Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2020 (1)

Kawża C-42/19

Sonaecom SGPS SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni tal-VAT – Direttiva 77/388/KEE – Kunċett ta’ persuna taxxabbli – Kumpannija holding – Kumpannija holding imħallta – Tnaqqis tat-taxxa tal-input – Spejjeż għal servizzi ta’ konsulenza u għall-ħruġ ta’ bonds korporattivi għall-kisba ta’ kumpannija oħra – Tibdil tat-tranżazzjonijiet tal-output previsti”






I.      Introduzzjoni

1.        Is-suġġett tad-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa għall-kumpanniji holding diġà ġie indirizzat diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja (2). Madankollu, dan is-suġġett għadu jippreżenta problemi fil-prattika. Dan japplika b’mod partikolari meta kumpannija holding tamministra biss ċerti ishma, iżda tipprovdi servizzi taxxabbli lil kumpanniji oħra li jaqgħu taħtha (l-hekk imsejħa kumpannija holding imħallta).

2.        F’dan il-każ, Sonaecom SGPS SA (iktar ’il quddiem “Sonaecom”) riedet takkwista ishma f’kumpannija u sussegwentement tipprovdilha servizzi taxxabbli. Bi preparazzjoni għal din l-operazzjoni, hija rrikorriet għal servizzi ta’ konsulenza u għal servizzi ta’ ħruġ ta’ bonds korporattivi. Sonaecom talbet li tibbenefika minn tnaqqis ta’ taxxa korrispondenti. Madankollu, l-awtorità tat-taxxa Portugiża rrifjutat li taċċetta din it-talba. Ir-raġuni għal dan kienet, b’mod partikolari, li Sonaecom ma setgħetx twettaq l-investimenti u, għall-kuntrarju ta’ dak previst, ipprovdiet il-kapital miksub għal dan il-għan lill-kumpannija omm bħala self eżentat mit-taxxa.

3.        B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreċiża liema huma l-effetti tat-tibdil mill-attività prevista għall-attività proprja fuq it-tnaqqis tat-taxxa tal-input.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa ddeterminat mid-Direttiva 77/388/KEE (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) (3), li sadanittant tħassret bid-Direttiva 2006/112/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) (4). Il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn iż-żewġ direttivi huwa, essenzjalment, identiku.

5.        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT), il-provvista ta’ oġġetti u servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli, li taġixxi bħala tali, hija suġġetta għall-VAT.

6.        L-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva (li sar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT) jiddefinixxi l-kunċett ta’ persuna taxxabbli:

“‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.”

7.        L-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT) jipprevedi eżenzjonijiet mit-taxxa fit-territorju tal-pajjiż:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

d)      it-transazzjonijet li ġejjin:

1.      l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih”.

8.        L-Artikolu 17(1) u (2)(a) tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva dwar il-VAT) jippreċiża l-oriġini u l-portata tad-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa:

“(1)      Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

(2)      Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra”.

B.      Id-dritt Portugiż

9.        Matul il-perijodu inkwistjoni, l-Artikolu 9(28)(a) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi Portugiż dwar il-VAT) kien jipprovdi:

“Huma eżenti mit-taxxa:

(28) [it]-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      l-għoti u n-negozjar ta’ krediti fi kwalunkwe forma, inklużi t-tranżazzjonijiet ta’ skont u ta’ rivalutazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni tagħhom mill-persuna li tkun tathom”.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

10.      Sonaecom hija kumpannija holding li tixtri, iżżomm u tamministra ishma f’kumpanniji u li tirċievi d-dħul li jirriżulta minnhom. Barra minn hekk, hija tamministra kumpanniji attivi fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, tal-midja, tas-softwer u tal-integrazzjoni tas-sistemi, u tikkoordina dawn il-kumpanniji b’mod strateġiku. Sonaecom issostni li hija rċeviet il-korrispettiv dovut għas-servizzi ta’ ġestjoni u ta’ koordinazzjoni strateġika, li huma ntaxxati b’mod sħiħ.

11.      Fl-2005, Sonaecom xtaqet tinvesti fis-settur il-ġdid “Triple Play”, li jiġbor fih id-divertiment awdjoviżiv, it-telefonija u l-internet. Għal dan il-għan, Sonaecom irrikorriet, minn naħa, għal servizzi ta’ konsulenza pprovduti minn żewġ kumpanniji li investigaw is-suq fid-dawl tal-akkwist potenzjali ta’ ishma tal-operatur tat-telekomunikazzjonijiet Cabovisão minn Sonaecom. Dawn is-servizzi kienu suġġetti għall-VAT fl-ammont ta’ EUR 212 627.56.

12.      Min-naħa l-oħra, Sonaecom ħallset kummissjoni taxxabbli lil bank ta’ investiment għall-organizzazzjoni, l-istabbiliment u l-garanzija ta’ ħruġ privat ta’ bonds taħt l-isem “Sonaecom-SGPS-2005” fl-ammont ta’ EUR 150 000 000. Dawn is-servizzi kienu suġġetti għall-VAT fl-ammont ta’ EUR 769 500.00. Skont Sonaecom, hija ppjanat li l-kapital miksub b’dan il-mod jintuża sabiex takkwista ishma ta’ Cabovisão u li sussegwentement tipprovdi lil din il-kumpannija servizzi suġġetti għall-VAT fil-qasam tal-assistenza teknika u ta’ ġestjoni.

13.      Madankollu, l-akkwist tal-ishma ta’ Cabovisão ma seħħx. Għalhekk, Sonaecom poġġiet il-kapital miksub permezz tal-ħruġ tal-bonds għad-dispożizzjoni tal-kumpannija omm tal-grupp, Sonae SGPS SA, bħala self.

