Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-56/09

Emiliano Zanotti

vs

Agenzia delle Entrate - Ufficio Roma 2

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Commissione tributaria provinciale di Roma)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikoli 18 KE u 49 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul — Dritt għal tnaqqis mill-ammont gross tat-taxxa, sa perċentwali fiss tat-total tal-ispejjeż ta’ tagħlim — Kors universitarju segwit fi Stat Membru ieħor — Impożizzjoni ta’ limitu kwantitattiv — Tnaqqis li ma jaqbiżx il-massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa għal servizzi simili pprovduti minn universitajiet pubbliċi nazzjonali — Impożizzjoni ta’ limitu territorjali — Tnaqqis li ma jaqbiżx il-massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa għal servizzi simili pprovduti mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxi fuq id-dħul — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ korsijiet ta’ tagħlim universitarju mogħtija minn stabbilimenti universitarji privati li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Inammissibbiltà — Possibbiltà li jitnaqqsu l-imsemmija spejjeż sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrispondenti għal korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli — Ammissibbiltà

(Artikolu 49 KE)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxi fuq id-dħul — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ korsijiet ta’ tagħlim universitarju mogħtija minn stabbilimenti universitarji li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Inammissibbiltà — Possibbiltà li jitnaqqsu l-imsemmija spejjeż sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrispondenti għal korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli — Ammissibbiltà

(Artikolu 18 KE)

1.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens:

- li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mogħti mill-istabbilimenti universitarji li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, iżda li teskludi, b’mod ġenerali, din il-possibbiltà fir-rigward ta’ spejjeż ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju privat stabbilit fi Stat Membru ieħor;

- li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju privat, stabbilit fi Stat Membru ieħor, sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrispondenti stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

(ara l-punt 66 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat fis-sens:

- li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mogħti mill-istabbilimenti li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda li teskludi, b’mod ġenerali, din il-possibbiltà fir-rigward ta’ spejjeż ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor;

- li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrispondenti stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

(ara l-punt 78 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Mejju 2010 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi − Cittadinanza tal-Unjoni − Artikoli 18 KE u 49 KE − Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul − Dritt għal tnaqqis mill-ammont gross tat-taxxa, sa perċentwali fiss tat-total tal-ispejjeż ta’ tagħlim − Kors universitarju segwit fi Stat Membru ieħor − Impożizzjoni ta’ limitu kwantitattiv − Tnaqqis li ma jaqbiżx il-massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa għal servizzi simili pprovduti minn universitajiet pubbliċi nazzjonali − Impożizzjoni ta’ limitu territorjali − Tnaqqis li ma jaqbiżx il-massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa għal servizzi simili pprovduti mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli”

Fil-Kawża C-56/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Roma (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2009, fil-proċedura

Emiliano Zanotti

vs

Agenzia delle Entrate - Ufficio Roma 2,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E. Zanotti, minn C. Romano u E. Zanotti, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Aresu u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE u 18 KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, rispettivament.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Zanotti u l-Agenzia delle Entrate - Ufficio Roma 2 (iktar ’il quddiem l-“Agenzia”) dwar it-tnaqqis mill-ammont gross tat-taxxa tal-ispejjeż intiżi għall-ħlas tal-parteċipazzjoni f’kors universitarju mogħti fi Stat Membru ieħor.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Skont l-Artikolu 15(1)(e) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japprova test uniku dwar it-taxxi fuq id-dħul (iktar ’il quddiem it-“TUTD”):

“Mill-ammont gross tat-taxxa għandu jitnaqqas ammont ugwali għal 19 % tal-imposti li ġejjin, sostnuti mill-persuna taxxabbli, jekk dawn ma jitnaqqsux meta jiġu ddeterminati d-diversi dħul li jikkontribwixxu sabiex jifformaw id-dħul globali:

[…]

e) l-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ tagħlim sekondarju u universitarju, sa limitu li ma jaqbiżx il-massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati tal-istabbilimenti statali.”

4        Mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Ministeru tal-Finanzi adotta ċirkulari li jindikaw il-mod kif għandhom jiġu interpretati u implementati d-dispożizzjonijiet tat-TUTD.

