Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-337/08

X Holding BV

vs

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Artikoli 43 KE u 48 KE — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Unità fiskali komposta minn kumpannija parent residenti u minn sussidjarja jew sussidjarji residenti — Intaxxar tal-profitti fil-livell tal-kumpannija parent — Esklużjoni tas-sussidjarji mhux residenti”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikoli 43 KE u 48 KE)

L-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lil kumpannija parent il-possibbiltà li tistabbilixxi entità fiskali waħda mas-sussidjarja residenti tagħha, iżda li tipprekludi l-istabbiliment ta’ tali entità fiskali waħda fil-każ ta’ sussidjarja mhux residenti meta l-profitti ta’ din tal-aħħar ma jkunux suġġetti għal-liġi fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

Il-fatt li kumpannija parent li għandha sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tiġi eskluża minn dan il-vantaġġ ċertament jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, peress li dan jista’ jirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa tal-kumpannija parent tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, billi jiddiswadiha milli tistabbilixxi sussidjarji fi Stati Membri oħra. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma’ sussidjarja residenti u dik ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma’ sussidjarja mhux residenti huma, fid-dawl tal-għan ta’ tali sistema fiskali, oġġettivament paragunabbli peress li t-tnejn li huma jfittxu li jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ din is-sistema li tippermetti, b’mod partikolari, li l-profitti u t-telf tal-kumpanniji integrati fl-entità fiskali waħda jiġu kkonsolidati fil-livell tal-kumpannija parent u li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan il-grupp jibqgħu ta’ natura fiskalment newtrali.

Madankollu, sistema fiskali bħal din hija ġġustifikata fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi mħares it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni fost l-Istati Membri. Fil-fatt, peress li l-kumpannija parent tista’ liberalment tiddeċiedi li tifforma entità fiskali mas-sussidjarja tagħha u daqstant liberament tiddeċiedi li xxolji din l-entità minn sena għall-oħra, il-possibbiltà li ma’ din l-entità fiskali tiġi inkluża sussidjarja mhux residenti tkun tfisser li l-kumpannija parent titħalla libera li tagħżel is-sistema fiskali applikabbli għat-telf ta’ din is-sussidjarja u l-post ta’ fejn dan it-telf għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Peress li l-kompożizzjoni tal-entità fiskali tista’ tinbidel b’dan il-mod, il-fatt li tiġi ammessa l-possibbiltà li sussidjarja mhux residenti tiġi inkluża fiha jkollu l-konsegwenza li l-kumpannija parent titħalla tagħżel liberament l-Istat Membru fejn hija tinvoka t-telf ta’ din is-sussidjarja.

Fir-rigward tan-natura proporzjonali tal-imsemmija sistema fiskali, il-fatt li Stat Membru jiddeċiedi li jaċċetta t-tpaċija temporanja tat-telf ta’ stabbiliment permanenti barrani fl-Istat tal-uffiċċju rreġistrat tal-impriża ma jfissirx li huwa għandu jestendi din il-possibbiltà fil-konfront tas-sussidjarji mhux residenti ta’ kumpannija parent residenti. L-istabbilimenti permanenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor u s-sussidjarji mhux residenti effettivament mhumiex f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni kif jirriżulta minn ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li s-sussidjarja, li hija persuna ġuridika awtonoma, hija kompletament suġġetta għat-taxxa f’dak l-Istat, li huwa parti għal ftehim bħal dan, fejn din għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, filwaqt li stabbiliment permanenti stabbilit fi Stat Membru ieħor jibqa’, bħala prinċipju u parzjalment, suġġett għall-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ oriġini. Għaldaqstant, il-libertà mogħtija mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE lill-operaturi ekonomiċi li jagħżlu l-iktar forma legali approprjata għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor ma għandhiex tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji. Madankollu, l-Istat Membru ta’ oriġini jibqa’ liberu li jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-livell ta’ taxxa tad-diversi forom ta’ stabbilimenti tal-kumpanniji nazzjonali li joperaw f’pajjiż barrani, bil-kundizzjoni li jagħtihom trattament li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak mogħti lil stabbilimenti nazzjonali paragunabbli. Peress li l-istabbilimenti permanenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor u s-sussidjarji mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni, konsegwentement, l-Istat Membru ta’ oriġini mhuwiex marbut li fil-konfront tal-kumpanniji sussidjarji mhux residenti japplika l-istess sistema fiskali li huwa japplika fil-konfront tal-istabbilimenti permanenti barranin. Għaldaqstant, is-sistema fiskali inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata mal-għanijiet imfittxija minnha.

