Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C-355/16

Christian Picart

vs

Ministre des Finances et des Comptes publics

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Dritt ta’ stabbiliment – Persuni li jaħdmu għal rashom – Artikoli 12 u 15 tal-Anness I tal-Ftehim – Leġiżlazzjoni fiskali – Impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat fuq titoli trasferibbli – Trasferiment tad-domiċilju fiskali barra milll-Istat Membru kkonċernat”






 Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (2) (iktar ’il quddiem l-“FMLP”) u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Christian Picart, ċittadin ta’ nazzjonalità Franċiża, u l-amministrazzjoni fiskali Franċiża rigward id-deċiżjoni ta’ din l-amministrazzjoni li tevalwa mill-ġdid l-ammont tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat fuq titoli trasferibbli li huwa kellu u li kien iddikjara meta huwa ttrasferixxa d-domiċilju fiskali tiegħu minn Franza lejn l-Isvizzera, u li ddeċidiet li huwa jkollu jħallas kontribuzzjonijiet supplimentari ta’ taxxa fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet soċjali, kif ukoll penali.

3.        Din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża, effettivament, jekk skont dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE b’rabta mal-libertà ta’ stabbiliment, il-kamp tal-applikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-FMLP marbuta mad-dritt ta’ stabbiliment u mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jestendix għal miżura fiskali, li tikkonsisti f’taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat “mal-ħruġ” mit-territorju nazzjonali, adottata mill-Istat ta’ oriġini ta’ ċittadin ta’ Stat Membru meta dan jittrasferixxi ruħu mid-domiċilju fiskali tiegħu lejn l-Isvizzera.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-FMLP

4.        Skont il-preambolu tal-FMLP, il-partijiet kontraenti huma “[d]eterminati li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni bejniethom ibbażat fuq ir-regoli li japplikaw fil-Komunità Ewropea”.

5.        L-Artikolu 1(a) tal-FMLP jippreċiża li l-għan ta’ dan il-ftehim hu li jagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Isvizzera dritt għad-dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika bi ħlas, ta’ stabbiliment bħala persuni li jaħdmu għal rashom u d-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-partijiet kontraenti.

6.        L-Artikolu 2 tal-FMLP, bit-titolu “Non-diskriminazzjoni”, jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, jiġu diskriminati minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

7.        L-Artikolu 4 tal-FMLP bit-titolu “Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika” jindika li d-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandu jiġi ggarantit skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.

8.        L-Artikolu 16 tal-FMLP, intitolat “Referenza għal-liġi Komunitarja”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu, li sa fejn l-applikazzjoni tal-FMLP timplika kunċetti tad-dritt Komunitarju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ta’ qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. L-attenzjoni tal-Isvizzera għandha tinġibed lejn il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar tal-FMLP. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-kumitat konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza.

9.        L-Anness I tal-FMLP jiffoka fuq il-moviment liberu tal-persuni. L-Artikolu 9 ta’ dan l-anness, li jirrigwarda t-“Trattament ugwali” jipprevedi:

“1.      Persuna impjegata li tkun ċittadina ta’ Parti Kontraenti ma tistax tiġi trattata b’mod differenti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tagħha, minn ċittadini impjegati fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, speċjalment fir-rigward tal-paga, tat-tkeċċija, jew tal-għoti lura tal-post jew tal-impjieg jekk issir qiegħda.

2.      Il-ħaddiem impjegat u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness għandhom jibbenefikaw mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-ħaddiema impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom.

[…]”

10.      Il-Kapitolu III tal-Anness I tal-FMLP fih id-dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. L-Artikolu 12 (1) u (2) tiegħu, jgħid dan li ġej:

“1.      Ċittadin ta’ Parti Kontraenti li jixtieq li jkun stabbilit fit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra sabiex isegwi attività għal rasha (minn hawn ’il quddiem ‘persuna li taħdem għal rasha’) għandu jirċievi permess ta’ residenza validu għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data li fiha jinħareġ, sakemm huwa jippreżenta prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa stabbilit jew li jixtieq jagħmel dan.

2.      Il-permess ta’ residenza għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin, sakemm il-persuna li taħdem għal rasha tippreżenta prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li teżerċita attività ekonomika permezz ta’ impjieg għal rasha.”

11.      L-Artikolu 15(1) u (2) tal-Anness I tal-FMLP, bit-titolu “Trattament ugwali” jiddisponi:

“1.      Fir-rigward tal-aċċess għal attività ta’ impjieg għal rasu u l-eżerċizzju tagħha, ħaddiem li jaħdem għal rasu għandu jingħata trattament fil-pajjiż ospitant li ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu stess.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan l-anness huma applikabbli, mutatis mutandis, għall-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija f’dan il-kapitolu.”

12.      L-Artikolu 21 tal-FMLP dwar il-moviment liberu tal-persuni, intitolat “Ir-relazzjoni ma’ ftehim bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja”, jipprevedi fil-paragrafu 3 tiegħu, li “ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandha timpedixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jadottaw jew japplikaw miżuri sabiex jiżguraw l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv ta’ taxxi jew sabiex jimpedixxu l-evażjoni fiskali taħt il-leġislazzjoni jew il-ftehim fiskali nazzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja bejn l-Iżvizzera, minn naħa waħda, u Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra, jew kwalunkwe arranġament fiskali ieħor”.

13.      Il-Kapitolu V tal-Anness I tal-FMLP huwa ddedikat lill-“persuni li ma jeżerċitawx attività ekonomika fiżika”. L-Artikolu 24 tal-Anness I, intitolat “L-ambitu territorjali”, jiddisponi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li persuna ċittadina ta’ parti kontraenti li ma teżerċitax attività ekonomika fl-Istat ta’ residenza u li ma tibbenefikax minn dritt ta’ residenza skont dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-ftehim għandha tingħata permess ta’ residenza għal perijodu ta’ għall-inqas ħames snin, bil-kundizzjoni li tipproduċi l-provi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li hija għandha għaliha stess u għall-membri tal-familja tagħha, mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex ma jkollhiex titlob l-għajnuna soċjali matul ir-residenza tagħha u assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji kollha.

 Id-dritt fiskali Franċiż

14.      Skont l-Artikolu 167a tal-Code général des impôts Franċiż (kodiċi ġenerali tat-taxxa Franċiż, iktar ’il quddiem iċ-“CGI”), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali:

“I. – 1. Kontribwenti li jirrisjedu fi Franza għal finijiet ta’ taxxa għal tal-inqas għal sitt snin matul l-aħħar għaxar snin huma taxxabbli, fid-data tat-trasferiment tar-residenza tagħhom barra minn Franza, skont il-qligħ kapitali kkalkulat fuq id-drittijiet korporattivi [li jirrapreżentaw sehem ta’ iktar minn 25 % mill-kapital ta’ kumpannija].

[…]

II. – 1. Il-ħlas tat-taxxa li jirriżulta mill-qligħ kapitali kkonstatat jista’ jiġi ddiferit sal-mument meta jsir it-trasferiment, ix-xiri mill-ġdid, il-ħlas lura jew il-kanċellament ta’ dawn l-ishma.

Is-sospensjoni tal-ħlas hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-kontribwent jiddikjara l-ammont tal-qligħ kapitali hekk kif iddikjarat fil-kundizzjonijiet tal-[punt] I, jitlob sabiex jibbenefika mis-sospensjoni, jaħtar rappreżentant stabbilit fi Franza awtorizzat li jirċievi komunikazzjonijiet relatati mal-bażi tat-taxxa, mal-irkupru u mas-soluzzjoni ta’ tilwim tat-taxxa, u għandu jipprovdi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà responsabbli għall-irkupru, qabel it-tluq tiegħu, garanziji sikuri sabiex jiżgura l-irkupru tal-kreditu mit-Trésor [teżor].

[…]

2. Il-kontribwenti li jibbenefikaw minn sospensjoni tal-ħlas skont dan l-artikolu huma suġġetti għad-dikjarazzjoni stabbilita [fl-Artikolu 170(1) taċ-CGI]. L-ammont kumulattiv tat-taxxi sospiżi jiġi indikat fuq il-formola tad-dikjarazzjoni li magħha jkun mehmuż ir-rendikont fuq formola maħruġa mill-amministrazzjoni, li turi l-ammont ta’ taxxa relatat mat-titoli kkonċernati li għalihom is-sospensjoni tal-ħlas ma tkunx skadiet, u, fejn xieraq, in-natura u d-data tal-avveniment li jkun wassal għat-tmiem tas-sospensjoni.

[…]

It-taxxa mħallsa lokalment mill-kontribwent u li tista’ tkun attribwita għal qligħ kapitali li effettivament jitwettaq barra minn Franza titħallas fuq it-taxxa fuq id-dħul stabbilita fi Franza sakemm din tkun komparabbli ma’ din it-taxxa.

