Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2020 (1)

Kawża C-331/19

Staatssecretaris van Financiën

vs

X

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxi — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 98 — Rati mnaqqsa — Anness III, punt 1 — Prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem u prodotti li normalment jintużaw sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel — Prodotti li jistimulaw il-libido”






 Introduzzjoni

1.        It-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, il-“VAT”) hija taxxa indiretta, fis-sens li l-piż ekonomiku tagħha jinkombi fuq il-konsumaturi tal-oġġetti u s-servizzi, b’żieda fil-prezz tagħhom. Bil-għan li jitnaqqas l-effett tat-taxxa fuq il-prezz ta’ wħud mill-oġġetti u s-servizzi meqjusa ta’ importanza soċjali partikolari, il-leġiżlatur stabbilixxa sensiela ta’ eżenzjonijiet tal-VAT u l-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ din it-taxxa. Din l-aħħar possibbiltà tirreferi, fost l-oħrajn, għal prodotti tal-ikel kif ukoll għal prodotti intiżi għall-produzzjoni, għas-supplimenti jew għas-sostituzzjoni tagħhom.

2.        Madankollu, jidher li l-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fl-imsemmija kategoriji toħloq diffikultajiet, kif muri mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward (2). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-opportunità li tispeċifika dawn il-kunċetti, li għandhom inaqqsu n-numru ta’ tali tilwimiet fil-futur, għalkemm bla dubju ma hijiex ser tevitahom għalkollox.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (3) jipprovdi kif ġej:

“Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern.”

4.        Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, “ikel” (jew ‘oġġetti ta’ l-ikel’) tfisser kull sustanza jew prodotti, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem.

‘Ikel’ jinkludi x-xorb, chewing gum u kwalunkwe sustanza, inkluż l-ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel waqt il-manifattura, tħejjija jew trattament […]

‘Ikel’ ma jinkludix:

a)      għalf;

b)      annimali ħajjin sakemm ma jkunux ippreparati għat-tqegħid fis-suq għall-konsum uman;

c)      pjanti qabel il-ħsad;

d)      prodotti mediċinali skond it-tifsira tad-Direttivi tal-Kunsill 65/65/KEE [...] u 92/73/KEE [...] tal-Kunsill;

e)      kosmetiċi skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE [...];

f)      tabakk u prodotti tat-tabakk skond it-tifsira tad-Diretttiva 89/622/KEE tal-Kunsill […];

g)      sustanzi narkotiċi jew psikotropiċi skond it-Tifsira tal-Konvenzjoni Unika tal-Ġnus Magħquda dwar Droga Narkotika, 1961, u l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar Sustanzi Psikotropiċi, 1971;

h)      fdalijiet u kontaminanti.”

5.        Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (4), l-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT stabbilita minn kull Stat Membru bħala perċentwali tal-ammont taxxabbli li għandha tkun l-istess għall-kunsinni ta’ beni u għall-provvisti ta’ servizzi.

6.        L-Artikolu 98(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva jipprovdu li:

“1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.      Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

[…]”

7.        L-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jelenka fil-punt 1 tiegħu:

“Oġġetti ta’ l-ikel (inkluż ix–xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel.”

 Id-dritt Olandiż

8.        Id-dritt Olandiż jipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti elenkati fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, skont l-Artikolu 9(2a) tal-Wet houdende vervanging van de bestaande omzetbelasting door een omzetbelasting volgens het stelsel van heffing over de toegevoegde waarde (il-Liġi li Tissostitwixxi t-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ b’Taxxa fuq il-Valur Miżjud) tat-28 ta’ Ġunju 1968, moqri flimkien mal-punt 1(a) sa (ċ) tat-Tabella I mehmuża ma’ dan l-att.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.        X, persuna taxxabbli għall-VAT, jopera ħanut tal-prodotti erotiċi (sex-shop). Fost il-prodotti li jbigħ hemm pilloli, qtar, trab u sprays orali intiżi li jistimulaw ix-xewqa sesswali (afrodiżijaċi). L-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti huma ta’ oriġini naturali.

10.      Bejn l-2009 u l-2013, il-persuna taxxabbli applikat, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, rati mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti tal-ikel. Madankollu, l-awtoritajiet tat-taxxa kkontestaw l-applikazzjoni ta’ din ir-rata peress li qiesu li l-prodotti inkwistjoni ma jikkostitwixxux prodotti tal-ikel għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-VAT u ordnaw li tiġi applikata r-rata ġenerali fir-rigward tagħhom.