(ara l-punti 19, 24, 31-33, 37-40, 42, 43 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Frar 2010 (*)

“Artikoli 43 KE u 48 KE – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Unità fiskali komposta minn kumpannija parent residenti u minn sussidjarja jew sussidjarji residenti – Intaxxar tal-profitti fil-livell tal-kumpannija parent – Esklużjoni tas-sussidjarji mhux residenti”

Fil-Kawża C-337/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

X Holding BV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X Holding BV, minn F. A. Engelen u S. C. W. Douma, belastingadviseurs,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M. Noort u kif ukoll minn D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, C. Blaschke u B. Klein, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez u B. Plaza Cruz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Gracia, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u J. Menezes Leitão, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, S. Johannesson u K. Petkovska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn M. Gray, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 48 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija X Holding BV (iktar ’il quddiem “X Holding”), kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-amministrazzjoni fiskali Olandiża fir-rigward tar-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtiha l-possibbiltà li tifforma entità fiskali waħda ma sussidjarja mhux residenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

3        Il-ftehim tal-5 ta’ Ġunju 2001 bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar ħelsien minn taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-ġid (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”) jistipula fl-Artikolu 7(1) tiegħu, skont il-mudell ta’ ftehim tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD):

“Il-profitti ta’ impriża fi Stat kontraenti jistgħu jiġu ntaxxati biss f’dak l-Istat, sakemm l-impriża ma teżerċitax l-attività tagħha fl-Istat kontraenti l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab hemmhekk. Jekk l-impriża teżerċita l-attività tagħha b’dan il-mod, il-profitti tal-impriża għandhom jiġu ntaxxatti fl-Istat l-ieħor iżda biss sa fejn huma jkunu imputabbli lil dak l-istabbiliment permanenti”.

4        Meta persuna taxxabbli stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi tirċievi dħul li, skont l-Artikolu 7 tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, huwa taxxabbli fil-Belġju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 23(2) ta’ dan l-istess ftehim, għandu jagħti, fir-rigward ta’ dawn l-elementi ta’ dħul, tnaqqis tat-taxxa dovuta skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar ħelsien minn taxxa doppja.

 Il-leġiżlazzjoni Olandiża

5        L-Artikolu 15 tal-liġi tal-1969 dwar it-taxxa tal-kumpanniji, jipprovdi:

“1.      Meta persuna taxxabbli (il-kumpannija parent) tkun ekonomikament u ġuridikament proprjetarja ta’ mill-inqas 95 % mill-kapital nominali mħallas ta’ persuna taxxabbli oħra (is-sussidjarja), iż-żewġ persuni taxxabbli għandhom jiġu ntaxxati, fuq talba tagħhom, bħallikieku jifformaw entità waħda, jiġifieri bħallikieku l-attivitajiet u l-ġid tas-sussidjarja kienu jifformaw parti integrali mill-attivitajiet u mill-ġid tal-kumpannija parent. It-taxxa għandha tinġabar mingħand il-kumpannija parent. Għaldaqstant, il-persuni taxxabbli jitqiesu flimkien bħala entità fiskali. Diversi sussidjarji jistgħu jifformaw parti mill-istess entità fiskali.

[…]

3.       L-ewwel paragrafu huwa applikabbli biss jekk:

[…]

b.      għall-kalkolu tal-profitti, ikunu japplikaw l-istess dispożizzjonijiet fir-rigward taż-żewġ persuni taxxabbli;

c.      iż-żewġ persuni taxxabbli huma stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u, fil-każ fejn il-liġi li tistabbilixxi s-sistema fiskali tar-Renju [(Belastingregeling voor het Koninkrijk)] jew ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jkunu applikabbli fir-rigward ta’ persuna taxxabbli, din tal-aħħar hija wkoll ikkunsidrata, skont din is-sistema jew dan il-ftehim, bħala stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi;

[…]