5        Il-punt 1.5.1 taċ-Ċirkulari Nru 95 tal-Ministeru tal-Finanzi, tat-12 ta’ Mejju 2000 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkolari Nru 95/2000”), jipprovdi li l-ispejjeż għall-attendenza fi stabbilimenti jew f’universitajiet privati jew barranin jistgħu jitnaqqsu sal-limitu massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa għal servizzi simili pprovduti mill-istabbilimenti pubbliċi Taljani. Għall-finijiet tat-tnaqqis tal-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet universitarji barra mill-pajjiż, għandu jsir riferiment għall-ispejjeż korrespondenti stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika Taljana li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

6        Iċ-Ċirkulari Nru 11 tal-Ministeru tal-Finanzi, tat-23 ta’ Mejju 1987 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari Nru 11/1987”), tipprovdi li, għall-finijiet tat-tnaqqis ta’ miżati mħallsa mill-istudenti tal-universitajiet privati fl-Italja, korsijiet tal-“laurea” mogħtija mill-imsemmija universitajiet għandhom jiġi ekwiparati ma’ korsijiet identiċi jew simili għal dawk mogħtija mill-università pubblika Taljana li tinsab fl-istess belt tal-università privata, jew li tinsab f’belt tal-istess reġjun.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Matul is-sena akkademika 2003-2004, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa avukat tat-taxxa residenti f’Ruma, għamel Master fil-Liġi Internazzjonali tat-Taxxa fi ħdan l-International Tax Center (iktar ’il quddiem l-“ITC” ta’ Leyde (l-Pajjiżi l-Baxxi).

8        Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu għas-sena fiskali 2003, mill-ammont gross tat-taxxa, ir-rikorrent naqqas l-ammont ugwali għal 19 % tal-ispejjeż imġarrba għall-attendenza tal-imsemmi Master skont l-imposti li jistgħu jitnaqqsu għall-ispejjeż ta’ tagħlim universitarji, skont l-Artikolu 15(1)(e) tat-TUTD. Dawn l-ispejjeż tal-aħħar ġew ikkwantifikati għal EUR 12 000.

9        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għall-finijiet tat-tnaqqis, l-Agenzia rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-edukazzjoni għall-kors ta’ speċjalizzazzjoni li E. Zanotti attenda għalih fil-Pajjiżi l-Baxxi u anki eskludiet kompletament it-tnaqqis mingħajr ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni xierqa, b’mod partikolari, fuq ir-raġunijiet li minħabba fihom l-ammont li jista’ jitnaqqas ma setax jiġi ddeterminat b’riferiment għal dak eventwalment mitlub minn stabbiliment nazzjonali ta’ tagħlim simili, kif tipprovdi l-leġiżlazzjoni nazzjonali.

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fit-8 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie nnotifikat b’kont tat-taxxa għall-ammont ta’ EUR 2 621.84 relattiv għall-kalkolu tad-dikjarazzjoni tat-taxxa rigward is-sena fiskali 2003.

11      Fl-14 ta’ Diċembru 2007, huwa kkontesta dan il-kont quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Roma, billi oġġezzjona għall-fatt li t-tnaqqis inkwistjoni ma ġiex rrikonoxxut u billi invoka l-inkompatibbiltà tal-limiti ta’ tnaqqis ipprovdut mil-leġiżlazzjoni Taljana mad-dritt Komunitarju.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria provinciale di Roma ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipji ġenerali tat-Trattat u tad-dritt komuni Ewropew dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u sħiħa, kif ukoll dwar it-trattament ugwali u l-libertà ta’ moviment, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 15[1](e) ta[t-TUTD] u tal-punt 1.5.1 taċ-Ċirkolari Nru 95[/2000], u l-limitu li jirriżulta minnhom għal dak li jikkonċerna r-rikonoxximent tal-imposti msemmija mill-imsemmija dispożizzjonijiet imur kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja?”

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

13      Mingħajr ma jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’mod formali, il-Gvern Taljan iqis li d-domanda preliminari ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, l-awtorità fiskali Taljana ma eskludietx kompletament it-tnaqqis tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-korsijiet ta’ tagħlim mogħtija barra mill-pajjiż, iżda sempliċement naqqset l-ammont li jista’ jitnaqqas billi rreferiet għal-limiti kwantitattivi u territorjali applikabbli skont il-leġiżlazzjoni Taljana. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità fiskali dwar l-identifikazzjoni tal-korsijiet simili, li fir-rigward tagħhom għandu jiġi kkalkolat l-ammont tar-rimbors u l-identifikazzjoni tal-kors magħmula, kinux preċiżi u xierqa.

