Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2022 (1)

Kawża C-607/20

GE Aircraft Engine Services Ltd

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Trasferimenti ta’ vawċers bħala tranżazzjonijiet taxxabbli – L-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT – Kunċett ta’ “użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha” – Provvista ta’ vawċers, mingħajr ħlas, għall-persunal bħala parti minn skema ta’ premjijiet għall-impjegati”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kawża preżenti għandha saffi differenti. Fis-saff ta’ barra hemm l-interpretazzjoni nnifisha mitluba mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) f’tilwima dwar l-obbligu li jingħata kont tal-VAT tal-output fuq it-trasferiment ta’ vawċers mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli lill-persunal tagħha. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk dan it-trasferiment għandux jiġi kkunsidrat bħala provvista għall-“użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha” taħt l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE (2).

2.        Madankollu, taħt il-wiċċ ta’ din it-tilwima hemm kwistjoni ta’ newtralità fiskali. Tabilħaqq, jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni titqies li taqa’ taħt l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, allura l-VAT tiġi kkunsidrata darbtejn fuq il-valur tal-istess vawċers. Jiġifieri, darba fil-punt ta’ trasferiment mill-persuna taxxabbli għall-persunal tagħha u darba mal-użu tad-dritt sottostanti tagħha (li dak li jkun jirċievi merkanzija jew servizzi minn bejjiegħ bl-imnut partikolari).

3.        Għaldaqstant, fir-risposta tagħha għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-opportunità li tiċċara meta, fil-każ ta’ vawċers ta’ bejgħ bl-imnut bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, il-kundizzjonijiet legali meħtieġa sabiex tiġi imposta l-VAT huma ssodisfatti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT huwa stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha. Is-subparagrafu (ċ) ta’ dan l-artikolu jistipula li l-“provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” għandha tkun suġġetta għall-VAT.

5.        Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-“provvista ta’ merkanzija” hija ddefinita bħala t-“trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”, filwaqt li, taħt l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-“provvista ta’ servizzi” tfisser “kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija”.

6.        L-Artikolu 26(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li:

“Kull waħda minn dawn it-transazzjonijiet li ġejjin għandha titqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas:

[…]

(b)      il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha” (3).

7.        Bis-saħħa tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, avveniment li jagħti lok għal ħlas huwa ddefinit bħala l-“okkorrenza li permezz tagħha l-kondizzjonijet legali meħtieġa biex tiġi imposta l-VAT huma sodisfatti”. Skont l-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT, “għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is-servizzi huma pprovduti”.

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        GE Aircraft Engine Services Limited (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni ta’ magni ġett fir-Renju Unit. Hija tifforma parti mill-grupp ta’ kumpanniji General Electric (iktar ’il quddiem “GE”), konglomerat multinazzjonali Amerikan.

9.        Ir-rikorrenti kienet topera skema ta’ rikonoxximent tal-persunal magħrufa bħala l-programm “Above & Beyond”. Skont dan il-programm, kwalunkwe membru tal-persunal tar-rikorrenti seta’ jinnomina kwalunkwe membru ieħor tal-persunal għal atti li jqis li jimmeritaw rikonoxximent speċjali, skont ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà tal-programm.

10.      Kien hemm livelli differenti ta’ premjijiet taħt il-programm “Above & Beyond”. Persuna li tagħmel nomina kienet meħtieġa tagħżel il-livell adattat u tipprovdi informazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn il-persuna nnominata kien ħaqqha l-premju. Fil-kawża preżenti huwa biss il-livell intermedju ta’ dik is-sistema ta’ premjijiet li huwa inkwistjoni. F’dan il-livell, u wara proċess ta’ approvazzjoni interna, il-persuna nnominata kienet tingħata vawċer ta’ bejgħ bl-imnut.

11.      Fil-każ ta’ premjijiet li jikkonsistu minn vawċers ta’ bejgħ bl-imnut, il-persuna nnominata kienet tirċievi link għal sit amministrat minn Globoforce Limited (iktar ’il quddiem “Globoforce”), fornitur ta’ servizzi ta’ rikonoxximent soċjali. Fuq is-sit ta’ Globoforce, l-impjegat li jirbaħ il-premju seta’ jagħżel vawċer ta’ bejgħ bl-imnut minn firxa ta’ bejjiegħa bl-imnut elenkati (u parteċipanti). Ladarba jintgħażel, il-vawċer seta’ jinfeda biss għand il-bejjiegħ bl-imnut magħżul.

12.      Il-provvista ta’ vawċers minn Globoforce lill-impjegat kienet isseħħ b’dan il-mod. L-ewwel, Globoforce kienet tixtri l-vawċers direttament mingħand il-bejjiegħa bl-imnut rilevanti u tbigħhom lil GE fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem “GE US”). Imbagħad, GE US kienet tbigħ il-vawċers lill-kwartieri ġenerali ta’ GE, ukoll fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem “GE HQ”). Sussegwentement, GE HQ kienet twettaq provvista transkonfinali tal-vawċers lil numru ta’ entitajiet GE fir-Renju Unit. Kull waħda minn dawn l-entitajiet, inkluż ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ persuna li timpjega, kienet tipprovdi l-vawċers lill-impjegati nnominati taħt il-programm “Above & Beyond”.

13.      Peress li din il-provvista ta’ vawċers kienet toriġina minn entitajiet barra l-Unjoni Ewropea, ir-rikorrenti kienet tat kont tal-VAT tal-input fir-rigward tal-provvista ta’ dawn il-vawċers minn GE HQ fuq bażi ta’ awtolikwidazzjoni (reverse charge) u rkuprat l-ammont korrispondenti mingħand l-awtoritajiet fiskali rilevanti.

14.      Meta l-impjegat li jirbaħ il-premju juża l-vawċer mogħti lilu biex jixtri merkanzija/servizzi, il-bejjiegħ bl-imnut parteċipanti jkollu jagħti kont tal-VAT tal-output fuq il-valur tal-vawċer.

15.      Fl-20 ta’ Diċembru 2017, il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“konvenuti”) bagħtu lir-rikorrenti stima ta’ 332 495 lira sterlina (GBP) (madwar EUR 374 389) għall-perijodu bejn Diċembru 2013 u Ottubru 2017 għall-VAT tal-output mhux iddikjarat fuq il-valur tal-vawċers ipprovduti taħt il-programm “Above & Beyond”.

