Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Avviż Legali Importanti

|

62003J0512



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-512/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Diċembru 2003, fil-proċedura

J. E. J. Blanckaert

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Particulieren/Ondernemingen buitenland te Heerlen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tar-Raba' Awla, li jaqdi l-funzjoni ta' President ta' l-Ewwel Awla, N. Colneric, K. Schiemann, E. Juhász u M. Ilei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Marzu 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għas-Sur Blanckaert, minn P. J. M. de Graaf, adviseur,

- għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

- għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann u W.-D. Plessing, bħala aġenti,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta dwar jekk id-dritt komunitarju jipprekludix jew le leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva biss għal dawk li huma affiljati ma' l-iskema nazzjonali ta' sigurtà soċjali l-possibbiltà li jibbenefikaw minn riduzzjonijiet fit-taxxa minħabba l-assigurazzjonijiet soċjali meta r-riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet mogħtija fil-kuntest ta' l-imsemmija skema ma setgħux jiġu koperti mill-kontribuzzjonijiet soċjali dovuti.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kontroversja bejn is-Sur Blanckaert u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Particulieren/Ondernemingen buitenland te Heerlen dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jikkonċedilu riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3. L-Artikolu 56(1) KE jistipola li:

"Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f'dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita."

4. L-Artikolu 58(1) KE jipprovdi li:

"Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 56 m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta' l-Istati Membri:

a) li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta' residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

b) li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali [...]"

5. L-Artikolu 58(3) KE jiddisponi li:

"Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta' kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56."

6. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU L 149, p. 2), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1606/98 tal-Kunsill, tal-29 ta' Ġunju 1998 (ĠU L 209, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71"), jipprovdi li persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed biss.

7. Skond l-Artikolu 13(2)(a) u (b) ta' l-imsemmi Regolament, persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fit-territorju ta' Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat, saħansitra jekk hija tirrisjedi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjonijiet soċjali

8. L-assigurazzjonijiet soċjali in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma dawk irregolati mil-liġi fuq l-assigurazzjoni ta' l-anzjanità (Algemene Ouderdomswet), il-liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali tar-romol (Algemene Nabestaandenwet) u l-liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali ta' spejjez mediċi speċjali (Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten). Skond id-dispożizzjonijiet ta' dawn it-tliet liġijiet ta' assigurazzjoni soċjali, persuni li jirrisjedu fl-Olanda kif ukoll persuni li ma jirrisjedux hemm iżda li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul hemmhekk minħabba li huma impjegati f'dan l-Istat Membru, huma kkunsidrati bħala affiljati.

9. L-Artikolu 12(1) tad-Digriet fuq l-estensjoni u l-limitazzjoni taċ-ċirku ta' l-affiljati f'assigurazzjonijiet soċjali (Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen) ta' l-24 ta' Diċembru 1998, jipprovdi madankollu li l-persuni li jirrisjedu fl-Olanda u li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor huma affiljati ma' l-iskema ta' sigurtà soċjali ta' dan l-aħħar Stat.

10. Skond l-Artikolu 6 tal-liġi dwar l-iffinanzjar tas-sigurtà soċjali (Wet financiering volksverzekeringen, iktar 'il quddiem il-"WFV"), il-persuna affiljata hija responsabbli sabiex tħallas kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali.

11. L-Artikolu 8 tal-WFV jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet huma ddeterminati skond id-dħul taxxabbli li jiġi mix-xogħol u minn residenza tal-persuna affiljata. Il-kontribuzzjonijiet dovuti jirrappreżentaw perċentwali ta' dan id-dħul. Madankollu, is-somma hekk miġbura hija ridotta, skond l-Artikolu 10 ta' l-imsemmija liġi, bir-riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali differenti msemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 8 ta' din is-sentenza (iktar 'il quddiem ir-"riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali").

Il-leġiżlazzjoni fiskali

12. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2.1 tal-liġi ta' l-2001 dwar it-taxxa fuq id-dħul (Wet op de inkomstenbelasting 2001, iktar 'il quddiem il-"liġi IB"), il-persuni soġġetti għat-taxxa fuq id-dħul huma l-persuni fiżiċi li jirrisjedu fl-Olanda (persuni soġġetti għat-taxxa li huma residenti) u dawk li ma jirrisjedux f'dan l-Istat Membru iżda li jirċievu dħul hemmhekk (persuni soġġetti għat-taxxa li mhumiex residenti).

