Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-21 ta’ Jannar 2021 (1)

Kawża C-844/19

CS,

Finanzamt Graz-Stadt

fil-preżenza ta’:

Finanzamt Judenburg Liezen,

technoRent International GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 183 – Rimbors tal-eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa – Interessi fil-każ ta’ żieda a posteriori tal-eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa jew ta’ tnaqqis a posteriori tat-taxxa dovuta – Assenza ta’ miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni – Effett dirett ta’ direttiva – Applikazzjoni analoga ta’ direttiva li ma hijiex rilevanti – Direttiva dwar ir-Rimbors (Direttiva 2008/9/KE) – Artikolu 27 – Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-kwistjoni li tqum hija jekk id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tagħtix lill-persuna taxxabbli dritt dirett għal interessi fuq eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa biss a posteriori jew dritt għal rimbors tat-taxxa mħallsa biss a posteriori. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprevedietx tali leġiżlazzjoni dwar l-interessi fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-interessi għal tipi oħra ta’ taxxa ma setgħetx tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u applikata għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

2.        Madankollu, direttiva oħra (id-Direttiva dwar ir-Rimbors) tinkludi dritt għal interessi li huwa applikabbli direttament għal eċċessi tat-taxxa tal-input imħallsa sussegwentement lil persuna taxxabbli li tkun stabbilita barra mill-pajjiż, u li ma wettqet ebda tranżazzjoni fil-pajjiż. Huwa dubjuż jekk din id-direttiva tistax tiġi applikata b’mod analogu hawnhekk.

3.        Anki jekk dan jiġi miċħud, u anki jekk mid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ma jista’ jiġi dderivat ebda dritt għal interessi li huwa direttament applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mnejn madankollu tipprovdi iktar informazzjoni utli li tkun ta’ għajnuna għall-possibbiltà ta’ soluzzjoni tat-tilwima b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 90 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar il-VAT”) jikkonċerna t-tnaqqis tal-bażi taxxabbli u jipprevedi:

“(1)      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

(2)      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1.”

5.        Skont l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“Fejn, għal perijodu partikolari ta’ taxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw, jew jagħmlu rifużjoni jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu rifużjoni jew li jmexxu ’l quddiem jekk l-ammont ta’ l-eċċess hu insinifikanti.”

6.        Id-Direttiva 2008/9/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC (3) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar ir-Rimbors”) tirrigwarda l-modalitajiet għar-rimbors tat-taxxa tal-input lil persuni taxxabbli li ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru li jagħmel ir-rimbors u li ma wettqu l-ebda tranżazzjoni hemmhekk.

7.        L-Artikolu 27 ta’ tali Direttiva dwar ir-Rimbors jikkonċerna l-interessi fuq l-imsemmi dritt għal rimbors u jaqra kif ġej:

“(1)       L-interessi għandhom jiġu kkalkolati mill-jum wara l-aħħar jum għall-pagament tar-rifużjoni skond l-Artikolu 22(1) sal-jum li fih ir-rifużjoni fil-fatt titħallas.

Ir-rati ta’ l-interessi għandhom ikunu ugwali għar-rata ta’ interessi nazzjonali applikabbli fir-rigward ta’ rifużjonijiet tal-VAT lil persuni taxxabbli stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni taħt il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

Jekk l-ebda interessi ma jkunu pagabbli taħt il-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ rifużjonijiet lil persuni taxxabbli stabbiliti, l-interessi pagabbli għandhom ikunu ugwali għall-interessi jew l-imposta ekwivalenti li tiġi applikata mill-Istat Membru ta’ rifużjoni fir-rigward ta’ ħlasijiet tard tal-VAT minn persuni taxxabbli.”

B.      Id-dritt Awstrijak

8.        Fl-Awstrija, id-dritt għal interessi tal-persuna taxxabbli huwa rregolat mill-Bundesgesetz über allgemeine Bestimmungen und das Verfahren für die von den Abgabenbehörden des Bundes, der Länder und Gemeinden verwalteten Abgaben (il-Liġi Federali dwar id-Dispożizzjonijiet Ġenerali u l-Proċedura għat-Taxxi Amministrati mill-Awtoritajiet tat-Taxxa Federali, Provinċjali u Muniċipali) (Bundeabgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa Federali), iktar ’il quddiem il-“BAO”).