16.      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Il-ħruġ ta’ vawċers għal bejjiegħa terzi bl-imnut lill-impjegati minn persuna taxxabbli bħala parti minn programm ta’ rikonoxximent għall-impjegati bi prestazzjoni għolja jikkostitwixxi provvista ‘għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha’ fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva […] dwar il-VAT?

(2)      Il-fatt li l-persuna taxxabbli għandha skop ta’ negozju għall-ħruġ tal-vawċers ta’ bejgħ bl-imnut lill-persunal għandu xi rilevanza fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda?

(3)      Il-fatt li l-vawċers ta’ bejgħ bl-imnut maħruġa lill-membri tal-persunal huma għall-użu tagħhom stess u jistgħu jintużaw għall-iskopijiet privati tal-membri tal-persunal għandu xi rilevanza fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda?”

17.      Il-qorti tar-rinviju spjegat li din il-kawża taġixxi bħala l-kawża prinċipali għal appelli oħra li jirriżultaw minn fatti simili u li jikkonċernaw 19-il membru ieħor tal-grupp GE.

18.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll argumenti orali waqt is-seduta tal-24 ta’ Novembru 2021.

IV.    Analiżi

19.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Sejra nibda bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT u, fid-dawl ta’ dan, nirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju (A). Madankollu, kif ser nispjega, f’dan il-każ, ir-riżultat ta’ dan jista’ jkun li l-valur tal-istess vawċers jiġi suġġett għall-VAT darbtejn. Għaldaqstant, sejra nistaqsi jekk fl-ewwel lok it-trasferiment ta’ dawn il-vawċers huwiex avveniment li jagħti lok għal ħlas (B).

A.      Servizzi pprovduti għall-użu privat jew għal skopijiet barra dawk tan-negozju tal-persuna taxxabbli

20.      Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju tfittex li tinvestiga jekk it-trasferiment ta’ vawċers mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli lill-persunal tagħha, taħt skema ta’ rikonoxximent tal-persunal bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, għandux ikun suġġett għall-VAT bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas, kif meħtieġ mill-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

21.      Ir-riżoluzzjoni ta’ din il-mistoqsija tirrikjedi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha”, kif inkorporat f’din id-dispożizzjoni.

22.      Għaldaqstant, l-ewwel sejra nirrikorri għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett (1) qabel ma nirrispondi għad-domandi speċifiċi magħmula mill-qorti tar-rinviju (2).

1.      Il-liġi dwar l-identifikazzjoni ta’ “skopijiet mhux ta’ negozju”

23.      Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas. L-ewwel waħda tikkonċerna l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha, jew għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tagħha. It-tieni waħda tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi, magħmula mingħajr ħlas, minn persuna taxxabbli “għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha”.

24.      Hija l-provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas li hija ta’ interess fil-kawża preżenti. L-ewwel nett, għandu jiġi ċċarat li ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li kien hemm provvista ta’ servizzi, jew li s-servizzi ġew ipprovduti mingħajr ħlas. L-unika mistoqsija li tibqa’ hija jekk dawk is-servizzi ġewx ipprovduti għal skopijiet privati jew ta’ negozju.

25.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, normalment, il-provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT (4). Madankollu, l-Artikolu 26(1)(b) tagħha jipprovdi għal deroga minn din ir-regola ġenerali (5). Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din id-dispożizzjoni toħloq il-finzjoni legali li ċerti tranżazzjonijiet, għalkemm ipprovduti mingħajr ħlas, madankollu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT.

26.      Ir-raġuni għal din id-deroga ġiet deskritta bħala waħda ta’ ekwità u newtralità fiskali: l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu l-għan li jipprevjeni persuna taxxabbli milli tieħu vantaġġ mill-użu privat ta’ merkanzija jew servizzi tan-negozju tagħha fuq konsumatur ordinarju li jġorr il-piż tal-VAT akkumulat fi stadji preċedenti tal-kummerċjalizzazzjoni (6). Fil-fatt, b’kuntrast mal-persuna taxxabbli, il-konsumatur ma jibbenefikax mill-possibbiltà li jestendi l-katina figurattiva ta’ tranżazzjonijiet (input) biex jgħaddi l-piż tat-taxxa “iktar ’l isfel” (7).

27.      Fil-qosor, l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu l-għan li jiżgura li, f’ċirkustanzi li jaqgħu barra minn attività ta’ negozju, il-persuna taxxabbli tiġi rikonoxxuta bħala konsumatur finali għall-finijiet tal-VAT.

28.      Għal dan il-għan, l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, fil-fehma tiegħi, jittratta, fl-ewwel stadju, il-provvisti kollha ta’ servizzi mingħajr ħlas bħala provvisti għall-użu privat tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha. Dawn it-tranżazzjonijiet huma b’hekk assimilati ma’ provvisti oħra ta’ servizzi (mhux ta’ negozju) bi ħlas, b’mod li l-persuna taxxabbli għandha tagħti kont tat-taxxa fuq l-output fuqhom.

29.      B’hekk, jekk is-servizzi jiġu pprovduti mingħajr ħlas, il-persuna taxxabbli hija, awtomatikament, ittrattata bħala l-konsumatur finali. Madankollu, fit-tieni stadju, l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas tista’, madankollu, titqies li ma ġietx ipprovduta għal użu privat (u għalhekk bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas) jekk l-użu ta’ dik il-provvista jkun serva għal skopijiet ta’ negozju ta’ persuna taxxabbli (8).

30.      Imma kif issir din id-determinazzjoni?

31.      Skont ir-rikorrenti, hija l-intenzjoni suġġettiva tal-persuna taxxabbli li hija l-bażi tal-provvista mingħajr ħlas ta’ merkanzija jew servizzi li għandha tiġi kkunsidrata. Għalhekk, jekk persuna taxxabbli pprovdiet servizz mingħajr ħlas bil-għan li sservi n-negozju tagħha, dan is-servizz għandu jiġi ttrattat bħala li għandu skop ta’ negozju fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Għalhekk, fil-fehma tar-rikorrenti, il-politiki kummerċjali ta’ persuna taxxabbli li jfittxu li jżidu indirettament il-produttività tal-persunal permezz ta’ titjib fis-sodisfazzjon u l-impenn tal-impjegati għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “skop ta’ negozju”.