[…]

4. In-nuqqas li wieħed jipproduċi d-dikjarazzjoni u r-rendikont imsemmija fil-[paragrafu] 2 jew l-ommissjoni tal-informazzjoni kollha jew parti minnha, meħtieġa li tkun inkluża fiha tirriżulta l-impożizzjoni tat-taxxa fuq is-sospensjoni tal-ħlas.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      C. Picart ittrasferixxa d-domiċilju fiskali tiegħu minn Franza għall-Isvizzera fis-7 ta’ Ġunju 2002. F’din id-data, huwa kellu numru sostanzjali ta’ ishma fil-kapital azzjonarju ta’ diversi kumpanniji Franċiżi.

16.      Waqt it-trasferiment tad-domċilju fiskali tiegħu, C. Picart iddikjara, skont l-Artikolu 167a taċ-CGI, qligħ kapitali mhux irrealizzat fuq it-titoli ta’ dawn l-ishma, u sabiex jibbenefika minn sospensjoni ta’ ħlas tat-taxxa relatat ma’ dawn huwa ħatar rappreżentant fiskali fi Franza u pprovda garanzija bankarja bħala garanzija sabiex jiżgura l-irkupru tal-kreditu mat-Trésor (teżor) Franċiż.

17.      Fl-2005, C. Picart ċeda t-titoli tiegħu, u b’hekk temm is-sospensjoni tat-taxxa. Wara l-eżami tas-sitwazzjoni fiskali personali tiegħu għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2004, l-amministrazzjoni fiskali Franċiża evalwat mill-ġdid l-ammont tal-qligh kapitali inkwistjoni u ordnatlu jħallas kontribuzzjonijiet supplimentari ta’ taxxa fuq id-dħul.

18.      C. Picart ressaq ilment sabiex jinħeles minn din l-impożizzjoni supplimentari li ġie rrifjutat minn din l-amministrazzjoni fiskali. Għalhekk, C. Picart adixxa t-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva ta’ Montreuil, Franza). Insostenn tat-talba tiegħu, huwa qal li l-Artikolu 167a taċ-CGI ma kienx kompatibbli mal-FMLP. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza li l-libertà ta’ stabbiliment kienet iggarantita minn dan il-ftehim u li huwa seta’ jibbenefika minnha, bħala persuna li taħdem għal rasha, minħabba li huwa kien stabbilixxa ruħu fl-Isvizzera sabiex hemm iwettaq attività ekonomika, li kienet tikkonsisti fil-ġestjoni tad-diversi ishma tiegħu, diretti jew indiretti, f’diversi kumpanniji li hu kien jikkontrolla. Din it-talba ġiet irrifjutata fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2011. Wara r-rifjut tal-appell tiegħu kontra din is-sentenza mill-Cour administrative d’appel de Versailles (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Versailles, Franza), C. Picart ippreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État [kunsill tal-istat].

19.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq b’mod partikolari tkun taf jekk, minn naħa, id-dritt ta’ stabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha, hekk kif iddefinit mid-dispożizzjonijiet tal-FMLP, jistax jitqies bħala ekwivalenti għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE liċ-ċittadini tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, jekk is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525), mogħtija wara d-data ta’ ffirmar ta’ dan il-ftehim, tistax tiġi applikata għal dan il-ftehim.

20.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Id-dritt għall-istabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha, hekk kif inhu ddefinit mill-Artikoli 1 u 4 tal-[FMLP] u mill-Artikolu 12 tal-Anness I tiegħu, jista’ jitqies li huwa ekwivalenti għal-libertà ta’ stabbiliment ggarantita lill-persuni li għandhom attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom mill-Artikolu 49 TFUE?

2.      F’din l-ipoteżi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-[FMLP], hemm lok li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006 (C-470/04, EU:C:2006:525), li ngħatat wara li sar dan il-ftehim, tiġi applikata fil-każ ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu fl-Isvizzera li sempliċiment iżomm l-ishma li għandu f’kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, li jagħtuh influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-kumpanniji u jippermettulu jiddetermina l-attivitajiet tagħhom, mingħajr ma jsostni li għandu l-intenzjoni li jeżerċita fl-Isvizzera attività bħala persuna li taħdem għal rasha li hija differenti minn dik li huwa jeżerċita fl-Istat Membru li kien ċittadin tiegħu u li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ dawn l-ishma?

3.      Fl-ipoteżi li dan id-dritt ma huwiex ekwivalenti għal-libertà ta’ stabbiliment, dan għandu jiġi interpretat bl-istess mod kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525)?”

21.      Dawn il-kwistjonijiet kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa ta’ C. Picart, tal-Gvern Franċiż, kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet kif ukoll il-Gvern Ġermaniż instemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2017.

 Analiżi

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

22.      Sal-31 ta’ Diċembru 2004, l-Artikolu 167a taċ-CGI kien jipprevedi l-prinċipju ta’ taxxa immedjata fuq qligħ kapitali fuq ċerti titoli trasferibbli u fuq id-drittijiet korporattivi f’każ ta’ trasferiment barra minn Franza tar-residenza ta’ kontribwent, li jkun residenti għal finijiet ta’ taxxa fi Franza għal mill-inqas sitt snin matul l-aħħar għaxar snin li jippreċedu dan it-trasferiment. Din it-taxxa kienet tapplika biss għall-kontribwenti li kellhom sehem ta’ iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija matul il-ħames snin li jippreċedu d-data tat-trasferiment tad-domiċilju fiskali. Bis-sodisfazzjon ta’ ċerti kundizzjonijiet, fosthom l-obbligu li jikkostitwixxi garanzija bankarja, il-kontribwent, bħal C. Picart fil-kawża prinċipali, seta’ jitlob sospensjoni ta’ ħlas sal-mument, b’mod partikolari, tal-bejgħ tat-titoli trasferibbli jew tad-drittijiet korporattivi kkonċernati.

23.      Din is-sistema ta’ taxxa immedjata fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat fil-jum tat-trasferiment tad-domiċilju fiskali tal-kontribwent, flimkien ma’ sospensjoni tal-ħlas skont kundizzjonijiet stretti, ġiet meqjusa bħala restrittiva għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 43 KE, u sussegwentement l-Artikolu 49 TFUE) fis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138).

24.      B’mod iktar preċiż, fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 167a taċ-CGI kienet tissuġġetta lill-kontribwenti li kienu jixtiequ jittrasferixxu r-residenza tagħhom barra mit-territorju Franċiż għal trattament żvantaġġuż, meta mqabbla ma’ persuna li kienet ser iżżomm ir-residenza tagħha fi Franza, u dan jissostanzja l-eżami tal-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika mis-sospensjoni tal-ħlas, li fosthom kien hemm l-obbligu li wieħed jikkostitwixxi garanzija bankarja. Wara li eżaminat u rrifjutat wieħed wara l-ieħor l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali, ippreżentati mill-gvernijiet li intervjenew f’din il-kawża, li setgħu jiġġustifikaw l-ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, il-garanzija tal-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u t-tqassim mill-ġdid mis-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilit mill-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li, wara emenda sar l-Artikolu 43 KE, u sussegwentement l-Artikolu 49 TFUE) jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi, għal finijiet ta’ prevenzjoni ta’ riskju ta’ evażjoni fiskali, mekkaniżmu ta’ tassazzjoni tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat, hekk kif previst mill-Artikolu 167a taċ-CGI, f’każ ta’ trasferiment tad-domiċilju fiskali ta’ kontribwent barra minn dan l-Istat Membru (4).

25.      Is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward it-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat “mal-ħruġ” (imsejħa “exit tax”) prevista fl-Artikolu 167a taċ-CGI, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2004, ġiet ikkonfermata wkoll fis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tas-sistema tal-“exit tax” tal-Pajjiżi l-Baxxi, li fir-rigward tagħha l-għoti tas-sospensjoni tal-obbligu mill-ħlas immedjat tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat kien ukoll suġġett għall-kundizzjoni tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja mill-kontribwent li kien qed jittrasferixxi d-domiċilju fiskali tiegħu minn Stat Membru għal ieħor.

26.      It-tagħlimiet meħuda minn dawn is-sentenzi, relatati mal-portata u l-interpretazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment għall-benefiċċju taċ-ċittadini li jittrasferixxu d-domiċilju fiskali tagħhom bejn żewġ Stati Membri, jistgħu jiġu applikati għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP li jorbot lill-Unjoni mal-Konfederazzjoni Svizzera? (5)

27.      Hekk kif jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, risposta pożittiva għal din id-domanda kienet diġà ngħatat minn C. Picart quddiem il-qrati amministrattivi Franċiżi fil-kuntest tar-rikorsi tiegħu kontra t-taxxa inizjali (ikkwalifikata bħala “primarja” skont il-qorti tar-rinviju), li kienet is-suġġett tiegħu fir-rigward tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat relatat mal-perijodu kkonċernat. Dan l-argument madankollu ġie rrifjutat mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat) f’sentenza tad-29 ta’ April 2013, l-iktar minħabba li l-parti interessata la kienet allegat u lanqas, għal raġunijiet iktar konvinċenti, ma ġġustifikat li kienet ittrasferiet id-domiċilju fiskali tagħha fl-Isvizzera sabiex hemmhekk tteżerċita attività professjonali (6).