9.        L-Artikolu 205 tal-BAO jikkonċerna d-dritt għal interessi tal-persuna taxxabbli fil-każ ta’ talbiet għal rimbors tat-taxxa fuq id-dħul u tat-taxxa fuq il-kumpanniji:

“(1)      Differenzi fl-ammonti tat-taxxa fuq id-dħul u tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jirriżultaw minn avviżi ta’ taxxa, li ma jeħdux inkunsiderazzjoni ħlasijiet bil-quddiem (paragrafu 3), wara tqabbil ma’ ħlasijiet bil-quddiem jew mat-taxxa stabbilita preċedentement, iġorru interessi għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru tas-sena wara s-sena li fiha t-taxxa ssir dovuta sad-data tan-notifika ta’ dawn l-avviżi (interessi dovuti fuq talbiet). Dan japplika mutatis mutandis għad-differenzi fl-ammonti li jirriżultaw minn

a)      kanċellazzjonijiet ta’ avviżi ta’ taxxa, [...]

(2)      L-interessi fis-sena dovuti fuq talbiet għal arretrati ta’ taxxa huma ta’ 2 % iktar mir-rata bażika. Ma għandhomx jiġu ffissati interessi fuq talbiet għal arretrati ta’ taxxa li ma jilħqux l-ammont ta’ EUR 50. L-interessi dovuti fuq talbiet għal arretrati ta’ taxxa għandhom jiġu ffissati għal perijodu li ma jaqbiżx 48 xahar. [...]”

10.      Mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu 205a tal-BAO kopra d-dritt għal interessi tal-persuna taxxabbli fuq taxxi mħallsa żejda jekk, wara appell, dawn jiġu evalwati b’rata iktar baxxa milli oriġinarjament iffissata, u jaqra kif ġej:

“(1)      Sakemm taxxa dovuta li tkun diġà tħallset, li l-ammont tagħha jiddependi direttament jew indirettament fuq is-soluzzjoni ta’ appell, titnaqqas, fuq talba tal-persuna taxxabbli, l-interessi għandhom jiġu ffissati għall-perijodu mill-ħlas san-notifika tal-avviż jew tad-deċiżjoni li tnaqqas it-taxxa (interessi relatati ma’ appell). [...]

(4)      L-interessi fis-sena huma ta’ 2 % iktar mir-rata bażika. L-iffissar tal-interessi ma japplikax jekk dawn ma jilħqux l-ammont ta’ EUR 50.”

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali

11.      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq żewġ proċeduri ta’ appell differenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

–       Fuq l-ewwel proċedura ta’ appell (Ro 2017/15/0035)

12.      CS, ir-rikorrent fl-ewwel proċedura (iktar ’il quddiem l-“ewwel rikorrent”), talab l-eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa fl-ammont ta’ EUR 60 689.28 fid-dikjarazzjoni bil-quddiem tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għal Awwissu 2007. Madankollu, l-uffiċċju tat-taxxa ffissa dan l-eċċess biss għal EUR 14 689.28. L-ewwel rikorrent ikkontesta din id-deċiżjoni b’suċċess quddiem il-qrati. L-eċċess kollu tat-taxxa tal-input imħallsa “tħallas” lilu fit-22 ta’ Mejju 2013.

13.      Fit-30 ta’ Mejju 2013, l-ewwel rikorrent talab l-interessi fuq dan l-eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa, skont l-Artikolu 205a tal-BAO, għall-perijodu mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni (l-1 ta’ Jannar 2012) sal-eżekuzzjoni fit-22 ta’ Mejju 2013. L-uffiċċju tat-taxxa ċaħad din it-talba. Min-naħa l-oħra, l-ewwel rikorrent ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), iżda mingħajr suċċess.

14.      Il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iġġustifikat iċ-ċaħda bil-fatt li l-Artikolu 205a tal-BAO ma jkoprix il-każ ta’ eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa mitlub b’suċċess, iżda biss il-kontestazzjoni ġudizzjarja b’suċċess ta’ taxxa dovuta li ġiet imħallsa b’ammont għoli wisq. L-appell tal-ewwel rikorrent huwa dirett kontra din id-deċiżjoni.

