Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Jannar 2008 (*)

“Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Interessi mħallsa minn kumpannija sussidjarja bħala ħlas għall-fondi mislufa mill-kumpannija parent stabbilita fi Stat Membru ieħor – Riklassifikazzjoni ta’ l-interessi bħala dividendi taxxabbli – Nuqqas ta’ riklassifikazzjoni fil-każ ta’ interessi mħallsa lil kumpannija residenti”

Fil-kawża C-105/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2007, fil-proċedura

Lammers & Van Cleeff NV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis (Relatur), R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lammers & Van Cleeff NV, minn D. Merckx, advocaat,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE, 43 KE, 46 KE, 48 KE, 56 KE u 58 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lammers & Van Cleeff NV, li għandha l-uffiċċju rreġistrat fil-Belġju (iktar ’il quddiem il-“kumpannija sussidjarja Belġjana”), u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) fir-rigward tal-likwidazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li tikkorrispondi għas-snin ta’ tassazzjoni 1996 u 1997.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 18(1)(3) tal-kodiċi dwar it-taxxi fuq id-dħul, ta’ l-1992, imwaqqaf bid-digriet irjali ta’ l-10 ta’ April 1992 (Moniteur belge tat-30 ta’ Lulju 1992, p. 17120), fil-verżjoni tiegħu kif kienet applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“CIR 1992”), kien jistabbilixxi:

“Id-dividendi jinkludu:

[…]

3.      l-interessi fuq il-ħlas meta wieħed mis-segwenti limiti jinqabeż u sa fejn jinqabeż:

–      il-limitu stabbilit fl-Artikolu 55; jew

–      meta l-ammont totali tal-ħlasijiet li jipproduċu l-interessi jaqbżu l-kapital meħlus flimkien mar-riżervi ntaxxati fil-bidu tal-perijodu taxxabbli.”

4        L-Artikolu 18(2) taċ-ĊIR 1992 kien jiddisponi:

“Jitqies li huwa ħlas kull kreditu, kemm jekk irrappreżentat minn titoli jew le, miżmum minn amministratur ta’ kumpannija tal-kapital f’din il-kumpannija jew minn membru ta’ kumpannija ta’ persuni f’din il-kumpannija kif ukoll kull kreditu miżmum f’dawn il-kumpanniji mill-konjuġi jew mit-tfal tagħhom meta l-amministratur, il-membru jew il-konjuġi tagħhom ikollhom it-tgawdija legali tad-dħul tat-tfal tagħhom, bl-eċċezzjoni:

1º      tal-bonds maħruġa b’sejħa pubblika;

2º      tal-krediti fil-konfront ta’ kumpanniji kooperattivi li huma rrikonoxxuti mill-kunsill nazzjonali tal-kooperazzjoni;

3º      tal-krediti miżmuma minn amministraturi jew minn membri li għandhom il-kwalità ta’ kumpannija msemmija fl-Artikolu 179.”

5        L-Artikolu 179 taċ-ĊIR 1992 kien jiddisponi kif ġej:

“Huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpanniji residenti kif ukoll, mill-1 ta’ Jannar 1995, il-banek kummerċjali lokali msemmija fl-Artikolu 124 tal-liġi komunali l-ġdida.”

6        B’mod partikolari, l-Artikolu 55 taċ-ĊIR 1992 jistabbilixxi li l-interessi fuq il-bonds, is-self, il-krediti, id-depożiti u titoli oħra li jikkonsistu f’self jittieħdu in kunsiderazzjoni bħala spejjeż professjonali biss meta dawn ma jaqbżux ammont li jikkorrispondi għar-rata użata fis-suq fid-dawl ta’ l-elementi partikolari xierqa għall-evalwazzjoni tar-riskju marbut ma’ l-operazzjoni u b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur u tat-tul tas-self.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Il-kumpannija sussidjarja Belġjana ġiet stabbilita fil-25 ta’ Lulju 1991. F’din id-data, u skond id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, inħatru tliet amministraturi, jiġifieri ż-żewġ azzjonisti tal-kumpannija sussidjarja Belġjana kif ukoll il-kumpannija parent B.V. Lammers & Van Cleeff, stabbilita fl-Olanda.

