Jien insib li ma nistax naċċetta dan l-argument. Hawnhekk, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-fatt li t-termini użati biex jispeċifikaw l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2016/112 jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq is-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli, dawn it-termini għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod strett.

41.      Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati fid-definizzjoni tal-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti intiżi tagħhom (12). Madanakollu jimplika li, meta l-formulazzjoni ta’ eżenzjoni - bħal dik ipprovduta fl-Artikolu 132(1)(m) tas-Direttiva 2006/112 - hija ċara, għandha tipprevali l-interpretazzjoni litterali tagħha.

42.      Hawnhekk, sabiex l-argument tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ikun sostenibbli, naħseb li kien ikun meħtieġ li t-tmiem tas-sentenza jiġi strutturat b’mod differenti u, b’mod partikolari, li t-termini “pprovduti minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt” ikunu ssemmew separatament. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li din id-dispożizzjoni jkollha l-interpretazzjoni mitluba mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, din kienet tista’, pereżempju, tipprovdi dan li ġej: “ċerti servizzi marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew l-edukazzjoni fiżika, jiġifieri dawk ipprovduti minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ lil persuni li jipprattikaw l-isport jew l-edukazzjoni fiżika” huma eżentati (13).

43.      Għaldaqstant, fid-dawl tar-regola ta’ interpretazzjoni li għadha kemm issemmiet, l-argument tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jipprevali.

44.      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tagħhom (14). Kwalunkwe analiżi tal-objettivi segwiti mill-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2011/112, u tal-kuntest tagħha twassal ukoll għall-istess konklużjoni.

2.      L-objettivi li jridu jintlaħqu mill-Artikolu 132(1)(m)

45.      Huwa minnu li l-premessi tad-Direttiva 2006/112 ftit li xejn joffru gwida dwar l-objettivi segwiti mill-Artikolu 132(1)(m). (15) Peress li din id-dispożizzjoni teżenta ċerti servizzi marbuta mal-isport, jista’, madankollu, jiġi preżunt li din l-eżenzjoni hija intiża li tinkoraġixxi attivitajiet tal-isport mill-pubbliku ġenerali, b’mod partikolari billi din tikkontribwixxi għall-objettivi tas-saħħa pubblika (16).

46.      Tali għan ma jimplikax, madankollu, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jeżenta s-servizzi kollha marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport provvduta minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ sport jirreferi għal attività kkaratterizzata minn “komponent fiżiku mhux negliġibbli” (17). Madankollu, mhux l-attivitajiet fiżiċi kollha jikkontribwixxu għall-għan tal-interess pubbliku ġenerali taż-żamma tal-kundizzjoni fiżika tal-popolazzjoni bl-istess mod. Bl-istess mod, mhux is-servizzi kollha marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew l-edukazzjoni fiżika x’aktarx li jservu dan l-obbjettiv. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan l-obbjettiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jikkunsidra, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(1) TUE, li l-Istati Membri kienu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu liema servizzi li għandhom rabta mill-qrib mal-isport għandhom jiġu eżentati permezz tal-leġiżlazzjoni trasposta tagħhom stess.

47.      Diversi kunsiderazzjonijiet setgħu wasslu lil-leġiżlatur tal-Unjoni għal dik il-konklużjoni.

48.      L-ewwel nett, bħal fil-każ tas-servizzi kulturali, hemm diversità kbira kemm ta’ prattiki sportivi kif ukoll ta’ attitudnijiet lejn sports differenti fost l-Istati Membri. Is-sarar mat-toru huwa, pereżempju, meqjus minn xi wħud bħala wieħed mill-glorji kbar ta’ Spanja, iżda dan l-isport huwa sempliċement ittollerat f’xi Stati Membri (18) u mħares b’mod negattiv f’oħrajn. Kumbattiment u kuntatt sportiv jippreżentaw il-kwistjonijiet tagħhom kemm f’termini ta’ sikurezza kif ukoll ta’ benesseri fiżiku tal-parteċipanti. L-istess jista’ jingħad għal ċertu sport estrem. Għal darba oħra, jista’ jitqies li ċertu sport ieħor iqajjem kwistjonijiet relatati mal-benesseri tal-annimali li dwarhom jista’ jkun hemm diversità ta’ fehmiet fi Stati Membri differenti. Kunsiderazzjoni oħra hija li filwaqt li xi sports huma integrati sew fil-ħajja kulturali u sportiva ta’ Stati Membri partikolari — wieħed jaħseb hawnhekk fuq is-sarar mat-toru fi Spanja, pétanque fi Franza, krikit fir-Renju Unit u l-futbol Ċeltiku u hurling fl-Irlanda — dan l-isport huwa wkoll fil-biċċa l-kbira mhux magħruf u huwa rari li jintlagħab fi ħdan l-Unjoni barra mill-Istat Membru rilevanti inkwistjoni.

