SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Diċembru 2014 (*)
“Rinviji għal deċiżjoni preliminari — VAT — Sitt Direttiva — Sistema tranżitorja tal-kummerċ bejn l-Istati Membri — Oġġetti mibgħuta jew ittrasportati ġewwa l-Komunità — Frodi mwettqa fl-Istat Membru destinatarju — Teħid inkunsiderazzjoni tal-frodi fl-Istat Membru ta’ spedizzjoni — Rifjut tal-benefiċċju tad-drittijiet għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors — Assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali”
Fil-Kawżi magħquda C-131/13, C-163/13 u C-164/13,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-22 ta’ Frar u tat-8 ta’ Marzu 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu u fit-2 ta’ April 2013, fil-proċeduri
Staatssecretaris van Financiën,
vs
Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti vof (C-131/13),
u
Turbu.com BV (C-163/13),
Turbu.com Mobile Phone’s BV (C-164/13),
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti vof, minn A. J. de Ruiter,
– għal Turbu.com BV u Turbu.com Mobile Phone’s BV, minn J. Vetter, avukat,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, C. Schillemans u B. Koopman, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie u S. Brighouse, bħala aġenti, assistiti minn P. Moser, QC, u G. Peretz, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u A. Cordewener, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17(2) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 28b (A)(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, rispettivament, is-Staatssecretaris van Financiën (iktar ’il quddiem is-“Staatssecretaris”) u Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti vof (iktar ’il quddiem “Italmoda”), u Turbu.com BV (iktar ’il quddiem “Turbu.com”) kif ukoll Turbu.com Mobile Phone’s BV (iktar ’il quddiem “TMP”) u s-Staatssecretaris dwar rifjut ta’ eżenzjoni, ta’ tnaqqis jew ta’ rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fil-konfront ta’ dawn il-kumpanniji minħabba parteċipazzjoni fi frodi tal-VAT.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 17(2)(a) u (d), u l-Artikolu 3(b) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) tal-istess Direttiva jipprovdi:
“2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
a) [VAT] dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra;
[...]
d) [VAT] dovuta skond l-Artikolu 28a(1)(a).
3. Stati Membri għandhom jagħtu wkoll lil kull persuna taxxabbli d-dritt ta’ tnaqqis jew ta’ ħlas lura [tal-VAT] riferut fil-paragrafu 2 sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet ta’:
[...]
b) transazzjonijiet li huma eżenti taħt l-Artikolu 28c(A) [...]”.
4 L-Artikolu 28a tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“1. Li ġej għandu jkun suġġett ukoll [għall-VAT]:
a) akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti mħallsa f’pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, jew minn persuna ġuridika li mhux persuna taxxabli, meta l-bejjiegħ huwa hu nnifsu persuna taxxabbli, li ma jibbenefikax mit-tnaqqis fit-taxxa stabbilit fl-Artikolu 24 u li ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1)(a) jew tal-Artikolu 28b(B)(1).
[...]
3. ‘Akkwisizzjoni intra-komunitarja ta’ merkanzija’ tfisser l-akkwisizzjoni tad-dritt bħala sid ta’ propjeta mhux fissa u tanġibbli mibgħuta jew ittrasportata sa għand il-persuna li qed takkwista l-merkanzija jew għan-nom tal-bejjiegħ jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija għal Stat Membru li mhux l-istess li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija.
[...]”
5 L-Artikolu 28b (A) ta’ din id-Direttiva, intitolat “Post ta’ l-akkwisizzjoni intra-Komunitarja tal-merkanzija”, jippreċiża:
“1. Il-post ta’ l-akkwisizzjoni intra-Komunitarja tal-merkanzija jittieħed bħala l-post fejn tkun il-merkanzija fejn jintemm it-trasport jew li jintbagħtu għand il-persuna li akkwistathom.
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-post tal-akkwisizzjoni intra-Komunitarja tal-merkanzija imsemmi fl-Artikolu 28a(1)(a) madankollu, jittieħed li qiegħed fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ in-numru tal-identifikazzjoni ta[l-VAT] li l-persuna li qed takkwista l-merkanzija tkun għamlet l-akkwisizzjoni, sakemm il-persuna li takkwista l-merkanzija tista’ turi li dik l-akkwisizzjoni kienet suġġetta għat-taxxa skont il-paragrafu 1.
Jekk, madankollu, l-akkwisizzjoni tkun suġġetta għat-taxxa skont il-paragrafu 1 fl-Istat Membru tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata wara li tkun suġġetta għat-taxxa skond l-ewwel sottoparagrafu, l-ammont taxxabbli jitnaqqas skond il-każ fl-Istat Membru li ħareġ in-numru ta’ l-identifikazzjoni [tal-VAT] li bih il-persuna li tkun akkwistat il-merkanzija tkun għamlet l-akkwisizzjoni.
