Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2022 (1)

Kawża C-235/21

RAIFFEISEN LEASING, trgovina in leasing d.o.o.

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 203 – Bejgħ u kiri lura (sale and lease back) – Artikolu 226 – Dettalji li għandhom jidhru obbligatorjament fil-fattura – Possibbiltà li kuntratt bil-miktub jiġi assimilat għal fattura”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Raiffeisen leasing, d.o.o. (iktar ’il quddiem “Raiffeisen”) u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja), irrappreżentata mill-Ministrstvo za finance (il-Ministeru tal-Finanzi, is-Slovenja), li tirrigwarda l-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta abbażi ta’ kuntratt ta’ leasing, ikklassifikat bħala “fattura” fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT peress li dan tal-aħħar kien jinkludi l-valur tal-VAT.

3.        Minkejja l-konfigurazzjoni fattwali partikolari relattiva għall-metodu ta’ implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ “bejgħ u kiri lura” (sale and lease back) (3), din il-kawża tirrigwarda kwistjoni relattivament sempliċi. Din hija jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, kuntratt bil-miktub bejn żewġ partijiet kontraenti, bħal kuntratt ta’ leasing li jirrigwarda proprjetà immobbli li fih huwa indikat il-valur tal-VAT, jistax, waħdu, jiġi kkunsidrat bħala “fattura”, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, li tagħti lok, minn naħa, għal obbligu fuq min joħroġ din il-fattura li jħallas il-VAT, u min-naħa l-oħra, għal dritt li minnu jibbenefika d-destinatarju tal-imsemmija fattura li jnaqqas il-VAT tal-input imħallsa?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessa 46 tad-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi:

“L-użu ta’ ħruġ ta’ fattura elettronika għandha tkun imfassla b’tali mod li l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħhom. Għalhekk huwa xieraq, sabiex jiġi żgurat li s-suq intern jiffunzjona kif inhu xieraq, li titfassal lista, armonizzat fuq livell Komunitarju, tad-dettalji li għandhom jidhru fuq il-fatturi [...]”

5.        L-Artikolu 203 ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[i]l-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura”.

6.        Fil-Kapitolu 3, intitolat “Fatturazzjoni”, li jifforma parti mill-imsemmi Titolu XI tal-imsemmija direttiva, hemm it-Taqsima 2, intitolata “Il-kunċett ta’ fattura”, li tinkludi l-Artikoli 218 u 219, it-Taqsima 3, intitolata “Il-ħruġ ta’ fatturi”, li kienu jinkludu, fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 220 sa 225, kif ukoll it-Taqsima 4, intitolata “Kontenut tal-fatturi”, li kienet tinkludi l-Artikoli 226 sa 231.

7.        L-Artikolu 218 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’forma elettronika bħala fatturi jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu”.

8.        L-Artikolu 219 tad-Direttiva tal-VAT huwa fformulat kif ġej:

“Kwalunkwe dokument jew messaġġ li jemenda u jirreferi speċifikament u mingħajr ambigwità għall-fattura inizzjali għandu jitqies bħala fattura.”

9.        Skont il-punti 7 u 9 tal-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221

[...]

7)      id-data li fiha l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi kienet saret jew tlestiet jew id-data li fiha l-ħlas akkont imsemmi fil-punti (4) u (5) ta’ l-Artikolu 220 kien sar, sakemm dik id-data tkun tista’ tkun iddeterminata u tkun differenti mid-data tal-ħruġ tal-fattura;

[...]

9)      ir-rata ta’ VAT applikata; [...]”

B.      Id-dritt Sloven

10.      Skont l-Artikolu 67(1) taż-Zakon o davku na dodano vrednost (il-Liġi dwar il-VAT, iktar ’il quddiem iż-“ZDDV-1”):

“Sabiex teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT, persuna taxxabbli għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

a)      għat-tnaqqis skont l-Artikolu 63(1)(a) ta’ din il-liġi għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ beni jew ta’ servizzi, il-persuna taxxabbli għandu jkollha fattura stabbilita b’konformità mal-Artikoli 80.a sa 84.q ta’ din il-liġi;

[...]”

11.      L-Artikolu 76 taż-ZDDV-1 jipprovdi:

“1.      Il-VAT għandha titħallas minn:

[...]

9)      kwalunkwe persuna li ssemmi l-VAT fil-fattura

[...]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      RED, d.o.o. (iktar ’il quddiem “RED”), kienet proprjetarja ta’ art li fuqha tinsab proprjetà immobbli f’Rožna dolina, fil-Muniċipalità ta’ Ljubljana (is-Slovenja) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“proprjetà inkwistjoni”).

13.      Sabiex tiżgura l-finanzjament ta’ kostruzzjoni ġdida fuq din l-art, RED ikkonkludiet tranżazzjoni ta’ bejgħ u kiri lura (sale and lease back) ma’ Raiffeisen, li twettqet f’żewġ stadji.

