Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2021 (1)

Kawża C-90/20

Apcoa Parking Danmark A/S

vs

Skatteministeriet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Spejjeż miġbura f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ fi proprjetà privata – Klassifikazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Apcoa Parking Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Apcoa”) u Skatteministeriet (il-Ministeru tat-Taxxa, id-Danimarka), fir-rigward tal-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-ispejjeż ta’ kontroll miġbura f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ fi proprjetà privata.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddikjara jekk dawn l-ispejjeż jikkostitwixxux somma dovuta bħala kumpens għad-dannu tal-ksur ta’ obbligi kuntrattwali, jew għall-kuntrarju, il-korrispettiv ta’ provvista individwabbli fis-sens tad-Direttiva tal-VAT.

4.        Ser nesponi r-raġunijiet li jwassluni nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ssostni din it-tieni klassifikazzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva tal-VAT

5.        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

6.        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika”.

7.        Skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli hija kkunsidrata bħala “provvista ta’ merkanzija”.

8.        L-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

9.        Skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT:

“Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:

a)      l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk mhix soġġetta għal att li jistabbilixxi titolu;

b)      l-obbligazzjoni biex ma jsirx att, jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni;

ċ)      it-twettiq ta’ servizzi skond ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi.”

10.      L-Artikolu 135(1)(l) u (2)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

l)      il-kiri ta’ proprjetà immobbli.

2.      Dan li ġej għandu jiġi eskluż mill-eżenzjoni prevista fil-punt (l) tal-paragrafu 1:

[...]

b)      il-kiri ta’ proprjetà u siti għall-ipparkjar tal-karozzi;

[...]”

B.      Id-dritt Daniż

1.      Il-Liġi dwar il-VAT

11.      L-Artikolu 4(1) tal-lov om merværdiafgift (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (3) jipprovdi:

“Il-merkanzija u s-servizzi pprovduti bi ħlas fit-territorju nazzjonali huma suġġetti għat-taxxa. Huwa kkunsidrat bħala ‘provvista ta’ merkanzija’, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli. Provvista ta’ servizzi tinkludi kull provvista oħra.”

12.      Skont il-punt 8 tal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi:

“Il-merkanzija u s-servizzi li ġejjin huma eżentati mit-taxxa:

[...]

8)      L-amministrazzjoni, il-kiri u l-leasing ta’ proprjetajiet immobbli kif ukoll il-provvista ta’ gass, ilma, elettriku u tisħin marbutin mal-kiri jew il-leasing. Madankollu, l-eżenzjoni ma tkoprix [...] il-kiri ta’ postijiet għal kampeġġ, parkeġġ jew spazji tar-reklamar kif ukoll il-kiri ta’ lockers.”

13.      L-Artikolu 27(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Waqt il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi, il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mir-remunerazzjoni, inkluż is-sussidji, direttament marbuta mal-prezz tal-merkanzija jew tas-servizzi, iżda ma tinkludix it-taxxa prevista minn din il-liġi. Jekk il-ħlas isir kollu jew parzjalment qabel il-provvista jew qabel ma tinħareġ il-fattura, il-bażi taxxabbli togħla għal 80 % tas-somma rċevuta.”

2.      Il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq

14.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-færdselsloven (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq) ma tispeċifikax is-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jinġabru spejjeż ta’ kontroll ta’ parkeġġ irregolari fi proprjetà privata. Madankollu, hija tipprovdi, wara emenda leġiżlattiva fl-Artikolu 122c(1) li seħħet fl-2014, li f’każ ta’ parkeġġ f’territorju privat miftuħ għall-pubbliku, it-tariffa ta’ kontroll (spejjeż ta’ kontroll) tista’ tiġi imposta biss jekk din tiġi indikata b’mod ċar fuq il-post (bla ħsara għal projbizzjoni ġenerali u indikata b’mod ċar fiż-żona).

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15.      Apcoa hija kumpannija privata li tiġġestixxi parkeġġi fi proprjetajiet privati bi qbil mal-proprjetarji tagħhom. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-ispazji ta’ parkeġġ, bħall-projbizzjoni ta’ parkeġġ mingħajr awtorizzazzjoni speċifika, it-tul massimu ta’ parkeġġ u l-ħlas eventwali ta’ tariffa b’korrispettiv għal dan. F’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-użu, Apcoa tiġbor ukoll spejjeż ta’ kontroll speċifiċi (510 kroner Daniż (DKK) (madwar EUR 69) għas-snin 2008 u 2009).