13. L-Artikolu 2.3 tal-liġi IB jipprovdi li t-taxxa fuq id-dħul tapplika għas-segwenti dħul riċevut mill-kontributuri matul is-sena kalendarja:

a) id-dħul taxabbli minn xogħol jew minn residenza;

b) id-dħul taxabbli li jirriżulta minn sehem sinifikanti, u

c) id-dħul taxabbli li jiġi mit-tifdil u minn investimenti.

14. Skond l-Artikolu 5.2 tal-liġi IB, id-dħul li jiġi mit-tifdil u minn investimenti huwa stabbilit bil-liġi għal 4 % tal-medja tal-valur tal-beni li minnu jiġi mnaqqas skond il-valur tad-dejn fil-bidu u fit-tmiem tas-sena kalendarja, fejn din il-medja hija għola mill-kapital li huwa eżentat mit-taxxa. Meta seħħew il-fatti, dan kien ta' 17 600 EUR u huwa għandu bħala għan li jeżenta lil dawk li għandhom somom żgħar ta' flus imfaddla mit-taxxa fuq id-dħul li jirriżulta mit-tifdil u mill-investimenti.

15. It-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali huma miġbura mis-servizzi fiskali Olandiżi.

16. Il-persuni suġġetti għat-taxxa li huma residenti jibbenefikaw mill-vantaġġ li jirrigwarda l-kapital eżentat mit-taxxa u minn diversi riduzzjonijiet ta' taxxa taħt it-taxxa fuq id-dħul. Jekk huma jkunu affiljati ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali, huma jistgħu jitolbu wkoll ir-riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali.

17. L-Artikolu 2.7(2) tal-liġi IB jipprovdi li, jekk il-persuna suġġetta għat-taxxa hija suġġetta għall-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali u jekk ir-riduzzjonijiet f'dawn il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jiġu kompletament kkumpensati permezz tal-kontribuzzjonijiet dovuti, l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul huwa mnaqqas sa l-ammont ta' dik il-parti li ma tistax titnaqqas. Ir-riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali jistgħu għaldaqstant ukoll jinbidlu f'riduzzjonijiet fit-taxxa.

18. Il-persuni suġġetti għat-taxxa li mhumiex residenti m'għandhom dritt la għal kapital eżentat mit-taxxa u lanqas għar-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt it-taxxa fuq id-dħul. Huma jibbenefikaw minn riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali biss jekk huma affiljati ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali.

19. Il-persuni suġġetti għat-taxxa li mhumiex residenti u li għandhom, fl-Olanda, dħul li jiġi unikament mit-tifdil u mill-investimenti, mhumiex affiljati ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali u, kuntrarjament għall-persuni suġġetti għat-taxxa li huma residenti u li għandhom dan l-istess dħul, huma ma jistgħux jibbenefikaw mir-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali.

20. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 2.5 tal-liġi IB, il-persuni suġġetti għat-taxxa li mhumiex residenti jistgħu jagħżlu li jiġu assimilati ma' dawk li huma residenti. L-użu ta' din l-għażla jfisser, min-naħa, li dawn il-persuni suġġetti għat-taxxa jibbenefikaw mill-kapital eżenti mit-taxxa u mir-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt it-taxxa fuq id-dħul, mingħajr ma jistgħu madankollu jitolbu riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali jekk fl-Olanda huma jirċievu biss dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti u, min-naħa l-oħra, li huma suġġetti għat-taxxa fl-Olanda fuq id-dħul globali tagħhom.

Il-ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja

21. L-Artikolu 25(3) tal-ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja konkluż fid-19 ta' Ottubru 1970 bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda (Tractatenblad 1970, p. 192), jipprovdi f'termini ġenerali li "il-persuni fiżiċi li jirrisjedu f'wieħed mill-Istati jibbenefikaw fl-Istat l-ieħor minn tnaqqis personali, abbonijiet u riduzzjonijiet li jingħataw minn dan l-Istat l-ieħor lir-residenti tiegħu stess minħabba s-sitwazzjoni tagħhom jew id-dipendenti tal-familja tagħhom".

