Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/28


Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-244/08)

(2008/C 209/42)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Aresu u M. Afonso, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li r-Repubblika Taljana, f'dak li jirrigwarda r-rifużjoni tal-VAT lil persuna taxxabbli residenti fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz anki jekk dawn ikollhom stabbiliment fiss, naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 1979 (1) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż, u l-Artikolu 1 tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE (2) tas-17 ta' Novembru 1986, fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi [fuq id-dħul mill-bejgħ] — Arranġamenti għar-[rifużjoni] tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità, safejn tobbliga lil persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz, iżda li għandha stabbiliment fiss li, fil-perijodu kkonċernat, ittrasferiet oġġetti jew ipprovdiet servizzi fl-Italja, tikseb ir-rifużjoni tal-VAT bi kreditu skond mekkaniżmi pprovduti minn dawn id-direttivi, pjuttost milli permezz ta' tnaqqis, meta x-xiri ta' l-oġġetti u tas-servizzi jsir mhux permezz ta' l-istabbiliment fiss fl-Italja, iżda direttament mill-istabbiliment prinċipali;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata l-inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta' dispożizzjoni Taljana li tobbliga lill-persuna suġġetta għall-VAT stabbilita fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz, iżda li fl-Italja għandha stabbiliment fiss li, fil-perijodu kkonċernat, ittrasferiet oġġetti jew ipprovdiet servizzi fl-Italja, li tikseb ir-rifużjoni tal-VAT bi kreditu skond mekkaniżmi pprovduti mid-Direttiva 79/1072/KEE (it-Tmien Direttiva) u d-Direttiva 86/560/KEE (it-Tlettax-il Direttiva), pjuttost milli permezz tal-mekkaniżmu ta' tnaqqis previst b'mod ġenerali mid-Direttiva 77/388/KEE (3) (is-Sitt Direttiva tal-VAT), meta x-xiri ta' l-oġġetti u tas-servizzi jsir mhux permezz ta' l-istabbiliment fiss fl-Italja, iżda direttament mill-istabbiliment prinċipali li jinsab barra mill-pajjiż.

Din id-dispożizzjoni, li ttaqqal l-obbligi fiskali tal-persuni taxxabbli kkonċernati, tmur kontra, skond il-Kummissjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji li fuqhom huma bbażati dawn id-direttivi fil-qasam tal-VAT, li jipprovdu li persuna taxxabbli barranija li għandha stabbiliment fiss fl-Italja, u li tipprovdi tranżazzjonijiet kummerċjali fl-Italja minn dan l-istabbiliment, għandha jkollha l-possibbiltà li tuża l-mekkaniżmu normali ta' tnaqqis ipprovdut mis-Sitt Direttiva, anki jekk uħud mit-tranżazzjonijiet kummerċjali jsiru direttament mill-istabbiliment prinċipali.


(1)  ĠU L 331, p. 11.

(2)  ĠU L 326, p. 40.

(3)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1).