Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2020 (1)

Kawża C-235/19

United Biscuits (Pensions Trustees) Limited,

United Biscuits Pension Investments Limited

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England and Wales (Civil Division)) (il-Qorti tal-Appell, Ingilterra u Wales (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 135(1)(a) – Eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni – Servizzi tat-tmexxija tal-fondi tal-pensjoni pprovduti lill-fiduċjarju mill-amministraturi tal-investimenti – Sistema professjonali ta’ pensjoni – Prattika fiskali nazzjonali preċedenti li kienet tiddistingwi bejn l-entitajiet li għandhom awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza finanzjarja biex jeżerċitaw attività ta’ assigurazzjoni u entitajiet li ma għandhomx tali awtorizzazzjoni”






1.        Din il-kawża quddiem il-Court of Appeal (England and Wales (Civil Division)) (il-Qorti tal-Appell, Ingilterra u Wales (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit), bejn il-fiduċjarji ta’ sistema professjonali ta’ pensjoni tal-kumpannija United Biscuits (UK) Ltd u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“HMRC”), tirrigwarda l-klassifikazzjoni tas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti sabiex tiġi amministrata s-sistema ta’ pensjoni ta’ din il-kumpannija għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

2.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, United Biscuits (Pension Trustees) Ltd u UB Pension Investments Ltd, huma rispettivament, minn naħa waħda, il-fiduċjarju ta’ sistema professjonali ta’ pensjoni stabbilita għall-impjegati tal-kumpannija United Biscuits (UK) Ltd u, min-naħa l-oħra, il-fiduċjarju ta’ UB Pension Investment Fund, l-ex fond ta’ investiment kollettiv ta’ din il-kumpannija li fih ġew investiti l-assi tas-sistema ta’ pensjoni matul il-perijodu bejn l-1989 u l-2006.

3.        F’din il-kawża, tqum il-kwistjoni dwar jekk servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti pprovduti lill-imsemmija sistema professjonali ta’ pensjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (2) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) u tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE (3), u, b’hekk, ikunu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT

4.        Skont l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112, hija suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

5.        Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li kienet applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2006.

6.        L-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tat-Titolu IX, intitolat “Eżenzjonijiet”, ta’ din id-direttiva, li jirrepetti f’termini analogi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.

7.        L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      [tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;

[...]”

8.        Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva, li kien applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2006.

2.      Il-leġiżlazzjoni relatata mal-assigurazzjoni

a)      L-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja

9.        L-Anness tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (4), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 84/641/KEE tal-10 ta’ Diċembru 1984 (5) (iktar 'il quddiem l-“Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja”), kien jipprevedi:

“A.      Klassifika tar-riskji skond il-klassijiet ta’ assigurazzjoni

[...]

18. L-Assistenza

L-assistenza għal persuni li jsibu rwieħhom f’diffikultà waqt li jkunu qed jivvjaġġaw, waqt li jkunu ’l bogħod mid-dar jew li jkunu ’l bogħod mir-residenza permanenti tagħhom”.

b)      L-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja

10.      L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 79/267/KEE tal-5 ta’ Marzu 1979 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-aċċess għall-attività tal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja, u mal-eżerċizzju tagħha (6), kif emendata bid-Direttiva 2002/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2002 (7) (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja”) fl-Artikolu 1 tagħha tipprevedi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-bidu u l-insegwiment ta’ l-attività għal rashom ta’ assigurazzjoni diretta segwiti minn intrapriżi li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ jiġu stabbiliti hemmhekk fil-forma ta’ l-attivitajiet definiti hawn taħt:

1.      l-assigurazzjonijiet li ġejjin meta huma fuq bażi kontrattwali:

a)      assigurazzjoni [...];

b)      annwitajiet;

c)      assigurazzjoni supplimentari segwiti minn intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja [...];

d)      it-tip ta’ assigurazzjoni li teżisti fl-Irlanda u fir-Renju Unit magħrufa bħala assigurazzjoni permanenti tas-saħħa mhux soġġetta għal kanċellament;

2.      l-operazzjonijiet [it-tranżazzjonijiet] li ġejjin, meta huma fuq bażi kontrattwali, sa fejn huma soġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għas-sorveljanza ta’ assigurazzjoni privata:

[...]

c)      amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni, jiġifieri operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] li jikkonsistu, għall-intrapriża kkonċernata fl-amministrazzjoni ta’ l-investimenti, u b’mod partikolari l-assi li jirrappreżentaw ir-riżervi ta’ korpi li jeffettwaw pagamenti fuq mewt jew soppravivenza jew fil-każ ta’ skontinwità jew waqfien ta’ attività;

d)      l-operazzjonijiet [it-tranżazzjonijiet] imsemmija f’(ċ) meta huma akkumpanjati b’assigurazzjoni li tkopri jew il-konservazzjoni ta’ kapital jew pagament ta’ interess minimu;

[...]”

11.      Skont l-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja:

“L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal klassi partikolari ta’ assigurazzjoni kif elenkat fl-Anness I. Għandha tkopri l-klassi intiera, sakemm l-applikant ma jkunx mixtieq ikopri biss ftit mir-riskji li jappartjenu għal dik il-klassi.”

12.      L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istat Membru lokali għandu jeħtieġ li kull intrapriża ta’ l-assigurazzjoni li għaliha hija mfittxa awtorizzazzjoni:

[…]

b)       tillimita l-miri tagħha għan-negozju previst f’din id-Direttiva u operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] li jirriżultaw direttament minn hemm, bl-esklużjoni tan-negozju kummerċjali kollu l-ieħor”.

13.      L-Anness tal-istess direttiva kien fih lista intitolata “Klassijiet tal-Assigurazzjoni”, li kienet issemmi, fil-punt VII tagħha, “Amministrazzjoni ta’ fondi ta’ grupp ta’ pensjoni, msemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u (d)”.

14.      L-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja(8) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2002/83”). L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/83/KE jirriproduċi d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1  tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/83 jirriproduċi l-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja. L-Anness I tad-Direttiva 2002/83 kien intitolat “Klassijiet tal-Assigurazzjoni” u fil-punt VII tiegħu isemmi “Amministrazzjoni ta’ fondi ta’ grupp ta’ pensjoni, msemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) u (d)”.

15.      Id-Direttiva 2002/83 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Solvibbiltà II”). L-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva jirriproduċi l-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, f’termini essenzjalment identiċi. L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva Solvibbiltà II jipprevedi:

“Suġġett għall-Artikolu 14, awtorizzazzjoni għandha tingħata għal klassi partikolari ta’ assigurazzjoni diretta kif elenkat fil-Parti A fl-Anness I jew fl-Anness II. Għandha tkopri l-klassi intiera, sakemm l-applikant ma jkunx mixtieq ikopri biss ftit mir-riskji li jappartjenu għal dik il-klassi”.

16.      L-Anness II tad-Direttiva Solvibbiltà II, intitolat “Il-klassijiet ta’ assikurazzjoni tal-ħajja”, isemmi, fil-Punt VII tiegħu, “Amministrazzjoni ta’ fondi ta’ grupp ta’ pensjoni, imsemmija fil-punt (b) (iii) u (iv) tal-Artikolu 2(3)”.