14.      Għas-sena 2005, Sonaecom ipproċediet għat-tnaqqis ta’ taxxa fir-rigward tal-VAT relatata mas-servizzi ta’ konsulenza (bid-dikjarazzjoni ta’ Diċembru 2005) u mal-kummissjoni (dikjarazzjoni ta’ Ġunju 2005) għall-ammont totali ta’ EUR 982 127.56.

15.      Wara evalwazzjoni, l-Autoridade Tributária e Adunaeira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) irrettifikat it-taxxa fl-2008 u eżiġiet il-ħlas tat-taxxi ddikjarati, flimkien mal-interessi kumpensatorji fl-ammont ta’ EUR 106 548.20, jiġifieri total ta’ EUR 1 088 675.77. Hija kkunsidrat, minn naħa, li l-akkwist ta’ ishma huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT u, min-naħa l-oħra, li l-għoti ta’ krediti huwa eżentat mit-taxxa skont l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva.

16.      Fl-2016, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, il-Portugall) ċaħdet ir-rikors ippreżentat f’Ottubru 2008 kontra dawn ir-rikjesti fiskali. Hija qieset li l-VAT għas-servizzi ta’ konsulenza ma setgħetx titnaqqas għaliex l-akkwist ippjanat permezz ta’ dawn is-servizzi u l-ġestjoni ta’ ishma ma humiex attivitajiet ekonomiċi. Il-VAT fuq il-kummissjoni tal-ħruġ ta’ bonds ma setgħetx titnaqqas peress li l-kapital kien ġie ttrasferit kompletament lill-kumpannija omm tal-grupp u peress li Sonaecom la wriet li dan il-kapital ibbenefika lill-kumpanniji li fihom huma miżmuma l-ishma u lanqas li dan il-kapital intuża fil-kuntest ta’ tranżazzjoni tal-output li tiġġustifika d-dritt għal tnaqqis.

17.      Sonaecom appellat minn din is-sentenza. Sonaecom tqis li, min-natura tagħhom stess, l-akkwisti inkwistjoni jagħmlu parti, minn tal-inqas, mill-ispejjeż li hija għandha ssostni sabiex tkun tista’ tipprovdi s-servizzi b’mod adegwat, li hija normalment tipprovdi lill-kumpanniji li fihom hija għandha ishma. Hija tintervjeni b’mod repetut u rilevanti fil-ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji, b’mod partikolari bil-kooperazzjoni fid-definizzjoni tal-istrateġija tagħhom u fil-provvista ta’ servizzi bi ħlas, u għalhekk ħafna drabi jkollha takkwista, min-naħa tagħha, provvisti u servizzi ta’ natura differenti ħafna.

IV.    Talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      B’digriet tal-5 ta’ Diċembru 2018, li wasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2019, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      It-tnaqqis tat-taxxa mħallsa mir-rikorrenti Sonaecom SGPS f’servizzi ta’ konsulenza assoċjati mal-istudju tas-suq bil-għan tal-akkwist ta’ ishma, liema akkwist ma seħħx, huwa konformi mar-regoli ta’ tnaqqis tal-VAT imsemmija fis-Sitt Direttiva tal-VAT, b’mod speċifiku l-Artikoli 4(1) u (2) u 17(1), (2) u (5)?

2.      It-tnaqqis tat-taxxa mħallsa mir-rikorrenti Sonaecom SGPS fil-ħlas lil BCP ta’ kummissjoni għall-organizzazzjoni u strutturazzjoni ta’ self obbligatorju [bond] allegatament miksub bil-għan li tiġi integrata l-istruttura ta’ finanzjament tal-kumpanniji parteċipanti tagħha, u li, ġaladarba dawn l-investimenti ma seħħewx, spiċċat ġiet applikata għal kollox minn Sonae, SGPS, l-impriża omm tal-grupp, huwa konformi mar-regoli ta’ tnaqqis tal-VAT imsemmija fis-Sitt Direttiva tal-VAT, b’mod speċifiku l-Artikoli 4(1) u (2) u 17(1), (2) u (5)?”

19.      Sonaecom, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta orali tat-12 ta’ Frar 2020 dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

V.      Evalwazzjoni ġuridika

A.      It-tnaqqis ta’ taxxa fir-rigward tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ konsulenza (l-ewwel domanda preliminari)

20.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tat-tnaqqis imwettaq minn Sonaecom mas-Sitt Direttiva. Hija għalhekk tistaqsi, fl-aħħar mill-aħħar, dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tat-tnaqqis ta’ taxxa ddikkjarat minn Sonaecom. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikoli 17 u 4 tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kumpannija holding li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Sonaecom għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ċerti servizzi.

21.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tonqos milli tikkunsidra li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi akkwist ta’ ishma f’kumpanniji minn kumpannija holding ma jikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens tad-dritt tal-VAT (5). Is-sitwazzjoni tkun differenti biss meta kumpannija holding tkun involuta fil-ġestjoni tal-kumpannija akkwistata (6). Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx li Sonaecom ippjanat li tipprovdi servizzi taxxabbli lil Cabovisão, li fiha hija xtaqet takkwista ishma.

22.      Madankollu, Sonaecom sostniet li hija kellha l-intenzjoni li tipprovdi servizzi taxxabbli lil Cabovisão wara l-akkwist tal-ishma. L-eżistenza ta’ elementi oġġettivi, li jippermettu li tiġi kkonstatata din l-intenzjoni, għadha tista’ tiġi kkonstatata mill-qorti tar-rinviju fi tmiem din il-proċedura.