14.      Permezz tal-ewwel kuntratt bid-data tad-19 ta’ Novembru 2007, dawn il-kumpanniji ntrabtu, minn naħa, li Raiffeisen tixtri l-proprjetà inkwistjoni mingħand RED, u min-naħa l-oħra, li RED tħallas il-kera kull xahar lil Raiffeisen sar-rimbors sħiħ tal-valur tal-art u tal-bini ġdid mibni (jiġifieri ammont totali ta’ EUR 1 294 786.56) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ leasing”). Minkejja li dan il-kuntratt kien jindika li l-ammont tal-VAT kien jammonta għal EUR 110 056.86, Raiffeisen ma pprovdiet ebda fattura speċifika lil RED. Barra minn hekk, l-imsemmija VAT la kienet iddikjarata u lanqas imħallsa minn Raiffeisen. Abbażi ta’ dan il-kuntratt, RED invokat dritt għal tnaqqis ta’ din il-VAT, billi qieset li l-imsemmi kuntratt kien jikkostitwixxi fattura, fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT, raġuni għalfejn inkludietha fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha.

15.      Permezz tat-tieni kuntratt bid-data tat-22 ta’ Novembru 2007, RED u Raiffeisen ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ tal-proprjetà inkwistjoni, li fih ġew indikati l-prezz tal-bejgħ kif ukoll il-VAT. RED ħarġet lil Raiffeisen fattura bil-VAT. Wara l-konklużjoni u skont dan il-kuntratt, Raiffeisen invokat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

16.      Fil-21 ta’ Ottubru 2011, Raiffeisen u RED xoljew bi ftehim bejniethom il-kuntratt ta’ leasing, peress li RED ma kinitx issodisfat fiż-żmien mogħti l-obbligi tagħha previsti f’dan il-kuntratt. Imbagħad, Raiffeisen biegħet il-proprjetà inkwistjoni lil xerrej ieħor bi prezz li jinkludi l-VAT.

17.      Fil-25 ta’ Lulju 2014, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni fiskali, RED ingħatat deċiżjoni definittiva tal-Finančna uprava Republike Slovenije (l-Awtorità Fiskali tar-Repubblika tas-Slovenja, iktar ’il quddiem il-“FURS”), li permezz tagħha ġie rtirat id-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT (4).

18.      Konsegwentement, Raiffeisen kisbet id-dritt li taġġusta l-VAT iffatturata skont il-kuntratt ta’ leasing, peress li d-deċiżjoni tal-FURS kienet neħħiet ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali.

19.      Madankollu, minkejja dan l-aġġustament, il-FURS ordnat, b’mod partikolari (5), lil Raiffeisen tħallas interessi fuq id-dejn fiskali li jammontaw għal EUR 50 571.88, għar-raġuni li fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni fiskali ġie konstatat li Raiffeisen ma kinitx ħallset il-VAT dovuta skont il-kuntratt ta’ leasing għall-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Jannar 2008 u l-25 ta’ Lulju 2014. B’mod iktar preċiż, il-FURS qieset li, peress li l-kuntratt ta’ leasing kien jindika l-valur bl-indikazzjoni espressa tal-VAT, dan kellu jikklassifika bħal “fattura”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 76(1) taż-ZDDV-1 (id-dispożizzjoni li tittrasponi l-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT), u li l-obbligu ta’ Raiffeisen li tħallas il-VAT kellu jiġi kkunsidrat li jinħoloq fil-mument tal-konklużjoni tiegħu. Fil-fatt, abbażi ta’ dan id-dokument, RED setgħet tinvoka d-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

20.      Raiffeisen ikkontestat id-deċiżjoni tal-FURS billi ppreżentat suċċessivament, rikors amministrattiv quddiem il-Ministeru tal-Finanzi, imbagħad rikors quddiem l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja). Dawn iż-żewġ rikorsi ġew miċħuda. Imbagħad hija ppreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja).

21.      Insostenn tar-rikors tagħha, Raiffeisen targumenta, b’mod partikolari, li l-kuntratt ta’ leasing ma jistax jiġi kklassifikat bħala “fattura” fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, peress li ma jinkludix l-elementi essenzjali kollha ta’ fattura (jiġifieri, ir-rata ta’ VAT applikata jew id-data tal-kunsinna tal-oġġett). Għalhekk, skont Raiffeisen, ir-rekwiżiti proċedurali li jippermettu lil RED tinvoka d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa kienu neqsin, raġuni li għaliha r-riskju ta’ telf ta’ riżorsi fiskali ma kienx jeżisti.

22.      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu tal-ħlas tal-VAT minħabba l-ħruġ ta’ fattura li tindika l-VAT jista’ jinħoloq anki jekk il-fattura ma tinkludix ċerta informazzjoni li d-Direttiva tal-VAT teħtieġ li tiġi indikata, b’mod partikolari fil-każ fejn il-post tal-provvista tas-servizz ipprovdut ma jkunx indikat (6). Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll mill-għan imfittex minnha, jiġifieri l-prevenzjoni tar-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali.

23.      Għalhekk, din il-qorti ssostni li kuntratt, inkwantu tranżazzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-obbligi, jista’ jkun distint minn fattura u jikkostitwixxi biss il-bażi legali tat-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, u fi kwalunkwe każ għandha tinħareġ il-fattura fil-mument li fih iseħħ il-fatt li jwassal għall-obbligu tal-ħlas tal-VAT (jiġifieri, fil-mument li fih titwettaq il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi) (7).