B.      Id-dritt tar-Renju Unit

17.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-liġi Brittanika dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-kumpannji ta’ assigurazzjoni, il-provvisti ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni, inklużi dawk relatati ma’ sistemi professjonali ta’ pensjoni b’benefiċċji ddefiniti, jaqgħu fi klassi ta’ “assigurazzjoni” meta jkunu konklużi u eżegwiti minn assiguratur li jeżerċita attivitajiet ta’ assigurazzjoni. Assiguratur Brittaniku awtorizzat kien b’hekk “suġġett għall-kontroll tal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għas-sorveljanza tal-assigurazzjonijiet privati” skont it-termini tal-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja. Nonassiguratur ma kellux bżonn jitlob tali awtorizzazzjoni sabiex jipprovdi servizzi ta’ tmexxija ta’ fondi ta’ pensjoni, inklużi dawk relatati ma’ sistemi professjonali ta’ pensjoni b’benefiċċji ddefiniti. Sabiex jagħti tali servizzi, nonassiguratur għandu jikseb awtorizzazzjoni bis-saħħa ta’ liġijiet oħra.

18.      Fir-rigward tal-VAT relatata mas-servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul il-perijodu kkonċernat, l-amministrazzjoni fiskali tar-Renju Unit applikat il-VAT b’mod differenti skont jekk is-servizzi kinux ipprovduti minn assiguraturi jew minn nonassiguraturi. Qabel l-1 ta’ Jannar 2005, din id-differenza fit-trattament kienet irriżultat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi li kienu jillimitaw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni biss għall-fornituri li kellhom awtorizzazzjoni bħala assiguraturi. Wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ wara dik id-data, l-amministrazzjoni fiskali kienet, skont il-qorti tar-rinviju, kompliet tillimita l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti minn assiguraturi (10), minkejja li din il-limitazzjoni ma kinitx għadha konformi mal-liġi.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19.      United Biscuits Pension Fund huwa fond ta’ pensjoni b’benefiċċji ddefiniti li fih huma msieħba l-impjegati tal-kumpannija United Biscuits (UK). Huwa amministrat mill-fiduċjarju United Biscuits (Pension Trustees). Qabel, bejn is-snin 1989 u 2006, l-assi tas-sistema ta’ pensjoni kienu investiti fil-UB Pension Investment Fund, li kien amministrat mill-fiduċjarju UB Pension Investments Ltd.

20.      Fit-18 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala fiduċjarji, rispettivament, tal-fond ta’ pensjoni u tal-fond komuni ta’ investiment, talbu lill-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tal-VAT li kienet tħallset lil amministraturi ta’ fond ta’ investimenti u li kienet intaxxat tariffi ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni. It-talba kienet tirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1978 u t-30 ta’ Settembru 2013.

21.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jikkonsistu fil-ġestjoni ta’ investimenti għan-nom tagħhom. L-amministraturi tal-investimenti ma kinux iffirmaw kuntratt mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal kumpens għal dannu f’każ ta’ materjalizzazzjoni ta’ riskju.

22.      Dawn l-amministraturi ta’ fondi ta’ investiment kienu kemm kumpanniji li kellhom awtorizzazzjoni bħala assiguraturi, skont l-Insurance Companies Act (iktar ’il quddiem l-“assiguraturi”), kif ukoll kumpanniji li ma kellhomx tali awtorizzazzjoni iżda kienu approvati minn awtoritajiet ta’ sorveljanza finanzjarja sabiex jipprovdu servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni (iktar ’il quddiem in-“nonassiguraturi”).

23.      Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1978 u t-30 ta’ Settembru 2013, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti lil sistemi professjonali ta’ pensjoni b’benefiċċji ddefiniti, l-amministrazzjoni fiskali ddistingwiet bejn, minn naħa waħda, dawk ipprovduti minn assiguraturi, li kienu eżentati, u, min-naħa l-oħra, dawk ipprovduti minn nonassiguraturi, li ma kinux eżentati (11).

24.      Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Novembru 2017, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, iddeċidiet li s-servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti minn nonassiguraturi ma kinux eżentati matul l-imsemmi perijodu.

25.      Adita mir-rikorrenti b’appell kontra din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, il-provvisti ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti minn nonassiguraturi humiex eżentati. Hija tispjega li l-qorti tal-ewwel istanza kienet għadha ma ddeċidietx dwar jekk il-provvisti ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti mill-assiguraturi jew min-nonassiguraturi kinux identiċi jew simili biżżejjed għal eventwali applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jekk dan il-prinċipju huwa applikabbli.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-provvisti tas-servizzi tat-tmexxija tal-fondi tal-pensjoni kif ipprovduti [lir-rikorrenti] minn (a) assiguraturi u/jew (b) nonassiguraturi ta’ “transazzjonijet ta’ […] assigurazzjoni” huma skont it-tifsira tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT [li qabel kien l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva]?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

28.      Matul is-seduta li saret fis-26 ta’ Frar 2019, il-partijiet kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

IV.    Analiżi

29.      Il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-provvisti ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni minn fiduċjarji li ma kellhomx awtorizzazzjoni bħala assiguraturi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 biex b’hekk jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT. Qabel kwalunkwe analiżi dwar il-mertu, għandhom isiru xi rimarki preliminari dwar is-suġġett tal-kawża u dwar il-prinċipji li jiggwidaw id-dispożizzjonijiet inkwistjoni (titolu A). Sussegwentement, għandhom jitfakkru u jiġu eżaminati l-kriterji ġurisprudenzjali li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni (titolu B), sabiex tiġi analizzata l-artikolazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-VAT u d-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet (titolu C). Finalment, il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ newtralità ma għandhomx jiġu applikati għal din il-kawża (titolu D).

A.      Rimarki preliminari

30.      Għandhom isiru xi rimarki preliminari dwar il-portata tad-domanda preliminari (1), qabel ma jitfakkru ċerti punti dwar l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 (2).

1.      Fuq il-portata tad-domanda preliminari

31.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-kawża prinċipali tirrigwarda t-tassazzjoni tas-servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul perijodu mill-1 ta’ Jannar 1978 sat-30 ta’ Settembru 2013.

32.      Għalhekk, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi eżaminata kemm fir-rigward tal-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva kif ukoll tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, peress li ż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu li l-“Istati Membri għandhom jeżentaw” “[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”. Huwa veru li l-frażi introduttorja tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-verżjonijiet kollha tagħha, fiha spjegazzjoni addizzjonali li l-Istati Membri għandhom japplikaw tali eżenzjoni “[m]ingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità” u “taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż”. Fl-opinjoni tiegħi, din l-ispjegazzjoni ma tibdilx il-portata tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni meta mqabbla ma’ dik prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 u għalhekk ma tibdilx l-analiżi segwenti. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet segwenti huma applikabbli għaż-żewġ dispożizzjonijiet. Madankollu, sabiex jiġi ffaċilitat il-qari ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjoni l-iktar reċenti, jiġifieri l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

33.      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi l-applikazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ eżenzjoni ta’ VAT għat-“[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”.