28.      Għalhekk huwa fid-dawl ta’ din is-sentenza tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat) u wara l-evalwazzjoni mill-ġdid ’il fuq tal-ammont tal-qligħ kapitali mogħti lilu mill-amministrazzjoni fiskali Franċiża fl-2005, matul il-bejgħ tat-titoli tiegħu, li C. Picart iddefenda l-argument li skontu, il-ġestjoni, mill-Isvizzera, tal-ishma sostanzjali tiegħu fil-kumpanniji stabbiliti fi Franza tikkostitwixxi attività ta’ “persuna li taħdem għal rasha”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP, li jistabbilixxu dritt ta’ stabbiliment simili għal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita mill-Artikolu 49 TFUE li jopponi l-applikazzjoni ta’ miżura tali bħal dik prevista fl-Artikolu 167a taċ-CGI (fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2004).

29.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tikkondividi l-argumenti ta’ C. Picart. Din l-istituzzjoni tqis li d-dritt ta’ stabbiliment iggarantit lill-persuni fiżiċi mill-FMLP jista’ jitqies bħala ekwivalenti għal-libertà ta’ stabbiliment li jgawdu l-persuni li għandhom attività għal rashom stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE. Dan id-dritt, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, imur kontra mekkaniżmu bħal dak introdott mill-Artikolu 167a taċ-CGI, partikolarment fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

30.      Il-gvernijiet ta’ Franza u tal-Ġermanja ma humiex tal-istess fehma. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-FMLP ma jirregolax ir-restrizzjonijiet ta’ natura fiskali adottati mill-Istat tal-oriġini ta’ ċittadin li jixtieq jieħu vantaġġ mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Il-Gvern Ġermaniż jippreċiża li, skont l-Artikolu 21(3) tal-FMLP, il-miżuri fiskali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, skont dawn iż-żewġ gvernijiet, C. Picart ma jeżerċitax attività li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna li taħdem għal rasha”. Għalhekk huwa ma jistax jibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment.

31.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tal-FMLP, jista’ jkun possibbli, jekk mhux probabbli, li jekk din id-dispożizzjoni kellha tinqara kif qed jissuġġerixxi l-Gvern Ġermaniż, lanqas biss ikun hemm għalfejn tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula minn din il-qorti. L-Artikolu 167a taċ-CGI, bħala miżura li għandha l-għan li tiżgura l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv tat-taxxi, jew maħsuba biex tevita l-evażjoni fiskali, b’hekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ bażi tal-FMLP relatati mal-moviment liberu tal-persuni. Għaldaqstant, l-ewwel nett għandha tiġi analizzata l-portata tal-Artikolu 21(3) tal-FMLP. Imbagħad ser neżamina l-portata tad-dritt ta’ stabbiliment iggarantit mill-FMLP.

 Fuq il-portata tal-Artikolu 21(3) tal-FMLP

32.      L-Artikolu 21 tal-FMLP, li jinsab fost id-“dispożizzjonijiet ġenerali u finali” ta’ dan il-ftehim, għandu portata iktar wiesgħa milli jagħti x’jifhem it-titolu tiegħu, li jsemmi biss ir-“relazzjoni [tal-FMLP] ma’ ftehim bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja”. Fil-fatt dan l-artikolu huwa mifrux fuq tliet paragrafi li jipprevedu sitwazzjonijiet u miżuri ta’ natura differenti, mhux limitati għar-relazzjonijiet li l-FMLP għandu mal-ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa doppja.

33.      Ċertament, l-Artikolu 21(1) tal-FMLP jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehimiet bilaterali bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Membri dwar it-taxxa doppja ma humiex affetwati mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim imsemmi.

34.      Madankollu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi regola ġenerali ta’ interpretazzjoni skont liema l-ebda dispożizzjoni tal-FMLP ma tista’ tinqara b’mod li xxekkel lill-partijiet kontraenti milli jagħmlu distinzjoni, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti għal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom, bejn il-kontribwenti li ma jinstabux f’sitwazzjonijiet komparabbli. Għalhekk dan il-paragrafu ma huwiex limitat għar-relazzjonijiet bejn l-FMLP u l-ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa doppja.

35.      B’mod saħansitra iktar wiesa’, l-Artikolu 21(3) tal-FMLP jippreċiża li “[l]-ebda dispożizzjoni [tal-FMLP] m’għandha timpedixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jadottaw jew japplikaw miżuri sabiex jiżguraw l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv ta’ taxxi jew sabiex jimpedixxu l-evażjoni fiskali taħt [id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ parti kontraenti]” (7).

36.      Għaldaqstant, minħabba l-kliem tiegħu, l-Artioklu 21(3) tal-FMLP jimplika li l-miżuri fiskali kollha adottati u applikati mill-partijiet kontraenti jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim imsemmi, kif kien issuġġerixxa l-Gvern Ġermaniż fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja?

37.      Fl-opinjoni tiegħi le.

38.      L-Artikolu 21(3) tal-FMLP, l-istes bħad-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni, għandu jiġi interpretat, b’konformità mal-Artikolu 31 tal-Ftehim ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (8), skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-ftehim (9).

39.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li mill-preambolu, mill-Artikolu 1(d), u mill-Artikolu 16(2) tal-FMLP jirriżulta li dan tal-aħħar għandu l-għan li jikseb, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ dawk tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-moviment liberu tal-persuni fit-territorji tal-partijiet kontraenti ta’ dan il-ftehim, abbażi tad-dispożizzjonijiet applikati fl-Unjoni, li l-kunċetti tagħhom għandhom jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (10).

40.      Jirriżulta wkoll kemm mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punti 44 u 45) kif ukoll mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C-241/14, EU:C:2015:766, punt 41), li l-ebda wieħed mill-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 21 tal-FMLP ma ġie interpretat bħala li jeskludi, bħala prinċipju, il-miżuri fiskali adottati mill-partijiet kontraenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ bażi ta’ dan il-ftehim, li skont l-għan ta’ dan tal-aħħar, huma relatati mal-moviment liberu tal-persuni (11).

41.      B’mod partikolari, fis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C-241/14, EU:C:2015:766, punt 41), li tirrigwarda b’mod partikolari r-rabta bejn l-Artikolu 21(1) tal-FMLP u l-Artikolu 9(2) tal-Anness I ta’ dan il-ftehim li jistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema impjegati fir-rigward tal-aċċess għall-vantaġġi fiskali u soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 21 tal-Ftehim ma jistax ikollu portata li tkun f’kunflitt mal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-ftehim li minnu jifforma parti. Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li dan l-artikolu “ma jistax jinftiehem fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri tal-Unjoni u lill-Konfederazzjoni Svizzera jippreġudikaw it-twettiq tal-moviment liberu tal-persuni billi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjonijiet fiskali kif imqassma permezz tal-konvenzjonijiet bilaterali tagħhom għall-ħelsien mit-taxxa doppja, iċaħħdu lill-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-imsemmi ftehim mill-effettività tiegħu”.

42.      L-Artikolu 21(1) u (2) tal-FMLP għalhekk għandu portata relattiva.

43.      Ma nistax nifhem ir-raġunijiet li għalihom u dawn lanqas ma ġew spjegati mill-Gvern Ġermaniż dan għandu jvarja mill-Artikolu 21(3) tal-FMLP.

44.      Jekk l-Artikolu 21(3) tal-FMLP jiġi interpretat fis-sens li kull miżura fiskali hija eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, l-inklużjoni fl-FMLP taż-żewġ paragrafi preċedenti ta’ dan l-artikolu kienet tkun għal xejn. B’mod iktar fundamentali, kieku nżammet tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikoli 9(2) u 15(2) tal-Anness I tal-FMLP, li jipprevedu b’mod partikolari u rispettivament li l-ħaddiema li jirċievu salarju u l-persuni li jaħdmu għal rashom, li jkunu eżerċitaw id-dritt ta’ moviment tagħhom skont l-FMLP, jibbenefikaw mill-istess vantaġġi fiskali fil-pajjiż ospitanti bħal dawk li jgawdu l-ħaddiema li jirċievu salarju u l-persuni li jaħdmu għal rashom li huma cittadini, it-tnejn li huma jitilfu wkoll l-effett utli tagħhom. Fil-fatt, l-għoti ta’ vantaġġ fiskali jissupponi li d-dħul tal-ħaddiem li jirċievi salarju jew tal-persuna li taħdem għal rasha kkonċernati huma s-suġġett ta’ piż fiskali, anki limitat, fuq it-territorju ta’ parti kontraenti fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha (12).