16.      Fid-dħul tal-parkeġġi inkwistjoni hemm tabella li tindika b’mod partikolari li “[l]-ksur tar-regolament jista’ jwassal għall-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll ta’ DKK 510” jew li “[l]-ksur tar-regolament jista’ jwassal għall-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll ta’ DKK 510 kuljum”. Huwa indikat ukoll li “[ż]-żona [ta’ parkeġġ] hija ġġestita skont ir-regoli tad-dritt privat”.

17.      Apcoa hija suġġetta għall-VAT fir-rigward tal-ħlas ta’ spejjeż miġbura f’każ ta’ parkeġġ b’konformità mar-regoli tagħha.

18.      Fil-25 ta’ Ottubru 2011, Apcoa talbet lil SKAT (l-Amministrazzjoni Fiskali Daniża) ir-rimbors tal-VAT imħallsa fir-rigward tal-ispejjeż ta’ kontroll miġbura bejn l-1 ta’ Settembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009 li l-ammont tagħhom kien tela’ għal DKK 25 089 292 (madwar EUR 3 370 000).

19.      It-tilwima ma tirrigwardax l-issuġġettar għall-VAT fir-relazzjonijiet ta’ bejn Apcoa u l-proprjetarju tal-art tal-parkeġġ inkwistjoni.

20.      Fit-12 ta’ Jannar 2012, SKAT ċaħdet it-talba għar-raġuni li l-ispejjeż ta’ kontroll huma kkunsidrati bħala suġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-VAT, moqrija flimkien mat-tieni sentenza tal-punt 8 tal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi.

21.      Fit-23 ta’ Diċembru 2014, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mil-Landskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka).

22.      Il-Landskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali) elenkat it-tlettax-il każ li fihom Apcoa tista’ tiġbor spejjeż ta’ kontroll:

“1.      Ħlas ta’ tariffa insuffiċjenti.

2.      Biljett ta’ parkeġġ validu li ma huwiex viżibbli mal-windscreen.

3.      Biljett mhux verifikabbli, pereżempju, jekk il-biljett ta’ parkeġġ ma jitqiegħedx b’mod korrett.

Il-każijiet 1 sa 3 japplikaw f’każ ta’ parkeġġ bi ħlas.

4.      Assenza ta’ biljett ta’ parkeġġ validu, pereżempju, fil-kuntest ta’ parkeġġ residenzjali li għalih hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ spazji ta’ parkeġġ speċifiċi.

5.      Parkeġġ f’post irriżervat għal persuni b’diżabbiltà. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika biss fil-presenza ta’ tabella ta’ parkeġġ għal persuni b’diżabbiltà, kemm jekk il-parkeġġ ikun b’xejn kif ukoll bi ħlas. Sabiex ikun jista’ jipparkja f’dawn l-ispazji, is-sewwieq għandu jkun qiegħed prova dokumentarja mal-windscreen.

6.      Parkeġġ barra l-ispazji ta’ parkeġġ ipprovduti. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika għat-tipi kollha ta’ postijiet ta’ parkeġġ meta tabella tindika parkeġġ ġewwa l-ispazji.

7.      Parkeġġ ipprojbit. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika, pereżempju, f’każ ta’ parkeġġ f’linja għad-difiża kontra n-nirien.

8.      Żona ta’ parkeġġ irriżervat. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika għat-tipi kollha ta’ spazji ta’ parkeġġ li għalihom huwa meħtieġ parkeġġ fl-ispazji speċifiċi.

9.      Assenza ta’ arloġġ tal-ipparkjar viżibbli.

10.      Arloġġ tal-ipparkjar irregolat b’mod ħażin/ħin ta’ parkeġġ indikat ikun għadda.

11.      Arloġġ tal-ipparkjar illeġibbli. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika, pereżempju, meta l-minutieri jkunu nqalgħu minn mal-arloġġ tal-ipparkjar jew fejn ikun hemm żball fl-arloġġ elettroniku.

12.      Arloġġi tal-ipparkjar multipli. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika fil-każijiet fejn is-sewwieq qiegħed diversi arloġġi tal-ipparkjar mal-windscreen sabiex itawwal it-tul tal-parkeġġ.

Ir-raġunijiet ta’ spejjeż 9 sa 12 japplikaw fil-każijiet li fihom il-parkeġġ huwa b’xejn għal tul limitat, iżda fejn arloġġ tal-ipparkjar huwa meħtieġ bħala prova tal-mument meta kienet ipparkjata l-karozza.

