Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JEAN RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl-1 ta’ Ottubru 2020 (1)

Kawża C-501/19

UCMR – ADA Asociaž ia pentru Drepturi de Autor a Compozitorilor

vs

Pro Management Insolv IPURL, bħala likwidatur ta’

Asociaţia Culturală „Suflet de Român“

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Remunerazzjonijiet għax-xandir ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku – Ħlas ta’ liċenzja mhux esklużiva mill-utenti tax-xogħlijiet – Soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li tirċievi dawn ir-remunerazzjonijiet għan-nom tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1), tal-Artikolu 25(a) u tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Uniunea Compozitorilor și Muzicologilor din România – Asociația pentru Drepuri de Autor (l-Unjoni tal-Kompożituri u tal-Mużikoloġi tar-Rumanija – Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Awtur, iktar ’il quddiem l-“UCMR – ADA”), u l-Asociația Culturală “Suflet de Român” (l-Assoċjazzjoni Kulturali “Ruħ Rumena”, iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni kulturali”), attwalment fi stralċ, dwar il-pagament ta’ parti mill-ħlasijiet, flimkien mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), dovuti minn din tal-aħħar lill-UCMR – ADA għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, b’mod partikolari l-eżekuzzjoni pubblika, ta’ xogħlijiet mużikali waqt spettaklu.

3.        B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-okkażjoni li tippreċiża liema huma, fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT, l-obbligi tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali u dawk tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, meta dawn jirċievu ħlasijiet dovuti inkambju għall-ħruġ, minnhom, ta’ liċenzji mhux esklużivi għall-użu tax-xogħlijiet inkwistjoni, għan-nom ta’ dawn id-detenturi, u meta dawn tal-aħħar iħallsuhom kummissjoni għall-amministrazzjoni kollettiva tar-remunerazzjonijiet tagħhom.

4.        L-analiżi tat-tranżazzjonijiet hekk imwettqa b’dan l-intervent, frekwenti fil-prattika, ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li la hija d-detentur u lanqas ma tittrasferixxi hija stess id-drittijiet tal-awtur u ma hijiex benefiċjarju tal-ħlasijiet irċevuti, ser twassalni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur iwettqu provvista ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva tal-VAT u li tippreċiża l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan għal kull waħda mill-persuni taxxabbli skont jekk is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva taġixxix f’isimha stess jew għan-nom ta’ dawn id-detenturi.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva tal-VAT

5.        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

6.        L-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

7.        Skont l-Artikolu 25(a) tal-imsemmija direttiva:

“Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:

a)      l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk mhix soġġetta għal att li jistabbilixxi titolu”.

8.        L-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”

B.      Id-dritt Rumen

1.      Il-Kodiċi tat-Taxxa

9.        L-Artikolu 126(1)(a) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003, dwar il-Kodiċi tat-Taxxa) (3) tat-22 ta’ Diċembru 2003, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-VAT, huma taxxabbli fir-Rumanija t-tranżazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)      it-tranżazzjonijiet li, fis-sens tal-Artikoli 128 sa 130, jikkostitwixxu jew huma meqjusa bħala provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi, li jaqgħu taħt il-VAT, magħmula bi ħlas.”

10.      L-Artikolu 129 tal-Kodiċi tat-Taxxa, intitolat “Provvista ta’ servizzi”, jipprovdi:

“1.      ‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija, kif iddefinita fl-Artikolu 128.

2.      Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.

3.      Il-provvisti ta’ servizzi jinkludu tranżazzjonijiet bħal:

[...]

b)      l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk ma hijiex suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu, b’mod partikolari: it-trasferiment u/jew iċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-awtur, privattivi, liċenzji, trade marks u drittijiet simili oħra;

[...]

e)      servizzi ta’ intermedjazzjoni mwettqa minn persuni li jaġixxu f’isem u għan-nom ta’ persuni oħra, meta dawn jintervjenu fil-kuntest ta’ kunsinna ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi.

[...]”

2.      Il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur

11.      L-Artikolu 13(f) tal-legea nr. 8/1996 privind dreptul de autor și drepturile conexe (il-Liġi Nru 8/1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Konnessi) (4), tal-14 ta’ Marzu 1996, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-użu ta’ xogħol joħloq, għall-awtur, drittijiet patrimonjali distinti u esklużivi li jippermettulu jawtorizza jew jipprojbixxi:

[...]

f)      il-komunikazzjoni diretta jew indiretta tax-xogħol lill-pubbliku, bi kwalunkwe mezz, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu lill-pubbliku, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jkollu aċċess għalih minn post u f’ħin magħżul individwalment minnu.”

12.      It-Titolu III ta’ din il-liġi huwa intitolat “Amministrazzjoni u difiża tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati”. Il-Kapitolu I tiegħu, dwar l-“[a]mministrazzjoni tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur u tad-drittijiet relatati”, jinkludi tliet taqsimiet. L-Artikoli 123 sa 1234 huma inklużi fit-Taqsima I, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”.

13.      L-Artikolu 123(1) u (3) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilhom bis-saħħa ta’ din il-liġi, personalment jew, abbażi ta’ mandat, permezz tal-intervent tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, bil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi preżenti.

[...]

3.      Id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati ma jistgħux jittrasferixxu d-drittijiet patrimonjali rrikonoxxuti minn din il-liġi lil soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva.”

14.      Skont l-Artikolu 1231 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur:

“1.      L-amministrazzjoni kollettiva hija obbligatorja għall-eżerċizzju tad-drittijiet li ġejjin:

[...]

(e)      id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku [...]

[...]

2.      Għall-kategoriji ta’ drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirrappreżentaw ukoll lid-detenturi ta’ drittijiet li ma jkunux tawhom mandat.”