Sabiex ikun jista jiġi applikat l-ewwel subparagrafu, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ l-oġġetti għandu jitqies li kien soġġett għat-taxxa skond il-paragrafu 1 meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu:
– min jagħmel l-akkwist ikun stabbilixxa li għamel dan l-akkwist intra-Komunitarju għall-bżonnijiet ta’ provvista sussegwenti li saret fl-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 u li għalih id-destinatarju jkun ġie nnominat bħala l-persuna responsabbli għat-taxxa dovuta skont l-Artikolu 28ċ (E) (3),
– l-obbligazzjonijiet tad-dikjarazzjoni stipulata fl-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(6)(b) ikunu ġew issodisfati minn dak li jkun qiegħed jagħmel l-akkwist.”
6 L-Artikolu 28ċ (A) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità u suġġetta għall-kondizzjonijiet li se jistabbilixxu għall-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet hawn taħt u biex jilqgħu kontra evażjoni, skartar jew abbuż. Stati Membri jeżentaw:
a) fornitura ta’ merkanzija, kif iddefinita fl-Artikolu 5 mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-bejjiegħ jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija ‘il barra mit-territroju msemmi fl-Artikolu 3 imma xorta fil-Komunità, magħmula għal persuna taxxabbli oħra jew persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi hekk fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.
[...]”
Id-dritt Olandiż
7 Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tas-Sitt Direttiva ġew trasposti fid-dritt Olandiż permezz tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (wet op de omzetbelasting), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Staatsblad 1968, Nru 329), b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 9, 15, 17b u 30 tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali.
8 Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Olandiża ma tipprevedix li t-tnaqqis, l-eżenzjoni jew ir-rimbors tal-VAT jiġu rrifjutati fl-ipoteżi fejn jiġi stabbilit li l-persuna taxxabbli kienet qiegħda tipparteċipa fi frodi fiskali li kienet taf biha jew li kellha tkun taf biha.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C-131/13
9 Italmoda, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, teżerċita l-attività tagħha fis-settur tal-kummerċ taż-żraben. Fiż-żmien li seħħew il-fatti li jwasslu għall-kawża prinċipali, jiġifieri matul is-snin 1999 u 2000, hija wettqet ukoll xi tranżazzjonijiet dwar xi materjal tal-informatika. Dan il-materjal, akkwistat minn Italmoda fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja, inbiegħ u ġie kkunsinnat lil klijenti suġġetti għall-VAT fl-Italja. L-oġġetti li joriġinaw mill-Ġermanja inxtraw minn Italmoda bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Olandiż ta’ din il-kumpannija, fir-rigward ta’ akkwisti suġġetti għall-VAT tal-Istat Membru li jkun ħareġ in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, fis-sens tal-Artikolu 28b (A)(2) tas-Sitt Direttiva, iżda dawn l-oġġetti ġew ittrasportati direttament mill-Ġermanja għall-Italja.
10 F’dak li jikkonċerna l-oġġetti akkwistati fil-Pajjiżi l-Baxxi, Italmoda wettqet id-dikjarazzjonijiet kollha neċessarji u naqqset it-taxxa tal-input imħallsa fuq id-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Għall-kuntrarju, f’dak li jikkonċerna l-oġġetti li joriġinaw mill-Ġermanja, Italmoda la ddikjarat il-kunsinna intra-Komunitarja tagħhom f’dan l-Istat Membru u lanqas ma ddikjarat l-akkwist intra-Komunitarju tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, minkejja li din it-tranżazzjoni kienet ġiet eżentata fil-Ġermanja. Fl-Italja, ebda wieħed minn dawn l-akkwisti intra-Komunitarji ma ġie ddikjarat mix-xerrejja kkonċernati u l-VAT ma tħallsitx. L-awtoritajiet fiskali Taljani rrifjutaw li jagħtu lill-imsemmija akkwirenti d-dritt għal tnaqqis u pproċedew għall-irkupru tat-taxxa dovuta.
11 L-awtoritajiet fiskali Olandiżi, billi qiesu li Italmoda kienet ipparteċipat b’mod konxju fi frodi intiża li ssir evażjoni tal-VAT fl-Italja, irrifjutaw li jagħtu lil din il-kumpannija d-dritt għall-eżenzjoni fuq il-kunsinni intra-Komunitarji mwettqa f’dan l-Istat Membru, id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa kif ukoll id-dritt għar-rimbors tat-taxxa mħallsa fuq il-merkanzija li toriġina mill-Ġermanja u, konsegwentement, innotifikaw tliet avviżi ta’ rettifika lil Italmoda.
12 L-azzjoni mibdija minn Italmoda kontra dawn l-avviżi ta’ rettifika ntlaqgħet fl-ewwel istanza mir-Rechtbank te Haarlem (tribunal ta’ Haarlem), li talab lill-awtoritajiet fiskali jiddeċiedu dwar il-kawża mill-ġdid.