–       Fuq it-tieni proċedura ta’ appell (Ro 2018/15/0026)

15.      Ir-rikorrenti fit-tieni proċedura (technoRent International, iktar ’il quddiem, it-“tieni rikorrent”) hija kumpannija li hija stabbilita fil-Ġermanja. Din il-kumpannija kienet tbigħ magni fl-Awstrija fl-2003 u fl-2004 u ħallset taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ għal dawn it-tranżazzjonijiet fl-Awstrija. Fl-2005, it-tieni rikorrenti talbet kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ EUR 367 081.58 fid-dikjarazzjoni bil-quddiem tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għax-xahar ta’ Mejju 2005. L-isfond kien tnaqqis a posteriori fil-korrispettiv fis-sens tal-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT, billi wħud mill-magni evidentement ma kinux tħallsu jew ma kinux tħallsu fl-ammont sħiħ tagħhom.

16.      Dan it-tnaqqis fil-bażi taxxabbli ġie eżaminat mill-awtoritajiet (minn Lulju 2006 sa Ġunju 2008). Il-kreditu kien inizjalment “imħallas” lit-tieni rikorrenti fl-10 ta’ Marzu 2008. Fl-aħħar tal-eżami, madankollu, l-uffiċċju tat-taxxa kien tal-opinjoni li l-bażi taxxabbli ma kellhiex titnaqqas. Fl-avviż tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2008, l-uffiċċju tat-taxxa għalhekk stabbilixxa talba addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 367 081.58. Ir-rikors kontra dan l-avviż tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ intlaqa’.

17.      F’Ottubru 2013, it-tieni rikorrenti talbet l-interessi fuq l-ammont ta’ EUR 367 081.58 għall-perijodu bejn Lulju 2005 u Mejju 2013. Fir-rigward ta’ din it-talba, l-uffiċċju tat-taxxa ddeċieda li kien hemm dritt għall-interessi (fl-ammont ta’ EUR 10 021.32) biss għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ April 2013 skont l-Artikolu 205a tal-BAO. Fid-29 ta’ Mejju 2017, il-qorti tar-rinviju laqgħet parzjalment l-appell kontra din id-deċiżjoni, sa fejn tat lit-tieni rikorrenti dritt għal interessi moratorji għall-perijodu mit-2 ta’ Settembru 2005 sad-9 ta’ Marzu 2008. L-appell tal-uffiċċju tat-taxxa dirett kontra dik id-deċiżjoni jirrigwarda biss l-għoti ta’ interessi moratorji għall-perijodu mit-2 ta’ Settembru 2005 sad-9 ta’ Marzu 2008.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija), li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ ż-żewġ appelli, ma tqisx li hija f’pożizzjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet dwar l-interessi li jinsabu fl-Artikoli 205 u 205a tal-BAO b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u, għal din ir-raġuni, permezz tad-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2018, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.       Id-dritt tal-Unjoni jinvolvi leġiżlazzjoni direttament applikabbli li tagħti lil persuna taxxabbli li ma tkunx irċeviet mill-Uffiċċju tat-Taxxa, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ir-rimbors fi żmien xieraq ta’ kreditu ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, dritt għal interessi moratorji li hija tista’ tinvoka quddiem l-Uffiċċju tat-Taxxa jew quddiem qrati amministrattivi, minkejja li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix tali leġiżlazzjoni fil-qasam tal-interessi?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari:

2.       Huwa wkoll ammissibbli, fil-każ ta’ dejn ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tal-persuna taxxabbli, li jirriżulta minn tnaqqis fil-prezz a posteriori taħt l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, li l-interessi fuq dan id-dejn jibdew jiddekorru biss mal-iskadenza ta’ perijodu raġonevoli li l-Uffiċċju tat-Taxxa għandu sabiex jivverifika r-regolarità tad-dritt invokat mill-persuna taxxabbli?

3.       Il-fatt li d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru ma jinkludix leġiżlazzjoni fil-qasam tal-interessi fir-rigward tal-inklużjoni tardiva ta’ krediti ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ifisser li l-qrati nazzjonali, waqt il-kalkolu tal-interessi, għandhom japplikaw il-konsegwenza legali imposta permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/[KE], għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?”

19.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Kummissjoni Ewropea.