14      Din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’.

15      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta li tivverifika l-eżattezza tiegħu, huma preżunti rilevanti. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha ebda relazzjoni mar-realità u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      F’dan il-każ, minkejja nuqqas ta’ ċarezza fid-deċiżjoni tar-rinviju rigward il-kwistjoni jekk it-tnaqqis mill-ammont gross tat-taxxa mitlub ġiex irrifjutat jew sempliċement imnaqqas, ma jidhirx b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha ebda relazzjoni mar-realità u mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

17      Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta jew ir-rifjut tat-tnaqqis, mill-ammont gross tat-taxxa, tal-ispejjeż ta’ tagħlim imġarrba fi stabbiliment privat li jinsab fi Stat Membru ieħor minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kors ta’ speċjalizzazzjoni li għandu karatteristiċi komparabbli fl-Italja, jew il-limitu tat-tnaqqis fiskali li huwa jqis li għandu dritt għalih bis-saħħa tal-impożizzjoni tal-limiti kwantitattivi u territorjali li jvarjaw skont jekk il-kors tat-tagħlim inkwistjoni huwiex offert minn stabbiliment privat li jinsab fl-Italja jew minn stabbiliment fi Stat Membru ieħor.

18      Id-domanda preliminari hija magħmula sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħat-TUTD u bħalma hija interpretata u applikata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa evidenti li ma hijiex nieqsa mir-rilevanza.

19      Il-Gvern Taljan isostni wkoll li d-deċiżjoni tar-rinviju ma hijiex ċara rigward id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju inkwistjoni. Fuq il-bażi tal-atti tal-proċess nazzjonali u ta’ din id-deċiżjoni, ma huwa possibbli li jiġi rrilevat ebda element li jista’ jippermetti l-identifikazzjoni ta’ rabta bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

20      Din l-oġġezzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda.

21      Kif isostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk id-drittijiet għall-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-Unjoni u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbiliti rispettivament mill-Artikoli 18 KE u 49 KE, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta t-tnaqqis, mill-ammont gross tat-taxxa, tal-ispejjeż għall-attendenza f’korsijiet universitarji fi Stat Membru ieħor, jew fi kwalunkwe każ, li tillimita dawn l-ispejjeż għal dawk korrespondenti, li huma stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

22      Minn dan jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 18 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata u applikata mill-awtoritajiet nazzjonali, li teskludi t-tnaqqis, mill-ammont gross tat-taxxa, tal-ispejjeż għall-attendenza ta’ kors ta’ tagħlim universitarju fi Stat Membru ieħor, filwaqt li l-imsemmija spejjeż jistgħu jitnaqqsu fir-rigward tal-korsijiet ta’ tagħlim universitarju mogħtija minn stabbilimenti stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew li tippermetti t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-attendenza ta’ tali korsijiet iżda b’limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrispondenti, li huma stabbiliti għall-attendenza f’korsijiet simili mogħtija mill-universita pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli

24      Preliminarjament għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet li jiżguraw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma espressjoni speċifika  tal-Artikolu 18 KE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt, għal kull ċittadin tal-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati. Għaldaqstant, jekk il-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 49 KE, ma jkunx meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C-92/01, Ġabra p. I-1291, punt 18, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C-76/05, Ġabra p. I-6849, punt 34).

25      Għaldaqstant ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-Artikolu 18(1) KE ħlief sa fejn il-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

26      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, qabel kollox, li, għalkemm it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50 KE jsemmi biss il-libertà attiva li jiġu pprovduti servizzi fejn il-fornitur tas-servizz jiċċaqlaq lejn id-destinatarju tas-servizz, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà tad-destinatarju tas-servizz li jmur fi Stat Membru ieħor fejn jinstab il-fornitur sabiex jibbenefika minn dawn is-servizzi f’dak l-Istat Membru (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punti 10 u 16).