49.       Dan kollu jfisser li l-Istati Membri jista’ jkollhom fehmiet distintivi tagħhom dwar l-utilità ta’ dawn l-isport u sa liema punt il-parteċipazzjoni pubblika fl-isport partikolari għandha tiġi mħeġġa jew appoġġata finanzjarjament.

50.      It-tieni, fir-rigward ta’ sport partikolari, il-kwistjoni dwar jekk ċerti servizzi relatati mill-qrib ma’ dak l-isport għandhomx jiġu eżentati tista’ tkun waħda kumplessa. Pereżempju, it-tbaħħir jista’ jitqies bħala sport f’kuntest ta’ tiġrija, iżda meta pprattikat b’mod differenti, jista’ jkun ikkunsidrat sempliċement bħala attività ta’ divertiment jew saħansitra jammonta għal mezz ta’ trasport. Bl-istess mod, minkejja li t-trekking tal-ponijiet jew rikbiet iggwidati taż-żiemel huma parti mill-ekwitazzjoni — kif inhu, pereżempju, xi kultant propost lit-tfal matul il-vaganzi — dan jista’ ma jkunx biżżejjed biex dawn is-servizzi jiġu kkunsidrati bħala relatati mal-parteċipazzjoni fi sport, kif meħtieġ mill-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112. F’xi ċirkostanzi u taħt xi kundizzjonijiet, dan jista’ jitqies sempliċement bħala attività ta’ divertiment u mhux bħala sport.

51.      It-tielet nett, l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112x’aktarx li jkollha riperkussjonijiet ekonomiċi sinifikattivi fuq is-servizzi tal-isport ta’ kull suq nazzjonali, peress li l-eżenzjoni tista’ tingħata biss lil organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt (19). Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jagħti ċerta setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri li jiddeċiedu liema servizzi għandhom jiġu eżentati, seta’ ried iqis li l-Istati Membri huma f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu dwar l-impatt li dawn l-eżenzjonijiet ikollhom fuq il-kompetizzjoni lokali.

52.      Isegwi, għalhekk, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jkun li ħass li huwa xieraq li jiddeferixxi għall-ġudizzju tal-Istati Membri f’dawn il-kwistjonijiet, fat li jista’ jkun li jispjega għaliex din id-dispożizzjoni ma imponietx obbligu inkundizzjonat fuq l-Istati Membri biex jeżentaw l-attivitajiet sportivi kollha.

3.      Kuntest li fih jintuża l-Artikolu 132(1)(m)

53.      Il-kuntest li fih jintuża l-Artikolu 132(1)(m) jista’ wkoll jitqies li jħalli ftit lok għal dubju dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 132(1)(m). Ħafna mill-eżenzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 132 japplikaw mhux biss fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet iżda wkoll, għall-kuntrarju tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135, għal attivitajiet imwettqa minn ċerti kategoriji ta’ fornituri (20). Jekk, għalhekk, l-Artikolu 132(1)(m) kellu t-tifsira li sostna għaliha l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu juża t-terminu “ċertu” f’kull waħda minn dawn l-eżenzjonijiet. Madankollu, dan it-terminu jintuża biss fir-rigward ta’ tnejn minn dawn l-eżenzjonijiet, jiġifieri l-Artikolu 132(1)(n), dwar il-provvista ta’ servizzi kulturali, u l-Artikolu 132(1)(m).

54.      Isegwi li kemm il-formulazzjoni kif ukoll il-kuntest li fih ġie adottat l-Artikolu 132(1)(m) juru li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tagħti lill-Istati Membri ċerta diskrezzjoni biex jiddeterminaw, fost is-servizzi relatati mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika pprovduti minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt, dawk li jixtiequ jeżentaw.

C.      L-impatt tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(m)

55.      L-eżistenza ta’ ċerta setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri ma tixxejjinx mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, xi drabi msejjaħ fil-kuntest tal-VAT, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (21).

56.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat fuq bażi partikolari (22).

57.      Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura paragunabbli ta’ diversi sitwazzjonijiet, li hija meħtieġa sabiex trattament differenti jaqa’ taħt l-ambitu tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, kif ukoll tal-prinċipji u tal-objettivi tal-qasam li l-att inkwistjoni jirrigwarda (23). Il-limitu tal-kompetenzi tal-persuna kkonċernata għandu wkoll jiġi kkunsidrat meta jkun qiegħed jiġi applikat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (24).