11.      Din id-deċiżjoni ġiet appellata mill-persuna taxxabbli quddiem ir-rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fit-tieni istanza, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors tal-persuna taxxabbli billi qieset li l-użu tal-prodotti inkwistjoni bħala afrodiżijaċi ma jipprekludix it-tassazzjoni tagħhom skont ir-rata prevista għall-prodotti tal-ikel. Din il-qorti qieset li dawn il-prodotti huma intiżi għal użu orali u huma magħmula minn ingredjenti li jistgħu jinsabu fi prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, hija enfasizzat li d-definizzjoni ta’ prodotti tal-ikel adottata mil-leġiżlatur hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi prodotti li inambigwament ma humiex assoċjati mal-ikel, bħall-ħelu, iċ-chewing gum u l-kejkijiet.

12.      L-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) appella fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

13.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ prodotti tal-ikel iddestinati għall-konsum mill-bniedem, użat fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, intiż sabiex, jew raġonevolment mistenni li, jittiekel mill-bniedem, konformement mal-Artikolu 2 tar-[Regolament Nru 178/2002]?

Jekk din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett?

2)      Jekk prodotti li jistgħu jittieklu jew li jistgħu jinxtorbu ma jistgħux jitqiesu bħala prodotti tal-ikel iddestinati għall-konsum mill-bniedem, abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk dawn il-prodotti jistgħux jitqiesu bħala prodotti li normalment huma intiżi sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel?”

14.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2019. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr ma tinżamm seduta tas-smigħ.

 Analiżi

15.      Il-qorti tar-rinviju għamlet żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum tal-bniedem” u “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. Din l-interpretazzjoni għandha l-għan li tiċċara jekk l-imsemmija kunċetti, jew wieħed minnhom, jinkludux prodotti li jistgħu jistimulaw ix-xewqa sesswali (afrodiżijaċi) intiżi għall-konsum orali.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

16.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum tal-bniedem”. Il-qorti tar-rinviju tixtieq, b’mod partikolari, tiddetermina jekk l-imsemmija interpretazzjoni għandhiex tkun ibbażata fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott tal-ikel” li jinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002. Ir-risposta għal din id-domanda teżiġi interpretazzjoni letterali u teleoloġika tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, flimkien mal-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, u interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002.

 Analiżi letterali

17.      Kif ġustament irrilevat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, kif ukoll mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha, id-Direttiva 2006/112 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem”, u lanqas ma tirreferi għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. F’tali sitwazzjoni, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat f’konformità mat-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (5).

18.      Fil-lingwaġġ kurrenti, il-prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu assimilati mal-kunċett ta’ “ikel”, jiġifieri, prodotti li l-bnedmin jikkonsmaw fil-proċess tal-alimentazzjoni. Dan il-proċess għandu bħala għan l-għoti ta’ nutrijenti lill-ġisem: kostitwenti, nutrimenti enerġetiċi u regolaturi, u ilma. Dawn in-nutrijenti jgħinu lill-ġisem jibqa’ ħaj, kif ukoll jikkundizzjonaw il-funzjoni u l-attività tiegħu.

19.      Għalhekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” tinkludi l-prodotti kollha, ipproċessati jew le, li jipprovdu nutrijenti lill-ġisem tal-bniedem u li jiġu kkonsmati bil-għan li jipprovdu tali nutrijenti.

20.      Għalhekk, jien ma naqbilx mat-tħassib tal-qorti tar-rinviju espress fid-deċiżjoni tar-rinviju li element teleoloġiku fid-definizzjoni tal-imsemmi kunċett iwassal għal riskju għaċ-ċertezza legali. Skont l-imsemmija qorti tar-rinviju, ċerti prodotti tal-ikel huma kkonsmati għal għanijiet differenti miż-żamma tal-funzjonijiet vitali tal-ġisem u, madankollu, ma hemmx dubju li dawn jaqgħu fil-kuntest tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem”. Għalhekk, l-iskop tal-konsum tagħhom ma jistax jiddetermina l-klassifikazzjoni tagħhom. Id-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza fil-kawża prinċipali kienet ukoll ibbażata fuq dan ir-raġunament.

21.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq malintiż.