22. Id-Digriet tas-Segretarju ta' l-Istat għall-Finanzi tal-21 ta' Frar 2002 jiddisponi li jiġu meħuda in kunsiderazzjoni l-kapital eżentat mit-taxxa u r-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt it-taxxa fuq id-dħul meta tiġi kkalkulata t-taxxa dovuta fuq id-dħul mit-tifdil u minn investimenti ta' persuni li huma suġġetti għat-taxxa li mhumiex residenti iżda li jgħixu fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, ma tingħata ebda riduzzjoni taħt l-assigurazzjonijiet soċjali lil dawn il-persuni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23. Is-Sur Blanckaert huwa ċittadin Belġjan li jirrisjedi fil-Belġju. Flimkien mal-mara tiegħu, huwa s-sid ta' dar tal-villeġġatura fl-Olanda. Din id-dar hija sors ta' dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti fis-sens ta' l-Artikolu 2.3 tal-liġi IB.

24. Is-Sur Blanckaert jirċievi inqas minn 90 % mid-dħul tiegħu fl-Olanda. L-uniku dħul li jirċievi hemm u li huwa taxxabbli huwa d-dħul mid-dar tiegħu tal-villeġġjatura. Huwa ma għażilx li jiġi assimilat ma' persuna suġġetta għat-taxxa li hija residenti, fis-sens ta' l-Artikolu 2.5 tal-liġi IB.

25. Huwa mhuwiex affiljat ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali u, għalhekk, m'għandux iħallas fl-Olanda l-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali.

26. Għas-sena 2001, is-Sur Blanckaert ġie intaxxat taħt it-taxxa fuq id-dħul mill-awtoritajiet fiskali Olandiżi minħabba d-dħul taxxabbli tiegħu li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti. B'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja tad-19 ta' Ottubru 1970, meta tfassal l-avviż tat-taxxa, il-kapital eżentat mit-taxxa u r-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt it-taxxa fuq id-dħul ittieħdu in kunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma ngħatalu ebda riduzzjoni fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali.

27. Is-Sur Blanckaert ippreżenta lment kontra l-avviż tat-taxxa għas-sena 2001 quddiem il-konvenut fil-kawża prinċipali. Peress li dan l-ilment ġie miċħud, is-Sur Blanckaert ressaq rikors kontra din id-deċiżjoni ta' ċaħda quddiem il-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch.

28. Peress li kkunsidrat li t-Trattat KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtux risposta ċara għad-domandi mqajma mill-kontroversja li kellha quddiemha, il-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1) Persuna li hija suġġetta għat-taxxa li mhijiex residenti u li għandha d-domiċilju tagħha fi Stat Membru ieħor u li ma tirċivix dħul minn xogħol fl-Olanda iżda biss dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti, u li konsegwentement m'għandhiex tħallas kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi, għandha dritt, abbażi tad-dritt komunitarju, li meta jiġi stabbilit li d-dħul taxxabbli tagħha jiġi mit-tifdil u mill-investimenti, jingħatawlha riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali (ir-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjoni ġenerali ta' l-anzjanità, l-assigurazzjoni tar-romol u l-assigurazzjoni ġenerali dwar l-ispejjez mediċi speċjali) mill-Olanda, jekk, meta jiġi stabbilit li d-dħul taxxabbli tagħha jiġi mit-tifdil u mill-investimenti, persuna suġġetta għat-taxxa li hija residenti għandha dritt għal dawn ir-riduzzjonijiet fit-taxxa, minħabba li hija affiljata ma' l-iskema ta' l-assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi u għalhekk għandha tħallas kontribuzzjonijiet soċjali, anki jekk ma tirċivix dħul minn xogħol fl-Olanda iżda biss dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti u li, għal din ir-raġuni, hija ma tħallasx kontribuzzjonijiet soċjali lill-iskema ta' l-assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi?

2) Fil-kuntest tat-tweġiba għall-ewwel domanda, huwa rilevanti li l-persuna suġġetta għat-taxxa li mhijiex residenti tirċievi inqas minn 90 % tad-dħul tal-familja fl-Olanda? B'mod iktar speċifiku:

a) It-test Schumacker [sentenza ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C 279/93, Ġabra p. I-225] għall-persuni residenti u għall-persuni li mhumiex residenti japplika biss għall-aspetti fiskali suġġettivi jew personali, bħalma huwa d-dritt li jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-familja jew mal-persuna, jew inkella japplika wkoll għall-aspetti fiskali oġġettivi jew li mhumiex personali, bħalma hija r-rata ta' tassazzjoni?

b) Sabiex jiġi deċiż jekk il-persuni li mhumiex residenti għandhomx jiġu trattati bħar-residenti, jistgħu l-Istati Membri jużaw regola kwantitattiva (bħalma hija r-regola tad-90 %) minkejja l-fatt li din ir-regola ma tistax tiggarantixxi li kull forma ta' diskriminazzjoni tiġi eliminata?