32.      Kif spjegajt fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jitlaq mill-premessa li l-provvisti kollha ta’ servizzi mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli lill-persunal tagħha huma kkunsidrati bħala provvisti ta’ servizzi għal użu mhux relatat man-negozju. F’dan il-punt tal-analiżi, għalhekk, ma ssir l-ebda evalwazzjoni tat-tranżazzjoni partikolari inkwistjoni. Għaldaqstant, huwa irrilevanti, bis-saħħa ta’ din il-premessa, għat-trattament ta’ tranżazzjoni partikolari skont l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, jekk il-persuna taxxabbli suġġettivament kellhiex l-intenzjoni li l-provvista tkun għal skopijiet ta’ negozju jew għal użu privat. Jekk kienet mingħajr ħlas, id-Direttiva dwar il-VAT tippreżumi li kienet għal użu privat.

33.      Il-karatteristiċi partikolari ta’ tranżazzjoni jiksbu importanza biss meta persuna taxxabbli tixtieq turi li tranżazzjoni partikolari li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT fil-fatt ma twettqitx għal skopijiet privati, iżda għal skopijiet ta’ negozju. Iż-żewġ kawżi prinċipali fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kawża Fillibeck (9) u l-kawża Danfoss u AstraZeneca (10), jindikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika skop ta’ negozju billi tistaqsi jekk is-servizz ipprovdut (li, f’dawk il-kawżi, kien jikkonċerna trasport b’xejn u ikla b’xejn, rispettivament) kienx “neċessarju” fid-dawl tal-eżiġenzi tan-negozju ta’ dik il-persuna taxxabbli partikolari (11).

34.      Ma nistax niċħad li l-enfasi fuq it-terminu “neċessarju” jista’ jiġi interpretat b’mod li jintroduċi ċertu element ta’ suġġettività. Dan huwa essenzjalment dak li targumenta r-rikorrenti u dak li jirriżulta minn qari naturali ta’ dan it-terminu. Madankollu, fil-fehma tiegħi, wieħed għandu jħares lil hinn mit-tifsira purament lingwistika tiegħu u jara l-approċċ issuġġerit mir-rikorrenti f’kuntest usa’.

35.      Tabilħaqq, jekk l-allegata intenzjoni kummerċjali proposta minn persuna taxxabbli tiġi aċċettata bħala test, l-effett ikun li hija l-persuna taxxabbli individwali li tiddeċiedi meta tranżazzjoni partikolari tkun għal skopijiet ta’ negozju, u għalhekk mhux taxxabbli. Il-qrati konsegwentement jitqiegħdu f’pożizzjoni skomda li jkollhom jantiċipaw dawn id-deċiżjonijiet kummerċjali fir-rigward tan-neċessità vera tagħhom. Barra minn hekk, li t-tifsira tat-terminu “neċessità” titħalla għall-interpretazzjoni suġġettiva ta’ persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT, iwassal għar-riżultat mhux raġonevoli li żewġ persuni taxxabbli bi provvisti taxxabbli identiċi fit-twettiq ta’ attività identika jistgħu madankollu jaslu għal konklużjonijiet differenti dwar in-“neċessità” ta’ servizz. Dan joħloq il-possibbiltà li tranżazzjoni altrimenti taxxabbli tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT. Naturalment, tali riżultat ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-interpretazzjoni stretta li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil din id-dispożizzjoni (12).

36.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, is-sentenzi fil-kawżi Fillibeck (13) u Danfoss u AstraZeneca (14) jindirizzaw l-interpretazzjoni tan-“neċessità” ta’ tranżazzjoni minn żewġ elementi ddeterminati oġġettivament: l-ewwel, l-eżistenza ta’ rabta bejn servizz ipprovdut mingħajr ħlas u l-attività ekonomika ta’ persuna taxxabbli, u, it-tieni, il-preżenza ta’ kontroll fuq l-użu ta’ dan is-servizz sabiex jiġi żgurat li dan ikun tabilħaqq użat b’rabta jew fl-avvanz tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli.

37.      L-ewwel element jiżgura li s-servizz inkwistjoni jiġi pprovdut bl-għan li jservi l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli (15). Madankollu, kif irrilevat ir-rikorrenti kemm fl-osservazzjonijiet tagħha kif ukoll waqt is-seduta, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat b’mod strett li jirrikjedi li n-negozju ta’ din il-persuna jkun impossibbli mingħajru.

38.      Minkejja dan, ir-rekwiżit tan-neċessità lanqas ma jista’ jindika servizz li huwa normalment u ġeneralment marbut ma’ kull tip ta’ negozju. Għalhekk, it-trasport tal-impjegati lejn u mix-xogħol huwa, ovvjament, neċessarju sabiex jiġi organizzat ix-xogħol. Madankollu, fih innifsu ma huwiex ikkunsidrat bħala “skop ta’ negozju” fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Għalhekk ma jistax jiġi offrut mingħajr ħlas u ma jkunx suġġett għall-VAT. Meta aċċettat il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mingħajr ħlas fil-kawża Fillibeck (16) bħala għal skopijiet ta’ negozju, il-Qorti tal-Ġustizzja rabtet dan is-servizz mal-“karatteristiċi speċjali tad-ditti tal-bini” (17). Kien għalhekk “neċessarju” f’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li t-trasport lejn u mix-xogħol huwa neċessarju fis-sens tradizzjonali ta’ din il-kelma.

39.      Fil-kawża Danfoss u Astra Zeneca (18), ma kien hemm ebda kriterji ta’ kwalifika speċifiċi għall-industrija. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li ċ-“ċirkustanzi partikolari tal-organizzazzjoni tal-impriża” għandhom juru li l-provvisti inkwistjoni pprovduti mingħajr ħlas ma kinux għal skopijiet barra dawk tan-negozju (19). Għalhekk, ikla b’xejn ġiet madankollu aċċettata bħala li sservi skop ta’ negozju minħabba li kienet marbuta mill-qrib mal-organizzazzjoni speċifika tan-negozju tal-persuna taxxabbli (jiġifieri, ikla b’xejn offruta biss waqt laqgħat tan-negozju partikolari) (20).