22.      Is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem ma għandux ikun limitat għall-mezzi l-iktar elementari li jservu dan il-għan. Għall-kuntrarju, it-tendenza għas-sofistikazzjoni u għal-lussu ilha parti mill-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu taż-żminijiet u, fejn din tkun ristretta, dan iseħħ prinċipalment minħabba nuqqas ta’ mezzi materjali sabiex dan jintlaħaq. Dan jidher biċ-ċar fil-każ tad-djar jew tal-ħwejjeġ; lil hinn mill-funzjoni bażika protettiva tagħhom, dawn jaqdu funzjonijiet oħra, pereżempju, ta’ estetika jew ta’ prestiġju. Madankollu, dawn jibqgħu dak li essenzjalment huma: palazz ta’ stil rococo huwa dar u libsa ta’ disinjatur magħruf hija ħwejjeġ, bl-istess mod bħalma huma, rispettivament, dar tal-injam jew qmis tal-għażel mhux ipproċessat.

23.      Dan japplika wkoll fil-każ tal-ikel. Li xi ikel ikun iktar raffinat u għali minn ieħor ma jbiddilx il-fatt li dan iservi sabiex jissodisfa dan l-istess bżonn essenzjali li jagħti lill-ġisem sustanzi nutrittivi indispensabbli għall-ħajja. Hija kwistjoni differenti l-fatt li dan ikollu kwalitajiet oħra, bħal pereżempju t-togħma. Din l-idea hija espressa perfettament f’kuntest differenti ħafna evokat mir-Reġina Franċiża Marie-Antoinette fejn sostniet li, fil-każ li l-poplu ma jkollux ħobż, għandu jitħalla jiekol il-kejkijiet.

24.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minbarra s-sustanzi nutrittivi, il-prodotti tal-ikel jista’ jkollhom numru ta’ sustanzi differenti, li jkunu diġà inklużi b’mod naturali jew jiġu miżjuda għall-konservazzjoni tagħhom, għat-titjib fit-togħma, eċċ. Bla dubju ta’ xejn, ma hemm ebda raġuni għalfejn dawn is-sustanzi jew il-prodotti li jinkluduhom ma jiġux ikklassifikati bħala prodotti tal-ikel fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

25.      Huwa irrilevanti, kif jindika ġustament il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-bniedem mhux dejjem jiekol bl-aqwa mod għal saħħtu, pereżempju jiekol ammonti kbar ta’ xaħmijiet u zokkor. Użu mhux adattat tal-prodotti tal-ikel mil-lat ta’ saħħa ma jċaħħadx lil dawn il-prodotti mill-kwalitajiet bażiċi nutrittivi.

26.      Bl-istess mod, huma wkoll irrilevanti ċ-ċirkustanzi li fihom jiġu kkonsmati l-prodotti tal-ikel. Il-kultura tal-bniedem tiġġenera numru ta’ drawwiet u ritwali li jakkumpanjaw azzjonijiet sempliċi min-natura tagħhom, bħall-konsum tal-ikel. Madankollu, il-karettun ma għandux jitqiegħed qabel iż-żiemel. Il-funzjonijiet soċjali tal-ikel, anki fil-każ li jkunu estensivi, huma sekondarji għall-funzjoni nutrittiva tiegħu. Anki l-bankett l-iktar lussuż iservi qabelxejn sabiex jissodisfa l-ġuħ u l-għanijiet l-oħra tiegħu għandhom biss irwol sekondarju (6).

27.      Kif indikat hawn fuq, inqis li fost il-prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu inklużi l-prodotti kollha li fihom sustanzi nutrittivi u li jiġu kkonsmati bil-għan li l-ġisem jiġi pprovdut b’dawn is-sustanzi, minkejja l-funzjonijiet l-oħra li jista’ jkollhom dawn il-prodotti, bħall-massimizzazzjoni tal-pjaċir mis-sensazzjonijiet tat-togħma u li l-konsum tagħhom jista’ jkun marbut ma’ avvenimenti soċjali.

28.      Madankollu, prodotti bħal dawk imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri faqqiegħ alluċinoġeniku jew iċ-chewing gum, ma humiex intiżi li jipprovdu sustanzi nutrittivi lill-ġisem meta jiġu kkonsmati mill-bniedem, b’mod li ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala prodotti tal-ikel fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

29.      Dan japplika wkoll fir-rigward tal-afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn ma jittiħdux sabiex jipprovdu sustanzi nutrittivi lill-ġisem, iżda sabiex jistimulaw ix-xewqa sesswali. Għalhekk, għalkemm jistgħu jinfluwenzaw ċerti funzjonijiet tal-ġisem, dawn ma għandhomx funzjoni nutrittiva.