24.      Għalhekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk kuntratt jistax jiġi kkunsidrat bħala fattura, fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT, unikament meta minnu tirriżulta oġġettivament ir-rieda, espressa b’mod ċar mill-partijiet, li dan il-kuntratt jiġi assimilat għal fattura marbuta ma’ tranżazzjoni partikolari, u għalhekk tali kuntratt jista’ joħloq raġonevolment fix-xerrej il-konvinzjoni li abbażi tiegħu, huwa jista’ jnaqqas il-VAT tal-input imħallsa.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Kuntratt bil-miktub jista’ jitqies bħala fattura fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT biss jekk ikun fih l-informazzjoni kollha għal fattura meħtieġa mill-Kapitolu 3 (‘Fatturazzjoni’) tat-Titolu XI [ta’ din id-Direttiva]?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, [l]iema huma l-indikazzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom, fi kwalunkwe każ, kuntratt bil-miktub jista’ jitqies (ukoll) bħala fattura li tistabbilixxi l-obbligu li titħallas il-VAT skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT?

3)      B’mod iktar konkret, [k]untratt bil-miktub, konkluż minn żewġ persuni suġġetti għall-VAT u li għandu bħala l-għan tiegħu kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, jista’ jitqies bħala fattura fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT jekk tirriżulta minnu oġġettivament rieda espressa u vverifikata tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tas-servizz, bħala parti kontraenti, li dan il-kuntratt huwa fattura relatata ma’ tranżazzjoni speċifika li tista’ tagħti lix-xerrej il-preżunzjoni raġonevoli li huwa jista’, fuq din il-bażi, inaqqas il-VAT tal-input imħallsa?”

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Raiffeisen, mill-Gvern Sloven kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

27.      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt (bil-miktub) ta’ leasing konkluż minn żewġ persuni suġġetti għall-VAT u li l-konklużjoni tiegħu ma kinitx segwita mill-ħruġ ta’ fattura tal-VAT jista’ jiġi kkunsidrat bħala “fattura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li jinħoloq fil-bejjiegħ (min jikri) obbligu li jħallas il-VAT u fix-xerrej (il-kerrej) il-possibbiltà li jnaqqas il-VAT tal-input imħallsa.

28.      Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, liema huma d-dettalji li dan il-kuntratt għandu obbligatorjament jinkludi sabiex ikun ikkunsidrat bħala tali fattura, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dettalji li jinsabu fl-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT, u min-naħa l-oħra, jekk huwiex rilevanti li jiġi eżaminat jekk mill-imsemmi kuntratt għandhiex tirriżulta oġġettivament ir-rieda tal-bejjiegħ ta’ oġġett jew tal-fornitur ta’ servizzi bħala parti kontraenti (min jikri) li dan huwa fattura li tista’ toħloq fix-xerrej (il-kerrej) il-konvinzjoni li huwa jista’, abbażi tal-istess kuntratt, inaqqas il-VAT tal-input imħallsa.

29.      Raiffeisen targumenta li kuntratt ta’ leasing, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi kkunsidrat bħala fattura fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT biss jekk jinkludi dispożizzjoni espressa f’dan is-sens u jekk jiġu ssodisfatti l-komponenti kollha preskritti mill-Kapitolu 3 (“Fatturazzjoni”) tat-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT. Għall-kuntrarju, il-Gvern Sloven jargumenta li tali kuntratt bil-miktub jista’ jiġi assimilat għal fattura, anki jekk ma jinkludix l-informazzjoni kollha preskritta minn dan il-kapitolu, jekk f’dan il-kuntratt jiġu indikati min jikri u l-kerrej, id-deskrizzjoni tat-tranżazzjoni, il-valur tal-kunsinna tal-oġġett jew tas-servizz u l-ammont tal-VAT li l-kerrej għandu jħallas, u jekk minnu tirriżulta oġġettivament ir-rieda espressa ta’ min jikri bħala parti kontraenti li din hija fattura li tista’ toħloq, fil-kerrej, il-konvinzjoni li abbażi tiegħu, huwa jista’ jnaqqas il-VAT tal-input imħallsa, u jekk jirriżulta minn klawżola kuntrattwali espressa jew minn dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra, jew saħansitra miċ-ċirkustanzi tat-tranżazzjoni, li l-ħruġ ta’ fattura bħala dokument speċjali ma kienx previst (8).

A.      Fuq il-kunċett ta’ “fattura”

30.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 218 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li “[g]ħall-finijiet [ta’ din id-direttiva], l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’forma elettronika bħala fatturi jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti [mill-Kapitolu 3 tat-Titolu XI tal-imsemmija direttiva]”. Barra minn hekk, l-Artikolu 219 tal-istess direttiva jassimila għal fattura “[k]walunkwe dokument jew messaġġ li jemenda u jirreferi speċifikament u mingħajr ambigwità għall-fattura inizzjali”.

31.      Minn dan isegwi li abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex dokument ikun ikkunsidrat bħala fattura ma huwiex importanti li jkollu forma speċifika jew li l-kelma “fattura” tissemma fih b’mod jew ieħor, peress li fattura tista’ tkun ikkostitwita wkoll minn diversi dokumenti (9). Għalhekk, xejn ma jipprekludi li jiġi kkunsidrat li kuntratt ta’ leasing, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jikkostitwixxi fattura, sakemm jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT.