58.      Konsegwentement, meta dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni tħalli ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha, huwa biss jekk l-objettiv imfittex minn din id-dispożizzjoni jeżiġi li ċerti prodotti jew servizzi jiġu ttrattati bl-istess mod, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ jillimita d-diskrezzjoni ta’ dawn l-Istati Membri (25). Fin-nuqqas ta’ dan, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi sostnut li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, kuntrarjament għall-formulazzjoni tagħha, bħala li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lil dawn l-Istati Membri. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, ikun ifisser li l-limitu ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni miksuba minn kwalunkwe att tad-dritt tal-Unjoni ikun dejjem komplut.

59.      Peress li l-objettiv tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 ma jeħtieġx li s-servizzi kollha marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika jiġu kkunsidrati bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jeħtieġx li dawn is-servizzi kollha jiġu ttrattati b’mod identiku. Huwa biss meta Stat Membru jkun eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu mogħtija lilu mid-Direttiva, li jkun jista’ jiġi argumentat li, fid-dawl tal-objettivi segwiti minn dan l-Istat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa diskrezzjonali, li l-mod kif dan l-eżerċizzju kien effettivament eżerċitat jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (26).

60.      Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, b’kont meħud tal-objettivi segwiti mil-leġiżlatur Ġermaniż meta huwa eżerċitat s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112, huwa osservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi naqas milli jeżenta l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

D.      Dipendenza eċċezzjonali fuq l-Artikolu 132(1)(m)

61.      Kif tindika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dispożizzjoni tagħti ċerta diskrezzjoni lill-Istati Membri, persuna tista’ xorta waħda f’xi ċirkostanzi speċjali toqgħod fuq dik id-dispożizzjoni sabiex tinvoka d-duttrina tal-effett dirett (27). Madankollu, hu jista’ jagħmel dan biss sa fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun qabeż id-diskrezzjoni tiegħu (28) jew jekk ikun espressament irrinunzja għal kull intenzjoni li jeżerċita d-diskrezzjoni mogħtija lilu (29).

62.      Fil-każ tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112, dik id-diskrezzjoni tkun inqabżet, pereżempju, jekk Stat Membru jirrifjuta li jeżenta servizz għal raġuni li ma tkunx permessa, bħal meta s-servizz ma jkunx fornut minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt lil persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika jew fejn il-benefiċjarji tas-servizz ma jkunux membri ta’ organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt (30), jew fejn il-fornitur ta’ dak is-servizz, minkejja tkun organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt, ma jkunx korp tad-dritt pubbliku, (31) jew fejn is-servizz ikun fornut lil kumpannija u mhux persuna fiżika, (32) jew, kif spjegat qabel, fid-dawl tal-objettivi segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika din id-diskrezzjoni, dik ir-raġuni tkun kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

63.      F’dan il-każ, l-awtoritajiet tat-taxxa rrifjutaw li jeżentaw is-servizzi inkwistjoni ‐ bl-eċċezzjoni tal-organizzazzjoni ta’ tornej tal-golf — għar-raġuni li dawn ma humiex fost dawk li l-Ġermanja għażlet li teżenta. Din ir-raġuni partikolari fiha nnifisha ma tistax titqies li tmur lil hinn mill-ambitu tad-diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 132(1)(m) lill-Istati Membri għaliex, kif diġà ppruvajt nispjega, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, intitolati li jiddeċiedu liema huma s-servizzi partikolari marbuta mill-qrib mal-isport jew l-edukazzjoni fiżika li jagħżlu li jeżentaw. Għaldaqstant, Golfclub, ma tistax toqgħod fuq dik id-dispożizzjoni, sakemm, bħal ma ġie spjegat preċedentement, ikun jidher, fid-dawl tal-objettivi segwiti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha, li dawk is-servizzi kellhom jiġu kkunsidrati fl-istess sitwazzjoni bħal dawk is-servizzi sportivi li fil-fatt ġew eżentati mid-dritt Ġermaniż. Dan, madankollu, huwa fatt li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

64.      Hawnhekk nosserva ukoll li din il-kwistjoni partikolari ma ġietx ippreżentata direttament quddiemna u l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha tali informazzjoni li tippermettilha tagħti indikazzjonijiet utli lill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward.

65.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat bħala li ma għandux effett dirett, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata direttament quddiem il-qrati nazzjonali minn individwi, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx eċċeda l-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu minn din id-dispożizzjoni (33).