23.      Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi fformulata mill-ġdid b’mod li għandu jiġi ddeterminat jekk kumpannija holding imħallta għandhiex id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa skont l-Artikoli 17 u 4 tas-Sitt Direttiva fir-rigward ta’ servizzi ta’ konsulenza marbuta mal-istudju tal-prospetti tas-suq fid-dawl tal-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji. Din id-domanda tqum b’mod partikolari għaliex il-kumpannija holding xtaqet tipprovdi servizzi taxxabbli lill-kumpannija li kellha takkwista, f’sitwazzjoni fejn, madankollu, fin-nuqqas ta’ akkwist, dan ma seħħx.

24.      Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra d-domanda dwar jekk kumpanniji holding imħallta jistax ikollhom il-kwalità ta’ persuna taxxabbli (ara l-parti 1), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, ikkonfermat mill-ġdid il-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-preparazzjoni għal attivitajiet mhux eżerċitati sussegwentement mill-persuna taxxabbli, reċentament fil-kawża Ryanair (7) (ara l-parti 2). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fuq ir-rabta immedjata u diretta bejn it-tranżazzjonijiet tal-input u t-tranżazzjonijiet tal-output (ara l-parti 3). Sproporzjon ikkonstatat regolarment f’dawn il-każijiet bejn l-ammont tat-tnaqqis ta’ taxxa u l-ammont tad-dejn fiskali ta’ kumpannija holding, minħabba l-previżjonijiet tagħha ta’ servizzi ta’ ġestjoni, huwa irrilevanti (ara l-parti 4).

1.      Il-kumpannija holding imħallta bħala persuna taxxabbli

25.      Skont l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, hija biss il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 4 li għandha dritt għal tnaqqis ta’ taxxa. Il-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, kumpannija holding hija persuna taxxabbli kienet is-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi.

26.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa għal kumpannija holding, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma hijiex suġġetta għall-VAT fis-sens tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-VAT) u għalhekk ma għandhiex id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa skont l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva tal-VAT), meta l-uniku għan tagħha huwa li takkwista ishma f’kumpanniji oħra, bla ħsara għad-drittijiet tagħha kemm bħala azzjonista kif ukoll bħala soċja, mingħajr ma tkun involuta, direttament jew indirettament, fil-ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji (8) (l-hekk imsejħa kumpannija holding finanzjarja).

27.      Is-sempliċi kisba u s-sempliċi żamma ta’ ishma ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, li jagħtu lill-akkwirent jew lid-detentur tal-ishma l-kwalità ta’ persuna taxxabbli. Fil-fatt, is-sempliċi akkwist ta’ ishma finanzjarji f’kumpanniji oħra ma jikkostitwixxix sfruttament ta’ beni intiż sabiex jipproduċi dħul fuq bażi kontinwa peress li d-dividendi eventwali, frott ta’ dan is-sehem, jirriżultaw mis-sempliċi proprjetà tal-beni (9).

28.      Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tal-hekk imsejħa kumpannija holding li tkun ġestjonarja jew ekwitarja. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’ġurisprudenza stabbilita, dawn huma persuni taxxabbli fil-każijiet fejn il-kumpannija holding tkun involuta, direttament jew indirettament, fil-ġestjoni tal-kumpannija li fiha hija tkun akkwistat sehem. Dan japplika wkoll sa fejn, permezz ta’ tali involviment, il-kumpannija holding twettaq tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT (10). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-provvista ta’ servizzi amministrattivi, ta’ kontabbiltà, finanzjarji, kummerċjali, informatiċi u tekniċi minn kumpannija holding lis-sussidjarji tagħha (11) tikkostitwixxi lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji (12).

29.      L-istess japplika meta l-kumpannija holding teżerċita attivitajiet ekonomiċi oħra, bħall-kiri ta’ artijiet u bini lil terzi jew lis-sussidjarji tagħha (13). L-estensjoni diretta, permanenti u neċessarja ta’ attività diġà taxxabbli ta’ kumpannija holding taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT (14).

30.      L-istess japplika għal kumpannija holding imħallta. Kumpannija holding imħallta hija kumpannija li, b’mod parallel mal-attività mhux ekonomika tagħha bħala kumpannija holding, li tikkonsisti fiż-żamma ta’ ishma f’kumpanniji oħra u li ma hijiex suġġetta għall-VAT, teżerċita wkoll attività ekonomika (15). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li kumpannija holding imħallta, li mhux biss għandha ishma f’kumpanniji, iżda li tipprovdi wkoll lil uħud minn dawn il-kumpanniji servizzi bi ħlas u taxxabbli, hija, f’dan ir-rigward, persuna taxxabbli (16) li hija eliġibbli madankollu għal tnaqqis parzjali ta’ taxxa.

31.      Sonaecom, li kellha l-intenzjoni li tipprovdi, bi ħlas, servizzi tekniċi u ta’ ġestjoni lill-kumpannija li fiha hija xtaqet takkwista ishma, hija tali kumpannija holding imħallta u għalhekk, bħala prinċipju, hija persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-VAT).

2.      It-tnaqqis ta’ taxxa għall-attivitajiet ekonomiċi previsti

32.      Id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa ta’ Sonaecom fuq is-servizzi ta’ konsulenza rriżulta, bħala prinċipju, indipendentement mill-fatt li hija finalment ma kisbitx ishma f’Cabovisão.