40.      Bl-istess mod, anki jekk ma jistax jiġi miċħud li ż-żieda fl-effiċjenza li tirriżulta minn sodisfazzjon ikbar tal-impjegati għandha rabta mal-attività ekonomika ta’ persuna taxxabbli, din ir-rabta hija ġenerali u għalhekk mhux speċifika biżżejjed għall-partikolaritajiet tan-negozju ta’ persuna taxxabbli, bl-istess mod li t-trasport u l-provvista ta’ ikliet għall-impjegati huma interessi ġenerali ta’ kull negozju. Għalhekk, rigali b’xejn li jimmotivaw lill-impjegati ma humiex differenti minn ikliet b’xejn jew trasport b’xejn. Dawn sempliċement ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “skop ta’ negozju”, inerenti fl-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, sakemm ma jistax jiġi stabbilit li l-karatteristiċi speċifiċi tal-organizzazzjoni tan-negozju tal-persuna taxxabbli jew xi ċirkustanzi speċjali oħrajn jistgħu jagħmlu l-provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas “neċessarja”, u b’hekk dawn is-servizzi jitmexxew mill-isfera tal-użu privat għall-kunċett ta’ “skop ta’ negozju”.

41.      It-tieni element – dak tal-kontroll – jiżgura li, matul il-provvista tiegħu, is-servizz inkwistjoni jibqa’ marbut mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli. L-eżistenza tal-kontroll hija evalwata oġġettivament. B’hekk, għandu jintwera li f’kull ħin il-persuna taxxabbli waħedha ddeterminat f’kull ħin l-użu finali intiż ta’ servizz (21). Għalhekk, fil-kawża Fillibeck (22), il-kontroll ġie stabbilit mill-kumpannija tal-kostruzzjoni li tiddetta r-rotot u l-ħinijiet tat-trasport, li ma kinux għażla tal-impjegati tagħha (23). Bl-istess mod, fil-kawża Danfoss u AstraZeneca (24), kienu l-persuni li jimpjegaw rispettivi li ddettaw il-ħin, il-post u l-okkażjoni li fihom l-ikliet b’xejn li jakkumpanjaw il-laqgħat tan-negozju kienu jiġu pprovduti lill-persunal tagħhom (25).

42.      Huwa minnu, kif tirrileva r-rikorrenti, li l-element ta’ kontroll, fih innifsu, ma jeskludix il-possibbiltà li impjegat jista’ jieħu ċertu benefiċċju privat mill-użu ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti mingħajr ħlas minn min iħaddmu. Tabilħaqq, huwa konvenjenti u ekonomiku li tirċievi trasport b’xejn lejn u minn post tax-xogħol li jkun diffiċli biex jintlaħaq kif ukoll li tirċievi sandwiches waqt laqgħat tan-negozju twal jew importanti. Madankollu, is-sempliċi fatt li impjegat jibbenefika minn servizz ipprovdut mingħajr ħlas minn min iħaddmu (inkluż, kif normalment ikun il-każ, irregolar termiku, miżuri ġenerali ta’ sigurtà fuq ix-xogħol u għamara għall-uffiċċju) ma jiċħadx u ma jnaqqasx l-iskop tan-“negozju” ta’ tali merkanzija u servizzi (26). Wara kollox, il-persuna taxxabbli tiddetermina u tikkontrolla l-provvista ta’ dawn l-ispejjeż ġenerali. Kwalunkwe benefiċċji suġġettivi għall-impjegati li jirriżultaw minnhom huma sempliċement anċillari għall-provvista “prinċipali” tal-merkanzija jew is-servizzi inkwistjoni (27).

43.      Dan iwassalni għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.      Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

44.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel tliet domandi. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti essenzjalment tistaqsi jekk il-provvista tal-vawċers inkwistjoni ssirx għal skopijiet tan-negozju tar-rikorrenti jew għal użu privat, fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. It-tieni u t-tielet domanda mbagħad jibnu fuq ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għall-ewwel domanda. Huma jistaqsu, rispettivament, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hijiex affettwata mill-preżenza ta’ skop ta’ negozju għall-ħruġ tal-vawċers inkwistjoni (domanda 2) u jekk jistax jiġi attribwit xi sinjifikat lill-fatt li l-vawċers huma għall-użu tal-persunal stess u jistgħu jintużaw għall-iskopijiet privati tagħhom (domanda 3).

45.      Sejra nittratta t-tliet domandi flimkien.

46.      Peress li, kif ġie spjegat, l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jitlaq mill-premessa li s-servizzi offruti mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli lill-impjegati tagħha għandhom jiġu ttrattati bħala servizzi għall-użu privat tagħhom, għandu, mill-bidu nett, jiġi konkluż li s-servizz ipprovdut mir-rikorrenti bl-għoti ta’ vawċers lill-impjegati tagħha sabiex jintużaw fil-ħwienet bl-imnut jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. B’risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-fehma (jew l-intenzjoni) suġġettiva tal-persuna taxxabbli li dawn il-vawċers jiġu pprovduti għal skop ta’ negozju ma tagħmel ebda differenza għal din il-konstatazzjoni.

47.      Madankollu, jekk jista’ jiġi stabbilit li s-servizzi inkwistjoni kienu “neċessarji” għall-attività ekonomika tar-rikorrenti, dan ikun ifisser li ġew ipprovduti għal skop ta’ negozju minkejja li dawn is-servizzi ġew offruti mingħajr ħlas. Ir-risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tkun li huwa meħtieġ li s-servizzi inkwistjoni jkunu marbuta mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u li din tal-aħħar, bħala fornitur ta’ dawn is-servizzi mingħajr ħlas, ikollha kontroll fuq l-użu tagħhom sabiex tiżgura rabta kontinwa mal-attività ekonomika tagħha stess jew l-avvanz tal-istess attività.

48.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega li l-programm “Above & Beyond” huwa intiż biex jinkoraġġixxi u jippremja l-prestazzjoni u l-imġiba tal-impjegati permezz ta’ vawċers ta’ bejgħ bl-imnut. Dawn il-vawċers jistgħu jinfdew mingħand firxa ta’ bejjiegħa bl-imnut parteċipanti. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li ma kellha ebda għarfien dwar x’kienu jagħmlu l-impjegati bil-vawċers tagħhom. Mill-fajl tal-kawża, jidher ukoll li ma hemm l-ebda limitazzjoni ta’ użu ħlief dik tal-għażla ta’ bejjiegħ bl-imnut parteċipanti mis-sit ta’ Globoforce. Fi kliem ieħor, u kif ukoll ikkonfermat mir-rikorrenti waqt is-seduta, impjegat seta’ juża l-vawċers inkwistjoni kompletament fid-diskrezzjoni tiegħu u għall-użu personali tiegħu. Il-kontroll tal-iskema ta’ premjijiet jestendi biss għall-kwistjoni dwar jekk impjegat jiġix ippremjat għall-isforz addizzjonali tiegħu fuq ix-xogħol, u jekk iva f’liema livell.

49.      Jekk dawn l-elementi jiġu kkonfermati, allura ma jkun hemm ebda indikazzjoni la ta’ rabta suffiċjenti mal-attività ekonomika tar-rikorrenti u lanqas tal-preżenza ta’ kontroll fuq l-użu tal-vawċers. Fi kliem ieħor, jekk jiġi segwit it-test użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi fil-kawżi Fillibeck (28) u Danfoss u AstraZeneca (29), allura t-trasferiment tal-vawċers inkwistjoni ma jitqiesx bħala “neċessarju” għall-eżiġenzi tan-negozju tar-rikorrenti. Fi kliem ieħor, it-tranżazzjoni inkwistjoni tkun taqa’ taħt ir-regola awtomatika tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

B.      Vawċers u tranżazzjonijiet taxxabbli

50.      Li kieku l-kawża preżenti kienet tikkonċerna l-għoti ta’ microwaves (30) jew merkanzija jew servizzi sempliċi oħra, il-konklużjonijiet tiegħi jkunu jistgħu jieqfu f’dan il-punt. Madankollu, minħabba n-natura kumplessa tal-vawċers, il-konklużjoni ta’ hawn fuq għandha tagħti lok għal riflessjoni.

51.      Tabilħaqq, jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni taqa’ tassew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, allura r-rikorrenti jkollha ġġorr il-piż tal-VAT fuq il-valur ta’ dawn il-vawċers bħallikieku kienet il-konsumatur finali tagħhom. Madankollu, meta l-impjegati sussegwentement jikkreditaw dawn il-vawċers inkambju għal merkanzija jew servizzi ta’ bejjiegħa bl-imnut parteċipanti, huma wkoll iġorru l-piż tal-VAT fuq l-istess valur. Fi kliem ieħor, il-VAT tiġi imposta darbtejn fuq il-valur tal-istess vawċers (31).

52.      Qabbel dan mas-sitwazzjoni fittizja ta’ persuna taxxabbli li tagħti microwaves lill-impjegati tagħha. Ma jkun hemm l-ebda tassazzjoni doppja. Il-VAT ikollha tiġi imposta biss fuq it-tranżazzjoni tal-għoti tar-rigal.

53.      Huwa ovvju li riżultat li jwassal għal tassazzjoni doppja jista’ jiġi f’kunflitt mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (32) (kif ukoll, nista’ nżid, mal-prinċipji fundamentali ta’ ekwità).

54.      Madankollu, ma iniex konvinta li dan ir-riżultat huwa l-effett sekondarju awtomatiku tas-sistema stabbilita mid-Direttiva dwar il-VAT kif applikata għal ċerti tipi ta’ vawċers.

55.      Kif indikaw is-sottomissjonijiet tal-partijiet u d-diskussjoni waqt is-seduta, it-talba apparenti għat-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu vawċers tidher li ssib l-oriġini tagħha f’interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza fil-kawża Astra Zeneca UK (33). Fil-fatt, bil-klassifika tat-trasferiment ta’ vawċer bħala “provvista ta’ servizzi” separat mid-dritt sottostanti tiegħu, kienet il-Qorti tal-Ġustizzja li allegatament irrendiet dan it-trasferiment bħala tranżazzjoni taxxabbli indipendenti.

56.      Jiena ma naqbilx.

57.      Fil-kawża Astra Zeneca UK (34), il-persuna li timpjega offriet lill-persunal tagħha l-possibbiltà li jirċievu vawċers għall-bejgħ bl-imnut kontra r-rinunzja, minn dawn tal-aħħar, għal parti mir-remunerazzjoni tagħhom fi flus (35). Kien f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-VAT, it-trasferiment ta’ dawn il-vawċers jikkostitwixxi “provvista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT (36). Din il-konklużjoni hija kompletament iġġustifikata: l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi l-provvista ta’ merkanzija bħala “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”, filwaqt li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT fih definizzjoni ta’ riżerva li tittratta l-provvisti kollha li ma humiex “provvisti ta’ merkanzija” bħala li neċessarjament jikkostitwixxu “provvisti ta’ servizzi”.

58.      Madankollu, ikun pjuttost superfiċjali u prematur li minn din id-dikjarazzjoni biss jiġi konkluż li t-trasferiment ta’ vawċers isir awtomatikament avveniment indipendenti li jagħti lok għal ħlas. Minbarra li tinjora l-kundizzjonijiet li fuqhom hu bbażat l-Artikolu 62 tad-Direttiva dwar il-VAT, din il-konklużjoni tinjora wkoll ir-realtà ekonomika u kummerċjali billi tgħaqqad żewġ tranżazzjonijiet kompletament distinti: senjatament, it-trasferiment tal-vawċer, minn naħa, u t-trasferiment tad-dritt sottostanti tiegħu, min-naħa l-oħra (37).

59.      Fil-fatt, peress li hija l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi li hija suġġetta għall-VAT, pjuttost milli l-ħlasijiet magħmula b’korrispettiv għal tali provvisti (38), mhux kull tranżazzjoni bi ħlas, b’mod partikolari meta tinvolvi drittijiet (futuri jew mhux aċċertabbli), tagħti lok għal avveniment li jagħti lok għal ħlas (39). Fi kliem sempliċi, fejn ma sseħħ l-ebda provvista sħiħa ta’ din il-merkanzija jew ta’ dawn is-servizzi, ma jista’ jkun hemm l-ebda avveniment li jagħti lok għal ħlas (40).

60.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha ssir distinzjoni bejn, l-ewwel, it-trasferiment ta’ dritt “bħala tali”, u, it-tieni, it-trasferiment ta’ “dritt għal provvista futura” ta’ merkanzija u servizzi.

61.      L-ewwel tip ta’ provvista hija suġġetta għall-VAT minħabba l-fatt li effettivament tinkorpora, għax-xerrej, provvista kompluta li tippermettilu li jiġi kkunsidrat bħala konsumatur ta’ servizz (41). Avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ fil-mument meta d-dritt “bħala tali” jiġi ttrasferit u l-VAT tkun tista’ tiġi ddeterminata b’mod sħiħ (42). Tabilħaqq, ir-riċevitur huwa pprovdut bid-dritt li jagħmel użu mill-vawċer li jirċievi tista’ tgħid bl-istess mod kif dik il-persuna jiġi ttrasferit lilha d-dritt li tisfrutta dritt ta’ proprjetà intellettwali jew li tagħmel użu minn sħubija f’gym.

62.      L-aħħar tip ta’ sitwazzjoni, senjatament id-“dritt għal provvista futura” ta’ merkanzija jew servizzi, tikkonċerna xenarju taxxabbli kompletament differenti. Ikkunsidra l-eżempji ta’ vawċers imħallsa bil-quddiem li jagħtu aċċess għal spa jew ċerti tipi ta’ kards tal-bliet. Dawn it-tipi ta’ provvisti jistgħu jkunu suġġetti għall-VAT biss jekk l-informazzjoni rilevanti kollha dwar din il-provvista tkun diġà magħrufa fil-mument meta sseħħ tranżazzjoni partikolari (43). Dan għaliex huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-partijiet fit-tranżazzjoni jkunu wrew l-intenzjoni tagħhom li l-konsegwenzi finanzjarji kollha marbuta mal-provvista tagħhom għandhom iseħħu minn qabel (44). Madankollu, jekk tali provvisti futuri għadhom ma humiex identifikabbli b’mod ċar, ma jistgħux ikunu suġġetti għall-VAT fil-mument meta d-dritt għall-provvista tagħhom biss jiġi ttrasferit (għax, ovvjament, ir-rata tal-VAT tkun għadha ma tistax tiġi ddeterminata) (45). F’dawn il-każijiet, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas sempliċement jinżel “livell ’l isfel” fil-katina tat-tranżazzjonijiet sal-mument meta d-dritt għall-imsemmija provvista jiġi ttrasferit, jew meta l-informazzjoni kollha li tikkonċerna dik il-provvista futura ssir disponibbli u l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dik il-provvista jiġu kkristallizzati (46).

63.      Din id-distinzjoni hija riflessa fl-użu ta’ vawċers kif ġej.

64.      It-trasferiment ta’ vawċer li jaġixxi bħala l-provvista ta’ dritt “bħala tali” għall-provvista ta’ merkanzija jew servizzi jsir provvista kompluta u b’hekk avveniment individwali li jagħti lok għal ħlas bis-saħħa tal-fatt li jiġi ttrasferit benefiċċju li jirrendi lir-riċevitur ta’ dak id-dritt konsumatur (potenzjalment immedjat). Bl-istess mod, it-trasferiment ta’ vawċer li jaġixxi bħala l-provvista ta’ “dritt għal provvista futura” ta’ merkanzija jew servizzi li huwa identifikat jew identifikabbli biżżejjed isir ukoll provvista kompluta, u għalhekk avveniment li jagħti lok għal ħlas fih innifsu (pereżempju, ix-xiri ta’ biljett tal-ajruplan). F’dan ix-xenarju, madankollu, id-dritt għal provvista futura jsir taxxabbli biss bis-saħħa tal-fatt li l-informazzjoni kollha li tikkonċerna din il-provvista futura tkun disponibbli fil-mument meta dan id-dritt jiġi ttrasferit (u b’hekk jiġi assimilat, essenzjalment, mat-trasferiment ta’ dritt “bħala tali”) (47). F’dawn iż-żewġ xenarji, il-VAT issir dovuta fuq it-tranżazzjoni inkwistjoni (u, tabilħaqq, fuq kull tranżazzjoni li tinvolvi t-trasferiment ta’ dak il-vawċer).

65.      Min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ vawċer li jkun fih “dritt għal provvista futura” ta’ merkanzija u servizzi, u li ma jissodisfax il-kriterji għal tranżazzjoni taxxabbli kkompletata (jiġifieri, li għaliha mhux l-informazzjoni rilevanti kollha hija magħrufa), ma jistax jaġixxi bħala avveniment individwali li jagħti lok għal ħlas fil-punt tat-trasferiment. F’xenarju bħal dan, l-ebda ħlas tal-VAT ma jsir dovut f’dan il-mument. Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-avveniment li jwassal għall-ħlas tal-VAT iseħħ biss meta l-kriterji għall-identifikazzjoni sħiħa tad-dritt sottostanti jiġu ssodisfatti. Dan normalment ikun fil-mument meta l-konsumatur jikkredita l-vawċer għal merkanzija jew servizz mixtieq.

66.      Jiena sostnuta f’din il-konklużjoni mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2016/1065 (48). Din id-direttiva tirrikonoxxi li t-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT ma huwiex ċar jew komplut biżżejjed taħt il-qafas attwali u għalhekk tfittex li tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar it-trattament tagħhom għall-finijiet tal-VAT bil-għan li tissimplifikahom u tarmonizzahom (49). Filwaqt li din id-direttiva ma tapplikax għall-fatti tal-kawża preżenti ratione temporis (50), hija tipprovdi gwida ġenerali dwar kif it-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT jibqa’ konsistenti mal-prinċipji ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT (51).

67.      Id-Direttiva 2016/1065 tikkonverġi t-trasferimenti ta’ vawċers “bħala tali” u ta’ vawċers ta’ “dritt għal provvista futura” identifikabbli f’kategorija waħda ta’ “vawċer b’użu uniku” (52). Għall-kuntrarju, vawċer bi “dritt għal provvista futura” mhux identifikabbli huwa kkategorizzat bħala “vawċer b’użi multipli” (53). Għall-ewwel tip ta’ vawċer, l-Artikolu 30b ta’ din id-direttiva jispjega li kull trasferiment tiegħu għandu jitqies bħala provvista individwali tal-merkanzija jew tas-servizzi li għalihom jirreferi l-vawċer, u għalhekk avveniment individwali li jagħti lok għal ħlas (54). Għat-tip tal-aħħar, il-VAT tiġi imposta biss fil-punt tal-għoti nnifsu tal-merkanzija jew il-provvista nnifisha tas-servizzi inkwistjoni. L-ebda tranżazzjoni preċedenti ma tkun suġġetta għall-VAT, inkluż it-trasferiment mill-persuna taxxabbli lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment (55).