V.      Konklużjoni

66.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domandi preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (it-Tribunal Federali tal-Finanzi) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxi fuq il-valur miżjud, li jeżenta “il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sportu edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fledukazzjoni fiżika”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux effett dirett, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata direttament quddiem il-qrati nazzjonali minn individwi, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx eċċeda l-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu minn din id-dispożizzjoni tad-direttiva.


1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, EU:C:2012:33), punt 33; tat-12 ta’ Diċembru 2013, Portgás (C-425/12, EU:C:2013:829), punt 18; tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C-176/12, EU:C:2014:2, punt 31); tal-15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi (C-337/13, EU:C:2014:328), punt 31, u tas-7 ta’ Lulju 2016, Ambisig (C-46/15, EU:C:2016:530), punt 16.


3      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi (C-337/13, EU:C:2014:328), punt 32, tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496), punt 49, tat-13 ta’ Frar 2019, Human Operator (C-434/17, EU:C:2019:112), punt 38.


4      Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 46), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Pohl-Boskamp (C-317/05, EU:C:2006:684, punt 41).


5 Enfasi miżjuda.


6      Dan jgħodd ukoll għas-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, EU:C:2006:22), punt 36 li kienet tikonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(B)(b) u (C) tas-Sitt Direttiva u mhux l-Artikolu 13(A)(1)(m) ta’ din id-direttiva.


7      Punt 23 tas-sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C-592/15, EU:C:2017:117).


8      Punt 16 ta’ din is-sentenza.


9      Punti 19 sa 21 ta’ din is-sentenza.


10      Punt 22 ta’ din is-sentenza.


11      Punti 23 u 24.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe (C-284/03, EU:C:2004:730, punt 17), u tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95, punt 19).


13      Barra minn hekk, ix-xogħol preparatorju juri li l-użu tal-kelma “ċerti” jirriżulta mill-intenzjoni espressa tal-leġiżlatur li jagħti ċerta setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri. Fil-fatt, fil-proposta tagħha għal Sitt Direttiva, il-Kummissjoni inizjalment ipproponiet li l-Istati Membri għandhom jeżentaw “il-provvista ta’ servizzi, u provvisti ta’ oġġetti inċidentali għalihom, minn organizzazzjonijiet sportivi jew ta’ taħriġ fiżiku li ma jagħmlux profitt lill-membri tagħhom; din l-eżenzjoni għandha tapplika biss għal operazzjonijiet direttament marbuta mat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ sport u taħriġ fiżiku minn dilettanti”. Madankollu, din il-proposta ġiet miċħuda b’mod ċar mill-Kunsill li ssostitwixxa t-test li jikkorrispondi mal-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 132(1)(m). Aktar tard, meta l-Kummissjoni ssuġġerixxiet lill-Kunsill fil-5 ta’ Diċembru 1984 li jħassar il-kelma “ċerti”, il-Kunsill reġa’ ċaħad din il-proposta, u ħalla l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif kienet fil-verżjoni oriġinali tas-17 ta’ Mejju 1977.


14      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-10 ta’ Lulju 2019, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C-649/17, EU:C:2019:576), punt 47.


15      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, “il-prinċipju taċ-ċertezza legali u taċ-ċarezza jirrikjedi li l-interpretazzjoni li l-Qorti tintalab tagħti għandha tkun ibbażata fuq il-kliem u l-obbjettivi apparenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti”. Ara s-sentenza tas-5 ta’ Mejju 1988, Erzeugergemeinschaft Gutshof-Ei (91/87, EU:C:1988:235), punt 8.


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95), punt 23, tad-19 ta’ Diċembru 2013, The Bridport and West Dorset Golf Club (C-495/12, EU:C:2013:861), punt 20 u tat-26 ta’ Ottubru 2017, The English Bridge Union (C-90/16, EU:C:2017:814), punt 23. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha f’Žamberk, il-Qorti tal-Prim’ Istanza ċaħdet l-argument li l-eżenzjoni ma kinitx tapplika għal “attivitajiet sportivi mhux organizzati u mhux sistematiċi”, bħal, bħal f’dan il-każ, il-pixxina ta’ l-għawm f’kumpless ta’ pixxina.


17      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, The English Bridge Union, C-90/16, EU:C:2017:814), punt 22.


18      Pereżempju, skont il-liġi Franċiża, is-sarar mat-toru huwa permess biss f’żoni fejn hemm tradizzjoni lokali mhux interrotta. Ara l-Artikolu 521 -1 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż.