13 Bħala riżultat ta’ appell minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam), din il-qorti, f’sentenza tat-12 ta’ Mejju 2001, annullat id-deċiżjoni tar-Rechtbank te Haarlem kif ukoll l-avviżi ta’ rettifika kontenzjużi, billi ddeċidiet li, f’dan il-każ, hija ma kinitx ġustifikata li titwarrab mis-sistema normali ta’ ġbir tal-VAT u li tirrifjuta li tapplika l-eżenzjoni jew id-dritt għal tnaqqis tal-VAT. F’dan ir-rigward, il-Gerechtshof te Amsterdam b’mod partikolari ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-frodi seħħet mhux fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda fl-Italja, u li, fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri Italmoda kienet osservat il-kundizzjonijiet legali formali kollha dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni.
14 Is-Staatssecretaris van Financiën adixxa lill-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti suprema) b’appell fil-kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza. Din il-qorti osservat, b’mod partikolari, li, matul il-perijodu rilevanti f’din il-kawża, l-applikazzjoni tal-eżenzjoni jew tad-dritt għal tnaqqis ma kinitx suġġetta, fid-dritt Olandiż, għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli ma kkollaboratx intenzjonalment fi frodi tal-VAT jew fi tranżazzjoni ta’ evażjoni fiskali. Tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-kollaborazzjoni intenzjonali f’tali frodi tipprekludix id-dritt għar-rimbors tal-VAT, minkejja l-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan is-sens fid-dritt nazzjonali.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Skont id-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jirrifjutaw li japplikaw l-eżenzjoni mill-VAT fil-każ ta’ kunsinna intra-Komunitarja, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fil-każ ta’ akkwist ta’ oġġetti mibgħuta, wara dan l-akkwist, lejn Stat Membru ieħor, jew ir-rimbors tal-VAT skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 28b(A)(2) tas-Sitt Direttiva, meta, abbażi ta’ data oġġettiva, ikun ġie stabbilit li kien hemm evażjoni tal-VAT fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti u l-persuna taxxabbli kienet taf jew imissha kienet taf li kienet ipparteċipat fiha, fil-każ li d-dritt nazzjonali ma jipprovdix, f’ċirkustanzi bħal dawn, għall-possibbiltà li jiġu rrifjutati l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew ir-rimbors?
2) Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew ir-rimbors imsemmija iktar 'il fuq għandhom ukoll jiġu rrifjutati meta l-evażjoni tal-VAT saret fi Stat Membru differenti (mill-Istat Membru ta’ spedizzjoni tal-oġġetti) u l-persuna taxxabbli kienet taf bl-evażjoni, jew imissha kienet taf biha, filwaqt li, fl-Istat Membru ta’ spedizzjoni, din il-persuna taxxabbli osservat il-kundizzjonijiet kollha (formali) imposti mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali sabiex tkun tista’ tinvoka l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew ir-rimbors u hija dejjem ipprovdiet, f’dan l-Istat Membru, id-data kollha neċessarja dwar l-oġġetti, l-ispedizzjoni u x-xerrejja stabbiliti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni?
3) Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, kif għandu jinftiehem, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 28b(A)(2) tas-Sitt Direttiva, it-terminu “suġġetta” [għat-taxxa]: il-fatt li tiġi ddikjarata, permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn, fid-dikjarazzjoni tal-VAT legalment stabbilita, il-VAT dovuta fir-rigward tal-akkwist intra-Komunitarju fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni, il-fatt, għall-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex din l-assenza ta’ dikjarazzjoni tiġi rregolarizzata? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti l-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni tagħmel parti minn katina ta’ tranżazzjonijiet intiżi sabiex ikun hemm evażjoni tal-VAT fil-pajjiż ta’ destinazzjoni u li l-persuna taxxabbli kienet taf biha jew imissha kienet taf biha?”
Il-Kawża C-163/13
16 Turbu.com, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, topera kummerċ bl-ingrossa ta’ materjal tal-informatika u ta’ telekomunikazzjoni kif ukoll ta’ softwer.
17 Matul il-perijodu bejn ix-xhur ta’ Awwissu u ta’ Diċembru 2001, Turbu.com wettqet ċertu numru ta’ kunsinni intra-Komunitarji ta’ mowbajls, b’applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’dan ir-rigward u billi naqqset il-VAT tal-input imħallsa.
18 Wara investigazzjoni tad-dipartimenti ta’ informazzjoni fiskali, l-awtoritajiet fiskali Olandiżi kkunsidraw li Turbu.com wettqet żball meta qieset li l-imsemmija kunsini kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT u dawn l-awtoritajiet bagħtulha avviż ta’ rettifika. Barra minn hekk, inbdew proċeduri kriminali kontra, b’mod partikolari, id-direttur ta’ Turbu.com, għal frodi tal-VAT, u dawn wasslu għall-kundanna, matul is-sena 2005, ta’ dan tal-aħħar għal falsifikazzjoni ta’ dokumenti u preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fiskali mhux kompluta u ineżatta.