V.      L-analiżi ġuridika

A.      Fuq id-domandi preliminari

20.      It-tliet domandi preliminari essenzjalment jistaqsu jekk u, jekk iva, sa liema punt, huwa neċessarju taħt id-dritt tal-Unjoni li jingħataw l-interessi fuq eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa jew dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (spiss imsejjaħ ukoll bħala kreditu tal-VAT). Peress li t-tieni u t-tielet domanda jiddependu fuq il-fatt li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ser nibda billi nindirizza l-ewwel domanda.

21.      Il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tibbaża din id-domanda fuq il-premessa li d-dritt Awstrijak ma jipprovdix għal ħlas tal-interessi fuq eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa jew fuq id-dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) jew jipprovdi għalihom biss għal sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna. Ma huwiex possibbli jiġi applikat l-Artikolu 205 tal-BAO, ġeneralment applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul b’mod ġenerali, b’analoġija. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu205a tal-BAO jkopri biss il-każijiet fejn, abbażi ta’ notifika, il-VAT titnaqqas a posteriori, iżda t-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa ma jiżdiedx. Din hija r-raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju tistaqsi rigward regola direttament applikabbli li tirriżulta “mid-dritt tal-Unjoni”.

22.      Il-każ preżenti jirrigwarda interessi ta’ eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa jew dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud. F’dan ir-rigward tiġi kkunsidrata primarjament id-Direttiva dwar il-VAT u fuq kollox l-Artikoli 183 u 90 tagħha bħala d-dritt rilevanti tal-Unjoni.

23.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandhom għaldaqstant jiġu l-ewwel iċċarati l-portata ta’ dritt għall-ħlas tal-interessi skont l-Artikolu 183 u l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT (ara taħt B.1) u l-effett diretta tiegħu (ara taħt B.2). Imbagħad għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni analoga diretta tal-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-Rimbors (ara B.3) li ma huwiex rilevanti minnu nnifsu u l-possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 205 u 205a tal-BAO b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara taħt C).

B.      Fuq l-interessi fuq eċċess tal-VAT u dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud

1.      Kontenut u portata tal-Artikolu 183 u tal-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT

a)      Interessi fuq eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa

24.      L-ewwel għandu jiġi ċċarat jekk l-individwu huwiex intitolat għal interessi taħt id-Direttiva dwar il-VAT. Ma hemm l-ebda regola speċifika dwar l-interessi fid-Direttiva dwar il-VAT. Barra minn hekk, l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT sempliċement jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jew jawtorizzaw it-trasferiment għall-perijodu ta’ wara tal-eċċess li jirriżulta mid-differenza tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa u t-taxxa dovuta jew jirrimborsawh skont il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu.

25.      F’dan ir-rigward, skont il-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni la tipprevedi obbligu li jitħallsu interessi fuq l-eċċess ta’ VAT li għandu jiġi rrimborsat u lanqas ma tipprevedi d-data li minnha huma dovuti tali interessi (4).

26.      Madankollu, l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 179. Skont l-Artikolu 179 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu speċifiku ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, irriżulta d-dritt għat-tnaqqis. Bħala riżultat, l-Artikolu 179 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi għal tpaċija obbligatorja mat-taxxa dovuta għall-perijodu tat-taxxa rispettiv. Jekk it-taxxa dovuta tkun ogħla mit-tnaqqis, jibqa’ ammont (iżgħar) ta’ taxxa li jkun għadu dovut. Jekk, min-naħa l-oħra, it-taxxa dovuta tkun inqas mit-tnaqqis, jibqa’ eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa, li huwa s-suġġett tal-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT.

27.      Din ir-rabta tal-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT mad-dritt tal-persuna taxxabbli għal tnaqqis, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità, hija l-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha t-tnaqqis huwa parti integrali mill-mekkaniżmu tat-taxxa fuq il-valur miżjud li, fil-prinċipju, ma jistax jiġi ristrett. B’mod partikolari, dan jista’ jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li jkunu ġew imposti fuq it-tranżazzjonijiet tal-input (5).