27      Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna t-trattament fiskali, fl-Istat Membru ta’ residenza tad-destinatarju tas-servizzi, tal-ispejjeż ta’ tagħlim imġarrba fi stabbiliment universitarju li jinsab fi Stat Membru ieħor.

28      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-korsijiet mogħtija minn stabbiliment universitarju, bħall-ITC, jikkostitwixxux “servizzi normalment mogħtija bi ħlas”, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 KE.

29      Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, sostnuti wkoll mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-ITC huwa stabbiliment privat li jopera f’kollaborazzjoni mal-università pubblika ta’ Leyde. Min-naħa l-oħra, l-Gvern Taljan isostni li n-natura privata jew pubblika tal-imsemmi stabbiliment ma toħroġx ċara mill-proċess.

30      Diġà ġie deċiż li, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 KE, il-karatteristika essenzjali tal-ħlas hija li dan il-ħlas jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel, 263/86, Ġabra p. 5365, punt 17; tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punt 58, u Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

31      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 50 KE, il-korsijiet mogħtija minn ċerti stabbilimenti li kienu jagħmlu parti minn sistema ta’ tagħlim pubbliku u li kienu ffinanzjati, kompletament jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, billi jistabbilixxi u billi jżomm sistema ta’ tagħlim pubbliku bħal din, iffinanzjata bħala regola ġenerali mill-baġit pubbliku u mhux mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, l-intenzjoni tal-Istat ma tkunx li jeżerċita attivitajiet bi ħlas iżda li jissodisfa l-missjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Humbel u Edel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 u 18, u tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth, C-109/92, Ġabra p. I-6447, punti 15 u 16).

32      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati, b’mod partikolari mill-istudenti u l-ġenituri tagħhom, jikkostitwixxu “servizzi” fis-sens tal-Artikolu 50 KE peress li l-għan ta’ dawn l-istabbilimenti huwa, fil-fatt, li joffru servizz bi ħlas (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wirth, punt 17, u Schwarz u Gootjes-Schwarz, punt 40).

33      Għaldaqstant korsijiet iffinanzjati, essenzjalment, mill-persuni li jixtiequ jiksbu taħriġ jew speċjalizzazzjoni professjonali, għandhom jitqiesu bħala servizzi fis-sens tal-Artikolu 50 KE.

34      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-fatti, u b’mod partikolari, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kors ta’ speċjalizzazzjoni segwit mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

35      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 49 KE japplika għal fatti bħal dawk fil-kawża prinċipali peress li l-persuna taxxabbli fi Stat Membru tattendi stabbiliment universitarju fi Stat Membru ieħor, li jista’ jitqies bħala fornitur ta’ servizzi bi ħlas, jiġifieri li huwa ffinanzjat essenzjalment minn fondi privati, u din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

36      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Agenzia rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ tagħlim għall-kors ta’ speċjalizzazzjoni li E. Zanotti attenda għalih fil-Pajjiżi l-Baxxi, mingħajr ma tat ebda ġustifikazzjoni valida f’dan ir-rigward.

37      Min-naħa tiegħu, E. Zanotti sostna li, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Master li ħa fl-ITC ma seta jinkiseb f’ebda istituzzjoni ġewwa l-Italja, sew jekk pubblika jew privata. Fin-nuqqas ta’ korsijiet ta’ perfezzjonament sostanzjalment ekwivalenti, kemm fil-kontenut tagħhom, kif ukoll fl-istruttura tat-taħriġ, organizzati minn universitajiet Taljani, huwa jsostni li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli, l-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet universitarji jew postgraduate barra mill-pajjiż, ma jistgħu jitnaqqsu b’ebda mod.

38      Min-naħa l-oħra, skont l-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Taljan, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ġiex irrifjutat it-tnaqqis stabbilit mit-TUTD, iżda l-ammont tat-tnaqqis ġie sempliċement mibdul, billi minn EUR 2 481 tnaqqas għal EUR 676. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar it-taxxa, interpretata u applikata fid-dawl taċ-Ċirkulari Nru 95/2000 u 11/1987, ma teskludix it-tnaqqis ta’ spejjeż ta’ tagħlim, iżda tipprovdi l-applikazzjoni ta’ limiti kwantitattivi u territorjali għall-kalkolu tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu.