19 Fir-rigward tal-avviż ta’ rettifika mibgħut lil Turbu.com, dan, wara azzjonijiet mibdija minn din il-kumpannija, ġie kkonfermat fl-ewwel istanza mir-Rechtbank te Breda (tribunal ta’ Breda), u sussegwentement fl-appell mill-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc), permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Frar 2011. F’din is-sentenza, din l-aħħar qorti qieset li kien plawżibbli li, fil-verità, il-kunsinni kkonċernati ma kinux kunsinni intra-Komunitarji u li Turbu.com, b’mod volontarju u intenzjonali, kienet ipparteċipat fi frodi tal-VAT.
20 Turbu.com adixxiet lill-Hoge Raad der Nederlanden b’appell fil-kassazzjoni mill-imsemmija sentenza. Din il-qorti b’mod partikolari tindika li fl-ipoteżi fejn jiġi stabbilit, wara rinviju lill-qorti tal-appell, li l-kunsinni kkonċernati kienu jagħmlu parti minn sensiela ta’ tranżazzjonijiet intiżi sabiex wieħed idur mar-regoli tal-VAT u li Turbu.com kienet taf b’dan jew kellha tkun taf bih, iqumu xi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-VAT għandux jiġi rrifjutat fil-każ ta’ frodi tal-VAT, filwaqt li d-dritt nazzjonali ma jipprevedi ebda bażi legali għal dan l-għan.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jobbliga lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali jirrifjutaw il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT favur kunsinna intra-Komunitarja meta fatti oġġettivi jippermettu li jiġi stabbilit li twettqet frodi tal-VAT mal-provvista ta’ oġġetti u li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li kienet qed tipparteċipa f’tali operazzjoni, fil-każ li l-liġi nazzjonali ma tipprevedix li din il-persuna għandha tiġi mċaħħda mill-benefiċċju tal-eżenzjoni f’ċirkustanzi bħal dawn?”
Il-Kawża C-164/13
22 TMP, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, teżerċita l-attività tagħha fis-settur tal-kummerċ tal-mowbajls.
23 Matul ix-xahar ta’ Lulju 2003, hija wettqet kunsinni intra-Komunitarji ta’ mowbajls, u applikat l-eżenzjoni prevista f’dan ir-rigward u talbet ir-rimbors tal-VAT tal-input imħallsa, għall-akkwist ta’ dawn il-mowbajls mingħand impriżi stabbiliti fit-territorju Olandiż.
24 L-awtoritajiet fiskali Olandiżi, billi kkonstataw diversi irregolaritajiet fid-dikjarazzjonijiet imwettqa minn TMP, kemm dwar it-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa kif ukoll dwar l-imsemmija kunsinni intra-Komunitarji, irrifjutaw ir-rimbors mitlub. Id-deċiżjoni li topponi dan ir-rifjut ta’ rimbors lil TMP ġiet annullata mir-Rechtbank te Breda, u dan permezz ta’ deċiżjoni li hija stess ġiet annullata mill-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Frar 2011. F’din is-sentenza, din l-aħħar qorti kkunsidrat li TMP ma setgħetx tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa, essenzjalment minħabba li din il-kumpannija kienet taf jew kellha tkun taf li hija kienet tinsab fil-preżenza ta’ tranżazzjoni ta’ frodi tal-VAT.
25 TMP adixxiet lill-Hoge Raad der Nederlanden b’appell fil-kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza. Din il-qorti b’mod partikolari tindika li, fl-ipoteżi fejn jiġi stabbilit, wara rinviju quddiem il-qorti tal-appell, li l-kunsinni kkonċernati kienu jagħmlu parti minn sensiela ta’ tranżazzjonijiet intiżi li wieħed idur mar-regoli relatati mal-VAT u li TMP kienet taf b’dan jew kellha tkun taf bih, iqumu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tosserva, b’mod partikolari, li, matul is-sena kkonċernata, il-leġiżlazzjoni Olandiża ma kinitx tissuġġetta d-dritt għal tnaqqis tal-VAT għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli ma tkunx ġiet involuta b’mod intenzjonali fi tranżazzjoni ta’ evażjoni fiskali jew ta’ frodi tal-VAT.
26 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jimponi fuq l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali l-obbligu li jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt ta’ tnaqqis meta fatti oġġettivi juru li tkun saret frodi tal-VAT fi provvista ta’ beni u li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf bil-parteċipazzjoni tagħha fiha, fil-każ li l-liġi nazzjonali ma tipprevedix id-dekadenza ta’ dan id-dritt f’ċirkustanzi simili?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-131/13
27 Fl-ewwel lok, Italmoda ssostni li l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-131/13 hija inammissibbli sa fejn din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa manifest li l-imsemmija domanda tirrigwarda mhux l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva.
29 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Italmoda għandha tiġi miċħuda f’dak li jikkonċerna l-imsemmija domanda preliminari.