28.      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis inkwantu tali hija koperta mill-Artikoli 167 sa 172 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsabu fil-kapitolu tagħha intitolat “Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis”, filwaqt li l-Artikoli 178 sa 183 ta’ din id-direttiva jikkonċernaw biss il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (6). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-modalitajiet stabbiliti mill-Istati Membri għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jistgħux jippreġudikaw il-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema tal-VAT billi jġiegħlu lill-persuna taxxabbli ġġorr, totalment jew parzjalment, il-piż ta’ din it-taxxa (7). Għaldaqstant, meta r-rimbors – lill-persuna taxxabbli – tal-eċċess tal-VAT ma jsirx fi żmien raġonevoli, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali tas-sistema tal-VAT ikun jirrikjedi li t-telf finanzjarju sostnut mill--persuna taxxabbli, minħabba l-indisponibbiltà tas-somom ta’ flus inkwistjoni jiġi kkumpensat permezz tal-ħlas ta’ interessi moratorji (8).

29.      F’dan ir-rigward, taħt l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT moqri flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità, il-persuna taxxabbli, bħall-ewwel rikorrenti f’dan il-każ, hija intitolata għall-ħlas tal-interessi fuq l-eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa.

b)      Interessi fuq dritt għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud

30.      Skont il-fehma tal-Kummissjoni, l-istess japplika fil-każ ta’ persuna taxxabbli li, bħat-tieni rikorrenti f’dan il-każ, inizjalment ħallset il-VAT b’mod korrett u li, minħabba tnaqqis fil-bażi taxxabbli skont l-Artikolu 90 Direttiva dwar il-VAT, issa, jiġifieri minn meta sar it-tnaqqis, għandha dritt għal rimbors (l-hekk imsejjaħ kreditu ta’ VAT) mill-kreditur tat-taxxa.

31.      Fiż-żewġ każijiet, il-persuna taxxabbli tiġi imposta VAT wisq għolja, li hija ħallset indirettament permezz tal-fornitur tagħha jew direttament lill-Istat. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità, il-piż ta’ teħid inkunsiderazzjoni tardiv tat-tnaqqis fil-bażi tat-taxxa taħt l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT għaldaqstant bl-ebda mod ma huwa differenti mill-ħlas tardiv ta’ eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa skont l-Artikolu 183. Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’każ ta’ tnaqqis fil-bażi taxxabbli (9) li “l-prinċipju ta’ obbligu tal-Istati Membri li jħallsu lura bl-interessi l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn dan id-dritt tal-aħħar” (10).

32.      Għaldaqstant, l-ammonti tal-VAT inizjalment miġbura b’mod korrett iżda li għandhom jiġu rrimborsati minħabba tnaqqis a posteriori fil-bażi taxxabbli, għaliex il-bażi legali għall-ħlas ma għadhiex teżisti, għandhom jiġu rrimborsati flimkien mal-interessi minn din id-data.

c)      Ħlas tal-interessi eskluż mill-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-Rimbors?

33.      Kuntrarjament għal dak li huwa ssuġġerit fit-talba għal deċiżjoni preliminari u kuntrarjament ukoll għall-fehma tar-Repubblika tal-Awstrija, min-naħa l-oħra ma jistax jiġi dedott mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar ir-Rimbors li l-Istati Membri jistgħu jibqgħu lura kompletament milli jħallsu l-interessi fuq dawn it-talbiet. Din id-dispożizzjoni tgħid, “Jekk l-ebda interessi ma jkunu pagabbli taħt il-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ rifużjonijiet lil persuni taxxabbli stabbiliti, l-interessi pagabbli għandhom ikunu ugwali għall-interessi jew l-imposta ekwivalenti li tiġi applikata mill-Istat Membru ta’ rifużjoni fir-rigward ta’ ħlasijiet tard tal-VAT minn persuni taxxabbli.”

34.      Il-kliem “[j]ekk l-ebda interessi ma jkunu pagabbli taħt il-liġi nazzjonali” ma jfissirx li l-leġiżlatur assuma li kien possibbli li fid-dritt nazzjonali ma jiġux stabbiliti regoli dwar l-interessi fuq ir-rimborsi tat-taxxa tal-input imħallsa lill-persuna taxxabbli.

