Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

24.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/17


Rikors ippreżentat fl-14 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-492/08)

(2009/C 19/30)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: M. Afonso, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li billi tapplika rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għas-servizzi mogħtija mill-avukati, avukati li jistgħu jidhru quddiem il-Conseil d'État u l-Cour de cassation u l-prokuraturi legali, li għalihom dawn huma mħallsa totalment jew parzjalment mill-Istat bħala għajnuna legali, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva tal-VAT (1);

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tikkontesta l-applikazzjoni, mill-konvenuta, ta' rata mnaqqsa ta' VAT għas-servizzi pprovduti bħala għajnuna legali mill-avukati, l-avukati li jistgħu jidhru quddiem il-Conseil d'État u l-Cour de cassation kif ukoll il-prokuraturi legali, peress li l-imsemmija servizzi ma jaqgħu taħt ebda waħda mill-kategoriji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112/KE.

Sabiex jiġu kkonfutati t-tliet argumenti prinċipali tal-konvenuta, il-Kummissjoni l-ewwel nett tikkunsidra li l-garanzija tal-aċċess għall-ġustizzja ma tistax tkun raġuni rilevanti sabiex issir eċċezzjoni għar-rata normali tal-VAT fuq is-servizzi tal-avukati peress li din il-garanzija hija aktar marbuta mal-portata tal-għajnuna mogħtija mill-Istat, milli mar-rata ta' VAT stabbilita b'mod uniformi fuq il-livell Komunitarju.

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-karattru soċjali tal-attivitajiet inkwistjoni mhuwiex suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu inklużi fil-kategoriji l-oħra tas-servizzi msemmija fl-Anness III tad-direttiva, li għalihom hija permessa rata mnaqqsa meta mqabbla mar-rata normali applikabbli. Fil-fatt, b'mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni restrittiva tan-natura ta' dawn is-servizzi hija neċessarja sabiex jinżamm il-karattru eżawrjenti ta' dan l-anness.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-għan kemm tal-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll tal-Anness III tagħha mhuwiex dak li jiġi evitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni bejn operaturi ekonomiċi li jipprovdu l-istess prodotti jew servizzi, iżda aktar sempliċement dak li tiġi mħeġġa armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, billi jiġu approssimati r-rati ta' VAT applikati u billi jiġu limitati l-operazzjonijiet li fir-rigward tagħhom tista' tiġi applikata rata mnaqqsa.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).