68.      Huwa għal dawn ir-raġunijiet li jiena dubjuża li t-trasferiment tal-vawċers inkwistjoni fil-kawża preżenti effettivament jikkostitwixxi avveniment indipendenti li jagħti lok għal ħlas, fis-sens tal-Artikolu 62 tad-Direttiva dwar il-VAT.

69.      Naturalment, il-qorti tar-rinviju biss għandha informazzjoni fattwali suffiċjenti sabiex tiddetermina b’mod konklużiv l-ewwel nett kif inħarġu l-vawċers (jiġifieri bil-VAT jew mingħajrha), x’tip ta’ dritt ġie ttrasferit permezz tagħhom, u meta tħallset il-VAT (jekk tħallset).

70.      Dan premess, mill-informazzjoni limitata fil-fajl tal-qorti jirriżulta li t-tranżazzjoni inkwistjoni tikkonċerna vawċers speċifiċi imħallsa bil-quddiem b’valur nominali stabbilit għall-użu ma’ bejjiegħa terzi bl-imnut. Dan ikun jimplika li l-VAT kienet inerenti f’dawn il-vawċers (jiġifieri inkluża fil-valur nominali), bil-konsegwenza li l-konsumatur finali kellu jġorr il-piż li jħallasha meta jikkredita l-vawċer ma’ bejjiegħ bl-imnut speċifiku (u dan tal-aħħar, min-naħa tiegħu, jagħti kont tat-taxxa tal-output).

71.      Hemm ukoll informazzjoni insuffiċjenti dwar in-natura tal-vawċers inkwistjoni fil-kawża preżenti. Jiġifieri, jekk dawk il-vawċers jistgħux jintużaw biss għal merkanzija identifikata jew identifikabbli b’mod ċar jew għal kwalunkwe merkanzija jew servizz offrut minn bejjiegħa bl-imnut parteċipanti. Madankollu, waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li, fil-punt tat-trasferiment tagħhom, ma teżisti ebda ċertezza dwar it-tipi ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom jintużaw dawn il-vawċers (u għalhekk lanqas fuq il-VAT dovuta fuq dawn il-merkanzija jew servizzi). Fil-fatt, ir-rikorrenti spjegat li, taħt il-bidliet introdotti mid-Direttiva 2016/1065, il-vawċers inkwistjoni huma assimilati ma’ vawċers “b’użi multipli”. Jekk dan jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju, allura jkun jidher tabilħaqq li, skont il-ġurisprudenza elenkata fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għoti ta’ dawn il-vawċers mir-rikorrenti lill-persunal tagħha kien jikkostitwixxi sempliċement it-trasferiment ta’ “dritt għal provvista futura” ta’ merkanzija jew servizzi (sa issa indeterminati).

72.      F’tali xenarju, it-tranżazzjoni inkwistjoni tibqa’ inkompleta, għall-finijiet tal-VAT, fil-punt tat-trasferiment bejn ir-rikorrenti u l-impjegati tagħha u għalhekk tkun biss preliminari għall-konsum attwali (u sussegwenti) tal-provvista futura tal-merkanzija u/jew servizzi inkwistjoni (56). It-trasferiment tal-vawċers bejn ir-rikorrenti u l-impjegati tagħha għalhekk ma jikkostitwixxix avveniment li jagħti lok għal ħlas fis-sens tal-Artikolu 62 tad-Direttiva dwar il-VAT (57).

73.      B’dan il-mod, il-VAT tiġi imposta darba biss fuq iż-żewġ tranżazzjonijiet inerenti fl-użu ta’ dawn il-vawċers (58), jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, u tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni. Din il-konklużjoni ma tkunx preferibbli għal dik li tidher sostnuta mill-konvenuti u mill-Kummissjoni?

V.      Konklużjoni

74.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit):

Sakemm l-informazzjoni kollha rilevanti dwar id-dritt għal provvista ta’ merkanzija jew servizzi ma tkunx diġà magħrufa meta vawċer jiġi ttrasferit minn persuna taxxabbli lill-persunal tagħha, dan it-trasferiment ma jikkostitwixxix tranżazzjoni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 62 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

Sussidjarjament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula lilha kif ġej:

It-trasferiment ta’ vawċers mingħajr ħlas lill-impjegati minn persuna taxxabbli bħala parti minn skema ta’ rikonoxximent tal-impjegati, bħal dak fil-kawża preżenti, mingħajr ma din il-persuna taxxabbli teħtieġ xi rabta mal-attività ekonomika tagħha jew teżerċita xi kontroll fuq l-użu ta’ dawn il-vawċers, jikkostitwixxi provvista “għall-użu privat [tal-persuna taxxabbli] jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha” fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

Il-fatt li l-persuna taxxabbli għandha skop ta’ negozju għall-ħruġ ta’ tali vawċers ma huwa ta’ ebda sinjifikat għal din il-konklużjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).


3      Għal finijiet ta’ kompletezza, ninnota li, skont l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, “[l]-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1, sakemm din id-deroga ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Fil-kawża preżenti, ma hemm ebda indikazzjoni li r-Renju Unit għamel użu minn din il-possibbiltà.


4      Ikkumpara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT u s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1981, Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats (154/80, EU:C:1981:38, punt 14), u tal-1 ta’ April 1982, Hong-Kong Trade Development Council (89/81, EU:C:1982:121, punt 10).


5      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca (C-371/07, EU:C:2008:711, punt 26).


6      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi (C-415/98, EU:C:2001:136, punt 27); tat-23 ta’ April 2009, Puffer (C-460/07, EU:C:2009:254, punt 41); u tad-9 ta’ Lulju 2015, Trgovina Prizma (C-331/14, EU:C:2015:456, punt 21).


7      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1989, Kühne (50/88, EU:C:1989:262, punt 12). Ara wkoll il-premessa 30 tad-Direttiva dwar il-VAT. F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck (C-258/95, EU:C:1997:491, punt 25); tal-20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck (C-412/03, EU:C:2005:47, punt 23); u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca (C-371/07, EU:C:2008:711, punti 46 sa 48).


8      Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.


9      Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1997 (C-258/95, EU:C:1997:491).


10      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008 (C-371/07, EU:C:2008:711).


11      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck (C-258/95, EU:C:1997:491, punt 29), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca (C-371/07, EU:C:2008:711, punt 59).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck (C-258/95, EU:C:1997:491, punti 26 u 29), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca (C-371/07, EU:C:2008:711, punti 57 u 58).