8        Minħabba kreditu tal-kumpannija parent B. V. Lammers & Van Cleeff mogħti fir-rigward tal-kumpannija sussidjarja Belġjana, din ħallset l-interessi lill-kumpannija parent Olandiża. Skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 18(1)(3) taċ-ĊIR 1992, dawn l-interessi ġew parzjalment meqjusa bħala dividendi mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana, u ġew intaxxati f’dan is-sens.

9        Wara, il-kumpannija sussidjarja Belġjana ressqet ilmenti kontra l-intaxxar in kwistjoni quddiem id-direttur tat-taxxi diretti ta’ Antwerpen II. B’deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2002, dan ikkonferma l-intaxxar ikkontestat. Fis-16 ta’ Settembru 2002, il-kumpannija sussidjarja Belġjana ressqet appell quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen intiż għall-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

10      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tikkonstata li mill-Artikolu 18(2)(3) taċ-ĊIR 1992 jirriżulta li l-interessi mhumiex irriklassifikati bħala dividendi u b’hekk mhumiex taxxabbli, meta jitħallsu lil amministratur li tkun kumpannija Belġjana, filwaqt li dawn l-interessi jiġu rriklassifikati bħala dividendi u b’hekk huma taxxabbli, meta jitħallsu lil amministratur li jkun kumpannija barranija.

11      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 12 [KE], 43 [KE], 46 [KE], 48 [KE], 56 [KE] u 58 KE jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali Belġjana stabbilita fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1)(3) u (2)(3) tas-[CIR 1992], kif kienu applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża, li bis-saħħa tagħhom l-interessi ma kinux irriklassifikati bħala dividendi u b’hekk ma kinux taxxabbli meta dawn l-interessi jkunu tħallsu lil amministratur li kien kumpannija Belġjana filwaqt li, taħt l-istess ċirkustanzi, dawn l-interessi kienu jkunu rriklassifikati bħala dividendi u b’hekk kienu taxxabbli meta dawn l-interessi jkunu tħallsu lil amministratur li kien kumpannija barranija?”

 Fuq id-domanda preliminari

12      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-fiskalità diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom jeżerċitawha fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u jżommu lura minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 37; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Lankhorst-Hohorst, C-324/00, Ġabra p. I- 11779, punt 26, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I 2107, punt 25).

13      Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-Artikoli 12 KE, 43 KE, 46 KE, 48 KE, 56 KE u 58 KE.

14      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jipprovdix regoli speċifiċi kontra d-diskriminazzjoni. Issa, it-Trattat jipprovdi, b’mod partikolari fl-Artikoli 43 KE u 56 KE, regoli speċifiċi fl-oqsma li jiffurmaw parti mil-libertà ta’ stabbiliment u mil-libertà ta’ moviment tal-kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39, kif ukoll tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann, C-443/06, Ġabra p. I-8491, punti 28 u 29).

15      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni kemm ta’ l-Artikolu 43 KE relattiv għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll ta’ l-Artikolu 56 KE relattiv għal-libertà ta’ moviment tal-kapital, għandu jiġi ddeterminat jekk liġi ta’ Stat Membru bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tistabbilixxi li ma jiġux intaxxati l-interessi, bħala dividendi, ta’ kumpannija residenti ħlief meta dawn jitħallsu lil amministratur jew lil membru li għandu l-kwalità ta’ kumpannija mhux residenti, tifformax parti minn dawn il-libertajiet.

16      F’dan il-każ, mill-inkartament jirriżulta li l-interessi mħallsa mill-kumpannija sussidjarja Belġjana ġew irriklassifikati bħala dividendi minħabba li dawn kienu jirrigwardaw self mogħti minn kumpannija parent mhux residenti li għandha l-kwalità ta’ amministratur ta’ l-imsemmija kumpannija sussidjarja.

17      B’hekk, għandha tiġi evalwata r-regolamentazzjoni in kwistjoni, qabel kollox mil-lat tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għal-libertà ta’ stabbiliment.