13.      Oħrajn. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika f’każ ta’ ksur tar-regoli ta’ parkegg li ma humiex deskritti fl-ebda wieħed mit-tnax-il punt preċedenti. Il-punt 13 japplika, pereżempju, meta l-parkeġġ jostakola t-traffiku b’mod ċar. Jekk din ir-raġuni ta’ spejjeż tintuża sabiex tiġġustifika l-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll, din għandha tkun kompluta permezz ta’ test li jiddeskrivi l-ksur”.

23.      Ir-rikors ippreżentat minn Apcoa kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mir-Retten i Kolding (il-Qorti ta’ Kolding, id-Danimarka), permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Jannar 2017, li kienet ikkonfermata mill-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka), permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2018.

24.      Apcoa ppreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka) sabiex, b’mod partikolari, il-Ministeru tat-Taxxi jirrikonoxxi li l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura f’każ ta’ ksur tar-regoli ta’ parkeġġ, fir-relazzjonijiet bejn kull sewwieq u Apcoa, ma jikkostitwixxux il-korrispettiv ta’ provvista suġġetta għall-VAT fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT.

25.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-partijiet ma jaqblux dwar jekk, fid-dawl tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (4), jeżistux provvisti reċiproċi. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, hija tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni li l-ispejjeż ta’ kontroll inkwistjoni jikkostitwixxu r-remunerazzjoni ta’ servizz.

26.      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, skont l-elementi tal-fajl, l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi, Svediżi u tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-ispejjeż ta’ kontroll dovuti f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ fi proprjetà privata ma humiex suġġetti għall-VAT.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta’ kontroll għall-ksur tar-regoli ta’ parkeġġ fi proprjetà privata jikkostitwixxu korrispettiv ta’ provvista ta’ servizz, u għaldaqstant tranżazzjoni suġġetta għall-VAT?”

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Daniż u dak Irlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

29.      Apcoa u l-Gvern Daniż wieġbu l-mistoqsijiet bi tweġiba bil-miktub fit-termini imposti.

IV.    Analiżi

30.      Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll (5) f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ f’postijiet privati amministrati minn Apcoa tistax tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizzi, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT.

31.      Preliminarjament għandhom jitfakkru diversi prinċipji.

A.      Tfakkira tal-prinċipji applikabbli

32.      L-ewwel nett, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér (6):

–        għalkemm id-Direttiva tal-VAT tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lil din it-taxxa, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma koperti minnha;

–        il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produttur, ta’ kummerċjant u ta’ fornitur ta’ servizzi, u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-ġestjoni ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli sabiex minnha jiġi ġġenerat dħul fuq bażi kontinwa, u

–        il-kunċett ta’ “sfruttament [ġestjoni]”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, jirreferi, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema komuni ta’ din it-taxxa, għal kull tranżazzjoni, tkun xi tkun il-forma legali tagħha, intiża sabiex jiġi ġġenerat mill-oġġett inkwistjoni dħul fuq bażi kontinwa.

33.      It-tieni nett, skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-VAT, kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi.

34.      It-tielet nett, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, u għaldaqstant hija taxxabbli, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li matulha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju. Dan huwa l-każ meta tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut, billi s-somom imħallsin ikunu jikkostitwixxu korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli pprovdut fil-kuntest ta’ tali relazzjoni ġuridika (7).

B.      Klassifikazzjoni tal-ispejjeż ta’ kontroll

35.      Peress li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax in-natura kontinwa tad-dħul ta’ Apcoa provenjenti mill-ispejjeż ta’ kontroll (8), għandhom jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tal-provvista ta’ servizzi kif ukoll dawk tal-korrispettiv tagħha, billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni inkwistjoni (9).

36.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li:

–        għall-kuntrarju tal-klassifikazzjoni formali tal-partijiet kontraenti, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (10);

–        il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” għandu jiġi interpretat indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (11), u

–        l-ammont tal-korrispettiv, b’mod partikolari l-fatt li dan huwa ugwali, iktar jew inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-persuna taxxabbli, fil-kuntest tal-provvista tas-servizz tagħha, ma huwiex ta’ natura li jaffettwa r-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-korrispettiv irċevut (12).

37.      Għalhekk ser neżamina suċċessivament il-mistoqsijiet li ġejjin:

–        Jeżisti servizz?

–        Is-somma dovuta tikkostitwixxi korrispettiv effettiv?

–        Teżisti rabta diretta bejn dawn iż-żewġ elementi?

1.      Servizz

38.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Apcoa taġixxi fil-kwalità ta’ amministratriċi ta’ spazji ta’ parkeġġ għan-nom ta’ proprjetarji privati (13).

