Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

4.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/12


Rikors ippreżentat fil-15 ta' Jannar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-20/09)

(2009/C 82/23)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyan u A. Caeiros, agenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tiddikjara li, bil-fatt li, fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni fis-sens tal-Liġi Nru 39-A/2005, ir-Repubblika Portugiża pprovdiet għal trattament fiskali preferenzjali għat-titoli ta' dejn pubbliku maħruġa biss mill-Istat Portugiż, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 56 KE u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'Settembru 2005, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-inkompatibbiltà ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-“Regime Excepcional de Regularização Tributária de elementos patrimoniais que não se encontrem no território português em 31 de Dezembro de 2004” (Regoli Straordinarji dwar ir-Regolarizzazzjoni Fiskali tal-assi kapitali li ma jinsabux fit-territorju Portugiż fil-31 ta' Diċembru 2004), approvat bil-Liġi Nru 39 — A/2005 tad-29 ta' Lulju 2005, mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Mill-imsemmi Regime Excepcional jirriżulta li, fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni fiskali, il-persuni taxxabbli kellhom iħallsu somma korrispondenti għall-applikazzjoni ta' rata ta' 5 % tal-valur tal-assi kapitali indikati fid-dikjarazzjoni ta' regolarizzazzjoni fiskali u li, fejn l-assi kapitali kollha elenkati f'tali dikjarazzjoni jew uħud minnhom kienu titoli tal-Istat Portugiż, l-imsemmija rata kellha titnaqqas bin-nofs fir-rigward ta' tali titoli u dan it-tnaqqis kellu jiġi applikat ukoll għal assi kapitali oħra fil-każ li l-valur relattiv ikun ġie investit mill-ġdid f'titoli tal-Istat Portugiż sad-data li fiha tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni ta' regolarizzazzjoni fiskali.

Il-Kummissjoni tqis li r-Regime Excepcional de Regularização Tributária jagħti vantaġġ f'dak li jirrigwarda r-ripatrijazzjoni tal-assi kapitali u l-investiment f'titoli tal-Istat Portugiż li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa għall-assi kapitali li jkunu titoli tal-Istat Portugiż jew għall-valur tal-assi kapitali investit mill-ġdid f'titoli tal-Istat Portugiż. Fil-fatt, il-persuni li jinqdew b'dawn ir-regoli huma dissważi milli jżommu l-assi tagħhom irregolarizzati f'forom oħra li ma jkunux titoli tal-Istat Portugiż.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej diġà ddikjarat li regola fiskali nazzjonali li tkun ta' natura li tiddisswadi lill-persuni taxxabbli milli jagħmlu investimenti fi Stati Membri oħra tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

F'dan il-każ, minkejja li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li t-titoli ta' dejn pubbliku jgawdu trattament fiskali iktar vantaġġuż, hija tqis li rata ta' taxxa iktar baxxa applikabbli biss għall-assi kapitali regolarizzati li jkunu titoli tal-Istat Portugiż hija restrizzjoni diskriminatorja fuq il-moviment tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 56 KE u li hija ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 58 KE.

Ir-regoli tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea relattivi għall-moviment tal-kapital huma essenzjalment identiċi għal dawk previsti fit-Trattat KE. Għaldaqstant, il-fatt li persuni li setgħu jibbenefikaw mir-Regime Excepcional de Regularização Tributária ġew dissważi milli jżommu l-assi kapitali tagħhom irregolarizzati fin-Norveġja, f'Liechtenstein jew fl-Iżlanda jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital, ipprojbita mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.