45.      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li allega l-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 21(3) tal-FMLP ma jistax jiġi interpretat bħala li jeżonera l-partijiet kontraenti, anki fi kwistjoni fiskali, mir-rispett tad-dispożizzjonijiet ta’ bażi ta’ dan il-ftehim li, skont l-għan ta’ dan tal-aħħar, jiżguraw il-moviment liberu tal-persuni bejn dawn il-partijiet.

46.      L-Artikolu 21(3) tal-FMLP għalhekk għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jawtorizza lill-partijiet kontraenti biex jadottaw u japplikaw kwalunkwe miżura maħsuba sabiex tiżgura l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv tat-taxxi jew biex tiġi evitatal-evażjoni fiskali, sakemm il-kompetenza fiskali miżmuma b’dan il-mod tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-għan tal-FMLP u tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, li skont l-għan ta’ dan tal-aħħar, huma relatati mal-moviment liberu tal-persuni. Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 21(3) tal-FMLP hija koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata qabel id-data tal-iffirmar tal-FMLP, jiġifieri fil-21 ta’ Ġunju 1999, skont liema, għalkemm il-kwistjoni tat-taxxi diretti ma taqax, bħala tali u fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, fil-qasam tal-kompetenza ta’ din tal-aħħar, l-Istati Membri minkejja dan għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi miżmuma tagħhom fir-rispett ta’ dan id-dritt (13).

47.      Infakkar ukoll li, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Franċiż stess ammetta li l-Artikolu 21(3) tal-FMLP jawtorizza biss lill-partijiet kontraenti sabiex jadottaw miżuri fiskali li jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (14) u l-għan imfittex mill-FMLP.

48.      Minn dan isegwi li miżura bħall-Artikolu 167a taċ-CGI ma hijiex eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ bażi tal-FMLP għaċ-ċirkustanza unika fejn tkun ikkonċernata miżura fiskali li tipprevedi l-ħlas u l-irkupru effettiv tat-taxxi, jew biex tkun evitata l-evażjoni fiskali.

 Fuq il-portata tad-dritt ta’ stabbiliment iggarantit mill-FMLP

49.      Skont il-ġurisprudenza, minħabba li l-Konfederazzjoni Svizzera ma ngħaqditx mas-suq intern tal-Unjoni, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar dan is-suq ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-FMLP, ħlief għal dispożizzjonijiet espressi għal dan il-għan kif previst mill-istess ftehim (15).

50.      Skont l-Artikolu 1 tal-FMLP, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa, b’mod partikolari, li jipprovdi liċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-Konferenazzjoni Svizzera “dritt ta’ […] l-istabbiliment fuq bażi ta’ impjieg indipendenti” fit-territorju tal-partijiet kontraenti.

51.      L-Artikolu 4 tal-FMLP jiggarantixxi d-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika skont l-Anness I ta’ dan il-ftehim.

52.      Skont l-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP, il-kunċett ta’ “persuna li taħdem għal rasha” jipprevedi l-eżerċizzju minn ċittadin ta’ parti kontraenti, li jixtieq jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra, ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha. Hija għal din ir-raġuni li, b’konformità ma’ dan l-artikolu, permess ta’ residenza jingħata lil dan iċ-ċittadin għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin.

53.      Id-dritt ta’ stabbiliment iggarantit minn dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk huwa rriservat għaċ-ċittadini, persuni fiżiċi, ta’ parti kontraenti, bil-ħsieb li dawn jeżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha fuq it-territorju ta’ parti kontraenti oħra (16).

54.      Huwa stabbilit li, fil-kawża prinċipali, C. Picart, ċittadin Franċiż, ma huwiex beħsiebu jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, iżda li jżomm attività, li n-natura ekonomika tagħha hija, tal-inqas b’mod impliċitu, is-suġġett tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ ishma sostanzjali li huwa għandu fil-kapital azzjonarju ta’ kumpanniji stabbiliti fi Franza.

55.      Is-sitwazzjoni ta’ C. Picart għalhekk ma tidhirx li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP.

56.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, kemm fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121) u kemm fis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705), li ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti setgħu jibbenefikaw minn drittijiet li jirriżultaw mill-FMLP anki fir-rigward tal-pajjiż proprju tagħhom.

57.      Madankollu, din id-dikjarazzjoni saret f’ċirkustanzi differenti minn din il-kawża.

58.      B’hekk, fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121), kienu involuti s-sitwazzjoni ta’ “ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-kategorija ta’ persuni kienet irregolata minn dispożizzjonijiet li huma differenti meta mqabbla ma’ dik ta’ persuni li jaħdmu għal rashom definita fl-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP (17). B’mod partikolari, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121), mill-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP jirriżulta li ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu huwa “ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra filwaqt li bħala regola jirritorna fil-post tad-domiċilju tiegħu kuljum, jew tal-inqas darba fil-ġimgħa”.

59.      Huwa preċiżament “fuq il-bażi tat-test” tal-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP li Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punti 34 u 35), li ċittadini Ġermaniżi, li kellhom ir-residenza tagħhom fuq it-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera u li kienu jeżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, setgħu, fuq il-bażi tad-distinzjoni magħmula, permezz ta’ dan l-artikolu, bejn il-post tar-residenza tal-persuni kkonċernati u l-post tal-attività professjonali tagħhom, jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni sabiex jiddikjaraw benefiċċju fiskali fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Fil-fatt, fl-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP, “id-distinzjoni ssir bejn il-post ta’ residenza, li jinsab fit-territorju ta’ parti kontraenti, u l-post ta’ eżerċizzju ta’ attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, li għandu jinsab fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, mingħajr rigward għan-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati” (18).

60.      Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 12(1) tal-Anness I ivarja minn dak tal-Artikolu 113(1) tal-istess anness, billi jirrikjedi li l-attività ta’ persuna li taħdem għal rasha sseħħ fuq it-territorju ta’ parti kontraenti differenti minn dik li l-persuna hija ċittadin tagħha (u li għaliha din il-persuna tibbenefika minn permess ta’ residenza għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin). Din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fil-każ ta’ C. Picart, li żamm l-attività tiegħu fuq it-territorju tal-Istat Membru li għandu ċ-ċittadinanza tiegħu.

61.      Iċ-ċirkustanzi tas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705) ivarjaw ukoll minn din il-kawża, minħabba li P. Radgen, ta’ ċittadinanza Ġermaniża, kien ħa vantaġġ mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu biex iwettaq attività b’salarju fuq it-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera.

62.      Huwa veru, kif enfasizzaw il-qorti tar-rinviju u C. Picart, li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, fil-punti 27 u 28 tas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525), li kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali libertà ċittadin Olandiż li kellu sehem fil-kapital ta’ kumpannija taħt id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi li kien jikkonferilu setgħa ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija, meta dan iċ-ċittadin kien itrasferixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Renju Unit. Huwa minnu ukoll li s-sentenza bl-ebda mod ma tindika li, wara t-trasferiment tar-residenza tiegħu lejn ir-Renju Unit, N kellu xi attività oħra apparti minn dik tal-ġestjoni tal-ishma sostanzjali tiegħu fit-titoli tal-kumpanniji taħt id-dritt Olandiż inkwistjoni, li mingħajr dubju jagħmel din is-sitwazzjoni simili għal dik ta’ C. Picart.

63.      Is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525) turi li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi applikata għal sitwazzjoni fejn il-persuna fiżika li tibbenefika minnha tmexxi ishma maġġoritarji fil-kapital ta’ kumpannija li ma tinsabx fuq it-territorju tal-Istat Membru li din il-persuna tkun ittrasferixxiet ruħha għalih, imma f’dak tal-Istat Membru tal-oriġini tagħha.

64.      Madankollu, din il-ġurisprudenza tirrigwarda żewġ elementi partikolari għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantiti fl-Unjoni, li ma jinstabux fit-test ta’ dispożizzjonijiet tal-FMLP dwar id-dritt ta’ stabbiliment.

65.      L-ewwel nett, kuntrarjament għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE u għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, l-Artikoli 1(a) tal-FMLP u 12(1) tal-Anness I ta’ dan il-ftehim huma limitati sabiex jirriservaw id-dritt ta’ stabbiliment għall-“persuni li jaħdmu għal rashom”, mingħajr ebda riferiment għall-kostituzzjoni u l-ġestjoni ta’ impriżi, anki limitati esklużivament għall-profitt ta’ persuni fiżiċi.

66.      F’dan ir-rigward, huwa importanti li nenfasizzaw li l-punt 27 tas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525) jirrigwarda esklużivament il-punt 22 tas-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Baars (C-251/98, EU:C:2000:205). Fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-libertà ta’ stabbiliment iggarantita bejn l-Istati Membri “tinkludi l-kostituzzjoni u l-ġestjoni ta’ impriżi, u b’mod partikolari ta’ kumpanniji, fi Stat Membru minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. B’hekk jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment tiegħu ċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jżomm fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor holding li jagħtih influwenza ċerta fuq id-deċiżjoniijiet tal-kumpanniji u li jippermettilu li jiddetermina l-attivitajiet tagħha” (19).

