Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 171/17


Rikors ippreżentat fil-15 ta' April 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-154/08)

(2008/C 171/29)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Afonso u F. Jimeno Fernández, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet

tikkonstata li billi kkunsidra s-servizzi mogħtija lil Komunità Autonoma għar-“registradores de la propriedad”, fil-kwalità tagħhom bħala stralċjarji li huma proprjetarji ta' uffiċċju ta' stralċ fis-settur ta' l-ipoteki (officina liquidadora de districo ipotecario) mhumiex suġġetti għall-VAT, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (1).

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Ir-“registradores de la propriedad” huma professjonisti maħtura mill-Istat Spanjol u inkarigati mit-tmexxija ta' “Registros de Propriedad” (reġistri tal-beni immobbli). Huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f'isimhom stess, huma liberi li jorganizzaw ix-xogħol tagħhom, jagħżlu l-persunal tagħhom u jirċievu ħlasijiet li jikkostitwixxu d-dħul remunerattiv tagħhom. Bosta Komunitajiet Awtonomi fdawlhom diversi missjonijiet dwar il-kalkolu ta' ċerti taxxi. Bħala retribuzzjoni ta' dawn is-servizzi, ir-“registratores” jirċievu perċentwali tat-taxxi miġbura.

2.

Fir-rigward tal-VAT, l-amministrazzjoni Spanjola tqis tradizzjonalment li, fil-kuntest tat-twettiq ta' dawn il-missjonijijet għall-Komunitajiet Awtonomi, ir-“registradores” għandhom jiġu kkunsidrati bħala impjegati jew professjonisti li jipprovdu servizzi suġġetti għall-VAT. L-argumenti mressqa dwar dan is-suġġett mill-amministrazzjoni Spanjola kienu essenzjalment ibbażati fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Marzu 1987 (C-235/85, Il-Kummissjoni vs L-Olanda) (2) u tal-25 ta' Lulju 1991 (C-202/90, Ayuntamiento de Sevilla) (3).

3.

Fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Lulju 2003, il-Qorti Suprema ta' Spanja kkunsidrat li, fir-rigward ta' l-attivitajiet speċifiċi li fdawlhom il-Komunitajiet Awtonomi li jikkonsistu fil-kalkolu u l-ġbir ta' ċerti taxxi, ir-“registradores” huma sempliċi ufficjali u jagħmlu parti mis-servizz pubbliku. Fuq il-bażi ta' din is-sentenza, mogħtija fil-kuntest ta' appell “fl-interess tal-liġi”, l-amministrazzjoni Spanjola tiddikjara li dawn is-servizzi mhumiex suġġetti għall-VAT.

4.

Bil-kontra, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-servzzi pprovduti lill-Komunitajiet Awtonomi mir-“registradores” għandhom jiġu suġġetti għall-VAT, skond ir-regola ġenerali stipulata mill-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva. Din il-konstatazzjoni tispjega ruħha mill-fatt li r-“registradores-liquidadores” jaġixxu in kwantu professjonisti li jmexxu r-riżorsi umani u materjali tagħhom b'mod awtonomu u indipendenti fid-dawl tal-provvista tas-servizzi, kif jeħtieġ l-Artikolu 4(1) tad-direttiva ċċitata iktar 'il fuq, u huma ma jinsabux, f'dan il-każ, f'relazzjoni ta' subordinazzjoni u ta' dipendenza li hija essenziali sabiex wieħed jista' jikkunsidra li s-servizzi in kwistjoni ġew effettwati minn uffiċjali għall-amministrazzjoni li jagħmlu parti minnha, li mhumiex, f'din l-ipoteżi, suġġetti għall-VAT. Ir-“registrador-liquidador” mhuwiex korp amministrattiv tal-Komunità Awtonoma, lanqas element kostituttiv, integrat jew intern magħha, iżda persuna indipendenti u distinta li l-Komunità Awtonoma tikkonkludi magħha kuntratt ta' prestazzjoni ta' servizzi bi ħlas.

5.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabilita r-responsabbiltà tar-Renju ta' Spanja li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tagħha tad-dritt Komunitarju, li mhuwiex konformi la ma' l-ispirtu tagħha, la ma' l-għan tagħha u lanqas mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma preżenti f'dan il-każ. Fl-ewwel lok, il-grad tal-Qorti Suprema in kwantu qorti superjuri, bla ħsara għad-dispożzzjonijiet previsti fil-qasam ta' garanziji Kostituzzjonali. Fit-tieni lok, ir-rilevanza u l-effett tad-deċiżjoni li bħala prinċipju tmur kontra l-interpretazzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u li, fid-dawl tan-natura obbligatoria tagħha, twassal għal bidla assoluta tal-ġurisprudenza tal-qrati inferjuri u tal-prattika ta' l-amministrazzjoni Spanjola. Fit-tielet lok, il-produzzjoni ta' effetti dannużi fis-settur tal-VAT li tista' taffettwa r-riżorsi proprji tal-Komunità. Konsegwentement, l-amministrazzjoni Spanjola ma tistax tinvoka s-sentenza mogħtija mill-Qorti suprema sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta' twettiq tad-dritt Komunitarju.


(1)  Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1).

(2)  Ġabra p. 1471.

(3)  Ġabra p. 4247.