15.      L-Artikolu 125(2) ta’ din il-liġi, inkluż fit-Taqsima II, intitolata “Soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati”, jipprovdi:

“[I]s-soċjetajiet [għall-amministrazzjoni kollettiva] għandhom jiġu stabbiliti direttament mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u għandhom jaġixxu fil-limiti tal-mandat mogħti lilhom u fuq il-bażi tal-istatut adottat skont il-proċedura prevista mil-liġi.”

16.      L-Artikolu 1291 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-amministrazzjoni kollettiva tkun obbligatorja, jekk detentur [tad-drittijiet tal-awtur] ma jkun affiljat ma’ ebda soċjetà, il-kompetenza għandha taqa’ f’idejn is-soċjetà tas-settur li jkollha l-ikbar numru ta’ membri. Id-detenturi ta’ drittijiet mhux irrappreżentati jistgħu jitolbu s-somom dovuti lilhom fi żmien tliet snin mid-data tan-notifika. Wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, is-somom mhux imqassma jew mhux mitluba għandhom jintużaw skont id-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ amministrazzjoni.”

17.      Fi ħdan it-Titolu III, Kapitolu I, tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, it-Taqsima III, intitolata “Funzjonament tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva”, tinkludi l-Artikoli 130 sa 135.

18.      L-Artikolu 130(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom l-obbligu:

a)      li jagħtu awtorizzazzjonijiet mhux esklużivi lill-utenti li jagħmlu talba f’dan is-sens qabel ma jagħmlu użu mir-repertorju protett, bi ħlas, permezz ta’ liċenzja mhux esklużiva, li ssir bil-miktub;

b)      li jfasslu metodoloġiji għas-setturi ta’ attività tagħhom, li jinkludu d-drittijiet patrimonjali xierqa, li għandhom jiġu nnegozjati mal-utenti għall-ħlas tal-imsemmija drittijiet fil-każ ta’ xogħlijiet fejn il-mod ta’ użu tagħhom jagħmilha impossibbli li tingħata awtorizzazzjoni individwali mid-detenturi tad-drittijiet;

c)      li jikkonkludu, għan-nom tad-detenturi tad-drittijiet li jkunu tawhom mandat jew skont ftehimiet konklużi ma’ soċjetajiet korrispondenti barra mill-pajjiż, kuntratti ġenerali mal-organizzaturi tal-ispettakli [...];

[...]

e)      li jirċievu s-somom dovuti mill-utenti u li jqassmuhom bejn id-detenturi tad-drittijiet [...];

[...]”

19.      L-Artikolu 1311(1) tal-imsemmija liġi, li jikkompleta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 130(1)(b) jipprovdi:

“Il-metodoloġija għandha tiġi nnegozjata mis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva flimkien mar-rappreżentanti msemmija fl-Artikolu 131(2)(b), b’osservanza tal-kriterji prinċipali li ġejjin:

a)      il-kategorija tad-detenturi tad-drittijiet, membri jew mhux membri, u s-settur li fih isiru n-negozjati;

[...]”

20.      Skont l-Artikolu 134 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur:

“1.      L-eżerċizzju tal-amministrazzjoni kollettiva prevista mill-mandat bl-ebda mod ma jillimita d-drittijiet patrimonjali tad-detenturi.

2.      L-amministrazzjoni kollettiva għandha tiġi eżerċitata skont ir-regoli li ġejjin:

a)      id-deċiżjonijiet dwar il-metodi u r-regoli għall-ġbir tar-remunerazzjonijiet u tal-ammonti l-oħra mingħand l-utenti u t-tqassim ta’ dawn l-ammonti bejn id-detenturi tad-drittijiet, kif ukoll dawk li jirrigwardaw aspetti oħra iktar importanti tal-amministrazzjoni kollettiva, għandhom jiġu stabbiliti mill-membri fil-kuntest tal-laqgħa ġenerali, skont l-istatut;

b)      il-kummissjoni dovuta mid-detenturi tad-drittijiet li huma membri ta’ organizzazzjoni ta’ amministrazzjoni kollettiva sabiex ikopru l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din tal-aħħar [...] u l-kummissjoni dovuta lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li hija l-unika entità reċipjenti [...] ma jistgħux jirrappreżentaw, flimkien, iktar minn 15 % tal-ammonti irċevuti kull sena;

c)      fl-assenza ta’ deċiżjoni espliċita tal-laqgħa ġenerali, l-ammonti rċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva ma jistgħux jintużaw għal finijiet komuni għajr it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż effettivi marbuta mal-ġbir tal-ammonti dovuti u mat-tqassim tagħhom bejn il-membri; il-laqgħa ġenerali tista’ tiddeċiedi li massimu ta’ 15 % tal-ammonti rċevuti jistgħu jintużaw għal finijiet komuni u biss fil-limiti tas-settur tal-attività;

d)      l-ammonti rċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom jitqassmu individwalment bejn id-detenturi tad-drittijiet pro rata għall-użu tar-repertorju ta’ kull wieħed minnhom, sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data li fiha jkunu nġabru; id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jitolbu l-ħlas tal-ammonti rċevuti fuq bażi nominali jew li t-tqassim tagħhom ma jkunx jeħtieġ il-preżentazzjoni ta’ dokumenti speċifiċi fi żmien 30 jum mid-data li fiha jkunu ġew irċevuti;

e)      il-kummissjoni dovuta mid-detenturi tad-drittijiet għandha tinġabar fuq l-ammonti dovuti lil kull wieħed minnhom wara kalkolu tat-tqassim individwali;

[...]

3.      Il-ħlasijiet magħmula lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva ma humiex u ma jistgħux jiġu assimilati ma’ dħul ta’ dawn tal-aħħar.