35.      Kif jidher mill-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva dwar ir-Rimbors, qabel l-introduzzjoni ta’ din id-direttiva fil-forma attwali tagħha kienet teżisti lakuna sinjifikattiva fir-rigward tal-implimentazzjoni u tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar ir-rimbors tal-VAT lil persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fit-territorju nazzjonali. Sabiex tiġi rrimedjata din il-lakuna, il-pożizzjoni tal-kumpanniji ssaħħet, kif muri mit-tielet premessa tad-Direttiva dwar ir-Rimbors. Għal din ir-raġuni, dispożizzjoni speċifika omnikomprensiva, li torbot lill-Istati Membri kollha, ġiet introdotta fit-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar ir-Rimbors. Skont din id-dispożizzjoni, jekk ma teżisti ebda regola dwar l-interessi fuq talbiet għal rimbors minn persuna taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju nazzjonali, ir-regoli dwar ħlasijiet tardivi lill-Istat ikunu applikabbli.

36.      Madankollu, din id-dispożizzjoni omnikomprensiva li tirregola każ speċifiku (it-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar ir-Rimbors) bl-ebda mod ma tipprekludi l-ħlas tal-interessi għall-każijiet l-oħra kollha. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-prinċipju ta’ newtralità (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) jirrikjedi l-ħlas tal-interessi fil-każijiet l-oħra kollha.

d)      Konklużjoni intermedja

37.      Mill-Artikolu 183 u l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità jirriżulta li l-Istat Membru huwa għaldaqstant obbligat li jħallas l-interessi fuq l-eċċessi tat-taxxa tal-input imħallsa u fuq it-talbiet għal rimborsi tat-taxxa minħabba tnaqqis fil-bażi taxxabbli.

2.      Dritt għall-interessi direttament applikabbli taħt l-Artikolu 183 jew l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità?

38.      Il-punt li jmiss li għandu jiġi eżaminat huwa jekk l-Artikoli 183 u 90 tad-Direttiva dwar il-VAT moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità, jagħtux dritt direttament applikabbli għall-interessi. Skont il-fehma tar-Repubblika tal-Awstrija, dan ma huwiex il-każ. Huwa minnu li skont l-Artikolu 183 u l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità, fil-prinċipju għandhom jitħallsu l-interessi. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jispeċifikax il-kundizzjonijiet preċiżi, bħal pereżempju r-rata tal-interessi jew id-data li minnha jibdew jiddekorru l-interessi.

39.      Pjuttost, meta jistabbilixxu l-interessi, l-Istati Membri għandhom marġni fl-implimentazzjoni (11). L-istess jgħodd għall-interessi fuq dritt għal rimbors skont l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT (12).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan il-marġni fl-implimentazzjoni diversi drabi. B’dan il-mod, pereżempju, hija qieset li regola li tipprevedi l-ħlas ta’ eċċess f’terminu ta’ 45 jum mid-data tan-notifika tat-taxxa sa minn meta bdew jiddekorru l-interessi, huwa konformi mal-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT (13).

41.      Għalhekk huwa f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu r-regoli ddettaljati fir-rigward tal-interessi fid-dritt nazzjonali tagħhom. Il-ftuħ kunċettwali tad-Direttiva dwar il-VAT jinftiehem fid-dawl taż-żoni monetarji differenti eżistenti fl-Unjoni b’rati ta’ inflazzjoni u rati ta’ interessi differenti. Effett dirett tal-Artikolu 183 jew tal-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità fl-istabbiliment ta’ dritt speċifiku għal interessi favur persuna taxxabbli huwa għaldaqstant eskluż.

3.      Applikazzjoni analoga tal-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-Rimbors?

42.      Kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, applikazzjoni analoga tal-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-Rimbors, kif jidher li l-qorti tar-rinviju qiegħda tikkunsidra fit-tielet domanda tagħha, hija wkoll eskluża f’dan il-każ. Dan l-artikolu huwa speċifiku u preċiż biżżejjed u għalhekk huwa direttament applikabbli fih innifsu. Madankollu, huwa jeżiġi li l-Istat Membru jadotta leġiżlazzjoni speċifika dwar l-interessi biss f’każijiet fejn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fit-territorju nazzjonali u li ma twettaqx tranżazzjonijiet domestiċi.

43.      Konsegwentement, l-Awstrija ma kisritx l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-Rimbors billi naqset milli tintroduċi tali regola dwar l-interessi fil-każ ta’ persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fit-territorju nazzjonali (jew persuna taxxabbli bi tranżazzjonijiet domestiċi). Is-sens u l-iskop ta’ effett diretta ta’ direttiva għalhekk ma humiex rilevanti hawnhekk. Huwa possibbli u neċessarju li jiġi evitat li l-Istat jieħu vantaġġ minn nuqqas tiegħu stess li jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni (14).