34.      Peress li, minn naħa waħda, il-kliem tad-domanda preliminari jirreferi speċifikatament għall-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni” u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw, kemm quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-provvisti ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni jikkostitwixxu “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, din id-domanda għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din l-ewwel parti tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112. B’hekk, dawn il-konklużjonijiet ma humiex ser jirrigwardaw it-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprevedi li huma eżentati s-“servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni” (12).

35.      Ladarba ġiet iddefinita l-portata tad-domanda preliminari, għandhom issa jitfakkru l-eżenzjonijiet koperti bl-ewwel parti tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

2.      Fuq il-prinċipji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112

36.      Fl-ewwel lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor u li għandhom jitpoġġew fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT (13).

37.      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li jikkostitwixxi derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli (14). Minn dan isegwi li, meta provvista ta’ servizzi ma taqax taħt l-eżenzjonijiet previsti minn din id-direttiva, din il-provvista hija suġġetta għall-VAT, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1)(c) tal-imsemmija direttiva (15).

38.      Madankollu, l-interpretazzjoni tat-termini msemmija iktar 'il fuq għandha tkun konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 u josservaw ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT. Minn dan l-aħħar prinċipju jirriżulta li l-operaturi għandu jkollhom is-setgħa li jagħżlu l-mudell ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-iktar, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li t-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni (16).

B.      Fuq il-kriterji ġurisprudenzjali relatati mal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112

1.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”

39.      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, minkejja proposta leġiżlattiva sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni” (17), din id-dispożizzjoni għadha, sal-lum, ma tinkludix tali definizzjoni. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest li fih ġiet inkluża, l-għanijiet u l-istruttura ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-ratio legis tal-eżenzjoni li hija tipprovdi (18). Għalhekk, x’inhuma l-elementi materjali li jikkostitwixxu tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni? Skont definizzjoni li issa saret stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (19), it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma kkaratterizzati “mill-fatt li l-assiguratur jinkariga ruħu, permezz tal-ħlas minn qabel ta’ primjum, li jipprovdi lill-persuna assigurata, fil-każ ta’ twettiq tar-riskju kopert, is-servizz miftiehem matul il-konklużjoni tal-kuntratt” (20).

40.      B’hekk, huwa l-fatt li jiġi assunt riskju bi ħlas ta’ remunerazzjoni li jippermetti li attività tiġi kklassifikata bħala “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” (21). L-essenza stess tat-“tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” tinsab fil-fatt li l-assigurat jipproteġi ruħu mir-riskju ta’ telf finanzjarju, li huwa inċert iżda potenzjalment kunsiderevoli, permezz ta’ primjum li l-ħlas tiegħu huwa, min-naħa tiegħu, ċert iżda limitat (22).

41.      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni” għandu jiġi interpretat fis-sens strett. F’dan ir-rigward, kif diġà rrimarkat l-Avukat Ġenerali Kokott, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 “ma tirreferix b’mod ġeneriku għal tranżazzjonijiet fin-negozju tal-assigurazzjoni […] jew l-immaniġġar ta’ assigurazzjonijiet […], iżda, skont il-formulazzjoni tagħha, għal tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni biss fis-sens strett” (23). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma differenti minn servizzi finanzjarji, sa fejn hemm differenza fil-kliem bejn l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, li jirreferi biss għat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fihom innifishom, u l-Artikolu 135(1)(d) u (f) ta’ din id-direttiva, li jkopri t-tranżazzjonijiet “li jikkonċernaw” jew “[li jirrigwardaw]” tranżazzjonijiet bankarji partikolari (24).

42.      Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jimplikaw min-natura tagħhom l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur, u l-persuna li r-riskji tiegħu jkunu koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat (25).

43.      Fi kliem ieħor, bis-saħħa tal-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 ma tkoprix it-tranżazzjonijiet kollha, iżda biss it-tranżazzjonijiet li jissodisfaw dawn il-kriterji speċifiċi ta’ assigurazzjoni.

44.      Skont il-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija, kull tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni tinkludi l-elementi segwenti: riskju, primjum u l-provvista ta’ garanzija f’każ ta’ materjalizzazzjoni tar-riskju. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 ma tkoprix it-tranżazzjonijiet kollha, iżda biss it-tranżazzjonijiet li jissodisfaw dawn il-kriterji.

45.      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi l-għoti ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni minn persuna taxxabbli li ma hijiex hija stess assiguratur, iżda li, fil-kuntest ta’ assigurazzjoni kollettiva, jipprovdi lill-klijenti tiegħu tali kopertura billi juża s-servizzi ta’ assiguratur li jassumi r-riskju assigurat (26). B’hekk il-klassifikazzjoni formali ta’ kumpannija ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit jekk l-attività tagħha taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni (27). Hija l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha huma koperti bl-assigurazzjoni kif ukoll il-kontenut stess tal-attivitajiet inkwistjoni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li huma determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 (28).

2.      Fuq l-applikazzjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali għal din il-kawża

46.      F’din il-kawża, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li s-servizzi mixtrija mir-rikorrenti ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa indikat li s-“servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti mir-rikorrenti kienu jikkonsistu fil-ġestjoni ta’ investimenti għan-nom tagħhom” u li l-“amministraturi tal-investimenti ma ntrabtux permezz ta’ kuntratt mar-rikorrenti għal kumpens għal dannu f’każ ta’ materjalizzazzjoni ta’ riskju”. Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li l-kwistjoni kienet tirrigwarda t-tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni.

47.      Minn dan jirriżulta li s-servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni kkontestati ma jinvolvu l-ebda teħid ta’ responsabbiltà għal riskju mill-amministraturi tal-investiment permezz ta’ remunerazzjoni. Għall-kuntrarju, kif tenfasizza l-Kummissjoni, jidher li dawn is-servizzi kienu jikkonsistu fil-ġestjoni ta’ assi finanzjarji miżmuma mir-rikorrenti. Il-ġestjoni ta’ assi ma tinvolvix, fiha nnifisha, it-teħid ta’ responsabbiltà ta’ riskju, iżda tikkostitwixxi servizz differenti li huwa meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tal-fond ta’ pensjoni mmexxi mir-rikorrenti. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhom l-ebda relazzjoni kuntrattwali ta’ assigurazzjoni mal-benefiċjarji tal-fond ta’ pensjoni. Minkejja li hemm relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-fiduċjarji u l-amministraturi tal-investimenti li jistgħu ċertament ikunu sinjifikattivi għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet favur skemi professjonali ta’ pensjoni, l-attivitajiet imwettqa mill-fiduċjarji ma jikkostitwixxux, fihom innifishom, tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni eżentati fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

48.      Konsegwentement, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-amministraturi tal-investimenti ma ntrabtux permezz ta’ kuntratt mal-fiduċjarji għal kumpens għal dannu f’każ ta’ materjalizzazzjoni ta’ riskju, anki għax is-servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni kkontestati ma jinvolvu l-ebda teħid ta’ responsabbiltà ta’ riskju mill-amministraturi tal-investimenti permezz ta’ remunerazzjoni. Minn dan isegwi li tali attività ma taqax taħt “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju abbażi ta’ elementi ta’ fatt u ta’ liġi li ġew sottomessi lilha.