3) Is-sistema ta' għażla kif stipulata fl-Artikolu 2.5 tal-liġi IB tikkostitwixxi rimedju proċedurali effettiv li jippermetti li jkun iggarantit li l-persuna kkonċernata tista' tagħmel użu mid-drittijiet garantiti fil-konfront tagħha mit-Trattat KE u li jeskludu kull forma ta' diskriminazzjoni?

F'każ li t-tweġiba għal din id-domanda hija fl-affermattiv, din is-sistema tikkostitwixxi wkoll rimedju suffiċjenti meta l-persuna kkonċernata tirċievi biss dħul li jigi mit-tifdil tiegħu u mill-investimenti tiegħu meta [...] is-sistema ta' għażla ma tagħtih ebda vantaġġ?"

Fuq id-domandi preliminari

29. Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jsemmu ebda dispożizzjoni speċifika tad-dritt komunitarju. Huma jagħmlu referenza għad-"dritt komunitarju" in ġenerali kif ukoll għad-"drittijiet garantiti fil-konfront tiegħu [...] mit-Trattat KE".

30. Madankollu, minn dawn id-domandi, moqrija flimkien mal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li huma jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 56 KE u 58 KE. Fil-fatt, fl-imsemmija motivi, il-qorti tar-rinviju tfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet "jipprojbixxu kull restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u jinkludu projbizzjoni tar-restrizzjonijiet diskriminatorji". Din il-qorti tenfasizza li l-investiment fi proprjetà immobbli magħmul mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista' jaqa' fil-qasam ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ewwel domanda

31. Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment titlob jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix il-benefiċċju ta' riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali lil persuna li tirrisjedi fil-Belġju, li mhijiex affiljata ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali u li d-dħul intaxxabbli tagħha fl-Olanda jiġi biss mit-tifdil u mill-investimenti, filwaqt li persuna li tirrisjedi f'dan l-aħħar Stat Membru, li hija affiljata ma' l-imsemmija skema u li tirċievi l-istess tip ta' dħul, tibbenefika minn dawn ir-riduzzjonijiet anki meta, fin-nuqqas ta' dħul li jiġi minn xogħol jew minn residenza, hija ma tħallasx kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali.

32. Is-Sur Blanckaert isostni li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal differenza fit-trattament li mhijiex ġustifikabbli bejn il-persuni li huma residenti u dawk li mhumiex. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta' persuna li tirrisjedi fl-Olanda li tirċievi biss dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti u li ma tħallasx kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali tista' tiġi pparagunata ma' dik ta' persuna li mhijiex residenti li fl-Olanda tirċievi wkoll dħul li jiġi biss mit-tifdil u mill-investimenti u li wkoll ma tħallasx kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali.

33. Il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-benefiċċju li minnu jibbenefikaw l-persuni li huma residenti jirriżulta mil-liġi dwar is-sigurtà soċjali. Huma jsostnu li hemm differenza oġġettiva bejn, min-naħa, is-sitwazzjoni ta' persuna suġġetta għat-taxxa li mhijiex residenti u li d-dħul tagħha jiġi esklussivament mit-tifdil u mill-investimenti, bħal dik tas-Sur Blanckaert, li mhuwiex affiljat ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali u li għaldaqstant m'għandux iħallas kontribuzzjonijiet dovuti taħt din l-iskema u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta' persuna suġġetta għat-taxxa li hija residenti u li għandha l-istess tip ta' dħul, li hija affiljata ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali u, għalhekk, bħala prinċipju, għandha tħallas kontribuzzjonijiet bħal dawn. Din id-differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet tiġġustifika d-differenza fit-trattament ta' dawn iż-żewġ kategoriji ta' kontributuri.

34. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-Sur Blanckaert, li jirrisjedi fil-Belġju, għamel investiment f'immobbli fl-Olanda. Skond l-Artikoli 2.3 u 5.2 tal-liġi IB, l-investiment irendilu dħul fittizju li huwa intaxxat fl-Olanda bħala dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti.

35. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-moviment tal-kapitali fis-sens ta' l-Artikolu 56 KE jinkludi l-operazzjonijiet li bihom persuni li mhumiex residenti jidħlu għal investimenti f'immobbli fit-territorju ta' Stat Membru (ara s-sentenzi tas-16 ta' Marzu 1999, Trummer u Mayer, C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21; tal-11 ta' Jannar 2001, Stefan, C-464/98, Ġabra p. I-173, punt 5, u tal-5 ta' Marzu 2002, Reisch et , C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punt 30).

36. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri f'dak li għandha effett restrittiv fir-rigward tal-persuni li jirrisjedu fi Stat Membru għajr l-Olanda li jixtiequ jagħmlu investiment f'immobbli f'dan l-aħħar Stat.

37. Skond l-Artikolu 2.7(2) tal-liġi IB, ir-riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali li, skond il-każ, jiġu mnaqqsa mit-taxxa dovuta fuq id-dħul tas-sena kkonċernata - li minnhom jagħmel parti d-dħul minn investimenti f'immobbli - huma rriservati għall-kontributuri affiljati ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali.

38. Il-kriterju ta' affiljazzjoni li jinsab fil-leġiżlazzjoni Olandiża jiffavorixxi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-persuni li jirrisjedu f'dan l-Istat Membru. Fil-fatt, il-kontributuri li mhumiex affiljati ma' l-imsemmija skema huma ħafna drabi persuni li mhumiex residenti.

39. It-trattament fiskali inqas favorevoli rriservat għall-persuni li mhumiex residenti jista' jiddisswadi lil dawn ta' l-aħħar milli jagħmlu investimenti f'immobbli fl-Olanda. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni hija ta' natura li tfixkel il-moviment liberu tal-kapital.

40. Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk tali restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

41. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 58(1)(a) KE "Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 56 m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta' l-Istati Membri [...] li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta' residenza tagħhom [...]".

42. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti mhux ugwali li huma permessi bis-saħħa ta' l-Artikolu 58(1)(a) KE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji li huma pprojbiti mill-paragrafu 3 ta' dan l-istess Artikolu. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista' tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu ta' kapitali, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex paragunabbli b'mod oġġettiv jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta' interess ġenerali (sentenzi tas-6 ta' Ġunju 2000, Verkooijen, C 35/98, Ġabra p. I 4071, punt 43, u tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen, C 319/02, Ġabra p. I 7477, punti 28 u 29).

43. Għaldaqstant, il-kwistjoni li tqum hija jekk teżistix, f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali, sitwazzjoni oġġettiva differenti bejn persuna li mhijiex residenti, bħas-Sur Blanckaert, u persuna li hija residenti, li, bl-istess mod bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, tirċievi biss dħul fl-Olanda li jiġi mit-tifdil u minn investimenti.

44. Għandu jiġu kkonstatat, l-ewwelnett, li, għall-persuna li hija suġġetta għat-taxxa u li tirċievi dħul taxxabbli fl-Olanda, il-benefiċċju fiskali li din tista' titlob għandu jiġi kkunsidrat bħala tali biss meta r-riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali ma jistax jiġi kopert kompletament mill-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali li huma dovuti.

45. Anki jekk, f'dak li jirrigwarda t-taxxa fiskali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tippenalizza, b'mod partikulari, il-persuni li mhumiex residenti, l-għoti ta' riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali huwa marbut direttament u esklussivament mal-fatt jekk il-persuna kkonċernata li hija suġġetta għat-taxxa hijiex assigurata jew le ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali. Fil-fatt, kemm il-persuni li huma residenti kif ukoll dawk li mhumiex residenti u li huma affiljati ma din l-iskema jibbenefikaw minn dawn ir-riduzzjonijiet, filwaqt li r-residenti u dawk li mhumiex residenti li mhumiex affiljati ma' din l-iskema ma jibbenefikawx minn tali tnaqqis.

46. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li persuna li hija suġġetta għat-taxxa li tirrisjedi fl-Olanda u li tirċievi dħul li jiġi unikament mit-tifdil u mill-investimenti, tibbenefika, bħala persuna affiljata ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali, minn riduzzjonijiet veri fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali. Fil-fatt, hija ma tħallasx kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali fin-nuqqas ta' dħul li jiġi minn xogħol jew minn residenza, b'mod li r-riduzzjonijiet f'dawn il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jiġu kkumpensati bil-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, kontributur li mhuwiex residenti u li jirċievi biss dħul fl-Olanda li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti, mhuwiex affiljat ma' l-imsemmija skema u ma jħallasx kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali f'dan l-Istat Membru, iżda huwa ma jistax jistenna li jieħu riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali.