67.      Għalhekk, hija l-inklużjoni espliċita ta’ “it-twaqqif u l-ġestjoni ta’ intrapriżi” fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE (li issa sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE), b’mod parallel mal-aċċess għall-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, li tiġġustifika l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars (C-251/98, EU:C:2000:205), u tas-7 ta’ Settemrbu 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525).

68.      Konsegwentement, jidher li l-ġestjoni ta’ ishma maġġoritarji minn ċittadin ta’ Stat Membru fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fl-Unjoni jirriżulta mil-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE, minħabba l-fatt li dan tal-aħħar ikopri b’mod espliċitu, partikolarment, il-“ġestjoni ta’ intrapriżi”.

69.      Madankollu, kif diġà indikajt qabel, mill-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna li taħdem għal rasha” jiġi konfuż mat-twettiq ta’ attività ta’ persuna li taħdem għal rasha. Lanqas ma jirriżulta mill-kuntest u mill-għan tal-FMLP li l-partijiet kontraenti kellhom l-intenzjoni li jagħtu lil dan il-kunċett tifsira differenti mit-trifsira regolari tiegħu, jiġifieri attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha (20), jiġifieri mwettqa minn persuna mingħajr ebda rabta ta’ subordinazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess (21).

70.      Għalhekk, filwaqt li fi ħdan l-Unjoni, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi kemm l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha u kemm it-twaqqif u l-ġestjoni ta’ impriżi, u dan jiġġustifika li din il-libertà hija kkwalifikata bħala “kunċett tassew wiesa’” (22), id-dritt ta’ stabbiliment, previst fl-Artikoli 1(a) tal-FMLP u 12(1) tal-Anness I tal-Ftehim, jinkludi esklużivament l-aċċess għal attivitajiet ekonomiċi u l-eżerċizzju tagħhom bħala persuna li taħdem għal rasha, jiġifieri attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha.

71.      Madankollu, jien inqis li għalkemm C. Picart, ċittadin Franċiż, jillimita ruħu li jamministra, mit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, l-ishma sostanzjali li huwa għandu fit-titoli ta’ kumpanniji stabbiliti fi Franza, din l-attività ma taqax taħt il-kunċett ta’ “persuna li taħdem għal rasha”, fis-sens tal-Artikoli 1(a) tal-FMLP u 12(1) tal-Anness I ta’ dan il-ftehim.

72.      It-tieni nett, kuntrarjament għall-Artikolu 43 KE u sussegwement għall-Artikolu 49 TFUE, li jipprojbixxu r-“restrizzjonijiet” għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini tal-Istati Membri (23), l-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-FMLP jipprojbixxi biss, fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, id-diskriminazzjoni skont in-nazzjonalità.

73.      Fi ħdan l-Unjoni, il-projbizzjoni ta’ dawn ir-“restrizzjonijiet” għal-libertà ta’ stabbiliment ippermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138, punt 42) li tiddikjara li, minkejja l-kliem tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ din il-libertà, li għandhom l-għan li jiżguraw il-benefiċċju ta’ trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn id-dispożizzjonijiet jopponu wkoll il-fatt li l-Istat Membru tal-oriġini jxekkel l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu (24).

74.      Madankollu, raġunament analogu ma huwiex sostnut fil-kliem tal-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-FMLP. Din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex tiggarantixxi, fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni li jaħdmu għal rashom, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim (25). Dan il-prinċipju jimplika biss li l-persuni li jaħdmu għal rashom huma ggarantiti l-benefiċċju ta’ trattament nazzjonali fil-pajjiż ospitanti, li jinkludi l-projbizzjoni tal-forom evidenti u moħbija ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (26).

75.      Id-dritt ta’ stabbiliment tal-persuni li jaħdmu għal rashom, previst mill-FMLP, għalhekk għandu portata iktar restrittiva mill-projbizzjoni stipulata fl-Artikou 43 KE u li sar l-Artikolu 49 TFUE. Għalhekk isegwi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ppreżentat mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, anki jekk din kienet teżisti qabel id-data tal-iffirmar tal-FMLP, jiġifieri l-21 ta’ Ġunju 1999, fl-opinjoni tiegħi ma tistax tiġi trasposta għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-FMLP.

76.      Għaldaqstant, minħabba d-differenzi bejn l-Artikolu 49 TFUE u l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-FMLP, flimkien mal-Artikolu 12(1) ta’ dan l-anness, din il-projbizzjoni ma tinkludix ir-restrizzjonijiet jew l-ostakoli imposti minn parti kontraenti fir-rigward tad-dritt ta’ stabbiliment ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu.

77.      Ċertament, jien ma nistax ninjora, kif diġà għidt qabel, li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, fis-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C-257/10, EU:C:2011:839), tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121), tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C-241/14, EU:C:2015:766), kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705), li ċittadini ta’ parti kontraenti, fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, jistgħu jibbenefikaw ukoll mid-drittijiet tal-FMLP fir-rigward tal-pajjiż tagħhom stess.

78.      Fis-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C-257/10, EU:C:2011:839, punti 27 sa 34), u tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punt 33), il-Qorti tal-Ġustizzja kkundizzjonat din il-possibbiltà għall-eżistenza ta’ “ċerti ċirkustanzi u skont id-dispożizzjonijiet applikabbli” tal-FMLP.

79.      Filwaqt li rreferiet għal din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tennietx espliċitament din l-ispeċifikazzjoni fis-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C-241/14, EU:C:2015:766, punt 36), u tal-21 ta Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705, punt 40). Madankollu, dan ma jfissirx li hija abbandunatha.

80.      Madankollu, nosserva li l-ebda wieħed minn dawn l-erba’ każijiet ma kien jikkonċerna “persuna li taħdem għal rasha”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP.

81.      Ċertament huwa possibbli li wieħed iqis li s-sitwazzjoni fattwali li minnha rriżultat is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121), li, nixtieq infakkar, kienet tikkonċerna “ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP ma hijiex daqshekk differenti minn dik ta’ persuna li taħdem għal rasha, kif jipprova jsostni C. Picart. Fil-fatt, il-konjuġi Ettwein, it-tnejn kienu ċittadini ta’ Stat Membru (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li kienu jeżerċitaw attività professjonali bħala persuni li jaħdmu għal rashom f’dan l-Istat Membru, imma li kienu ttrasferew ir-residenza tagħhom lejn l-Isvizzera.

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li dawn iċ-ċittadini setgħu jopponu l-Artikoli 13(1) u 15(2) tal-Anness I tal-FMLP, minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw li jagħtuhom vantaġġ fiskali għas-sempliċi raġuni li l-konjuġi Ettwein kienu ttrasferew ir-residenza tagħhom fl-Isvizzera.

83.      Madankollu, kif diġà indikajt, l-approċċ adottat fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121) jista’ jiġi spjegat, fl-opinjoni tiegħi, minħabba l-fatt, spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza, li, kuntrarjament għall-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP li jiddefinixxi li l-“persuni li jaħdmu għal rashom” bħal ċittadini ta’ parti kontraenti li jeżerċitaw attività ta’ persuna li taħdem għal rasha fuq it-territorju ta’ parti kontraenti oħra, id-distinzjoni sostnuta mill-Artikolu 13(1), ta’ dan l-anness issir bejn il-post ta’ residenza, li jinsab fuq it-territorju ta’ parti kontraenti, u l-post fejn isseħħ l-attività bħala persuna li taħdem għal rasha, li jrid ikun fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra, mingħajr ma hija rilevanti ċ-ċittadinanza tal-partijiet interessati.

84.      Madankollu, jekk, għall-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, il-“pajjiż ospitanti”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-FMLP jista’ jiġi konfuż perfettament mal-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-ħaddiema transkonfinali, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121), min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ “persuni li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) ta’ dan l-istess anness, il-pajjiż ospitanti jrid ikun parti kontraenti li l-persuna li taħdem għal rasha ma jkollhiex ċittadinanza tiegħu. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-għoti ta’ permess ta’ residenza ta’ mill-inqas ħames snin sabiex teżerċita din l-attività, li huwa previst ukoll fl-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP, ikun superfluwu.