4.      Fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, skont din il-liġi, ma jistgħux jiġu ttrasferiti jew ċeduti, lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, jew l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.      L-UCMR – ADA hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur fuq ix-xogħlijiet mużikali. Hija ġiet innominata mill-Oficiul Român pentru Drepturile de Autor (l-Uffiċċju Rumen tad-Drittijiet tal-Awtur) bħala l-unika entità li tirċievi d-drittijiet patrimonjali tal-awtur fuq il-komunikazzjoni, lill-pubbliku, ta’ tali xogħlijiet fil-kuntest ta’ kunċerti, ta’ spettakli jew anki ta’ avvenimenti artistiċi.

22.      Fis-16 ta’ Novembru 2012 l-assoċjazzjoni kulturali organizzat spettaklu li matulu ġew interpretati xogħlijiet mużikali. Għal dan l-għan, din tal-aħħar kienet kisbet mingħand l-UCMR – ADA liċenzja mhux esklużiva għall-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ pagament ta’ ħlasijiet għall-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku.

23.      Wara r-rifjut tal-assoċjazzjoni kulturali li twettaq il-ħlasijiet kollha mitluba mill-UCMR – ADA, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) u l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ikkonstataw li t-talba tal-UCMR – ADA kienet fondata. Madankollu, il-qorti tal-appell iddeċidiet li t-tranżazzjoni tal-ġbir tal-ħlasijiet mill-UCMR – ADA għall-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku ma kinitx taxxabbli bil-VAT u, konsegwentement, mill-ammont tal-ħlasijiet li kienu għadhom dovuti mill-assoċjazzjoni naqqset l-ammont tal-VAT.

24.      Quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, l-UCMR – ADA ssostni b’mod partikolari li, permezz tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tal-appell kisret il-Kodiċi tat-Taxxa billi eskludiet l-applikazzjoni tal-VAT fuq il-ħlasijiet imposti fuq l-assoċjazzjoni kulturali bħala utent tax-xogħlijiet mużikali inkwistjoni. L-UCMR – ADA ssostni li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, peress li din id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell għandha l-effett li timponi fuqha l-piż tal-VAT, filwaqt li hija ma hijiex l-utent finali ta’ dawn ix-xogħlijiet.

25.      L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-klassifikazzjoni, fid-dawl tas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (5), tat-tranżazzjoni li permezz tagħha d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali jawtorizzaw l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet mill-organizzaturi ta’ spettakli. Din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi “Provvista ta’ servizzi bi ħlas” u, b’mod iktar partikolari, “assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli” fis-sens tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT?

26.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, billi tirreferi għas-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Henfling et (6) , jekk is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, li tirċievi ħlasijiet mingħand l-utenti ta’ xogħlijiet mużikali, twettaqx hija stess provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, toħloq finzjoni ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi pprovduti b’mod konsekuttiv, filwaqt li din is-soċjetà tista’ tirrappreżenta detenturi ta’ drittijiet tal-awtur mingħajr mandat u hija tamministra dawn id-drittijiet skont obbligi legali. Min-naħa l-oħra, hija tixtieq tkun taf il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan fir-rigward tal-bażi ta’ kalkolu tal-VAT u l-fatturazzjoni tagħha kemm mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva kif ukoll mill-awturi fil-kuntest tal-ġbir tat-tariffi.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-proprjetarji ta’ drittijiet fuq ix-xogħolijiet mużikali jwettqu provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva [tal-VAT], favur l-organizzaturi ta’ spettakli li mingħandhom is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirċievu f’isimhom stess, iżda għan-nom ta’ dawn il-proprjetarji, ħlasijiet għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet mużikali, abbażi ta’ awtorizzazzjoni (liċenzja mhux esklużiva)?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, meta jirċievu ħlasijiet mingħand organizzaturi ta’ spettakli għad-dritt ta’ komunikazzjoni tax-xogħolijiet mużikali lill-pubbliku, jaġixxu fil-kwalità tagħhom ta’ persuni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT u huma marbuta li jipprovdu fatturi li jinkludu l-VAT lill-organizzaturi ta’ spettakli inkwistjoni? L-awturi u l-proprjetarji l-oħra ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħolijiet mużikali huma min-naħa tagħhom marbuta, meta jiġu ddistribwiti lilhom il-ħlasijiet, li jipprovdu fatturi li jinkludu l-VAT lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva?”

28.      L-UCMR – ADA ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub, bħalma għamlu wkoll il-Gvern Rumen, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea li rrispondew ukoll fit-terminu stabbilit għad-domandi għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li ddeċidiet li tagħti deċiżjoni dwar il-kawża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV.    Analiżi

29.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda t-tassazzjoni tal-VAT ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li għandhom bħala għan il-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku permezz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awturi ta’ dawn ix-xogħlijiet.

30.      Din id-domanda tippreżenta sensittività partikolari, peress li s-sistema ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati għan-nom ta’ diversi detenturi ta’ dawn id-drittijiet u għall-benefiċċju kollettiv tagħhom hija antika ħafna u attiva fl-Istati Membri kollha. Din hija ppreżentata bħala l-iktar mezz adegwat kemm għall-awturi sabiex jamministraw id-drittijiet tagħhom, fosthom dak tal-użu tax-xogħlijiet tagħhom bi ħlas, kif ukoll għall-utenti sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għax-xogħlijiet (7).

31.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni bħala “provvista ta’ servizzi” li fiha aġent jinvolvi ruħu fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT.

32.      Konsegwentement, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jwasslu, fil-fehma tiegħi, sabiex, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu stabbiliti, minn naħa, il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni bħala “provvista ta’ servizzi” ta’ tranżazzjoni li taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ wieħed mid-drittijiet protetti li l-awturi huma detenturi tagħhom, jiġifieri d-dritt għal remunerazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT u ppreċiżati fl-Artikolu 25(a) tagħha (8), kif ukoll dawk għall-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ intervent fil-qasam ta’ proprjetà intanġibbli.