49.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li s-sistema professjonali ta’ pensjoni b’benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija “komparabbli ma’ dik li wasslet għas-sentenza Wheels Common Investment Fund Trustees et” (29). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvisti ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni ma kinux eżentati mill-VAT bħala “immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 13Bd tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112. F’dik il-kawża, ma saret l-ebda domanda dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għat-“tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” involuta f’dik il-kawża. Minn dan isegwi li, minkejja li din is-sentenza tippermetti li tinftiehem is-sistema professjonali tal-pensjoni inkwistjoni, ma tistax isservi bħala riferiment għal din il-kawża.

50.      Bħala konklużjoni, is-servizzi inkwistjoni pprovduti mill-amministraturi ta’ investimenti ma jaqgħux fid-definizzjoni ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni” kif sa issa spjegata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

C.      Fuq l-artikolazzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 mad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet

51.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx li t-tranżazzjonijiet ta’ tmexxija ta’ fond ma jissodisfawx il-kriterji ġurisprudenzjali relatati mal-kunċett ta’ “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” imfakkra fil-punti 39 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, huma tal-opinjoni illi, peress li dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni komuni fid-diversi strumenti legali tal-Unjoni, huwa għandu jingħata l-istess interpretazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2006/112 bħal dik mogħtija fil-kuntest tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, segwita mid-Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja kkonsolidata u d-Direttiva Solvibbiltà II (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet”). It-terminu “assigurazzjoni” għandu tifsira sui generis fid-dritt tal-Unjoni, differenti mill-kunċetti ta’ kopertura ta’ riskju fid-dritt nazzjonali, u b’hekk jikkostitwixxi kunċett awtonomu. B’hekk, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dawn id-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet.

52.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw, b’mod partikolari, li t-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investimenti u ta’ assi ta’ fondi ta’ pensjoni huma espressament irregolati mid-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet u li huma deskritti bħala klassi tal-assigurazzjoni. Għalhekk, huma jikkunsidraw li l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu analizzati bħala “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 u jiġu eżentati għal dan il-għan. Huma jibbażaw ir-raġunament tagħhom fuq il-punt 18 tas-sentenza CPP (30), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “ma hemm l-ebda raġuni li tawtorizza li t-terminu ‘assigurazzjoni’ għandu jiġi interpretat b’mod differenti skont jekk jinsabx fit-test ta[l-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja] jew f’dak tas-Sitt Direttiva”.

53.      Għalhekk, għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandu jiġi eżaminat jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, tistax tiġi estiża kif jipproponu r-rikorrenti.

1.      Fuq in-nuqqas ta’ riferiment trażversali bejn id-Direttiva 2006/112 u d-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet

54.      Qabelxejn, nikkonstata li l-ebda dispożizzjoni li tinsab fid-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet jew fid-Direttiva 2006/112 ma tindika b’mod espliċitu li l-kunċett ta’ “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” għandu jingħata tifsira komuni fis-sens ta’ dawn iż-żewġ korpi leġiżlattivi. Il-ġurisprudenza tindika l-possibbiltà ta’ sovrappożizzjoni ta’ ċerti kunċetti komuni taż-żewġ regoli ta’ dritt sekondarju. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha CPP li ppreparatilha t-triq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma hemm l-ebda raġuni li tawtorizza li t-terminu ‘assigurazzjoni’ għandu jiġi interpretat b’mod differenti skont jekk jinsabx fil-kuntest ta[l-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja] jew f’dak tas-Sitt Direttiva” (31), b’tali mod li l-provvista inkwistjoni setgħet tkun magħmula minn tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni msemmija fl-anness tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Skandia (32), il-Qorti tal-Ġustizzja wessgħet il-portata ta’ din il-formulazzjoni, billi rreferiet mhux biss għall-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, iżda wkoll għal xi direttivi dwar l-assigurazzjonijiet (33). Għalhekk, fil-kuntest ta’ dik il-kawża, mingħajr ma kien hemm diskussjoni dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investimenti u ta’ assi ta’ fondi ta’ pensjoni jaqgħux fil-kunċett ta’ “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, kif interpretat fil-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet sabiex tiddeċiedi l-punt dwar jekk dan il-kunċett għandux jingħata l-istess tifsira bħal dik li tinsab fid-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet, b’tali mod li s-servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti sabiex tiġi amministrata s-sistema ta’ pensjoni ta’ kumpannija jkunu inklużi f’dan il-kunċett fis-sens ta’ dan l-artikolu.

55.      F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni espliċita dwar dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li “fl-interpretazzjoni ta[t-termini tad-Direttiva 2006/112] huwa konsistenti mal-prassi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jsir riferiment għal regoli rilevanti tad-dritt [tal-Unjoni] li ma jagħmlux parti mid-dritt fiskali, sa fejn l-għanijiet tagħhom ikunu kongruwenti” (34). Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati, minn naħa waħda, ir-raġunijiet li għalihom it-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investimenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-għan u l-funzjoni tal-eżenzjoni tal-VAT għat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2006/112.

2.      Fuq il-motivi ta’ inklużjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investimenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet

56.      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, li tistabbilixxi sistema relatata mal-attività ta’ assigurazzjoni għal perijodu twil, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tinkludi, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2)(c) “amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni”. Bl-istess mod, huma inklużi f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni, bħala “assigurazzjonijiet”, “assigurazzjoni [‘tal-ħajja’] (l-Artikolu 1(1)(a) u l-punt I tal-anness), “annwitajiet” (l-Artikolu 1(1)(b) u l-punt I tal-anness ta’ din id-direttiva] u tontini (l-Artikolu 1(2)(a) tal-istess direttiva). L-ebda waħda minn dawn l-attivitajiet ma taqa’ fid-definizzjoni “klassika” tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 40 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

57.      F’dan ir-rigward, inqis, qabelxejn, li għandu jiġi spjegat li l-kunċett ta’ “amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni” ma għandux jiġi evalwat skont id-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, peress li la l-Artikolu 1(2)(c) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, la l-anness tagħha, u lanqas xi dispożizzjoni rispettiva tad-Direttiva 2002/83 jew tad-Direttiva Solvibbiltà II ma jirreferu għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda dan il-kunċett. Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan intiż mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (35).