33.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, investimenti li ma jimmaterjalizzawx għandhom ukoll dritt għal tnaqqis ta’ taxxa. F’dak li jikkonċerna l-ispejjeż sostnuti minħabba l-preparazzjoni ta’ attività ekonomika, it-tnaqqis ta’ taxxa jista’ jiġi invokat anki fil-każ li ma timmaterjalizzax l-attività ekonomika u minħabba f’hekk ma jseħħux it-tranżazzjonijiet taxxabbli previsti (17). Dan jirriżulta min-newtralità tas-sistema tal-VAT. Din timplika li l-attivitajiet preparatorji ta’ kumpannija għandhom jiġu eżentati diġà mill-ammont eventwali tal-VAT.

34.      Huwa għalhekk li, fil-kawża Ryanair, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kumpannija, li jkollha l-intenzjoni li takkwista ishma f’kumpannija oħra u li twettaq atti preparatorji sabiex tkun involuta fil-ġestjoni ta’ din il-kumpannija billi tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni suġġetti għall-VAT, hija persuna taxxabbli fis-sens tas-Sitt Direttiva (18).

35.      F’dan il-każ, dan japplika wkoll, bħala prinċipju, għal Sonaecom, li kellha l-intenzjoni tipprovdi servizzi taxxabbli lil Cabovisão, il-kumpannija li xtaqet takkwista.

3.      Ir-rabta immedjata u diretta bejn is-servizzi ta’ konsulenza u s-servizzi previsti

36.      Għaldaqstant jibqa’ biss li wieħed jistaqsi dwar ir-rabta diretta u immedjata bejn l-ispejjeż tas-servizzi ta’ konsulenza marbuta mal-akkwist ta’ ishma previst u s-servizzi li Sonaecom riedet tipprovdi lil Cabovisão.

37.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispejjeż għandhom rabta diretta u immedjata ma’ ċerti tranżazzjonijiet tal-output li jagħmlu parti mill-elementi ta’ kost tagħhom (19). Barra minn hekk, kumpannija tista’ tinvoka t-tnaqqis ta’ taxxa tal-input għall-ispejjeż ġenerali li jagħmlu parti mill-elementi tal-prezz tal-prodotti kollha tagħha (20).

38.      B’hekk, kumpannija li jkollha l-intenzjoni takkwista l-ishma kollha ta’ kumpannija oħra sabiex tipprovdi lil din tal-aħħar servizzi ta’ ġestjoni suġġetti għall-VAT, tista’ tnaqqas it-taxxa tal-input kollha għall-ispejjeż relatati ma’ servizzi ta’ konsulenza li hija kienet sostniet fil-kuntest ta’ offerta formali ta’ xiri (21).

39.      Dan jista’ jiġi traspost għall-kumpanniji holding imħallta. Dan jgħodd ukoll, fi kwalunkwe każ, sa fejn kumpannija holding issostni spejjeż marbuta mal-akkwist ta’ ishma fis-sussidjarji li lilhom hija tipprovdi jew bi ħsiebha tipprovdi servizzi taxxabbli. F’dan ir-rigward, hija teżerċita attività ekonomika (22) u tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa.

40.      F’dan il-każ, Sonaecom irrikorriet għal servizzi ta’ konsulenza sabiex takkwista ishma ta’ Cabovisão u sabiex sussegwentement tipprovdi servizzi taxxabbli lil din il-kumpannija. Dawn l-ispejjeż għandhom rabta diretta u immedjata mal-provvista ta’ servizzi taxxabbli previsti. F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, Sonaecom tibbenefika b’mod sħiħ mid-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa.

4.      Il-portata tat-tnaqqis ta’ taxxa

41.      Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma indikatx kemm kien l-ammont tal-provvisti ta’ servizzi taxxabbli previsti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-VAT relatata ma’ dawn l-attivitajiet hija nettament inqas mit-tnaqqis ta’ taxxa sostnut.

42.      F’dan il-każ, ġie ġġenerat tnaqqis ta’ taxxa fl-ammont ta’ madwar EUR 210 000, li magħhom jiżdiedu madwar EUR 770 000 li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tal-ħruġ tal-bond. Dan l-isproporzjon bejn il-portata tat-tnaqqis ta’ taxxa u d-dejn fiskali proprju huwa inerenti għall-parti l-kbira tal-każijiet ta’ kumpanniji holding. Dan iqajjem, prima facie, ċertu tħassib u jqajjem il-kwistjoni dwar jekk, f’tali każijiet, hemmx lok li tiġi limitata l-portata tat-tnaqqis ta’ taxxa.

43.      Madankollu, wara osservazzjoni iktar mill-qrib, dan it-tħassib jisfaxxa fix-xejn. Minn naħa, dan l-isproporzjon jirriżulta biss fuq il-bażi ta’ analiżi selettiva li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provvista ta’ servizzi taxxabbli titwettaq fuq medda ta’ diversi snin. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-VAT ma jipprevedix rabta vinkolanti bejn l-ammont tat-tnaqqis ta’ taxxa u l-ammont ta’ dejn fiskali (23).