30 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari magħmula f’din il-kawża. L-ipoteżi msemmija minnha ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ, peress li, hekk kif kien jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Italmoda ma informatx korrettement lill-awtoritajiet fiskali Olandiżi bit-tranżazzjonijiet ikkonċernati.
31 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Budějovický Budvar, C-478/07, EU:C:2009:521, punt 63; Zanotti, C-56/09, EU:C:2010:288, punt 15, kif ukoll Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, EU:C:2010:363, punt 27).
32 Issa, f’dan il-każ, minkejja li l-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, fl-ebda każ ma jista’ jsir riferiment għas-sitwazzjoni msemmija mit-tieni domanda magħmula f’dan il-każ, peress li tabilħaqq Italmoda ma ssodisfatx, fir-rigward tal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ spedizzjoni tal-oġġetti kkonċernati, l-obbligi kollha li hija kellha fil-qasam tal-informazzjoni, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li dawn l-obbligi ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet fiskali definittivament ma ġewx issodisfatti b’mod korrett. Il-qorti tar-rinviju pjuttost għandha l-intenzjoni tilqa’ l-motiv li jopponi, sempliċement abbażi ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, il-konstatazzjoni, mill-qorti tal-appell, li ngħatat informazzjoni korretta lill-awtoritajiet fiskali, billi tqis li din il-konstatazzjoni ma setgħetx issir għas-sempliċi raġuni li d-dikjarazzjonijiet ta’ Italmoda f’dan il-kuntest ma kinux ġew kontradetti.
33 Fit-tieni lok, u f’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li hija r-rilevanza stess tal-kwistjoni ta’ jekk l-obbligi fil-qasam tal-informazzjoni ġewx issodisfatti, bl-għan li jiġu evalwati d-drittijiet għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors tal-VAT, li, fost punt oħrajn, tikkostitwixxi s-suġġett ta’ din it-talba preliminari. Għalhekk, ma jidhirx b’mod manifest li din il-kwistjoni hija ta’ natura ipotetika jew mingħajr rabta mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali.
34 Minn dan isegwi li t-tieni domanda magħmula fil-Kawża C-131/13, għandha wkoll titqies bħala ammissibbli.
Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C-163/13 u C-164/13
35 Il-Kummissjoni ssostni li d-domandi magħmula fil-Kawżi C-163/13 u C-164/13 huma inammissibbli sa fejn dawn għandhom jitqiesu bħala ipotetiċi. Fil-fatt, fil-kawżi prinċipali, elementi fattwali u legali essenzjali għadhom ma ġewx iddeterminati.
36 Hekk kif tfakkar fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tiddeċiedi dwar domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sakemm ma jkunx manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha.
37 Għandu jiġi rrilevat li madankollu dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li huma s-suġġett tal-Kawżi C-163/13 u C-164/13.
38 F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża jekk u, fejn xieraq, f’liema kundizzjonijiet l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali huma obbligati jirrifjutaw il-benefiċċju tad-drittijiet għal eżenzjoni u għal tnaqqis tal-VAT fil-każ ta’ frodi tal-VAT.
39 Issa, mill-motivazzjonijiet tad-deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta li l-Hoge Raad der Nederlanden ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ frodi tal-VAT fit-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, peress li d-domandi preliminari magħmula minn dawn id-deċiżjonijiet jippresupponu preċiżament l-eżistenza ta’ tali frodi, dawn id-domandi għandhom jitqiesu bħala li huma ipotetiċi fir-rigward tal-kawżi prinċipali.
40 Għaldaqstant, hemm lok li d-domandi preliminari magħmula fil-Kawżi C-163/13 u C-164/13 jiġu ddikjarati inammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari magħmula fil-Kawża C-131/13
Fuq l-ewwel domanda
41 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk humiex l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw lil persuna taxxabbli, li kienet taf jew li kellha tkun taf li hija kienet qiegħda tipparteċipa, fil-kuntest ta’ kunsinni intra-Komunitarji, fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT, rifjut tal-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, skont l-Artikolu 17(3) tas-Sitt Direttiva, tad-dritt għal eżenzjoni, previst fl-Artikolu 28ċ(A)(a) ta’ din id-direttiva, kif ukoll tad-dritt għal rimbors tal-VAT, skont l-Artikolu 28b(A)(2) tal-imsemmija direttiva, fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali ma jkunx fih dispożizzjonijiet li jipprevedu tali rifjut.
42 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, preliminarjament għandu jitfakkar li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi possibbli huwa għan irrikonoxxut u mħeġġeġ mis-Sitt Direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Halifax et, C-255/02, EU:C:2006:121, punt 71; Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punt 54, kif ukoll Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 41).
43 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod ripetut li l-partijiet fil-kawża ma jistgħux, bi frodi jew b’abbuż, jieħdu vantaġġ mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kittel u Recolta Recycling, EU:C:2006:446, punt 54; Fini H, C-32/03, EU:C:2005:128, punt 32, u Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 26).