58.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem użat mill-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, mill-kliem tal-Artikolu 1(2)(c) ta’ din id-direttiva jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa waħda, l-“assigurazzjonijiet” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu (36) u, min-naħa l-oħra, l-“operazzjonijiet [it-tranżazzjonijiet]” previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu (37). Anki jekk dawn tal-ewwel jikkostitwixxu attivitajiet ta’ assigurazzjoni fis-sens attwali tat-terminu, tat-tieni huma attivitajiet simili u marbuta mill-qrib ma’ dawn l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni. Dawn huma għalhekk tranżazzjonijiet anċillari, li huma koperti mill-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-leġiżlazzjoni li tissostitwixxiha, mingħajr madankollu ma jikkostitwixxu attivitajiet ta’ assigurazzjoni fihom innifishom.

59.      Barra minn hekk, nosserva li din id-dikotomija bejn l-“assigurazzjonijiet” u t-“tranżazzjonijiet” tirriżulta mill-Artikolu 8(1)(b) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, fil-verżjonijiet kollha tiegħu, li jipprovdi li l-impriżi suġġetti għall-awtorizzazzjoni “jillimitaw l-għan tagħhom għall-attivitajiet msemmija f’din id-direttiva u għat-tranżazzjonijiet li jirriżultaw direttament minnhom”. Id-distinzjoni bejn l-“assigurazzjonijiet” u t-“tranżazzjonijiet” inżammet ukoll kemm fid-Direttiva 2002/83 kif ukoll fid-Direttiva Solvibbiltà II (38), li jirreferu għall-kunċett ta’ “amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni” bħala “tranżazzjoni” (39) kif imsemmija fil-punt preċedenti. Din id-dikotomija hija wkoll ir-raġuni li għaliha l-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza González Alonso (40), invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma japplikawx għal din il-kawża. Fil-fatt, din is-sentenza kienet tirrigwarda l-kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1)(a) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u taħt il-punt III tal-anness tagħha, bħala klassi tal-assigurazzjoni tal-ħajja (41), filwaqt li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq tranżazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

60.      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kliem tal-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, moqri flimkien mal-anness tagħha, minn eżami komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi li fihom din id-direttiva ġiet adottata (42) jirriżulta li huma biss il-verżjonijiet fil-lingwa Daniża u dik Ingliża li jiddeskrivu t-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investimenti bħala “klassi ta’ assigurazzjoni” (43). Għall-kuntrarju, fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża, dik Franċiża, Taljana u Olandiża, dan l-Artikolu 7(2) u t-titolu tal-anness tal-imsemmija direttiva jirreferu biss għal “klassijiet” ta’ attività (44), filwaqt li jagħtu wieħed x’jifhem li “amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni” li tinsab fil-punt VI ta’ dan l-anness tikkostitwixxi klassi ta’ attività u mhux klassi ta’ assigurazzjoni (45). Nammetti li, sa fejn it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7(2) issemmi l-possibbiltà għar-rikorrenti li jitolbu l-awtorizzazzjoni biex “ikopr[u] biss ftit mir-riskji li jappartjenu għal dik il-klassi”, tidher li tirreferi għal klassi ta’ assigurazzjoni. Madankollu, minn dan ma jidhirx li huwa possibbli li jiġi dedott li l-imsemmi Artikolu 7(2) jikklassifika l-attivitajiet kollha kkonċernati bħala “attivitajiet ta’ assigurazzjoni”. Għall-kuntrarju, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-riferiment għal “riskji” jindika preċiżament li hija l-garanzija tar-riskji li tikkostitwixxi, b’mod partikolari, attività ta’ assigurazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan jirriżulta li l-argument ibbażat fuq il-kliem tal-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, moqri flimkien mal-anness tagħha, huwa irrilevanti.

61.      Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (46).

62.      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni, jidhirli li l-kunċetti ta’ “amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni” jew ta’ “tranżazzjoni” għandhom jiġu mifhuma fid-dawl, minn naħa waħda, tal-għan li jiġu kkoordinati l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-attivitajiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, li jinsab fl-ewwel premessa tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet li tiġi stabbilita klassifikazzjoni skont il-klassi ta’ attività sabiex jiġi stabbilit jekk dawk humiex “soġġetti għal awtorizzazzjoni obbligatorja” u sabiex “[i]l-kondizzjonijiet biex tingħata u tiġi rtirata din l-awtorizzazzjoni [...] jiġu definiti” imsemmija fit-tieni u l-ħames premessa ta’ din id-direttiva. Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-għanijiet kollha għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li t-tranżazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva ħlief jekk l-attivitajiet elenkati huma “soġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għas-sorveljanza ta’ assigurazzjoni privata” (47). L-użu ta’ din il-formulazzjoni li sar, b’mod ċar, intenzjonalment, ma għandux jitqies bħala irrilevanti. Fil-fatt, din l-espressjoni timplika li l-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja tkopri biss it-tranżazzjonijiet awtorizzati minn dawn l-awtoritajiet. Minn dan isegwi li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet hawn fuq imsemmija, din id-direttiva, li hija direttiva ta’ koordinazzjoni, tinkludi kemm l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, li huma attivitajiet prinċipali għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja, kif ukoll it-tranżazzjonijiet anċillari, li ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ assigurazzjoni fis-sens strett.

63.      Għalhekk, bħala konklużjoni intermedja, il-fatt li tranżazzjoni, bħal dik ta’ amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni, tinsab fl-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u fil-leġiżlazzjoni li tissostitwixxiha ma jfissirx li din hija attività ta’ assigurazzjoni tal-ħajja fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni.

3.      L-għan tal-eżenzjoni mill-VAT għat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2006/112

64.      Kif diġà enfasizzaw l-Avukati Ġenerali Poiares Maduro (48) u Mengozzi (49), l-eżenzjoni tat-“tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni” prevista fl-Artikolu 135 tad-Direttiva 2006/112 ma għandha l-ebda ġustifikazzjoni espliċita jew evidenti fil-kuntest ta’ din id-direttiva u lanqas f’dak tas-Sitt Direttiva li ġiet qabilha. Fl-opinjoni tagħhom, l-għażla tal-leġiżlatur li jeżenta tali tranżazzjonijiet hija dovuta, minn naħa waħda, għal raġunijiet ta’ natura soċjopolitika u, min-naħa l-oħra, għal kunsiderazzjonijiet amministrattivi (50).

65.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-raġunijiet ta’ natura soċjopolitika, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112 (u qabel l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva) b’mod ġenerali “jħalli jew idaħħal taxxi fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni” mill-Istati Membri. Kien bit-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa doppja, jiġifieri, it-tassazzjoni tal-istess tranżazzjoni bil-VAT u bit-taxxi fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza CPP tagħha, li jekk “il-konsumatur finali jkollu jħallas mhux biss din l-aħħar taxxa, iżda, fil-każ ta’ assigurazzjonijiet kollettivi, anki il-VAT”, “tali riżultat ikun kuntrarju għall-għan tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu [135(1)(a)]” ta’ din id-direttiva (51). Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, filwaqt li bbażat ruħha fuq ix-xogħol preparatorju tas-Sitt Direttiva, għalkemm huwa veru li l-ġenesi tal-Artikolu 135(1)(a) u dik tal-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112 ma humiex relatati b’mod dirett, xorta jibqa’ l-fatt li l-ewwel dispożizzjoni hija l-konsegwenza tat-tieni. B’hekk, l-eżenzjoni prevista għat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u għall-provvista ta’ servizzi relatati ma’ dawn it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-brokers u l-aġenti tal-assigurazzjoni hija intiża sabiex tevita, f’każijiet bħal dawn, it-taxxa doppja li tippenalizza l-konsumatur finali (52).