44.      Tnaqqis b’rata fissa tat-tnaqqis ta’ taxxa minħabba attività mhux taxxabbli bħala kumpannija holding huwa wkoll eskluż meta l-ispejjeż tas-servizzi tal-input jkunu imputabbli direttament għal ċerti provvisti taxxabbli tal-output. Tnaqqis proporzjonali lanqas ma jista’ jiġi invokat fuq il-bażi tas-sentenza Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (24). Huwa minnu li din is-sentenza tal-aħħar ikkunsidrat tnaqqis proporzjonali ta’ taxxa. Madankollu, dan kien il-każ biss meta l-ispejjeż suġġetti għat-taxxa tal-input setgħu jiġu imputati wkoll lil sussidjarji oħra li l-ġestjoni fiskali tagħhom ma kinitx tagħmel parti mill-attivitajiet tal-kumpannija holding. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

45.      Barra minn hekk, tali sproporzjon huwa, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsegwenza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kumpanniji holding jibbenefikaw mid-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa biss jekk jipprovdu servizzi bi ħlas lill-kumpanniji miżmuma minnhom (ara l-punti 26 et seq.). Fl-ipoteżi fejn kumpanniji holding dominanti – li jaġixxu ekonomikament permezz tal-kumpanniji li huma jikkontrollaw – jibbenefikaw, bħala prinċipju, mid-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa fuq l-ispejjeż tagħhom bħala kumpanniji holding, dawn ma humiex obbligati jirrikorru għal kostruzzjonijiet artifiċjali ta’ servizzi taxxabbli (25) sabiex jevitaw piż definittiv tal-VAT fi ħdan il-grupp.

46.      Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ newtralità tal-forma legali – enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt tal-VAT (26) – jimmilita favur it-tnaqqis sħiħ ta’ taxxa għall-kumpannija holding dominanti. Il-fatt li ż-żamma ta’ azzjoni ma tagħmilx lill-azzjonist persuna taxxabbli ekonomikament attiva (ara l-punt 27 iktar ’il fuq) huwa kompletament korrett. Il-kwistjoni dwar jekk azzjonist dominanti 100 % jeżerċitax attività ekonomika permezz tal-kumpannija “tiegħu” ikkontrollata bl-istess mod bħal imprenditur individwali u, għaldaqstant, dwar jekk dan ukoll ikollux jiġi eżentat bħala tali mill-VAT ibbażata fuq din l-attività, hija kwistjoni differenti li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ċaħdet espliċitament.

47.      Il-prinċipju ta’ newtralità tal-forma legali huwa favur il-fatt li, fiż-żewġ każijiet, l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-kumpannija għandhom jiġu eżentati mill-VAT meta l-kumpannija stess twettaq tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis ta’ taxxa: l-imprenditur individwali jeżerċita attività ekonomika diretta, filwaqt li l-azzjonist dominanti huwa involut f’attività ekonomika indirettament, permezz tal-kumpannija kkontrollata. L-ebda wieħed minn dawn (imprenditur individwali jew azzjonist dominanti) ma għandu għalhekk jiġi mġiegħel jikkonkludi kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas mal-kumpannija “tiegħu” sabiex jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli.

5.      Konklużjoni

48.      Minn dan isegwi li kumpannija holding imħallta, bħal Sonaecom, tibbenefika mid-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa kollha, skont l-Artikoli 17 u 4 tas-Sitt Direttiva, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ akkwist ta’ ishma f’kumpannija li kellha l-intenzjoni li tipprovdilha servizzi taxxabbli. Din l-aħħar konstatazzjoni taqa’ fuq il-qorti tar-rinviju. Id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa jirriżulta anki jekk dan l-akkwist finalment ma jkunx twettaq u japplika indipendentement mill-ammont tal-VAT dovuta għas-servizzi previsti.

B.      It-tnaqqis ta’ taxxa fir-rigward tal-ispejjeż għall-ħruġ ta’ bonds (it-tieni domanda preliminari)

49.      It-tieni domanda preliminari għandha wkoll tiġi fformulata mill-ġdid (27). Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk kumpannija holding imħallta tibbenefikax mid-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa, previst fl-Artikoli 17 u 4 tas-Sitt Direttiva, fir-rigward tal-ispejjeż tal-organizzazzjoni u tal-ħolqien ta’ bond li nħareġ sabiex jinkisbu ishma f’kumpannija li lilha l-kumpannija holding xtaqet tipprovdi servizzi bi ħlas. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tan-nuqqas ta’ akkwist tal-ishma u tal-fatt li, minflok, il-kumpannija holding qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-kumpannija omm tal-grupp, bħala self, il-kapital miksub b’eżenzjoni mit-taxxa.

50.      Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis ta’ taxxa ta’ Sonaecom jiddependix mill-użu taxxabbli previst tal-kapital miksub jew mill-użu reali, li huwa eżentat mit-taxxa, li sar minn dan il-kapital (ara l-punt 1). Sussegwentement, ser tiġi indirizzata l-kwistjoni mqajma minn Sonaecom dwar jekk l-“użu” tal-kapital favur il-kumpanniji operattivi, minkejja li dan sar matul perijodu ta’ tassazzjoni ieħor, għandux xi effetti (ara l-punt 2).

1.      Id-determinazzjoni tat-tnaqqis ta’ taxxa skont l-użu reali

51.      Il-portata tad-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa hija rregolata fl-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT). Skont din id-dispożizzjoni, il-persuna taxxabbli hija awtorizzata tnaqqas it-taxxa sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jiġu użati għall-għanijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha.

52.      F’dan il-każ, Sonaecom kellha l-intenzjoni li tuża l-kapital iġġenerat bil-ħruġ tal-bonds sabiex takkwista ishma f’Cabovisão. Għalhekk, l-ispejjeż ta’ ħruġ tal-bonds għandhom rabta diretta u immedjata mal-akkwist tal-ishma. Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq (28), in-nuqqas ta’ twettiq tal-operazzjonijiet previsti huwa irrilevanti.