32.      F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tar-regoli li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ fatturi, il-punt 1 tal-Artikolu 220 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li fattura għandha tinħareġ, b’mod partikolari, għal kull kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi li twettaq persuna taxxabbli għal persuna taxxabbli oħra (10).

33.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli relattivi għall-kontenut tal-fatturi, dan huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-imsemmi Kapitolu 3, li tinkludi l-Artikoli 226 sa 231. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari previsti minn din id-direttiva, huma biss id-dettalji msemmija f’din id-dispożizzjoni li għandhom ikunu inklużi obbligatorjament, għall-finijiet tal-VAT, fil-fatturi maħruġa b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 220 u 221 (11) (iktar ’il quddiem id-“dettalji obbligatorji”).

34.      Mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jista’ jiġi dedott li huma biss id-dokumenti li jinkludu d-dettalji obbligatorji li jistgħu jservu ta’ fatturi għall-finijiet tal-VAT. Fil-fatt, bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex possibbli għall-Istati Membri li jorbtu l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT mal-osservanza ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-kontenut tal-fatturi li ma jkunux espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT (12). Għalhekk, dawn id-dettalji obbligatorji huma ddeterminati b’mod vinkolanti u eżawrjenti mill-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva (13).

35.      Madankollu, tali approċċ, minkejja l-vantaġġ li jippreżenta fil-qasam ta’ ta’ ċertezza legali u ta’ koerenza, jirriskja, f’ċerti sitwazzjonijiet, li jmur kontra r-rwol primarju li d-Direttiva tal-VAT tagħti lill-“fatturi”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 46 ta’ din id-direttiva, il-fatturi jinħarġu, b’mod partikolari, “b’tali mod li l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħhom”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan tad-dettalji li għandhom ikunu inklużi obbligatorjament fuq fattura huwa li jippermetti lill-awtoritajiet fiskali li jikkontrollaw il-ħlas tat-taxxa dovuta u, jekk ikun il-każ, l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT (14). Barra minn hekk, huwa sabiex dan it-tip ta’ kontroll ikun possibbli, li l-persuni taxxabbli għandhom, skont l-Artikolu 244 ta’ din id-direttiva, jaħżnu l-fatturi kollha li jirċievu, kif ukoll il-kopji tal-fatturi kollha li joħorġu.

36.      Għalhekk, huwa fid-dawl tal-għan tal-iffaċilitar tal-awtoritajiet fiskali li jwettqu kontroll fiskali tal-ħlas tat-taxxa dovuta, u jekk ikun il-każ, tal-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, li għandu jiġi analizzat jekk kuntratt ta’ leasing, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jiġi kkunsidrat bħala “fattura” fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT (15).

B.      Il-fattura bħala prova tal-ħlas tat-taxxa dovuta abbażi tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT

37.      Fattura għandha tkun tista’ tikkonferma li l-VAT tħallset debitament. Issa, f’dan il-każ, sabiex jiġi evalwat jekk kuntratt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermettix li ssir din il-verifika, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT, li abbażi tiegħu l-FURS qieset li Raiffeisen kellha tħallas il-VAT.

38.      Skont interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT, il-VAT hija dovuta minn kull persuna li ssemmi din it-taxxa fuq fattura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-VAT imsemmija fuq fattura hija dovuta mill-persuna li toħroġ din il-fattura, inkluż fl-assenza ta’ kull tranżazzjoni taxxabbli reali (16).

39.      Għalhekk, l-obbligu li titħallas il-VAT skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT huwa indipendenti mill-obbligu li titħallas din il-VAT minħabba tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-każ tad-dejn fiskali li eventwalment jinħoloq minħabba tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dejn fiskali previst fl-Artikolu 203 tal-imsemmija direttiva huwa dovut esklużivament minħabba li l-VAT hija msemmija fuq il-fattura, għalhekk mingħajr ma huwa rileventi, għal dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ dan id-dejn, il-post tal-provvista ta’ servizzi li tat lok għal fattura (17), element li madankollu huwa espressament previst fl-Artikolu 226 tal-istess direttiva, bħala dettall obbligatorju fuq fattura.

40.      F’din l-istess loġika, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva tal-VAT, nikkonstata li minkejja li l-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għal “fattura”, għall-kuntrarju tal-Artikolu 178(a) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT f’każ ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi, l-imsemmi Artikolu 203 ma jipprovdix espressament li din il-fattura għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikoli 220 sa 236 kif ukoll fl-Artikoli 238, 239 u 240. Barra minn hekk, li kieku dawn ir-rekwiżiti proċedurali marbutin mal-fatturazzjoni kienu rilevanti, l-awtur tal-fattura seta’ faċilment jevita l-obbligu li jħallas il-VAT sempliċement billi ma jinkludix fl-imsemmija fattura wieħed mid-dettalji meħtieġa mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT.