39.      F’dan ir-rigward, Apcoa tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-parkeġġi, bħal:

–        il-projbizzjoni tal-parkeġġ mingħajr awtorizzazzjoni speċifika;

–        it-tul massimu ta’ parkeġġ;

–        l-ammont tal-ispejjeż ta’ parkeġġ, jew

–        il-pagament ta’ spejjeż speċifiċi (14) meta r-regoli applikabbli għall-parkeġġ ma jkunux ġew osservati. Fil-qosor, dawn l-ispejjeż, imsejħin “spejjeż ta’ kontroll”, jinġabru f’każ li jinqabeż il-ħin li minnu spejjeż ta’ parkeġġ oħra jkunu dovuti jew f’każ ta’ assenza ta’ provi dokumentarji validi tal-parkeġġ jew anki f’każ ta’ użu ħażin taż-żona jew tal-ispazju ta’ parkeġġ.

40.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-partijiet u l-persuni interessati jirriżulta li l-kwistjoni ċentrali li għandha tiġi solvuta hija dik dwar jekk l-analiżi sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains (15), tistax tiġi estiża b’analoġija għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, u għaldaqstant, tiġi ddistingwita minn dik sostnuta fis-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia.

41.      B’mod iktar speċifiku, wieħed għandu janalizza l-ispejjeż ta’ kontroll bħala kumpens, kif jissuġġerixxu Apcoa u l-Kummissjoni, jew bħala korrispettiv għal dak li minnu jibbenefika klijent, jiġifieri post sabiex jipparkja l-vettura tiegħu, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari marbuta mar-regoli ta’ parkeġġ, kif diġà ddeċidiet il-Højesteret (il-Qorti Suprema) (16) u kif isostni l-Gvern Daniż?

42.      Jiena naqbel ma’ din it-tieni analiżi. Fil-fatt, fl-ewwel lok, infakkar li b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ provvedimenti kuntrattwali skont id-dritt ċivili nazzjonali ma hijiex ta’ natura li tipproduċi effetti jekk dawn ma jirriflettux verament ir-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (17).

43.      Fit-tieni lok, jidhirli li l-ispejjeż ta’ kontroll huma elementi tal-korrispettiv tal-possibbiltà offruta lill-klijent li jipparkja l-vettura tiegħu, u dan minħabba elementi ta’ natura ekonomika li huma jinkludu.

44.      Fil-fatt, Apcoa tipproponi, skont diversi modalitajiet prattiċi, servizz li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ spazji ta’ parkeġġ għad-dispożizzjoni tas-sewwieqa ta’ vetturi. Għal dan il-għan, Apcoa mmarkat xi spazji u rriżervat uħud minnhom, pereżempju għall-klijenti b’diżabbiltà. Din il-provvista ta’ servizz teżisti indipendentement mill-konformità jew min-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-użu li jsir.

45.      B’mod konkret, hekk kif sewwieq ta’ vettura jidħol f’parkeġġ amministrat minn Apcoa, huwa jitqiegħed f’pożizzjoni li jibbenefika minn spazju ta’ parkeġġ għal ċertu ħin.

46.      Dan is-servizz jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kiri” fis-sens tal-Artikolu 135(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT, li jkopri kull attività ekonomika li tikkonsisti fil-ġbir ta’ remunerazzjoni bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ spazju ta’ parkeġġ ta’ vetturi, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku tal-persuna li tikrih jew tal-kwalità tagħha ta’ proprjetarja (18).

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta spejjeż addizzjonali jinġabru minn Apcoa, għandu jiġi stabbilit, fir-rigward tal-issuġġettar ta’ dawn l-ispejjeż għall-VAT, liema analoġija tista’ teżisti mas-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Société thermale d’Eugénie-les-Bains (19).

48.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “somom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ lukanda suġġetti għall-VAT għandhom jiġu kkunsidrati, meta l-klijent jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mil-lukandier, bħala kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent, bla konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe servizz mogħti bi ħlas u, bħala tali, mhux suġġetti għal din it-taxxa” (20).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li “ż-żamma tal-kapparri in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija [...] il-konsegwenza ta’ l-eżerċizzju mill-klijent tal-fakultà li kienet ingħatatlu li jħassar il-prenotazzjoni u sservi biex tikkumpensa lill-imsemmi lukandier wara t-tħassir tal-prenotazzjoni” (21). Għalhekk, f’każ bħal dan, huwa għaliex il-lukandier ma setax jipprovdi s-servizz ta’ akkomodazzjoni pprenotat mill-klijent u għaliex dan, milli jidher, ma użax dan is-servizz li jikkumpensa lil-lukandier għan-nuqqas ta’ qligħ.