39      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk il-leġizlazzjoni Taljana dwar it-taxxa, kif interpretata u applikata mill-awtoritajiet kompetenti, twassalx sabiex it-tnaqqis tal-ammont gross tat-taxxa, kif mitlub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-ispejjeż ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi Stat Membru ieħor, jiġi rrifjutat, jew jekk twassalx għal tnaqqis, fl-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu, skont il-limiti msemmija iktar ’il fuq.

40      Fil-każ li tnaqqis jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli li attendiet stabbiliment privat li jinsab fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali, id-dritt li jitnaqqsu, mill-ammont gross tat-taxxa, spejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ tagħlim universitarju offruti fi Stat Membru ieħor, filwaqt li din il-possibbiltà teżisti fir-rigward tal-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ tagħlim universitarju offruti f’dan l-Istat Membru, iwassal għal piż fiskali ikbar għall-persuni taxxabbli li jattendu stabbilimenti universitarji barra mill-pajjiż.

41      Leġiżlazzjoni bħal din għandha l-effett li tiskoraġġixxi l-persuni taxxabbli residenti fl-Italja milli jattendu korsijiet ta’ tagħlim universitarju fi stabbilimenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, hija tostakola wkoll l-offerta ta’ taħriġ minn stabbilimenti ta’ tagħlim privati stabbiliti fi Stati Membri oħrajn intiżi għall-persuni taxxabbli residenti fl-Italja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 40).

42      Leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mill-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Smits u Peerbooms, punt 61, u Schwarz u Gootjes-Schwarz, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Ostakolu bħal dan ma jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tad-dritt Komunitarju ħlief jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanaza tal-persuni kkonċernati u jekk ikun proporzjonat mal-iskop leġittimu tad-dritt nazzjonali.

44      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li ebda ġustifikazzjoni ma ngħatat f’dan il-każ.

45      Fil-każ li tnaqqis, mill-ammont gross tat-taxxa, tal-ispejjeż tal-korsijiet ta’ tagħlim universitarju offruti fi Stat Membru ieħor, kien ġie aċċettat, filwaqt li xorta jibqa’ suġġett għal-limiti kwantitattivi u territorjali, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 15(1)(e) tat-TUTD jirriżulta li tnaqqis, mill-ammont gross tat-taxxa, ta’ ammont ugwali għal 19 % tal-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ tagħlim sekondarju u universitarju, huwa pprovdut sa limitu li ma jaqbiżx il-massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati tal-istabbilimenti nazzjonali.

46      Filwaqt li l-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ tagħlim f’Stat Membru ieħor jistgħu jitnaqqsu sal-limitu massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika Taljana li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli, l-ispejjeż imġarrba fi stabbiliment privat fl-Italja jistgħu jitnaqqsu sal-limitu massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati għall-attendenza f’università pubbika Taljana li tinsab fl-istess belt jew, fil-każ li ma jkunx hemm, li tinsab fl-istess reġjun tal-imsemmi stabbiliment privat.

47      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, dawn il-limiti kwantitattivi u territorjali jirriżultaw mill-Artikolu 15(1)(e) tat-TUTD, kif interpretati u applikati mill-awtoritajiet fiskali kompetenti, fid-dawl taċ-Ċirkulari Nri 95/2000 u 11/1987.

48      Matul is-seduta, il-valur u l-applikabbiltà tal-imsemmija ċirkulari ġew ikkontestati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li sostna li dawk kienu nieqsa minn saħħa vinkolanti u li, fi kwalunkwe każ, iċ-Ċirkulari Nru 11/1987 tikkonċerna dispożizzjoni tat-TUTD li ma hijiex l-Artikolu 15(1)(e) u ma tapplikax għall-fatti tal-kawża prinċipali.

49      Madankollu, ikun xi jkun il-valur vinkolanti tal-imsemmija ċirkulari u l-applikabbiltà tagħhom fil-kawża prinċipali, li hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(e) tat-TUTD u tal-kalkolu tal-ammont ta’ spejjeż li jistgħu jitnaqqsu, l-awtoritajiet kompetenti Taljani japplikaw il-limit kwantitattivi u territorjali msemmija iktar ’il fuq.

50      Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, dawn il-limiti jolqtu iktar lill-persuni li jagħżlu kors fi Stat Membru ieħor milli minn dawk li jagħżlu kors fl-Italja.