47. Madankollu, l-għoti tal-benefiċċju in kwistjoni fil-kawża prinċipali lill-persuni li mhumiex affiljati ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali jwassal sabiex sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod peress li l-persuni affiljati ma' din l-iskema jibbenefikaw biss mir-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali f'każijiet eċċezzjonali. Fil-fatt, huwa biss fl-ipotesi fejn persuna affiljata ma tistax tkopri r-riduzzjonijiet fit-kontribuzzjonijiet bil-kontribuzzjonijiet dovuti li hija tista' titlob dawn ir-riduzzjonijiet fit-taxxa. Min-naħa l-oħra, persuna li mhijiex affiljata, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, tibbenefika dejjem u awtomatikament minn riduzzjonijiet fit-taxxa minħabba l-għoti ta' riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet taħt l-assigurazzjonijiet soċjali. Fil-fatt, fin-nuqqas ta' obbligu ta' ħlas tal-kontribuzzjonijiet, tali persuna qatt ma tkun tista' tkopri l-imsemmija riduzzjonijiet permezz tal-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali dovuti.

48. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-affiljazzjoni ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, ir-residenti li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom barra mill-Olanda ma jaqgħux taħt din l-iskema, filwaqt li l-persuni li mhumiex residenti u li jaħdmu f'dan l-Istat Membru huma suġġetti għall-imsemmija skema.

49. Peress li d-dritt komunitarju ma jivvjolax il-kompetenza ta' l-Istati Membri sabiex imexxu s-sistema ta' sigurtà soċjali tagħhom (sentenza tat-13 ta' Mejju 2003, Müller-Fauré u Van Riet, C-385/99, Ġabra p. I-4509, punt 100), fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni fuq il-livell komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li għandha tiddetermina ċ-ċirku tal-persuni affiljati u l-ammont ta' kontribuzzjonijiet dovuti mill-persuna affiljata ma' l-iskema nazzjonali ta' sigurtà soċjali kif ukoll ir-riduzzjonijiet relatati. Huwa wkoll parti mil-loġika interna ta' skema bħal din li l-benefiċċju ta' riduzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet ikun riżervat biss għad-debituri għal tali kontribuzzjonijiet, jiġifieri għall-persuni affiljati ma' din l-iskema.

50. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża priċipali tista' tkun iġġustifikata, fir-rigward ta' l-Artikolu 58(1)(a) KE mid-differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva li teżisti bejn persuna affiljata ma' l-iskema Olandiża ta' sigurtà soċjali u persuna li mhijiex affiljata ma' din l-iskema.

51. Għalhekk, it-tweġiba li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li biha persuna li hija suġġetta għat-taxxa u li mhijiex residenti, li tirċievi biss f'dak l-Istat Membru dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti u li mhijiex assigurata ma' l-iskema ta' sigurtà soċjali ta' l-imsemmi Stat Membru, ma tistax titlob il-benefiċċju ta' riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali, filwaqt li l-persuna suġġetta għat-taxxa li hija residenti u li hija affiljata ma' l-imsemmija skema ta' sigurtà soċjali, tibbenefika minn dawn ir-riduzzjonijiet meta jiġi kkalkulat id-dħul taxxabbli tagħha, anki meta hija tirċievi biss dħul ta' l-istess natura u ma tħallasx kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

52. Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx iktar lok li jitwieġbu t-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

53. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li biha persuna li hija suġġetta għat-taxxa u li mhijiex residenti, li tirċievi biss f'dak l-Istat Membru dħul li jiġi mit-tifdil u mill-investimenti u li mhijiex assigurata ma' l-iskema ta' sigurtà soċjali ta' l-imsemmi Stat Membru, ma tistax titlob il-benefiċċju ta' riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali, filwaqt li l-persuna suġġetta għat-taxxa li hija residenti u li hija affiljata ma' l-imsemmija skema ta' sigurtà soċjali, tibbenefika minn dawn ir-riduzzjonijiet meta jiġi kkalkulat id-dħul taxxabbli tagħha, anki meta hija tirċievi biss dħul ta' l-istess natura u ma tħallasx kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali.