Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

6.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien (l-Awstrija) fl-10 ta’ Marzu 2009 — Ingrid Schmelz vs Finanzamt Waldviertel

(Kawża C-97/09)

2009/C 129/08

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ingrid Schmelz

Konvenut: Finanzamt Waldviertel

Domandi preliminari

1.

L-espressjoni “kif ukoll il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż” li tinsab fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 28i tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif emendata bil-punt 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/111/KEE, tal-14 ta’ Diċembru 1992, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ta’ simplifikazzjoni fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (2), kif ukoll regola nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jiksru t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem it-“Trattat KE”), b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq. KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq. KE), jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fid-dritt Komunitarju), sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż tagħhom huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa taħt l-Artikolu 24(2) tas-Sitt Direttiva (Skema speċjali għall-impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni mit-taxxa fil-każ li l-Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad-direttivi inkwistjoni, eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar?

2.

L-espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT” li tinsab fl-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”), kif ukoll regola nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jiksru t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem it-“Trattat KE”), b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq. KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq. KE), jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fid-dritt Komunitarju), sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa taħt l-Artikoli 282 et seq. tad-Direttiva VAT (Skema speċjali għall-impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni mit-taxxa fil-każ li l-Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad-direttivi inkwistjoni, eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar?

3.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: L-espressjoni “kif ukoll il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż” li tinsab fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 28i tas-Sitt Direttiva hija invalida fis-sens tal-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE?

4.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda: L-espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT” li tinsab fl-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva VAT hija invalida fis-sens tal-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE?

5.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda: Il-kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] fis-sens tal-punt 2(ċ) tat-Titolu IX, “It-Tassazzjoni”, tal-Anness XV tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Grand Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja, li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja mal-Unjoni Ewropea (Att ta’ Adeżjoni) (4), jew fis-sens tal-Artikolu 24 tas-Sitt Direttiva (“bejgħ annwali”), għandu jiġi interpretat bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fl-Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, jew bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fit-territorju kollu tal-Komunità mill-operaturi ekonomiċi?

6.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda: Il-kunċett ta’ “fatturat annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] fis-sens tal-Artikolu 287 tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fl-Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, jew bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fit-territorju kollu tal-Komunità mill-operaturi ekonomiċi?


(1)  ĠU L 145, p. 1

(2)  ĠU L 384, p. 47

(3)  ĠU L 347, p. 1

(4)  ĠU 1994 C 241, p. 335