30.      Din il-konstatazzjoni b’ebda mod ma tippreġudika ċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq fid-deċiżjoni ta’ rinviju, li l-ingredjenti ta’ dawn l-afrodiżijaċi huma sustanzi li jistgħu wkoll jagħmlu parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti tal-ikel. Fil-fatt, jekk prodott ikun ta’ natura kumplessa, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala prodott tal-ikel għall-finijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandha tiddependi min-natura tal-prodott fl-intier tiegħu u mhux mill-komponenti differenti tiegħu. L-ingredjenti tal-afrodiżijaċi jintgħażlu u jiġu kkombinati minħabba l-effett tagħhom fuq ix-xewqa sesswali u mhux minħabba l-kwalitajiet nutrittivi tagħhom.

31.      Din il-kwalità tiddistingwi lil dawn l-afrodiżijaċi minn prodotti tal-ikel, inklużi dawk il-prodotti tal-ikel li, minbarra l-kwalitajiet nutrittivi, għandhom ukoll effett afrodiżijaku, bħal pereżempju ċerti molluski.

 Analiżi teleoloġika

32.      L-analiżi preċedenti hija kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha ċ-ċans li tiddikjara li l-iskop tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 huwa li jitnaqqas il-prezz ta’ ċerti oġġetti meqjusa bħala partikolarment bżonjużi u, għaldaqstant li dawn isiru iktar aċċessibbli għall-konsumatur, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-persuna li tħallas il-VAT (7). Fir-rigward tal-prodotti tal-ikel imsemmija fil-punt 1 ta’ dan l-anness, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikathom bħala oġġetti essenzjali (8).

34.      Fl-opinjoni tiegħi, dan l-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jimmilita favur interpretazzjoni li tillimita l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti kkonsmati sabiex jiġi ssodisfatt wieħed mill-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri l-ħtieġa għal nutrizzjoni, mifhuma bħala l-provvista ta’ sustanzi nutrittivi lill-ġisem.

35.      Fir-rigward tal-argument li mhux il-prodotti kollha li normalment jitqiesu bħala ikel huma meħtieġa mill-perspettiva ta’ nutrizzjoni, intenni l-argumenti esposti fil-punti 22 sa 26 tal-konklużjonijiet preżenti: il-fatt li ċerti prodotti tal-ikel għandhom kwalitajiet supplimentari, minbarra dawk strettament nutrittivi, pereżempju, it-togħma, u jista’ jsir użu ħażin minnhom, ma jbiddilx il-fatt li fl-aħħar mill-aħħar l-għan tal-konsum tagħhom huwa li jiġi ssodisfatt bżonn nutrittiv.

36.      Barra minn hekk, ikun diffiċli li tinqata’ linja oġġettiva bejn il-prodotti tal-ikel meħtieġa għall-għanijiet nutrittivi u l-prodotti ta’ natura lussuża. Wara kollox, jista’ jittiekel ukoll ħobż bil-butir bħala esperjenza ta’ togħma u mhux biss sabiex jittaffa l-ġuħ.

37.      Għandu jiġi osservat ukoll li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT taħt l-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112 hija ta’ natura eċċezzjonali u fakultattiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa biss għal ċerti kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi msemmija fil-punti differenti tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jew li jeskludu l-applikazzjoni tagħha għal ċerti kategoriji tal-imsemmija prodotti jew servizzi. L-uniku rekwiżit huwa li jiddemarkaw preċiżament l-imsemmija kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi u l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (9).

38.      Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti kategoriji ta’ prodotti tal-ikel mill-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT jekk iqisu li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet li jimmotivaw l-applikazzjoni ta’ tali rata.

39.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu għamel użu minn din il-possibbiltà billi eskluda x-xarbiet alkoħoliċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. Dan il-leġiżlatur qies b’mod ċar li tali xarbiet, għalkemm huma prodotti tal-ikel, jistgħu jkunu wkoll kawża ta’ dipendenzi varji u ta’ mard, b’tali mod li l-konsum tagħhom ma għandux ikun imħeġġeġ permezz tat-tnaqqis tar-rata tal-VAT.

40.      L-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, ma tippermettix għaldaqstant li f’din id-dispożizzjoni jiġu inklużi dawk il-prodotti li jservu sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet differenti minn dawk nutrittivi, bħall-afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali

41.      Fl-aħħar nett, għandu jingħad li, kif sostna ġustament il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni li skontha l-afrodiżijaċi intiżi għall-użu orali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 u b’hekk ikunu suġġetti għal tassazzjoni b’rata mnaqqsa tal-VAT tista’ timplika ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

42.      Dan il-prinċipju jipprekludi li beni jew provvisti ta’ servizzi simili, li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (10).

