Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

12.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fit-18 ta’ Ġunju 2009 — Kronospan Mielec sp. z o.o. vs Dyrektor Izby Skarbowej w Rzeszowie

(Kawża C-222/09)

2009/C 220/32

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kronospan Mielec sp. z o.o.

Konvenut: Dyrektor Izby Skarbowej w Rzeszowie

Domandi preliminari

a)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), li issa jikkorrispondi għall-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112/KE”), għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ inġiniera pprovduti lil persuna suġġetta għall-VAT li tagħmel ordni li tinkludi l-imsemmija servizzi għal konsumatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, huma ntaxxati fil-post fejn il-konsumatur (li jkun talab is-servizz) ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss,

b)

jew għandu jiġi aċċettat li l-provvista ta’ dawn is-servizzi, bħala servizzi li għandhom bħala suġġett attivitajiet xjentifiċi, huma ntaxxati fil-post fejn dawn ikunu fiżikament imwettqa, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva (li issa sar l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112/KE),

peress li dawn is-servizzi għandhom in-natura ta’ xogħlijiet ta’ studju u ta’ kejl tal-emissjonijiet, bħal dawk previsti fid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent u b’mod partikolari t-twettiq ta’ studju fuq l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) u tal-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet CO2, l-istabbilliment u l-kontroll tad-dokumentazzjoni marbuta max-xogħlijiet iċċitati iktar ’il fuq kif ukoll l-analiżi tas-sorsi ta’ tniġġiż potenzjali, u jitwettqu bil-ħsieb li jiġu akkwistati esperjenzi ġodda u tagħrif teknoloġiku li jippermetti l-manifattura ta’ materjali, prodotti u installazzjonijiet ġodda u li jiġu applikati proċessi teknoloġiċi ġodda fil-proċess ta’ produzzjoni?