50.      Għalhekk, jidhirli li l-portata tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains (22), għandha tiġi llimitata biss għall-każijiet fejn il-kumpens tal-kontraenti huwa marbut man-nuqqas ta’ tranżazzjoni, li huwa konformi mas-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1982, BAZ Bausystem (23) (rigward interessi moratorji); tad-29 ta’ Frar 1996, Mohr (24) (rigward il-kumpens ta’ telf ta’ attività), jew anki tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (25) (rigward il-kumpens ekwu favur id-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni).

51.      F’dan il-każ, f’każ ta’ użu ta’ parkeġġ amministrat minn Apcoa, is-sewwieq li jħallas spejjeż ta’ kontroll, ibbenefika minn spazju jew żona ta’ parkeġġ. L-ammont tal-ispejjeż jirriżulta mill-fatt li l-kundizzjonijiet aċċettati minnu waqt id-dħul fil-parkeġġ huma ssodisfatti.

52.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra, bħall-Gvern Daniż, li l-approssimazzjoni mas-sentenza Vodafone Portugal, mogħtija wara li ntbagħtet it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Apcoa, hija rilevanti, peress li tikkompleta lis-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (26), u twassal għalhekk għal analiżi tal-portata ta’ din id-deċiżjoni differenti minn dik sostnuta minn din il-kumpannija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

53.      Fis-sentenza Vodafone Portugal, il-Qorti tal-Ġustizzja esponiet li:

–        “[f]il-kuntest tal-attività tagħha, [Vodafone Portugal – Comunicações Pessoais SA (iktar ’il quddiem ‘Vodafone’)] tikkonkludi mal-klijenti tagħha kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, fejn uħud fosthom jipprevedu klawżoli promozzjonali speċjali suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ fedeltà ta’ dawn il-klijenti għal perijodu minimu stabbilit minn qabel (iktar ’il quddiem il-‘perijodu ta’ fedeltà’). Permezz ta’ dawn il-klawżoli, il-klijenti jintrabtu li jżommu relazzjoni kuntrattwali ma’ Vodafone kif ukoll li jużaw l-oġġetti u servizzi pprovduti minnha għal tali perijodu, bħala korrispettiv ta’ kundizzjonijiet kummerċjali vantaġġużi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-prezz li għandu jitħallas għas-servizzi li l-klijenti jkunu abbonaw għalihom” (27), u

–        “[i]n-nuqqas ta’ osservanza mill-klijenti tal-perijodu ta’ fedeltà għal raġunijiet attribwibbli lil dawn il-klijenti jwassal għall-ħlas, mill-imsemmija klijenti, tal-ammonti previsti bil-kunratti. Dawn l-ammonti huma intiżi li jiskoraġġixxu n-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà mill-istess klijenti” (28).

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat l-elementi li ġejjin (29):

–        “Vodafone timpenja ruħha li tipprovdi lill-klijenti tagħha l-provvisti ta’ servizzi miftiehmin fil-kuntratti konklużi magħhom u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawn il-kuntratti”, u

–        “dawn il-klijenti jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-pagamenti mensili previsti milll-imsemmija kuntratti kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-ammonti dovuti fil-każ li l-istess kuntratti kellhom jiġu xolti qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ fedeltà għal raġunijiet attribwibbli lilhom infushom”.

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, “fis-sitwazzjoni fejn dawn il-klijenti ma josservawx l-imsemmi perijodu ta’ fedeltà, il-provvista ta’ servizzi għandha titqies bħala li twettqet, u dan peress li l-imsemmija klijenti huma mqiegħda f’pożizzjoni li jibbenefikaw minn dawn is-servizz” (30).

56.      Billi kkunsidrat ir-realtà ekonomika tat-tranżazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ammonti dovuti mill-klijenti jikkorrispondu għall-irkupru ta’ parti mill-ispejjeż assoċjati mal-provvista tas-servizzi li dan l-operatur ipprovdielhom (31). Dawn l-ammonti jirrappreżentaw parti mill-prezz tas-servizz li l-fornitur impenja ruħu li jipprovdi (32) u huma intiżi sabiex jiżguraw lill-operatur remunerazzjoni minima għall-provvista mwettqa (33).

57.      Din l-analiżi jidhirli li hija trasponibbli għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li bħall-Gvern Daniż, nikkunsidra li fil-każ fejn l-ispejjeż ta’ kontroll huma dovuti, l-utenti tal-parkeġġi amministrati minn Apcoa setgħu jibbenefikaw minn parkeġġ. Il-prezz ta’ dan is-servizz jikkorrelata mal-modalitajiet tal-użu ta’ postijiet li l-operatur ma jistax jikkontrolla.