44.      Barra minn hekk, lanqas ma hemm l-ebda lakuna normattiva mhux intenzjonata bħala prerekwiżit għal applikazzjoni analoga. Kif diġà spjegat iktar ’il fuq (punti 35 u 36), qabel l-introduzzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rimbors fil-forma attwali tagħha kienet teżisti lakuna kunsiderevoli fil-proċedura għar-rimbors tal-VAT lil persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fit-territorju nazzjonali Għal persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju nazzjonali, madankollu, il-leġiżlatur jidher li ma kkunsidrax li teżisti tali lakuna, inkella ma kienx jirregola biss dan il-każ speċifiku.

45.      Barra minn hekk, applikazzjoni analoga ta’ direttiva li ma hijiex rilevanti hawnhekk tkun tfisser li tiġi injorata l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija evidenti mid-Direttiva dwar il-VAT. Bil-formulazzjoni tal-Artikoli 183 u 90 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-leġiżlatur ħalla f’idejn l-Istati Membri l-implimentazzjoni kif ukoll l-applikazzjoni tal-interessi fuq l-eċċess tal-VAT u fuq id-dritt għal rimbors. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għal-libertà li għandhom l-Istati Membri (15). Applikazzjoni analoga tal-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-Rimbors tkun tippermetti li tiġi evitata din il-libertà.

4.      Konklużjoni intermedja

46.      L-Artikolu 183 u l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità ma jirriżultaw f’ebda regola dwar l-interessi direttament applikabbli favur il-persuna taxxabbli. Hemm nuqqas ta’ preċiżjoni suffiċjenti fir-rigward tar-rata tal-interessi u fir-rigward tad-data tal-bidu tal-interessi. Dan ma jbiddilx il-fatt li l-Artikoli 183 u 90 tad-Direttiva dwar il-VAT, flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità, jirrikjedu regola dwar l-interessi. Applikazzjoni analoga tal-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-Rimbors hija wkoll eskluża.

C.      Limiti tal-marġni ta’ implimentazzjoni li għandhom l-Istati Membri: prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

47.      Peress li d-Direttiva dwar il-VAT għalhekk ma tinkludi l-ebda regola dwar l-interessi li hija direttament applikabbli, huma, fil-prinċipju, l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli għall-għoti tal-interessi. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni (16) f’dan ir-rigward u jistgħu jistabbilixxu r-regoli ddettaljati għad-dritt għal interessi.

48.      Madankollu, ir-regoli ddettaljati għar-rimbors ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’tali mod li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (17).

49.      Dawn il-prinċipji jaffettwaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qrati nazzjonali. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ dak tad-Direttiva dwar il-VAT, u fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, l-interpretazzjoni li hija tat preċedentement, peress li dik l-interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (18). Il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa sa liema punt dan jista’ jiġi applikat mingħajr ma jwassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (19).

50.      Il-prerekwiżit, madankollu, huwa li tali possibbiltà tkun teżisti għall-qorti tar-rinviju. Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, il-formulazzjoni, l-iskop u l-istruttura tal-Artikoli 205 u 205a tal-BAO jipprekludu l-applikazzjoni tagħhom “għal rimbors ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tardiva”. Madankollu, interpretazzjoni li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni jew applikazzjoni analoga ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tkun possibbli. Jekk ma tkun teżisti l-ebda regola li tirrigwarda l-ħlas żejjed tal-VAT, jista’ jkun hemm lakuna mhux intenzjonata fil-liġi. Għat-tieni rikorrent, pereżempju, din il-lakuna tista’ tingħalaq permezz ta’ applikazzjoni analoga tar-regoli dwar l-interessi applikabbli għal tipi oħra ta’ taxxa (pereżempju, l-Artikolu 205 tal-BAO) skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

51.      Fir-rigward tal-ewwel rikorrent, il-fatt jekk taxxa dovuta titnaqqas jew id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input jiżdied wara rikors, ma huwiex deċiżiv għall-eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa li jirriżulta minnhom (jiġifieri l-bilanċ skont l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT). Għalhekk huwa possibbli li tiġi kkunsidrata interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 205a tal-BAO b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

52.      Madankollu, billi mhux kull dritt nazzjonali jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta, inter alia, mill-obbligu tal-Istati Membri li jħallsu d-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni (20), fl-aħħar mill-aħħar hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ tiddeċiedi dwar dan.