43.      Kif inhu magħruf, minbarra l-afrodiżijaċi intiżi għall-użu orali, jeżistu wkoll prodotti b’effetti simili, li huma intiżi li jintużaw b’mod differenti. Dawn il-prodotti għandhom jitqiesu li qegħdin jikkompetu mal-afrodiżijaċi orali li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, dawn ma jistgħux jibbenefikaw minn tassazzjoni b’rata mnaqqsa tal-VAT peress li ma huma inklużi f’ebda waħda mill-kategoriji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

44.      Għalhekk, trattament differenzjat tal-kategoriji differenti ta’ prodotti li jservu sabiex jistimulaw ix-xewqa sesswali skont kif jintużaw imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

 L-effett tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002

45.      Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott tal-ikel” fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002.

46.      Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. Kif jenfasizzaw il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom, din il-leġiżlazzjoni għandha għanijiet kompletament differenti mill-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112 u mill-Anness III ta’ din.

47.      Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, l-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tan-nies u l-interess tal-konsumaturi fir-rigward tal-ikel. Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott tal-ikel” fis-sens tal-imsemmi regolament tkopri kwalunkwe sustanza jew prodott “maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”, jiġifieri kwalunkwe sustanza jew prodott li jistgħu raġonevolment jittieħdu mill-bnedmin u li jistgħu jkollhom effett fuq is-saħħa tal-bniedem (inkluż b’mod negattiv), indipendentement mill-għan tal-konsum. L-unika eċċezzjoni f’dan il-każ huma prodotti suġġetti għal standards speċjali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom għas-saħħa tal-bniedem, bħal prodotti mediċinali. Għall-kuntrarju, id-definizzjoni fl-imsemmi regolament madankollu ma tkoprix il-prodotti li ma għandhomx effett dirett fuq is-saħħa tal-bniedem, peress li dawn normalment ma jiġux ikkonsmati mill-bniedem, bħall-għalf, l-annimali ħajjin jew il-pjanti qabel il-ħsad tagħhom (11).

48.      Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 huwa differenti. Fil-fatt, dan l-anness għandu l-għan li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT skont l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva. L-għan li titnaqqas ir-rata tal-VAT huwa t-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ ċerti oġġetti u servizzi li, skont il-leġiżlatur, jissodisfaw bżonnijiet essenzjali tal-konsumaturi (12). Għalhekk, il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 mhux biss jinkludi l-prodotti intiżi għall-konsum mill-bniedem, iżda saħansitra l-beni intiżi għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti, bħall-għalf, l-annimali ħajjin, iż-żerriegħa, il-pjanti u l-ingredjenti normalment intiżi għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel (13). Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda x-xorb alkoħoliku mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni peress li ma jissodisfax il-kriterji teleoloġiċi ta’ tnaqqis tar-rata tal-VAT.

49.      Konsegwentement, il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 għandhom għanijiet differenti, li jikkorrispondu għall-kamp ta’ applikazzjoni materjali differenti tagħhom. Għalhekk, l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament ma jistax iservi bħala punt ta’ riferiment għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

50.      Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjonijiet simili meta eżaminat ir-relazzjoni bejn il-kunċett ta’ “annimali ħajjin [...] normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 504/2008 (14) fir-rigward taż-żwiemel (15).

51.      Għal dawn ir-raġunijiet, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 78/2002 ma jaffettwax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

52.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fis-sens li l-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett previst hemmhekk ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” jirreferi għal prodotti li fihom sustanzi nutrittivi u li, fil-prinċipju, jiġu kkonsmati bil-għan li jipprovdu lill-ġisem uman bl-imsemmija sustanzi nutrittivi.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

53.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”. Din id-domanda tressqet sabiex isir magħruf jekk l-istess afrodiżijaċi bħal dawk imsemmija fl-ewwel domanda jistgħux possibbilment jitqiesu li jikkostitwixxu tali prodotti.

54.      Nixtieq infakkar li, f’konformità mar-risposta li nipproponi li tingħata lill-ewwel domanda preliminari, għandhom jiġu inklużi mal-prodotti tal-ikel fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni dawk il-prodotti kkonsmati minħabba s-sustanzi nutrittivi li fihom jew minħabba l-irwol tagħhom fil-proċess ta’ nutrizzjoni.