2.      Korrispettiv effettiv

58.      Apcoa ssostni li l-ispejjeż ta’ kontroll ma humiex il-korrispettiv ta’ provvista, għaliex dawn huma tariffa standard li teċċedi bil-bosta l-valur tal-provvista li minnha jibbenefika s-sewwieq. Bħall-Kummissjoni, hija targumenta li dawn l-ispejjeż huma intiżi sabiex jissanzjonaw ksur tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-parkeġġ.

59.      Issa, minn naħa, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammont tal-korrispettiv ma huwiex rilevanti (34). Min-naħa l-oħra, ma jistax isir argument li t-tariffa b’rata fissa hija intiża sabiex tiddisswadi lill-klijenti min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ parkeġġ peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għanijiet u r-riżultati tat-tranżazzjoni inkwistjoni ma għandhomx effett fuq il-klassifikazzjoni tagħha u li hija biss ir-realtà ekonomika li hija determinanti (35).

60.      Jiena tal-fehma li f’dan il-każ, fl-ewwel lok, l-ammont tal-ispejjeż ta’ kontroll jikkorrelata mal-għażla tas-sewwieq li pparkja l-vettura tiegħu fil-parkeġġ, imqiegħed għad-dispożizzjoni minn Apcoa, li jaqbeż il-ħin ta’ użu tal-ispazju tiegħu, jew li ma jiġġustifikax b’mod korrett id-dritt tiegħu li jużah jew anki li jipparkja fi spazju li mhux irriżervat għalih jew b’mod inkonvenjenti.

61.      Fit-tieni lok, mill-perspettiva tar-realtà ekonomika, għandu jiġi kkunsidrat li l-ammont tal-ispejjeż ta’ kontroll jieħu neċessarjament inkunsiderazzjoni l-ogħla spiża tal-ġestjoni ta’ parkeġġi. Dawn l-ispejjeż addizzjonali jirriżultaw minn parkeġġ li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet normali ta’ użu tas-servizz offrut. Fi kliem ieħor, l-ammont tal-korrispettiv huwa intiż sabiex jiżgura lil Apcoa remunerazzjoni kuntrattwali tal-provvista mwettqa f’kundizzjonijiet attribwibbli lill-utent li ma humiex ta’ natura li jbiddlu r-realtà ekonomika u kummerċjali tar-relazzjoni tagħha miegħu.

62.      F’dan is-sens, nirrileva li fir-rapport ta’ Ġunju 2013 dwar protezzjoni aħjar tal-konsumaturi fil-qasam tal-parkeġġ, redatt minn grupp ta’ ħidma tal-Justitsministeriet (il-Ministeru tal-Ġustizzja, id-Danimarka), iċċitat mill-qorti tar-rinviju, hemm indikat li “ir-rappreżentanti tad-Danske Private Parkeringsselskabers Brancheforening [(l-Assoċjazzjoni Professjonali Daniża tal-Parkeġġ Privat)] informaw lill-grupp ta’ ħidma li ż-żieda għal DKK 590 [tat-tariffi ta’ parkeġġ privat (36)] kienet b’mod partikolari immotivata minn żieda kontinwa tad-diversi spejjeż ta’ funzjonament ta’ intrapriża ta’ parkeġġ u mill-fatt li kienx għadu possibbli li tiġi applikata t-tariffa pubblika. F’dan ir-rigward, din l-assoċjazzjoni targumenta, b’mod iktar partikolari, li t-tariffa għandha tirrifletti l-prezz ogħla tal-parkeġġ legali, li l-kumpanniji huma suġġetti għall-VAT fuq it-tariffi ta’ parkeġġ imħallsin, u li għall-kuntrarju tat-tariffi imposti mill-awtoritajiet pubbliċi, ma teżistix possibbiltà li jintalab il-ħlas mingħand il-proprjetarju fil-kuntest ta’ responsabbiltà ċivili”. Huwa speċifikat ukoll li “l-ammont tat-tariffi ta’ parkeġġ privat huwa ddeterminat abbażi ta’ kalkoli tal-iżvilupp ġenerali tal-prezzijiet u tas-salarji attwali u barra minn hekk jiddependi b’mod ġenerali fuq l-ispejjeż u s-suq” (37).

3.      Ir-rabta bejn is-servizz u l-korrispettiv effettiv

63.      Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, u għalhekk hija taxxabbli biss jekk teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (38).