33.      Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu ppreċiżati l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu tat-tassazzjoni tal-VAT kif ukoll tal-fatturazzjoni, skont l-Artikolu 220(1) tad-Direttiva tal-VAT (9).

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

34.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali jipprovdu provvista ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ organizzaturi ta’ spettakli li huma awtorizzati jikkomunikaw dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku permezz tal-pagament ta’ ħlasijiet irċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva f’isimha, għan-nom ta’ dawn id-detenturi tad-drittijiet.

35.      Id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jirriżultaw mit-tħassib tagħha dwar il-portata tas-sentenza SAWP minħabba l-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja użat sabiex tiddeċiedi li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni li, għan-nom tagħhom, soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati kienu rċevew, f’isimhom stess, ħlasijiet fuq il-bejgħ ta’ tagħmir li jaħżen id-data vojt u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni, ma kinux iwettqu provvista ta’ servizzi, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT (10).

36.      Għalkemm din l-approssimazzjoni mas-sentenza SAWP jidhirli li hija xierqa minħabba l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kwistjoni dwar it-tassazzjoni tal-VAT ta’ tranżazzjoni relatata mal-użu ta’ drittijiet tal-awtur protetti amministrati minn soċjetà kollettiva u minħabba r-raġunament ġuridiku adottat, il-portata tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tkun limitata għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza li fiha hija stabbilixxiet żewġ kriterji.

37.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, li l-ħlas inkwistjoni kien impost mil-liġi, li kienet tiddetermina l-ammont tiegħu, fuq produtturi u importaturi ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni (11) u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħlas kien intiż sabiex jiffinanzja l-kumpens ġust għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni favur id-detenturi tagħhom (12). Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-kumpens ġust ma jikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ kwalunkwe servizz, għaliex dan huwa marbut mal-ħsara li tirriżulta għal dawn id-detenturi mir-riproduzzjoni tax-xogħlijiet protetti tagħhom, li saret mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom” (13).

38.      Konsegwentement, f’dan il-każ, huwa essenzjali li jiġi rrilevat li l-analiżi tirrigwarda r-remunerazzjoni tal-awturi għall-komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom lill-pubbliku u mhux kumpens ġust bħala kumpens għal dannu li jirriżulta mix-xandir tax-xogħlijiet tagħhom. Għalhekk, għalkemm l-iffissar u l-ġbir ta’ din ir-remunerazzjoni huma rregolati mil-liġi, is-sistema tagħhom mill-perspettiva ekonomika, li ser nippreċiża iktar ’il quddiem (14), ma tistax tiġi assimilata ma’ dik li l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat fis-sentenza SAWP.

39.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li minn dik is-sentenza tadotta biss il-metodu ta’ analiżi tad-diversi tranżazzjonijiet imwettqa bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u l-utent finali bl-intervent ta’ kumpannija inkarigata mill-ġbir u mit-tqassim tal-ħlasijiet dovuti lill-awturi.

40.      Għalhekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, jista’ jitfakkar, l-ewwel nett, preliminarjament, li, fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT, dan il-kunċett huwa ddefinit biss b’kuntrast ma’ dak ta’ “provvista ta’ merkanzija” (15).

41.      It-tieni nett, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SAWP, għandu jiġi evalwat, qabel il-kwistjoni dwar jekk provvista ta’ servizzi tistax tikkonsisti fi trasferiment ta’ proprjetà intanġibbli, jekk tali tranżazzjoni ssirx bi ħlas. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, sabiex taqa’ fl-ambitu ta’ din tal-aħħar, tali provvista ta’ servizzi għandha titwettaq, fi kwalunkwe każ, bi ħlas (16). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni legali li matulha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ikun il-każ jekk tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut, billi s-somom imħallsin ikunu jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli pprovdut fil-kuntest ta’ tali relazzjoni legali (18).

42.      It-tielet nett, “[l]-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT jelenka, b’mod indikattiv, tliet tranżazzjonijiet differenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi, fosthom dik fl-ittra (a), li [t]ikkonsist[i] fl-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli” (19).

43.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT.

44.      Fir-rigward tar-relazzjoni ġuridika li teżisti bejn id-detentur tad-drittijiet tal-awtur u l-utent finali, jidhirli li mil-leġiżlazzjoni Rumena jirriżulta li dan id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jista’ jiġi kklassifikat bħala “fornitur ta’ servizzi”, minkejja l-intervent ta’ intermedjarju, u li l-imsemmi detentur tad-drittijiet tal-awtur jirċievi korrispettiv fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (20). Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li jeżistu provvisti reċiproċi bejn id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jqiegħed ix-xogħol tiegħu għad-dispożizzjoni tal-utent u dan tal-aħħar li jħallsu sabiex ikun jista’ jippreżentah lill-pubbliku.

45.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ma jistgħux iċedu d-drittijiet patrimonjali tagħhom lis-soċjetajiet li, għan-nom ta’ dawn id-detenturi, huma responsabbli mill-amministrazzjoni kollettiva u obbligatorja tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ komunikazzjoni tax-xogħlijiet mużikali lill-pubbliku. Hija żiedet li, qabel kull użu mir-repertorju tax-xogħlijiet mużikali protett, l-utenti għandhom jagħmlu talba għal awtorizzazzjoni (21), bi ħlas, permezz ta’ liċenzja mhux esklużiva, liema talba għandha ssir bil-miktub.