66.      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mad-diffikultajiet amministrattivi, kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha f’din il-kawża u l-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża CPP (53), huwa diffiċli li jiġi stabbilit minn qabel l-ammont taxxabbli għal kull pagament ta’ primjum ta’ assigurazzjoni, minkejja li dan huwa neċessarju sabiex tiġi applikata s-sistema ta’ VAT attwali (54). Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din hija r-raġuni stess tal-eżenzjoni inkwistjoni.

67.      Jiena naqbel mal-pożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tal-Avukati Ġenerali Poiares Maduro u Mengozzi f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-eżenzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, jidher li l-attivitajiet imwettqa mill-fiduċjarji inkwistjoni, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 46 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jidhrux li huma pprovduti fil-qafas ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni u lanqas li jirriżultaw f’ammont li jikkorrispondi ma’ primjum ta’ assigurazzjoni. B’hekk, jidher li huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jbatu l-oneru tal-VAT li jirriżulta minnhom, oneru li barra minn hekk jista’ jiġi kkwantifikat fid-dawl tan-natura tas-servizzi ta’ ġestjoni.

68.      Fi kwalunkwe każ, fuq pjan iktar ġenerali, dan l-għan doppju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 huwa differenti mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet esposti fil-punti 62 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li huma intiżi sabiex jikkoordinaw il-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-attivitajiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u jistabbilixxu klassifikazzjoni skont il-klassi ta’ attivitajiet sabiex jiġi stabbilit dawk li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni obbligatorja u l-modalitajiet tagħha. F’dan ir-rigward, anki jekk id-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet ikopru l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni fihom innifishom u l-attivitajiet anċillari, bħall-attività ta’ investiment, l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 isemmi biss l-attività ta’ investiment fis-sens strett tat-terminu, fis-sens li tali attività timplika biss it-teħid ta’ riskji fil-qafas kuntrattwali. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investiment huma koperti mid-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet biss sa fejn dawn huma mwettqa minn assiguratur awtorizzat, li ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tas-sistema tal-VAT, il-klassifikazzjoni tal-persuna taxxabbli, jiġifieri l-fatt jekk huwiex assiguratur jew nonassiguratur, li jkun wettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni, jidher li ma hijiex rilevanti sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni.

69.      Barra minn hekk, argumenti ta’ natura prattika jimmilitaw favur interpretazzjoni li tiddistingwi bejn it-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investimenti, fis-sens tad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet, u t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, tal-ewwel jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet biss sa fejn Stat Membru jagħżel li jirregolahom bl-istess mod bħat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni. Dan ifisser li, jekk il-loġika tal-argumenti tar-rikorrenti tiġġebbed sat-tarf, it-tifsira tat-terminu “assigurazzjoni” għall-finijiet tal-VAT tista’ tkun differenti minn Stat Membru għal ieħor, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2006/112.

70.      Konsegwentement, fid-dawl tal-għanijiet differenti li għandhom jintlaħqu mid-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet u mid-Direttiva 2006/112, il-portata tal-kunċetti li jinsabu fihom hija differenti. Ma hemm xejn li jiġġustifika li l-eżenzjoni tiġi estiża għas-servizzi anċillari li huma rregolati flimkien mas-servizzi ta’ assigurazzjoni. Jiena nqis li tali konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.      Fuq ir-rilevanza tal-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenzi CPP u Skandia

71.      Huwa veru li, fis-sentenzi CPP (55) u Skandia (56), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li ma hemm l-ebda raġuni li tawtorizza li t-terminu “assigurazzjoni” għandu jiġi interpretat b’mod differenti skont jekk jinsabx fil-qafas tad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet jew f’dak tas-Sitt Direttiva. Minkejja li qari mgħaġġel ta’ dan it-test jista’ jwassal sabiex jiġi interpretat li t-terminu “assigurazzjoni” għandu jingħata l-istess tifsira irrispettivament minn jekk jirrigwardax direttivi dwar l-assigurazzjonijiet jew direttivi relatati mal-VAT, eżami f’iktar dettall ma jippermettix tali interpretazzjoni.

72.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-premessa li tinsab fil-punt 18 tas-sentenza CPP (57), din għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tispjega jekk servizzi differenti inklużi fil-provvista ta’ pjan ta’ protezzjoni ta’ karti ta’ kreditu pprovduti minn Card Protection Plan Ltd (CPP) kinux jaqgħu fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva u setgħux għalhekk jibbenefikaw kollha kemm huma jew parzjalment mill-eżenzjoni b’dan il-mod. Dan il-punt 18 kien jirrigwarda b’mod speċifiku l-kwistjoni dwar jekk “assigurazzjoni” tistax, f’każ ta’ inċident, tipprevedi servizzi ta’ natura differenti minbarra kumpens fi flus. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, b’riferiment għall-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li ma huwiex neċessarju li l-benefiċċju li l-assiguratur ikun intrabat li jipprovdi f’każ ta’ inċident ikun il-ħlas ta’ somma flus, peress li dan il-benefiċċju jista’ jkun jikkonsisti wkoll minn attivitajiet ta’ assistenza, kemm fi flus, kif ukoll in natura, bħal dawk elenkati fl-anness ta’ din id-direttiva. Meta ddikjarat dan, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppruvatx tikkwalifika d-definizzjoni, li tinsab fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata, b’mod ġeneralment aċċettabbli, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, permezz tal-pagament minn qabel ta’ primjum, li jagħti lill-assigurat, f’każ li jimmaterjalizza r-riskju kopert, il-benefiċċju li dwaru jkun sar qbil waqt il-konklużjoni tal-kuntratt”. Konsegwentement, meta l-punt 18 tas-sentenza CPP (58) jinqara kollu kemm hu u flimkien ma’ dak ta’ qablu, jidher li ma huwiex intiż sabiex jikkontesta din id-definizzjoni u lanqas sabiex jagħti x’wieħed jifhem li, fil-każijiet kollha, it-termini komuni tad-Direttiva 2006/112 u tad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet għandhom eżattament l-istess portata.

73.      Fil-punt 18 tas-sentenza CPP (59), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li hija tista’, f’ċerti każijiet, tuża l-interpretazzjoni ta’ testi differenti, b’tali mod li kunċetti li huma użati f’direttivi differenti jistgħu jingħataw l-istess tifsira. Madankollu, minn naħa waħda, dan il-metodu ta’ interpetazzjoni japplika biss meta l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-direttivi huma komuni, li, b’mod ċar, ma huwiex il-każ hawnhekk, kif jirriżulta mill-punti 66 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi punt 18 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet kollha koperti mill-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u mil-leġiżlazzjoni li tissostitwixxiha jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112. Għall-kuntrarju, il-punt 18 tas-sentenza CPP (60) kien jirreferi speċifikament għall-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja. Għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma kinitx tkopri t-tranżazzjonijiet anċillari bħat-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investimenti, b’tali mod li l-kwistjoni tal-inklużjoni ta’ attivitajiet li ma humiex l-assigurazzjoni (fis-sens normali tal-kelma) ma kinitx tqum. Għalhekk, ma huwiex possibbli li l-portata ta’ dak il-punt 18 tiġi estiża għal kunċetti oħra li jinsabu f’direttivi oħra.