4.      B’deroga mill-Artikolu 15(3)(b) u permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali, jistgħu jiġu stabbiliti regoli li jippermettu li persuni taxxabbli li fir-rigward tagħhom ma japplikawx l-istess dispożizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-profitt jifformaw, minkejja dan, entità fiskali. Barra minn dan, b’deroga mill-Artikolu 15(3)(c), persuna taxxabbli li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha jew tal-liġi li tistabbilixxi s-sistema fiskali tar-Renju, jew saħansitra ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, mhijiex stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda topera impriża permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi tista’, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali, tifforma parti minn entità fiskali sakemm is-setgħa ta’ tassazzjoni tal-profitti li ġejjin minn din l-impriża tkun ġiet attribwita lill-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-liġi li tistabbilixxi s-sistema fiskali tar-Renju jew ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, u jekk:

a.      il-post tal-amministrazzjoni effettiva ta’ din il-persuna taxxabbli jinstab fl-Antilli Olandiżi, f’Aruba, fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat li fir-rigward tiegħu jkun applikabbli ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż mal-Pajjiżi l-Baxxi, li jipprovdi l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-istabbilimenti permanenti;

b.      il-persuna taxxabbli kkontemplata fl-Artikolu 15(4)(a) hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, jew korp li min-natura u mill-kostituzzjoni tiegħu huwa paragunabbli, u

c.      meta l-persuna taxxabbli kkontemplata fl-Artikolu 15(4)(a) tifforma parti minn entità fiskali inkwantu kumpannija parent, il-holding fis-sussidjarja msemmi fl-Artikolu 15(1) jkun jifforma parti mill-ġid tal-istabbiliment permanenti li din il-kumpannija parent għanda fil-Pajjiżi l-Baxxi.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        X Holding, stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija l-azzjonista waħdanija tal-kumpannija F, stabbilita fil-Belġju skont id-dritt ta’ dan il-pajjiż, u li mhijiex suġġetta għat-taxxa tal-kumpanniji fil-Pajjiżi l-Baxxi.

7        It-tnejn li huma talbu biex jitqiesu bħala entità fiskali waħda fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-liġi Olandiża tal-1969 dwar it-taxxa tal-kumpanniji. It-talba tagħhom inċaħdet mill-amministrazzjoni fiskali Olandiża minħabba li l-kumpannija F mhijiex stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’kuntrast ma dak li jeżiġi l-Artikolu 15(3)(c) ta’ din il-liġi.

8        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Rechtbank te Arnhem (tribunal ta’ Arnhem) li min-naħa tiegħu kkonferma l-imsemmija deċiżjoni billi għamel riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837).

9        X Holding appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE, għandu jkun interpretat fis-sens li dan jipprekludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru [...], skont liema kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jistgħu jagħżlu li t-taxxa tkun miġbura fil-konfront tagħhom mingħand il-kumpannija parent stabbilita f’dan l-Istat Membru daqs li kieku kienu persuna taxxabbli waħda, tirriserva din l-għażla lill-kumpanniji li, għat-tassazzjoni tal-profitti tagħhom, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat Membru inkwistjoni?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2009, X Holding talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont din il-kumpannija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt fiskali nazzjonali u internazzjonali Olandiż.

11      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 46).

12      Madankollu, id-dritt Olandiż applikabbli fil-kawża prinċipali ġie espost u kkumentat fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

13      Barra minn hekk, mhuwiex allegat li din il-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

14      Konsegwentement, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domanda preliminari

15      Permezz tad-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lil kumpannija parent il-possibbiltà li tistabbilixxi entità fiskali waħda mas-sussidjarja residenti tagħha, iżda li tipprekludi l-istabbiliment ta’ tali entità fiskali waħda fil-każ ta’ sussidjarja mhux residenti meta l-profitti ta’ din tal-aħħar mhumiex suġġetti għal-liġi fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

16      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 36, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 34).

17      Il-libertà ta’ stabbiliment, rikonoxxuta mill-Artikolu 43 KE, li tagħti liċ-ċittadini Komunitarji kemm id-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll dak li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi taħt l-istess kundizzjonijiet li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tipprovdi għaċ-ċittadini ta’ dan l-istess Stat, tinkludi, skont l-Artikolu 48 KE, għall-kumpanniji stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

18      F’dan ir-rigward, il-possibbiltà li d-dritt Olandiż jagħti lill-kumpanniji parent residenti u lis-sussidjarji residenti tagħhom li jiġu ntaxxati bħallikieku kienu jifformaw entità fiskali waħda, jiġifieri li jkunu suġġetti għal sistema ta’ integrazzjoni fiskali, tikkostitwixxi vantaġġ għall-kumpanniji kkonċernati. Din is-sistema tippermetti, b’mod partikolari, li l-profitti u t-telf tal-kumpanniji integrati fl-entità fiskali jiġu kkonsolidati fil-livell tal-kumpannija parent u li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan il-grupp jibqgħu ta’ natura fiskalment newtrali.

19      Il-fatt li kumpannija parent li għandha sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tiġi eskluża minn dan il-vantaġġ jista’ jirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa ta’ din il-kumpannija, tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha billi jiddiswadiha milli tistabbilixxi sussidjarji fi Stati Membri oħra.

