Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/33


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fid-19 ta' Ġunju 2008 — CopyGene A/S vs Skatteministeriet

(Kawża C-262/08)

(2008/C 209/50)

Lingwa tal-kawża: Id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret (id-Danimarka).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CopyGene A/S.

Konvenut: Skatteministeriet.

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta' operazzjonijiet “relatati mill-viċin” ma' l-ospitalizzazzjoni ta' l-Artikolu 13 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fih kundizzjoni ta' terminu, jiġifieri li l-ospitalizzazzjoni li magħha hija relatata mill-viċin il-provvista ta' servizz għandha tkun reali u kompletata, fis-seħħ jew ippjanifikata, jew huwa bizzejjed li din il-provvista ta' sevizz tkun sempliċement kapaċi li tkun relatata mill-viċin ma' ospitalizzazzjoni possibbli, li ma tkun la effettiva u lanqas ma tkun għadha ġiet ippjanifikata, b'tali mod li l-provvista ta' servizzi ta' bank ta' ċelluli staminali, li tikkonsisti fil-prelevament, fit-trasport, fl-analiżi u fil-ħażna ta' demm mill-kurdun ombelikali tat-trabi mwielda, intiż għal trapjanti awtologi, tifforma parti minn dan il-kunċett?

F'dan ir-rigward, huwa rilevanti l-fatt li s-servizzi deskritti iktar 'il fuq jistgħu jsiru biss fil-mument tat-twelid?

2)

L-Artikolu 13 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal kull provvista ta' servizz magħmula b'mod preventiv, peress li dawn il-proviżjonijiet isiru qabel l-ospitalizzazzjoni jew il-kuri mediċi u qabel ma dawn ikunu lanqas ġew previsti, kemm fiż-żmien kif ukoll mil-lat mediku?

3)

Il-kunċett ta' “stabblimenti oħrajn ta' natura simili rikonoxxuti regolarment” fl-Artikolu 13 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi banek privati ta' ċelluli staminali, li s-servizzi tagħhom — ipprovduti minn persunal mediku awtorizzat, jiġifieri infermiera, qwiebel u tekniċi mediċi — jikkonsistu fil-ġbir, fit-trasport, fl-analiżi u l-ħażna ta' demm mill-kurdun ombelikali tat-trabi mwielda intiż għal trapjanti awtologi li jsiru f'eventwali trattament futur fl-isptarijiet, peress li l-imsemmija banek ta' ċelluli staminali ma jibbenefikaw minn ebda għajnuna ta' skema pubblika ta' sigurtà soċjali u l-pagi li jitħallsu lilhom m'huma suġġetti għal ebda kontroll minn din l-iskema?

F'dan ir-rigward, huwa rilevanti l-fatt li, b'applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, dwar l-iffissar ta' standards ta' kwalità u sigurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, preżervazzjoni, ħażna u tqassim ta' tessuti u ċelluli tal-bniedem (2), bank privat ta' ċelluli staminali jkun ġie awtorizzat mill-awtoritajiet sanitarji kompetenti ta' Stat Membru sabiex jimmaniġġja tessuti u ċelluli tal-bniedem — maniġġjar li jikkonsisti fit-teħid, fil-preżervazzjoni u l-ħażna taċ-ċelluli staminali tad-demm mill-kurdun ombelikali għal trapjanti awtologi?

4)

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi, huwa rilevanti l-fatt li l-provvista tas-servizzi ssir bil-ħsieb ta' trapjanti alloġeniċi eventwali minn bank privat ta' ċelluli staminali, awtorizzat mill-awtoritajiet sanitarji kompetenti ta' Stat Membru sabiex jimmaniġġja tessuti u ċelluli tal-bniedem — b'applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2004/23?


(1)  Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1).

(2)  ĠU L 102, p. 48.