53.      Jekk il-persuna taxxabbli teżerċita, matul l-istess perijodu ta’ tassazzjoni, attivitajiet realment eżentati mit-taxxa minflok l-attività taxxabbli inizjalment prevista, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan jaffettwax it-tnaqqis tat-taxxa diġà mwettaq. Fl-aħħar nett, din il-kwistjoni hija dwar ir-relazzjoni bejn l-attività ppjanata u l-attività realment eżerċitata f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis ta’ taxxa. Fil-fehma tiegħi, l-użu reali għandu jkun determinanti jekk tranżazzjoni tal-input tkun tista’ tintrabat ma’ tranżazzjoni reali tal-output partikolari.

54.      Dan jirriżulta, l-ewwel nett, mill-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT). Skont din id-dispożizzjoni, it-tnaqqis ta’ taxxa jista’ jsir mill-persuna taxxabbli biss sa fejn l-oġġetti u s-servizzi huma użati għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa huwa għalhekk ibbażat fuq approċċ marbut mat-tranżazzjoni li min-naħa tiegħu huwa bbażat, b’mod determinanti, fuq l-użu reali.

55.      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tqassim tat-taxxa tal-input fil-każ ta’ oġġetti b’użu mħallat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu metodi ta’ kalkolu differenti mill-kalkolu li juża d-dħul mill-bejgħ previst mis-Sitt Direttiva jew mid-Direttiva dwar il-VAT, jekk il-metodu magħżul jiżgura riżultat iktar preċiż (29). It-tqassim skont l-użu reali huwa l-iktar possibbiltà preċiża sabiex jiġi ddeterminat it-tnaqqis ta’ taxxa skont ir-realtà u għalhekk għandu jipprevali fuq l-allokazzjoni individwali għall-użu previst – u b’hekk mhux ċert – min-naħa tal-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-aġġustament tat-tnaqqis ta’ taxxa (l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva li issa sar l-Artikoli 184 u 185 tad-Direttiva dwar il-VAT) jixhdu li t-tnaqqis ta’ taxxa oriġinali fl-aħħar mill-aħħar jiġi aġġustat b’mod kemm jista’ jkun preċiż għall-użu reali, sabiex jiġi evitat “vantaġġ mhux ġustifikat jew [...] ħsara mhux ġustifikata” (ara l-Artikolu 20(6) tas-Sitt Direttiva jew l-Artikolu 192 tad-Direttiva dwar il-VAT).

56.      Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikoli 168 u 169 tad-Direttiva dwar il-VAT) u l-prinċipju ta’ newtralità jimmilitaw ukoll favur riferiment, prinċipalment, għall-użu reali, sa fejn tali użu jeżisti. Skont l-Artikolu 17(2) u (3) tas-Sitt Direttiva jew l-Artikoli 168 u 169 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-persuna taxxabbli għandha tinħeles mill-piż tal-VAT permezz ta’ tnaqqis ta’ taxxa, fil-każ biss fejn il-VAT tkun marbuta (normalment (30)) ma’ tranżazzjonijiet taxxabbli tal-output. Dritt għal tnaqqis ta’ taxxa, bħala prinċipju, ma jeżistix, jekk ikun hemm rabta diretta u immedjata ma’ attività eżentata mit-taxxa (31).

57.      F’dan il-każ, Sonaecom ipprovdiet self lill-kumpannija omm tal-grupp. L-għoti ta’ krediti huwa eżentat mill-VAT skont l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, tnaqqis ta’ taxxa fis-sens tal-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT) huwa eskluż.

58.      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, barra minn hekk, li operaturi ekonomiċi li jwettqu effettivament l-istess tip ta’ tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (32), sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Madankollu, jekk iż-żewġ persuni taxxabbli jwettqu biss, matul l-istess perijodu ta’ tassazzjoni, tranżazzjonijiet eżentati, it-tnejn li huma ma għandhomx id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa. Dritt għal tnaqqis ta’ taxxa li jeżisti biss minħabba intenzjoni preliminari ta’ kumpannija li twettaq tranżazzjonijiet taxxabbli jagħti lil din tal-aħħar vantaġġ kompetittiv. Minbarra l-problema ta’ evalwazzjoni suffiċjenti ta’ din l-intenzjoni, tali riżultat imur ukoll kontra l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħid li, sabiex tiġi evalwata tranżazzjoni taxxabbli, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq in-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni u mhux fuq intenzjonijiet suġġettivi (33).

59.      Is-sentenzi Sveda u Iberdrola (34) ma jipprekludux il-preeminenza tal-użu reali fuq l-użu previst. Dawn jippermettu t-tnaqqis ta’ taxxa b’mod ġeneruż ħafna, għalkemm l-ispejjeż rilevanti kienu marbuta mill-qrib ma’ servizzi mingħajr ħlas għall-benefiċċju ta’ infrastruttura muniċipali (passaġġ għall-iżvilupp tat-turiżmu jew ir-riabilitazzjoni ta’ stazzjonijiet tal-ippumpjar għall-konnessjoni ta’ bini li kellu jinbena).

60.      Fil-fatt, f’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-preeminenza tal-użu reali eżentat mit-taxxa fuq l-użu taxxabbli previst: dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw biss ir-rabta bejn it-tranżazzjonijiet tal-input u l-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli, li ma kinitx tkun possibbli fl-assenza tal-provvista mingħajr ħlas (35). Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

61.      Minn dan isegwi li l-użu reali matul il-perijodu ta’ tassazzjoni, li matulu tnissel id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa, jipprevali fuq l-intenzjoni inizjali.