64.      Apcoa qieset, bħall-Kummissjoni, li din ir-rabta diretta ma teżistix, għar-raġuni li ma hemmx rabta ekonomika konkreta mal-valur ta’ servizz ta’ parkeġġ.

65.      Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rabta diretta teżisti meta żewġ servizzi huma interdipendenti, ir-remunerazzjoni li l-fornitur jirċievi tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju, jiġifieri li wieħed iseħħ biss bil-kundizzjoni li l-ieħor ikun ukoll, u reċiprokament (39).

66.      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Teżisti rabta diretta bejn il-parkeġġ imwettaq mis-sewwieq f’ċirkustanzi partikolari ddeterminati minn Apcoa u l-ġbir minn din il-kumpannija ta’ spejjeż ta’ parkeġġ miżjuda.

67.      Barra minn hekk, nikkunsidra li t-tassazzjoni ma tistax tiddependi mill-użu ħażin jew tajjeb mill-klijent tal-provvista ta’ spazju jew żona ta’ parkeġġ. Ma tistax tiġi stabbilita differenza fit-trattament, fir-rigward tal-VAT, bejn dak li jibbenefika mill-provvista ta’ servizz ta’ parkeġġ bi prezz ġenerali u dak li jammetti li jużaha bi spiża ogħla (40).

68.      Għaldaqstant, nikkonkludi li l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura minn Apcoa jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv tas-servizz ta’ parkeġġ li minnu jibbenefika l-klijent f’kundizzjonijiet partikolari li huwa għażel, u għalhekk, li huma suġġetti għall-VAT.

V.      Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka) kif ġej:

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż miġbura minn operatur ekonomiku bħala korrispettiv għall-parkeġġ ta’ vetturi, li l-ammont tagħhom huwa stabbilit skont il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ dan il-parkeġġ, għandhom jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u suġġetta bħala tali għal din it-taxxa.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”.


3      Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”.


4      C-16/93, EU:C:1994:80.


5      Fid-dokumenti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjonijiet użati għal dawn l-ispejjeż huma differenti: “spejjeż ta’ kontroll”, “tariffa ta’ kontroll”, “tariffi ta’ parkeġġ miżjuda” jew “tariffi ta’ parkeġġ”. Apcoa speċifikat li dawn l-ispejjeż ta’ kontroll huma ħafna drabi msejħa “multa ta’ parkeġġ”. Jiena ser inżomm l-espressjoni “spejjeż ta’ kontroll” għall-finijiet ta’ koerenza mat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-kontenut tad-dokumenti uffiċjali hemm iċċitati.


6      C-263/15, EU:C:2016:392, punti 20, 23 u 24. Ara wkoll, bħala tfakkira reċenti ta’ dawn il-prinċipji, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C-604/19, EU:C:2021:132, punti 67 sa 69).


7      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2021, UCMR - ADA (C-501/19, EU:C:2021:50, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż speċifika li l-ġbir ta’ tariffi miżjuda ta’ parkeġġ huwa parti integrali mill-mudell ekonomiku ta’ Apcoa u li dawn it-tariffi kienu jirrappreżentaw bejn 34 u 35 % tad-dħul mill-bejgħ nett totali ta’ din il-kumpannija, jiġifieri madwar EUR 10.4 miljun fl-2008 u EUR 11-il miljun fl-2009.


9      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C-295/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia”, EU:C:2018:942, punti 61 u 62), u tal-11 ta’ Ġunju 2020, Vodafone Portugal (C-43/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Vodafone Portugal”, EU:C:2020:465, punti 47 sa 49). Kif fakkret l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Gmina Wroclaw (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C-604/19, EU:C:2020:647, punt 35), “mhux kull ħlas neċessarjament iwassal għal skambju ta’ servizzi taxxabbli”.


10      Ara s-sentenzi MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2020, Franck (C-801/19, EU:C:2020:1049, punt 43).


11      Ara s-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria (C-94/19, EU:C:2020:193, punt 29).


13      Dawn iċ-ċirkustanzi huma differenti minn dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha fil-kawżi preċedenti. Fil-fatt, fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ attivitajiet ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku li kienu jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ sewwieqa ta’ vetturi, li jħallsu korrispettiv finanzjarju, ta’ spazji intiżi għall-parkeġġ tal-vettura tagħhom jew fuq il-highway pubblika, jew f’parks ta’ parkeġġ stabbiliti fit-territorju pubbliku tal-muniċipalità, fit-territorju privat jew anki f’artijiet proprjetà ta’ individwi, u tal-obbligu li jiġi stabbilit jekk dan l-organu jaġixxix bħala awtorità pubblika, ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública (C-446/98, EU:C:2000:691, punti 21 sa 23). Ara wkoll, bħala illustrazzjoni tad-diversità tas-sitwazzjonijiet f’każ ta’ rkupru ta’ spejjeż ta’ parkeġġ, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C-307/19, EU:C:2021:236, punti 27, 67, 95 u 96), fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, relattiva għall-amministrazzjoni u l-manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi ta’ parkeġġ minn kumpannija kkostitwita minn komun għal dan il-għan.


14      Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, Apcoa speċifikat li “[f’]każ li jinqabeż il-ħin tal-parkeġġ, jinġabru biss spejjeż ta’ kontroll”.


15      C-277/05, EU:C:2007:440.


16      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari huwa speċifikat, li fir-rigward tat-tassazzjoni dovuta minn Apcoa fuq l-ispejjeż ta’ kontroll, il-Landskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali) ikkonformat, fl-2007 u fl-2014, ma’ sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju fit-12 ta’ April 1996. Il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li t-tariffi miżjuda, miġbura abbażi ta’ relazzjoni kważi kuntrattwali, għandhom jiġu kkunsidrati bħala korrispettiv ta’ provvista, u għalhekk, suġġetti għall-VAT, minkejja l-fatt li dawn it-tariffi kienu stabbiliti bħala tariffa standard u sinjifikattiva meta mqabbla mat-tariffa normali tal-parkeġġ, intiżi sabiex jiġi evitat parkeġġ irregolari.


17      Ara t-tieni inċiż tal-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C-295/17, EU:C:2018:413, punt 34), fejn enfasizzat li “huwa irrilevanti kif id-dritt nazzjonali jittratta l-pagament kumpensatorju. F’termini ta’ VAT huwa irrilevanti jekk dan jitqiesx bħala intitolament delittwali għal kumpens għad-danni jew bħala klawżola ta’ penali, jew jekk dan jiġix deskritt bħala kumpens għad-danni, kumpens jew ħlas”.


18      Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza waħda li tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135 ta’ din id-direttiva. Din hija s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Henriksen (173/88 EU:C:1989:329, punt 17), relattiva għall-kiri ta’ spazji marbut ma’ kiri mhux taxxabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li d-dispożizzjonijiet tagħha huma ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 135(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT (ara l-Anness XII ta’ din id-direttiva).


19      C-277/05, EU:C:2007:440.


20      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains (C-277/05, EU:C:2007:440, punt 36).


21      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains (C-277/05, EU:C:2007:440, punt 32).


22      C-277/05, EU:C:2007:440.


23      222/81, EU:C:1982:256, punt 8.


24      C-215/94, EU:C:1996:72, punt 21.


25      C-37/16, EU:C:2017:22, punt 30.


26      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Sentenza Vodafone Portugal (punt 18).


28      Sentenza Vodafone Portugal (punt 19).


29      Sentenza Vodafone Portugal (punt 37).


30      Sentenza Vodafone Portugal (punt 41).


31      Ara s-sentenza Vodafone Portugal (punt 38).


32      Ara s-sentenza Vodafone Portugal (punt 39).


33      Ara s-sentenza Vodafone Portugal (punt 40). Abbażi tal-konstatazzjonijiet tagħha relattivi għall-kalkolu tas-somom dovuti (ara punt 34 ta’ din is-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju esposti fil-punti 26 u 27 tal-imsemmija sentenza dwar il-portata tas-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet relattivi għall-korrispondenza bejn l-ammont imħallas għan-nuqqas ta’ osservanza tal-fedeltà u l-ammont li l-operatur ikkonċernat kellu jiġbor matul il-bqija ta’ dan il-perijodu fl-assenza ta’ xoljiment tal-kuntratt.


34      Ara t-tielet inċiż tal-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara t-tieni inċiż tal-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Din l-espressjoni bbażata fuq il-kwotazzjoni mill-qorti tar-rinviju tar-Rapport ta’ Ġunju 2013 tikkorrispondi għal dik ta’ “spejjeż ta’ kontroll”, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Il-Gvern Daniż speċifika li l-ammont ta’ dawn it-tariffi żdied regolarment sa mis-sena 2009, u li għas-sena 2020, kien ġie ffissat minn diversi kumpanniji ta’ parkeġġ privat, fosthom Apcoa, għal tal-inqas DKK 750 (madwar EUR 100).


38      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria (C-94/19, EU:C:2020:193, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara b’analoġija, is-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (punt 47).