51      Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 49, jidher li, minn naħa, il-limitu kwantitattiv inkwistjoni japplika kemm għall-istabbilimenti privati li jinsabu fl-Italja, kif ukoll għal dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra.

52      Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-limitu territorjali, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, jekk il-persuna taxxabbli Taljana tattendi kors ta’ tagħlim universitarju fi Stat Membru ieħor, l-ispejjeż tagħha jistgħu jitnaqqsu sal- limitu massimu ffissat għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati tal-università pubblika Taljana li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tiegħu fl-Italja u li toffri korsijiet simili, filwaqt li jekk l-istess persuna taxxabbli tattendi korsijiet simili offruti minn stabbiliment universitarju privat fl-Italja, il-limitu huwa stabbilit skont il-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati tal-università pubblika Taljana ta’ dik il-belt jew, jekk ma jkunx hemm waħda, dik li tinsab fir-reġjun fejn jinsab l-imsemmi stabbiliment privat

53      Jekk jitqies li din il-preżentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(e) tat-TUTD hija korretta, minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli li tiddeċiedi li tattendi stabbiliment universitarju privat fl-Italja, ma għandhiex, bħala punt ta’ riferiment għall-iffissar tal-limitu għat-tnaqqis tal-ispejjeż, medda wiesgħa ta’ stabbilimenti universitarji pubbliċi fuq it-territorju nazzjonali kollu, filwaqt li l-persuni taxxabbli li jagħżlu li jieħdu kors barra mill-pajjiż huma, min-naħa l-oħra, marbuta mil-limitu kkostitwit mill-ispejjeż ta’ kors simili mogħti mill-istabbiliment pubbliku li jinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tagħhom.

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li sabiex ikun evitat piż finanzjarju eċċessiv, Stat Membru jista’ jillimita l-ammont li jista’ jitnaqqas fir-rigward tal-ispejjeż ta’ tagħlim għal ammont partikolari, li jikkorrispondi għat-tnaqqis fiskali mogħti minn dan l-Istat Membru, fid-dawl ta’ ċerti valuri li huma partikolari għalih, fir-rigward tal-attendenza fi stabbilimenti edukattivi li jinsabu fit-territorju tiegħu (ara s-sentenza Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

55      F’dan il-każ, bħala risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ġie spjegat mir-rikorrent, mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni, li l-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa lill-universitajiet pubbliċi Taljani jisgħu jvarjaw minn università għal oħra skont it-taxxi reġjonali applikabbli kif ukoll skont il-fatt li l-kunsill amministrattiv ta’ kull università pubblika jiffissa, b’mod awtonomu, miżati għall-attendenza tal-korsijiet.

56      Jibqa’ l-fatt li din il-varjazzjoni taffettwa mhux biss l-iffissar tal-limitu massimu applikabbli għall-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu minn persuna taxxabbli li tattendi stabbiliment privat fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll l-iffissar tal-limitu applikabbli għall-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu minn persuna taxxabbli li tieħu korsijiet mogħtija minn stabbiliment privat fl-Italja.

57      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipproduċi varjazzjonijiet bħal dawn, li jaffettwaw kemm il-persuni taxxabbli li jattendu korsijiet ta’ tagħlim fl-Italja, kif ukoll dawk li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu sabiex jattendu korsijiet bħal dawn fi Stati Membri oħra, u li jirriżultaw mill-fatturi indikati fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu  49 KE.

58      Fil-fatt, it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ tagħlim imġarrba mill-persuna taxxabbli ma huwiex suġġett għal sistema fiskali differenti, skont jekk il-kors ta’ tagħlim segwit seħħx fi Stat Membru ieħor jew fl-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ, billi r-rikorrent attenda kors ta’ tagħlim mogħti minn stabbiliment universitarju li jinsab fi Stat Membru ieħor, mhux neċessarjament sab ruħu f’sitwazzjoni żvantaġġuża meta mqabbla ma’ dik li kien jinsab fiha kieku kien attenda università privata li tinsab fl-Italja, għal dak li jikkonċerna t-tnaqqis fiskali inkwistjoni. Fil-fatt, skont l-università privata li kieku kien jagħżel fl-Italja, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu kien ikun ftit jew wisq ogħla meta mqabbel ma’ dak ikkalkolat b’riferiment għall-ispejjeż stabbiliti għall-attendenza fl-università pubblika Taljana li tinsab l-eqreb tar-residenza fiskali tiegħu, jiġifieri l-punt ta’ riferiment applikat għall-korsijiet ta’ tagħlim mogħtija fi Stati Membri oħra.