46.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju esponiet li d-drittijiet patrimonjali huma dovuti lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur skont “metodoloġiji” nnegozjati, mal-utenti (22), mis-soċjetà inkarigata mill-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tagħhom (23) u huma s-suġġett ta’ ġbir u ta’ tqassim tal-ħlasijiet bejn id-detenturi tad-drittijiet konformement mad-deċiżjonijiet meħuda mill-membri tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva (24). Minkejja li dawn id-deċiżjonijiet huma rregolati mil-liġi, il-ħlasijiet irċevuti huma relatati mas-servizz mogħti, fil-forma ta’ somma f’daqqa jew ta’ perċentwali, kif ippreċiżaw il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (25).

47.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur jirċievi korrispettiv effettiv tal-awtorizzazzjoni li jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku li huwa jagħti lil utent finali li jkun talabha, u ftit huwa ta’ importanza li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tintervjeni għal awtur li ma jagħmilx parti mill-membri tagħha.

48.      Inqis ukoll li l-amministrazzjoni kollettiva tar-remunerazzjoni kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħha bħala obbligu legali ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-fatt li l-awtur jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-użu tax-xogħol tiegħu kkonsentit minnu.

49.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kklassifikata bħala “assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli” fis-sens tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-istess domanda kienet saret fil-kawża li tat lok għas-sentenza SAWP, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata, peress li t-tranżazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinitx twettqet bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva (26).

50.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT jelenka, b’mod indikattiv, tliet tranżazzjonijiet differenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi, fosthom dik fl-ittra (a), li tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli (27).

51.      Għalhekk, jista’ jitqies li, fil-qasam tat-tassazzjoni tal-VAT, il-klassifikazzjoni tal-provvista ta’ servizzi fid-dawl tal-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT hija anċillari meta mqabbla ma’ dik meħtieġa skont l-Artikolu 2(1)(ċ).

52.      Madankollu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punt 32 tas-sentenza SAWP, il-frażi “jekk jitqies li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni jistgħu jagħmlu l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli, fis-sens tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT”, jiena tal-fehma li huwa opportun li jitneħħa kull dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li jiġi ppreċiżat, fir-rigward tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tagħha huwa l-intaxxar ta’ provvista ta’ servizzi li tikkonsisti f’“assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli”, fis-sens tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT.

53.      L-ewwel nett, jista’ jsir tqabbil mal-Artikolu 59(a) tad-Direttiva tal-VAT (28), li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-“trasferimenti u ċessjonijiet ta’ drittijiet ta’ l-awtur” fil-kategorija tal-provvista ta’ servizzi sabiex jiġi ddefinit il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli.

54.      It-tieni nett, jista’ jinsilet l-argument li, fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (29), għat-tassazzjoni tal-VAT il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet distinzjoni bejn, minn naħa, il-korrispettivi li jirriżultaw mid-drittijiet ta’ użu u ta’ sfruttament suċċessivi ta’ xogħlijiet li ma humiex xogħlijiet tal-arti grafika jew plastika u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni dovuta għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid (30).

55.      Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korrispettiv ibbażat fuq drittijiet ta’ użu u ta’ sfruttament suċċessivi ta’ xogħlijiet li ma humiex xogħlijiet tal-arti grafika u plastika huwa suġġett għall-VAT minħabba li dan il-korrispettiv dovut lill-awturi tagħhom jikkumpensa provvista mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT, li jikkorrispondi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni repetut ta’ dawn ix-xogħlijiet (31).

56.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat id-dritt ta’ użu ta’ xogħol il-moħħ bħala dritt esklużiv ta’ natura patrimonjali li jista’ jkun is-suġġett ta’ trasferiment b’mod repetut. Konsegwentement, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Pollakk li l-kunċett ta’ “assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli” jkopri t-tranżazzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali li jagħtu d-dritt ta’ użu ta’ proprjetà intanġibbli, bħal, pereżempju, dawk relatati mal-għoti ta’ liċenzji.

57.      Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali jipprovdu servizzi, li jikkonsistu f’assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli, għall-benefiċċju ta’ utent finali, f’dan il-każ organizzaturi tal-ispettakli li huma awtorizzati jikkomunikaw dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku, minkejja li l-ħlas bħala korrispettiv għal din l-awtorizzazzjoni jiġi rċevut, f’isimha stess, minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

58.      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, għandha tiġi analizzata t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

59.      It-tieni domanda preliminari hija intiża li tikklassifika, għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-VAT, ir-relazzjonijiet ġuridiċi eżistenti bejn l-UCMR – ADA u, minn naħa, l-utenti tad-drittijiet ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-detenturi ta’ dawn id-drittijiet li l-provvisti tagħhom huma mwettqin permezz tal-intervent tagħha.

60.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT, fir-rigward tal-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha kif ukoll dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minnha fil-qasam tal-fatturazzjoni minħabba l-karatteristiċi tas-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, il-ġbir tar-remunerazzjoni għal awturi li wħud minnhom ma tawhiex mandat ġenerali ta’ amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-obbligi previsti mil-liġi għall-eżerċizzju ta’ din l-amministrazzjoni.

61.      L-applikazzjoni tar-regoli partikolari għall-provvisti ta’ servizzi minn aġent li jinvolvi ruħu fil-provvista ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT teħtieġ li dan l-aġent ikun persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT u li jaġixxi f’ismu stess, iżda għan-nom ta’ ħaddieħor (32).

62.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “din id-dispożizzjoni toħloq finzjoni legali ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi pprovduti konsekuttivament” (33).

63.      Fir-rigward tal-kwalità ta’ persuna taxxabbli, nikkunsidra li jista’ jiġi kkonstatat, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (34), li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva hija persuna taxxabbli kompletament distinta minn dawk li taġixxi għan-nom tagħhom, jiġifieri l-awturi, li huma wkoll persuni taxxabbli. Għaldaqstant, it-tranżazzjonijiet bejn is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u dawn l-awturi għandhom jitqiesu li huma tranżazzjonijiet bejn persuni taxxabbli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT (35).