18      Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skond l-Artikolu 48 KE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 41, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

19      Għall-kumpanniji, l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fis-sens ta’ l-Artikolu 48 KE jservi sabiex tiġi ddeterminata, bħaċ-ċittadinanza ta’ persuni fiżiċi, il-konnessjoni tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat. Jekk jiġi aċċettat li l-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ kumpannija sussidjarja jista’ japplika liberament trattament differenti fir-rigward ta’ din il-kumpannija sussidjarja minħabba l-fatt biss li l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija parent tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 43 KE jiġi pprivat minn kull sinjifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank, C-330/91, Ġabra p. I-4017, punt 13; Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża li tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Saint-Gobain ZN, punt 35, u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 37).

20      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tintroduċi, f’dak li jirrigwarda l-intaxxar ta’ l-interessi mħallsa minħabba kreditu minn kumpannija residenti lil amministratur li huwa kumpannija, differenza ta’ trattament skond jekk din l-aħħar kumpannija għandhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Belġju jew le.

21      Fil-fatt, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li l-interessi mħallsa minn kumpannija lil amministratur li jkun kumpannija residenti mhumiex irriklassifikati bħala dividendi u għaldaqstant, mhumiex taxxabbli, anki jekk jaqbżu wieħed miż-żewġ limiti stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(3) tal-CIR 1992. Min-naħa l-oħra, meta jaqbżu wieħed minn dawn il-limiti, l-interessi mħallsa minn kumpannija lil amministratur li jkun kumpannija mhux residenti jiġu rriklassifikati bħala dividendi u huma, minħabba f’hekk, taxxabbli. B’hekk, il-kumpanniji amministrati minn amministratur li jkun kumpannija mhux residenti huma suġġetti għal trattament fiskali inqas vantaġġuż minn dak li jibbenifikaw minnhu dawk amministrati minn amministratur li jkun kumpannija residenti.

22      Bl-istess mod, meta mqabbla ma grupp ta’ kumpanniji li fi ħdanhom kumpannija parent tieħu l-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni f’waħda mill-kumpanniji sussidjarji tagħha, tali leġiżlazzjoni tintroduċi differenza ta’ trattament bejn il-kumpanniji sussidjarji residenti skond jekk il-kumpannija parent tagħhom għandhiex jew le l-uffiċċju rreġistrat fil-Belġju, u b’hekk tissuġġetta lil kumpanniji sussidjarji ta’ kumpannija parent mhux residenti għal trattament inqas vantaġġuż minn dak li jibbenifikaw minnhu l-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpannija parent residenti.

23      Għandu jiġi osservat li trattament differenti bejn kumpanniji residenti skond il-post ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija li tkun tathom self filwaqt li għandha l-kwalità ta’ amministratur, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment peress li huwa jirrendi anqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jkunu jistgħu, bħala konsegwenza ta’ dan, jirrinunzjaw għat-tmexxija ta’ kumpannija fi Stat Membru li jadotta tali miżura, jew anki jirrinunzjaw għax-xiri, għat-twaqqif jew għaż-żamma ta’ kumpannija sussidjarja fl-Istat Membru msemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 39).

24      Isegwi li d-differenza ta’ trattament li għaliha huma suġġetti, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji residenti minħabba l-post fejn huwa stabbilit l-amministratur tagħhom tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikoli 43 KE u 48 KE.

25      Tali restrizzjoni ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tfittex għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u jekk hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’tali ipoteżi, li din tkun adatta sabiex tiggarantixxi li dan l-għan in kwistjoni jintlaħaq u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 35, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

26      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata meta hija intiża speċifikament għal skemi purament artifiċjali li għandhom l-għan li jaħarbu l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat (sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Is-sempliċi fatt li kumpannija residenti tingħata self minn kumpannija relatata stabbilita fi Stat Membru ieħor ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ prattiċi abbużivi u jiġġustifika miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali garantita mit-Trattat (sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Sabiex restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tkun tista’ tiġi ġġustifikata minħabba motivi ta’ ġlieda kontra prattiċi abbużivi, l-għan speċifiku ta’ tali restrizzjoni għandu jkun li jostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ skemi purament artifiċjali, nieqsa minn realtà ekonomika, bl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet magħmula fit-territorju nazzjonali (sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fil-punt 80 tas-sentenza tagħha Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-prattiċi abbużivi meta hija tipprovdi li l-interessi mħallsa minn kumpannija sussidjarja residenti lil kumpannija parent mhux residenti huma kkunsidrati bħala profitti mqassma biss jekk u sakemm huma jeċċedu dak li dawn il-kumpanniji kienu jiftiehmu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, jiġifieri kundizzjonijiet kummerċjali li dawn il-kumpanniji setgħu jaqblu fuqhom kieku huma ma kinux jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji.