53.      Peress li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula hija fin-negattiv, ma għadux neċessarju li jingħataw risposti separati għat-tieni u t-tielet domanda.

VI.    Konklużjoni

54.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija):

Mid-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 183 u l-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità, jirriżulta li – fil-prinċipju, għandhom jitħallsu l-interessi fuq eċċess tat-taxxa tal-input imħallsa fis-sens tal-Artikolu 183 kif ukoll fuq dritt għal rimbors li jirriżulta mill-aġġustament tal-bażi taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT, jekk dan ir-rimbors ma jsirx fi żmien raġonevoli. Madankollu, ma teżisti ebda dispożizzjoni fid-Direttiva li hija direttament applikabbli fir-rigward tal-interessi fuq dawn id-drittijiet. Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dak kollu li huwa fis-setgħa tagħha sabiex tasal għal riżultat li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, pereżempju permezz ta’ applikazzjoni analoga jew permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.


3      ĠU 2008, L 44, p. 23.


4      Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 19), u tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punt 27).


5      Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 21); tat-28 ta’ Lulju 2011, IlKummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530, punt 43); u tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punt 32); tat-30 ta’ Settembru 2010, Uszodaépítő (C-392/09, EU:C:2010:569, punt 34); u tal-15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum (C-368/09, EU:C:2010:441, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530, punt 44). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Terra Baubedarf-Handel (C-152/02, EU:C:2004:268, punt 30), u tat-8 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-338/98, EU:C:2001:596, punt 71).


7      Ara, b’mod espliċitu, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 22); tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530, punt 45); u tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punt 33).


8      Ara, b’mod espliċitu, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punti 23 u 24), u tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punt 51). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2020, Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C-13/18 u C-126/18, EU:C:2020:292, punt 36).


9      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C-591/10, EU:C:2012:478, punt 25).


10      Ara wkoll, minkejja li fir-rigward tal-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, is-sentenza tat-23 ta’ April 2020, Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C-13/18 u C-126/18, EU:C:2020:292, punt 36).


11      Sentenzi tat-23 ta’ April 2020, Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C-13/18 u C-126/18, EU:C:2020:292, punt 37); tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 20 – Awtonomija); tat-28 ta’ Lulju 2011, IlKummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530, punt 39); tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punti 33, 64); u tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska (C-25/07, EU:C:2008:395, punt 17).


12      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C-591/10, EU:C:2012:478).


13      Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punti 50 u 61).


14      Ara b’mod espliċitu, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, EU:C:2012:33, punt 38); tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, EU:C:1994:292, punti 22 u 23); u tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 49).


15      Sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530, punt 39); tat12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punti 33 u 64); tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska (C-25/07, EU:C:2008:395, punt 17); u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-78/00, EU:C:2001:579, punt 32).


16      Sentenzi tat-23 ta’ April 2020, Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C-13/18 u C-126/18, EU:C:2020:292, punt 37); tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 20 – Awtonomija); tat-28 ta’ Lulju 2011, IlKummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530, punt 39); u tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298, punt 29).


17      Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, UR (UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT) (C-424/19, EU:C:2020:581, punt 25); tal-4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C-34/19, EU:C:2020:148, punt 58); tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 54); tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 20); tal-21 ta’ Jannar 2010, Alstom Power Hydro (C-472/08, EU:C:2010:32, punt 17); u tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C-2/08, EU:C:2009:506, punt 24).


18      Ara b’mod espliċitu s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, UR (UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT) (C-424/19, EU:C:2020:581, punt 30); ara b’mod simili s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C-34/19, EU:C:2020:148, punt 61), u tal-5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance (C-679/18, EU:C:2020:167, punt 44). F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 54); tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 20); u tal-21 ta’ Jannar 2010, Alstom Power Hydro (C-472/08, EU:C:2010:32, punt 17).


19      Ara, b’mod simili, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C-34/19, EU:C:2020:148, punt 59), u tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C-554/14, EU:C:2016:835, punti 59 u 66).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, EU:C:2012:33, punti 42 u 43); tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, EU:C:2006:443, punt 112); u tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, EU:C:1994:292, punt 27).