Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

18.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 437/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-28 ta’ Settembru 2017 – Sofina SA, Rebelco SA, Sidro SA vs Ministre de l’Action et des Comptes publics

(Kawża C-575/17)

(2017/C 437/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sofina SA, Rebelco SA, Sidro SA

Konvenut: Ministre de l’Action et des Comptes publics

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 56 u 58 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li saru l-Artikoli 63 u 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iżvantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf, filwaqt li l-kumpanniji residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf huma ntaxxati fuq l-ammont tad-dividendi li huma jirċievu biss fis-sena li fiha, jekk ikun il-każ, huma jibdew jagħmlu profitt, jikkostitwixxi fih innifsu differenza fit-trattament li tikkaratterizza restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital?

2)

Ir-restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital imsemmija fid-domanda preċedenti tista’ titqies, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 56 u 58 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li saru l-Artikoli 63 u 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa, peress li l-kumpanniji mhux residenti ma humiex suġġetti għall-kontroll tal-awtorità tat-taxxa Franċiża, jew anki mill-ħtieġa li jiġi ppreżervat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri?

3)

Fil-każ li l-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn ikkontestata tista’, bħala prinċipju, tiġi aċċettata fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital:

dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf ta’ Stat Membru ieħor meta din il-kumpannija tal-aħħar ittemm l-attività tagħha mingħajr ma tkun bdiet tagħmel profitt, filwaqt li kumpannija residenti mqiegħda f’din is-sitwazzjoni ma hijiex effettivament intaxxata fuq l-ammont ta’ dawn id-dividendi?

dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta regoli ta’ tassazzjoni jittrattaw b’mod differenti d-dividendi skont jekk dawn jitħallsux lill-kumpanniji residenti jew lill-kumpanniji mhux residenti, għandu jiġi pparagunat il-piż fiskali effettiv sostnut minn kull waħda minnhom fir-rigward ta’ dawn id-dividendi, sabiex b’hekk restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li tirriżulta mill-fatt li dawn ir-regoli jeskludu, għall-kumpanniji mhux residenti biss, it-tnaqqis tal-ispejjeż li huma marbuta direttament mal-ġbir, fih innifsu, tad-dividendi, tista’ titqies li hija ġġustifikata mid-differenza fir-rata bejn it-taxxa tad-dritt komuni imposta, f’sena sussegwenti, fuq il-kumpanniji residenti u t-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti, meta din id-differenza tikkumpensa, fir-rigward tal-ammont tat-taxxa mħallas, id-differenza fil-bażi tat-taxxa?