Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Marzu 2013 — Staatssecretaris van Financiën vs V.o.f. Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti

(Kawża C-131/13)

2013/C 171/24

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Financiën

Konvenuta: V.o.f. Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti

Domandi preliminari

(1)

Skont id-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jirrifjutaw li japplikaw l-eżenzjoni mill-VAT fil-każ ta’ kunsinna intra-Komunitarja, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fil-każ ta’ akkwist ta’ oġġetti mibgħuta, wara dan l-akkwist, lejn Stat Membru ieħor, jew ir-rimbors tal-VAT skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 28b(A)(2) tas-Sitt Direttiva (1), meta, abbażi ta’ data oġġettiva, ikun ġie stabbilit li kien hemm evażjoni tal-VAT fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti u l-persuna taxxabbli kienet taf jew imissha kienet taf li kienet ipparteċipat fiha, fil-każ li d-dritt nazzjonali ma jipprovdix, f’ċirkustanzi bħal dawn, għall-possibbiltà li jiġu rrifjutati l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew ir-rimbors?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew ir-rimbors imsemmija iktar ’il fuq għandhom ukoll jiġu rrifjutati meta l-evażjoni tal-VAT saret fi Stat Membru differenti (mill-Istat Membru ta’ spedizzjoni tal-oġġetti) u l-persuna taxxabbli kienet taf bl-evażjoni, jew imissha kienet taf biha, filwaqt li, fl-Istat Membru ta’ spedizzjoni, din il-persuna taxxabbli osservat il-kundizzjonijiet kollha (formali) imposti mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali sabiex tkun tista’ tinvoka l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew ir-rimbors u hija dejjem ipprovdiet, f’dan l-Istat Membru, id-data kollha neċessarja dwar l-oġġetti, l-ispedizzjoni u x-xerrejja stabbiliti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni?

(3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, kif għandu jinftiehem, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 28b(A)(2) tas-Sitt Direttiva, it-terminu “suġġetta” [għat-taxxa]: il-fatt li tiġi ddikjarata, permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn, fid-dikjarazzjoni tal-VAT legalment stabbilita, il-VAT dovuta fir-rigward tal-akkwist intra-Komunitarju fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni, il-fatt, għall-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex din l-assenza ta’ dikjarazzjoni tiġi rregolarizzata? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti l-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni tagħmel parti minn katina ta’ tranżazzjonijiet intiżi sabiex ikun hemm evażjoni tal-VAT fil-pajjiż ta’ destinazzjoni u li l-persuna taxxabbli kienet taf biha jew imissha kienet taf biha?


(1)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).