64.      Fir-rigward tar-rwol eżerċitat mill-UCMR – ADA, nosserva, l-ewwel nett, li huwa ppreċiżat fl-ewwel domanda preliminari li “is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirċievu f’isimhom stess, iżda għan-nom [tal-]proprjetarji, [drittijiet fuq ix-xogħlijiet mużikali] ħlasijiet għall-komunikazzjoni lill-pubbliku [ta’ dawn ix-]xogħolijiet” (36).

65.      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju esponiet fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li, “fil-każ fejn id-drittijiet patrimonjali huma dovuti lid-detenturi skont il-metodoloġiji nnegozjati mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva mal-utenti, l-awtorizzazzjoni mhux esklużiva mogħtija lil utent mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tkun tinkludi s-somom [...] ta’ flus li l-persuna ġuridika tirċievi f’isimha stess iżda għan-nom tad-detenturi tad-drittijiet patrimonjali” (37).

66.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-awtur ta’ xogħlijiet mużikali għandu d-dritt patrimonjali li jawtorizza jew li jipprojbixxi l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet, b’mod dirett jew indirett, liema dritt ma jistax ikun is-suġġett ta’ assenjazzjoni lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

67.      Konsegwentement, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Henfling et (38), għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tfittex b’mod partikolari liema hija n-natura tal-obbligi kuntrattwali tal-operatur ekonomiku kkonċernat fir-rigward tal-klijenti tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni tal-VAT jeħtieġ minn din il-qorti verifika konkreta ta’ natura li tistabbilixxi jekk, fid-dawl tad-data kollha tal-każ, dan l-operatur kienx qiegħed jaġixxi effettivament f’ismu proprju waqt il-provvista ta’ servizzi tiegħu (39).

68.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju jkollha għalhekk tivverifika l-kundizzjonijiet preċiżi li fihom aġixxiet is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, kemm jekk għal wieħed mill-membri tagħha kif ukoll jekk le, peress li tali distinzjoni ma tirriżultax mil-liġi li tipprevedi l-intervent tagħha. F’dan ir-rigward, mir-risposti bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja niddeduċi li ma għandhiex issir konfużjoni bejn il-mandat fis-sens tad-dritt ċivili u l-mandat mogħti minn ċerti awturi fis-sens tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur (40). Għalkemm dan jagħti l-kwalità ta’ membru tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, huwa ma jaffettwax ir-relazzjoni bejn is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u l-utent finali għall-ġbir tal-ħlasijiet dovuti lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur bħala korrispettiv għall-użu tax-xogħlijiet mużikali tagħhom għall-finijiet tal-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku.

69.      Huwa għalhekk li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jistgħu jingħatawlha indikazzjonijiet misluta mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja (41) fir-rigward ta’ kriterji differenti, fosthom dawk elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Henfling et (42).

70.      B’hekk jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjoni ta’ isem is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva fuq id-dokumenti mibgħuta lill-utenti meta tinħareġ il-liċenzja għall-komunikazzjoni tax-xogħlijiet lill-pubbliku kif ukoll l-aċċettazzjoni minnhom, skont il-kundizzjonijiet għall-użu tal-liċenzja, tal-ħlas tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

71.      Min-naħa tiegħi, inqis li l-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li, waqt il-ġbir, mingħand l-utenti tax-xogħlijiet mużikali, tal-ħlasijiet dovuti lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur bħala korrispettiv għal-liċenzji li jingħatawlhom, l-UCMR – ADA ma taġixxix fil-kwalità ta’ mandatarju tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, kemm jekk huma membri jew le ta’ din is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, iżda f’isimha proprju għan-nom ta’ dawn id-detenturi.

72.      Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT jidhirli li huma ssodisfatti, għandhom jiġu ppreċiżati l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minnhom billi jsir riferiment għall-prinċipji mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (43).

73.      Għalhekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont il-finzjoni legali ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi pprovduti b’mod konsekuttiv, maħluqa mill-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT, “l-operatur, li jinvolvi ruħu fil-provvista ta’ servizzi u li jikkostitwixxi l-aġent, huwa meqjus li, inizjalment, irċieva s-servizzi inkwistjoni mill-operatur li għall-benefiċċju tiegħu jkun qiegħed jaġixxi, li jikkostitwixxi l-prinċipal, qabel ma jipprovdi, sussegwentement, dawn is-servizzi lill-klijent huwa stess” (44). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, “[p]eress li l-Artikolu 28 tad-Direttiva [tal-VAT] jaqa’ taħt it-Titolu IV, intitolat ‘Tranżazzjonijiet taxxabbli’, ta’ din id-direttiva, iż-żewġ provvisti ta’ servizzi kkonċernati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. Minn dan jirriżulta li, la l-provvista ta’ servizzi li fiha jinvolvi ruħu operatur hija suġġetta għall-VAT, ir-relazzjoni legali bejn dan l-operatur u l-operatur li għall-benefiċċju tiegħu dan ikun qiegħed jaġixxi hija wkoll suġġetta għall-VAT” (45).

74.      Bħala eżempju, jista’ jiġi ppreċiżat li, fil-każ ta’ “relazzjoni bejn impriża li teżerċita attività ta’ ġbir ta’ mħatri u operatur ekonomiku li jinvolvi ruħu fil-ġbir tal-imħatri f’ismu proprju iżda għall-benefiċċju tal-imsemmija impriża” (46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “r-rabta legali ma titnissilx direttament bejn il-ġugatur u l-impriża li għall-benefiċċju tagħha l-operatur li jinvolvi ruħu jkun qiegħed jaġixxi, iżda bejn dan l-operatur u l-ġugatur, minn naħa, u bejn dan l-operatur u l-imsemmija impriża, min-naħa l-oħra” (47). Madankollu, għall-finijiet tal-VAT, ir-rwol rispettiv tal-fornitur ta’ servizzi u ta’ min iħallas huwa invertit b’mod fittizju (48).