44 Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, l-ewwel nett, fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita dwar id-dritt għal tnaqqis tal-VAT previst mis-Sitt Direttiva, li huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom il-kompitu jirrifjutaw il-benefiċċju ta’ dan id-dritt jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan tal-aħħar huwa invokat bi frodi jew b’abbuż (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kittel u Recolta Recycling, EU:C:2006:446, punt 55; Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punt 37, kif ukoll Maks Pen, EU:C:2014:69, punt 26).
45 It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-konsegwenza ta’ abbuż jew ta’ frodi hija marbuta, bħala prinċipju, anki mal-benefiċċju tad-dritt għall-eżenzjoni għal kunsinna intra-Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi R., C-285/09, EU:C:2010:742, punt 55, u Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 54).
46 It-tielet nett, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 50 sa 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn rifjut possibbli tal-benefiċċju ta’ dritt mislut mis-Sitt Direttiva jirrifletti l-prinċipju ġenerali, imsemmi fil-punt 43 tas-sentenza preżenti, li jgħid li ħadd ma jista jibbenefika b’mod abbużiv jew bi frodi mid-drittijiet previsti mis-sistema legali tal-Unjoni, tali rifjut għandu jinħareġ, b’mod ġenerali, mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali, ikun x’ikun id-dritt fil-qasam tal-VAT affettwat mill-frodi, inkluż, għaldaqstant, id-dritt għal rimbors tal-VAT.
47 Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li dan l-aħħar dritt huwa ta’ natura partikolari sa fejn jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni li jippermetti li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT f’ċerti każijiet ta’ kunsinni intra-Komunitarji.
48 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-funzjoni ċentrali, li tammonta għad-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 17(3) tas-Sitt Direttiva fil-mekkaniżmu tal-VAT bl-għan li tiġi żgurata newtralità perfetta tat-taxxa, ma tipprekludix li dan id-dritt jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli fl-ipoteżi ta’ parteċipazzjoni fi frodi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Bonik, EU:C:2012:774, punti 25 sa 27 u 37, kif ukoll Maks Pen, EU:C:2014:69, punti 24 sa 26). Bl-istess mod, il-funzjoni speċifika li tammonta għad-dritt għal rimbors tal-VAT, bl-għan li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, ma tistax tipprekludi li dan id-dritt jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli f’tali ipoteżi.
49 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, bħala prinċipju huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju ta’ drittijiet previsti mis-Sitt Direttiva, invokati bi frodi jew b’abbuż, sew jekk dan ikun id-dritt għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors tal-VAT relatata ma’ kunsinna intra-Komunitarja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
50 Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan huwa l-każ mhux biss meta titwettaq frodi fiskali mill-persuna taxxabbli stess, iżda wkoll meta persuna taxxabbli tkun taf jew kellha tkun taf li, permezz tat-tranżazzjoni kkonċernata, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT imwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni qabel jew wara fil-katina ta’ distribuzzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Kittel u Recolta Recycling, EU:C:2006:446, punti 45, 46, 56 u 60, kif ukoll Bonik, EU:C:2012:774, punti 38 sa 40).
51 F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk tali rifjut għandux jinħareġ mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan is-sens fl-ordinament legali nazzjonali, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li matul is-seduta, il-Gvern Olandiż insista fuq il-fatt li ma kienx hemm lakuni fid-dritt Olandiż f’dak li jikkonċerna t-traspożizzjoni tas-Sitt Direttiva u li l-prevenzjoni tal-frodi kienet tapplika bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva.
52 Għal dan l-għan, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali kemm jista’ jkun fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva kkonċernata, sabiex tilħaq ir-riżultat intiż minnha, u dan jeħtieġ li din tagħmel dak kollu li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħha meta tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern fl-intier tiegħu u meta tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Adeneler et, C-212/04, EU:C:2006:443, punt 111; Kofoed, C-321/05, EU:C:2007:408, punt 45, u Maks Pen, EU:C:2014:69, punt 36).
53 Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk fid-dritt Olandiż jeżistux, bħalma jissuġġerixxi l-Gvern Olandiż, regoli ta’ dritt, sew jekk fil-forma ta’ dispożizzjoni jew prinċipju ġenerali, li jgħidu li l-abbuż minn dritt huwa pprojbit, jew anki dispożizzjonijiet oħra dwar il-frodi jew l-evażjoni fiskali li jistgħu jiġu interpretati b’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, kif imfakkra fil-punti 49 u 50 tas-sentenza preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kofoed, EU:C:2007:408, punt 46, u Maks Pen, EU:C:2014:69, punt 36).
54 Minkejja li jirriżulta madankollu, fit-tieni lok, li, f’dan il-każ, id-dritt nazzjonali ma jinkludix tali regoli li jistgħu jiġu interpretati b’mod konformi, madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma mxekkla milli josservaw l-imsemmija rekwiżiti u, għaldaqstant, milli jirrifjutaw il-vantaġġ mislut minn dritt previst mis-Sitt Direttiva fl-ipoteżi ta’ frodi.
55 Qabelxejn, minkejja li huwa minnu, hekk kif Italmoda sostniet, li, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax, fiha nfisha toħloq obbligi fuq individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali, mill-Istat Membru, fil-konfront tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punt 108, u Kücükdeveci, C-555/07, EU:C:2010:21, punt 46), ir-rifjut tal-benefiċċju ta’ dritt bħala konsegwenza, bħalma huwa f’dan il-każ, ta’ frodi, ma jaqax fl-eżempji msemmija minn din il-ġurisprudenza.
56 Għall-kuntrarju, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 43 u 46 tas-sentenza preżenti, dan ir-rifjut jissodisfa l-prinċipju li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka r-regoli tad-dritt tal-Unjoni bi frodi jew b’abbuż, peress li l-applikazzjoni tagħha ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi, u saħansitra frawdolenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Halifax et, EU:C:2006:121, punti 68 u 69, kif ukoll Collée, C-146/05, EU:C:2007:549, punt 38).
57 Għaldaqstant, sa fejn fatti abbużivi jew frawdolenti ma jistgħux jiġġustifikaw dritt previst mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ir-rifjut ta’ vantaġġ skont, f’dan il-każ, is-Sitt Direttiva ma jistax jimponi obbligu fuq l-individwu kkonċernat skont din id-direttiva, iżda huwa biss is-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li tgħid li l-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa għall-finijiet tal-ksib tal-vantaġġ imfittex, previsti mill-imsemmija direttiva f’dak li jikkonċerna dan id-dritt, fil-verità ma humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Kittel u Recolta Recycling, EU:C:2006:446, punt 53, kif ukoll FIRIN, C-107/13, EU:C:2014:151, punt 41).
58 Għaldaqstant, huwa pjuttost, f’dan il-każ, impossibbli għall-persuna taxxabbli li tipprevali ruħha minn dritt previst mis-Sitt Direttiva, li l-kriterji oġġettivi ta’ għoti tiegħu ma humiex issodisfatti minħabba frodi li taffettwa t-tranżazzjoni mwettqa mill-persuna taxxabbli stess, sew ta’ natura frawdolenti ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet meqjusa flimkien, li din kienet qiegħda tipparteċipa, hekk kif ġie espost fil-punt 50 tas-sentenza preżenti.
59 Issa, f’tali każ, awtorizzazzjoni espressa ma tkunx meħtieġa sabiex l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jirrifjutaw vantaġġ skont is-sistema komuni tal-VAT, u tali konsegwenza għandha titqies bħala inerenti għall-imsemmija sistema.
60 Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li sostniet Italmoda, persuna taxxabbli li ħolqot il-kundizzjonijiet relatati mal-ksib ta’ dritt billi pparteċipat fi tranżazzjonijiet frawdolenti biss, manifestament ma hijiex ġustifikata li tipprevali ruħha mill-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jew ta’ ċertezza legali sabiex topponi rifjut ta’ għoti tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Breitsohl, C-400/98, EU:C:2000:304, punt 38, u Halifax et, EU:C:2006:121, punt 84).
61 Fl-aħħar nett, peress li r-rifjut tal-benefiċċju ta’ dritt li jirriżulta mis-sistema komuni tal-VAT fil-każ ta’ involviment tal-persuna taxxabbli fi frodi huwa biss is-sempliċi konsegwenza tal-assenza ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward mid-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva, dan ir-rifjut ma għandux, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura ta’ piena jew ta’ sanzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jew tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Emsland-Stärke, C-110/99, EU:C:2000:695, punt 56; Halifax et, EU:C:2006:121, punt 93, u Döhler Neuenkirchen, C-262/10, EU:C:2012:559, punt 43).
62 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw lil persuna taxxabbli, fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja, il-benefiċċju tad-drittijiet għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors tal-VAT, anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu tali rifjut, jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tat-tranżazzjoni invokata sabiex fuqha jiġi ġġustifikat id-dritt ikkonċernat, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi frodi tal-VAT imwettqa fil-kuntest ta’ katina ta’ kunsinni.
Fuq it-tieni domanda
63 Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza, f’dak li jikkonċerna l-obbligu eventwali li tirrifjuta d-drittijiet għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors tal-VAT, bħalma ġie previst fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, ta’ ċirkustanzi li skonthom, minn naħa, il-frodi tal-VAT twettqet fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih intalab il-benefiċċju ta’ dawn id-diversi drittijiet u, min-naħa l-oħra, il-persuna taxxabbli kkonċernata, f’dan l-aħħar Stat Membru, osservat il-kundizzjonijiet formali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmija drittijiet.
64 F’dan ir-rigward, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 50 tas-sentenza preżenti, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu bħala aġir frawdolenti ta’ persuna taxxabbli li jista’ jagħti lok, fir-rigward tagħha, għar-rifjut ta’ dritt previst bis-Sitt Direttiva, mhux biss is-sitwazzjoni fejn titwettaq immedjatament frodi fiskali mill-persuna taxxabbli stess u minnha waħedha, iżda wkoll is-sitwazzjoni fejn persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist jew tal-kunsinna mwettqa, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT imwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni qabel jew wara fl-istess katina ta’ kunsinni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kittel u Recolta Recycling, EU:C:2006:446, punti 45, 46 u 56; Mahagében u Dávid, EU:C:2012:373, punt 46, kif ukoll Bonik, EU:C:2012:774, punt 40).
65 Issa, ma hemm ebda raġuni oġġettiva li tippermetti li wieħed jikkonkludi mod ieħor, u dan minħabba s-sempliċi fatt li l-katina ta’ distribuzzjoni affettwata minn frodi testendi ruħha għal żewġ jew għal diversi Stati Membri jew li t-tranżazzjoni li permezz tagħha twettqet il-frodi tal-VAT, seħħet fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-persuna taxxabbli involuta fit-twettiq frawdolenti tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati jfittxu, b’mod indebitu, li jibbenefikaw minn dritt mislut mis-Sitt Direttiva.
66 Bl-istess mod, bħala tali tkun irrilevanti, f’dak li jikkonċerna r-rifjut tal-benefiċċju ta’ dritt previst bis-Sitt Direttiva, konstatazzjoni li tgħid li, fir-rigward tal-ordinament ġuridiku waħdu tal-Istat Membru msejjaħ sabiex jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ dan id-dritt, il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward jidhru li huma ssodisfatti, billi, hekk kif għadu kif ġie rrilevat, l-involviment fi frodi tal-VAT jista’ jikkonsisti f’parteċipazzjoni konxja, jew li kellha tkun hekk, f’sensiela ta’ tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħha operatur ieħor, permezz ta’ tranżazzjoni sussegwenti li seħħet fi Stat Membru ieħor, jikkompleta t-twettiq ta’ din il-frodi.
67 Barra minn hekk, hekk kif il-Gvern Olandiż irrileva ġustament, il-frodi tal-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tat-tip “karusell”, li tiġi implementata fil-kuntest ta’ kunsinni intra-Komunitarji, hija spiss ikkaratterizzata mill-fatt li, minn perspettiva ta’ Stat Membru meqjus b’mod iżolat, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi invokat dritt fil-qasam tal-VAT ikunu jidhru ssodisfatti, filwaqt li huwa preċiżament mill-għaqda speċifika ta’ tranżazzjonijiet imwettqa f’diversi Stati Membri li tirriżulta n-natura frawdolenti ta’ dawn it-tranżazzjonijiet meqjusa flimkien.
68 Barra minn hekk, kull interpretazzjoni differenti minn dik imsemmija hawn fuq ma tkunx tikkonforma mal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, kif inhu rrikonoxxut u mħeġġeġ mis-Sitt Direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Tanoarch, C-504/10, EU:C:2011:707, punt 50).
69 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li s-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna taxxabbli, li kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tat-tranżazzjoni invokata sabiex fuqha jiġu ġġustifikati drittijiet għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors tal-VAT, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi frodi tal-VAT imwettqa fil-kuntest ta’ katina ta’ kunsinni, tista’ tiġi rrifjutata l-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet, minkejja l-fatt li din il-frodi twettqet fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li fih il-benefiċċju tagħhom intalab u li din il-persuna taxxabbli, f’dan l-aħħar Stat Membru osservat il-kundizzjonijiet formali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-imsemmija drittijiet.
Fuq it-tielet domanda
70 B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda, li saret biss fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda.
Fuq l-ispejjeż
71 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden fil-Kawżi C-163/13 u C-164/13 huma inammissibbli.
2) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, għandha tiġi interpretata fis-sens li huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw lil persuna taxxabbli, fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja, il-benefiċċju tad-drittijiet għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud, anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu tali rifjut, jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tat-tranżazzjoni invokata sabiex fuqha jiġi ġġustifikat id-dritt ikkonċernat, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud imwettqa fil-kuntest ta’ katina ta’ kunsinni.
3) Is-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 95/7, għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna taxxabbli li kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tat-tranżazzjoni invokata sabiex fuqha jiġu ġġustifikati drittijiet għal tnaqqis, għal eżenzjoni jew għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud imwettqa fil-kuntest ta’ katina ta’ kunsinni, tista’ tiġi rrifjutata l-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet, minkejja l-fatt li din il-frodi twettqet fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-benefiċċju tagħhom intalab u li din il-persuna taxxabbli, f’dan l-aħħar Stat Membru osservat il-kundizzjonijiet formali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-imsemmija drittijiet.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.