30      Fil-fatt, il-fatt li kumpannija residenti tkun ingħatat self minn kumpannija mhux residenti f’kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dak li l-kumpanniji kkonċernati kienu jiftiehmu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa jikkostitwixxi għall-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija li tissellef element oġġettiv u verifikabbli minn terzi sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni in kwistjoni tikkostitwixxix, kollha jew f’parti minnha, skema purament artifiċjali li l-għan essenzjali tagħha huwa li taħrab l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni hija jekk, fin-nuqqas ta’ relazzjonijiet speċjali bejn il-kumpanniji kkonċernati, is-self kienx jingħata jew jekk dan is-self kienx jingħata għal ammont jew b’rata ta’ interessi differenti (sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

31      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-interessi mħallsa mill-kumpannija sussidjarja Belġjana bħala ħlas għal self mogħti minn kumpannija mhux residenti li għandha l-kwalità ta’ amministratur ġew irriklassifikati bħala dividendi minħabba l-fatt li l-limitu stabbilit fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 18(1)(3) tal-CIR 1992 inqabeż, jiġifieri li l-ammont totali tal-ħlasijiet li jipproduċu l-interessi qabżu l-kapital meħlus flimkien mar-riżervi ntaxxati fil-bidu tal-perijodu taxxabbli.

32      Għandu jiġi osservat li, anki jekk l-applikazzjoni ta’ tali limitu għandha bħala skop il-ġlieda kontra prattiċi abbużivi, f’kull każ, din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

33      Fil-fatt, kif osservat ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet tagħha, il-limitu stabbilit fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 18(1)(3) taċ-ĊIR 1992 jolqot ukoll sitwazzjonijiet li fihom it-tranżazzjoni kkonċernata ma tistax titqies li hija skema purament artifiċjali. Jekk interessi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti huma rriklassifikati bħala dividendi minn meta jaqbżu ċertu limitu, ma jistax jiġi eskluż li din ir-riklassifikazzjoni tapplika wkoll fir-rigward ta’ interessi mħallsa bħala ħlas għal self mogħti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa.

34      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-interessi mħallsa minn kumpannija residenti ta’ Stat Membru lil amministratur li jkun kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor jiġu rriklassifikati bħala dividendi u li jkunu, minħabba f’hekk, taxxabbli, meta, fil-bidu tal-perijodu taxxabbli, l-ammont totali tal-ħlasijiet li jipproduċu l-interessi jaqbżu l-kapital meħlus flimkien mar-riżervi ntaxxati, filwaqt li, fl-istess ċirkustanzi, meta dawn l-interessi jitħallsu lil amministratur li jkun kumpannija stabbilita fl-istess Stat Membru, dawn ma jiġux irriklassifikati bħala dividendi u, minħabba f’hekk, mhumiex taxxabbli.

35      B’hekk, peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludux ukoll din il-leġiżlazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-interessi mħallsa minn kumpannija residenti ta’ Stat Membru lil amministratur li jkun kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor jiġu rriklassifikati bħala dividendi u li jkunu, minħabba f’hekk, taxxabbli, meta, fil-bidu tal-perijodu taxxabbli, l-ammont totali tal-ħlasijiet li jipproduċu l-interessi jaqbżu l-kapital meħlus flimkien mar-riżervi ntaxxati, filwaqt li, fl-istess ċirkustanzi, meta dawn l-interessi jitħallsu lil amministratur li jkun kumpannija stabbilita fl-istess Stat Membru, dawn ma jiġux irriklassifikati bħala dividendi u, minħabba f’hekk, mhumiex taxxabbli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.