41.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex telimina r-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li jista’ joħloq id-dritt għal tnaqqis previst minn din id-direttiva (18). Anki jekk l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt għal tnaqqis huwa limitat għat-taxxi biss li jikkorrispondu għal tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali ma huwiex, bħala prinċipju, kompletament eliminat sakemm id-destinatarju ta’ fattura li tindika VAT mhux dovuta jista’ jibqa’ juża din il-fattura sabiex jinvoka d-dritt għal tnaqqis, skont il-punt (a) tal-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT (19). F’dan ir-rigward, infakkar li, b’konformità mal-Artikolu 178 ta’ din id-direttiva, biex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal tnaqqis previst fil-punt (a) tal-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva għal dak li jirrigwarda l-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi, il-persuna taxxabbli għandu jkollha fattura konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-VAT (20). Għalhekk, ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali jista’ jkun dovut għall-fatt li d-destinatarju ta’ fattura li tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali kollha previsti mid-Direttiva tal-VAT jinvoka dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, meta l-VAT tkun ġiet indebitament fatturata lilu, peress li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma hijiex suġġetta għall-VAT.

42.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, b’konformità mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, jekk taxxa tiġi indebitament ffatturata, din għandha tkun tista’ tiġi rregolarizzata, ladarba l-persuna li toħroġ il-fattura turi l-bona fide tagħha jew telimina, fi żmien xieraq, ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li seta’ jseħħ minħabba d-dritt għal tnaqqis (21).

43.      F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-kuntratt ta’ leasing għandu jiġi kkunsidrat bħala “fattura” fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT, Raiffeisen kellha fil-fatt tħallas l-ammont kollu tal-VAT dovut skont il-kuntratt ta’ leasing, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 110 056.86, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Huwa biss b’dan il-mod li r-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali – li huwa l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni – seta’ jiġi eliminat, peress li ebda telf bħal dan ma seta’ jseħħ minħabba l-fatt li RED invokat id-dritt għal tnaqqis tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li dawn iż-żewġ partijiet kienu ddeċidew li jxolju l-kuntratt ta’ leasing madwar erba’ snin wara, kien jiġġustifika talba għal aġġustament tal-VAT sabiex jirċievu l-ħlas lura abbażi ta’ kalkolu pro rata temporis.

44.      Fid-dawl tal-preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, fir-rigward tal-possibbiltà għall-awtoritajiet fiskali li jivverifikaw li l-VAT tħallset kif dovut skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT, li d-dokument li jagħti prova ta’ fattura għandu jkun f’pożizzjoni li jikkonferma l-valur preċiż tal-VAT li l-persuna li toħroġ dan id-dokument iffatturat lid-destinatarju ta’ dan id-dokument, u dan, irrispettivament mill-fatt li l-persuna li toħroġ l-istess dokument la ddikjarat u lanqas ħallset din il-VAT.

45.      Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-loġika tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT hija intrinsikament marbuta mar-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ dritt għal tnaqqis. Għalhekk huwa wkoll f’dan ir-rigward li għandhom jiġu eżaminati r-rekwiżiti sostanzjali tad-dokument li jagħti prova ta’ fattura mill-perspettiva tal-verifika tal-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input.

C.      Il-fattura bħala prova tal-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa

46.      Għal dak li jirrigwarda d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-persuni taxxabbli li huma responsabbli mill-ħlas tal-VAT tal-input, li jnaqqsu l-VAT li hija dovuta jew imħallsa għall-oġġetti mixtrija u għas-servizzi rċevuti minnhom, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (22).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT previst fl-Artikolu 167 et seq. tad-Direttiva tal-VAT jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi llimitat. Dan jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li jolqtu t-tranżazzjonijiet relatati mal-input (23).

48.      Is-sistema ta’ tnaqqis hija intiża sabiex l-imprenditur jinħeles għalkollox mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT, konsegwentement, tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet u mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (24).

49.      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rekwiżiti sostantivi u r-rekwiżiti proċedurali relattivi għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

50.      Fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali relattivi għall-eżerċizzju tal-imsemmi dritt, mill-punt (a) tal-Artikolu 178 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li l-eżerċizzju tiegħu huwa suġġett għall-fatt li wieħed ikollu fattura maħruġa b’mod partikolari b’konformità mal-Artikoli 220 sa 236 u mal-Artikoli 238, 239 u 240 ta’ din id-direttiva.

51.      Fir-rigward tar-rekwiżiti sostantivi meħtieġa għall-ħolqien tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt (a) tal-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi ta’ dan id-dritt għandhom jintużaw fir-rigward tal-outputs mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess u li, bħala inputs, dawn l-oġġetti jew servizzi għandhom jiġu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra (25).

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeħtieġ li t-tnaqqis tat-taxxa tal-input jingħata jekk ir-rekwiżiti sostantivi jkunu ssodisfatti, minkejja l-fatt li l-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti rekwiżiti proċedurali (26).

53.      Għalhekk, meta l-awtorità fiskali jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi li r-rekwiżiti sostantivi huma ssodisfatti, din ma tistax, fir-rigward tad-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas din it-taxxa, timponi rekwiżiti addizzjonali li jista’ jkollhom l-effett li jġibu fix-xejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (27).