75.      Fir-rigward tal-konsegwenzi konkreti ta’ tali interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwarhom, jiena naqbel mal-opinjonijiet konverġenti kkomunikati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet ikkonċernati li jgħidu li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tirċievi mingħand l-utent finali somom li jikkorrispondu għall-ħlas dovut lill-awtur ikkonċernat kif ukoll għall-kummissjoni tagħha (49), inkluża l-VAT. Peress li din is-soċjetà taġixxi f’isimha stess, il-bażi taxxabbli tagħha għall-VAT hija, fil-fehma tiegħi, konformement mal-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT, is-somom kollha miġbura mingħand l-utent finali bħala korrispettiv tal-assenjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur (50), mingħajr VAT. Kif jippreċiżaw il-Gvern Rumen u l-Gvern Pollakk, għall-ġbir tal-ħlas dovut għall-użu tax-xogħlijiet mużikali, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għandha toħroġ fattura f’isimha lill-organizzatur tal-ispettakli.

76.      Fir-rigward tal-awtur, li rċieva mingħand is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva s-somma mħallsa mill-utent finali li tikkorrispondi biss għall-ħlas, wara t-tnaqqis tal-kummissjoni dovuta lil din is-soċjetà, VAT inkluża, fil-fehma tiegħi dan huwa taxxabbli fuq din il-bażi mingħajr VAT. Fil-prattika, kif jesponu l-Gvern Rumen u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, dan għandu jirriżulta fil-ħruġ ta’ fattura mill-awtur lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li tirrigwarda l-ħlas li huwa jkun irċieva (51) u l-VAT li għaliha huwa suġġett.

77.      Din il-parti tal-VAT għandha, fil-fatt, tkun tista’ titnaqqas mill-bażi taxxabbli tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT. Għalhekk, din is-soċjetà għandha tħallas biss is-somma li tikkorrispondi għall-parti tal-VAT dovuta mill-awtur fuq il-kummissjoni tagħha.

78.      Madankollu, jiena tal-fehma li din il-kummissjoni ma għandhiex tiġi ffatturata mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva lill-awtur, peress li ma hijiex taxxabbli bħala tali, minħabba l-finzjoni magħmula abbażi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT.

79.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, essenzjali fil-qasam tal-VAT, jidhirli li huwa kompletament osservat, peress li din it-taxxa hija sostnuta mill-utent finali (52), li ħallasha lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva fuq it-tranżazzjoni kollha, u peress li l-VAT titħallas lura minn din is-soċjetà u mill-awtur rispettivament.

80.      Fil-każ kuntrarju, jiġifieri fil-każ fejn is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva taġixxi f’isem id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, hija biss is-somma rċevuta bħala korrispettiv għat-tranżazzjoni ta’ intervent li tikkostitwixxi l-bażi taxxabbli għal din is-soċjetà.

81.      Fil-fatt, f’tali każ, din tkun tranżazzjoni taxxabbli bħal kull provvista ta’ servizzi, konformement mal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT. Id-detentur tad-drittijiet tal-awtur għandu għalhekk iħallas lura l-VAT irċevuta mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva mingħand utent finali. Huwa jnaqqas il-VAT dovuta lil din is-soċjetà għat-tranżazzjoni ta’ intervent li din tkun iffatturatu.

82.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li tista’ tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tinvolvi ruħha f’isimha stess, iżda għan-nom ta’ detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali, fil-ġbir tal-ħlasijiet dovuti lilhom bħala korrispettiv għall-awtorizzazzjoni li jiġu użati x-xogħlijiet tagħhom mogħtija lill-pubbliku, dawn id-detenturi jitqiesu li jipprovdu dan is-servizz lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u din hija meqjusa li tipprovdi l-istess servizz lill-utent finali. F’każ bħal dan, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva toħroġ fatturi f’isimha stess lill-utent finali li fihom jidhru s-somom kollha rċevuti mingħandu, inkluża l-VAT. Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ikollhom joħorġu fatturi li jinkludu l-VAT għas-servizz ipprovdut għall-ħlas lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għall-finijiet tat-tnaqqis ta’ din it-taxxa.

V.      Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) kif ġej:

1)      L-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali jipprovdu servizzi, li jikkonsistu f’assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli, għall-benefiċċju ta’ utent finali, f’dan il-każ organizzaturi tal-ispettakli li huma awtorizzati jikkomunikaw dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku, minkejja li l-ħlas bħala korrispettiv għal din l-awtorizzazzjoni jiġi rċevut, f’isimha stess, minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

2)      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tinvolvi ruħha f’isimha stess, iżda għan-nom ta’ detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali, fil-ġbir tal-ħlasijiet dovuti lilhom bħala korrispettiv għall-awtorizzazzjoni li jiġu użati x-xogħlijiet tagħhom mogħtija lill-pubbliku, dawn id-detenturi jitqiesu li jipprovdu dan is-servizz lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u din hija meqjusa li tipprovdi l-istess servizz lill-utent finali. F’każ bħal dan, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva toħroġ fatturi f’isimha stess lill-utent finali li fihom jidhru s-somom kollha rċevuti mingħandu, inkluża l-VAT. Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ikollhom joħorġu fatturi li jinkludu l-VAT għas-servizz ipprovdut għall-ħlas lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għall-finijiet tat-tnaqqis ta’ din it-taxxa.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”.


3      M. Of., parti I, Nru 927/23 Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”.


4      M. Of., parti I, Nru 60/26 Marzu 1996, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”.


5      C-37/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza SAWP”, EU:C:2017:22.


6      C-464/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Henfling et”, EU:C:2011:489, punt 35, dwar is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), u speċjalment l-Artikolu 6(4) tagħha, li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT.