19      Jekk distorsjoni tal-kompetizzjoni hija inerenti fil-fatt li l-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi għal eżenzjonijiet (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Bridport u West Dorset Golf Club, C-495/12, EU:C:2013:861, punt 37), dan ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ifittex, b’mod jew b’ieħor, li jwaqqaf lill-Istati Membri milli jiddeterminaw il-portata ta’ tali distorsjonijiet meta kkonċedilhom l-marġni diskrezzjonali prevista mill-Artikolu 132(1)(m).


20      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory, (C-401/05, EU:C:2006:792), punt 28.


21      L-użu, f’dan il-kuntest, tal-espressjoni “prinċipju ta’ newtralità (fiskali)” huwa qarrieqi, peress li jista’ jiġi konfuż mal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis stabbilit mis-Sitt Direttiva sabiex itaffi lill-kummerċjant mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fuq l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu li huma stess huma suġġetti għall-VAT. F’dan ir-rigward il-ġurisprudenza mhux dejjem kienet konsistenti. Kif diġà enfasizzajt fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawża Gruup Servicii Petroliere (C-291/18, EU:C:2019:302), skont xi sentenzi, il-prinċipju ta’ newtralità jikkostitwixxi t-“traduzzjoni” tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-VAT (digriet tat-18 ta’ Novembru 2014, MDDP (C-319/12, EU:C:2014:2395, punt 38). F’xi sentenzi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidratu bħala espressjoni partikolari tal prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Efir, C-19/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:148, punt 35) li ma jikkoinċidix ma’ dan tal-aħħar (sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja C-480/10, EU:C:2013:263, punt 18). Madankollu, fis-sentenza sussegwenti tagħha tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C-390/15, EU:C:2017:174), l-Awla Manja segwiet approċċ iktar rigoruż, jekk wieħed jikkunsdira li, fit-tieni aċċettazzjoni tagħha, il-kunċett ta’ newtralità fiskali huwa ugwali għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, iżda li, għall-miżuri fiskali, għandu madankollu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni.


22      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, C-390/15, EU:C:2000:174, punt 42.


23      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine and Others (C-127/11, EU:C:2013:728), punt 26. Konsegwentement, sabiex japplika l-prinċipju ta’ trattament ugwali, ma huwiex biżżejjed li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Dawn għandhom ikunu simili fid-dawl tas-suġġett tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u tal-għan segwit minnhom, u għal dan l-għan, il-fini tal-prinċipji u l-objettivi tal-qasam inkwistjoni għandhom ukoll jiġu kkunsidrati. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, (C-390/15, EU:C:1990:174), punt 42 li tiddevja mis-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Rank Group, (C-259/10 u C-260/10, EU:C:2007:719), punt 36. Għaldaqstant, fid-dritt tal-unjoni, l-applikar tal-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa l-istess bħat-twettiq ta’ evalwazzjoni ta’ konsistenza.


24      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C-236/16, EU:C:2018:291), punt 29.


25      Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jiddeterminax l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali mħollija f’idejn l-Istati Membri, iżda jillimita l-mod li bih din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata.


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C-453/02 u C-462/02, EU:C:2005:92), punt 37, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean (C-183/14, EU:C:2015:454), punt 50.


27      Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391), punt 61.


28      Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2017, Lombard Ingatlan Lízing, (C-404/16, EU:C:2001:759,) punt 38.


29      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber and Akritidis, C-453/02 sa C-462/02, EU:C:1995:92), punt 35.


30      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, The Bridport and West Dorset Golf Club (C-495/12, EU:C:2013:861, punti 32 u 39).


31      Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, London Borough of Ealing, (C-633/15, EU:C:2001:544, punt 33).


32      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club u Canterbury Ladies Hockey Club (C-253/07, EU:C:2008:571, punt 35).


33      L-Artikolu 132(1)(m), għalkemm iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw b’mod preċiż liema servizzi għandhom jiġu eżentati, jillimita din id-diskrezzjoni billi jirrikjedi, sabiex servizz jiġi eżentat, li jkun ġie pprovdut minn organizzazzjoni li ma jagħmilx profitt. Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tieħu pożizzjoni dwar jekk Stat Membru jistax jew għandux jirrifjuta li jeżenta servizz meta dan tal-aħħar huwa pprovdut minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt li l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom ma jeskludix li, f’każ ta’ xoljiment, il-profitti jistgħu jiġu ttrasferiti lill-membri tagħha jew lil organizzazzjoni bi skop ta’ lukru.