59      Dawn il-punti ta’ riferiment huma intiżi sabiex jiddeterminaw l-ammont tal-ispejjeż ta’ tagħlim imħallsa lil stabbiliment privat, li jinsab ġewwa l-Italja jew fi Stat Membru ieħor, li l-persuna taxxabbli hija awtorizzata tnaqqas.

60      Kif sostniet il-Kummissjoni, il-punt ta’ riferiment stabbilit għall-istabbilimenti privati li jinsabu fl-Italja, ma għandu ebda użu fil-każ ta’ stabbiliment privat li jinsab fi Stat Membru ieħor.

61      Anki kieku kien deċiż li, għall-istabbilimenti privati kollha li jinsabu ġewwa jew barra l-Istat Membru kkonċernat, jittieħdu bħala punt ta’ riferiment uniku matul il-kalkolu tal-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu, l-ispejjeż stabbiliti għall-attendenza f’korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika Taljana li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli, xorta jibqa’ l-fatt li l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu, ta’ persuna taxxabbli bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali li attenda stabbiliment univesitarju barra mill-pajjiż, jibqgħu l-istess.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li, mill-perspettiva tas-sistema fiskali implementata mill-Artikolu 15(1)(e) tat-TUTD, jiġi identifikat element li jista’ jiskoraġġixxi l-persuni taxxabbli li jirrisjedu fl-Italja milli jattendu korsijiet ta’ tagħlim universitarju fi stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor.

63      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni li, fl-aħħar tas-seduta kkunsidrat li l-aħjar mod sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju kien li, bħala punt ta’ riferiment, jittieħdu l-ħlas ta’ reġistrazzjoni u l-miżati mħallsa lill-università pubblika Taljana li toffri l-kors tal-ogħla livell kumparabbli għal dak segwit mill-persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor.

64      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, huma l-Istati Membri li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, għandhom jistabbilixxu kriterji relattivi għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ tagħlim universitarju li jistgħu jitnaqqsu, bil-kundizzjoni li r-regoli relatati magħhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u, b’mod partikolari, fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jiskoraġġux lill-persuni taxxabbli li jirrisjedu fl-Italja milli jattendu korsijiet ta’ tagħlim universitarju offruti minn stabbilimenti li jinsabu fi Stati Membri oħra.

65      Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata u applikata mill-awtoritajiet kompetenti, timponi limitu massimu għall-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu fil-limiti kwantitattivi u territorjali msemmija iktar ’il fuq, din il-leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 51 sa 62 ta’ din is-sentenza, ostakolu għall-Artikolu 49 KE b’tali mod li ma hijiex bżonjuza l-kunsiderazzjoni tal-kriterju alternattiv mressqa mill-Kummissjoni bħala l-iktar wieħed xieraq.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat f’dan is-sens:

–        li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mogħti mill-istabbilimenti universitarji li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda li teskludi, b’mod ġenerali, din il-possibbiltà fir-rigward tal-ispejjeż ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju privat stabbilit fi Stat Membru ieħor;

–        li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju privat, stabbilit fi Stat Membru ieħor, sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrespondenti stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

 Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni

67      Kif jirriżulta mill-punti 24 sa 35 ta’ din is-sentenza, sa fejn il-qorti tar-rinviju tista’ tikkonkludi li l-Artikolu 49 KE ma japplikax għall-fatti fil-kawża prinċipali, għandha wkoll tiġi eżaminata leġiżlazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-Artikolu 18 KE.

68      L-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawn tal-aħħar, li jkunu fl-istess sitwazzjoni li, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat KE, jiksbu l-istess trattament ġuridiku, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 31, u Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

69      Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u l-libertà ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbiliti mill-Artikolu 18 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grzelczyk, punt 33, u Schwarz u Gootjes-Schwarz, punt 87).