74.      It-tieni nett, fir-rigward tas-sentenza Skandia (61), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi dwar jekk l-ingaġġar ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni sabiex teżerċita, inkambju għal remunerazzjoni kkalkolata abbażi tal-prezzijiet tas-suq, l-attivitajiet ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni oħra, is-sussidjarja tagħha 100 %, li kompliet tikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni f’isimha stess, kinitx tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva. Fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li mhux neċessarjament kull attività mwettqa minn kumpannija ta’ assigurazzjoni hija attività ta’ assigurazzjoni. Minn dan isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li, anki jekk attività taqa’ taħt id-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet, hija ma taqax awtomatikament fil-kunċett ta’ “attività ta’ assigurazzjoni” fis-sens ta’ dawn id-direttivi.

75.      It-tielet nett, l-ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestat id-definizzjoni stabbilita ta’ “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni”, kif mogħtija fis-sentenza CPP (62) u mfakkra fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kemm b’riferiment għad-Direttivi dwar l-assigurazzjonijiet jew għal testi oħra. Għall-kuntrarju, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza Skandia (63), il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kriterji proposti minn din is-sentenza CPP dwar id-definizzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni, filwaqt li enfasizzat li tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni timplika min-natura tagħha l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz u l-persuna li r-riskji tagħha huma koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat. B’hekk, meta assiguratur jeżerċita l-funzjonijiet kollha ta’ assiguratur ieħor iżda mingħajr ma jassumi r-riskju ta’ kumpens għal dannu li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ assigurazzjoni, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma jikkostitwixxux tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-finijiet tal-eżenzjoni tal-VAT.

D.      Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza u fuq il-prinċipju ta’ newtralità

76.      Finalment, għandu jiġi spjegat li l-interpretazzjoni b’mod separat tal-kunċetti inkwistjoni ma tikkontradixxix il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huma ta’ importanza partikolari fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

77.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li provvisti ta’ servizzi li huma simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (64). F’din il-perspettiva, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-livell tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u fis-settur partikolari tal-fiskalità (65).

78.      Huwa f’dan l-aħħar sens li l-kunċett ta’ newtralità huwa rilevanti f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li s-servizzi ta’ tmexxija ta’ fond ta’ pensjoni pprovduti kemm mill-assiguraturi kif ukoll min-nonassiguraturi għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, peress li s-servizzi huma identiċi.

79.      Dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata li kull servizz ipprovdut minn assiguratur jaqa’ awtomatikament taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, it-tranżazzjonijiet l-oħra minbarra dawk ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni, minkejja li jitwettqu minn kumpanniji ta’ assigurazzjoni, ma jaqgħux f’din l-eżenzjoni.

80.      Il-kawża prinċipali jidher li hija bbażata fuq il-fatt li matul iktar minn erbgħin sena r-Renju Unit eżenta s-servizzi ta’ tmexxija ta’ fondi meta dawn jingħataw minn assiguraturi. Skont il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-amministrazzjoni fiskali biddlet il-prattika tagħha fl-1 ta’ April 2019. Minn hemm ’il quddiem, tali servizzi pprovduti minn assiguraturi ma setgħux jiġi iktar eżentati. Il-fatt li r-Renju Unit għażel l-eżenzjoni għall-imsemmija servizzi skont il-klassifikazzjoni tal-persuna taxxabbli, anki jekk ma jissodisfawx il-kriterji ġurisprudenzjali relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, imfakkra fil-punti 39 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jistax ikun argument li abbażi tiegħu tinbidel l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kriterji tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-allegat nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jippermetti li attivitajiet li ma humiex ta’ assigurazzjoni jaqgħu fil-kunċett ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni eżentata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

81.      Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li l-provvisti ta’ servizzi li huma simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT. Skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, is-servizzi li huma simili li jaqgħu fil-kunċett ta’ “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fil-punti 39 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma ttrattati bl-istess mod. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dan il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jkun miksur jekk servizzi, li ma jissodisfawx kriterji ta’ dan il-kunċett, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

82.      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135 tad-Direttiva 2006/112. Dan il-prinċipju lanqas ma jippermetti li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni ċara (66). B’hekk la l-prinċipju ta’ ugwaljanza u lanqas il-prinċipju ta’ newtralità ma jippermettu li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

V.      Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għad-domanda preliminari magħmula mill-Court of Appeal (England and Wales (Civil Division)) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit):

L-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima u l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipprovduti minn terz, ma jaqgħux fl-eżenzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet.



1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


3      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 109.


6      ĠU 1979, L 63, p. 1.


7      ĠU 2002, L 77, p. 11.


8      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3.


9      ĠU 2009, L 335, p. 1.


10      Skont ir-rikorrenti, din il-prattika baqgħet sal-1 ta’ April 2019.


11      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, it-trattament differenti ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi, skont jekk kinux ipprovduti minn assiguratur jew minn nonassiguratur, kien jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-emenda leġiżlattiva li saret wara din id-data neħħiet ir-restrizzjoni tal-benefiċċju tal-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni skont il-klassifikazzjoni tal-fornitur, peress li din id-differenza ta’ trattament ma kinitx għadha konformi mal-liġi. Madankollu, wara din l-emenda, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali baqgħu, effettivament, jagħmlu tali distinzjoni.


12      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza tagħha tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, EU:C:2003:621), li l-espressjoni “[provvista ta’ servizzi] imwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”, fl-Artikolu 13Ba tas-Sitt Direttiva, tkopri biss il-provvista ta’ servizzi mogħtija minn persuni professjonali li għandhom relazzjoni kemm mal-assiguratur kif ukoll mal-persuna assigurata.


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C-595/13, EU:C:2015:801, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK (C-175/09, EU:C:2010:646, punt 25); tas-17 ta’ Jannar 2013, Woningstichting Maasdriel (C-543/11, EU:C:2013:20, punt 25); tat-12 ta’ Ġunju 2014, Granton Advertising (C-461/12, EU:C:2014:1745, punt 25); tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172, punt 20); tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection (C-308/16, EU:C:2017:869, punti 39 u 45); tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 29); u tad-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat (C-17/18, EU:C:2018:1038, punt 37).


15      Sentenza tal-10 ta’ April 2019, PSM “K” (C-214/18, EU:C:2019:301, punt 43).


16      Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 68), u tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 31).