85.      Fil-qosor, inqis li d-dispożizzjonijiet tal-FMLP rigward id-dritt ta’ stabbiliment tal-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom ikunu interpretati fis-sens li huma ta’ vantaġġ biss għall-persuni fiżiċi li jkunu jixtiequ jeżerċitaw jew li jeżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ parti kontraenti differenti minn dik li huma ċittadini tagħha, territorju fejn huma jkunu jistgħu jgawdu trattament nazzjonali, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet evidenti u mifruxa minħabba ċ-ċittadinanza. B’kunsiderazzjoni tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li C. Picart jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

86.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu, fl-opinjoni tiegħi, li tingħata risposta għat-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

87.      Nixtieq inżid li, fid-dawl tal-kuntest u ċ-ċirkustanzi fl-oriġini tal-kawża prinċipali, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-kwistjoni li ssir taf jekk C. Picart setax, jekk ikun il-każ, jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-FMLP relatati mal-persuni mhux attivi.

88.      Għalhekk, pereżempju, l-Artikolu 6 tal-FMLP jistipula li d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ parti kontraenti għandu jkun iggarantit għal persuni li ma jkunux qegħdin isegwu attività ekonomika skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I li għandu x’jaqsam ma’ persuni mhux attivi. Dawn il-persuni, skont l-Artikolu 24(1) tal-Anness I tal-FMLP, jibbenefikaw minn permess ta’ residenza ta’ mill-inqas ħames snin, sakemm dawn ikollhom, minn naħa, mezzi finanzjarji suffiċjenti biex ma jkollhomx għalfejn jagħmlu użu minn għajnuna soċjali matul ir-residenza tagħhom, u min-naħa l-oħra, assigurazzjoni tal-mard li tkopri r-riskji kollha. Barra minn dan, ir-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċitttadinanza, previst fl-Artikolu 2 tal-FMLP, japplika wkoll għaċ-ċittadini mhux attivi ta’ parti kontraenti li huma residenti legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra.

89.      Madankollu, minbarra li dawn id-dispożizzjonijiet tal-FMLP ma jidhrux li joffru iktar drittijiet minbarra dawk relatati għall-persuni li jaħdmu għal rashom, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, kif spjegajt fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat), fis-sentenza tiegħu tad-29 ta’ April 2013, iddeċieda, fis-sens negattiv, il-kwistjoni dwar jekk C. Picart setax jibbenefika minn dawn id-dispożizzjonijiet relatati għall-persuni mhux attivi fit-tilwima bejn dan tal-aħħar u l-awtoritajiet fiskali Franċiżi. Din is-sentenza tibbenefika mill-awtorità ta’ res judicata. Madankollu, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għandu importanza kbira wkoll fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni bil-għan li tiġi ggarantita kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li twarrab ir-regoli ta’ proċedura interni li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata għal deċiżjoni ta’ qorti, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rrimedjat ksur tad-dritt tal-Unjoni mid-deċiżjoni inkwistjoni, sakemm huma osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (27).

90.      Ċertament, huwa ta’ dispjaċir li, bħala l-qorti tal-aħħar istanza, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) ma adixxiex lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qabel, fil-kuntest tal-kawża li finalment wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ April 2013, b’rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 6 tal-FMLP kif ukoll l-Artikolu 24(1) tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, partikolarment b’kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-espressjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

91.      Minkejja dan, huwa ċar biżżejjed li f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma titlobx l-interpretazzjoni tad-dikjarazzjonijiet imsemmija, minħabba l-effett ikkombinat tal-għoti tas-sentenza tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat) tad-29 ta’ April 2013, minħabba li dan sar awtorità ta’ res judicata, u d-delimitazzjoni tal-kawża prinċipali, ibbażata fuq l-interpretazzjoni tal-dritt ta’ stabbiliment, hekk kif rikonoxxut għall-persuni li jaħdmu għal rashom mill-FMLP.

92.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u wkoll fir-rigward tal-fatt li l-ebda waħda mill-partijiet interessati f’din il-kwistjoni ma ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Ftehim u tal-Artikolu 24(1) tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, jien inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni milli teżamina l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli ex officio. Attitudni opposta, li tikkonsisti fl-għoti ta’ risposta għal domanda intenzjonalment mhux mitluba, twassal sabiex jiġu injorati l-limiti tas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif dan is-suġġett ġie ddefinit mill-qorti tar-rinviju (28).

93.      Għaldaqstant, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju: id-dritt ta’ stabbiliment ta’ persuna li taħdem għal rasha, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 4 tal-FMLP, kif ukoll l-Artikoli 12(1) u 15(1) tal-Anness I tal-FMLP, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika biss għall-vantaġġ ta’ persuna fiżika li tixtieq teżerċita jew li teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ parti kontraenti differenti minn dik li hija ċittadin tagħha, territorju fejn din il-persuna għandha tibbenefika minn trattament nazzjonali, jiġifieri li ma tbati l-ebda miżura diskriminatorja kontriha, evidenti jew moħbija, minħabba ċ-ċittadinanza tagħha. Fir-rigward tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent ma jidhirx li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija tal-FMLP.

94.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix l-analiżi u r-risposta preċedenti, u jekk hi kienet tqis li l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP relatati mad-dritt ta’ stabbiliment tal-persuni li jaħdmu għal rashom kienu jestendu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 KE li sar l-Artikolu 49 TFUE, għal kull xkiel ippreżentat minn parti kontraenti għall-istabbiliment taċ-ċittadini tagħha fuq it-territorju ta’ parti kontraenti oħra, b’mod partikolari abbażi ta’ raġunament li jsegwi dak tas-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138), u tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525), għalhekk hija, fl-opinjoni tiegħi, ikollha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet dwar in-natura proporzjonali ta’ miżura ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat, hekk kif previst fl-Artikolu 167a taċ-CGI, f’każ ta’ trasferiment tad-domiċilju fiskali ta’ kontribwent Franċiż fl-Isvizzera. Ser nindirizza dan il-punt, sussidjarjament, fl-argumenti li jsegwu.

 Sussidjarjament, dwar in-natura proporzjonali ta’ miżura fiskali, bħall-Artikolu 167a taċ-CGI

95.      Kif diġà enfasizzajt, l-Artikolu 167a taċ-CGI, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, kien jistrieħ fuq il-prinċipju ta’ taxxa immedjata fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat meta kontribwent jitlaq minn Franza. Fuq talba tal-kontribwent, din it-taxxa madankollu setgħet tiġi ssostitwita minn ħlas iddifferit sar-realizzazzjoni tal-qligħ kapitali, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, fosthom l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-ammont tal-qligħ kapitali fi żmien stipulat u li jikkostitwixxi garanziji biex jiżgura l-irkupru tat-taxxa.

96.      Huwa stabbilit li, wara li ssodisfa dawn il-kundizzjonijiet waqt it-trasferiment tad-domiċilju fiskali tiegħu, C. Picart ibbenefika minn differiment tal-irkupru tat-taxxa sal-bejgħ tat-titoli tiegħu fl-2005.

97.      Mill-fajl ma jirriżultax biċ-ċar li C. Picart jikkontesta l-mekkaniżmu kollu tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat previst fl-Artikolu 167a taċ-CGI jew sempliċiment il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jibbenefika minn sospensjoni tal-ħlas. Is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525), li tirreferi għaliha il-qorti tar-rinviju fit-tieni u fit-tielet domandi tagħha, li kienu jirrigwardaw dawn iż-żewġ punti, wieħed jista’ jassumi li huwa l-mekkaniżmu kollu previst fl-Artikolu 167a taċ-CGI li huwa ddubitat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP relatati mad-dritt ta’ stabbiliment.

98.      Kif diġà semmejt, fis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 167a taċ-CGI, stabbilit għal finijiet ta’ prevenzjoni ta’ riskju ta’ evażjoni fiskali, kien inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE, u sussegwentement l-Artikolu 49 TFUE).

99.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 167a taċ-CGI kien imur tassew lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, sa fejn dan l-artikolu kien jistrieħ fuq preżunzjoni skont liema kull kontribwent li jittrasferixxi d-domiċilju fiskali tiegħu lejn Stat Membru ieħor kellu l-intenzjoni li jevadi l-liġi fiskali Franċiża (29).

100. Barra minn dan, meta wieħed jeżamina l-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 167a taċ-CGI, jiġifieri l-kundizzjonijiet relattivi għas-sospensjoni tal-ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li din is-sospensjoni ma kinitx awtomatika, iżda li kienet suġġetta għall-issodisfar ta’ kundizzjonijiet stretti, fosthom dik li jiġu kkostitwiti garanziji sabiex jiżguraw l-irkupru tat-taxxi, li huma stess iġibu magħhom restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment. Sa fejn dawn il-kundizzjonijiet kienu maħsuba biex jimplementaw is-sistema ta’ tassazzjoni prevista fl-Artikolu 167a taċ-CGI, li ma setax ikun iġġustifikat mill-għan ta’ prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, dan l-għan ma setax jibqa’ jiġi invokat insostenn tal-imsemmija kundizzjonijiet (30).

101. Fis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525, punti 49 sa 51), li, infakkar, kienet tirrigwarda l-applikazzjoni tas-sistema tal-“exit tax” Olandiża għal persuna fiżika oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, innotat li l-obbligu tad-dikjarazzjoni fiskali, meħtieġa fil-mument tat-trasferiment tad-domiċilju fiskali, kien proporzjonali għar-rigward tal-għan ta’ tqassim tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri, filwaqt li hija kkonfermat, min-naħa l-oħra, li l-obbligu li wieħed jikkostitwixxi garanziji, meħtieġa għall-għoti ta’ sospensjoni mill-ħlas tat-taxxa normalment dovuta immedjatament mal-ħruġ mit-territorju, kien sproporzjonat.

102. F’dan l-istadju tar-raġunament, huwa tajjeb li nkunu nafu jekk il-motivi ta’ dawn is-sentenzi relatati mal-proporzjonalità tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat, inkluż il-kundizzjonijiet relatati mad-differiment tal-ħlas, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP.

103. Mill-Artikolu 16(2) tal-FMLP, jirriżulta li sa fejn l-applikazzjoni tal-FMLP timplika kunċetti tad-dritt Komunitarju, tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiġi qabel id-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim, jiġifieri qabel il-21 ta’ Ġunju 1999. Dan l-istess artikolu jippreċiża li l-ġurisprudenza li tiġi wara din id-data ser tiġi kkomunikata lill-Konfederazzjoni Svizzera u li, sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-kumitat konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza.

104. Ir-riferiment għall-espressjoni “kunċetti tad-dritt Komunitarju”, li jidher li qed jaġixxi bħala limitazzjoni sostantiva tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-limitazzjoni marbuta maż-żmien tad-data tal-iffirmar tal-FMLP, huwa relattivament vag.

105. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li, minn din l-espressjoni jirriżulta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi “kunċett ta’ dritt tal-Unjoni (31).

106. Hija tikkonkludi li, biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament possibbli bejn il-kontribwenti tal-partijiet kontraenti fil-kuntest tal-FMLP, wieħed għandu jirreferi għall-prinċipji li rriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki qabel il-21 ta’ Ġunju 1999, u kkonfermata sussegwentement, dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-kontribwenti u l-ġustifikazzjoni ta’ differenza possibbli fit-trattament abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm din id-differenza fit-trattament tkun stabbilita proprju sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-għan segwit u din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (32).

107. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretat fil-kuntest tal-libertajiet tal-moviment iggarantiti fi ħdan l-Unjoni, għalhekk ukoll huwa kunċett ta’ dritt ta’ din tal-aħħar. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, qabel il-21 ta’ Ġunju 1999 u kkonfermata wara din id-data, li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju għalhekk trid tkun rilevanti wkoll għal dik tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP.

108. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tal-FMLP diġà hemm lok li wieħed jispira ruħu mis-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138), u tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525) għall-interpretazzjoni tad-dritt ta’ stabbiliment iggarantit lill-persuni li jaħdmu għal rashom mill-FMLP, din, bħala prinċipju, għandha tqis il-ġurisprudenza li tmur lil hinn minn dawn is-sentenzi, anki wara l-21 ta’ Ġunju 1999 u li tinterpreta l-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

109. Madankollu, dan ir-raġunament xorta waħda jippreżenta diffikultajiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għas-sistemi ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat “mal-ħruġ”.

110. Fil-kuntest tal-ġurisprudenza ta’ wara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138), u tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li timponi l-irkupru immedjat tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat relattiv għall-elementi ta’ patrimonju ta’ kumpannija li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, fil-mument tal-imsemmi trasferiment, kienet sproporzjonata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien inqas detrimentali għal-libertà ta’ stabbiliment li l-persuna taxxabbli tingħata l-għażla bejn, minn naħa, il-ħlas immedjat ta’ din it-taxxa, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas iddifferit tal-ammont tal-imsemmija taxxa, flimkien mal-interessi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jekk meħtieġ (33).

111. Fil-kuntest tal-eżerċizzju tat-tieni għażla, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 74) li kien permissibbli li l-Istat Membru kkonċernat jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ nuqqas ta’ rkupru tat-taxxa, li jiżdied iktar kemm jgħaddi ż-żmien, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li tapplika għad-differiment tal-ħlas tad-djun fiskali, permezz ta’ miżuri bħalma hija l-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja (34).

112. F’konklużjonijiet preċedenti, jien staqsejt lili nnifsi dwar ir-rabta bejn l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 74 tas-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785) u s-siltiet tas-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138), u tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525), li jikkonstataw li l-obbligu li għandu l-kontribwent li jipprovdi garanzija bankarja sabiex jibbenefika mill-ħlas iddifferit tat-taxxa kien sproporzjonat (35).

113. Għalhekk jien kont issuġġerejt li, sabiex titħares il-koerenza ta’ dawn is-sentenzi, jaqbel li wieħed jinterpreta b’mod strett ir-rekwiżit tal-preżentazzjoni ta’ garanzija bankarja li jista’ jinkludi l-għażla tal-irkupru ddifferit tad-dejn fiskali. F’dan ir-rigward, jien kont qist li tali garanzija setgħet tintalab biss jekk jeżisti riskju reali u serju li l-kreditu fiskali ma jiġix irkuprat (36).

114. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet konxja dwar dan it-tħassib u din il-proposta fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Jannar 2014, DMC (C-164/12, EU:C:2014:20). Fil-fatt, wara li fakkret is-siltiet rilevanti tat-tliet sentenzi ta’ hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li “[l-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ garanziji] ma jistax jintalab bħala prinċipju mingħajr evalwazzjoni minn qabel tar-riskju ta’ nuqqas ta’ rkupru”, billi ppreċiżat, fil-punt 69 tas-sentenza msemmija, li r-riskju kellu jkun “reali”.

115. Iktar reċentement, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-503/14, EU:C:2016:979, punti 53 sa 56), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji ddikjarati fis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785), setgħu jiġu trasposti fil-kuntest tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat tal-persuni fiżiċi. Għalhekk hija fakkret il-punti 73 u 74 ta’ din l-aħħar sentenza (37), filwaqt li ħalliet barra kull riferiment għall-approċċ, fl-opinjoni tiegħi inqas ċar, li jirriżulta mill-punti 67 u 69 tas-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, DMC (C-164/12, EU:C:2014:20) fir-rigward tal-proporzjonalità tar-rekwiżit tal-għoti ta’ garanzija bankarja li tippermetti li jiġi żgurat l-irkupru ddifferit tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat.

116. Din l-analiżi qasira turi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda n-natura proporzjonali tal-mekkaniżmi ta’ taxxa “mal-ħruġ” tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat bejn l-Istati Membri ġiet żviluppata f’dawn l-aħħar snin, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq linja ġurisprudenzjali kostanti, li kienet ġiet applikata qabel id-data tal-iffirmar tal-FMLP. Din il-ġurisprudenza, wara l-21 ta’ Ġunju 1999, għandha, fil-fehma tiegħi, ħafna inkonsistenzi minħabba li dan jinvolvi l-kwistjoni li wieħed jaċċetta jew le l-possibbiltà għal Stat Membru li jirrikjedi li kontribwent jipprovdi garanzija bankarja meta dan il-kontribwent jagħżel il-ħlas iddifferit tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat.

117. Għaldaqstant huwa diffiċli li wieħed jgħid li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-proporzjonalità tal-mekkaniżmi ta’ tassazzjoni “mal-ħruġ” tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat tikkonferma jew tikkonsolida ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, preċedenti għall-21 ta’ Ġunju 1999, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP dwar id-dritt ta’ stabbiliment tal-persuni li jaħdmu għal rashom.

118. Jekk ikun hemm dubju, jaqbel, fil-fehma tiegħi, li wieħed iqis ir-rieda tal-partijiet kontraenti li ma jestendux fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata wara l-21 ta’ Ġunju 1999, mingħajr ma l-kumitat konġunt, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-FMLP, ma jkun “iddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza”.

119. Ċertament, il-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 167a taċ-CGI ma joffrix dritt ta’ għażla bejn l-irkupru immedjat tat-taxxa u l-ħlas iddifferit. Skont is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 73) u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-503/14, EU:C:2016:979, punti 58 u 59), dan il-mekkaniżmu għandu jitqies bħala sproporzjonat.

120. Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa diffiċli li wieħed jaħseb li, jekk jiġi preżunt li dan il-mekkaniżmu kien joffri din l-għażla, C. Picart kien għażel, partikolarment fir-rigward tal-valur tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat inkwistjoni u tal-ammont tat-taxxa mitluba, li jiġi ntaxxat immedjatament mat-trasferiment tad-domiċilju fiskali tiegħu lejn l-Isvizzera. Huwa iktar possibbli li huwa għażel is-sospensjoni tal-ħlas sar-realizzazzjoni tal-qligħ kapitali, kif fil-fatt offrewlu l-awtoritajiet fiskali Franċiżi, fuq talba tiegħu, fuq il-bażi tal-possibbiltà offruta mill-Artikolu 167a taċ-CGI.

121. Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-obbligu li tingħata garanzija biex wieħed jibbenefika minn tali sospensjoni tal-ħlas, hekk kif għadni kif indikajt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix soluzzjoni ċara, inkluż fl-ipoteżi (quod non) fejn is-sitwazzjoni ta’ C. Picart taqa’ esklużivament taħt l-Artikolu 49 TFUE.

122. Huwa b’hekk li tali rekwiżit jidher li huwa sproporzjonat li kieku ġiet segwita l-loġika tas-sentenzi de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138), N (C-470/04, EU:C:2006:525) u DMC (C-164/12, EU:C:2014:20). Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għalkemm C. Picart kien ittrasferixxa d-domiċilju tiegħu fl-Isvizzera f’Ġunju 2002, huwa żamm biżżejjed ishma u elementi patrimonjali fi Franza fosthom, b’mod partikolari, il-kumpanniji li fihom huwa kellu ishma sostanzjali fil-kapital azzjonarju biex l-awtoritajiet fiskali Franziżi jkunu jistgħu, fl-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn naħa ta’ dan il-kontribwent, jadottaw miżuri kawtelatorji sabiex jitħares l-irkupru tad-dejn fiskali. Ir-riskju ta’ nuqqas ta’ rkupru tad-dejn fiskali għalhekk ma kienx jidher reali, fis-sens tas-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, DMC (C-164/12, EU:C:2014:20, punt 69).

123. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li għandu l-kontribwent li jagħti garanzija biex jibbenefika minn irkupru ddiferit tat-taxxa jidher li jkun sproporzjonat jekk wieħed isegwi r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 73), ikkonfermat iktar reċentement fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-503/14, EU:C:2016:979, punt 59).

124. Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tal-ġurisprudenza inekwivoka tal-Qorti tal-Ġustizzja analizzata preċedentement fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat “mal-ħruġ” kif ukoll ir-rieda tal-partijiet kontraenti, hekk kif hija ddikjarata fit-tielet sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-FMLP, jien għalhekk inqis, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis li dawn id-dispożizzjonijiet tal-FMLP relatati mad-dritt ta’ stabbiliment ta’ persuni li jaħdmu għal rashom ma jipprekludux miżura fiskali bħal dik prevista fl-Artikolu 167a taċ-CGI.

 Konklużjoni

125. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru f’dawn il-konklużjonijiet, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza):

Il-dritt ta’ stabbiliment ta’ persuna li taħdem għal rasha, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 4 tal-Fteihm bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (FMLP), iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 kif ukoll mill-Artikoli 12(1) u 15(1) tal-Anness ta’ dan il-ftehim, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jestendi biss għall-vantaġġ ta’ persuna fiżika li tkun tixtieq teżerċita jew li teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ parti kontraenti differenti minn dik li hija ċittadina tagħha, territorju fejn din il-persuna tista’ tibbenefika minn trattament nazzjonali, jiġifieri l-projbizzjoni, fir-rigward tagħha, ta’ kull miżura diskriminatorja, evidenti jew moħbija, minħabba n-nazzjonalità tagħha. Fir-rigward tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jidhirx li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-ftehim.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2009, L 353, p. 71.


3      Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138, punti 50 sa 68). Ta’ min jinnota li l-objettiv intiż li jxekkel it-tnaqqis fiskali tal-bażi ta’ impożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ippreżentat mill-Gvern Daniż, ma tqiesx bħala li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.


4      Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138, punt 69 u d-dispożittiv).


5      Huwa evidenti, kif tqis espliċitament fil-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 43 KE (jew issa l-Artikolu 49 TFUE) ma jistax jiġi applikat direttament u għaldaqstant għar-relazzjonijiet bejn Stat Membru tal-Unjoni u Stat terz, fosthom, partikolarment, il-Konfederazzjoni Svizzera: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser (C-70/09, EU:C:2010:430, punti 25 u 26).


6      Ara l-Conseil d’État (kunsill tal-istat), sentenza tad-29 ta’ April 2013, C. Picart, Nru 357576. Għal kummentarju, fost l-oħrajn, dwar din is-sentenza, ara: Le Mentec, F., “Exit tax (rég.anc.) et transfert du domicile fiscal en Suisse”, Revue de droit fiscal, Nru 27, 4 ta’ Lulju 2013, kummentarju 361.


7      Korsiv miżjud minni.


8      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331.


9      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser (C-70/09, EU:C:2010:430, punt 36) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 94).


10      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C-241/14, EU:C:2015:766, punt 40) u tal-21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705, punt 36).


11      Ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 21(2) tal-FMLP, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705, punti 45 u 48).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punt 33), tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C-241/14, EU:C:2015:766, punt 36) kif ukoll tal-21 ta’ Settemrbu 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705, punt 40).


13      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 21), tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C-80/94, EU:C:1995:271, punt 16) kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C-264/96, EU:C:1998:370, punt 19).


14      Parti kbira tad-duttrina tidher ukoll li hija tal-istess opinjoni: ara, b’mod partikolari, Hinny, P., “Das Diskriminierungsverbot des Personenverkehrsabkommens im Schweizer Steuerrecht”, IFF Forum für Steuerrecht, 2004, p. 185, Cadosch, R.M., “Switzerland: Taxation of Employment Income – Compliance of Swiss Tax Law with EC-Swiss Sectoral Agreement on Free Movement of Persons”, Intertax, 2004, p. 599, Borghi, A., “La Libre Circulation des personnes entre la Suisse et l’UE, commentaire article par article de l’accord du 21 juin 1999”, Edis, Genève, 2010, p. 373 u Moshek, V., “L’impact de l’ALCP sur l’impôt à la source Analyse à la lumière de l’arrêt du Tribunal fédéral du 26 janvier 2010”, “Archiv für schweizerisches Abgaberecht”, 79, 2010-2011, p. 324.


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C-351/08, EU:C:2009:697, punti 27 u 29) u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, EU:C:2010:74, punt 28).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C-351/08, EU:C:2009:697, punt 36) u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, EU:C:2010:74, punt 31). L-esklużjoni ta’ entitajiet legali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ stabbiliment iggarantit mill-FMLP ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 37 u 39 tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C-351/08, EU:C:2009:697).


17      F’din il-kawża, l-ebda element tal-fajl ma jissuġġerixxi li C. Picart seta’ jikkwalifika bħala “ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP.


18      Sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punt 35). Korsiv miżjud minni.


19      Korsiv miżjud minni.


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser (C-13/08, EU:C:2008:774, punt 33) u tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punt 36).


21      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et (C-268/99, EU:C:2001:616, punti 34, 37 u 38). Din is-sentenza tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, EU:C:1996:251, punti 25 u 26).


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, EU:C:2006:525, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Infakkar li għandhom jitqiesu li huma restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment dawk il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, EU:C:1995:411, punt 37) u tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/10, EU:C:2012:521, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata)].


24      Ara, għall-ġurisprudenza preċedenti, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456, punt 16) u tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C-264/96, EU:C:1998:370, punt 21).


25      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punti 41 sa 43).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel (C-506/10, EU:C:2011:643, punt 26).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Settmbru 2009, Fallimento Olimpiclub (C-2/08, EU:C:2009:506, punti 23 u 24) u tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C-505/14, EU:C:2015:742, punti 39 u 40).


28      Għalhekk din is-sitwazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, simili għal dik fejn qorti tar-rinviju tirrifjuta, b’mod impliċitu jew espliċitu, fil-kuntest tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li tressaq domanda addizzjonali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, huwa eżattament f’sitwazzjoni bħal din li l-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni milli tapplika l-ġurisprudenza tagħha li tikkonsisti fir-riformulazzjoni tad-domandi preliminari, sabiex tipprovdi risposta utli għall-qorti tar-rinviju: ara, dwar din il-kwistjoni, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-1 ta’ April 2014 fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C-83/13, EU:C:2014:201, punti 13 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138, punti 52 sa 54).


30      Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, EU:C:2004:138, punti 55 sa 57).


31      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel (C-506/10, EU:C:2011:643, punt 26) u tal-21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705, punt 47).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C-478/15, EU:C:2016:705, punti 46 u 47). Il-punt 46 ta’ din is-sentenza jirreferi għas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, EU:C:1993:125, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll għas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C-325/08, EU:C:2010:143, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punti 73 u 85), tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/10, EU:C:2012:521, punti 31 u 32), tat-23 ta’ Jannar 2014, DMC (C-164/12, EU:C:2014:20, punt 61), kif ukoll tas-16 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-591/13, EU:C:2015:230, punt 67).


34      Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, DMC (C-164/12, EU:C:2014:20, punt 65).


35      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/10, EU:C:2012:391, punti 78 sa 82).


36      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/10, EU:C:2012:391, punti 81 u 82).


37      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-503/14, EU:C:2016:979, punti 58 sa 60).