13      Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1997 (C-258/95, EU:C:1997:491).


14      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008 (C-371/07, EU:C:2008:711).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1991, Lennartz (C-97/90, EU:C:1991:315, punt 21); tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi (C-415/98, EU:C:2001:136, punt 29); tat-23 ta’ April 2009, Puffer (C-460/07, EU:C:2009:254, punt 46); u tat-22 ta’ Marzu 2012, Klub (C-153/11, EU:C:2012:163, punti 38 sa 41). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Astra Zeneca UK (C-40/09, EU:C:2010:218, punt 65), u fil-kawża Vereniging Noordelijke Land-en Tuinbouw Organisatie (C-515/07, EU:C:2008:769, punt 46).


16      Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1997 (C-258/95, EU:C:1997:491).


17      Ibid., punt 32.


18      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008 (C-371/07, EU:C:2008:711).


19      Ibid., punt 63.


20      Ibid., punti 59 u 60.


21      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, BCR Leasing IFN (C-438/13, EU:C:2014:2093, punt 26).


22      Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1997 (C-258/95, EU:C:1997:491).


23      Ibid., punt 22, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Fillibeck (C-258/95, EU:C:1997:19, punt 44).


24      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008 (C-371/07, EU:C:2008:711).


25      Ibid., punti 53 u 60.


26      Sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck (C-258/95, EU:C:1997:491, punt 30), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca (C-371/07, EU:C:2008:711, punt 62).


27      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat (C-17/18, EU:C:2018:1038, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, għal spjegazzjoni tar-raġunijiet għal din l-eżenzjoni ta’ servizzi anċillari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C-463/16, EU:C:2018:22, punt 30).


28      Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1997 (C-258/95, EU:C:1997:491).


29      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008 (C-371/07, EU:C:2008:711).


30      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għall-provvista ta’ microwaves mingħajr ħlas biex tissemplifika d-diskussjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT u b’hekk tfakkar il-ħtieġa ġenerali li l-persuna taxxabbli tagħti kont tat-taxxa tal-output fuq it-tranżazzjonijiet kollha tal-għoti tar-rigali.


31      Naturalment, dan huwa minnu biss jekk il-VAT fuq il-vawċer ma kinitx espressa fil-prezz tiegħu u kien diġà ngħata kont tagħha fil-mument tal-ħruġ. Madankollu, dan huwa possibbli biss jekk l-ammont eżatt tal-VAT ikun diġà magħruf f’dak il-mument stess.


32      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2021, Icade Promotion (C-299/20, EU:C:2021:783, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-konnessjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u tassazzjoni doppja, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR (C-587/10, EU:C:2012:592, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010 (C-40/09, EU:C:2010:450).


34      Ibid.


35      Ibid., punt 24.


36      Ibid., punt 26.


37      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 Ottubru 1996, Argos Distributors (C-288/94, EU:C:1996:398, punt 15); tat-3 ta’ Mejju 2012, Lebara (C-520/10, EU:C:2012:264, punt 32); u tal-5 ta’ Lulju 2018, Marcandi (C-544/16, EU:C:2018:540, punt 32).


38      Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments (C-419/02, EU:C:2006:122, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ibid., punt 50, u s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Macdonald Resorts (C-270/09, EU:C:2010:780, punti 31 u 32).


40      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Macdonald Resorts (C-270/09, EU:C:2010:780, punti 24 u 32); tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments (C-419/02, EU:C:2006:122, punti 44 sa 51); u tal-5 ta’ Lulju 2018, Marcandi (C-544/16, EU:C:2018:540, punt 54).


41      Sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Mohr (C-215/94, EU:C:1996:72, punt 22). F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marcandi (C-544/16, EU:C:2018:540, punt 45).


42      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Macdonald Resorts (C-270/09, EU:C:2010:780, punt 32).


43      Sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments (C-419/02, EU:C:2006:122, punt 48); tat-3 ta’ Mejju 2012, Lebara (C-520/10, EU:C:2012:264, punt 26); tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey Balgaria (C-549/11, EU:C:2012:832, punt 29); u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Air France-KLM u Hop!-Brit Air (C-250/14 u C-289/14, EU:C:2015:841, punt 39).


44      Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments (C-419/02, EU:C:2006:122, punt 47).


45      Ibid., punt 50.


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Macdonald Resorts (C-270/09, EU:C:2010:780, punt 32), biex b’hekk jiġi żgurat, kif staqsiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-VAT titħallas minn “xi ħadd”.


47      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey Balgaria (C-549/11, EU:C:2012:832, punt 40).


48      Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1065 tas-27 ta’ Ġunju 2016 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trattament tal-vawċers (ĠU 2016 L 177, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2016/1065”).


49      Ibid., il-premessi 1, 2 u 13.


50      Ibid., l-Artikolu 2 u l-premessa 15.


51      Ibid., il-premessa 2. F’dan is-sens, id-Direttiva 2016/1065 fil-fatt ma toħloqx regoli ġodda għat-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT iżda pjuttost sempliċement tesprimi b’mod iktar ċar x’kienet il-liġi għal dan iż-żmien kollu. F’dan ir-rigward, ara Terra, B. u Kajus, J., “13.2.2.1. The voucher Directive”, A Guide to the European VAT Directives 2019: Introduction to European VAT, IBFD, Amsterdam, 2021, u Amand, C., “EU Value Added Tax: The Directive on Vouchers in the Light of the General Value Added Tax Rules”, Intertax, Vol. 45(2), 2017, p. 156.


52      Ibid., id-Direttiva 2016/1065, l-Artikolu 30a(2).


53      Ibid., l-Artikolu 30a(3).


54      Ibid., l-Artikolu 30b(1).


55      Ibid., l-Artikolu 30b(2).


56      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Macdonald Resorts (C-270/09, EU:C:2010:780, punti 25 sa 30).


57      Kif ġie spjegat fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għalhekk iseħħ biss iktar tard, meta l-impjegat jipprova jikkredita l-vawċer ma’ bejjiegħ bl-imnut parteċipanti.


58      Għalkemm ovvjament ir-rikorrenti kellha tħallas il-VAT fl-importazzjoni tal-vawċers minn barra l-Unjoni Ewropea. Skont id-digriet tal-qorti tar-rinviju, dan seħħ permezz tal-metodu tal-awtolikwidazzjoni. Ara, għal iktar dettalji, il-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.