54.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità fiskali ma tistax tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tal-VAT għas-sempliċi raġuni li fattura ma tissodisfax uħud mir-rekwiżiti mitluba mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT, jekk hija għandha l-informazzjoni kollha sabiex tivverifika li r-rekwiżiti sostantivi għal dan id-dritt huma ssodisfatti (28). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ittrattat il-kwistjoni dwar jekk, minn naħa, fatturi li jinkludu biss il-kliem “servizzi legali pprovduti minn [data speċifika] sa llum” jew “servizzi legali pprovduti sa llum”, kinux konformi mar-rekwiżiti previsti fil-punti 6 u 7 tal-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, jekk l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jkunux jistgħu jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT għas-sempliċi raġuni li dawn ir-rekwiżiti ma kinux issodisfatti, meta dawn l-awtoritajiet ikollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jivverifikaw jekk ir-rekwiżiti sostantivi relattivi għall-eżerċizzju ta’ dritt humiex issodisfatti (29). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt (a) tal-Artikolu 178 tal-imsemmija direttiva jipprekludi li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jistgħu jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT għas-sempliċi raġuni li l-persuna taxxabbli għandha fattura li ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 226 tal-istess direttiva, meta dawn l-awtoritajiet ikollhom l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jivverifikaw li r-rekwiżiti sostantivi relattivi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huma ssodisfatti (30). F’dan ir-rigward, l-awtorità fiskali ma tistax tillimita ruħha għall-eżami tal-fattura nnifisha. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni kumplimentarja pprovduta mill-persuna taxxabbli.

55.      Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 167, il-punt (a) tal-Artikolu 178, il-punt 1 tal-Artikolu 220 u l-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali jirrifjutaw lil persuna taxxabbli d-dritt għal tnaqqis mill-ammont tal-VAT li hija għandha tħallas l-ammont tat-taxxa dovuta jew imħallsa għas-servizzi pprovduti lilha, għar-raġunijiet li l-fattura inizjali, fil-pussess tagħha fil-mument tat-tnaqqis, inkludiet data żbaljata tat-twettiq tal-provvista ta’ servizzi u ma kinitx teżisti numerazzjoni kontinwa tal-fattura sussegwentement irrettifikata u n-nota ta’ kreditu li annullat il-fattura inizjali, jekk ir-rekwiżiti sostantivi tat-tnaqqis huma ssodisfatti, u li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-awtorità kkonċernata, il-persuna taxxabbli pprovdiet lil din tal-aħħar fattura rrettifikata, li tindika d-data eżatta li fiha twettqet l-imsemmija provvista ta’ servizzi, anki jekk ma teżistix numerazzjoni kontinwa ta’ din il-fattura u n-nota ta’ kreditu li tannulla l-fattura inizjali (31).

56.      Għalhekk, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha inkluża fil-kuntratt ta’ leasing sabiex tivverifika jekk ir-rekwiżiti sostantivi tad-dritt ta’ RED għat-tnaqqis tal-VAT humiex issodisfatti. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat, li hija l-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tal-VAT li għandha tistabbilixxi li hija tissodisfa r-rekwiżiti previsti sabiex tibbenefika minn dan. L-awtoritajiet fiskali jistgħu għalhekk jitolbu lill-persuna taxxabbli stess li tipproduċi l-provi li huma jikkunsidraw neċessarji sabiex jevalwaw jekk hemmx lok jew le li tingħata t-tnaqqis mitlub (32).

57.      F’dan il-każ, skont Raiffeisen, il-kuntratt ta’ leasing ma jistax jiġi kklassifikat bħala “fattura” għaliex id-dokument ma jinkludix, b’mod partikolari, ir-rata ta’ VAT applikata u d-data tal-kunsinna tal-oġġett, żewġ dettalji espressament previsti fl-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT. Minn dan niddeduċi li d-dettalji obbligatorji l-oħra kienu għalhekk inklużi fil-kuntratt ta’ leasing u ma jeħtieġu ebda analiżi.

58.      Minn naħa, fir-rigward tar-rata ta’ VAT applikata, dan huwa, ċertament, element importanti tal-fattura, li huwa previst fil-punt 9 tal-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu, sa fejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li l-ammont totali tal-VAT li kellu jitħallas, li huwa meħtieġ mill-punt 10 tal-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva, kien inkluż fil-kuntratt ta’ leasing, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din ir-rata ta’ VAT tistax tiġi faċilment dedotta mill-kalkolu magħmul li wassal għall-ammont totali tal-VAT, jew minn klawżola tal-kuntratt inkwistjoni li tirreferi għall-kuntest ġuridiku applikabbli fejn tinsab ir-rata tal-VAT applikata.

59.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-data tal-kunsinna tal-oġġett, infakkar li l-punt 7 tal-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT jeħtieġ li l-fattura tinkludi d-data li fiha, b’mod partikolari, issir jew titwettaq il-kunsinna tal-oġġett jew il-provvista ta’ servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li d-data tal-provvista li hija is-suġġett tal-imsemmija fattura tippermetti li jiġi kkontrollat meta seħħ il-fatt taxxabbli u, għalhekk, li jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet fiskali li għandhom, ratione temporis, japplikaw għat-tranżazzjoni li tirrigwarda dan id-dokument (33). F’dan ir-rigward, jekk ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk id-dokumenti mehmużin mal-kuntratt jinkludux preżentazzjoni iktar iddettaljata tal-kunsinna (34).

60.      F’dan il-każ, għandu jiġi verifikat jekk, abbażi tal-kuntratt ta’ leasing, awtorità setgħetx tiddetermina li dan huwa każ ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” jew ta’ “provvista ta’ servizzi”, u, imbagħad, jekk dan l-istess kuntratt jippermettix li jiġi ddeterminat iż-żmien tal-kunsinna.

61.      Minn naħa, fir-rigward tal-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ u kiri lura, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-każ li kuntratt ta’ leasing dwar proprjetà immobbli li jipprovdi jew it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà lil kerrej fit-tmiem dan il-kuntratt, jew li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kerrej karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-proprjetà ta’ din il-proprjetà immobbli (li jidher li huwa l-każ f’din il-kawża), fejn b’mod partikolari l-imsemmi kerrej, jiġi ttrasferit il-parti l-kbira tal-benefiċċji u tar-riskji inerenti għall-proprjetà legali tal-imsemmija proprjetà immobbli u s-somma aġġornata tal-pagamenti tkun prattikament identika għall-valur fis-suq tal-proprjetà, it-tranżazzjoni li tirriżulta minn tali kuntratt għandha tkun assimilata għal tranżazzjoni ta’ akkwist ta’ investiment (35).

62.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-data tal-kunsinna ta’ dan l-oġġett, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jkopri kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett korporali minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra tiddisponi minnu bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett (36).

63.      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina każ b’każ, skont il-fatti tal-każ, jekk tranżazzjoni partikolari fir-rigward ta’ oġġett tinvolvix it-trasferiment tas-setgħa ta’ proprjetarju li jiddisponi minn proprjetà, b’dan illi l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha kull indikazzjoni utli f’dan ir-rigward (37).

64.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u kiri lura  (sale and lease back), bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma karatterizzati mill-għoti konġunt u fl-istess ħin, minn naħa, ta’ dritt ta’ proprjetà mill-persuna taxxabbli (f’dan il-każ, RED) lill-istituzzjoni finanzjarji (Raiffeisen), u, min-naħa l-oħra, minn leasing ta’ proprjetà immobbli minn din l-istituzzjoni finanzjarja lill-persuna taxxabbli. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-għoti tad-dritt ta’ proprjetà u tal-leasing ta’ proprjetà immobbli għandhomx jiġu kkunsidrati separatament jew flimkien (38).

65.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm provvista unika meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li x-xoljiment tagħha jkun artifiċjali (39). Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-elementi li jitressqu quddiemha jindikawx l-eżistenza ta’ tranżazzjoni unika, indipendentement mill-istruttura kuntrattwali tagħha (40).

66.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviiju jirriżulta li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u kiri lura  (sale and lease back) inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu tranżazzjonijiet purament finanzjarji intiżi sabiex tiżdied il-likwidità ta’ RED u li l-proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħet fil-pussess ta’ din tal-aħħar, li użathom b’mod mhux interrott u fit-tul għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Dawn il-fatti jidhru li jindikaw, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li kull waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet tikkostitwixxi tranżazzjoni unika, peress li l-kostituzzjoni tad-dritt ta’ proprjetà li jirrigwarda l-proprjetà inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inseparabbli mil-leasing tal-proprjetà immobbli li jirrigwarda l-istess oġġetti (41).

67.      Għalhekk, jista’ jiġi meqjus li l-kuntratt ta’ leasing kien jinkludi elementi suffiċjenti marbuta mad-data tal-kunsinna, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ effettivament jitqies li kuntratt ta’ leasing li jinkludi elementi suffiċjenti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali jivverifikaw il-ħlas tat-taxxa dovuta, u jekk ikun il-każ, l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, jista’, eċċezzjonalment, jiġi kkunsidrat bħala “fattura” fis-sens tad-Direttiva tal-VAT.

V.      Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja):

L-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt bil-miktub jista’, eċċezzjonalment, jiġi kkunsidrat bħala fattura, fis-sens ta’ din id-direttiva, anki jekk ma jinkludix l-informazzjoni kollha preskritta mill-Kapitolu 3 (“Fatturazzjoni”), tat-Titolu XI tal-imsemmija direttiva, jekk f’dan id-dokument ikunu indikati elementi suffiċjenti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali jivverifikaw il-ħlas tat-taxxa dovuta, u jekk ikun il-każ, l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335. p. 60, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva tal-VAT’).


3      Din il-kawża hija t-tielet kawża ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar tranżazzjoni kklassifikata bħala “bejgħ u kiri lura”. Ara wkoll, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2015, NLB Leasing (C-209/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza NLB Leasing”, EU:C:2015:440), u tas-27 ta’ Marzu 2019, Mydibel (C-201/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mydibel”, EU:C:2019:254).


4      Il-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx ir-raġunijiet għal dan l-irtirar tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, u, b’mod partikolari, jekk kienx dovut għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ leasing. Barra minn hekk, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni Ewropea, mid-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax jekk RED ġietx irrifjutata d-dritt għal tnaqqis tal-VAT għall-ammont totali ta’ EUR 110 056.86, li kien imsemmi fil-kuntratt ta’ leasing, jew jekk RED ibbenefikatx mid-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT marbuta mal-pagamenti kull xahar li hija kellha tħallas skont dan il-kuntratt matul il-perijodu ta’ madwar erba’ snin li matulhom il-kuntratt ta’ leasing kien effettiv.