20      Sabiex tali trattament differenti jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, dan għandu jkun jikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew ikun iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 167).

21      Il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Ġermanja u tal-Portugall isostnu li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet mhumiex oġġettivament paragunabbli peress li s-sussidjarji residenti u s-sussidjarji mhux residenti mhumiex, fid-dawl ta’ sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’sitwazzjonijiet fiskali paragunabbli. Huma b’mod partikolari jsostnu li s-sussidjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija parent, b’tali mod li ma tistax tiġi integrata f’entità fiskali suġġetta għat-taxxa f’dan l-aħħar Stat.

22      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni Komunitarja ma sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 38).

23      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm fid-dritt fiskali r-residenza tal-persuni taxxabbli tikkostitwixxi fattur li jista’ jiġġustifika regoli nazzjonali li jimplikaw trattament differenti bejn persuni taxxabbli residenti u persuni taxxabbli mhux residenti, madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ. Fil-fatt, jekk jiġi ammess li l-Istat Membru ta’ stabbiliment jista’ f’kull każ japplika trattament differenti minħabba l-fatt biss li l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija jinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 43 KE jitlef is-sinjifikat tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 18, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

24      Is-sitwazzjoni ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma sussidjarja residenti u dik ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma sussidjarja mhux residenti huma, fid-dawl tal-għan ta’ sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, oġġettivament paragunabbli peress li t-tnejn li huma jfittxu li jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ din is-sistema li tippermetti, b’mod partikolari, li l-profitti u t-telf tal-kumpanniji integrati fl-entità fiskali waħda jiġu kkonsolidati fil-livell tal-kumpannija parent u li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan il-grupp ikunu ta’ natura fiskalment newtra.

25      Għandu jiġi eżaminat jekk trattament differenti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

26      Sabiex ikun iġġustifikat, dan it-trattament differenti għandu jkun jista’ jiggarantixxi t-twettieq tal-għan invokat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95, Ġabra p. I-2471, punt 26; tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 49, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il-fuq, punt 35).

27      Il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li t-trattament differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ġġustifikat sabiex jiġi mħares, b’mod partikolari, it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni fost l-Istati Membri.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jista’ jirrendi neċessarja l-applikazzjoni, għall-attivitajiet ekonomiċi ta’ kumpanniji stabbiliti f’wieħed minn dawn l-Istati, biss tar-regoli fiskali ta’ dan l-Istat, kemm fir-rigward tal-profitti kif ukoll tat-telf (ara s-sentenzi Marks & Spencer, iċċitata iktar’il fuq, punt 45, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 31).

29      Fil-fatt, il-fatt li l-kumpanniji jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu jekk it-telf tagħhom jitteħidx inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti jew inkella fi Stat Membru ieħor jikkomprometti kunsiderevolment it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, peress li l-bażi taxxabbli tiżdied fl-ewwel Stat u tonqos fit-tieni wieħed, skont it-telf ittrasferit (ara s-sentenzi ċċitati iktar’il fuq, Marks & Spencer, punt 46 ; Oy AA, punt 55 kif ukoll Lidl Belgium, punt 32).

30      Dan jgħodd ukoll fir-rigward ta’ sistema ta’ integrazzjoni fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31      Peress li l-kumpannija parent tista’ liberalment tiddeċiedi li tifforma entità fiskali mas-sussidjarja tagħha u daqstant liberament tiddeċiedi li xxolji din l-entità minn sena għall-oħra, il-possibbiltà li ma’ din l-entità fiskali tiġi inkluża sussidjarja mhux residenti tkun tfisser li l-kumpannija parent titħalla libera li tagħżel is-sistema fiskali applikabbli għat-telf ta’ din is-sussidjarja u l-post ta’ fejn dan it-telf għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

32      Peress li l-kompożizzjoni tal-entità fiskali tista’ tinbidel b’dan il-mod, il-fatt li tiġi ammessa l-possibbiltà li sussidjarja mhux residenti tiġi inkluża fiha jkollu l-konsegwenza li l-kumpannija parent titħalla tagħżel liberament l-Istat Membru fejn hija tinvoka t-telf ta’ din is-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Oy AA, punt 56, u Lidl Belgium, punt 34).

33      Sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, barra minn hekk, iġġustifikata fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi mħares it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni fost l-Istati Membri.

34      Peress li sistema bħal din tista’ tiggarantixxi t-twettieq ta’ dan l-għan, fadal li jiġi eżaminat jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

35      X Holding u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward isostnu li l-ifformar ta’ entità fiskali waħda fit-territorju nazzjonali jagħmel, mill-perspettiva fiskali, lis-sussidjarji residenti simili għal stabbilimenti permanenti. Huma jsostnu li, b’analoġija, fil-kuntest ta’ entità fiskali transkonfinali s-sussidjarji mhux residenti jistgħu jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-istabbilimenti permanenti barranin. Huma jsostnu li t-telf ta’ stabbiliment permanenti jista’ jiġi temporanjament impaċi mal-profitti tal-kumpannija parent skont sistema ta’ trasferiment temporanju tat-telf flimkien ma’ sistema ta’ rkupru matul is-snin sussegwenti. L-applikazzjoni ta’ din is-sistema ta’ trasferiment fir-rigward ta’ sussidjarji mhux residenti tista’ tikkostitwixxi mezz inqas oneruż, milli l-projbizzjoni li kumpannija parent residenti tifforma entità fiskali waħda ma sussidjarja mhux residenti, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

36      Dan l-argument għandu madankollu jiġi miċħud.

37      Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li Stat Membru jiddeċiedi li jaċċetta t-tpaċija temporanja tat-telf ta’ stabbiliment permanenti barrani fl-Istat tal-uffiċċju rreġistrat tal-impriża ma jfissirx li huwa għandu jestendi din il-possibbiltà fil-konfront tas-sussidjarji mhux residenti ta’ kumpannija parent residenti.

38      L-istabbilimenti permanenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor u s-sussidjarji mhux residenti effettivament mhumiex f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni kif jirriżulta minn ftehim bħalma huwa l-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, u b’mod partikolari mill-Artikoli 7(1) u 23(2) tiegħu. Fil-fatt, filwaqt li sussidjarja, li hija persuna ġuridika awtonoma, hija kompletament suġġetta għat-taxxa f’dak l-Istat, li huwa parti għal ftehim bħal dan, fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, dan ma jgħoddx għall-istabbilimenti permanenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jibqa’, bħala prinċipju u parzjalment, suġġett għall-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ oriġini.

39      Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’każijiet oħra, li l-libertà mogħtija mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE lill-operaturi ekonomiċi li jagħżlu l-iktar forma legali approprjata għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor ma għandhiex tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, Oy AA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u tat-23 ta’ Frar 2006, CLT-UFA, C-253/03, Ġabra p. I-1831, punt 14).

40      Madankollu, l-Istat Membru ta’ oriġini jibqa’ liberu li jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-livell ta’ taxxa tad-diversi forom ta’ stabbilimenti tal-kumpanniji nazzjonali li joperaw f’pajjiż barrani, bil-kundizzjoni li jagħtihom trattament li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak mogħti lill-istabbilimenti nazzjonali paragunabbli (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C-298/05, Ġabra p. I-10451, punti 51 u 53). Peress li, kif ġie indikat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-istabbilimenti permanenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor u s-sussidjarji mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni, konsegwentement, l-Istat Membru ta’ oriġini mhuwiex marbut li fil-konfront tal-kumpanniji sussidjarji mhux residenti japplika l-istess sistema fiskali li huwa japplika fil-konfront tal-istabbilimenti permanenti barranin.

41      Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni jikkonsisti fil-possibbiltà mogħtija lill-kumpanniji parent residenti u lis-sussidjarji residenti tagħhom li jiġu ntaxxati bħallikieku jifformaw entità fiskali waħda, kull estensjoni ta’ dan il-vantaġġ għas-sitwazzjonijiet transkonfinali jkollha l-effett, kif ġie indikat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li l-kumpanniji parent jitħallew jagħżlu liberament l-Istat Membru fejn huma jinvokaw it-telf tas-sussidjarja mhux residenti tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Oy AA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

42      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata mal-għanijiet imfittxija minnha.

43      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lil kumpannija parent il-possibbiltà li tistabbilixxi entità fiskali waħda mas-sussidjarja residenti tagħha, iżda li tipprekludi l-istabbiliment ta’ tali entità fiskali waħda fil-każ ta’ sussidjarja mhux residenti meta l-profitti ta’ din tal-aħħar mhumiex suġġetti għal-liġi fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lil kumpannija parent il-possibbiltà li tistabbilixxi entità fiskali waħda mas-sussidjarja residenti tagħha, iżda li tipprekludi l-istabbiliment ta’ tali entità fiskali waħda fil-każ ta’ sussidjarja mhux residenti meta l-profitti ta’ din tal-aħħar mhumiex suġġetti għal-liġi fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.