62.      F’dan il-każ, huwa stabbilit li Sonaecom ma użatx il-kapital iġġenerat bil-ħruġ tal-bonds għall-akkwist inizjalment previst. Għall-kuntrarju, matul is-sena 2005, Sonaecom tat dan il-kapital lill-kumpannija omm tal-grupp bħala self eżentat minn taxxa. Dan jenfasizzah ukoll il-Portugall.

63.      Sa fejn Sonaecom issostni li l-ispejjeż tal-ħruġ tal-bonds tagħha tista’ titnaqqsilhom it-taxxa bħala spejjeż ġenerali tal-kumpannija, dan huwa argument li ma jistax jintlaqa’. Sonaecom tqis, f’dan ir-rigward, li l-ħruġ tal-bonds kellu l-għan li jkompli l-attivitajiet ekonomiċi tal-grupp. Hija sempliċement “ipparkjat” dan il-kapital miksub bil-ħruġ tal-bonds fil-kumpannija omm tal-grupp. Il-kapital imbagħad reġa’ ġie rritornat lil Sonaecom sabiex hija tkun tista’ tixtri ishma f’kumpanniji oħra.

64.      Madankollu, l-ispejjeż ġenerali sostnuti mill-persuna taxxabbli jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fl-assenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis mit-taxxa (36). Huwa biss fil-każ fejn tranżazzjoni tal-input ma tista’ tiġi imputata lil ebda tranżazzjoni tal-output li jkollha tiġi eżaminata, sussidjarjament, ir-rabta bejn tranżazzjoni tal-input u l-attività ekonomika kollha ta’ kumpannija (37). F’dan il-każ, teżisti rabta diretta u immedjata mal-għoti ta’ self eżentat mit-taxxa li ma jagħtix dritt għal tnaqqis mit-taxxa.

65.      Bħala konklużjoni, it-trasferiment reali eżentat mit-taxxa tal-kapital iġġenerat mill-kumpannija holding imħallta lill-kumpannija omm tal-grupp jeskludi t-tnaqqis ta’ taxxa previst fl-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikoli 168 u 169 tad-Direttiva dwar il-VAT) fir-rigward tal-ispejjeż għall-akkwist tal-kapital. Ir-rabta diretta ma’ dan is-self reali eżentat mit-taxxa tipprevali fuq l-intenzjoni inizjali li jiġu pprovduti servizzi taxxabbli lil sussidjarja li kellha tiġi akkwistata b’dan il-kapital.

2.      L-użu reali ulterjuri tal-kapital

66.      Sonaecom issostni li l-kapital kien sempliċement “ipparkjat” fil-kumpannija omm tal-grupp u li ntuża għal ishma f’kumpanniji matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, b’mod konformi mal-intenzjoni inizjali. Fil-każ li Sonaecom tkun, sussegwentement, effettivament użat il-kapital iġġenerat għal servizzi taxxabbli, ikun possibbli li wieħed jaħseb f’aġġustament tat-tnaqqis ta’ taxxa skont l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikoli 184 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT).

67.      Madankollu, minn naħa, dan bl-ebda mod ma jbiddel it-tnaqqis ta’ taxxa matul il-perijodu ta’ tassazzjoni rilevanti f’dan il-każ. Konsegwenzi eventwali jirriżultaw biss matul il-perijodu ta’ tassazzjoni tal-użu emendat.

68.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva (li issa sar l-Artikoli 184 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT) jipprovdi li t-tnaqqis ta’ taxxa inizjali għandu jiġi aġġustat biss taħt ċerti kundizzjonijiet. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta t-tnaqqis ta’ taxxa jkun inqas minn dak li l-persuna taxxabbli kienet intitolata li twettaq. L-għan huwa, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ newtralità, it-tneħħija sħiħa tal-piż fuq il-persuna taxxabbli marbut mal-impożizzjoni tat-taxxa tal-input fuq assi disponibbli fuq medda ta’ żmien twil (38). F’dan ir-rigward, is-Sitt Direttiva jew id-Direttiva dwar il-VAT jużaw il-kunċett ta’ oġġetti kapitali.

69.      Madankollu, jidher dubjuż jekk provvisti ta’ servizzi għal ħruġ ta’ bond jistgħux jitqiesu bħala oġġetti kapitali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 187 tad-Direttiva dwar il-VAT). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-beni, li huma kkaratterizzati mill-persistenza u mill-valur tagħhom, huma użati għall-finijiet ta’ attività ekonomika, u li għalhekk l-ispejjeż ta’ akkwist tagħhom ma humiex normalment inklużi bħala spejjeż kurrenti, iżda jiġu ammortizzati fuq diversi snin (39). Dawn għandhom jiġu distinti minn servizzi immedjatament ikkunsmati, li għalihom ma huwiex possibbli li t-tnaqqis ta’ taxxa jiġi aġġustat maż-żmien. Dan huwa normalment il-każ tas-servizzi.

70.      Madankollu, Sonaecom irrikorriet għal servizzi għal ħruġ ta’ bonds. Dawn is-servizzi huma kompletament ikkunsmati bil-ġenerazzjoni tal-kapital, b’tali mod li l-bidla fl-użu tal-kapital iġġenerat ma taffettwax it-tnaqqis ta’ taxxa relatata ma’ dawn is-servizzi matul is-snin sussegwenti.

VI.    Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

1.      L-Artikoli 17 u 4 tad-Direttiva 77/388/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-hekk imsejħa kumpannija holding imħallta, bħal Sonaecom, għandha dritt għal tnaqqis sħiħ ta’ taxxa fuq l-ispejjeż tal-akkwist ta’ ishma f’kumpannija li kellha l-intenzjoni li tipprovdilha servizzi taxxabbli. Din l-aħħar konstatazzjoni taqa’ fuq il-qorti tar-rinviju. Id-dritt għal tnaqqis ta’ taxxa jirriżulta anki jekk dan l-akkwist finalment ma jkunx twettaq u japplika indipendentement mill-ammont tal-VAT dovuta għas-servizzi previsti.

2.      It-trasferiment reali eżentat mit-taxxa tal-kapital iġġenerat minn kumpannija holding imħallta lill-kumpannija omm tal-grupp jeskludi t-tnaqqis ta’ taxxa. Ir-rabta diretta mas-servizz ipprovdut realment u eżentat mit-taxxa tipprevali fuq l-intenzjoni inizjali li jiġu pprovduti servizzi taxxabbli lill-kumpannija sussidjarja li kellha tiġi akkwistata permezz tal-kapital.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:888); tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834); tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537); tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496); tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta (C-437/06, EU:C:2008:166); u tas-6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom (C-496/11, EU:C:2012:557).


3      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE tas-26 ta’ April 2004 (ĠU 2004, L 168, p. 35).


4      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2019/475/UE tat-18 ta’ Frar 2019 (ĠU 2019, L 83, p. 42).


5      Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:888, punt 30); tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 16); u tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 28).


6      Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:888, punt 32); tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 17); u tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 29).


7      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018 (C-249/17, EU:C:2018:834), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2018:301).


8      Sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 27), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 18).


9      Sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 28), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 19).


10      Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:888, punt 32); tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 17); tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 29); u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 20).


11      Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:888, punt 32); tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 30 u 31); u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 21).


12      B’hekk espressament, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 31).


13      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 32). Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-kiri ta’ art jistax u jenħtieġx verament li jinftiehem bħala “interferenza ta’ kumpannija azzjonarja fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha” hija dubjuża.


14      Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:888, punt 33); tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, EU:C:2009:665, punt 31); u tad-29 ta’ April 2004, EDM (C-77/01, EU:C:2004:243, punt 70).


15      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:301, punt 31, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21), il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża EDM (C-77/01, EU:C:2002:483, punt 2, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:131, punt 16).


16      Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta (C-437/06, EU:C:2008:166, punt 31); tad-29 ta’ April 2004, EDM (C-77/01, EU:C:2004:243, punt 80); u tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, EU:C:2001:495, punt 22).


17      Sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 18); tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712, punt 20); tal-14 ta’ Marzu 2013, Ablessio (C-527/11, EU:C:2013:168, punt 25); tad-29 ta’ Frar 1996, Inzo (C-110/94, EU:C:1996:67, punt 17); u tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, EU:C:1985:74, punt 23 u 24); kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:301, punti 16 u 26).


18      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 19 u d-dispożittiv).


19      Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2019, The Chancellor, Masters and Scholars of the University of Cambridge (C-316/18, EU:C:2019:559, punt 25); tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 26); tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:683, punt 28); u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 23).


20      Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2019, The Chancellor, Masters and Scholars of the University of Cambridge (C-316/18, EU:C:2019:559, punt 26); tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 27); tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:683, punt 29); u tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 24).


21      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 32 u d-dispożittiv).


22      Sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations (C-320/17, EU:C:2018:537, punt 36); tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 25); u tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta (C-437/06, EU:C:2008:166, punt 28).


23      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:834, punt 23); tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712, punt 17); tal-14 ta’ Marzu 2013, Ablessio (C-527/11, EU:C:2013:168, punt 23); u tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, EU:C:1985:74, punt 19): Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT.


24      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 29).


25      Din il-problema diġà ġiet enfasizzata fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ryanair (C-249/17, EU:C:2018:301, punt 28).


26      Ara l-qasam tal-eżenzjonijiet tat-taxxa: sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punt 26); tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 53); tat-3 ta’ April 2003, Hoffmann (C-144/00, EU:C:2003:192, punt 24); tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punt 30); u tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C-216/97, EU:C:1999:390, punt 20).


27      Ara l-punti 20 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Punti 32 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, Wolfgang u Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft (C-332/14, EU:C:2016:417, punt 33), u tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt (C-511/10, EU:C:2012:689, punti 23 et seq. u d-dispożittiv) dwar il-metodu tas-superfiċji skont l-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ).


30      Ċerti eċċezzjonijiet huma previsti, pereżempju, fl-Artikolu 169 tad-Direttiva dwar il-VAT.


31      Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:683, punt 30); tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, EU:C:2009:665, punt 59); u tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta (C-437/06, EU:C:2008:166, punt 30); kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:676, punt 37).


32      Sentenzi tat-3 ta’ April 2003, Hoffmann (C-144/00, EU:C:2003:192, punt 24); tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punt 30); u tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C-216/97, EU:C:1999:390, punt 20).


33      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, EU:C:2007:548, punt 39); tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling (C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punt 42); tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et (C-354/03, C-355/03 u C-484/03, EU:C:2006:16, punt 44); u tas-6 ta’ April 1995, BLP Group (C-4/94, EU:C:1995:107, punt 24).


34      Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:683, punti 33 u 34), u tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712, punt 22).


35      Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:683, punt 29); u tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712, punt 28); kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:676, punt 49).


36      Punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:283, punt 35).


37      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:676, punt 51), u Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:283, punti 36 u 37).


38      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Gmina Ryjewo (C-140/17, EU:C:2018:595, punt 55), u l-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C-140/17, EU:C:2018:273, punt 40).


39      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt (C-118/11, EU:C:2012:97, punt 35 u l-ġurisprudenza msemmija hemmhekk).