55.      Raġunament simili jista’ jiġi applikat fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”. Jekk il-karatteristika tal-prodotti tal-ikel hija li jkun fihom sustanzi nutrittivi u li dawn jittieħdu prinċipalment sabiex jipprovdu tali sustanzi lill-ġisem, is-supplimenti jew is-sostitwenti tal-prodotti tal-ikel għandu jkollhom l-istess karatteristiċi.

56.      B’mod partikolari, il-prodotti li jissostitwixxu prodotti tal-ikel għandhom jinftiehmu, fl-opinjoni tiegħi, bħala dawk il-prodotti li ma humiex prodotti tal-ikel, iżda li fihom sustanzi nutrittivi u li jittieħdu minflok prodotti tal-ikel sabiex jipprovdu lill-ġisem bl-imsemmija sustanzi f’każ ta’ nuqqas tagħhom f’dieta normali.

57.      Barra minn hekk, is-supplimenti tal-prodotti tal-ikel jistgħu jinkludu prodotti kkonsmati sabiex jikkumplimentaw il-funzjonijiet nutrittivi tal-prodotti tal-ikel, pereżempju, it-titjib tal-assorbiment tas-sustanzi nutrittivi. Għalhekk, dawn huma prodotti differenti minn prodotti farmaċewtiċi, peress li huma suġġetti għal regolamentazzjoni differenti skont il-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

58.      Din il-konklużjoni hija wkoll konsistenti mal-għanijiet tal-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, imfakkra fil-punt 33 tal-konklużjonijiet preżenti.

59.      Dan ifisser li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel” dawk il-prodotti li, għalkemm jistgħu jiġu kkonsmati mill-bniedem, ma jkollhom ebda rabta mal-konsum ta’ prodotti tal-ikel fis-sens imsemmi iktar ’il fuq u jiġu kkonsmati bi skop ieħor għajr dak li jipprovdu nutrijenti lill-ġisem. Dan huwa l-każ, fost oħrajn, tal-afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Konklużjoni

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domandi preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett previst hemmhekk ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” jirreferi għal prodotti li fihom sustanzi nutrittivi u li, fil-prinċipju, jiġu kkonsmati bil-għan li jipprovdu lill-ġisem uman bl-imsemmija sustanzi nutrittivi, filwaqt li l-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel” ifisser prodotti li ma humiex prodotti tal-ikel iżda li fihom sustanzi nutrittivi u li jiġu kkonsmati minflok prodotti tal-ikel sabiex jipprovdu l-imsemmija sustanzi lill-ġisem, kif ukoll prodotti kkonsmati sabiex jistimulaw il-funzjonijiet nutrittivi ta’ prodotti tal-ikel jew ta’ prodotti użati sabiex jissupplimentawhom jew jissostitwixxuhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/09, EU:C:2011:108); tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et (C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135); u tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ (C-499/16, EU:C:2017:846).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2016, L 227, p. 5, u fil-ĠU 2014, L 327, p. 9.


4      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335,p. 60.


5      Ara s-sentenza reċenti tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C-516/17, EU:C:2019:625, punt 65).


6      Skont aforiżmu magħruf, “il-Ħallieq, meta obbliga lill-bniedem jiekol sabiex jibqa’ ħaj, iħeġġu jagħmel dan permezz tal-aptit u jikkumpensah għal dan bi pjaċir” (“Le Créateur, en obligeant l’homme à manger pour vivre, l’y invite par appétit et l’en récompense par le plaisir”; J. A. Brillat-Savarin, Physiologie du goût, Pariġi, 1825).


7      Ara s-sentenza reċenti tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium (C-573/15, EU:C:2017:189, punt 22), kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/09, EU:C:2011:108, punt 53), fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel.


8      Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/09, EU:C:2011:108, punt 53).


9      Ara, rigward kategorija speċifika ta’ prodotti tal-ikel, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ (C-499/16, EU:C:2017:846, punti 23 u 24).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ (C-499/16, EU:C:2017:846, punt 30).


11      Ara l-esklużjoni prevista fil-punti (a), (b) u (ċ) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002.


12      Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-iskop tal-inklużjoni tal-annimali ħajjin fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/09, EU:C:2011:108, punti 54 sa 57).


14      Regolament tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2008 li jimplimenta d-Direttivi tal-Kunsill 90/426/KEE u 90/427/KEE fir-rigward tal-metodi għall-identifikazzjoni ta’ l-equidae (ĠU 2008, L 149, p. 3).


15      Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/09, EU:C:2011:108, punti 61 sa 64).