5      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tranżazzjoni prevista mit-tieni kuntratt ta’ bejgħ tal-proprjetà inkwistjoni, fl-opinjoni tal-FURS, din it-tranżazzjoni kienet eżentata mill-VAT u għalhekk id-dritt għal tnaqqis ta’ Raiffeisen ma setax jiġi invokat, minkejja l-fatt li kienet inħarġet fattura li turi l-VAT, li fl-aħħar mill-aħħar ma kinitx dovuta. Għalhekk, ġie impost fuq Raiffeisen il-ħlas ta’ VAT addizzjonali li jammonta għal EUR 44 200, bl-interessi li jammontaw għal EUR 11 841.97. Skont il-FURS, il-fatt li l-proprjetà inkwistjoni kienet, sussegwentement, mibjugħa minn Raiffeisen lil xerrej ieħor fi tranżazzjoni li kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni tal-VAT ma kienx rilevanti, għaliex dan kien element fattwali suċċessiv.


6      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009 Stadeco (C-566/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stadeco”, C2009380, punti 26 u 27).


7      Ara l-Artikolu 63 tad-Direttiva tal-VAT.


8      Il-Kummissjoni għażlet li twieġeb għall-kwistjonijiet billi tapplika d-dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva tal-VAT għall-fatti tal-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-Artikolu 203 ta’ din id-direttiva, hija ppreċiżat li din id-dispożizzjoni tipprekludi li l-awtorità fiskali teħtieġ li l-fornitur ta’ servizz iħallas il-VAT għall-unika raġuni li min igawdi mill-provvista naqqas indebitament din il-VAT abbażi ta’ kuntratt konkluż mal-fornitur ta’ servizzi, meta dan tal-aħħar ma jkunx ħareġ fattura għall-provvista ta’ servizzi.


9      Ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos (C–516/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Barlis”, EU:C:2016:690, punt 44), u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fl-istess kawża (EU:C:2016:101, punti 90 u 91).


10      Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva [VAT] u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU 2017, L 348, p. 7), żiedet dispożizzjoni ġdida, l-Artikolu 219a, li ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-paragrafu 1 tagħha, din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[i]l-fatturazzjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli li japplikaw fl-Istat Membru fejn ikun meqjus li tkun saret il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V [tad-Direttiva tal-VAT]”.


11      Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum (C-368/09, EU:C:2010:441, punt 40).


12      Ara s-sentenza Barlis (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Infakkar li fir-rigward tal-fatturi maħruġa għall-kunsinni ta’ oġġett jew għall-provvisti oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 220, skont l-Artikolu 221 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jimponu inqas obbligi minn dawk elenkati, b’mod partikolari, fl-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT.


14      Sentenza Barlis (punt 27).


15      Ara b’analoġija, is-sentenza Barlis (punt 27) u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fl-istess kawża (EU:C:2016:101, punti 30, 32 u 46).


16      Sentenza Stadeco (punt 26), tal-31 ta’ Jannar 2013, LVK (C-643/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza LVK”, EU:C:2013:55, punt 42 u d-dispożittiv; tat-8 ta’ Mejju 2019, EN.SA. (C-712/17, EU:C:2019:374, punt 26) u tat-18 ta’ Marzu 2021, P (Karti tal-fjuwil) (C-48/20, EU:C:2021:215, punt 26).


17      Sentenza Stadeco (punt 27).


18      Ara fost oħrajn, is-sentenza LVK (punt 36) u tat-18 ta’ Marzu 2021, P. (Karti tal-fjuwil) C-48/20, EU:C:2021:215, punt 26.


19      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Stadeco (punt 29).


20      Jiġifieri l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikolu 238, 239 u 240 tad-Direttiva tal-VAT.


21      Sentenzi Stadeco (punt 37) u LVK (punt 37) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża EN.SA (C-712/17, EU:C:2019:35, punt 43).


22      Ara s-sentenza Barlis (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenza Barlis (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara s-sentenza Barlis (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara s-sentenza Barlis (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara s-sentenza Barlis (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara s-sentenza Barlis (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara s-sentenza Barlis (punt 43). Ara f’dan l-istess sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Bockemühl (C-90/02, EU:C:2004:206), dwar l-obbligu li wieħed ikollu fattura konformi mad-Direttiva tal-VAT.


29      Ara s-sentenza Barlis (punt 24).


30      Ara s-sentenza Barlis (punt 24).


31      Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum (C-368/09, EU:C:2010:441, (punt 45 u d-dispożittiv).


32      Sentenza Barlis (punt 46). Għandu jiġi ppreċiżat li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jipprovdu sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti proċedurali dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex jipprevjenu l-frodi bil-kundizzjoni li miżuri bħal dawn la ma jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu tali għanijiet u lanqas ma jqiegħdu fid-dubju n-newtralità tal-VAT (ara s-sentenza Barlis (punt 47)).


33      Sentenza Barlis (punt 30).


34      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Barlis (punt 34).


35      Sentenza NLB Leasing (punti 26 sa 32).


36      Sentenza Mydibel (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi NLB Leasing (punt 25) u Mydibel (punt 35).


38      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Mydibel (punti 36 u 37).


39      Ara s-sentenza Mydibel (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara s-sentenza Mydibel (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Mydibel (punt 40).