70      Sa fejn ċittadin tal-Unjoni għandu jirċievi, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, huwa jista’ jirċievi, trattament inqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 30, u Schwarz u Gootjes-Schwarz, punt 88).

71      Dawn l-opportunitajiet ma jistgħux jipproduċu l-effetti kollha tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jiġi skoraġġut, milli jagħmel użu minnhom, minn ostakoli magħmula fil-konfront tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti minn leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizza l-fatt li huwa eżerċitahom (sentenza Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Permezz tal-attendenza fi stabbiliment universitarju li jinsab fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, għamel użu mid-dritt tiegħu għal moviment liberu.

73      Fil-każ li leġiżlazzjoni nazzjonali, interpretata u applikata mill-awtoritajiet fiskali kompetenti b’tali mod li teskludi, b’mod ġenerali, it-tnaqqis fiskali pprovdut għall-ispejjeż ta’ tagħlim universitarju minħabba li l-imsemmija spejjeż huma mġarrba fi stabbiliment universitarju li jinsab fi Stat Membru ieħor, filwaqt li din il-possibbiltà teżisti fir-rigward tal-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ tagħlim offerti f’dan l-Istat Membru, l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun żvantaġġuża għall-persuni taxxabbli minħabba s-sempliċi fatt li jkunu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom billi jkunu marru fi Stat Membru ieħor sabiex jieħdu kors ta’ tagħlim universitarju hemmhekk.

74      Esklużjoni bħal din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni.

75      L-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ tagħlim universitarju offruti minn stabbilimenti li jinsabu fi Stati Membri oħra, ma tistax tiġi ġġustifikata mis-sempliċi fatt li servizzi simili ma humiex ipprovduti minn universitajiet pubbliċi Taljani.

76      F’dan il-każ, ebda ġustifikazzjoni ma ġiet mogħtija fir-rigward tal-allegata esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis li d-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi għaliha. Jekk Stat Membru jkun jista’ jiffissa kriterji oġġettivi abbażi tal-prinċipji partikolari għal kull Stat u li jippermettu li jiġu ddeterminati liema tipi ta’ spejjeż ta’ tagħlim jagħtu dritt għal tnaqqis fiskali, tali esklużjoni ġenerali tad-dritt għal tnaqqis minħabba s-sempliċi fatt li l-kors ta’ tagħlim huwa offrut fi Stat Membru ieħor u/jew ma hemmx wieħed ekwivalenti fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna taxxabbli, imur kontra l-Artikolu 18 KE.

77      Għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni tal-limiti kwantitattivi u territorjali msemmija fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, matul il-kalkolu tal-ammont tal-ispejjeż ta’ tagħlim li jistgħu jitnaqqsu, għandu jiġi rrilevat li, għall-istess motivi bħal dawk msemmija diġà fil-punti 51 sa 62 ta’ din is-sentenza, għal dak li jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dawn il-limiti ma jikkostitwixxux ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru kontra l-Artikolu 18 KE.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat f’dan is-sens:

–        li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż tal-korsijiet ta’ tagħlim universitarju mogħtija mill-istabbilimenti li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda li teskludi, b’mod ġenerali, din il-possibbiltà fir-rigward tal-ispejjeż ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju privat stabbilit fi Stat Membru ieħor;

–        li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrespondenti stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju, mogħti mill-istabbilimenti universitarji li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, iżda li teskludi, b’mod ġenerali, din il-possibbiltà fir-rigward ta’ spejjeż ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju privat stabbilit fi Stat Membru ieħor;

–        li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju privat, stabbilit fi Stat Membru ieħor, sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrespondenti stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

2)      L-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat fis sens:

–        li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mogħti minn stabbilimenti li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda li teskludi, b’mod ġenerali, din il-possibbiltà fir-rigward ta’ spejjeż ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor;

–        li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li, mill-ammont gross tat-taxxa, inaqqsu l-ispejjeż ta’ kors ta’ tagħlim universitarju mġarrba fi stabbiliment universitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, sal-limitu massimu ffissat għall-ispejjeż korrespondenti stabbiliti għall-attendenza ta’ korsijiet simili mogħtija mill-università pubblika nazzjonali li tinsab l-eqreb għar-residenza fiskali tal-persuna taxxabbli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.