7      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi enfasizzat li l-interess f’din is-sistema ġie msaħħaħ favur l-iżvilupp ta’ mezzi ġodda ta’ xandir ta’ xogħlijiet mużikali li l-portata tagħhom kienet tmur ferm lil hinn mill-kapaċitajiet ta’ amministrazzjoni individwali mill-awturi tad-drittijiet tagħhom sabiex jikkontrollaw l-użu tax-xogħlijiet tagħhom, speċjalment fi swieq barranin (ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72)). L-importanza tal-kompiti tas-soċjetajiet inkarigati mill-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur tirriżulta wkoll mill-adozzjoni, fid-Direttiva 2014/26, ta’ regoli komuni għall-Istati Membri. F’din l-okkażjoni, ġie enfasizzat li dawn is-soċjetajiet jipparteċipaw fit-twettiq tal-għan iktar ġenerali ta’ promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali fi ħdan l-Unjoni Ewropea (ara l-premessa 3 ta’ din id-direttiva), li kien neċessarju li jiġu armonizzati l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-imsemmija soċjetajiet sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tagħhom (ara l-premessi 5 u 55 kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva), u li kellhom jiġu adottati dispożizzjonijiet partikolari li jsaħħu r-rwol tagħhom sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ liċenzji, fuq skala Ewropea, ta’ drittijiet tal-awtur għax-xogħlijiet mużikali bil-għan li dawn jintużaw onlajn (ara l-premessa 40 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva).


8      F’dan ir-rigward, inqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, ma jidhirlix li hija indispensabbli; ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tagħha permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1).


10      Ara s-sentenza SAWP (punt 33).


11      Ara s-sentenza SAWP (punt 28).


12      Ara s-sentenza SAWP (punti 29 u 30).


13      Sentenza SAWP (punt 30).


14      Ara l-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara s-sentenza SAWP (punt 20).


16      Ara s-sentenza SAWP (punt 24).


17      Ara s-sentenzi SAWP (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing (C-242/18, EU:C:2019:558, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara s-sentenza SAWP (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Sentenza SAWP (punt 22).


20      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      Għal dan il-għan, il-kawża prinċipali, dwar il-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku, tiddistingwi ruħha wkoll minn dik li tat lok għas-sentenza tas-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C-16/93, EU:C:1994:80), dwar attività analoga sa fejn kienet tikkonsisti fid-daqq tal-mużika fit-toroq pubbliċi. Barra minn hekk, ebda remunerazzjoni ma kienet stipulata (ara l-punti 18 sa 20 ta’ dik is-sentenza).


22      Ara, bħala eżempju tal-metodi ta’ kalkolu tal-ħlasijiet, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4 (C-52/07, EU:C:2008:703, punti 37 sa 40), dwar ħlasijiet li jvarjaw skont id-dħul tal-kumpanniji ta’ xandir bit-televiżjoni u skont kemm tkun ixxandret mużika bit-televiżjoni.


23      Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva hija inkarigata mill-amministrazzjoni kollettiva mhux biss tar-remunerazzjoni tal-awturi, iżda wkoll tad-drittijiet l-oħra li tagħhom huma detenturi l-membri tagħha. Ara l-Artikolu 125(2) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur.


24      Ara l-Artikolu 134(2)(a) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur.


25      Il-Kummissjoni rreferiet għall-Artikolu 1311(2) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur.


26      Ara s-sentenza SAWP (punti 31 u 32).


27      Ara s-sentenza SAWP (punt 22).


28      Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tagħha permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11).


29      C-51/18, EU:C:2018:1035.


30      Ara l-punti 36, 52 u 56 ta’ dik is-sentenza.


31      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-51/18, EU:C:2018:1035, punt 54, li għandu jitqabbel mal-punti 56 u 57).


32      Ara s-sentenza Henfling et (punt 38) li tfakkar fid-distinzjoni li għandha ssir bejn l-aġent u l-mandatarju. Dan jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra.


33      Sentenza Henfling et (punt 35). Korsiv miżjud minni. Ara wkoll il-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      C-274/15, EU:C:2017:333.


35      Ara l-punt 82 ta’ dik is-sentenza.


36      Korsiv miżjud minni.


37      Korsiv miżjud minni. Ara, bħala paragun, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Lebara (C-520/10, EU:C:2012:264, punti 29 u 38), dwar il-bejgħ mill-ġdid minn distributur ta’ skedi tat-telefon f’ismu proprju u għall-interessi tiegħu.


38      Mir-riċerki tiegħi jirriżulta li din hija l-unika sentenza li tista’ titqabbel mal-kawża prinċipali.


39      Ara s-sentenza Henfling et (punti 40 u 42).


40      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 125(2) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, iċċitat fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Għandha titqabbel mas-sentenza Henfling et (punt 41).


42      Ara l-punt 43 ta’ dik is-sentenza.


43      C-274/15, EU:C:2017:333.


44      Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-274/15, EU:C:2017:333, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-274/15, EU:C:2017:333, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Amărăşti Land Investment (C-707/18, EU:C:2019:1136, punt 38).


46      Sentenza Henfling et (punt 27).


47      Sentenza Henfling et (punt 33).


48      Ara s-sentenza Henfling et (punt 35).


49      Din hija l-kummissjoni dovuta meta jinġabar il-ħlas, miġbura fuq l-ammont ta’ dan il-ħlas. Ara l-Artikolu 134(2)(b) u (e) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, iċċitat fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus Bucureşti (C-283/10, EU:C:2011:772, punt 20).


50      Nippreċiża li l-espressjoni “assenjazzjoni ta’ drittijiet” tkopri, f’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rappreżentanza protett.


51      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 49.


52      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Lebara (C-520/10, EU:C:2012:264, punti 23 sa 25).