17      Fl-2007, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill proposta ta’ direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112 li kienet tikkjarifika t-trattament ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ servizzi finanzjarji (COM(2007)747 final). Hija pproponiet b’mod partikolari li jiġi introdott Artikolu 135a ġdid li jkun fih definizzjonijiet. L-“assigurazzjoni u rijassigurazzjoni” kienu ddefiniti bħala “impenn li bih persuna tkun obbligata, bi ħlas, li tipprovdi lil persuna oħra, fl-avveniment li jimmaterjalizza riskju, b’indennizz jew benefiċċju kif determinat mill-impenn”. Il-proposta ma ġietx adottata mill-Kunsill u ġiet irtirata fl-2016.


18      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-49/96, EU:C:1999:93, punt 17); tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C-240/99, EU:C:2001:140, punt 37); tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, EU:C:2003:621, punt 39); tas-7 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-13/06, EU:C:2006:765, punt 10); tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C-242/08, EU:C:2009:647, punt 34); tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C-224/11, EU:C:2013:15, punti 55 u 58); tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C-584/13, EU:C:2015:488, punt 28); u tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172, punt 22).


20      Sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 17); tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, EU:C:2003:621, punt 39); u tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172, punt 22).


21      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Aspiro (C-40/15, EU:C:2015:850, punt 26).


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C-584/13, EU:C:2015:488, punt 42). B’mod partikolari, permezz tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C-242/08, EU:C:2009:647), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-trasferiment bi ħlas ta’ portafoll ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 u għalhekk ma jaqax taħt l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.


23      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Aspiro (C-40/15, EU:C:2015:850, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172, punt 29).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, EU:C:2003:621, punt 43.


25      Sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C-240/99, EU:C:2001:140), u tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172, punt 23).


26      Sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 22); tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, EU:C:2003:621, punti 40 u 41); tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C-224/11, EU:C:2013:15, punt 59); u tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C-584/13, EU:C:2015:488, punt 30).


27      Fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba teżamina jekk l-attività li tirregola inċidenti f’isem u fl-interess ta’ impriża ta’ assigurazzjoni setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li twettqet “mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172, punti 35 et seq.).


29      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, C-424/11, EU:C:2013:144.


30      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, C-349/96, EU:C:1999:93.


31      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, C-349/96, EU:C:1999:93, punt 18.


32      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, C-240/99, EU:C:2001:140.


33      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C-240/99, EU:C:2001:140, punt 30).


34      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża TNT Post UK (C-357/07, EU:C:2009:7, punt 50). Korsiv miżjud minni. Dak iż-żmien, ir-riferiment kien sar għas-Sitt Direttiva.


35      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 42).


36      Dawn huma assigurazzjoni (tal-ħajja), annwitajiet, assigurazzjonijiet supplimentari segwiti minn intrapriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u t-tip ta’ assigurazzjoni li teżisti fl-Irlanda u fir-Renju Unit magħrufa bħala “assigurazzjoni permanenti tas-saħħa”. Nosserva li dawn il-klassijiet kollha huma kklassifikati, mid-direttiva stess, bħala “assigurazzjonijiet”.


37      Id-direttiva ssemmi tontini, tranżazzjonijiet ta’ għoti lura ta’ kapital ibbażat fuq kalkolu attwarjali, amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni u tranżazzjonijiet segwiti minn impriżi ta’ assigurazzjoni bħal dawk imsemmija fil-Kapitolu 1, Titolu 4 tal-Ktieb IV tal-“Code des assurances” Franċiż.


38      Ara l-Artikolu 2(3)(b) u (c) tad-Direttiva Solvibbiltà II.


39      Ara l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 2(3)(b)(iii) tad-Direttiva Solvibbiltà II.


40      Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, C-166/11, EU:C:2012:119.


41      Ara, b’mod partikolari, il-punti 29 u 30 ta’ dik is-sentenza.


42      Dawn huma l-lingwi segwenti: id-Daniż, il-Ġermaniż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Olandiż.


43      L-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja jirreferi għal “forsikringsklasse” fil-lingwa Daniża u għal “class of insurance” fil-lingwa Ingliża. L-anness ta’ din id-direttiva huwa intitolat, rispettivament, “Inddeling efter klasse” u “Classes of Insurance”.


44      Fil-fatt, l-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-anness jagħmlu riferiment għal “Einteilung nach Zweigen” fil-lingwa Ġermaniża, “Classification par branche” fil-lingwa Franċiża, “classificazione per ramo” fil-lingwa Taljana u “Indeling per branche” fil-lingwa Olandiża.


45      Il-lista ta’ “klassijiet ta’ assigurazzjoni” inżammet fid-direttivi li ġew wara l-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja (ara l-punt VII tal-anness I tad-Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja kkonsolidata u l-punt VII tal-anness II tad-Direttiva Solvibbiltà II).


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK (C-300/05, EU:C:2006:735, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-24 ta’ Ottubru 2013, Haasová (C-22/12, EU:C:2013:692, punt 48); u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs (C-277/12, EU:C:2013:685, punt 39).


47      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tissostitwixxi l-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, hija “sa fejn huma soġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għas-sorveljanza ta’ assigurazzjoni privata” (Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/83), u “sa fejn huma suġġetti għal superviżjoni mill-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni ta’ assigurazzjoni privata” (Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva Solvibbiltà II).


48      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Arthur Andersen (C-472/03, EU:C:2005:8, punt 13).


49      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Swiss Re Germany Holding (C-242/08, EU:C:2009:300, punt 25).


50      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2005, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C-472/03, EU:C:2005:135, punt 13), u tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Swiss Re Germany Holding (C-242/08, EU:C:2009:300, punt 25).


51      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 23).


52      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Aspiro (C-40/15, EU:C:2015:850, punt 39).


53      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża CPP (C-349/96, EU:C:1998:281, punt 26).


54      Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni fil-punt 30 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-primjum imħallas mill-assigurat huwa magħmul minn żewġ elementi: minn naħa waħda, ir-remunerazzjoni tas-servizz ipprovdut mill-assiguratur u, min-naħa l-oħra, kontribuzzjoni għal riżerva ta’ kapital li jiġi sussegwentement investit u użat sabiex jiggarantixxi r-riskji meta jseħħu, liema kontribuzzjoni ma hijiex, madankollu, imħallsa inkambju għal servizz u għalhekk ma tistax tkun suġġetta għall-VAT. Il-Kummissjoni tammetti li l-ammont totali tal-primjums imħallsa jista’ jiġi analizzat u maqsum skont iż-żewġ elementi msemmija, iżda, b’mod ġenerali, dan jista’ jsir biss a posteriori. B’hekk, l-ammont taxxabbli għal kull pagament ta’ primjum ta’ assigurazzjoni ma jistax jiġi stabbilit minn qabel, u dan huwa meħtieġ sabiex tiġi applikata s-sistema tal-VAT attwali.


55      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 18).


56      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C-240/99, EU:C:2001:140, punt 30).


57      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93).


58      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, EU:C:1999:93.


59      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, EU:C:1999:93.


60      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, EU:C:1999:93.


61      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C-240/99, EU:C:2001:140.


62      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, EU:C:1999:93.


63      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C-240/99, EU:C:2001:140.


64      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, EU:C:2009:669, punt 44).


66      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484, punt 45).